Language of document : ECLI:EU:T:2018:909

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

12 ta’ Diċembru 2018 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ revoka – Trade mark kollettiva figurattiva tal-Unjoni Ewropea li tirrappreżenta ċirku b’żewġ vleġeġ – Użu ġenwin tat-trade mark – Revoka parzjali – Dikjarazzjoni ta’ revoka parzjali – Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2017/1001) – Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament 2017/1001) – Regola 22(4) tar-Regolament (KE) Nru 2868/95 (li sar l-Artikolu 10(4) tar-Regolament Delegat (UE) 2018/625) – Preżentazzjoni tat-trade mark fuq ippakkjar – Perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti”

Fil-Kawża T‑253/17,

Der Grüne Punkt Duales System Deutschland GmbH, stabbilita f’Köln (il-Ġermanja), irrappreżentata minn P. Goldenbaum, I. Rohr u N. Ebbecke, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn D. Hanf, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO kienet

Halston Properties, s. r. o., stabbilita fi Bratislava (is-Slovakkja),

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO tal‑20 ta’ Frar 2017 (Każ R 1357/2015‑5), dwar proċedimenti ta’ revoka bejn Halston Properties u Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, J. Schwarcz u C. Iliopoulos (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: R. Ūkelytė, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ April 2017,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Lulju 2017,

wara s-seduta tat‑12 ta’ Ġunju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit‑12 ta’ Ġunju 1996, ir-rikorrenti, Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland GmbH, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark kollettiva tal-Unjoni Ewropea mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal‑20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat (issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat, huwa nnifsu ssostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

2        It-trade mark kollettiva li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni (iktar ’il quddiem it-“trade mark ikkontestata”) hija s-sinjal figurattiv li ġej:

Image not found

3        Il-prodotti u s-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu fil-Klassijiet 1 sa 35, 39, 40 u 42 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        Klassi 1: “Sustanzi kimiċi użati fl-industrija, xjenza u fotografija, kif ukoll fl-agrikoltura, ortikultura u fl-istudju tal-foresti; reżini akriliċi, mhux proċessati, plastiks mhux proċessati; fertilizzanti; kompożizzjonijiet għat-tifi tan-nar; preparazzjonijiet għat-tempra u għall-issaldjar tal-metall; ikel (sustanzi kimiċi għall-ippreservar ta’ affarijiet tal-[ikel]); sustanzi għall-ikkunzar; adeżivi għall-użu fl-industrija”;

–        Klassi 2: “Żebgħa, verniċ, żmalt; preservattivi kontra s-sadid u preparazzjonijiet li ma jħallux l-injam jitħassar; sustanzi li minnhom issir iż-żebgħa; murdenti; reżini naturali mhux maħduma; fojl tal-metall għal bajjada, dekoraturi, stampaturi u artisti”;

–        Klassi 3: “Preparazzjonijiet ta’ bliċ u sustanzi oħra għall-ħasil tal-ħwejjeġ; preparazzjonijiet għat-tindif, għall-illustrar, li jneħħu x-xaħam u għal brix bi frizzjoni; sapun; fwejjaħ, żjut essenzjali, kożmetiċi, lozjonijiet tax-xagħar; dentifriċi”;

–        Klassi 4: “Żjut u grassi industrijali; lubrikanti; kompożizzjonijiet għall-kontroll tat-trab; karburanti (inklużi spirti tal-muturi) u karburanti għad-dawl; xemgħat, ftejjel”;

–        Klassi 5: “Preparazzjonijiet farmaċewtiċi, veterinarji u sanitarji; sustanzi djetetiċi addattati għall-użu mediku, ikel għat-trabi; faxex adeżivi għall-użu mediku, impjastri; materjal għall-mili tas-snien u għal xama’ dentali; diżinfettanti; preparazzjonijiet għall-qerda ta’ annimali noċivi; fungiċidi, erbiċidi”;

–        Klassi 6: “Metalli komuni u l-ligi tagħhom; materjali tal-metall għall-bini; strutturi trasportabbli tal-metall; materjal tal-metall għall-binarji tal-ferroviji; kejbils u wajers mhux tal-elettriku tal-metall komuni; serratura u oġġetti tal-metall; pajpijiet tal-metall; kaxxaforti [tal-metall jew mhux tal-metall]; oġġetti tal-metall inklużi fil-Klassi 6; minerali tal-metall”;

–        Klassi 7: “Magni għall-ipproċessar tal-metall, tal-injam, tal-karti, tat-tessuti, tal-materjal tal-plastik jew ta’ kostruzzjoni; magni u apparati (elettriċi) għad-dar u għall-uffiċċju, inklużi fil-Klassi 7; għodda tal-magni; muturi u magni (minbarra għal vetturi ta’ fuq l-art); komponenti li jigganċjaw il-magni u għat-trasmissjoni (minbarra għal vetturi ta’ fuq l-art); tagħmir agrikolu inkluż f’din il-klassi; inkubaturi għall-bajd”;

–        Klassi 8: “Għodda mħaddma bl-idejn; għodda mħaddma bl-idejn għad-dar u għall-ġnien kif ukoll għat-trattament tal-metall, tal-injam, tal-karti, tat-tessuti, tal-materjal tal-plastik u ta’ kostruzzjoni, inklużi fil-Klassi 8; pożati; armi tal-ġenb, minbarra armi tan-nar; magni tal-leħja”;

