Language of document : ECLI:EU:T:2018:910

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

12 ta’ Diċembru 2018(*)


“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-perindopril, prodott mediċinali intiż għall-kura tal-mard kardjovaskulari, fil-verżjonijiet tal-bidu u ġeneriċi tiegħu – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE – Ftehimiet intiżi sabiex jiġi ttardjat, jew anki ostakolat, id-dħul fis-suq id-dħul fis-suq ta’ verżjonijiet ġeneriċi tal-perindopril – Parteċipazzjoni ta’ sussidjarja fil-ksur imwettaq mill-kumpannija omm – Imputazzjoni tal-ksur– Responsabbiltà in solidum – Ammont massimu tal-multa”

Fil-Kawża T-677/14,

Biogaran, stabbilita f’Colombes (Franza), irrappreżentata minn T. Reymond, O. de Juvigny u J. Jourdan, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn F. Castilla Contreras, T. Vecchi, B. Mongin u, sussegwentement minn Castilla Contreras, Mongin u C. Vollrath, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba skontl-Artikolu 263 TFUE u intiża, prinċipalment, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2014) 4955 finali, tad-9 ta’ Lulju 2014, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE [Każ AT.39612 – Perindopril (Servier)], sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti, u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqha mill-imsemmija deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn S. Gervasoni (Relatur), President, L. Madise u R. da Silva Passos, Imħallfin,

Reġistratur: G. Predonzani, amministratur

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-5 ta’ Ottubru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

A.      Fuq il-perindopril

1        Il-groupe Servier, ifformat minn Servier SAS u diversi sussidjarji (iktar ’il quddiem, imsejħa individwalment jew flimkien, “Servier”), zviluppa il-perindopril, prodott mediċinali indikat bħala mediċina kardjovaskulari, intiż prinċipalment sabiex tiġi miġġielda il-pressjoni għolja u l-insuffiċjenza kardijaka, permezz ta’ mekkaniżmu ta’ inibizzjoni tal-enzima ta’ konverżjoni tal-angjotensin (iktar ’il quddiem l-“EKA”).

2        L-ingredjent farmaċewtiku attiv (iktar ’il quddiem l-“IFA”) tal-perindopril, jiġifieri s-sustanza kimika bijoloġikament attiva li tipproduċi l-effetti terapewtiċi previsti, hija fil-forma ma’ melħ. Il-melħ użat inizjalment kien l-erbumina (jew tert-butilamina), li jippreżenta ruħu f’forma kristallina minħabba proċess użat minn Servier għas-sinteżi tiegħu.

1.      Privattiv marbuta mal-molekula

3        Il-privattiva marbuta mal-molekula tal-perindopril (privattiva EP0049658, iktar ’il quddiem il-“privattiva 658”) ġiet ippreżentata quddiem l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (UEP) tad-29 ta’ Settembru 1981. Il-privattiva 658 kellha tiskadi fid-29 ta’ Settembru 2001, iżda l-protezzjoni tagħha ġiet estiża f’diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, fosthom fir-Renju Unit, sat-22 ta’ Ġunju 2003, kif kien jippermetti r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1768/92 tat-18 ta’ Ġunju 1992 dwar il-ħolqien ta’ ċertifikat ta’ protezzjoni supplementari għal prodotti mediċinali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 11, p. 200). Fi Franza, il-protezzjoni tal-privattiva 658 ġiet estiża sat-22 ta’ Marzu 2005 u, fl-Italja, sat-13 ta’ Frar 2009.

2.      Privattivi sekondarjij

4        Barra minn dan, fl-1988, Servier ippreżenta diversi privattivi quddiem l-UEP marbuta mal-proċessi tal-fabbrikazzjoni tal-molekula tal-perindopril li kienu jiskadu fis-16 ta’ Settembru 2008: il-privattivi EP0308339, EP0308340, EP0308341 et EP0309324 (iktar ’il quddiem, rispettivament, il-“privattiva 339”, il-“privattiva 340”, il-“privattiva 341” u l-“privattiva 324”).

5        Fl-2001, Servier ippreżenta privattivi ġodda quddiem l-UEP marbuta mal-erbumina u mal-proċessi tal-fabbrikazzjoni tagħha, fosthom il-privattiva EP1294689 (imsejħa “privattiva beta”, iktar ’il quddiem il-“privattiva 689”), il-privattiva EP1296948 (imsejħa “privattiva gamma”, iktar ’il quddiem il-“privattiva 948”) u l-privattiva EP1296947 (imsejħa “privattiva alpha”, iktar ’il quddiem il-“privattiva 947”). Il-privattiva 947, marbuta mal-forma kristallina alpha tal-erbumina u mal-proċess ta’ preparazzjoni tagħha, ġiet ippreżentata fis-6 ta’ Lulju 2001 u ngħatat mill-UEP fl-4 ta’ Frar 2004.

3.      Perindopriltat-tieni ġenerazzjoni

6        Mill-2002, Servier beda jiżviluppa perindopril tat-tieni ġenerazzjoni, iffabbrikata minn melħ differenti minn dak tal-erbumina, jiġifieri minn dak tal-arginina. Dan il-perindopril-arginina kellu jsarraf f’titjib f’termini ta’ tul tal-perijodu ta’ konservazzjoni, li kien jiżdied minn sentejn għal tliet snin, ta’ stabbiltà, li jippermetti tip wieħed ta’ imballaġġ għaż-żoni klimatiċi kollha, kif ukoll ta’ stokkjar, li ma jirrikejdi l-ebda kundizzjoni partikolari.

7        Fis-17 ta’ Frar 2003, Servier ippreżenta applikazzjoni għal privattiva Ewropea għall-perindopril-arginina (privattiva EP1354873B, iktar ’il quddiem il-“privattiva 873”). Il-privattiva 873 ingħatat lilha fis-17 ta’ Lulju 2004, b’data ta’ skadenza stabbilita għas-17 ta’ Frar 2023. Id-dħul tal-perindopril-arginina fis-swieq tal-Unjoni Ewropea beda fl-2006.

B.      Fuq ir-rikorrenti

8        Biogaran (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti” jew “Biogaran”), sussidjarja 100 % ta’ Laboratoires Servier SAS, li hija sussidjarja ta’ Servier SAS, u Biogaran u stabbilita fl-1996, hija kumpannija ta’ ġeneriċi li l-attività ta’ distribuzzjoni tagħha hija limitata kważi esklużivament għal Franza.

C.      Fuq l-attivitajiet ta’ Niche marbuta mal-perindopril

9        Il-kumpannija ta’ ġeneriċi Niche Generics Ltd (iktar ’il quddiem “Niche”) adottat l-obbligi u r-responsabbiltajiet kollha imposti fuq Bioglan Generics bis-saħħa tal-ftehim ta’ żvilupp u ta’ liċenzja li din tal-aħħar kienet ikkonkludiet fis-26 ta’ Marzu 2001 ma’ Medicorp Technologies India Ltd (iktar ’il quddiem “Medicorp”), li ġiet suċċeduta minn Matrix Laboratories Ltd (iktar ’il quddiem “Matrix”), bil-ħsieb li tikkummerċjalizza forma ġenerika ta’ perindopril (iktar ’il quddiem il-“ftehim Niche-Matrix”). Il-ftehim Niche-Matrix kien jistabbilixxi li ż-żewġ kumpanniji kellhom jikkummerċjalizzaw il-perindopril ġeneriku fl-Unjoni, filwaqt li jispeċifika li Matrix kienet prinċipalment responsabbli għall-iżvilupp u l-provvista tal-IFA tal-perindopril, filwaqt li Niche kienet prinċipalment responsabbli għall-passi neċessarji bil-ħsieb li jinkisbu l-awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq (ATS) kif ukoll għall-istrateġija kummerċjali.

10      F’April 2003, Matrix ipprovdiet kunsinna pilota ta’ IFA tal-perindopril kif ukoll il-fajl permanenti tas-sustanza attiva korrispondenti bil-ħsieb li jiġu ppreparati l-applikazzjonijiet ta’ ATS minn Niche.

11      Unichem Laboratories Ltd (iktar ’il quddiem “Unichem”), kumpannija omm ta’ Niche, kienet, bħala tali, responsabbli għall-produzzjoni tal-perindopril fil-forma farmaċewtika finali, skont ftehim ta’ żvilupp u ta’ fabbrikazzjoni tal-pilloli tal-perindopril konkluż fis-27 ta’ Marzu 2003 ma’ Medicorp, li saret Matrix, li obbligat ruħha li tiżviluppa l-IFA tal-perindopril u li tissupplixxiha bih.

D.      Fuq il-kawżi marbuta mal-perindopril

1.      Kawżi quddiem l-UEP

12      Għaxar kumpanniji tal-ġeneriċi, fosthom Niche, ippreżentaw oppożizzjoni kontra l-privattiva 947 quddiem l-UEP fl-2004, bil-ħsieb li jiksbu r-revoka totali tagħha, billi invokaw raġunijiet ibbażati fuq nuqqas ta’ novità u ta’ attività inventiva u fuq il-karattru insuffiċjenti tal-espożizzjoni tal-invenzjoni. Madankollu, Niche rtirat mill-proċedura ta’ oppożizzjoni fid-9 ta’ Frar 2005.

13      Fis-27 ta’ Lulju 2006, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UEP ikkonfermat il-validità tal-privattiva 947 wara tibdiliet żgħar fil-pretenzjonijiet inizjali ta’ Servier (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-UEP tas-27 ta’ Lulju 2006”). Seba’ kumpanniji ppreżentaw rikors kontra din id-deċiżjoni. Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Mejju 2009, il-Bord tal-Appell tekniku tal-UEP annulla d-deċiżjoni tal-UEP tas-27 ta’ Lulju 2006 u rrevoka l-privattiva 947. Ir-rikors għal reviżjoni ppreżentat minn Servier kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud fid-19 ta’ Marzu 2010.

14      Fil-11 ta’ Awwissu 2004, Niche ppreżentat ukoll oppożizzjoni kontra l-privattiva 948 quddiem l-UEP, iżda hija rtirat mill-proċedura fl-14 ta’ Frar 2005.

2.      Kawżi quddiem il-qrati nazzjonali

15      Barra minn hekk, il-validità tal-privattiva 947 ġiet ikkontestata mill-kumpanniji tal-ġeneriċi quddiem il-qrati ta’ ċerti Stati Membri, b’mod partikolari fil-Pajjiżi l-Baxxi u fir-Renju Unit.

16      Fir-Renju Unit, Servier ippreżenta fil-25 ta’ Ġunju 2004 azzjoni ta’ kontrafazzjoni quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (patents court) [Il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingliterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità (Awla tal-Privattivi), Ir-Renju Unit] fil-konfront ta’ Niche, billi invoka l-privattivi tagħha 339, 340 u 341, billi din tal-aħħar ressqet talbiet għal ATS fir-Renju Unit għal verżjoni ġenerika tal-perindopril, żviluppata bi sħubija ma’ Matrix skont il-ftehim Niche-Matrix. Fid-9 ta’ Lulju 2004, Niche nnotifikat lil Servier b’talba rikonvenzjonali għal nullità tal-privattiva 947.

