Language of document : ECLI:EU:C:2006:559

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

STIX-HACKL

ippreżentati fl-14 ta’ Settembru 2006 1(1)

Kawża C-507/03

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

L-Irlanda

“Kuntratti pubbliċi – Artikoli 43 KE u 49 KE – Direttiva 92/50/KEE – Servizzi mhux ta’ prijorità – Għoti ta’ kuntratt lil An Post mingħajr avviż ta’ kuntratt (reklamar) – Trasparenza – Ugwaljanza – Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu”





I –    Kummenti introduttorji

1.        Din l-azzjoni rigward in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, bħal azzjoni oħra mressqa b’mod parallel(2), tirrigwarda l-kwistjoni dwar liema rekwiżiti jistgħu jkunu dedotti mil-liġi primarja fir-rigward tat-trasparenza ta’ proċeduri ta’ assenjazzjoni. B’mod partikolari, il-każ in kwistjoni jikkonċerna l-obbligi li joħorġu mill-libertajiet fundamentali u l-prinċipji ġenerali tal-liġi għal servizzi “mhux ta’ prijorità”, fi kliem ieħor għal servizzi li fir-rigward tagħhom id-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku(3), mibdula sadanittant mill-“pakkett leġiżlattiv”, tistabbilixxi ġabra speċjali ta’ regoli inqas stretti.

2.        Barra minn hekk, il-każ in kwistjoni jikkonċerna l-interpretazzjoni u żvilupp addizzjonali tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizza f’Telaustria(4) u Coname (5).

II – Il-kuntest ġuridiku

3.        Il-premessa 21 fil-preambolu tad-Direttiva 92/50 tiddikjara:

“[...] applikazzjoni kompleta ta’ din id-Direttiva għandha tkun limitata, għal perjodu transitorju, għal kuntratti għal dawk is-servizzi meta d-dispożizzjonijiet tagħha jippermettu l-potenzjal komplet biex jiġi realizzat kummerċ miżjud minn fruntiera għall-oħra; [...] għandu jkun hemm monitoraġġ għal kuntratti għal servizzi oħrajn għal ċertu perjodu qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni kompleta ta’ din id-Direttiva; [...] l-mekkaniżmu għal dan il-monitoraġġ jeħtieġ li jkun definit; [...] dan il-mekkaniżmu għandu fl-istess ħin jippermetti lil dawk interessati sabiex jaqsmu l-informazzjoni relevanti”.

4.        Skond l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/50, l-awtoritajiet li jidħlu f’kuntratti għandhom jassiguraw li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn persuni li jipprovdu servizz differenti.

5.        Fit-Titolu II, id-Direttiva 92/50 tipprovdi għal “applikazzjoni f’żewġ stadji”. Skond l-Artikolu 8, kuntratti li għandhom bħala l-objettiv tagħhom servizzi elenkati fl-Anness I A għandhom ikunu assenjati skond id-dispożizzjonijiet tat-Titoli III sa VI, fi kliem ieħor skond l-Artikoli 11 sa 37. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 9 jipprovdi li l-Artikoli 14 u 16 biss għandhom ikunu mħarsa fil-każ ta’ kuntratti li għandhom bħala l-objettiv tagħhom servizzi magħrufa bħala “servizzi mhux ta’ prijorità”, fi kliem ieħor servizzi elenkati fl-Anness I B.

6.        L-Anness I B jelenka serje ta’ kategoriji ta’ servizzi. Kategorija Nru 27 hija “Servizzi oħrajn”.

7.        L-Artikolu 14 fih dispożizzjonijiet dwar speċifikazzjonijiet tekniċi li għandhom jingħataw fid-dokumenti ġenerali jew fid-dokumenti kuntrattwali relatati ma’ kull kuntratt.

8.        L-Artikolu 16 jiddikjara:

“(1) L-awtoritajiet kontraenti li jkunu taw kuntratt pubbliku jew li inkella [jkunu organizzaw kompetizzjoni] tad-disinn għandhom jibagħtu notifika tar-riżultati tal-proċedura ta’ l-għoti lill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjoni[jiet] Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

[…]

(3) Fil-każ ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi elenkati fl-Anness IB, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jindikaw fin-notifika jekk jaqblux mal-pubblikazzjoni tagħha.

(4) Il-Kummissjoni għandha tfassal ir-regoli biex jiġu stabbiliti rapporti regolari fuq il-bażi tan-notifiki msemmija fil-paragrafu 3, u għall-pubblikazzjoni ta’ dawn ir-rapporti skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 40(3).

[…]”

III – Il-fatti, il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

9.        Fl-4 ta’ Diċembru 1992, mingħajr reklamar minn qabel, il-Ministru Irlandiż għall-Welfare Soċjali kkonkluda kuntratt ma’ An Post, is-servizz postali Irlandiż, skond liema persuni intitolati għal benefiċċji ta’ welfare soċjali jistgħu jiġbru l-pagamenti tagħhom mill-uffiċċji postali.

10.      It-terminu oriġinali tal-kuntratt kien mill-1 ta’ Jannar 1992 sal-31 ta’ Diċembru 1996. F’Mejju ta’ l-1997 il-kuntratt kien estiż għall-31 ta’ Diċembru 1999. L-awtoritajiet kompetenti Irlandiżi kellhom avviż ta’ informazzjoni minn qabel rigward l-għoti ta’ kuntratt ippjanat ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tas-16 ta’ Frar 1999. Madankollu, kien deċiż f’Mejju ta’ l-1999 li l-kuntratt ma’ An Post ikun estiż sal-31 ta’ Diċembru 2002. Din id-deċiżjoni kienet sussegwentement sospiża.

11.      Fuq ilment, il-Kummissjoni bdiet skambju ta’ korrispondenza ma’ l-awtoritajiet Irlandiżi f’Ottubru ta’ l-1999.

12.      Bħala riżultat ta’ l-intervent tal-Kummissjoni, l-Irlanda ma estendietx il-kuntratt formalment. An Post tkompli, madankollu, tipprovdi s-servizzi, minkejja li fuq bażi ad hoc, sabiex tassigura l-kontinwità tal-ħlasijiet tal-welfare soċjali.