–        Klassi 9: “Apparat u strumenti xjentifiċi, nawtiċi, għal stħarriġ, elettriċi, fotografiċi, ċinematografiċi, ottiċi, tal-użin, ta’ kejl, ta’ sinjalar, ta’ monitoraġġ (kontroll), tas-salvataġġ tal-ħajja u għat-tagħlim; apparat u strumenti elettriċi inklużi f’din il-klassi; tagħmir għar-reġistrazzjoni, għat-trasmissjoni, għar-riproduzzjoni tal-ħoss jew l-immaġni; sustanzi [manjetiċi] għar-reġistrar, rekords tal-fonografu; magni ta’ distribuzzjoni, awtomatiċi u vetturi u vetturi għall-ġarr [mekkaniżmi għal apparat bi ħlas minn qabel]; cash registers, kalkulaturi, tagħmir tal-ipproċessar tad-data u kompjuters; apparat tat-tifi tan-nar bil-fowm”;

–        Klassi 10: “Apparat u strumenti kirurġiċi, mediċi, dentali u veterinarji, dirgħajn, għajnejn u snien artifiċjali; oġġetti ortopediċi; materjali għas-sutura”;

–        Klassi 11: “Tagħmir fiss tad-dawl, għat-tisħin tal-arja f’ċertu spazju, li jiġġenera l-fwar, għat-tisjir, ta’ refriġerazzjoni, għat-tnixxif, għal ventilazzjoni, għall-provvista tal-ilma u installazzjonijiet sanitarji”;

–        Klassi 12: “Vetturi; apparat għal-lokomozzjoni fl-art, fl-arja jew fuq l-ilma”;

–        Klassi 13: “Armi tan-nar; munizzjon u projettili; splussivi; pirotekniċi”;

–        Klassi 14: “Metall prezzjuż u l-ligi tagħhom u prodotti ta’ dan il-materjal jew tal-plastik inklużi fil-Klassi 14; ġojjelli, ġojjellerija, ħaġar għall-ġojjelli; strumenti tal-ħin”;

–        Klassi 15: “Strumenti mużikali”;

–        Klassi 16: “Karti, kartunċin u oġġetti magħmula minn dan il-materjal, inklużi fil-Klassi 16; materjal stampat; materjal għall-legatura tal-kotba; ritratti (stampati); kartolerija tal-karta; adeżivi għal skopijiet ta’ kartolerija jew domestiku; materjali tal-artisti; pniezel taż-żebgħa; tajprajters u oġġetti neċessarji għall-uffiċju (apparti l-għamara); materjal istruttiv u għat-tagħlim (minbarra apparat); tgeżwir tal-plastik għall-ippakkjar inkluż fil-Klassi 16; karti tal-logħob; tipa tal-istampar; inċiżjonijiet tal-istampar”;

–        Klassi 17: “Gomma, guttaperka, asbestos, majka u oġġetti ta’ dan il-materjal inklużi fil-Klassi 17; prodotti ta’ sustanzi tal-plastik nofshom maħduma; kompożizzjonijiet għall-istrixxar ta’ kontra l-elementi tat-temp, għall-istukkjar, u bħala iżolatur; pajpijiet flessibbli, mhux tal-metall”;

–        Klassi 18: “Ġilda u imitazzjoni tal-ġilda, prodotti magħmula minn dawn il-materjali inklużi f’din il-klassi; ġlud ta’ annimali; bagolli [bagalji]; umbrelel, umbrelel tax-xemx u bsaten; frosti u oġġetti magħmulin minn sarraġ”;

–        Klassi 19: “Materjali għall-bini (mhux tal-metall); pajpijiet (riġidi) mhux tal-metall [bini]; żift, qatran, bitumin u asfalt; bini, trasportabbli, mhux tal-metall; monumenti, mhux tal-metall”;

–        Klassi 20: “Għamara, mirja (silvered glass), frejms; oġġetti, inklużi fil-Klassi 20, tal-injam, tas-sufra, tal-qasab, tal-qarn, tal-għadam, tal-avorju, ta’ għadmet il-balena, tal-qxur tal-gajdri, tal-ambra, tal-madreperla, tal-meerschaum [minerali abjad, artab] u imitazzjonijiet ta’ dan il-materjal jew magħmula mill-plastik”;

–        Klassi 21: “Apparat inkluż f’din il-klassi u kontenituri għal użu domestiku jew għal użu fil-kċina (minbarra dawk magħmulin minn jew miksijin b’metalli prezzjużi); pettnejiet u sponoż; pniezel; materjali biex tagħmel l-ixkupilji u l-pniezel; oġġetti għat-tindif; barraxa tal-azzar għat-tindif u l-għerik; ħġieġ, mhux maħdum jew nofsu maħdum, minbarra ħġieġ użat fil-bini; oġġetti tal-ħġieġ, oġġetti tal-porċellana u reċipjenti tax-xaqquf inklużi f’din il-klassi”;

–        Klassi 22: “Qdif, ħbula, skarpi u spag, xbieki, tarpolini, qlugħ, basktijiet ta’ kuljum (inklużi f’din il-klassi); mili, mhux tal-lastiku, plastik, karta jew kartun; materjal ta’ tessut fibruż, mhux maħdum”;

–        Klassi 23: “Ħjut (suf) għall-użu tessili”;

–        Klassi 24: “Drappijiet u oġġetti tessili inklużi fil-Klassi 24; kutri tas-sodda u dvalji”;

–        Klassi 25: “Ilbies, xedd is-saqajn, xedd ir-ras”;

–        Klassi 26: “Dekorazzjonijiet tal-bizzilla u rakkmu, żigarelli u kordi; buttuni, ganċijiet u ħoloq, labar tar-ras u labar; fjuri artifiċjali”;

–        Klassi 27: “Twapet, twapet żgħar, linolju u kisi tal-paviment ieħor; affarijiet li jiddendlu mal-ħajt (mhux tat-tessut)”;

–        Klassi 28: “Ġugarelli; tagħmir tal-ġinnastika u sportiv tal-logħob inkluż f’din il-klassi; ornamenti għas-siġar tal-Milied”;

