Language of document : ECLI:EU:C:2007:676

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

13 ta’ Novembru 2007 (*)

“Kuntratti pubbliċi – Artikoli 43 KE u 49 KE – Direttiva 92/50/KEE – Għoti ta’ kuntratt lis-servizz postali Irlandiż An Post mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż – Interess transkonfinali ċert – Trasparenza”

Fil-kawża C‑507/03,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fl-1 ta’ Diċembru 2003,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn X. Lewis u K. Wiedner, bħala aġenti, assistiti minn J. Flynn, QC, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

L-Irlanda, irrappreżentata minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn E. Regan u B. O’Moore, SC, kif ukoll minn C. O’Toole, barrister, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

sostnuta minn:

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn J. Molde u A. Jacobsen, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues, D. Petrausch u S. Ramet, bħala aġenti,

Ir-Renju ta’ l-Olanda, irrappreżentat minn H. G. Sevenster, C. Wissels u P. van Ginneken, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġent,

intervenjenti

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, G. Arestis u U. Lõhmus, Presidenti ta’ Awla, J. N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta, J. Makarczyk (Relatur), A. Borg Barthet, M. Ilešič, J. Malenovský u J. Klučka, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-4 ta’ April 2006,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-14 ta’ Settembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara illi, permezz tad-deċiżjoni sabiex tagħti, mingħajr ma sar reklamar minn qabel, il-provvista ta’ servizzi bi ħlas tal-welfare soċjali f’idejn An Post, is-servizz postali Irlandiż, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 43 KE u 49 KE kif ukoll skond il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju fir-rigward ta’ kuntratt għall-provvista ta’ servizzi bħal dawn.

 Il-kuntest ġuridiku

2        Jirriżulta mill-premessa għoxrin tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU L 209, p. 1), li:

“[…] billi, sabiex jiġu eliminati prattiki li jirrestrinġu l-kompetizzjoni [in] ġenerali u l-parteċipazzjoni fil-kuntratti minn ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn b’mod partikolari, huwa neċessarju li jitjieb l-aċċess ta’ fornituri ta’ servizzi għall-għoti ta’ kuntratti”.

3        Skond l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/50:

“L-awtoritajiet kontraenti għandhom jassiguraw li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn persuni li jipprovdu servizz differenti”.

4        Id-Direttiva 92/50 tiddefinixxi, fit-Titolu II tagħha, applikazzjoni magħrufa bħala “f’żewġ stadji”. Skond l-Artikolu 8 tagħha, kuntratti li għandhom bħala l-objettiv tagħhom servizzi elenkati fl-Anness IA għandhom jingħataw skond id-dispożizzjonijiet tat-Titoli III sa VI tagħha, jiġifieri skond l-Artikoli 11 sa 37 tagħha. Minn naħa l-oħra, skond l-Artikolu 9 ta’ din id-Direttiva “[k]untratti li għandhom bħala l-objettiv tagħhom servizzi elenkati fl-Anness I B għandhom jingħataw skond l-Artikoli 14 u 16”.

5        L-Artikolu 14 tad-Direttiva 92/50 jistabbilixxi l-proċeduri li jirrigwardaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li għandhom jingħataw fid-dokumenti kuntrattwali.

6        L-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva jiddisponi li:

“1.      L-awtoritajiet kontraenti li jkunu taw kuntratt pubbliku jew li inkella żammew kuntest tad-disinn għandhom jibagħtu notifika tar-riżultati tal-proċedura ta’ l-għoti lill-Uffiċċju għall-[Pubblikazzjonijiet] Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej [OPOCE].

[…]

3.      Fil-każ ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi elenkati fl-Anness IB, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jindikaw fin-notifika jekk jaqblux mal-pubblikazzjoni tagħha.

4.      Il-Kummissjoni għandha tfassal ir-regoli biex jiġu stabbiliti rapporti regolari fuq il-bażi tan-notifiki msemmija fil-paragrafu 3, u għall-pubblikazzjoni ta’ dawn ir-rapporti skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 40(3).

[…]”

7        L-Artikolu 43 ta’ din id-direttiva jipprovdi li:

“Mhux iktar tard minn tliet snin wara l-limitu taż-żmien għall-konformità ma’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni, waqt li taġixxi f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kumitati msemmija fl-Artikolu 40(1) u (2), għandha tirrevedi l-mod li bih operat din id-Direttiva, inklużi l-effetti ta’ l-applikazzjoni tad-Direttiva għall-akkwist tas-servizzi elenkati fl-Anness IA u d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw standards tekiniċi. Hija għandha tevalwa, b’mod partiolari, il-prospetti għall-applikazzjoni sħiħa tad-Direttiva għall-akkwist tas-servizzi l-oħrajn elenkati fl-Anness IB, u l-effetti tat-twettiq ta’ servizzi in-house dwar il-ftuħ effettiv ta’ akkwist f’dan il-qasam. Għandha tagħmel il-proposti neċessarji biex din id-Direttiva tkun adattata kif xieraq”.