13.      Fil-kuntest tal-proċedura tal-ksur tat-Trattat mibdija mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 226 KE, l-Irlanda naqset, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, milli tipproponi soluzzjoni għall-problemi msemmija. Skond ir-risposti mogħtija mill-Irlanda għall-ittra ta’ intimazzjoni tas-26 ta’ Ġunju 2002 u l-opinjoni motivata tas-17 ta’ Diċembru 2002, il-Kummissjoni kienet ta’ l-opinjoni illi l-approċċ ta’ l-Irlanda fir-rigward tat-tiġdid tal-kuntratt kien imur kontra t-Trattat KE u għalhekk ressqet din l-azzjoni.

14.      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

1.         tiddikjara illi, permezz tad-deċiżjoni sabiex tafda l-provvista ta’ servizzi f’idejn An Post mingħajr ma sar reklamar minn qabel, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond it-Tratttat;

2.         tikkundanna lill-Irlanda għall-ispejjeż tal-Kummissjoni.

15.      L-Irlanda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

1.         tiċħad l-applikazzjoni tal-Kummissjoni;

2.         tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ l-Irlanda.

IV – L-argumenti tal-partijiet prinċipali u ta’ l-intervenjenti

A –    Il-Kummissjoni

16.      Skond il-Kummissjoni, il-fatt illi l-kuntratt in kwistjoni jaqa’ fl-ambitu tad-Direttiva 92/50 ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ l-obbligi żviluppati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ġejjin mill-libertajiet fundamentali stabbiliti fit-Trattat u mill-prinċipji ġenerali li huma espressi speċifikament f’dawk il-libertajiet fundamentali.

17.      L-obbligu ta’ l-Istati Membri li jimxu skond il-prinċipji ġenerali huwa kkonfermat, fid-direttiva nnifisha, permezz ta’ l-Artikolu 3(2), li jinkludi obbligi ġenerali fuq l-awtoritajiet kontraenti sabiex jevitaw kull diskriminazzjoni bejn fornituri ta’ servizzi. Dan l-obbligu jaqa’ fuq l-awtoritajiet Irlandiżi fir-rigward tas-servizzi fl-Anness I B kif ukoll fir-rigward tas-servizzi fl-Anness I A.

18.      L-analiżi tal-Kummissjoni hija l-unika waħda li hija konsistenti mal- “loġika tas-suq intern tat-Trattat”. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi b’mod ċar illi d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi jimponu obbligi fuq l-Istati Membri fir-rigward ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi barra mill-ambitu tad-direttivi. Dan japplika kemm għat-tipi ta’ kuntratti (bħal ma huma konċessjonijiet ta’ servizzi) li mhumiex speċifikament inklużi kif ukoll għal tipi ta’ kuntratti li huma inklużi iżda li l-valur tagħhom ma jilħaqx il-limiti stabbiliti fid-diversi direttivi.

19.      Ikun għalhekk totalment kontra l-loġika tas-suq intern jekk, għalkemm il-liġi tal-Komunità titlob livell xieraq ta’ reklamar f’sitwazzjonijiet bħal dawn anke jekk il-kuntratt jaqa’ barra mill-ambitu tad-direttivi minħabba l-istruttura jew il-valur tiegħu, ikun madankollu possibbli li l-Istati Membri ma jirreklamawx b’ebda mod kuntratti (li l-valur tagħhom jaqbeż il-limiti finanzjarji) għas-sempliċi raġuni illi s-servizzi li jikkonċernaw jaqgħu fl-ambitu ta’ l-Anness I B tad-direttiva.

20.      Il-miżuri nazzjonali għandhom ikunu evalwati skond id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva, u mhux ukoll dawk tat-Trattat KE, biss meta d-direttiva twassal għal armonizzazzjoni eżawrjenti.

21.      Il-Kummissjoni ssostni fir-rigward ta’ l-argument li jgħid li l-objettiv tagħha jista’ jkun milħuq biss permezz ta’ leġiżlazzjoni li direttiva ma tistax tidderoga minn liġi primarja. L-obbligazzjonijiet li ġejjin mil-liġi primarja huma superjuri għal dawk li ġejjin minn direttivi. Il-liġi sekondarja hija intenzjonata sabiex tissupplimenta l-liġi primarja u tiffaċilita l-ksib ta’ l-objettivi stabbiliti fiha.

22.      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tenfasizza li l-liġi primarja timponi rekwiżiti ħafna inqas stretti minn dawk tad-direttiva. Għall-kuntrarju tal-fehma ta’ dawk li qed jintervjenu, il-Kummissjoni mhijiex qed titlob sejħa għall-offerti għal kull każ. Il-Kummissjoni lanqas ma qed titlob li l-Irlanda għandha tapplika r-regoli applikabbli għal servizzi ta’ prijorità għal servizzi li mhumiex ta’ prijorità.

23.      Fir-rigward taċ-ċertezza legali, il-Kummissjoni tinnota illi l-osservanza tal-limiti imposti mil-liġi primarja m’hija xejn mhux tas-soltu fil-kwistjonijiet ta’ kuntratti pubbliċi.

B –    L-Irlanda

24.      L-Irlanda tikkontesta l-korrettezza tas-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni. L-ewwel nett, hija targumenta illi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata mill-Kummissjoni mhijiex relevanti, u ssostni dan permezz ta’ kummentarju fuq il-każijiet individwali u fuq l-argument imqajjem mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ kull wieħed minnhom. It-tieni nett, ladarba d-Direttiva 92/50 hija applikabbli, il-miżuri adottati mill-Irlanda għandhom ikunu evalwati permezz ta’ referenza għal dik id-direttiva u mhux għal-libertajiet fundamentali wkoll.