–        Klassi 29: “Laħam, ħut, tjur u laħam tal-kaċċa, mhux ħaj; estratti tal-laħam; frott u ħaxix ippreservat, imnixxef u msajjar; ġeli għall-ikel, ġammijiet, compotes; bajd, ħalib u prodotti tal-ħalib; żjut u xaħmijiet”;

–        Klassi 30: “Kafè, te, kawkaw, zokkor, ross, tapjoka, sagu, kafè artifiċjali; dqiq u ċereali, ħobż, għaġina tal-kejk u ħelu, silġ li jittiekel; għasel; xiropp u għasel iswed; ħmira, trab tal-ħami; melħ, mustarda; ħall, zlazi; ħwawar; silġ għar-rinfreskar”;

–        Klassi 31: “Prodotti agrikoli, ta’ ortikultura, tal-foresterija u żrieragħ, mhux inklużi fi klassijiet oħrajn; annimali ħajjin; frott u ħxejjex frisk; żrieragħ, pjanti u fjuri; ikel u għalf għall-annimali, xgħir”;

–        Klassi 32: “Birer; ilma minerali u effervexxenti u xorb ieħor mingħajr alkoħol; xorb magħmul mill-meraq tal-frott u meraq; likuri u preparazzjonijiet oħrajn biex isiru x-xarbiet”;

–        Klassi 33: “Xorb alkoħoliku (minbarra birra)”;

–        Klassi 34: “Tabakk; oġġetti għall-użu mat-tabakk; sulfarini”;

–        Klassi 35: “Reklamar”;

–        Klassi 39: “Trasport; l-ippakkjar u l-ħażna ta’ oġġetti”;

–        Klassi 40: “Trattament ta’ materjal; riċiklaġġ ta’ materjal tal-imballaġġ”;

–        Klassi 42: “Rimi ta’ skart; ħolqien ta’ programmi tal-kompjuter għall-ipproċessar tad-data”.

4        Ir-regolamenti li jirregolaw l-użu tat-trade mark ikkontestata prodotti mal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jipprevedu, inter alia, fil-punt 6, li t-trade mark ikkontestata ġiet ikkreata “sabiex tippermetti lill-konsumaturi u l-kummerċ jagħrfu l-ippakkjar li jagħmel parti mis-[s]istema [d]oppja u li għalihom ġiet stabbilita kontribuzzjoni għall-finanzjament tas-sistema, kif ukoll il-prodotti ppakkjati b’dan il-mod u sabiex jiġu distinti minn ippakkjar u prodotti oħrajn [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

5        It-trade mark ikkontestata ġiet irreġistrata bħala trade mark kollettiva tal-Unjoni Ewropea fid‑19 ta’ Lulju 1999 bin-numru 298273 għall-prodotti u s-servizzi msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6        Fil‑25 ta’ Settembru 2006 u fis‑17 ta’ Mejju 2016, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata ġiet imġedda.

7        Fit‑2 ta’ Novembru 2012, il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem l-EUIPO, Halston Properties, s. r. o., ippreżentat talba għar-revoka tat-trade mark ikkontestata, abbażi tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament 2017/1001), għar-raġuni li ma kienx sar użu ġenwin ta’ din it-trade mark għall-prodotti li kienet ġiet irreġistrata għalihom. Din it-talba ġiet indirizzata kontra l-prodotti kollha rreġistrati fil-Klassijiet 1 sa 34 imsemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq. Is-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata ma ġewx ikkontestati.

8        Ir-rikorrenti pproduċiet diversi dokumenti li jirrigwardaw l-użu tat-trade mark ikkontestata. Fosthom hemm diversi ftehimiet għall-ħruġ ta’ liċenzji, kif ukoll dokumenti oħrajn li jirregolaw l-użu tat-trade mark ikkontestata fuq ippakkjar.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Mejju 2015, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO laqgħet parzjalment it-talba għal revoka u ddikjarat li d-drittijiet tar-rikorrenti ġew irrevokati sa mit‑2 ta’ Novembru 2012 għal ċerti prodotti (iktar ’il quddiem il-“prodotti kontenzjużi”), jiġifieri l-prodotti kollha tal-Klassijiet 1 sa 34 msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq, minbarra l-prodotti li ġejjin:

–        Klassi 6: “Kontenituri tal-metall inklużi fil-Klassi 6”;

–        Klassi 16: “Materjali għat-tgeżwir magħmula mill-karti, tal-kartun, inklużi fil-Klassi 16; tgeżwir tal-plastik għall-ippakkjar inkluż fil-Klassi 16”;

–        Klassi 17: “Ippakkjar fil-gomma, guttaperka, asbestos, majka, inklużi fil-Klassi 17”;

–        Klassi 18: “Ippakkjar fil-ġilda u imitazzjoni tal-ġilda, inkluż fil-Klassi 18”;

–        Klassi 20: “Ippakkjar fl-injam, fis-sufra, fil-qasab, fil-qarn, fl-għadam u imitazzjonijiet ta’ dan il-materjal jew fil-plastik inkluż fil-Klassi 20”;

–        Klassi 21: “Kontenituri tal-ippakkjar għal użu domestiku jew għal użu fil-kċina (minbarra dawk magħmulin minn jew miksijin b’metalli prezzjużi); ippakkjar f’oġġetti tal-ħġieġ, f’oġġetti tal-porċellana u f’reċipjenti taċ-ċaqquf, inklużi fil-Klassi 21”;

–        Klassi 22: “Prodotti ta’ ppakkjar inklużi fil-Klassi 22”;

–        Klassi 24: “Ippakkjar f’oġġetti tessili, inklużi fil-Klassi 24”.