8        L-Anness I B ta’ l-istess direttiva jelenka serje ta’ kategoriji ta’ servizzi.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża

9        Fl-4 ta’ Diċembru 1992, il-Ministru għall-Welfare Soċjali Irlandiż ikkonkluda kuntratt ma’ An Post, mingħajr proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, kuntratt li bih persuni intitolati għal benefiċċji ta’ welfare soċjali jistgħu jiġbru l-pagamenti tagħhom mill-uffiċċji postali.

10      It-terminu oriġinali tal-kuntratt kien mill-1 ta’ Jannar 1992 sal-31 ta’ Diċembru 1996. Fix-xahar ta’ Mejju ta’ l-1997 il-kuntratt ġie estiż għall-31 ta’ Diċembru 1999. Fix-xahar ta’ Mejju 1999, l-awtoritajiet Irlandiżi approvaw estensjoni ġdida ta’ dan il-kuntratt mill-1 ta’ Jannar 2000 sal-31 ta’ Diċembru 2002.

11      Fuq ilment, il-Kummissjoni bdiet skambju ta’ korrispondenza ma’ l-awtoritajiet Irlandiżi fix-xahar ta’ Ottubru ta’ l-1999.

12      Bħala riżultat ta’ l-intervent tal-Kummissjoni u sakemm tingħata risposta għad-domandi mqajma minn din l-istituzzjoni, l-Irlanda ma estendietx il-kuntratt milħuq ma’ An Post formalment. Sabiex tassigura l-kontinwità tal-ħlasijiet tal-welfare soċjali, An Post kompliet tipprovdi s-servizzi kkonċernati fuq bażi ad hoc.

13      Fil-kuntest tal-proċedura prevista skond l-Artikolu 226 KE, l-Irlanda naqset, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, milli tipproponi soluzzjoni għall-problemi msemmija. Fil-fatt, il-Kummissjoni tikkunsidra, fid-dawl tar-risposti mogħtija minn dan l-Istat Membru għall-ittra tagħha ta’ intimazzjoni tas-26 ta’ Ġunju 2002 u fl-opinjoni motivata tas-17 ta’ Diċembru 2002, li l-konklużjoni ta’ kuntratt ġdid ma’ An Post, mingħajr ma sar reklamar minn qabel, jikser id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE u konsegwentement, tat bidu għal dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

14      Il-Kummissjoni tqis li l-Irlanda kisret l-Artikoli 43 KE u 49 KE kif ukoll il-prinċipji ġenerali ta’ trasparenza, ta’ ugwaljanza u ta’ non-diskriminazzjoni. Fir-rikors tagħha, hija tafferma li dawn id-dispożizzjonijiet huma imposti fuq l-Istati Membri, taħt l-obbligi previsti fl-Artikoli 14 u 16 tad-Direttiva 92/50.

15      Hija tibbaża l-analiżi tagħha fuq numru ta’ deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, li skondha, juru li l-liġi primarja tista’ tiġi invokata taħt l-obbligi previsti minn direttiva (sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2000, Telaustria u Telefonadress, C‑324/98, Ġabra p. I‑10745; digriet tat-3 ta’ Diċembru 2001, Vestergaard, C‑59/00, Ġabra p. I‑9505, u sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2002, HI, C‑92/00, Ġabra p. I-5553).

16      L-Irlanda tikkontesta l-analiżi tal-Kummissjoni u ssostni li, billi l-leġiżlatur Komunitarju jadotta dispożizzjonijiet espressi li jirregolaw oqsma speċifiċi, dawn id-dispożizzjonijiet m’għandhomx jiġu esklużi, imwarrba jew injorati minħabba f’applikazzjoni tar-regoli ġenerali. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet speċifiċi għandhom jieħdu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet ġenerali. Bl-approċċ tagħha, il-Kummissjoni tfittex li testendi l-obbligi ta’ l-Istati Membri fis-settur tal-kuntratti tas-servizz pubbliku.

17      Barra minn dan, l-Irlanda tinvoka n-nuqqas ta’ azzjoni tal-Kummissjoni fil-qasam leġiżlattiv fuq dan is-suġġett, għalkemm din tat bidu għal numru ta’ konsultazzjonijiet fuq ir-riforma tad-Direttiva 92/50 u li saru numru ta’ emendi mill-adozzjoni tagħha. L-approċċ tal-Kummissjoni jikser il-prinċipji ġenerali tal-ħarsien ta’ l-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali.