17      Is-seduta quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (patents court) [Il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingliterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità (Awla tal-Privattivi), dwar il-fondatezza tal-kontrafazzjoni allegata, ġiet iffissata għas-7 u t-8 ta’ Frar 2005, iżda damet biss nofs jum, minħabba li ntlaħqet riżoluzzjoni bonarja bejn Servier u Niche fit-8 ta’ Frar 2005, li temmet il-vertenza bejn dawn iż-żewġ partijiet.

18      Matrix iżżammet informata minn Niche bl-iżvolġiment ta’ din il-proċedura kontenzjuża u ġiet ukoll assoċjata magħha billi tat ix-xhieda tagħha quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (patents court) [Il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingliterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità (Awla tal-Privattivi), għan-nom ta’ Niche. Barra minn hekk, Servier bagħat ittra formali ta’ twissija lil Matrix fis-7 ta’ Frar 2005, li biha allega ksur minnha tal-privattivi 339, 340 u 341 u hedditha bil-ftuh ta’ azzjoni ta’ kontrafazzjoni.

19      Barra minn hekk, fil-ħarifa tal-2004, Servier beda jaħseb għall-akkwiżizzjoni ta’ Niche. Għal dan l-għan, Servier stabbilixxa verifika preliminari, li l-ewwel parti tagħha tlestiet fl-10 ta’ Jannar 2005, data li fiha huwa ppreżenta offerta preliminari mhux vinkolanti ta’ akkwiżizzjoni tal-kapital ta’ Niche għal ammont ta’ bejn 15 u 45 miljun lira sterlina (GBP). Wara t-tieni fażi tal-verifika preliminari, li saret fil-21 ta’ Jannar 2005, Servier, fil-31 ta’ Jannar 2005, informa lil Niche oralment li huwa ma kienx għadu jixtieq ikompli bl-akkwiżizzjoni tagħha.

E.      Fuq ir-riżoluzzjonijiet bonarji

1.      Fuq il-ftehimiet konklużi bejn Niche, Unichem, Matrix u Servier

20      Servier ikkonkluda serje ta’ ftehimiet ta’ riżoluzzjonijiet bonarji ma’ diversi kumpanniji ta’ ġeneriċi li magħhom huwa kellu vertenzi marbuta mal-privattivi.

21      Fit-8 ta’ Frar 2005, Servier ikkonkluda ma’ Niche u Unichem ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja (iktar ’il quddiem, il-“ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja” jew il-“ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja bejn Servier u Niche”). Il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-ftehim kien ikopri l-pajjiżi kollha li fihom kienu jeżistu l-privattivi 339, 340, 341 u 947 (Artikolu 3 tal-ftehim).

22      Permezz tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja, Niche u Unichem obbligaw ruħhom li jastjenu milli jiffabbrikaw, millli jitolbu l-fabbrikazzjoni, milli jżommu, milli jimportaw, milli jipprovdu, milli jipproponu li jipprovdu jew milli jiddisponu mill-perindopril ġeneriku ffabbrikat skont il-proċess żviluppat minn Niche u li Servier kien jikkunsidra bħala li jikser il-privattivi 339, 340 u 341, kif ivvalidati fir-Renju Unit, skont proċess sostanzjalment simili, jew skont kull proċess ieħor li jista’ jikser il-privattivi 339, 340 u 341 (iktar ’il quddiem il-“proċess kontenzjuż”) sal-iskadenza lokali ta’ dawn il-privattivi (Artikolu 3 tal-ftehim) (iktar ’il quddiem il-“klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni”). Għall-kuntrarju, il-ftehim kien jistabbilixxi li huma liberi li jikkummerċjalizzaw il-perindopril iffabbrikat permezz tal-proċess kontenzjuż mingħajr ma jiksru l-privattivi, wara l-iskadenza lokali tal-imsemmija privattivi (Artikoli 4 u 6 tal-ftehim). Barra minn hekk, Niche kienet obbligata li tannulla, ixxolji jew tissospendi, sad-data tal-iskadenza tal-privattivi, il-kuntratti kollha tagħha diġà konklużi marbuta mal-perindopril iffabbrikat permezz tal-proċess kontenzjuż kif ukoll mat-talbiet għal ATS ta’ dan il-perindopril (Artikolu 11 tal-ftehim). Barra minn hekk, Niche u Unichem obbligaw ruħhom li ma jressqu l-ebda talba għal ATS tal-perindopril iffabbrikat permezz tal-proċess kontenzjuż u li ma jgħinu lil ebda terz sabiex jikseb tali ATS (Artikolu 10 tal-ftehim). Fl-aħħar, huma kellhom jastjenu minn kull azzjoni għal invalidità jew għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kontrafazzjoni fil-konfront tal-privattivi 339, 340, 341, 947, 689 u 948 sal-iskadenza tagħhom, ħlief bħala difiża fil-kuntest ta’ azzjoni ta’ kontrafazzjoni tal-privattiva (Artikolu 8 tal-ftehim) (iktar ’il quddiem il-“klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni”). Barra minn hekk, Niche aċċettat li tirtira l-oppożizzjonijiet tagħha kontra l-privattivi 947 u 948 quddiem l-UEP (Artikolu 7 tal-ftehim).

23      Inkambju, Servier obbliga ruħu, minn naħa, li ma jippreżentax azzjoni ta’ kontrafazzjoni kontra Niche jew il-klijenti tagħha u Unichem ibbażata fuq il-privattivi 339, 340, 341 u 947, fir-rigward ta’ kull att ta’ kontrafazzjoni allegata li seħħ qabel il-konklużjoni tal-ftehim (Artikolu 5 tal-ftehim) (iktar ’il quddiem il-“klawżola ta’ nuqqas ta’ invokazzjoni”), u, min-naħa l-oħra, li tħallas lil Niche u lil Unichem somma ta’ GBP 11.8 miljun f’żewġ pagamenti (Artikolu 13 tal-ftehim). Dan l-ammont kien jirrappreżenta l-korrispettiv għall-impenji ta’ Niche u ta’ Unichem u “spejjeż sostanzjali u responsabbiltajiet potenzjali li jistgħu jiġu sostnuti minn Niche u Unichem minaħabba t-twaqqif tal-progrATS tagħhom ta’ żvilupp tal-perindopril iffabbrikat skont il-proċess [kontenzjuż]”.

24      Barra minn hekk, bl-istess mod, fit-8 ta’ Frar 2005, Servier ikkonkluda ma’ Matrix ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja (iktar ’il quddiem il-“ftehim Matrix”) li jkopri l-pajjiżi kollha li fihom kienu jeżistu l-privattivi 339, 340, 341 u 947, bl-eċċezzjoni ta’ Stat mhux membru taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) [Taqsima 1(1)(xiii) tal-ftehim].

25      Permezz tal-ftehim Matrix, Matrix obbligat ruħha li tastjeni milli tiffabbrika, milli titolbu l-fabbrikazzjoni, milli żżomm, milli timporta, milli tipprovdi, milli tipproponi li tipprovdi jew milli tiddisponi mill-perindopril iffabbrikat skont il-proċess kontenzjuż sal-iskadenza lokali ta’ dawn il-privattivi (Artikoli 1 u 2 tal-ftehim). Għall-kuntrarju, il-ftehim kien jistabbilixxi li Matrix tkun libera tikkummerċjalizza l-perindopril iffabbrikat permezz tal-proċess kontenzjuż mingħajr ma tikser dawn il-privattivi, wara l-iskadenza tal-imsemmija privattivi (artikolu 4 tal-ftehim). Barra minn hekk, Matrix kienet obbligata tannulla, tħassar jew tissospendi, sad-data ta’ skadenza tal-privattivi, il-kuntratti kollha tagħha diġà koklużi marbuta mal-perindopril iffabbrikat permezz tal-proċess kontenzjuż kif ukoll ma’ talbiet għal ATS għal dan il-perindopril, sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2005 (Artikoli 7 u 8 tal-ftehim). Barra minn hekk, hija obbligat ruħha li ma tressaq l-ebda talba għal ATS għall-perindopril iffabbrikat premezz tal-proċess kontenzjuż u li ma tgħin l-ebda terz jikseb tali ATS (Artikolu 6 tal-ftehim). Fl-aħħar, Matrix kellha tastjeni minn kull azzjoni għal invalidità jew ta’ nuqqas ta’ kontrafazzjoni fil-konfront tal-privattivi 339, 340, 341, 947, 689 u 948 sal-iskadenza tagħhom, ħlief bħala difiża fil-kuntest ta’ azzjoni ta’ kontrafazzjoni ta’ privattiva (Artikolu 5 tal-ftehim).

26      Inkambju, Servier kien obbliga ruħu, minn naħa, li ma jibdiex azzjoni ta’ kontrafazzjoni kontra Matrix ibbażata fuq il-privattivi 339, 340, 341 u 947 fil-konfront ta’ kull att ta’ kontrafazzjoni allegata li jkun sar qabel il-konklużjoni tal-ftehim Matrix (Artikolu 3 tal-ftehim), u, min-naħa l-oħra, li jħallas lil Matrix somma ta’ GBP 11.8 miljun f’żewġ pagamenti (Artikolu 9 tal-ftehim). Din is-somma kienet tirrappreżenta l-korrispettiv għall-impenji ta’ Matrix u “spejjeż sostanzjali u responsabbiltajiet potenzjali li jistgħu jiġu sostnuti minn Matrix minħabba l-waqfien tal-programm tagħha ta’ żvilupp tal-perindopril iffabrikat skont il-proċess [kontenzjuż]”.

2.      Fuq il-Ftehim konklużbejn Niche u Biogaran

27      Fit-8 ta’ Frar 2005 (il-jum tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja bejn Servier u Niche), ġie konkluż il-ftehim ta’ liċenzja u ta’ provvista bejn Niche u Biogaran dwar it-trasferiment minn Niche lil Biogaran ta’ tliet fajls ta’ prodotti (jiġifieri “l-informazzjoni kollha u/jew data miżmuma minn Niche dwar il-prodotti u neċessarji għall-kisba ta’ ATS”) u ta’ awtorizzazzjoni eżistenti ta’ tqegħid fis-suq inkambju għall-ħlas lil Niche minn Biogaran tas-somma ta’ GBP 2.5 miljun (iktar ’il quddiem il-“ftehim Biogaran”).

28      Bis-saħħa tal-ftehim Biogaran, Niche kienet obbligat ruħha li tittrasferixxi lil Biogaran il-fajl tal-prodott li jikkonċerna l-prodott A sabiex isir użu esklużiv minnu minn Biogaran bil-ħsieb li tikseb ATS fi Franza, fir-Renju Unit u f’pajjiż li ma huwiex parti miż-ŻEE, u użu mhux esklużiv minnu fil-kumplament tad-dinja. Fir-rigward taż-żewġ fajls l-oħra prodotti, marbuta mal-prodott B u mal-prodott Ċ, it-trasferiment tal-fajls twettaq fuq bażi mhux esklużiva kullimkien fid-dinja. Fir-rigward tal-prodott B b’mod partikolari, Niche aċċettat li tittrasferixxi l-ATS tagħha għal Franza lil Biogaran. Il-ftehim Biogaran kien jipprevedi li, wara li tkun kisbet l-ATS tagħha, Biogaran kellha tordna mingħand Niche il-prodotti kkonċernati (l-Artikolu 2.2 tal-ftehim). Skont l-Artikolu 2.5 tal-ftehim, Niche kienet obbligat ruħha li tipprovdi lil Biogaran l-elementi u d-data kollha li kienu jappartjenu lilha jew li kienu taħt il-kontroll tagħha, u li kienu jikkostitwixxu l-fajl tal-prodott neċessarji għall-kisba tal-ATS korrispondenti. Barra minn hekk, Biogaran kienet obbligata li tagħmel l-isforzi raġonevoli kollha tagħha sabiex tiżgura li l-ordnijiet tal-prodott jew tal-prodotti jsiru fil-mument adegwat, sabiex Niche tkun tista’ żżomm skema ta’ produzzjoni stabbli matul il-perijodu kollu ta’ dan il-ftehim (Artikolu 4.1 tal-ftehim). Għall-kuntrarju, il-ftehim Biogaran kien jistabbilixxi li dan il-ftehim kien sejjer jiġi rexiss awtomatikament jekk l-ATS ma jkunux ġew miksuba f’terminu ta’ 18-il xahar (Artikolu 14.4 tal-ftehim). Bl-istess mod, il-ftehim kien jipprevedi li l-ebda parti ma kellha d-dritt għal kumpens f’każ ta’ rexissjoni skont l-Artikoli 14.2 u 14.4 tal-ftehim.