10      Fit‑8 ta’ Lulju 2015, ir-rikorrenti appellat mal-EUIPO, taħt l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament 2017/1001), mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni sa fejn din iddikjarat li d-drittijiet tagħha ġew irrevokati għall-prodotti kontenzjużi.

11      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Frar 2017 (Każ R 1357/2015‑5 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell. B’mod partikolari, huwa qies li r-rikorrenti ma kinitx ippruvat li hija kienet għamlet użu tat-trade mark ikkontestata konformement mal-funzjoni prinċipali tagħha, jiġifieri, li tiggarantixxi l-identità ta’ oriġini tal-prodotti kontenzjużi. F’dan ir-rigward, huwa rrileva, preliminarjament, li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li t-trade mark ikkontestata kienet trade mark kollettiva li, f’din il-kwalità, kienet is-suġġett ta’ użu xieraq sabiex jiġi żgurat li jinżammu d-drittijiet tiegħu, peress li din kienet użata skont il-funzjoni tagħha ta’ indikazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi tal-membri tal-assoċjazzjoni. Sussegwentement, il-kwistjoni dwar jekk it-trade mark ikkontestata intużatx bħala indikazzjoni tal-oriġini għall-prodotti msemmija mit-trade mark ikkontestata għandha tiġi evalwata skont il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti li, f’dan il-każ, jassoċja t-trade mark ikkontestata “ma’ aġir ekoloġiku tal-impriża” u jipperċepixxi din it-trade mark bħala l-indikazzjoni li l-iskart mill-ippakkjar iddiżinjat bis-sinjal jista’ jinġabar, u sussegwentement jiġi rriċiklat, f’kontenituri jew basktijiet previsti speċjalment għal dan l-għan.

12      Il-Bord tal-Appell osserva li, sa fejn, għall-konsumatur medju tal-Unjoni Ewropea rilevanti, it-tifsira tat-trade mark ikkontestata hija limitata għall-indikazzjoni tagħha tal-fatt li l-iskart mill-ippakkjar iddiżinjat b’dan il-mod jista’ jinġabar u jiġi rriċiklat skont ċerta sistema, it-trade mark ikkontestata, mill-perspettiva ta’ dan il-konsumatur, ma ntużatx sabiex tindika l-oriġini tal-prodotti kontenzjużi. Minkejja li l-ippakkjar u l-prodott jidhru bħala li jikkostitwixxu “unità waħda” fil-bejgħ, il-konsumatur rilevanti jista’ perfettament jiddistingwi bejn trade mark li tindika l-oriġini kummerċjali tal-prodott u trade mark li turi r-riċiklar tal-iskart mill-ippakkjar vojt u użat wara li l-konsumatur ikun neħħa l-ippakkjar, uża jew ikkonsma l-prodott innifsu. Peress li prodott li fuq l-ippakkjar tiegħu hemm viżibbli t-trade mark ikkontestata bl-ebda mod ma jista’ jiġi distint minn prodott identiku li l-ippakkjar tiegħu ma jirriproduċix din it-trade mark, it-trade mark ikkontestata ma tindikax, konsegwentement, ċerta kwalità tal-prodotti.

13      Barra minn hekk, skont il-Bord tal-Appell, ir-rikorrenti ma rnexxilhiex tipprova li l-użu tat-trade mark ikkontestata kellu l-għan li jinħoloq jew li jinżamm suq għall-prodotti kontenzjużi. Id-dokumenti prodotti kollha jirrigwardaw l-użu tat-trade mark ikkontestata fir-rigward tal-ippakkjar għall-bejgħ.

 It-talbiet tal-partijiet

14      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

15      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

16      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2017/1001), moqri flimkien mal-Artikolu 66 tal-istess regolament (li sar l-Artikolu 74 tar-Regolament 2017/1001).

17      Ir-rikorrenti targumenta, essenzjalment, li d-dokumenti li hija pproduċiet jippruvaw mhux biss użu kummerċjali tat-trade mark ikkontestata għall-ippakkjar ta’ prodotti, iżda wkoll għall-prodotti kontenzjużi ppakkjati.

18      Fl-ewwel lok, skont l-istess rikorrenti, l-EUIPO naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-provi tal-użu ma jirrigwardawx biss ippakkjar mibjugħ separatament, iżda wkoll ippakkjar għall-bejgħ, jiġifieri ppakkjar li huwa propost billi jagħmel unità mal-prodott fil-bejgħ. Din hija sitwazzjoni ta’ mmarkar multiplu tal-prodott fuq l-ippakkjar tiegħu, ipprattikata b’mod komuni u li l-pubbliku huwa mdorri biha.

19      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tqis li, bħalma jirriżulta mir-Regola 22(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat‑13 ta’ Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 10(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/625 tal‑5 ta’ Marzu 2018 li jissupplimenta r-Regolament 2017/1001 u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) 2017/1430 (ĠU 2018, L 104, p. 1)), ir-rappreżentazzjoni tat-trade mark ikkontestata fuq ippakkjar relatat mal-prodotti kontenzjużi hija prova diretta tal-fatt li t-trade mark ikkontestata kienet is-suġġett ta’ użu xieraq sabiex jiġi żgurat li jinżammu d-drittijiet. Bħala regola ġenerali, il-pubbliku jattribwixxi sinjal imwaħħal fuq l-ippakkjar għall-prodott, u mhux għall-ippakkjar tiegħu.