25.      Barra minn hekk, l-approċċ tal-Kummissjoni jikser il-prinċipji tat-trasparenza, il-ħarsien ta’ l-aspettattivi leġittimi u ċ-ċertezza legali. Minflok ma tipproponi emendi meħtieġa għad-direttiva, li kienet tkun obbligata tagħmel skond l-Artikolu 43 tagħha, il-Kummissjoni tressaq “kunċetti mhux ċari”. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma inkludietx emenda korrispondenti fil-proposta tagħha li wasslet fl-2004 għall-adozzjoni tad-Direttiva 2004/18/KEE.

26.      Il-Kummissjoni qed tipprova tikkonvinċi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex taħdem bħala leġiżlatur minflok il-Kunsill. L-għan tagħha huwa li timponi obbligi fuq l-Irlanda li huma espliċitament esklużi mid-Direttiva 92/50. Għalhekk il-Kummissjoni tagħmel ħsara wkoll lill-bilanċ istituzzjonali. Jekk il-Kummissjoni tista’ toħroġ obbligu ta’ reklamar mill-prinċipju ta’ ugwaljanza, wieħed jistaqsi x’inhu l-iskop tad-direttiva.

C –    L-intervenjenti

27.      Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju ta’ l-Olanda intervenew fil-proċedimenti sabiex jappoġġjaw l-Irlanda.

28.      Skond il-Gvern Daniż, Finlandiż, Franċiż u Olandiż, japplikaw biss l-Artikoli 14 u 16 tad-direttiva għas-servizzi in kwistjoni. Dispożizzjonijiet oħra li jirrigwardaw notifiki għalhekk ma japplikawx għal servizzi li mhumiex ta’ prijorità. Lanqas ma jista’ jinħoloq mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja obbligu ta’ reklamar fil-każijiet kollha. Għandhom ikunu osservati wkoll ir-rekwiżiti tal-prinċipju taċ-ċertezza legali; dan il-prinċipju jkun miksur bl-interpretazzjoni wiesa’ proposta mill-Kummissjoni. F’dan il-kuntest, kien imsemmi wkoll illi l-ksur tad-dispożizzjonijiet proċedurali jista’ jirriżulta f’obbligu ta’ l-awtoritajiet kontraenti li jħallsu d-danni.

29.      Skond il-Gvern Daniż, ma jirriżultax mill-Artikolu 3 tad-direttiva jew mill-Artikoli 12 KE, 43 KE u 49 KE obbligu li ssir proċedura speċifika ta’ għoti. Barra minn hekk, il-fatt li servizzi mhux ta’ prijorità jkunu suġġetti għal dispożizzjonijiet proċedurali dettaljati jimplika l-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u sussidjarjetà.

30.      Il-miżuri nazzjonali għandhom ikunu evalwati biss permezz ta’ referenza għad-dispożizzjonijiet ta’ armonizzazzjoni u mhux għal-liġi primarja wkoll. Barra minn hekk, skond l-opinjoni tagħha fuq il-liġi, il-Kummissjoni kellha konsegwentement tikkunsidra wkoll l-validità tad-direttiva.

31.      L-intervenjenti jirreferu għall-oriġini tad-Direttiva 92/50 u għall-objettiv tagħha. Huma jinnutaw ukoll – parzjalment b’referenza għall-obbligu ta’ reviżjoni skond id-Direttiva 92/50 – illi, fil-proposta tagħha għall-emenda tad-direttivi dwar kuntratti pubbliċi, li fost affarijiet oħra wasslu għall-adozzjoni tad-Direttiva 2004/18/KE, il-Kummissjoni nnifisha ma għamlet ebda modifika tas-sistema, skond liema sett ta’ regoli inqas stretti jibqgħu japplikaw għal servizzi mhux ta’ prijorità.

V –    Evalwazzjoni

A –    Is-suġġett ta’ din l-azzjoni għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi

32.      Fir-rigward tas-suġġett ta’ din l-azzjoni, hemm numru ta’ punti li huma paċifiċi bejn il-partijiet. Dan japplika, l-ewwel nett, għall-fatt illi l-provvista tas-servizzi in kwistjoni taqa’ fil-Klassi 913 ta’ CPC (Central Product Classification). Hija koperta mill-Kategorija Nru 27 (“Servizzi oħrajn”) fl-Anness I B tad-Direttiva 92/50. Is-servizzi għandhom għalhekk ikunu kklassifikati bħala “Servizzi mhux ta’ prijorità”. Huwa wkoll paċifiku li fil-każ in kwistjoni l-valur relevanti stabbilit skond l-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 92/50 kien issuperat.

33.      Għalhekk, filwaqt illi d-domanda dwar jekk il-provvista ta’ servizzi in kwistjoni taqax fl-ambitu tad-Direttiva 92/50 u jekk hijiex, f’dan ir-rigward, suġġetta għal sett speċjali ta’ regoli tista’ tiġi mwieġba faċilment, għadu jrid jiġi deċiż liema dispożizzjonijiet oħra tal-liġi Komunitarja għandhom ikunu użati bħala kriterji ta’ evalwazzjoni. F’azzjoni diretta bħal azzjoni għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi, il-kriterji ta’ evalwazzjoni huma ddeterminati skond it-talbiet ta’ l-applikant – f’dan il-każ, għalhekk, il-Kummissjoni.

34.      Kif jidher mill-applikazzjoni, il-Kummissjoni tiddikjara illi l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ssib ksur doppju. L-ewwel nett, hija tilmenta illi l-libertajiet fundamentali, b’mod partikolari l-Artikoli 43 KE u 49 KE, ġew miksura. It-tieni nett, hija tilmenta illi prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ trasparenza u ugwaljanza (nuqqas ta’ diskriminazzjoni), ġew miksura.

35.      Barra minn hekk, ġiet diskussa dispożizzjoni addizzjonali fil-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fi kliem ieħor l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/50, skond liema awtoritajiet kontraenti għandhom jassiguraw illi ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn persuni li jipprovdu servizz differenti.

36.      Il-Kummissjoni għandha l-għan li tiddeduċi minn din id-dispożizzjoni rekwiżit illi japplika għal servizzi ta’ kull tip u għalhekk anke għal dawk diskussi hawn, fi kliem ieħor servizzi mhux ta’ prijorità.