18      Il-Kummissjoni tirrifjuta dan l-argument billi skondha huwa prinċipju li l-liġi sekondarja hija ta’ natura sekondarja meta mqabbla mal-liġi primarja. Għalhekk, kull emenda tad-Direttiva 92/50 ma kellha l-ebda effett fuq l-obbligi ta’ l-Irlanda.

19      Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju ta’ l-Olanda u r-Repubblika tal-Finlandja intervenew fil-proċedimenti in sostenn ta’ l-Irlanda.

20      Skond ir-Renju ta’ l-Olanda, l-awtortitajiet kontraenti għandhom biss obbligu limitat ta’ trasparenza. Għar-Renju tad-Danimarka u għar-Repubblika tal-Finlandja, hemm differenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi tas-sentenzi ċċitatati mill-Kummissjoni li tippermetti li titnaqqas il-portata ta’ dawn. Skond ir-Repubblika Franċiża, il-limitu fl-obbligazzjonijiet ta’ l-Istati Membri huwa kkonfermat mid-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU L 134, p. 114), li żżomm id-distinzjoni magħmula mid-Direttiva 92/50.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

21      L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-ebda parti ma tikkontesta, f’dan il-każ, li l-kuntratt in kwistjoni jirriżulta mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/50 u li s-servizzi bi ħlas tal-welfare soċjali in kwistjoni jaqgħu taħt il-kategorija ta’ servizzi mhux ta’ prijorità msemmija fl-Anness I B ta’ din ta’ l-aħħar.

22      Skond l-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/50, “[k]untratti li għandhom bħala l-objettiv tagħhom servizzi elenkati fl-Anness I B għandhom jingħataw skond l-Artikoli 14 u 16”.

23      Dawn id-dispożizzjonijiet partikolari, li jinsabu fl-Artikoli 14 u 16 tad-Direttiva 92/50, jobbligaw lill-awtoritajiet kontraenti, li jiddefinixxu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi b’referenza għall-istandards nazzjonali li jimplementaw l-istandards Ewropej li għandhom jinsabu fost id-dokumenti ġenerali jew kuntrattwali li jirriferu għal kull kuntratt u li jibagħtu lill-OPOCE avviż dwar ir-riżultati tal-proċedura ta’ l-għoti tal-kuntratt, rispettivament.

24      Jirriżulta mill-qari flimkien ta’ l-Artikoli 9, 14 u 16 tad-Direttiva 92/50 li, meta kuntratti jirrigwardaw, bħal f’dan il-każ, servizi li jaqgħu taħt l-Anness I B, l-awtoritajiet kontraenti huma biss marbuta ma’ l-obbligi li jiddefinixxu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi b’referenza għal standards nazzjonali li jimplementaw l-istandards Ewropej li għandhom jinsabu fost id-dokumenti ġenerali jew kuntrattwali li jirriferu għal kull kuntratt u li jibagħtu lill-OPOCE avviż dwar ir-riżultati tal-proċedura ta’ l-għoti ta’ dawn il-kuntratti. Minn naħa l-oħra, ir-regoli l-oħra ta’ proċedura li huma previsti minn din id-Direttiva, b’mod partikolari dawk li jirreferu għall-obbligu ta’ reklamar minn qabel sabiex jista’ jkun hemm offerti oħra, mhumiex applikabbli għal dawn il-kuntratti.

25      Fil-fatt, fir-rigward tas-servizzi li jaqgħu taħt l-Anness I B tad-Direttiva 92/50 u bla ħsara għal evalwazzjoni oħra li jagħmel referenza għaliha l-Artikolu 43 ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur Komunitarju bbaża ruħu fuq il-preżunzjoni li l-kuntratti li jirrigwardaw dawn is-servizzi, fid-dawl tan-natura speċifika tagħhom, m’għandhomx a priori interess transkonfinali tali li jiġġustifika li l-għoti tagħhom isir wara proċedura ta’ reklamar intiża sabiex tippermetti lill-impriżi ta’ Stati Membri oħra li jsiru jafu dwar l-avviż ta’ kuntratt u japplikaw. Għal dan il-għan, id-Direttiva 92/50, titlob għal din il-kategorija ta’ servizzi, irreklamar wara l-fatt.