29      Inkambju għall-fajls tal-prodotti, l-Artikolu 2.3 tal-ftehim Biogaran kien jipprevedi l-ħlas minn Biogaran tas-somma ta’ GBP 2.5 miljun u kien jistabbilixxi l-modalitajiet tal-ħlas li jorbtu lil Biogaran tħallas lil Niche GBP 1.5 miljun sa mhux iktar tard mill-14 ta’ Frar 2005 u GBP 1 miljun sa mhux iktar tard mill-5 ta’ Ottubru 2005, fl-istess dati bħal dawk miftiehma fil-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja bejn Servier u Niche għall-ħlas ta’ GBP 11.8 miljun.

F.      Fuq l-investigazzjoni settorjali

30      Fil-15 ta’ Jannar 2008, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftah investigazzjoni fuq is-settur farmaċewtiku abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), bil-ħsieb li tidentifika, minn naħa, il-kawżi tat-tnaqqis fl-innovazzjoni fl-imsemmi settur, imkejla min-numru ta’ prodotti mediċinali ġodda li jidħlu fis-suq, u, min-naħa l-oħra, ir-raġunijiet tad-dħul tardiv fis-suq ta’ ċerti prodotti mediċinali ġeneriċi.

31      Il-Kummissjoni ppubblikat rapport preliminari fuq ir-riżultati tal-investigazzjoni tagħha fit-28 ta’ Novembru 2008, segwita minn konsultazzjoni pubblika. Fit-8 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni adottat avviż li s-suġġett tiegħu kien sinteżi tar-rapport dwar l-investigazzjoni tagħha fuq is-settur farmaċewtika. Il-Kummissjoni indikat b’mod partikolari, f’dan l-avviż, li jeħtieġ li tkompli tissorvelja t-tranżazzjonijiet bonarji tat-tilwimiet fil-qasam tal-privattivi konklużi bejn il-kumpanniji tal-ewwel kampjuni u l-kumpanniji tal-ġeneriċi, bil-ħsieb li tifhem aħjar l-użu li kien isir minn dawn il-ftehimiet u li tidentifika l-ftehimiet li jittradjaw id-dħul tal-prodotti mediċinali ġeneriċi fis-suq b’detriment għall-konsumaturi tal-Unjoni u li jistgħu jikkostitwixxu ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Sussegwentement, il-Kummissjoni pproduċiet sitt rapporti annwali relattivi għas-sorveljanza tal-ftehimiet ta’ riżoluzzjonijiet bonarji marbuta mal-privattivi.

G.      Fuq il-proċedura amministrattiva u d-deċiżjoni kkontestata

32      Fl-24 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet għal għarrieda fl-edifiċji tal-kumpanniji kkonċernati. Il-Kummissjoni ressqet talbiet għal informazzjoni quddiem diversi kumpanniji f’Jannar 2009.

33      Fit-2 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni adottat deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura kontra Servier u r-rikorrenti kif ukoll kumpanniji oħra tal-ġeneriċi.

34      F’Awwissu 2009, u sussegwentement minn Diċembru 2009 sa Mejju 2012, il-Kummissjoni ressqet diversi talbiet għal informazzjoni kemm quddiem Servier kif ukoll quddiem Niche. Wara żewġ istanzi ta’ rifjut ta’ Servier li jikkomunika informazzjoni marbuta mal-ftehim Biogaran, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003, fejn talbet li tiġi kkomunikata lilha serje ta’ informazzjoni. Ir-risposta għal din it-talba ngħatat fis-7 ta’ Novembru 2011.

35      Fis-27 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, indirizzata lil diversi kumpanniji, fosthom lir-rikorrenti, li wieġbet għaliha fl-14 ta’ Jannar 2013.

36      Is-seduta tal-kumpanniji kkonċernati fosthom ir-rikorrenti, saret bejn il-15 u t-18 ta’ April 2013.

37      Fit-18 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni tat aċċess għall-provi miġbura jew żvelati b’mod iktar wiesa’ wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u bagħtet espożizzjoni tal-fatti, li għaliha r-rikorrenti wieġbet fil-21 ta’ Jannar 2014.

38      L-uffiċjal tas-seduta ħareġ ir-rapport finali tiegħu fis-7 ta’ Lulju 2014.

39      Fid-9 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2014) 4955 finali, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE [Każ AT.39612 – Perindopril (Servier)] (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

40      L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jikkonstata li Unichem, li s-sussidjarja tagħha hija Niche, u Servier, li s-sussidjarja tagħha hija Biogaran, kisru l-Artikolu 101 TFUE billi pparteċipaw fi ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja tat-tilwim fil-qasam tal-privattivi permezz ta’ ħlas invertit, li jkopri l-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni tal-Italja u tal-Kroazja, għall-perijodu li jibda fit-8 ta’ Frar 2005, ħlief fir-rigward tal-Latvja (perijodu li jibda fl-1 ta’ Lulju 2005), il-Bulgarija u r-Rumanija (perijodu li jibda fl-1 ta’ Jannar 2007) kif ukoll Malta (perijodu li jibda fl-1 ta’ Marzu 2007), u li jagħlaq fil-15 ta’ Settembru 2008, ħlief fir-rigward tal-Pajjiżi l-Baxxi (perijodu li jagħlaq fl-1 ta’ Marzu 2007) u r-Renju Unit (perijodu li jagħlaq fis-6 ta’ Lulju 2007).

41      Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ftehim Biogaran kien ikkostitwixxa inċentiv addizzjonali maħsub sabiex jikkonvinċi lil Niche sabiex ma tidħolx iktar fis-suq u kien jirrileva l-parteċipazzjoni diretta ta’ Biogaran fil-ksur imwettaq minn Servier, il-kumpannija omm tagħha.

42      Fil-fatt, il-Kummissjoni qieset, fil-premessi 1349 sa 1354 tad-deċiżjoni kkontestata, li, minbarra t-trasferiment tal-valur nett, Servier kien forna lil Niche inċentiv addizzjonali permezz tal-ftehim Biogaran. Il-Kummissjoni enfasizzat li, fit-8 ta’ Frar 2005, jiġifieri fl-istess data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja bejn Servier u Niche, din tal-aħħar kienet ikkonkludiet ukoll il-ftehim Biogaran li, fil-kuntest ta’ dan il-kuntratt, Biogaran kienet ħallset lil Niche GBP 2.5 miljun bħala korrispettiv għat-trasferiment tal-fajls tal-prodotti u ta’ ATS li tikkonċerna prodotti farmaċewtiċi li ma għandhom ebda relazzjoni mal-perindopril.

43      Skont l-Artikolu 7(1)(b) tad-deċiżjoni kkontestata, hija imposta fuq Servier u fuq Biogaran, konġuntement u in solidum, multa ta’ EUR 131 532 600. Barra minn hekk, Biogaran hija marbuta, skont l-Artikolu 8 tal-istess deċiżjoni, li tastjeni milli ġġedded il-ksur hekk ikkonstatat u ssanzjonat u minn kull att jew aġir li għandu għan jew effett identiku jew simili.

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

44      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Settembru 2014, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

45      Ir-rikorrenti titlob lil Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikoli 1, 7 u 8 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn jikkonċernawha;

–        sussidjarjament, tuża l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex tnaqqas b’mod sostanzjali ħafna l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha;

–        tagħtiha l-benefiċċju ta’ kull annullament, sħiħ jew parzjali, tad-deċiżjoni kkontestata fil-kuntest tar-rikors ippreżentat minn Servier u li tislet minnu kull konsegwenza fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tiegħu;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

46      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Fuq l-ammissibbiltà

A.      Fuq it-tielet kap tat-talbiet, li bih ir-rikorrenti titlob li jingħatalha l-benefiċċju ta’ kull annullament, sħiħ jew parzjali, tad-deċiżjoni kkontestata fil-kuntest tar-rikors ippreżentat minn Servier

47      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati.

48      Skont ġurisprudenza stabbilita, din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut li jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi dwar ir-rikors. L-istess japplika għat-talbiet kollha, li għandhom jinkludu motivi u argumenti li jippermettu, kemm lill-konvenut kif ukoll lill-qorti, li jevalwaw il-fondatezza tagħhom (ara s-sentenza tas-7 ta’ Lulju 1994, Dunlop Slazenger vs Il-Kummissjoni, T-43/92, Ġabra, EU:T:1994:79, punt 183 u l-ġuridprudenza ċċitata). Għalhekk, sabiex rikors ikun ammissibbli, huwa meħtieġ li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li jkun ibbażat fuqhom jirriżultaw, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess. F’dan ir-rigward, minkejja li l-korp ta’ dan tal-aħħar jista’ jkun issostanzjat u kkompletat, fuq punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal siltiet partikolari minn dokumenti li huma annessi miegħu, riferiment globali għal dokumenti oħra, anki dawk annessi mar-rikors, ma jistgħux iraqqgħu l-assenza tal-elementi essenzjali tal-argumentazzjoni fil-liġi, li, skont id-dispożizzjonijiet imfakkra iktar ’il fuq, għandhom ikunu inklużi fir-rikors. Minbarra dan, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li hija tista’ tikkunsidra bħala li jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors, peress li l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali (ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni (T-201/04, EU:T:2007:289, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata). A fortiori, ir-riferiment ġenerali, f’rikors, għall-motivi u għall-argumenti invokati insostenn ta’ rikors ieħor, anki jekk ippreżentat fil-kuntest ta’ kawża konnessa, ma jissodisfax ir-rekwiżit imsemmi iktar ’il fuq (sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, Legris Industries vs il-Kummissjoni, T-376/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:107 punt 32).

49      F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-riferiment ġenerali, fir-rikors, mingħajr ebda preċiżjoni jew spjegazzjoni, għall-motivi u għall-argumenti invokati insostenn tar-rikors ippreżentat fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza tal-lum, Servier et vs Il-Kummissjoni (T-691/14), ma jissodisfax ir-rekwiżit imsemmi iktar ’il fuq.