20      Fit-tielet lok, skont ir-rikorrenti, il-pubbliku jifhem it-trade mark ikkontestata mhux fis-sens li l-ippakkjar inkwistjoni għandu ċerta kwalità materjali, jew li ġej minn fornitur ta’ ppakkjar iddeterminat, iżda pjuttost, konformement mal-punt 6 tar-regolamenti li jirregolaw l-użu tat-trade mark ikkontestata u konformement mal-funzjoni partikolari tat-trade mark kollettiva, fis-sens li l-ippakkjar ikun jagħmel parti minn sistema ta’ ġestjoni xierqa ta’ skart, u fl-istess ħin, li l-produttur tal-prodotti kontenzjużi jagħmel parti mis-sistema ta’ qbil tal-liċenzja tar-rikorrenti. Dan japplika iktar u iktar meta l-utenti tat-trade mark ikkontestata ma jkunux fornituri ta’ ppakkjar, iżda bejjiegħa jew produtturi ta’ prodotti ppakkjati.

21      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tallega li t-trade mark ikkontestata tindika wkoll ċerti kwalitajiet immaterjali tal-prodotti kontenzjużi. Fil-fatt, hija tenfasizza li l-prodotti kontenzjużi ġejjin minn impriża li investiet finanzjarjament sabiex l-ippakkjar jiġi eliminat fis-sens tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008, L 312, p. 3) u li l-ispejjeż inkorsi għal dan l-għan jippermettu li jiġi żgurat riċiklaġġ aħjar tal-ippakkjar użat, li jiġu evitati l-ispejjeż ta’ ppakkjar inutli, li tiġi ffaċilitata t-tneħħija pubblika tal-iskart u, fl-aħħar nett, li jiġi protett l-ambjent kemm jista’ jkun. L-idea li twassal it-trade mark ikkontestata u li titqies mill-pubbliku rilevanti hija marbuta ma’ karatteristika preċiża, jiġifieri aġir tal-impriża. F’dan is-sens, it-trade mark ikkontestata turi kwalità immaterjali tal-prodotti kontenzjużi. Il-konsumatur ma jiddeċidix għall-ippakkjar bħala tali, iżda għal prodott preċiż f’ippakkjar għaliex dan il-prodott jiġi minn impriża li investiet finanzjarjament għall-ippakkjar tal-prodott inkwistjoni sabiex dan l-ippakkjar u l-ippakkjar ta’ dan it-tip jitneħħew fis-sens tad-Direttiva 2008/98.

22      L-EUIPO jikkontesta dawn l-argumenti.

23      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009, “[j]ekk, fi żmien ħames snin wara r-reġistrazzjoni, il-proprjetarju ma jkunx għamel użu ġenwin mit- trademark tal-UE fl-Unjoni f’konnessjoni mal-prodotti jew mas-servizzi li għalihom tkun reġistrata, jew jekk dan l-użu jkun ġie sospiż għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin, it- trademark tal-UE għandha tkun soġġetta għas-sanzjonijiet li jipprovdi dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet xierqa għal dan in-nuqqas ta’ użu”.

24      Skont l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, id-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu ddikjarati bħala revokati, fuq talba ppreżentata quddiem l-EUIPO jew fuq kontrotalba fi proċedimenti ta’ ksur tal-proprjetà intellettwali, jekk, għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin, ma jkunx sar użu ġenwin tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea fl-Unjoni għall-prodotti jew għas-servizzi li għalihom hija tkun irreġistrata u jekk ma jkunx hemm raġunijiet siewja għal dan in-nuqqas ta’ użu. L-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 207/2009 jappplika wkoll għat-trade mark kollettivi tal-Unjoni Ewropea, konformement mal-Artikolu 66(3) tar-Regolament Nru 207/2009.

25      Skont ir-Regola 22(3) u (4) tar-Regolament Nru 2868/95 (li sar l-Artikolu 10(3) u (4) tar-Regolament Delegat 2018/625), applikabbli għall-proċeduri ta’ revoka skont ir-Regola 40(5) tal-istess regolament (li sar l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Delegat 2018/625), il-prova tal-użu għandha tistabbilixxi l-post, il-ħin, il-firxa u x-xorta tal-użu tat-trademark u għandha tkun limitata, bħala prinċipju, għall-preżentazzjoni ta’ dokumenti u oġġetti ta’ sostenn, bħal pakketti, tikketti, listi ta’ prezzijiet, katalgi, fatturi, ritratti, reklami fil-gazzetti, u stqarrijiet bil-miktub kif imsemmi fl-Artikolu 78(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 97(1)(f) tar-Regolament 2017/1001).

26      Bħalma jirriżulta mill-ġurisprudenza, isir użu ġenwin ta’ trade mark meta din tintuża, konformement mal-funzjoni essenzjali tagħha li hija li tiġi ggarantita l-identità tal-oriġini tal-prodotti u tas-servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata, sabiex toħloq jew iżżomm suq tal-bejgħ għal dawn il-prodotti u servizzi, bl-esklużjoni ta’ użu ta’ natura simbolika li l-uniku skop tiegħu huwa ż-żamma tad-drittijiet mogħtija mit-trade mark (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2003, Ansul, C‑40/01, EU:C:2003:145, punt 43). F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li, bl-istess mod, il-funzjoni essenzjali ta’ trade mark kollettiva tal-Unjoni Ewropea hija li tiddistingwi l-prodotti jew is-servizzi tal-membri tal-assoċjazzjoni li hija l-proprjetarja tagħhom minn dawk ta’ impriżi oħrajn (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, The Tea Board vs EUIPO, C‑673/15 P sa C‑676/15 P, EU:C:2017:702, punt 63).