37.      Madankollu, il-Kummissjoni naqset milli tinkludi l-ksur ta’ l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/50 fir-rikors tagħha. Huwa veru li f’dan ir-rikors(6) il-Kummissjoni tirreferi għal din id-dispożizzjoni, iżda dan mhuwiex biżżejjed. Permezz ta’ dik ir-referenza, il-Kummissjoni tixtieq tagħti prova biss illi d-direttiva innifisha tistabbilixxi espliċitament projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni. Il-Kummissjoni tidher li tara dan bħala konferma li l-Istati Membri għandhom josservaw il-prinċipji ġenerali tal-liġi korrispondenti. Barra minn hekk, fl-opinjoni motivata wkoll il-Kummissjoni ilmentat rigward il-ksur ta’ l-Artikoli 43 KE u 49 KE biss.

38.      L-allegat ksur tal-prinċipji ġenerali tal-liġi, min-naħa l-oħra, huwa kkunsidrat mill-Kummissjoni mhux biss fl-evalwazzjoni legali tagħha tas-sitwazzjoni iżda wkoll fil-paragrafu fir-rikors fejn issemmi fil-qosor, bħala konklużjoni, id-dispożizzjonijiet li tikkunsidra li kienu miksura (punt 56). Dan japplika wkoll għall-ilment illi l-Artikoli 43 KE u 49 KE kienu miksura.

39.      Id-domanda dwar x’effetti għandu l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/50 fir-rigward ta’ “servizzi mhux ta’ prijorità” għalhekk m’għandhiex tiġi eżaminata fid-dettall.

B –    Jistgħu d-direttivi jkunu ssupplimentati bil-liġi primarja?

40.      Il-proċedimenti in kwistjoni ma jikkonċernawx l-applikabbilità tal-liġi primarja barra mid-direttivi dwar kuntratti pubbliċi, kwistjoni li diġà kienet deċiża għall-inqas bħala prinċipju, peress illi skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja(7) japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-liġi primarja jekk l-assenjazzjoni ma tkunx inkluża f’ebda waħda mid-direttivi. Il-kawża preżenti, min-naħa l-oħra, tikkonċerna d-domanda dwar jekk ir-rekwiżiti tal-liġi primarja japplikawx ukoll għal sitwazzjonijiet li jaqgħu fl-ambitu tad-direttivi.

41.      Madankollu, din il-problema legali wkoll mhijiex kompletament ġdida. Għandha tiġi mfakkra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li regoli tal-liġi primarja, b’mod partikolari l-libertajiet fundamentali, japplikaw ukoll għall-kuntratti li huma inklużi fid-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi.

42.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddikjarat f’azzjoni għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi, li kienet tirrigwarda l-Irlanda wkoll, illi “meta ppermettiet l-inklużjoni, fl-inkartament ta’ sejħa għall-offerti għal kuntratt ta’ xogħlijiet pubbliċi, ta’ klawżola li tistipula [...], l-Irlanda [kienet] naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 30 tat-Trattat KEE”(8). Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet dikjarazzjoni simili f’azzjoni oħra għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi, u kkonkludiet, fil-kawża li tirrigwarda Storebælt, illi l-Artikoli 30, 48 u 59 tat-Trattat KEE kienu ġew miksura(9).

43.      Barra minn hekk, għandha tissemma sentenza riċenti f’azzjoni għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat illi l-Artikolu 49 KE kien ġie miksur. Din il-kawża, bħall-kawża li tikkonċerna Storebælt, kienet dwar il-kontenut ta’ kundizzjonijiet għal sejħiet għall-offerti, b’mod partikolari subkriterji għall-għoti ta’ kuntratti(10).

44.      Il-prinċipju ta’ l-interpretazzjoni eżawrjenti jew supplimentari ta’ direttivi mil-liġi primarja kien, madankollu, ikkonfermat wkoll mill-Qorti tal-Ġustizzja f’sitwazzjonijiet oħra.

45.      Gwida utli hija mogħtija fis-sentenza HI, fejn il-Qorti ddikjarat li “għalkemm, apparti mill-obbligu li jiġi notifikati r-raġunijiet għall-irtirar ta’ l-istedina għall-offerti, id-Direttiva 92/50 ma tinkludi ebda dispożizzjoni speċifika li tirrigwarda l-kundizzjonijiet sostantivi jew formali għal dik id-deċiżjoni, jibqa’ l-fatt illi din ta’ l-aħħar hija suġġetta għar-regoli fundamentali tal-liġi Komunitarja, u b’mod partikolari għall-prinċipji stabbiliti mit-Trattat KE fuq id-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi”(11).

46.      Il-punt 47 ta’ dik is-sentenza huwa mfassal mill-Qorti tal-Ġustizzja b’termini iktar ġenerali: “għalkemm id-Direttiva 92/50 ma tirregolax speċifikament il-proċeduri ddettaljati għall-iritirar ta’ stedina għall-offerti għal kuntratt ta’ servizz pubbliku, […]”.

47.      Il-prinċipju skond liema l-liġi primarja għandha tkun ikkunsidrata b’mod supplementari kien ikkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’deċiżjoni oħra(12). Il-fatt illi l-Qorti tal-Ġustizzja għażlet illi tagħti dik id-deċiżjoni fil-forma ta’ digriet turi li għall-inqas tikkunsidra din il-kwistjoni legali bħala deċiża.

48.      B’mod simili, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat f’Makedoniko Metro illi “anke jekk id-direttivi tal-Komunità dwar il-kuntratti pubbliċi ma jinkludux speċifikament dispożizzjonijiet applikabbli, il-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja [...] jirregolaw il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi”(13).

49.      Filwaqt illi s-sentenza Unitron(14), li kienet diskussa f’dawn il-proċedimenti, bla ebda dubju tikkonċerna wkoll it-trasparenza, dik il-kawża, madankollu, ikkonċernat il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba raġunijiet ta’ nazzjonalità u mhux ir-rekwiżit ta’ trattament ugwali bħala prinċipju ġenerali, fi kliem ieħor il-prinċipju ta’ ugwaljanza.