50      Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt li, permezz tat-tielet kap tat-talbiet tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti kellha l-intenzjoni tipprevalixxi ruħha mill-ġurisprudenza li tistabbilixxi li qorti tal-Unjoni għandha tagħti lil kumpannija l-benefiċċju ta’ annullament mogħti favur oħra meta dawn ikunu jifformaw entità ekonomika waħda (sentenza tat-22 ta’ Jannar 2013, Il-Kummissjoni vs Tomkins, C-286/11 P, EU:C:2013:29, punti 43 u 44), kif ġie sostnut minnha fir-replika, din it-talba ma tistax tintlaqa’. Fil-fatt, permezz tas-sentenza tagħha tal-lum Servier et vs Il-Kummissjoni (T-691/14), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors sa fejn dan kien jikkonċerna l-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja bejn Servier u Niche. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka favuriha l-benefiċċju ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata fil-kuntest tar-rikors ippreżentat minn Servier.

51      Minn dak li ntqal jirriżulta li t-tielet kap tat-talbiet tar-rikorrenti, intiżi sabiex tadotta bħala tagħha t-talbiet u l-atti ta’ Servier, għandu jiġi miċħud.

B.      Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti annessi tar-risposta u ta’ provi prodotti f’din ir-risposta

1.      L-argumenti tal-partijiet

52      Preliminarjament, ir-rikorrenti ssostni fir-replika tagħha li l-Kummissjoni pproduċiet fir-risposta tagħha dokumenti u argumenti ġodda insostenn tat-teżi żviluppata fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, ir-risposta (li fiha 40 paġna) kienet ibbażata parzjalment fuq elementi fattwali ġodda, prinċipalment bil-ħsieb li tiġi sostnuta d-deċiżjoni kkontestata li tiddedika biss 6 paġni minn total ta’ 919 għax-xilja ta’ Biogaran. Filwaqt li bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza, ir-rikorrenti ssostni li l-użu fl-istadju tal-proċedura ġudizzjarja ta’ elementi ġodda kien jikser id-drittijiet tad-difiża.

53      Ir-rikorrenti titlob li ċerti annessi tar-risposta għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli, peress li 23 minnhom kienu bl-Ingliż u ma kinux ġew tradotti lejn il-lingwa tal-kawża, il-Franċiż.

54      Il-Kummissjoni tikkontesta li hija ressqet provi ġodda insostenn tal-legalità tad-deċiżjoni kkontesta u li naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ rabta bejn il-ftehim ta’ liċenzja u r-riżoluzzjoni bonarja hija spjegata fid-dettall fid-deċiżjoni kkontestata fil-premessi 561 sa 569 u 1351 sa 1354.

55      Skont il-Kummissjoni, it-tliet ċirkustanzi li jikkonfermaw l-eżistenza ta’ rabta bejn il-ftehim Biogaran u r-riżoluzzjoni bonarja ma jistgħux jiġiu kklassifikati bħala “ġodda”, sa fejn dawn jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata jew huma deduċibbli mill-konstatazzjonijiet tal-imsemmija deċiżjoni stess. Qabelxejn, ir-rwol prevalenti ta’ M. fin-negożjati ta’ Niche ma’ Servier kien imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata fil-premessi 532 u 538 ta’ din tal-aħħar. Sussegwentement, id-diskussjonijiet li jikkonċernaw ix-xewqa ta’ Niche li tikseb ammont ogħla minn dak allokat lil Matrix huma msemmija fid-deċiżjoni kkontestata fil-premessa 577 tad-deċiżjoni kkontestata. Fl-aħħar, ir-rwol ta’ Biogaran fir-relazzjonijiet bejn Servier u l-kumpannija ta’ ġeneriċi Lupin Ltd huwa wkoll imsemmi fil-premessa 979 tad-deċiżjoni kkontestata.

2.      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

56      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, bi ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, fir-risposta tagħha tipproduċi dokumenti u argumenti ġodda insostenn tat-teżijiet żviluppati fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tagħmel tajjeb għall-motivazzjoni insuffiċjenti.

57      F’dan ir-rigward jeħtieġ li jitfakkar li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-Kummissjoni ma tistax tipproduċi, insostenn tad-deċiżjoni kkontestata, provi ġodda favur il-ħtija li ma ġewx inkklużi f’din tal-aħħar. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali rrikonoxxew li l-awtur ta’ deċiżjoni kkontestata seta’ jipprovdi speċifikazzjonijiet fl-istadju tal-proċedura kontenzjuża sabiex jikkompleta motivazzjoni diġà suffiċjenti fiha nnifisha, peress li dawn jistgħu jkunu utli għall-istħarriġ intern tal-motivi tad-deċiżjoni eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni, sa fejn dawn jippermettu lill-istituzzjoni tispjega r-raġunijiet li huma l-bażi tad-deċiżjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2000, Finnboard vs Il-Kummissjoni, C-298/98 P, EU:C:2000:634, punt 46, tat-13 ta’ Lulju 2011, ThyssenKrupp Liften Ascenseurs vs Il-Kummissjoni, T-144/07, T-147/07 sa T-150/07 u T-154/07, EU:T:2011:364, punti 146 sa 149, u tas-27 ta’ Settembru 2012, Ballast Nedam vs Il-Kummissjoni, T-361/06, EU:T:2012:491, punt 49).

58      Fil-każ odjern, il-Kummissjoni la injorat l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni u lanqas id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti billi pproduċiet speċifikazzjonijiet fir-risposta tagħha. Fil-fatt, l-elementi fattwali prodotti fir-risposta u kklassifikati mir-rikorrenti bħala “ġodda” sempliċiment isostnu t-teżi tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta bejn il-ftehim Biogaran u r-riżoluzzjoni bonarja, u jirriżultaw b’mod ċar mid-deċiżjoni kkontestata.

59      Qabel xejn, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni setgħetx tipproduċi indizji addizzjonali marbuta mal-parteċipazzjoni ta’ ċerti impjegati ta’ Biogaran u ta’ Servier fin-negozjati tal-ftehim Biogaran u r-riżoluzzjoni bonarja, jeħtieġ li jiġi nnotat li l-ittra elettronika tal-4 ta’ Frar 2005 ssemmija diversi drabi fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 566 u 1351) u riprodotta fl-Anness B.10 tar-risposta) turi, minn naħa, li M kien qeda għal Niche rwol fin-negozjati taż-żewġ ftehimiet (ara wkoll il-premessa 538 tad-deċiżjoni kkontestata), u min-naħa l-oħra, li L., direttriċi legali tal-grupp Servier, destinatarja ta’ kopja ta’ din l-ittra, kienet assoċjata fid-diskussjonijiet. Minn din l-istess ittra elettronika jirriżulta li l-persuna li nnegozjat il-ftehim Biogaran għan-nom tar-rikorrenti kienet ukoll il-firmatarja tal-ittra ta’ intimazzjoni mibgħuta minn Servier lil Matrix fis-7 ta’ Frar 2005, jum qabel il-konklużjoni tar-riżoluzzjoni bonarja.

60      Sussegwentement, fir-rigward tan-negozjati bejn Matrix u Niche u x-xewqa ta’ Niche li tikseb ammont ogħla minn Matrix, il-Kummissjoni ssostni ġustament li dawn l-elementi jirriżultaw mill-premessa 577 tad-deċiżjoni kkontestata.

61      Fl-aħħar, dwar l-allegat rwol moqdi minn direttur ta’ Biogaran fil-konklużjoni tar-riżoluzzjoni bonarja bejn Servier u l-kumpannija tal-ġeneriċi Lupin Ltd, il-Kummissjoni għandha dritt twieġeb fir-risposta tagħha għall-argumenti tar-rikorrenti, meta din tal-aħħar tipprova tistabbilixxi li t-teżi tal-Kummissjoni hija vvizzjata bi żball ta’ liġi, jiġifieri li d-deċiżjoni kkontestata kienet intiża li tattribwixxi lil Biogaran ir-responsabbiltà tal-atti ta’ Servier (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2011, ThyssenKrupp Liften Ascenseurs vs il-Kummissjoni, T-144/07, T-147/07 sa T-150/07 u T-154/07, EU:T:2011:364, punti 146 sa 149, u tas-27 ta’ Settembru 2012, Ballast Nedam vs Il-Kummissjoni, T-361/06, EU:T:2012:491, punti 49 u 50). Fil-fatt, il-Kummissjoni tagħmel riferiment għar-rwol ta’ B., president fondatur ta’ Biogaran, fil-ftehim bejn Servier u Lupin, bil-għan li turi li Biogaran setgħet tinżamm responsabbli għall-parteċipazzjoni diretta tagħha u mhux għall-atti attribwiti lill-kumpannija omm tagħha.

62      Fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ ċerti annessi tar-risposta, ir-rikorrenti ssostni li d-dokumenti inkwistjoni huma redatti bl-Ingliż u ma humiex akkumpanjati minn traduzzjonijiet lejn il-lingwa tal-kawża, jiġifieri l-Franċiż.

63      Skont l-ewwel u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 35(3) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, li kienu fis-seħħ meta ġiet ippreżentata r-risposta, il-lingwa tal-kawża għandha tintuża fl-inkartamenti u fit-trattazzjonijiet tal-partijiet, inkluż inkartamenti u dokumenti annessi, u kull att u kull dokument prodott jew anness u redatt f’lingwa oħra li ma hijiex il-lingwa tal-kawża għandhom ikunu akkumpanjati minn traduzzjoni lejn il-lingwa tal-kawża. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 7(5) tal-istruzzjonijiet tar-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Lulju 2007 jipprevedi li, meta l-inkartamenti annessi ma’ att tal-proċedura ma jkunux akkumpanjati minn tarduzzjoni lejn il-lingwa tal-kawża, ir-Reġistratur għandu jitlob li dan jiġi rregolat mill-parti kkonċernata, jekk din it-traduzzjoni tkun tidher neċessarja għall-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura. Mill-paragrafi 64 u 68 tal-Istruzzjonijiet prattiċi lill-partijiet quddiem il-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Jannar 2012 (ĠU 2012 L 68, p.23) jirriżulta li jekk ir-risposta ma tkunx konformi mar-regoli marbuta mat-traduzzjoni lejn il-lingwa tal-kawża tal-inkartamenti redatti f’lingwa li ma hijiex il-lingwa tal-kawża, għandu jiġi stabbilit terminu raġjonevoli għall-finijiet tar-regolarizzazzjoni.

64      Fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, hemm lok li jitqies li, fl-assenza ta’ talba minn parti f’dan is-sens, huwa biss jekk it-traduzzjoni lejn il-lingwa tal-kawża tkun neċessarja għall-iżvolġiment tal-proċedura li r-Reġistratur għandu jmexxi f’dan is-sens (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2010, Mediaset vs Il-Kummissjoni, T-177/07, EU:T:2010:233, punt 37).

65      Fil-kawża odjerna, jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma talbitx espressament li l-Qorti Ġenerali titlob mill-Kummissjoni t-traduzzjoni fil-Franċiż, lingwa tal-kawża odjerna, tal-annessi tar-risposta redatti bl-Ingliż. Hija kkontestat biss l-ammissibbiltà ta’ dawn l-annessi billi sostniet li dawn ma kinux redatti fil-lingwa tal-kawża. Madankollu, il-Kummissjoni, b’ittra tat-28 ta’ Settembru 2015, f’terminu raġjonevoli wara l-produzzjoni tar-risposta tagħha, innotifikat lir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali bit-traduzzjoni bil-Franċiż tal-imsemmija annessi. Barra minn hekk, ir-rikorrenti setgħet tesprimi ruħha dwar dawn l-atti waqt is-seduta. Għaldaqstant, fi kwalunkwe każ, mingħajr il-bżonn li jiġi ddeterminat jekk din it-traduzzjoni kinitx neċessarja għall-iżvolġiment tal-kawża, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-rikorrenti fir-rigward tal-annessi inkwistjoni għandha tiġi miċħuda.