26      Madankollu, huwa paċifiku li l-għoti tal-kuntratti pubbliċi jibqa’ suġġett għar-regoli fundamentali tad-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, għall-prinċipji stabbiliti mit-Trattat fil-qasam tad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza HI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

27      F’dan ir-rigward, skond ġurisprudenza kostanti, il-koordinazzjoni fuq livell Komunitarju tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti kienu intiżi sabiex jiġu eliminati l-ostakoli għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u prodotti u għalhekk sabiex jipproteġu l-interessi ta’ l-operaturi ekonomiċi stabbiliti fi Stat Membru, li jixtiequ joffru prodotti jew servizzi lill-awtoritajiet kontraenti stabbiliti fi Stat Membru ieħor (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2000, University of Cambridge, C‑380/98, Ġabra p. I‑8035, punt 16; tat-18 ta’ Ottubru 2001, SIAC Construction, C‑19/00, Ġabra p. I-7725, punt 32, u HI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

28      Id-Direttiva 92/50 għandha objettiv bħal dan. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-għoxrin premessa, din tfittex li jiġu eliminati prattiki li jirrestrinġu l-kompetizzjoni in ġenerali u l-parteċipazzjoni fil-kuntratti minn ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn b’mod partikolari, billi jitjieb l-aċċess ta’ fornituri ta’ servizzi għall-għoti ta’ kuntratti (ara s-sentenza HI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

29      Jirriżulta minn dan li s-sistema ta’ reklamar, stabbilita mil-leġiżlatur Komunitarju għall-kuntratti dwar is-servizzi li jaqgħu fl-Anness I B, mhuwiex interpretat bħala li jipprekludi l-applikazzjoni tal-prinċipji li jirriżultaw mill-Artikoli 43 KE u 49 KE, fejn kuntratti bħal dawn ikollhom għallinqas interess transkonfinali ċert.

30      Barra minn dan, safejn kuntratt dwar servizzi li jaqa’ taħt l-Anness I B jippreżenta dan l-interess, l-għoti, fin-nuqqas ta’ kull trasparenza, ta’ dan il-kuntratt lill-impriża li tinsab fl-Istat Membru ta’ l-awtorità kontraenti jikkostitwixxi differenza ta’ trattament bi ħsara għall-impriżi, li jistgħu jkunu interessati f’dan il-kuntratt, li jinsabu fi Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Telaustria u Telefonadress, iċċitata iktar ’il fuq, punti 60 u 61, kif ukoll tal-21 ta’ Lulju 2005, Coname, C-231/03, Ġabra p. I-7287, punt 17).

31      Sakemm ma tkunx iġġustifikata permezz ta’ ċirkustanzi oġġettivi, tali differenza ta’ trattament, billi teskludi l-impriżi kollha li jinsabu fi Stat Membru ieħor, taħdem prinċipalment bi ħsara ta’ dawn ta’ l-aħħar, u tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq iċ-ċittadinanza, li hija pprojbita skond l-Artikoli 43 KE u 49 KE (sentenza Coname, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi li, minkejja r-rabta tal-kuntratt in kwistjoni mas-servizzi li jaqgħu taħt l-Anness I B tad-Direttiva 92/50, dan il-kuntratt jippreżenta, għal impriża li tinsab fi Stat Membru ieħor għal dak fejn tinsab l-awtorità kontraenti kkonċernata, interess ċert u li din ta’ l-aħħar, billi ma kellhiex aċċess għall-informazzjoni adegwata qabel ma ngħata l-kuntratt, ma kinitx f’pożizzjoni li turi l-interess tagħha għalih.

33      Fil-fatt, skond ġurisprudenza kostanti, il-Kummissjoni għandha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji kollha sabiex din ta’ l-aħħar tkun tista’ tivverifika l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas, mingħajr ma jkollha tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2003, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-434/01, Ġabra p. I-13239, punt 21; tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-117/02, Ġabra p. I-5517, punt 80, u tas-26 ta’ April 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-135/05, Ġabra p. I-3475, punt 26), f’dan il-każ preżunzjoni li bih kuntratt dwar servizzi li jaqa’ taħt l-Anness I B tad-Direttiva 92/50 u suġġett għad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 24 ta’ din is-sentenza bilfors jippreżenta interess transkonfinali ċert.

34      F’dan il-każ, dawn il-provi ma ġewx ippreżentati mill-Kummissjoni. Fil-fatt, sempliċi indikazzjoni minnha, ta’ l-eżistenza ta’ lment indirizzat lilha li jirrigwarda s-suq in kwistjoni mhuwiex biżżejjed sabiex juri li dan il-kuntratt għandu interess transkonfinali ċert u li konsegwentement, tiġi ddikjarata l-eżistenza ta’ nuqqas.

35      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, bid-deċiżjoni li biha tagħti, mingħajr ma sar reklamar minn qabel, il-provvista ta’ servizzi bi ħlas tal-welfare soċjali f’idejn An Post, l-Irlanda ma naqsitx milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 43 KE u 49 KE kif ukoll skond il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju fir-rigward ta’ kuntratt għall-provvista ta’ servizzi bħal dawn.

36      Konsegwentement, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

37      Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitluba mill-Irlanda. Skond l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4 ta’ l-istess Artikolu, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju ta’ l-Olanda u r-Repubblika tal-Finlandja, li intervjenew f’din il-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja), taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata għall-ispejjeż.

3)      Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju ta’ l-Olanda u r-Repubblika tal-Finlandja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.