Language of document : ECLI:EU:F:2009:53

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

4 ta’ Ġunju 2009

Kawża F-11/08

Jörg Mölling

vs

L-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol)

“Servizz pubbliku – Persunal tal-Europol – Reklutaġġ – Proċedura ta’ selezzjoni – Kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ – Espert nazzjonali kkollokat – Artikolu 6 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol – Artikolu 2(4) tad-deċiżjoni tad-Direttur tal-Europol tat-8 ta’ Diċembru 2006”

Suġġett: Rikors ippreżentat taħt l-Artikolu 40(3) tal-Konvenzjoni bbażata fuq l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Konvenzjoni Europol) u taħt l-Artikolu 93(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol, li permezz tiegħu J. Mölling jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Europol, tal-10 ta’ Ottubru 2007, li tirrifjuta l-parteċipazzjoni tiegħu fil-proċedura ta’ selezzjoni organizzata sabiex timtela’, fi ħdan l-Europol, pożizzjoni ta’ amministratur prinċipali (“first officer”) fid-Diviżjoni “Drogi”.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol), tal-10 ta’ Ottubru 2007, li tiċħad il-parteċipazzjoni ta’ J. Mölling fil-proċedura ta’ selezzjoni organizzata sabiex timtela’ pożizzjoni ta’ amministratur prinċipali (“first officer”) fid-Diviżjoni “Drogi” tal-Europol, hija annullata. L-Europol huwa kkundannat għall-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Europol – Reklutaġġ – Deċiżjoni tad-Direttur tal-Europol dwar ir-Regolamenti tal-Persunal – Espressjoni “kull impjieg mal-Europol”

(Regolamenti tal-Persunal tal-Europol, Appendiċi 1)

2.      Dritt Komunitarju – Interpretazzjoni – Metodi – Interpretazzjoni litterali u loġika

1.      Mill-interpretazzjoni testwali tal-Artikolu 2.4 tad-deċiżjoni tad-Direttur tal-Europol, tat-8 ta’ Diċembru 2006, dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu 6 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol jirriżulta li l-espressjoni “kull impjieg mal-Europol” inkluża għandha tiġi interpretata, fis-sens tad-definizzjoni li tidher fl-Artikolu 1.1 tal-istess deċiżjoni, bħala kull impjieg li jaqa’ fil-lista tal-Appendiċi 1 tar-Regolamenti tal-Persunal, filwaqt li l-interpretazzjoni testwali tal-verżjoni Ingliża tal-imsemmi Artikolu 2.4 ma tippermettix li l-espressjoni “Europol post”, użata fl-Artikolu 2.4 tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006, tingħata kontenut differenti minn dik tal-espressjoni “Europol Post” iddefinita fl-Artikolu 1.1 tal-imsemmija deċiżjoni.

Peress li l-impjieg ta’ espert ikkollokat mal-Europol ma jirriżultax fil-lista tal-Appendiċi 1 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol, uffiċjal li jokkupa tali impjieg ikun “waqaf minn kull impjieg mal-Europol” fis-sens tal-Artikolu 2.4 tad-deċiżjoni hawn fuq imsemmija.

(ara l-punti 57 sa 59)

2.      Fin-nuqqas ta’ xogħlijiet preparatorji li juru biċ-ċar l-intenzjoni tal-awturi ta’ dispożizzjoni, wieħed għandu jibbaża ruħu biss fuq il-portata tat-test, kif stabbilit, u għandu jagħtih is-sens li joħroġ mill-interpretazzjoni litterali u loġika tiegħu. Għalhekk, l-interpretazzjoni li toħroġ mill-kliem stess ta’ test ma tistax tiġi ssostitwita b’interpretazzjoni bbażata fuq kunsiderazzjonijiet ta’ fatt dedotti minn każ partikolari.

(ara l-punt 69)

Referenzi:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 1 ta’ Ġunju 1961, Simon vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, 15/60, Ġabra p. 223, 244

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 14 ta’ Diċembru 2006, André vs Il‑Kummissjoni, F‑10/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑183 u II‑A‑1‑755, punt 44