66      Għaldaqstant, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mir-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda.

IV.    Fuq il-mertu

67      Ir-rikorrenti tqajjem tliet motivi insostenn tal-konklużjonijiet tagħha. Fl-ewwel lok, hija ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma wrietx il-parteċipazzjoni tagħha f’xi ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni. Fit-tieni lok, hija tikkontesta l-evalwazzjoni fattwali tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ addizzjonali ta’ inċentiv naxxenti mill-ftehim Biogaran. Fit-tielet lok, hija ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta imponiet multa fuqha. Jeħtieġ li l-ewwel jiġi eżaminat it-tieni motiv, imbagħad l-ewwel motiv, u, finalment, it-tielet motiv.

A.      Fuq il-motiv ibbażat fuq l-iżnaturament tal-fatti sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tistabbilixxi b’mod żbaljat li l-ftehim Biogaran serva bħala inċentiv addizzjonali sabiex jinkoraġġixxi lil Niche tikkonkludi r-riżoluzzjoni bonarja ma’ Servier

68      Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni li għamlet il-Kummissjoni fuq il-fatti inkwistjoni, liema evalwazzjoni wasslitha sabiex issib l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni.

1.      L-argumenti tal-partijiet

a)      Fuq żball ta’ evalwazzjoni fl-analiżi ta’ rabta bejn il-ftehim u l-ftehimta’ riżoluzzjoni bonarja

1)      Fuq il-kronoloġija tan-negozjati tal-ftehim

69      Ir-rikorrenti ssostni li l-istejjer tan-negozjati taż-żewġ ftehimiet kienu differenti, anki jekk l-iffirmar tal-ftehim Biogaran u dak tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja bejn Servier u Niche seħħew fl-istess jum. Fil-fatt, diversi dokumenti kontemporanji kienu juru li Biogaran kienet bdiet tinnegozja l-ftehim Biogaran fl-2002, kważi sentejn qabel il-bidu tad-diskussjonijiet marbtua mar-riżoluzzjoni bonarja. B’hekk, ir-rikorrenti tikkontesta l-allegazzjoni li ż-żewġ ftehimiet ġew innegozzjati matul l-istess perijodu, kif jirriżulta mill-premessa 1351 tad-deċiżjoni kkontestata.

70      Il-fatt li r-rikorrenti bdiet tinnegozja l-ftehim Biogaran anki qabel ma beda d-disgwid bejn Servier u Niche kien juri l-eżistenza għal Biogaran ta’ interess awtonomu, proprju u distint li tiffirma dan il-ftehim, indipendentement mir-riżoluzzjoni bonarja.

71      Ir-rikorrenti ssostni li l-konklużjoni ta’ żewġ ftehimiet fl-istess jum tirrileva mhux l-eżistenza ta’ rabta iżda sempliċiment il-fatt li t-tilwima bejn Servier u Niche kellha l-effett kollaterali li tibblokka n-negozjati preżistenti bejn Niche u Biogaran, li ssoktaw fi Frar 2005, xi jiem qabel l-iffirmar tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja.

72      Il-Kummissjoni ssostni li hija stabbilixxiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-kronoloġija tan-negozjati kienet tikkonferma l-eżistenza ta’ rabta bejn il-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja u l-ftehim Biogaran.

73      Fl-ewwel lok, Niche ikkonfermat, f’dikjarazzjoni tal-15 ta’ Ġunju 2011, li l-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja u l-ftehim Biogaran kienu ġew innegozzjati fl-istess ħin. Fit-tieni lok, in-negozjati preċedenti bejn Niche u Biogaran kienu jirrigwardaw biss il-prodott A u ġew estiżi biss fi Frar 2005 għal molekulu oħra. Għaldaqstant, il-portata tal-ftehim ġiet estiża fl-aħħar mument, fatt li kien ikkonfermat minn ittra elettronika tal-4 ta’ Frar 2005 mibgħuta mill-avukat ta’ Biogaran lil Niche. Fit-tielet lok, il-kuntatti bejn Biogaran u Niche kienu għadhom għaddejin f’Awwissu 2004, jiġifieri xahar wara l-bidu tal-proċedura ġudizzjarja fir-Renju Unit. Anki jekk dawn il-kuntatti ma waqfux, in-negozjati bejn Biogaran u Niche ssoktaw biss waqt in-negożjati tar-riżoluzzjoni bonarja, meta l-proċedura ġudizzjarja bejn Servier u Niche kienet għadha pendenti. Għaldaqstant, in-negozjati fuq il-prodott A ma jidhirx li ġew ipparalizzati minħabba l-proċedura ġudizzjarja li kienet bdiet f’Ġunju tal-2004.

2)      Fuq ir-rabta ġuridika bejn il-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja u l-ftehim Biogaran

74      Skont ir-rikorrenti, kuntrarjament għal dak li tirrileva l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata fil-premessa 1190, il-ftehim iffirmat minn Biogaran ma kienx “issubordinat” għall-aċċettazzjoni minn Niche tal-kundizzjonijiet tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja. Fil-fatt, l-ebda wieħed minn dawn iż-żewġ ftehimiet ma rabat jew ikkondizzjona l-iffirmar tiegħu u/jew l-eżekuzzjoni tiegħu għal dak tal-ieħor.

75      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jenfasizzaw li ż-żewġ ftehimiet huma rregolati minn liġijiet differenti u ma jaqgħux taħt l-istess qrati. Bl-istess mod, iż-żewġ ftehimiet ma kinux jorbtu lill-istess persuni legali fi ħdan il-grupp Servier u ma ġewx iffirmati fl-istess post, billi l-ftehim Biogaran ġie ffirmat f’Pariġi (Franza) filwaqt li l-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja ġie ffirmat bejn Niche u Servier f’Londra (ir-Renju Unit).

76      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tispeċifika li d-dati tal-ħlas previsti miż-żewġ ftehimiet kienu biss parzjalment identiċi, sa fejn il-ħlasijiet ta’ Biogaran marbuta mal-provvista permessa mil-liċenzja saru wara.

77      Ir-rikorrenti żżid li t-teżi tal-Kummissjoni marbuta mal-eżistenza ta’ rabta bejn iż-żewġ ftehimiet hija bbażata ħafna fuq id-dikjarazzjonijiet magħmula minn Niche filwaqt li l-ambigwità ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet kellhom iwasslu lill-Kummissjoni sabiex tużahom bi prudenza. Il-Kummissjoni sempliċiment warrbet id-dikjarazzjonijiet li kienu jmorru kontra t-teżijiet tagħha, sempliċiment peress li dawn saru wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u minħabba f’dan allegatament inqas probatorji mid-dikjarazzjonijiet magħmula qabel fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva.

78      Il-Kummissjoni ssostni li ż-żewġ ftehimiet, innegozzjati simultanjament, ġew konklużi fl-istess jum u kienu jipprevedu ħlasijiet imqassmin eżattament skont l-istess dati inkonnessjoni mat-trasferiment tal-fajls tal-prodotti, liema trasferiment kien jikkostitwixxi r-raġuni wara l-ħlas ta’ GBP 2.5 miljun. Hija ssostni li Niche espliċitament ikkonfermat diversi drabi matul il-proċedura amministrattiva, b’mod partikolari b’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l-ftehim Biogaran kien ġie propost lilha minn Servier sabiex Niche tingħata l-kumpens kollu maqbul inkambju għall-konklużjoni tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja globali. Il-Kummissjoni tagħmel riferiment għal abozz ta’ riżoluzzjoni bonarja bejn Servier u Niche li fih l-annotazzjoni manuskritta “ramipril” kienet tpoġġiet faċċata tal-annotazzjon “2.5 miljuni”. Skont il-Kummissjoni, dawn l-elementi kienu jipprovaw li l-ammont tal-prezz imħallas minn Servier inkambju għall-impenji adottati minn Niche kienu jinkludu l-ħlas ta’ GBP 2.5 miljun previst fil-kuntest tal-fajl tar-ramipril, jiġifieri l-ftehim Biogaran.

79      Il-Kummissjoni kienet tirrikonoxxi li Niche żiedet, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l-ftehim Biogaran kien ftehim kummerċjali veru b’korrispettiv veru. Madankollu, fl-istess dokument, Niche kienet sostniet li jista’ jiġri okkażjonalment, għalkemm din ma hijiex prattika kummerċjali normali, li ftehimiet jiġu ffirmati għal diversi prodotti f’daqqa. Barra min hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li d-dikjarazzjonijiet ta’ Niche magħmula f’mument li fih Niche kellha konoxxenza tal-ilmenti magħmula kontriha ma għandhomx l-istess valur probatorju bħad-dikjarazzjonijiet magħmula preċedentement, in tempore non suspecto.

80      Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-ittra elettronika datata l-4 ta’ Frar 2005 mibgħuta mill-avukat ta’ Biogaran lil Niche, marbuta mal-ammont inkwistjoni, tikkorrabora l-eżistenza ta’ rabta bejn iż-żewġ ftehimiet. Il-partijiet kienu ftiehmu fuq l-ammont li għandu jitħallas minn Biogaran lil Niche u sussegwentement ddiskutew il-kontenut tal-ftehim Biogaran. Għaldaqstant, l-għan ewlieni tal-ftehim kien li jingħata inċentiv addizzjonali lil Niche, u mhux li jiġi konkluż ftehim kummerċjali kif issuġġerit minn Biogaran fil-punt 75 tar-rikors tagħha. Fil-fatt, dan il-ftehim ma kienx juri l-interess ta’ Biogaran f’dawn il-prodotti u lanqas xi inċentiv sabiex jiġu kkummerċjalizzati prodotti li ġew inklużi biss fl-aħħar tan-negozjati fil-perimetri tal-ftehim.

81      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkunsdira li għalkemm il-ftehimiet Biogaran u ta’ riżoluzzjoni bonarja ma kellhomx l-istess firmatarji, l-istess negozjaturi kienu, parzjalment, ipparteċipaw fin-negozjati. Bl-istess mod, l-abbozz tal-ftehim Biogaran kien ġie ċċirkulat fi ħdan il-grupp Servier u d-direttriċi legali tal-grupp, L., kienet irċeviet kopja tal-ittra tal-4 ta’ Frar 2005 mibgħuta minn Biogaran lil Niche, filwaqt li din l-ittra kienet tikkonċerna kuntratt li kellu jiġi konkluż minn Biogaran, u kienet irċeviet ukoll kopja tal-ftehim konkluż bejn Niche u Biogaran tal-20 ta’ Lulju 2004 dwar il-kapsuli tal-prodott A.

3)      Fuq l-intenzjoni ta’ inċentiv ta’ Niche

82      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx, fid-deċiżjoni kkontestata, li Biogaran kellha l-intenzjoni li tinċentiva lil Niche sabiex tiffirma r-riżoluzzjoni bonarja. Bl-istess mod, il-Kummissjoni lanqas ma kienet spjegat ir-raġunijiet li allegatament wasslu lil Servier sabiex jirrikorri għall-medjazzjoni ta’ Biogaran sabiex iwettqu dan il-ħlas addizzjonali ta’ GBP 2.5 miljun, filwaqt li Servier kien huwa stess obbligat li jħallas direttament lil Niche is-somma ta’ GBP 11.8 miljun.

