Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Jannar 2014 – Bredenkamp et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni

(Kawża T-66/14)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: John Arnold Bredenkamp (Ħarare, Żimbabwe); Echo Delta (Holdings) PCC Ltd (Castletown, il-Gżira ta’ Man); Scottlee Holdings (Private) Ltd (Ħarare); u Fodya (Private) Ltd (Ħarare) (rappreżentanti: P. Moser, QC (Queen’s Counsel) u G. Martin, Solicitor)

Konvenuti: Il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tadotta miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li tordna lill-konvenuti sabiex jipproduċu l-informazzjoni jew il-provi kollha, li jistgħu jkunu fil-pussess ta’ dawk l-istituzzjonijiet li jikkonċernaw l-inklużjoni tal-konvenuti fil-lista;

tikkundanna lill-Kunsill u/jew lill-Kummissjoni tħallas lir-rikorrenti kumpens għad-danni mhux materjali u materjali subiti minħabba sanzjonijiet illegali mill-UE imposti fuq ir-rikorrenti billi żiedet (imbagħad żammet sal-2012) l-ismijiet tar-rikorrenti fl-Anness tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 314/2004, rispettivament: mill-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2009/68/PESK u mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 77/2009; mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/92/PESK u mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 173/2010, u mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/101/PESK u mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 174/2011;

tikkundanna lill-konvenuti għall-ħlas lir-rikorrenti tal-interessi komposti bir-rata ta’ Euribor + 2 % (jew kwalunkwe rata ta’ interessi li tista’ tiġi ordnata) mid-data tas-sentenza;

tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.

L-ewwel motiv, li jallega li l-atti inkwistjoni ma kellhomx bażi legali xierqa, li tkun promulgata biss abbażi tal-Artikoli 60 u 301 KE, li jirrigwardaw esklużivament dispożizzjonijiet fir-rigward ta’ pajjiżi terzi, mhux individwi u kumpanniji.

It-tieni motiv, jallega li l-atti inkwistjoni juru żbalji manifesti ta’ fatt billi naqsu milli juru rbit b’saħħtu mal-Gvern taż-Żimbabwe jew appoġġ finanzjarju jew mod ieħor lir-reġim, biex b’hekk naqsu milli jissodisfaw l-oneru tal-prova tal-konvenuti li rriżultat fi proċess deċiżjonali illegali.

It-tielet motiv, jallega li l-atti inkwistjoni kisru rekwiżiti proċedurali essenzjali billi naqsu milli jagħtu raġunijiet suffiċjenti, u naqsu li jagħtu lir-rikorrenti l-opportunità li jinstemgħu jew li jagħmlu sottomissjonijiet sabiex jiskaġunaw ruħhom.

Ir-raba’ motiv, jallega li l-atti inkwistjoni kisru l-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-UE kif stabbiliti wkoll fl-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittjiet tal-Bniedem (KEDB), billi b’mod illegali rrestrinġew id-drittijiet għall-proprjetà individwali tar-rikorrenti.