Language of document :

Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Frar 2014 – Viraj Profiles vs Il-Kunsill

(Kawża T-67/14)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Viraj Profiles Ltd (Maharashtra, l-Indja) (rappreżentanti: V. Akritidis u Y. Melin, avukati)

Konvenuta: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

l-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1106/2013 (ĠU L 298, p. 1) tal-5 ta’ Novembru 2013, li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti wajers tal-azzar inossidabbli li joriġinaw mill-Indja, sa fejn jikkonċerna lil Viraj Profiles Limited;

tikkundanna lill-Kunsill, u lil kull intervenjenti awtorizzat li jsostni l-pożizzjoni tal-Kunsill fil-kawża, għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-kalkolu tal-ispiża ta’ produzzjoni fir-Regolament ikkontestat ġie aġġustat b’mod li huwa manifestament żbaljat, bi ksur tal-Artikolu 2(1), (3), (4), (5), (6), (11) u (12) tar-Regolament Bażiku. L-istituzzjonijiet tal-UE applikaw aġġustament ’il fuq taħt metodu li meta segwit iwassal għal aġġustament iktar baxx minn dak żvelat mill-Kummissjoni. L-aġġustament jinkludi wkoll elementi li ma għandhomx jiġu inklużi fl-ispiża ta’ produzzjoni tar-rikorrenti. Il-marġni ta’ dumping ikkalkolat fuq il-bażi ta’ dan il-metodu żbaljat jikser l-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament Bażiku.

It-tieni motiv jallega li l-konstatazzjoni li d-dannu subit mill-industrija tal-Unjoni huwa kkawżat mill-importazzjonijiet Indjani hija manifestament żbaljata, inkwantu ma tikkunsidrax l-impatt tal-importazzjonijiet Ċiniżi, li kienu l-ikbar sors ta’ dannu fil-perijodu kkunsidrat u kisret ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet Indjani u d-dannu, u l-istituzzjonijiet tal-UE ma wettqux analiżi bbażata fuq in-nuqqas ta’ attribuzzjoni, bi ksur tal-Artikolu 3(6) u (7) tar-Regolament Bażiku.

It-tielet motiv jallega li l-Kummissjoni naqset milli teżamina l-preċiżjoni u l-adegwatezza tal-prova kawżali prodotta fl-ilment li jiġġustifika l-bidu tal-investigazzjoni u dan bi ksur tal-Artikoli 5(2), (3), (7) u 9(5) tar-Regolament Bażiku.