Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Diċembru 2015 – British Airways vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-48/11) 1

(“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tal-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru – Ftehimiet u prattiki miftiehma fuq diversi elementi tal-prezzijiet tas-servizzi ta’ ġarr ta’ merkanzija bl-ajru (stabbiliment ta’ sovrataxxi marbuta mal-karburant u ta’ sovrataxxi marbuta mas-sigurtà, rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjoni fuq is-sovrataxxi) – Artikolu 101 TFUE, Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-trasport bl-ajru – Obbligu ta’ motivazzjoni”)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: British Airways plc (Harmondsworth, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: inizjalment K. Lasok, QC, R. O’Donoghue, barrister, u B. Louveaux, solicitor, sussegwentement R. O’Donoghue, B. Louveaux u J. Turner, QC)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: inizjalment N. Khan, S. Noë u N. von Lingen, aġenti, assistiti inizjalment minn B. Doherty, sussegwentement minn A. Bates, barristers, sussegwentement N. Khan u A. Dawes, aġenti, assistiti minn A. Bates)

Suġġett

Talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 7694 finali, tad-9 ta’ Novembru 2010, li tirrigwarda proċedura skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-trasport bl-ajru (Każ C[OMP/].39258 — Trasport ta’ merkanzija bl-ajru), sa fejn din tirrigwarda lir-rikorrenti.

Dispożittiv

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 7694 finali, tad-9 ta’ Novembru 2010, li tirrigwarda proċedura skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-trasport bl-ajru (Każ C[OMP/].39258 — Trasport ta’ merkanzija bl-ajru), hija annullata sa fejn fiha l-Kummissjoni Ewropea, minn naħa, qieset li British Airways plc, l-ewwel nett, kienet ipparteċipat fir-rifjut ta’ ħlas tal-kummissjonijiet, it-tieni nett, kienet wettqet ksur tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-trasport bl-ajru bejn it-22 ta’ Jannar 2001 u l-1 ta’ Ottubru 2001 u, it-tielet nett, kienet ipparteċipat fi ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fir-rigward ta’ servizzi ta’ ġarr ta’ merkanzija bl-ajru minn Hong Kong (iċ-Ċina), mill-Ġappun, mill-Indja, Mit-Tajlandja, minn Singapor, mill-Korea t’Isfel u mill-Brażil u, min-naħa l-oħra, imponitilha multa.

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata kemm għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għal dawk sostnuti minn British Airways plc.

____________

1 ĠU C 80, 12.3.2011.