50.      Jista’ għalhekk jiġi ddikjarat illi l-prinċipju skond liema l-liġi primarja tapplika wkoll għall-assenjazzjonijiet li jaqgħu fl-ambitu tad-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi kien ikkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja. L-iskop ta’ dan il-prinċipju għandu, madankollu, ikun eżaminat. Skond il-prinċipju dwar ir-relazzjoni bejn il-liġi primarja u dik sekondarja, l-applikazzjoni tal-liġi primarja hija prekluża safejn is-sitwazzjoni hija rregolata mid-dispożizzjonijiet eżawrjenti tal-liġi sekondarja(15). Il-liġi Komunitarja għalhekk timponi limiti fuq l-applikazzjoni tal-liġi primarja sabiex tissupplimenta d-direttivi.

51.      Filwaqt li kien magħmul ċar sadanittant permezz tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja illi d-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi ma jirregolawx b’mod eżawrjenti l-kontenut tal-kriterji ta’ assenjazzjoni u l-proċedura għall-irtirar, għad irid jiġi kkunsidrat kif ir-regoli dwar l-obbligu ta’ trasparenza fir-rigward ta’ servizzi mhux ta’ prijorità għandhom jiġu evalwati.

C –    L-obbligu ta’ trasparenza fir-rigward ta’ servizzi mhux ta’ prijorità huwa regolat b’mod eżawrjenti fid-Direttiva 92/50?

52.      Karatteristika essenzjali ta’ dawn il-proċedimenti hija li jirrigwardaw l-applikabbilità tal-liġi primarja fir-rigward ta’ assenjazzjoni li hija suġġetta għal regoli speċjali taħt direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi.

53.      Il-kategorija kkostitwita minn servizzi mhux ta’ prijorità mhijiex, inċidentalment, l-unika kategorija ta’ assenjazzjonijiet li għalihom huma stabbiliti regoli speċjali fid-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi. Id-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993 dwar il-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi(16) tistabbilixxi sistema inqas stretta għal konċessjonijiet ta’ xogħlijiet pubbliċi. B’mod simili għall-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/50, l-Artikolu 3(1) ta’ l-istess direttiva jistabbilixxi liema mid-dispożizzjonijiet għandhom ikunu applikati. B’kuntrast mar-regoli fid-Direttiva 92/50 dwar servizzi mhux ta’ prijorità, id-Direttiva 93/37, madankollu, tissuġġetta l-konċessjonijiet ta’ xogħlijiet pubbliċi għall-obbligu li jkollhom avviż ippubblikat b’ċertu kontenut minimu (l-Artikolu 11).

54.      Għandu jkun ċar illi dawn il-proċedimenti ma jikkonċernawx il-kwistjoni dwar jekk l-obbligi li d-Direttiva 92/50 tistabbilixxi għas-servizzi ta’ prijorità humiex applikabbli ukoll fil-każ ta’ servizzi li mhumiex ta’ prijorità, fi kliem ieħor jekk dawk l-obbligi għandhomx jiġu applikati direttament jew għall-inqas b’analoġija.

55.      Għandu wkoll jiġi osservat illi l-argument mhuwiex dwar jekk id-direttiva kollha għandhiex tkun ikklassifikata bħala miżura ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti iżda jekk l-aspett relevanti huwiex regolat b’mod eżawrjenti. Fil-liġi tal-Komunità huwa fil-fatt komuni li d-direttivi jinkludu regoli eżawrjenti għal ċerti sitwazzjonijiet u mhux oħrajn(17). Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddikjarat fir-rigward ta’ waħda mid-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi illi hija ma stabbilietx korp uniformi u eżawrjenti ta’ regoli Komunitarji u li l-Istati Membri kellhom jimxu skond d-dispożizzjonijiet relevanti kollha tal-liġi Komunitarja(18).

56.      Ir-rekwiżiti skond il-liġi primarja huma applikabbli għall-għoti ta’ kuntratti għal servizzi mhux ta’ prijorità safejn ma jkunx hemm, f’dak ir-rigward, ebda armonizzazzjoni eżawrjenti. Mhijiex, min-naħa l-oħra, kundizzjoni li d-Direttiva 92/50 ma tkunx miżura ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti fir-rispett ta’ servizzi mhux ta’ prijorità fit-totalità tagħhom. F’dawn il-proċedimenti, għandu jiġi eżaminat biss jekk ir-regoli fid-Direttiva 92/50 dwar l-obbligu ta’ trasparenza humiex eżawrjenti, kif jissottomettu l-Irlanda, Franza u l-Olanda. Jekk dan ma jkunx il-każ, tista’ tiġi applikata l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija hawn fuq dwar il-kriterji għall-assenjazzjoni u l-irtirar.

57.      Barra minn hekk, f’dan il-kuntest għandha tkun imsemmija s-sentenza f’Contse, meta l-Qorti tal-Ġustizzja mxiet fuq il-bażi illi l-libertajiet fundamentali huma applikabbli għal servizzi li mhumiex ta’ prijorità. Jista’ jiġi mfakkar hawn illi, skond l-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/50, lanqas ir-regoli fid-direttiva li jirrikjedu li jkunu ssupplimentati fuq kriterji ta’ għoti ma japplikaw għal servizzi mhux ta’ prijorità.

58.      Madankollu, dawn il-proċedimenti ma jikkonċernaw la l-għamla tal-kriterji ta’ assenjazzjoni u lanqas dawk ta’ l-irtirar, iżda aspett pjuttost speċifiku ta’ trasparenza, fi kliem ieħor reklamar minn qabel tal-kuntratt. Il-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva 92/50 tarmonizzax b’mod eżawrjenti l-aspett ta’ l-obbligu ta’ trasparenza relevanti hawn għandha, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tkun iddeterminata skond il-kliem tad-dispożizzjoni relevanti, il-kuntest li fih iseħh u l-għanijiet tar-regoli li tifforma parti minnu(19).