83      Il-Kummissjoni ssostni li, waqt il-konklużjoni tar-riżoluzzjonijiet bonarji rispettivi tagħhom ma’ Servier, Niche u Matrix iddiskutew it-tqassim tas-somom bejniethom. Dokument intern ta’ Matrix ta’ Settembru 2005 kien juri li s-somom li kienu s-suġġett tar-riżoluzzjonijiet bonarji ġew innegozzjati u maqsuma ugwalment bejn Niche u Matrix, filwaqt li Matrix kienet tixtieq tirċievi iktar minn Niche (premessa 577 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-konklużjoni ta’ ftehim separat bejn Biogaran u Niche b’mod ċar kienet tippermetti li tiżdied il-kontribuzzjoni mħallsa mill-grupp Servier lil Niche filwaqt li Matrix tinżamm fil-ġenb. Barra minn hekk, Niche kienet ikkonfermat li l-ħlas kien jifforma parti mit-“total overall compensation” (sistema ta’ remuunerazzjoni globali) ta’ GBP 15.7 miljun innegozjata bejn Servier u Niche.

84      Il-Kummissjoni żżid li hija ma kellhiex bżonn turi li Biogaran kellha l-intenzjoni li tinċentiva lil Niche sabiex tiffirma r-riżoluzzjoni bonarja. Fil-fatt, l-intenzjoni tal-partijiet ma kinitx tikkostitwixxi element neċessarju sabiex tiġi ddeterminata n-natura restrittiva tal-ftehim. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li stabbilixxiet in-natura indiviżibbli taż-żewġ ftehimiet passati rispettivament minn Biogaran u l-kumpannija omm tagħha Servier ma’ Niche. Peress li Biogaran u Servier kienu jikkostitwixxu entità ekonomika waħda, ma kienx neċessarju li jintwera li, fi ħdan dik l-entità, kull waħda mill-komponenti tagħha kellha l-intenzjoni li tinċentiva lil Niche sabiex tiffirma l-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja.

85      Il-Kummissjoni ssostni li d-dispożittiv tal-ftehim Biogaran, li skontu l-partijiet ma setgħux jitolbu r-rimbors tas-somom imħallsa f’każ li ma tinkisibx ATS, ma kienx intiż li jinċentiva lil Biogaran sabiex titlob l-ATS.

86      Fil-fatt, qabelxejn, l-obbligi kuntrattwali ta’ Biogaran ma kinux jinkludu l-obbligu li tintalab ATS abbażi tal-fajls ittrasferiti (Artikoli 2.2 u 3 tal-ftehim Biogaran).

87      Sussegwentement, għalkemm Biogaran ma kinitx kisbet ATS fit-18-il xahar u li, konformement mal-Artikoli 14.2 u 14.4 tal-ftehim Biogaran, il-ftehim kien ġie rexiss awtomatikament, il-ħlas diġà mħallas lil Niche ma kienx restitwibbli.

88      Barra minn hekk, Biogaran ma kienet marbuta b’ebda esklużività inkonnessjoni mal-fajls tal-prodotti u konsegwentement setgħet faċilment tevita li tkun marbuta ma’ Niche billi ma titlobx ATS abbażi ta’ fajls peress li Biogaran ma kinitix marbuta magħhom. Barra minn hekk, u sa fejn ġie vverifikat, Biogaran kkonkludiet ftehim ieħor mal-kumpannija A. għall-akkwist ta’ diversi fajls, li jikkonċernaw ukoll il-prodott A f’dożi differenti. Il-Kummissjoni tosserva li l-ftehim konkluż mal-kumpannija A., għall-kuntrarju tal-ftehim Biogaran, kien jipprevedi li l-kumpannija A. kellha tirrimborsa l-ħlasijiet ittrasferiti minn Biogaran f’każ li ma tiksibx l-ATS. Tali differenza bejn id-dispożittivi ta’ dawn iż-żewġ ftehimiet kienet tissuġġerixxi li Niche ma kellhiex garanzija li Biogaran kienet sejra titlob ATS u tiksibha mingħand Niche skont il-ftehim Biogaran. Fil-fatt, sa fejn il-ħlas kellu, fi kwalunkwe każ, jitħallas lil Niche qabel ma kien possibbli li din tkun taf jekk Biogaran kinitx sejra tikseb l-ATS, Niche ma kellha l-ebda garanzija li Biogaran kienet sejra titlob l-ATS u tiksibha mingħand Niche.

89      Fl-aħħar, il-Kummissjoni ssostni li l-ispjegazzjonijiet ta’ Biogaran marbuta mal-ħlas tas-somma ta’ GBP 2.5 miljun ma humiex kredibbli ħafna. Fil-fatt, Biogaran ma kinitx kapaċi tiġġustifika kif hija setgħet tħallas tali somma, la bħala inċentiv sabiex titlob ATS, la bħala motiv sabiex jiġi assigurat it-tieni sors ta’ provvista ta’ prodott A, u lanqas bħala mezz sabiex jinkisbu “fajls ta’ garanzija” magħżula għal għarrieda (bl-eċċezzjoni tal-prodott A) u kif hija setgħet tieħu r-riskju li dan il-ħlas jintilef. Bl-istess mod, il-Kummissjoni tistaqsi dwar l-istruttura mhux abitwali tal-ftehim Biogaran u b’mod partikolari n-natura mhux rimborsabbli tal-ħlas. Fil-fatt, il-ftehim Biogaran kien jiddistingwi ruħu mill-ftehim konkluż mal-kumpannija A. li kien jistabbilixxi li f’każ li ma jinkisbux ATS, il-kumpannija A. kellha tirrimborsa il-ħlas riċevut.

b)      Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-interess kummerċjali tar-rikorrentili jikkonkludi l-ftehim Biogaran

90      Ir-rikorrenti ssostni li l-ftehim Biogaran kien iġġustifikat mill-volontà kummerċjalment leġittima u pro-kompetittiva ta’ Biogaran li tiżgura diversi sorsi ta’ provvista bil-għan li tvara u li tiżviluppa prodotti fis-suq tal-ġeneriċi, u b’mod iktar partikolari il-prodott A, billi tirrokorri għand Niche, sieħba tagħha għal ħafna snin li għandha l-fajls u l-kapaċitajiet ta’ provvista rikjesti. Il-fatt li l-ħlas ta’ GBP 2.5 miljun kien jikkostitwixxi korripsettiv leġittimu għad-drittijiet kweżiti fil-kuntest tal-ftehim Biogaran, huwa kkonfermat miċ-ċirkustanza li din is-somma ma ttiħditx inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata fil-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq Niche.

91      Il-Kummissjoni ċaħdet it-teżi ta’ sikurezza tas-sorsi ta’ provvista invokata mir-rikorrenti, li hija tikklassifika bħala “ftit kredibbli”, minħabba li Biogaran ma ħadet l-ebda pass sabiex tikseb l-ATS.

1)      Fuq il-prodott A

92      Ir-rikorrenti tenfasizza li, fid-dawl tas-suċċess kummerċjali tal-prodott A, il-kisba tad-drittijiet neċessarji sabiex hija tvara l-ġeneriku ta’ dan il-prodott mediċinali kienet tirrappreżenta interess maġġuri għal Biogaran. B’hekk, sabiex tiżgura l-provvista tagħha, Biogaran xtaqet tikseb żewġ fajls mingħand atturi differenti tas-suq, bil-konklużjoni ta’ żewġ ftehimiet, l-ewwel wieħed mal-kumpannija A. f’Diċembru 2004, u t-tieni wieħed ma’ Niche fi Frar 2005. Ir-rikorrenti tenfasizza li l-fatt li jinkisbu diversi sorsi ta’ provvista hija prattika komuni tal-ġeneriċi li tispjega ruħha mid-diffikultajiet tekniċi u regolatorji ffaċċjati matul l-iżvilupp ta’ ġeneriku.

93      Ir-rikorrenti tqis li, f’dan il-każ, l-iżgurar ta’ żewġ sorsi ta’ provvista sar importanti għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, il-fajl tal-prodott A 10 mg ta’ Niche rriżulta li kien dgħajjef wisq fil-parti analitika, fatt li seta’ jittardja l-evalwazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti (Anness A. 17 tar-rikors). Min-naħa l-oħra, il-miżura ta’ istruzzjoni adottata mill-Aġenzija Franċiża ta’ sigurtà sanitarja tal-prodotti tas-saħħa (Afssaps) f’Lulju 2005 fir-rigward ta’ diversi fajls tal-kumpannija A. tefgħet dubju fuq il-validità tagħhom (Anness A. 18 tar-rikors).

94      Barra minn hekk, l-iżgurar tat-tieni sors ta’ provvista tal-prodott A mingħand Niche kien ippreżenta diversi vantaġġi meta mqabbel mal-ftehim konkluż mal-kumpannija A.. Minn naħa, il-ftehim Biogaran kien jippermetti lil Biogaran li tikseb fajls għall-prodott A fil-forma ta’ pilloli u l-prodott A 10 mg, li ma kinux koperti mill-ftehim mal-kumpannija A.; min-naħa l-oħra, il-ftehim ma’ Niche kien jiftaħ perspettivi ta’ ftuħ fir-Renju Unit u f’pajjiż li ma jiffurmax parti miż-ŻEE fi żmien meta Biogaran kienet qiegħda tfittex li testendi ’l barra mill-pajjiż.

95      Madankollu, ir-rikorrenti ipprivileġġjat il-fajls tal-kumpannija A., peress li dawn kienu jippermettu dħul iktar malajr fis-suq, peress li l-kumpannija A. ddepożitat il-fajls tagħha ta’ ATS qabel Niche.

96      Ir-rikorrenti ssostni li l-interessi finanzjarji kienu jiġġustifikaw l-istrateġija tagħha ta’ provvista. Fil-fatt, sa minn meta ġie varat fi Franza, dan il-prodott ġeneriku kien iġġenera dħul mill-bejgħ ta’ iktar minn EUR 79 miljun (EUR 83 miljun, skont l-attwalizzazzjoni msemmija fir-replika). Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ir-rikorrenti ssostni li hija kellha tiżgura l-provvista tagħha ta’ prodott A sabiex tiġġustifika l-ħlas lil Niche ta’ GBP 2.5 miljun u sabiex ma tillimitax ruħha biss għad-dħul mill-bejgħ iġġenerat mill-bejgħ tal-prodott B.

97      Fl-aħħar, ir-rikorrenti żżid li l-ħlas ta’ din is-somma lil Niche kien iktar u iktar iġġustifikat peress li Niche kienet tatha l-esklużività tal-fajls prodotti fi Franza, fir-Renju Unit u fi Stat li ma jifformax parti miż-ŻEE, li ma kienx il-każ fi ftehimiet oħra mhux esklużivi konklużi minn Biogaran. Għaldaqstant, f’dan il-kuntest, il-paragun magħmul mid-deċiżjoni kkontestata ma’ dawn il-ftehimiet oħra huwa ineffettiv.