27      L-evalwazzjoni tan-natura ġenwina tal-użu tat-trade mark għandha tkun ibbażata fuq il-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha xierqa sabiex jiġi stabbilit jekk l-użu kummerċjali tagħha huwiex reali, b’mod partikolari l-użu kkunsidrat bħala ġġustifikat fis-settur ekonomiku kkonċernat sabiex jinżammu jew jinħolqu ishma fis-suq favur prodotti jew servizzi protetti mit-trade mark, in-natura ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi, il-karatteristiċi tas-suq, il-firxa u l-frekwenza tal-użu tat-trade mark (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2008, Boston Scientific vs UASI – Terumo (CAPIO), T‑325/06, mhux ippubblikata, EU:T:2008:338, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Barra minn hekk, l-użu ġenwin ta’ trade mark ma jistax jiġi ppruvat permezz ta’ probabbiltajiet jew preżunzjonijiet, iżda għandu jkun ibbażat fuq provi konkreti u oġġettivi ta’ użu effettiv u suffiċjenti tat-trade mark fis-suq ikkonċernat (ara s-sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2009, Cohausz vs UASI – Izquierdo Faces (acopat), T‑409/07, mhux ippubblikata, EU:T:2009:354, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għandha ssir evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni tal-fatturi rilevanti kollha tal-każ u li timplika ċerta interdipendenza tal-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2011, Advance Magazine Publishers vs UASI – Capela & Irmãos (VOGUE), T‑382/08, mhux ippubblikata, EU:T:2011:9, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Bl-istess mod, jekk trade mark ġiet irreġistrata għal kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi suffiċjentement wiesgħa sabiex fi ħdanha jkun possibbli li jiġu identifikati diversi sottokategoriji li jistgħu jiġu kkunsidrati b’mod awtonomu, il-prova tal-użu ġenwin tat-trade mark għal parti minn dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi twassal għall-protezzjoni biss ta’ dik jew ta’ dawk is-sottokategoriji li għalihom jappartjenu l-prodotti jew servizzi li għalihom it-trade mark ġiet effettivament użata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 2005, Reckitt Benckiser (España) vs UASI – Aladin (ALADIN), T‑126/03, EU:T:2005:288, punt 45, u tat‑13 ta’ Frar 2007, Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR), T‑256/04, EU:T:2007:46, punt 23).

30      Huwa fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti li għandu jiġi evalwat il-motiv preżenti.

31      Preliminarjament, għandu qabel xejn jiġi speċifikat li, peress li l-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem l-EUIPO ppreżentat l-applikazzjoni għal revoka tagħha mal-EUIPO fit‑2 ta’ Novembru 2012, il-perijodu ta’ ħames snin imsemmi fl-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 jestendi mit‑2 ta’ Novembru 2007 sal‑1 ta’ Novembru 2012 (iktar ’il quddiem il-“perijodu rilevanti”).

32      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-għan tar-rikors huwa limitat sempliċement għall-kwistjoni dwar jekk l-użu xieraq sabiex jiżgura ż-żamma tad-drittijiet tat-trade mark ikkontestata ġiex ippruvat għall-prodotti kontenzjużi. Ma huwiex ikkonċernat l-ippakkjar tal-Klassijiet 6, 16 sa 18, 20 sa 22 u 24 li għalihom ma ġewx irrevokati d-drittijiet tar-rikorrenti.

33      Bħalma kkonstatat ġustament ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell ma ddubitax il-fatt li t-trade mark ikkontestata kienet is-suġġett ta’ użu ġenwin bħala trade mark kollettiva f’diversi Stati Membru tal-Unjoni fuq kull tip ta’ ppakkjar ta’ prodotti. Fid-dawl tal-fatt li, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 29 iktar ’il fuq, il-prova tal-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata għal parti minn dawn il-prodotti twassal għall-protezzjoni biss ta’ dik jew ta’ dawk is-sottokategoriji li għalihom jappartjenu l-prodotti li għalihom it-trade mark tal-Unjoni Ewropea ġiet effettivament użata, huwa qajjem il-kwistjoni, konsegwentement, dwar jekk, bħalma tippretendi r-rikorrenti, il-prova tal-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata fuq l-ippakkjar tirrigwardax ukoll il-prova ta’ użu ġenwin għall-prodotti ppakkjati nfishom.

34      F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-użu xieraq sabiex jiżgura ż-żamma tad-drittijiet jista’ jiġi ppruvat ukoll mill-preżentazzjoni tal-ippakkjar, konformement mar-Regola 22(4) tar-Regolament Nru 2868/95. Huwa kkonstata madankollu, ġustament, li dan ma jeżentax lir-rikorrenti mill-obbligu tagħha li tipprova li l-użu tat-trade mark ikkontestata fuq l-ippakkjar huwa effettivament mifhum mill-pubbliku rilevanti bħala li jikkostitwixxi użu bħala trade mark għall-prodotti kontenzjużi.

35      Fil-fatt, sabiex l-użu ta’ trade mark ikun ikklassifikat bħala ġenwin, dan għandu jkun użu skont il-funzjoni essenzjali tat-trade mark, li hija li tiggarantixxi l-identità tal-oriġini ta’ prodott jew ta’ servizz lill-konsumatur jew lill-utent finali, billi tippermettilu jiddistingwi, mingħajr il-possibbiltà ta’ konfużjoni, dan il-prodott jew dan is-servizz minn oħrajn li għandhom oriġini oħra (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2003, Ansul, C‑40/01, EU:C:2003:145, punti 36 u 43). Konsegwentement, l-evalwazzjoni tan-natura ġenwina tal-użu tat-trade mark għandha tkun ibbażata fuq il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti.