59.      Kif il-Qorti diġà ddikjarat, il-punt ta’ tluq għall-interpretazzjoni hija l-premessa 21 fil-preambolu tad-Direttiva 92/50 u l-Artikolu 9 tagħha (20).

60.      Il-premessa 21 tistabbilixxi li l-applikazzjoni totali tad-direttiva għandha tkun limitata, għal perjodu ta’ tranżizzjoni, għal kuntratti għal dawk is-servizzi fejn id-dispożizzjonijiet tagħha jippermettu l-potenzjal kollu għal żieda fil-kummerċ bejn il-fruntieri, billi l-kuntratti għal servizzi oħra matul dan l-istess perjodu huma suġġetti biss għal monitoraġġ.

61.      Il-kliem tad-dispożizzjoni ċentrali, fi kliem ieħor l-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/50, jagħmilha ċara illi kuntratti għal servizzi mhux ta’ prijorità għandhom ikunu mogħtija skond id-dispożizzjonijiet li huma msemmija espliċitament. Dawk id-dispożizzjonijiet huma l-Artikoli 14 u 16. Filwaqt illi l-Artikolu 14 jistabbilixxi “Regoli komuni fil-qasam tekniku”, l-Artikolu 16 jirregola ċerti aspetti ta’ trasparenza. Fir-rigward ta’ trasparenza għal dak li jirrigwarda servizzi mhux ta’ prijorità, il-leġiżlatur Komunitarju għalhekk irrefera mhux għat-Titolu V kollu tad-direttiva, li hu msemmi “Regoli komuni ta’ reklamar”, iżda biss għal parti mit-titolu.

62.      Il-leġiżlatur Komunitarju għalhekk għamel deċiżjoni konxja li jistabbilixxi biss ċerti obbligazzjonijiet ta’ trasparenza fir-rigward ta’ servizzi mhux ta’ prijorità. L-Artikolu 16(1) per eżempju jirrikjedi illi r-riżultati ta’ proċeduri ta’ għoti jkunu mibgħuta lill-Uffiċċju għal Pubblikazzjonijiet Uffiċjali.

63.      Id-deċiżjoni tal-leġiżlatur Komunitarju li ma jirreferix ukoll għall-Artikolu 11 li huwa importanti hija, madankollu, ċentrali għall-azzjoni in kwistjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi. Din id-dipożizzjoni tistabbilixxi, fost affarijiet oħra, il-kundizzjonijiet skond liema l-awtorità kontraenti għandha tagħżel proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt. Dan jippermetti assenjazzjoni permezz ta’ negozjati diretti (assenjazzjoni diretta), fi kliem ieħor assenjazzjoni mingħajr reklamar. Għaldaqstant, dawn ir-rekwiżiti ma kienux applikati għal servizzi mhux ta’ prijorità.

64.      L-Artikolu 16(2) jistabbilixxi li l-Artikoli 17 sa 20 japplikaw biss għal servizzi ta’ prijorità. Dawn id-dispożizzjonijiet essenzjalment jistabbilixxu l-mudelli li għandhom ikunu użati għall-avviżi u l-limiti ta’ żmien li għandhom ikunu osservati.

65.      Il-Kummissjoni hija għalhekk korretta fl-opinjoni tagħha li l-Artikoli 14 u 16 tad-direttiva speċifikament ma jirregolawx l-aspett diskuss f’din il-kawża. Mandankollu, il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni prematura li dan il-fatt fih innifsu huwa biżżejjed sabiex jinvolvi l-liġi primarja. Għandu jiġi eżaminat l-ewwel nett jekk għandux jiġi konkluż mill-fatt illi ċerti aspetti biss huma regolati espliċitament li m’hemmx armonizzazzjoni eżawrjenti.

66.      Din id-domanda hija preliminari għad-domanda jekk, filwaqt illi r-rekwiżiti stretti tad-Direttiva 92/50 bla ebda dubju m’għandhomx għalfejn ikunu osservati fir-rigward ta’ servizzi mhux ta prijorità, għandhomx għall-inqas jiġu osservati r-rekwiżiti inqas stretti tal-liġi primarja.

67.      Ir-risposta għal din id-domanda preliminari għandha tkun illi d-Direttiva 92/50 ma tinkludix regoli eżawrjenti dwar it-trasparenza fir-rigward ta’ l-għoti ta’ kuntratti għal servizzi mhux ta’ prijorità, u minflok il-liġi primarja għandha tkun ikkunsidrata b’mod supplimentari.

68.      L-effett ta’ l-opinjoni kuntrarja jkun illi l-assenjazzjonijiet li jaqgħu totalment barra mid-Direttiva 92/50, per eżempju konċessjoni ta’ servizzi, ikunu suġġetti għal rekwiżiti iktar stretti, fosthom dawk f’Telaustria u Coname, milli servizzi mhux ta’ prijorità. Soluzzjoni alternattiva tkun żgur li jitbaxxa l-livell, fi kliem ieħor il-grad ta’ trasparenza, għal assenjazzjonijiet li jaqgħu barra mid-direttiva u li jkun applikat dak il-livell aktar baxx għal servizzi mhux ta’ prijorità jew wieħed ftit iktar għoli.

D –    Kontenut speċifiku tad-dispożizzjoni li kienet allegatament miksura

69.      Sabiex tkun tista’ tidikjara li l-liġi Komunitarja ġiet miksura, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ewwel tistabbilixxi l-kontenut tad-dispożizzjoni li kienet allegatament miksura. Jekk il-kriterju ta’ evalwazzjoni mhuwiex definit b’mod ċar, ma jkunx possibbli li tkun evalwata l-kondotta ta’ l-Istat Membru in kwistjoni.

70.      F’azzjoni diretta bħal dawn il-proċedimenti ta’ ksur tat-Trattat, ir-rikorrent – hawnhekk, għalhekk, il-Kummissjoni – għandu jispeċifika x’kien jinvolvi l-obbligu ta’ l-Istat Membru involut.