98      Il-Kummissjoni tqis li l-verifika prodotta minn Biogaran wara l-konklużjoni tal-ftehim Biogaran, li tirrileva l-allegati dgħjufijiet tal-fajl Niche, tidderimi l-kawża tar-rikorrenti. Fil-fatt, dan l-argument kien juri li Biogaran ma kinitx tiddisponi, qabel ma sar dan il-ftehim, min elementi dwar il-prestazzjonijiet tal-prodott A ta’ Niche u kienet ħadet ir-riskju li tħallas GBP 2.5 miljun filwaqt li l-fajl tal-prodott A kien potenzjalment mingħajr ebda valur. Għalkemm din il-verifika fuq il-kwalità tal-fajls ta’ Niche setgħet tiġġustifika l-iżgurar ta’ sors sekondarju ta’ provvista mingħand il-kumpannija A., ma kinitx tippermetti li jiġi spjegat għaliex ir-rikorrenti riedet tħallas prezz ogħla minn dak għall-fajl tal-kumpannija A.. Fil-fatt, Biogaran kienet ħallset lill-kumpannija A. it-total ta’ EUR 330 000 fil-kuntest taż-żewġ ftehimiet li jirrigwardaw il-prodott A, somma ferm inferjuri għas-somma mħallsa minn Niche.

99      Il-Kummissjoni tenfasizza li l-possibbiltà għal Niche li tipprovdi pilloli tad-doża ta’ 10 mg ma setgħetx tiġġustifika l-ftehim inkwistjoni. Fil-fatt, xahrejn wara l-ftehim, filwaqt li Biogaran kellha l-possibbiltà li tiddepożita l-fajl ta’ Niche fi ħdan l-awtorijtajiet kompetenti, hija kienet ikkonkludiet ftehim sekondarju mal-kumpannija A. għall-prodott A fil-forma ta’ pilloli.

100    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li Biogaran kienet inkoraġġita tikkonkludi l-ftehim Biogaran minħabba investigazzjoni mwettqa f’Lulju tal-2005 mill-Afssaps fil-konfront tal-kumpannija A.. Fil-fatt, dan l-avveniment ma setax jinfluwenza lil Biogaran, peress li dan seħħ wara l-ftehim Biogaran.

101    Barra minn hekk, Biogaran ma pprovdietx prova tal-utilità tal-ftehim fil-kuntest tal-proġett tagħha ta’ espansjoni barra mill-pajjiż.

102    Il-Kummissjoni tenfasizza li għalkemm Biogaran iġġenerat dħul mill-bejgħ ta’ iktar minn EUR 79 miljun sa mill-2007, il-qligħ mwettaq bil-prodott A ta’ Niche huwa ekwivalenti għal 0 (premessa 567 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjoni li Biogaran kellha tikseb it-tieni sors ta’ provvista mingħand Niche.

103    Fl-aħħar, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument li l-esklużività mogħtija mill-ftehim Biogaran jirrendi ineffettiv il-paragun mal-ftehimiet l-oħra. Fil-fatt, il-paragun kien jippermetti li jintwera li l-ebda wieħed mill-ftehimiet l-oħra ma kienu jipprevedu ħlas mhux rimborsabbli. Skont il-Kummissjoni, il-ħlas kien intilef minn qabel u Biogaran ma għamlet l-ebda sforz sabiex tirrendih profittabbli. Bl-istess mod, l-esklużività ma kien ikollha l-ebda valur jekk l-iżvilupp tal-prodott ma kienx suffiċjentement avvanzat jew jekk kien hemm ostakoli regolatorji oħra.

2)      Fuq il-prodott B

104    Ir-rikorrenti ssostni li l-ftehim Biogaran ipperemttielha li tikkummerċjalizza l-prodott B 10 mg u li tiġġenera dħul mill-bejgħ ta’ EUR 150 000 (EUR 211 000 skont l-attwalizzazzjoni li tinsab fir-replika). Il-kummerċjalizzazzjoni ta’ dan il-prodott kienet ġiet fdata lil Almus, wieħed mill-bejjiegħa bl-imnut distributuri prinċipali fi Franza.

105    Il-Kummissjoni ssostni li l-ftehim konkluż preċedentement bejn Biogaran u Bioglan (li saret Niche) li jikkonċerna il-prodott B kien jipprevedi li l-ħlas minn Biogaran kien rimborsabbli f’każ li ma jinkisibux ATS, li ma kienx il-każ bil-ftehim Biogaran. Barra minn hekk, Niche ma kienet tat l-ebda garanzija, permezz ta’ dan il-ftehim, li kienet ser tittrasferixxi l-ATS li hija kienet kisbet fl-2001 fi Franza, peress li dan it-trasferiment kien jirrikjedi tiġdid tal-ATS li Niche ma kinitx talbet lill-awtoritajiet kompetenti.

106    Fir-rigward tal-kuntratt ta’ kummerċjalizzazzjoni fdat lil Almus u tal-ħolqien tal-fiduċja tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-prodott B ma setax jippermetti l-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt peress li l-prodott B kien wieħed minn xi 23 molekuli kkonċernati minn dan il-kuntratt.

3)      Fuq il-prodott Ċ

107    Ir-rikorrenti ssostni li hija setgħet tikkummerċjalizza il-prodott Ċ sa mill-2000 permezz ta’ diversi ftehimiet konklużi ma’ Disphar. Madankollu, hija kienet iddeċidiet li tiżgura sorsi oħra ta’ provvista minħabba l-inċertezza marbuta mat-tiġdid tal-ftehim ta’ provvista ma’ Disphar u mal-volontà tagħha li tiżviluppa ’l barra mill-pajjiż. Finalment, Biogaran ma għamlitx użu mill-fajls tal-prodotti mogħtija minn Niche, minħabba t-tiġdid tal-ftehim konkluż ma’ Disphar.

108    B’hekk, il-fatt li għal tnejn miż-żewġ prodotti, Biogaran ma kisbitx ATS abbażi tal-fajls ittrasferiti minn Niche ma kienx jippermetti li tiġi ssuġġerita l-eżistenza ta’ rabta bejn il-ftehim Biogaran u r-riżoluzzjoni bonarja. Dan kien jirrileva sempliċiment il-volontà ta’ Biogaran li tiżgura diversi sorsi ta’ provvista konformement mal-prattika fis-settur.

109    Il-Kummissjoni tqis li ma huwiex kredibbli li Biogaran ġiet imħallsa somma daqstant kbira sempliċiment għall-opportunità li jkollha fajl ta’ prodott li hija qatt ma użat. Fil-fatt, Biogaran lanqas ma kienet insistiet ma’ Niche sabiex it-trasferiment tal-fajl isir qabel ma l-ftehim inkwistjoni jiġi rexiss awtomatikament minħabba n-nuqqas ta’ kisba ta’ ATS.

2.      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

a)      Osservazzjonijiet preliminari

110    Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-ftehim Biogaran ġie meqjus mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata bħala inċentiv offrut lil Niche minn Servier, addizzjonali għal dak li jirriżulta mill-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja bejn Servier u Niche, bil-ħsieb li jikkonvinċi lil Niche sabiex tirrinunzja għall-isforzi tagħha sabiex tidħol fis-suq tal-perindopril. Skont il-Kummissjoni, il-ftehim Biogaran jikkostitwixxi komponent tal-ksur irrappreżentat minn dan il-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja, li jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni permezz tal-għan tiegħu. Għaldaqstant, dan ma jistax ikollu n-natura ta’ ksur biss jekk il-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja bejn Servier u Niche huwa tal-istess natura. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa neċessarju li jiġi espost, għall-finijiet tal-eżami tar-rikors odjern, il-kuntest legali tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja li l-ftehim Biogaran kien marbut miegħu.

111    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja ta’ kawża fil-qasam tal-privattivi ma jista’ jkollu l-ebda effett negattiv fuq il-kompetizzjoni. Dan ikun il-każ, pereżempju, jekk il-partijiet jiftiehmu sabiex iqisu li l-privattiva kontenzjuża ma hijiex valida u jipprevedu, minħabba dan, id-dħul immedjat tal-kumpannija ta’ ġeneriċi fis-suq.

112    Fil-każ odjern, il-ftehim konkliuż bejn Servier u Niche ma jaqax f’din il-kategorija peress li jinkludi klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni ta’ privattivi u ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, li huwa, minnhom stess, ta’ natura restrittiva tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, il-klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni, tippreġudika l-interess pubbliku li jiġi eliminat kull ostakolu għall-attività ekonomika li jista’ jirriżulta minn privattiva mogħtija bi żball (ara f’dan is-sens is-sentenza tal-25 ta’ Frar 1986, Windsurfing International vs Il-Kummissijoni, 193/83, EU:C:1986:75, punt 92) u l-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni, twassal għall-esklużjoni mis-suq ta’ wieħed mill-kompetituri tal-proprjetarju tal-privattiva.

113    Madankollu, l-inklużjoni ta’ tali klawżoli tista’ tkun leġittima, iżda biss sa fejn din tkun ibbażata fuq ir-rikonoxximent mill-partijiet tal-validità tal-privattiva inkwistjoni (u, aċċessorjament, tan-natura ta’ kontrafazzjoni tal-prodotti ġeneriċi kkonċernati).

114    Il-preżenza ta’ klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni li l-portata tagħhom hija limitata għal dik tal-privattiva inkwistjoni hija, għall-kuntrarju, problematika meta jkun jidher li s-sottomissjoni tal-kumpannija ta’ ġeneriċi għal dawn il-klawżoli ma hijiex fondata fuq ir-rikonoxximent minn din tal-aħħar tal-validità tal-privattiva. Kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, “anki jekk il-limitazzjonijiet inklużi fil-ftehim [għal] l-awtonomija kummerċjali tal-kumpannija ta’ ġeneriċi ma jmorrux lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-privattiva, dawn jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 101 [TFUE] peress li dawn il-limitazzjonijiet ma jistgħux ikunu ġġustifikati u ma jirriżultawx minn evalwazzjoni mill-partijiet tal-fondatezza tad-dritt esklużiv inniffsu” (premessa 1137 tad-deċiżjoni kkontestata).

115    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-eżistenza ta “ħlas invertit”, jiġifieri ta’ ħlas tal-kumpannija tal-ewwel kampjuni favur il-kumpannija ta’ ġeneriċi, hija ssuspettata doppjament fil-kuntest ta’ ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja. Fil-fatt, fl-ewwel lok, jeħtieġ li jitfakkar li l-privattiva hija intiża li tirrikompensa l-isforz kreattiv tal-inventatur billi tippermettilu li jislet profitt ġust mill-investiment tiegħu u li għaldaqstant, privattiva valida għandha, bħala prinċipju, tippermetti trasferiment ta’ valur favur il-proprejtarju tagħha – pereżempju, permezz ta’ tfehim ta’ liċenzja – u mhux bil-kontra. Fit-tieni lok, l-eżistenza ta’ ħlas invertit jintroduċi suspett fir-rigward tal-fatt li r-riżoluzzjoni bonarja hija bbażata fuq ir-rikonoxximent mill-partijiet fil-ftehim tal-validità tal-privattiva inkwistjoni.