36      F’dan il-każ, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-Bord tal-Appell qies ġustament li l-prodotti kontenzjużi kienu indirizzati prinċipalment lejn il-pubbliku ġenerali, bħal pereżempju l-konsumaturi ta’ prodotti tal-ħasil u ta’ prodotti kożmetiċi, ta’ mediċini, ta’ għodod u ta’ apparat domestiku, ta’ apparat tal-elettriku, ta’ ħwejjeġ, ta’ ikel, ta’ stimulanti u ta’ xorb, ta’ biċċiet tal-għamara, u li l-pubbliku speċjalizzat kien parzjalment fil-mira wkoll, bħal pereżempju l-ispeċjalisti fil-qasam tal-agrikoltura, tal-kummerċ u tal-industrija. It-tieni nett, il-Bord tal-Appell ikkonstata ġustament li kellu jiġi preżunt li l-pubbliku fil-mira kien ser ikollu livell ta’ attenzjoni normali għal għoli fil-konfront tal-prodotti kontenzjużi li jinkludu, minn naħa, prodotti ta’ konsum u oġġetti ta’ utilità użati ta’ kuljum, iżda wkoll, min-naħa l-oħra, prodotti li l-akkwist tagħhom huwa assoċjat ma’ spejjeż kbar, jew li jista’ jkollhom konsegwenzi ekonomiċi, ekoloġiċi jew sanitarji kunsiderevoli, bħall-prodotti kimiċi, iż-żjut industrijali, il-lubrikanti, il-preservanti kontra d-deterjorazzjoni tal-injam, id-diżinfettanti, il-mediċini, l-għodod bil-magni, il-prodotti mediċinali u l-vetturi. Barra minn hekk, hemm lok jiġi rrilevat li d-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti mill-Bord tal-Appell, kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet dwar il-livell ta’ attenzjoni tiegħu ma humiex, fi kwalunkwe każ, ikkontestati mill-partijiet.

37      Fid-dawl tal-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, il-Bord tal-Appell wasal, ġustament, għall-konklużjoni li r-rikorrenti ma ppruvatx li hija għamlet użu tat-trade mark ikkontestata konformement mal-funzjoni prinċipali tagħha li tikkonsisti f’li tiggarantixxi l-identità ta’ oriġini tal-prodotti kontenzjużi.

38      B’mod partikolari, il-Bord tal-Appell ġustament qies, billi għamel riferiment f’dan ir-rigward għall-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2007, Duales System Deutschland vs Il‑Kummissjoni (T‑151/01, EU:T:2007:154, punt 159), li l-pubbliku rilevanti kien jidentifika t-trade mark ikkontestata mwaħħla fuq l-ippakkjar bħala li hija l-indikazzjoni li dan seta’ jinġabar u jiġi rriċiklat skont ċerta sistema. Fil-fatt, bħalma jargumenta ġustament il-Bord tal-Appell, huwa fatt magħruf u, barra minn hekk, ippruvat mid-dokumenti prodotti mir-rikorrenti, li l-pubbliku rilevanti huwa mdorri bit-trade mark ikkontestata u ilu jagħraf għal diversi snin is-sistemi ta’ riċiklaġġ tal-iskart mill-ippakkjar. Skont il-konstatazzjonijiet tal-Bord tal-Appell, li jagħmel riferiment f’dan ir-rigward għal studju ta’ istitut ta’ stħarriġ Ġermaniż prodott mir-rikorrenti, 98 % tal-popolazzjoni mistħarrġa fl‑2003 fil-Ġermanja kienet tagħraf it-trade mark ikkontestata u 78 % tal-popolazzjoni Ġermaniża kienet tikklassifika, f’din l-istess sena, it-trade mark ikkontestata bħala “sinjal imwaħħal fuq ippakkjar sabiex jindika lill-konsumatur li dan l-ippakkjar jintrema separatament mill-iskart residwu fil-kontenituri tal-ġbir tas-sistema doppja” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skont l-istess konstatazzjonijiet tal-Bord tal-Appell, li jagħmel riferiment f’dan ir-rigward għal rapport annwali tal-intrapriża Franċiża Eco-Emballages, simili għal dak tar-rikorrenti, it-trade mark ikkontestata kienet, fl‑2010, irriprodotta fuq 95 % tal-ippakkjar fi Franza u magħrufa minn 75 % tal-popolazzjoni Franċiża, li 99,2 % minnhom setgħu jisseparaw l-iskart mill-ippakkjar tagħhom.

39      Ir-rikorrenti ma timminax il-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell li tipprovdi li l-pubbliku rilevanti jifhem it-trade mark ikkontestata fis-sens li l-ippakkjar jagħmel parti minn sistema ta’ ġestjoni xierqa ta’ skart. Min-naħa l-oħra, hija targumenta, li minbarra dan l-għarfien, dan il-pubbliku jifhem it-trade mark fis-sens li l-produttur tal-prodotti kontenzjużi jagħmel parti mis-sistema ta’ ftehim ta’ liċenzjar tar-rikorrenti. It-trade mark ikkontestata tagħti, konsegwentement, kwalità immaterjali lill-prodotti kontenzjużi, jiġifieri l-aġir ekoloġiku tal-impriża, li tipproduċi jew tiddistribwixxi l-prodotti kontenzjużi. Il-pubbliku jattribwixxi għall-prodott, u mhux għall-ippakkjar tiegħu, it-trade mark ikkontestata mwaħħla fuq l-ippakkjar.

40      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat qabel xejn li l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti jirriżultaw li huma parzjalment kontradittorji sa fejn din targumenta, minn naħa, li l-pubbliku rilevanti jifhem it-trade mark ikkontestata bħala l-indikazzjoni li l-ippakkjar tal-bejgħ – bħala parti integrali mill-unità ta’ bejgħ magħmula mal-prodott – tagħmel parti minn sistema ta’ ġestjoni xierqa ta’ skart u, min-naħa l-oħra, li l-pubbliku rilevanti jattribwixxi t-trade mark ikkontestata mwaħħla fuq l-ippakkjar għall-prodott, u mhux għall-ippakkjar tiegħu.