71.      Fil-proċedura bil-miktub, il-Kummissjoni ma rreferietx sempliċiment għall-eżistenza ta’ l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 43 KE u 49 KE u minn ċerti prinċipji, iżda sostniet għall-inqas illi skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dawn ir-regoli tal-liġi primarja għandu jkun assigurat livell xieraq ta’ trasparenza. Madankollu, il-Kummissjoni essenzjalment ma qalet xejn iktar dwar dan.

72.      Il-Kummissjoni tikkwota f’dan il-kuntest sentenza(21) dwar żewġ azzjonijiet għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi. Għandu jkun osservat f’dan ir-rigward illi kien hemm obbligu ċar f’dawk l-azzjonijiet, fi kliem ieħor obbligu skond id-Direttiva 93/37. Din id-direttiva kienet tinkludi obbligu espliċitu sabiex ikun ippubblikat avviż ta’ kuntratt, li l-kontenut minimu tiegħu kien fil-fatt preskritt f’ċerti mudelli.

73.      Fil-proċedimenti in kwistjoni, dawn ir-rekwiżiti tal-liġi Komunitarja huma neqsin. Id-direttiva applikabbli f’din il-kawża ma tippreskrivi ebda avviż minn qabel. Dan japplika wkoll għall-ġurisprudenza dwar il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji ġenerali tal-liġi msemmija diversi drabi fil-proċedimenti. Deċiżjoni importanti reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward din il-problema, is-sentenza Coname, toħloq wkoll prinċipji ġenerali, iżda mhux obbligi konkreti.

74.      Jekk l-azzjoni in kwistjoni għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi kienet tikkonċerna l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kuntratti pubbliċi mal-liġi Komunitarja, tista’ tittieħed perspettiva iktar tolleranti fir-rigward ta’ l-oneru tal-prova tar-rikorrent. Madankollu, l-azzjoni hija kontra kondotta speċifika, fi kliem ieħor kontra provvista speċifika. Is-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni għandhom għalhekk ikunu speċifiċi.

75.      Filwaqt li huwa veru illi, bħala kwistjoni legali, din l-azzjoni tirrigwarda istanza waħda partikolari, tikkonċerna madankollu problema legali ta’ importanza ġenerali u prattika. Kif għandhom id-diversi awtoritajiet kontraenti individwali li jagħtu kuntratti u konċessjonijiet fl-Istati Membri jistrutturaw il-prattiċi tagħhom fir-rigward ta’ kuntratt pubbliku jekk il-qafas legali tant huwa ddefinit ħażin li lanqas il-Kummissjoni, li l-Istati Membri jaffaċċjaw f’azzjonijiet għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi, kif ukoll fil-proċedura amministrattiva ta’ qabel, ma hija kapaċi jew tixtieq tiddikjara f’termini speċifiċi liema rekwiżiti partikolari għandhom ikunu osservati? Il-fatt illi, fin-nuqqas ta’ komunikazzjoni interpretattiva f’dan ir-rigward, ma kienx ċar sa l-aħħar ftit ġimgħat preċiżament x’attitudni kienet ser tieħu l-Kummissjoni, m’għandux joħloq preġudizzju għall-Istati Membri kkonċernati. Huwa preċiżament dan il-fatt li missu ħajjar lill-Kummissjoni sabiex tindika speċifikament il-kontenut ta’ l-obbligu li hija qed tallega li ġie miksur.

76.      Minn dan l-angolu, is-segwenti dikjarazzjoni ta’ l-Avukat Ġenerali Jacobs f’każ ieħor ta’ kuntratt pubbliku tapplika wkoll fir-rigward tal-Kummissjoni f’din il-kawża: “Madankollu ma speċifikatx b’liema modi setgħu jiġu sodisfatti dawn ir-rekwiżiti”(22).

77.      Il-prinċipju li jirrikjedi livell adegwat ta’ trasparenza għalhekk jinvolvi bħala regola l-pubblikazzjoni ta’ avviż (ta’ kuntratt) (sejħa għall-offerti). Din ir-regola hija, madankollu, suġġetta għal serje ta’ eċċezzjonijiet u raġunijiet ta’ ġustifikazzjoni, li diġà indirizzajt fid-dettall fil-Konklużjonijiet tiegħi f’Coname(23) u fil-Konklużjonijiet tiegħi mogħtija llum fl-azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (C-532/03) b’mod parallel ma’ l-azzjoni in kwistjoni għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi(24). Għandu għalhekk jiġi eżaminat iktar ’il quddiem jekk waħda minn dawn l-eċċezzjonijiet jew raġunijiet ta’ ġustifikazzjoni hijiex applikabbli fil-proċedimenti in kwistjoni. Peress illi l-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkunsidrax dan il-punt ex officio, il-kummenti li ġejjin huma limitati għall-argumenti rilevanti magħmula fil-proċedimenti.

78.      Għandu jiġi ddikjarat mill-bidu illi l-Istat Membru konvenut ma kienx kapaċi jagħti prova tal-preżenza ta’ raġuni ta’ ġustifikazzjoni espliċitament stabbilita fit-Trattat jew waħda msemmija fil-ġurisprudenza. L-istess ħaġa tapplika fir-rigward ta’ l-applikazzjoni b’analoġija ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet stabbiliti fid-direttivi(25).

79.      Ma jistax jiġi miċħud illi f’ċerti każijiet proċedura ta’ assenjazzjoni tista’ tkun kondotta mingħajr avviż ta’ kuntratt minn qabel, fi kliem ieħor mingħajr reklamar. Madankollu, dawn iċ-ċirkustanzi ma kinux jeżistu fil-każ in kwistjoni jew għall-inqas ma ngħatatx prova tagħhom.

80.      Anki l-fatt li l-livell ta’ trasparenza jiddependi fuq iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ l-għoti, bħas-suġġett u l-valur tiegħu, ma jfissirx fil-kawża in kwistjoni illi l-obbligu li jkun hemm reklamar jista’ jkun injorat.