41      Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti huma nieqsa minn rilevanza. Ċertament, huwa minnu li t-trade mark ikkontestata, konformement mal-funzjoni tagħha bħala trade mark kollettiva, tagħmel riferiment għall-fatt li l-produttur jew id-distributur tal-prodotti kontenzjużi jagħmel parti mis-sistema ta’ ftehim ta’ liċenzjar tar-rikorrenti u juri, konsegwentement, ċertu aġir ekoloġiku ta’ din l-impriża. Xorta jibqa’ l-fatt li, bħalma qies korrettement il-Bord tal-Appell, il-pubbliku rilevanti jista’ perfettament jiddistingwi bejn trade mark li tindika l-oriġini kummerċjali tal-prodott u trade mark li turi r-riċiklaġġ tal-iskart mill-ippakkjar vojt u użat wara li l-konsumatur ikun neħħa l-ippakkjar, uża jew ikkonsma l-prodott innifsu, anki jekk l-ippakkjar u l-prodott jidhru bħala li jikkostitwixxu “unità waħda” matul il-bejgħ. Barra minn hekk mill-provi prodotti mir-rikorrenti jirriżulta li l-prodotti nfishom huma regolarment identifikati permezz ta’ trade marks li jappartjenu għal kumpanniji differenti.

42      Minn dan isegwi li l-użu tat-trade mark ikkontestata bħala trade mark kollettiva li tidentifika l-prodotti tal-membri tal-assoċjazzjoni billi tiddistingwihom mill-prodotti li ġejjin minn impriżi li ma jagħmlux parti minn din l-assoċjazzjoni ser jitqies mill-pubbliku rilevanti bħala użu li jirrigwarda l-ippakkjar. Il-kwalità immaterjali mitluba mir-rikorrenti u attribwita lit-trade mark ikkontestata, jiġifieri l-aġir ekoloġiku tal-impriża minħabba l-affiljazzjoni tagħha mas-sistema ta’ ftehim ta’ liċenzjar tar-rikorrenti, ser tiġi attribwita mill-pubbliku rilevanti għall-possibbiltà tat-trattament ekoloġiku tal-ippakkjar u mhux għal tali trattament tal-prodott ippakkjat innifsu, li jista’ jirriżulta li huwa inadattat għal trattament ekoloġiku bħall-armi tan-nar li jaqgħu taħt il-Klassi 13.

43      Fl-aħħar nett, tali evalwazzjoni hija kkonfermata wkoll mill-qari tal-punt 6 tar-regolamenti li jirregolaw l-użu tat-trade mark ikkontestata, skont liema t-trade mark ikkontestata hija kkreata “sabiex tippermetti lill-konsumaturi u l-kummerċ jagħrfu l-ippakkjar li jagħmel parti mis-[s]istema [d]oppja u li għalihom ġiet stabbilita kontribuzzjoni għall-finanzjament tas-sistema, kif ukoll il-prodotti ppakkjati b’dan il-mod u sabiex jiġu distinti minn ippakkjar u prodotti oħrajn” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Konsegwentement, il-mod kif il-pubbliku rilevanti jifhem it-trade mark ikkontestata ma jirrigwardax il-kwalità immaterjali tal-prodotti kontenzjużi, iżda kwalità immaterjali tal-ippakkjar ta’ dawn il-prodotti li jagħmlu parti mis-sistema doppja amministrata mir-rikorrenti.

44      Huwa għaldaqstant ġustament li l-Bord tal-Appell ikkonstata, fil-punti 33, 35 u 37 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti, barra minn hekk, ma rnexxilhiex tipprova li l-użu tat-trade mark ikkontestata kellu l-għan li jinħoloq jew li jinżamm suq fil-konfront tal-operaturi ekonomiċi l-oħrajn, għall-inqas f’dak li jirrigwarda l-prodotti kontenzjużi. Peress li t-trade mark hija magħrufa mill-konsumatur sempliċement bħala l-indikazzjoni li l-iskart mill-ippakkjar indikat b’dan il-mod jista’ jitneħħa grazzi għall-faċilitajiet ta’ ġbir ta’ prossimità, it-twaħħil tat-trade mark ikkontestata fuq l-ippakkjar jesprimi sempliċement il-fatt li, l-impriża, kif ukoll l-operaturi ekonomiċi l-oħrajn kollha, jaġixxu konformement mar-rekwiżit sottoskritt mid-Direttiva 2008/98, li jipprovdi li l-obbligu ta’ riċiklaġġ tal-iskart mill-ippakkjar huwa impost fuq l-impriżi kollha.

45      Kuntrarjament għal dak li targumenta r-rikorrenti, fil-każ, improbabbli, li, peress li l-offerti tal-kompetituri jkunu identiċi, il-konsumatur jiddeċiedi abbażi tal-kwalità biss tal-ippakkjar għal prodott ippakkjat, it-trade mark ikkontestata la toħloq u lanqas iżżomm suq fil-konfront tal-operaturi ekonomiċi l-oħrajn f’dak li jirrigwarda l-prodotti kontenzjużi, iżda biss f’dak li jirrigwarda l-ippakkjar.

46      Minn dan kollu preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma ppruvatx, għall-perijodu rilevanti, l-użu ġenwin xieraq sabiex jiżgura ż-żamma tad-drittijiet tat-trade mark ikkontestata għall-prodotti kontenzjużi u li, konsegwentement, il-motiv uniku għandu jitqies bħala infondat u, sussegwentement, miċħud.

47      Ir-rikors għandu għaldaqstant jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

48      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti mill-EUIPO, skont it-talbiet ta’ dan tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland GmbH hija kkundannata għall-ispejjeż.

Kanninen

Schwarcz

Iliopoulos

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Diċembru 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.