81.      Huwa wkoll neċessarju li jiġi kkunsidrat l-argument ta’ l-Irlanda illi l-azzjonijiet tal-Kummissjoni jiksru l-prinċipji tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali. F’dan ir-rigward, għandha ssir referenza għal ċirkustanza li ma ġietx diskussa fil-proċedimenti. L-Istat Membru konvenut adotta l-miżura li dwarha l-Kummissjoni tilmenta f’Mejju 1999, filwaqt illi s-sentenza Telaustria, li fiha kien ippreżentat il-prinċipju ta’ trasparenza skond il-liġi primarja, ma kinitx, madankollu, mogħtija qabel l-2000.

82.      Madankollu, għandu jiġi mfakkar illi sentenzi li jinterpretaw il-liġi Komunitarja li huma mogħtija fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE għandhom bħala prinċipju effett retroattiv. M’hemm ebda eċċezzjoni għal dan il-prinċipju fis-sentenzi Telaustria u Coname. F’azzjonijiet għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi skond l-Artikolu 226 KE, mhijiex ipprovduta possibbiltà bħal din.

83.      Domandi leġali li jikkonċernaw l-evalwazzjoni tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja li jiddikjaraw li l-Istati Membri għandhom obbligi li qabel ma kinux previsti jistgħu forsi jingħataw risposta f’azzjoni oħra għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi skond l-Artikolu 228 KE, iżda hawnhekk biss jekk is-sentenza f’din l-azzjoni ma tkunx osservata. Din iċ-ċirkustanza tista’ mbagħad tittieħed in kunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-penali.

84.      Kumplessivament, l-eżami tal-proċess ilmentat mill-Kummissjoni wera għalhekk illi ma kien hemm ebda ċirkustanzi li kienu jippermettu li s-servizzi in kwistjoni jiġu pprovduti mingħajr ma jsir reklamar.

VI – Fuq l-ispejjeż

85.      Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Irlanda tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

86.      Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju ta’ l-Olanda intervenew fil-proċedimenti. Skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjenti għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

VII – Konklużjoni

87.      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

1.         tiddikjara illi, billi ddeċidiet li tħalli l-provvista ta’ servizzi f’idejn An Post mingħajr avviż minn qabel, għalkemm ma kien hemm ebda ċirkustanza li tippermetti li ma jsirx reklamar, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond it-Trattat;

2.         tikkundanna lill-Irlanda għall-ispejjeż tal-Kummissjoni;

3.         tordna lir-Renju tad-Danimarka, lir-Repubblika tal-Finlandja, lir-Repubblika Franċiża u r-Renju ta’ l-Olanda jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi, ippreżentati llum ukoll, fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑532/03).


3 – ĠU L 209, p. 1.


4 – Sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2000 (C‑324/98, Ġabra p. I‑10745).


5 – Sentenza tal-21 ta’ Lulju 2005 (C-231/03, Ġabra p. I‑7287).


6 – Punt 43.


7 – Sentenzi Coname (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 16), u ta’ l-20 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Franza (C-264/03, Ġabra p. I‑8831, punt 32).


8 – Sentenza tat-22 ta’ Settembru 1988, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (47/87, Ġabra p. I‑4929, punt 27).


9 – Sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1993, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C-243/89, Ġabra p. I‑3353).


10 – Ara s-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-158/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, ĠU 2005, C 330, p.1) u Contse et (C-234/03, Ġabra p. I‑9315).


11 – Sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2002 (C-92/00, Ġabra p. I‑5553, punt 42).


12 – Digriet tas-16 ta’ Ottubru 2003, Kauppatalo Hansel (C-244/02, Ġabra p. I‑12139, punti 31 u 33).


13 – Sentenza tat-23 ta’ Jannar 2003 (C-57/01, Ġabra p. I‑1091, punt 69, enfasi miżjuda minni).


14 – Sentenza tat-18 ta’ Novembru 1999 (C‑275/98, Ġabra p. I‑8291, punti 30 et seq).


15 – Sentenzi tat-12 ta’ Ottubru 1993, Vanacker u Lesage (C-37/92, Ġabra p. I‑4947, punt 9); tat-13 ta’ Diċembru 2001, DaimlerChrysler (C-324/99, Ġabra p. I‑9897, punt 32), u tal-11 ta’ Diċembru 2003, Deutscher Apothekerverband (C-322/01, Ġabra p. I‑14887, punt 64).


16 – ĠU L 199, p. 54.


17 – Ara, per eżempju, is-sentenzi tad-19 ta’ Marzu 1998, Compassion in World Farming (C-1/96, Ġabra p. I‑1251, punti 55 u 56), u ta’ l-14 ta’ Diċembru 2004, Radlberger Getränkegesellschaft u Spitz (C-309/02, Ġabra p. I‑11763, punti 53 et seq).


18 – Dan kien deċiż, fir-rigward tad-direttiva adottata fl-1971 dwar il-koordinazzjoni ta’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, fis-sentenza tad-9 ta’ Lulju 1987, CEI et (27/86 sa 29/86, Ġabra p. 3347, punt 15).


19 – Sentenza Compassion in World Farming (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punti 49 et seq), u s-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 1995, Hönig (C-128/94, Ġabra p. I‑3389, punt 9).


20 – Sentenza ta’ l-14 ta’ Novembru 2002, Felix Swoboda (C-411/00, Ġabra p. I‑10567, punti 46 u 47).


21 – Sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑187/04 u C‑188/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, ĠU 2005, C 36, p. 11).


22 – Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Jacobs tal-21 ta’ April 2005 fil-kawża Impresa Portuale di Cagliari (Digriet tat-23 ta’ Marzu 2006, C‑174/03, mhux ippubblikat fil-Ġabra), punt 77.


23 – Konklużjonijiet tat-12 ta’ April 2005 (sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3), punti 58 et seq.


24 – Punti 86 et seq.


25 – Per eżempju l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 92/50 u l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2004/18/KE.