116    Madankollu, il-preżenza waħidha ta’ ħlas invertit ma tistax tippermetti li jiġi konkluż li teżisti restrizzjoni minħabba l-għan. Fil-fatt, ma huwiex eskluż li ċerti ħlasijiet invertiti, peress li huma inerenti għar-riżoluzzjoni bonarja tat-tilwima inkwistjoni, huma ġġustifikati. Għall-kuntrarju, fil-każ li fih isir ħlas invertit mhux iġġustifikat fil-konklużjoni ta’ riżoluzzjoni bonarja, il-kumpannija ta’ ġeneriċi għandha titqies li ġiet inċentivata b’dan il-ħlas sabiex tissottometti ruħha għall-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni u hemm lok li jiġi konkluż li teżisti restrizzjoni minħabba l-għan. F’dak il-każ, ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li jintroduċu l-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni li ma jkunux iktar marbuta mal-privattiva u mar-riżoluzzjoni bonarja, iżda jkunu spjegati mill-ħlas ta’ vantaġġ li jinċentiva lil kumpannija ta’ ġeneriċi tirrinunzja għall-isforzi kummerċjali tagħha.

117    Jeħtieġ li jiġi rrilevat li, għalkemm, la l-Kummissjoni, u lanqas il-qorti tal-Unjoni, ma huma kompetenti sabiex jiddeċiedu dwar il-validità tal-privattiva, xorta jibqa’ l-fatt li dawn l-istituzzjonijiet jistgħu, fil-kuntest tal-kompetenzi rispettivi tagħhom u mingħajr ma jagħtu deċiżjoni fuq il-validità intrinsika tal-privattiva, jikkonstataw l-eżistenza ta’ użu anormali minn din tal-aħħar, li bl-ebda mod ma huwa marbut mal-għan speċifiku tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Frar 1968, Parke, Davis and Co., 24/67, EU:C:1968:11, p. 109 u 110, u tal-31 ta’ Ottubru 1974, Centrafarm u de Peijper, 15/74, EU:C:1974:114, punti 7 u 8; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi tas-6 ta’ April 1995, RTE u ITP vs Il-Kummissjoni, C-241/91 P u C-242/91 P, EU:C:1995:98, punt 50, u tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C-403/08 u C-429/08, EU:C:2011:631, punti 104 sa 106).

118    Issa, il-fatt li kompetitur jiġi inċentivat sabiex jaċċetta klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni, fis-sens deskritt fil-punt 116 iktar ’il fuq, jew konsegwenza ta’ dan, il-fatt li dan jissottometti ruħu għal tali klawżoli minħabba inċentiv, jikkostitwixxu użu anormali minn privattiva.

119    Kif indikat ġustament il-Kummissjoni fil-premessa 1137 tad-deċiżjoni kkontestata, “id-dritt tal-privattivi ma jipprovdix għal dritt ta’ ħlas favur kompetituri reali u potenzjali bil-għan li dawn jibqgħu barra mis-suq jew li dawn jastjenu milli jiikkontestaw privattiva qabel ma jidħlu fis-suq”. Bl-istess mod, dejjem skont il-Kummissjoni, “il-proprjetarji tal-privattivi ma humiex awtorizzati jħallsu kumpannijas ta’ ġeneriċi sabiex iżommu barra mis-suq u jnaqqsu r-riskji dovuti għall-kompetizzjoni, kemm jekk dan isir fil-kuntest ta’ ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja fil-qasam ta’ privattivi jew għal xi raġuni oħra” (premessa 1141 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar, il-Kummissjonia żżid, ġustament, li “l-għoti ta’ ħlas jew ta’ inċentiv ieħor lil-kompetituri potenzjali sabiex jibqgħu barra mis-suq ma [kien] jifforma parti minn ebda dritt marbut mal-privattivi u ma [kien] jikkorrispondi ma’ ebda motiv previst mid-dritt tal-privattivi sabiex jiġu osservati l-privattivi” (premessa 1194 tad-deċiżjoni kkontestata).

120    Meta tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ inċentiv, il-partijiet ma jistgħux iktar jipprevalixxu ruħhom mir-rikonoxximent tagħhom, fil-kuntest ta’ riżoluzzjoni bonarja, tal-validità tal-privattiva. Il-fatt li l-validità tal-privattiva tiġi kkonfermata minn istanza ġudizzjarja jew amministrattiva hija f’dan ir-rigward, irrilevanti.

121    Għaldaqstant huwa l-inċentiv, u mhux ir-rikonoxximent mill-partijiet fir-riżoluzzjoni bonarja tal-validità tal-privattiva, li għandha titqies bħala l-kawża vera tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li jintroduċu l-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni (ara l-punt 112 iktar ’il fuq), li, peress li f’dan il-każ, ma għandhom l-ebda leġittimità, għalhekk jippreżentaw grad ta’ noċività għall-funzjonament tajjeb tal-andament normali tal-kompetizzjoni suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita klassifikazzjoni bħala restrizzjoni minħabba l-għan.

122    Fil-preżenza ta’ inċentiv, il-ftehimiet inkwistjoni għandhom għalhekk jitqiesu bħala ftehimiet ta’ esklużjoni mis-suq, li bihom dawk li jibqgħu fis-suq jikkumpensaw lil dawk li joħorġu minnu. Issa, tali ftehimiet fil-verità jikkonsistu fix-xiri tal-kompetizzjoni u konsegwentement għandhom jiġu kklassifikati bħala restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni minħabba l-għan, kif jirriżulta mis-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers (C-209/07, EU:C:2008:643, punti 8 u 31 sa 34), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-Kawża Beef Industry Development Society u Barry Brothers (C 209/07, EU:C:2008:467, punt 75), iċċitati, b’mod partikolari, fil-premessi 1139 u 1140 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, l-esklużjoni tal-kompetituri tas-suq hija forma estrema ta’ tqassim tas-suq u ta’ limitazzjoni tal-produzzjoni (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, Lundbeck vs Il-Kummissjoni, T‑472/13, taħt appell, EU:T:2016:449, punt 435) li tippreżenta, f’kuntest bħal dak tal-ftehimiet kontenzjużi, livell ta’ noċività iktar u iktar elevata peress li l-kumpanniji esklużi huma kumpanniji ta’ ġeneriċi li d-dħul tagħhom fis-suq, huwa bħala prinċipju, favorevoli għall-kompetizzjoni u jikkontribwixxi barra minn dan għall-interess ġenerali li tiġi żgurata l-kura tas-saħħa bl-inqas spiża. Fl-aħħar, din l-esklużjoni hija kkonfrontata, fil-ftehimiet kontenzjużi, mill-impossibbiltà tal-kumpannija ta’ ġeneriċi li tikkontesta l-privattiva kontenzjuża.

123    Minn dak li ntqal jirriżulta li, fil-kuntest tal-ftehimiet ta’ riżoluzzjoni bonarja ta’ tilwim marbut ma’ privattivi, il-klassifikazzjoni bħala restrizzjoni għall-kompetizzjoni minħabba l-għan tippreżumi l-preżenza, fi ħdan il-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja, kemm vantaġġ fil-forma ta’ inċentiv fir-rigward tal-kumpannija ta’ ġeneriċi u ta’ limitazzjoni korrelattiva tal-isforzi ta’ din tal-aħħar sabiex tikkompeti mal-kumpannija tal-ewwel kampjuni. Meta jiġu ssodisfatti dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, għandha tiġi kkonstatata restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan b’kont meħud tal-grad ta’ noċività għall-funzjonament tajjeb tal-effetti normali tal-kompetizzjoni tal-ftehim hekk konkluż.

124    Permezz tas-sentenzi tal-lum, Servier et vs Il-Kummissjoni (T-691/14) u Niche Generics vs Il-Kummissjoni (T-701/14), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet kienu ssodisfatti, b’mod partikolari li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat ġustament li s-somma ta’ GBP 11.8 miljun imħallsa lil Niche minn Servier bis-saħħa tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja konkluż bejn dawn iż-żewġ kumpanniji kien inċentiv maħsub sabiex titwarrab Niche mis-suq u li dan il-ftehim kien jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

125    Għaldaqstant, il-motiv imqajjem waqt is-seduta minn Biogaran, b’risposta għall-mistoqisja tal-Qorti Ġenerali marbuta mal-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja, ibbażat fuq l-allegazzjoni li dan il-ftehim ma jistax jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 101 TFUE, għandu jitwarrab, mingħajr il-bżonn li tingħata deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà tiegħu.

b)      Fuq l-eżistenza ta vantaġġta’ inċentiv kkostiwit mill-ftehim Biogaran

126    Biogaran ssostni li l-ftehim Biogaran ma kienx inċentiv addizzjonali sabiex jinkoraġġixxi lil Niche tikkonkludi l-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja, iżda ftehim kummerċjali awtonomu, konkluż skont il-kundizzjonijiet tas-suq.

127    F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, fil-każ ta’ tilwima dwar l-eżistenza ta’ ksur, hija l-Kummissjoni li għandha ġġib il-prova tal-ksur li hija tikkonstata u li tistabbilixxi l-provi xierqa sabiex juru, suffiċjentment skont il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur (sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummisssjoni, C-185/95 P, EU:C:1998:608, punt 58, u tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C-49/92 P, EU:C:1999:356, punt 86; ara wkoll is-sentenza tat-12 ta’ April 2013, CISAC vs Il-Kummissjoni, T-442/08, EU:T:2013:188, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).

128    F’dan il-kuntest, l-eżistenza ta’ dubju f’moħħ il-qorti għandha tibbenefika lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur. Għalhekk, il-qorti ma tistax tikkonkludi li l-Kummissjoni stabbilixxiet l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni b’mod suffiċjenti skont il-liġi jekk f’moħħ il-qorti jkun għad hemm dubju dwar din il-kwistjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni li timponi multa (ara s-sentenza tat-12 ta’ April 2013, CISAC vs Il-Kummissjoni, T-442/08, EU:T:2013:188, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).

129    Fil-fatt, huwa meħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni l-preżunzjoni ta’ innoċenza, kif tirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewopea. Fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tan-natura u tal-livell ta’ gravità tas-sanzjonijiet li jistgħu jkunu marbuta miegħu, il-preżunzjoni ta’ innoċenza tapplika, b’mod partikolari, għall-proċeduri rigward ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti ta’ penalità (ara s-sentenza tat-12 ta’ April 2013, CISAC vs Il-Kummissjoni, T-442/08, EU:T:2013:188, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).

130    Barra minn hekk, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-ħsara mhux insinjifikattiva għar-reputazzjoni li tirrappreżenta, għal persuna fiżika jew ġuridika, il-konstatazzjoni li hija kienet involuta fi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tat-12 ta’ April 2013, CISAC vs Il-Kummissjoni, T-442/08, EU:T:2013:188, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

131    Għaldaqstant, huwa neċessarju li l-Kummissjoni tipproduċi provi preċiżi u konkordanti sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur u sabiex tistabbilixxi l-konvinzjoni soda li l-ksur allegat jikkostitwixxi restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE (ara s-sentenza tat-12 ta’ April 2013, CISAC vs Il-Kummissjoni, T-442/08, EU:T:2013:188, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

132    Għandu jiġi enfasizzat li kull waħda mill-provi mressqa mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Fil-fatt, is-sensiela ta’ indizji invokata mill-istituzzjoni, evalwata globalment, tista’ tissodisfa dan ir-rekwiżit (ara s-sentenza tat-12 ta’ April 2013, CISAC vs Il-Kummissjoni, T-442/08, EU:T:2013:188, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).

133    L-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv tista’ għaldaqstant tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u ta’ indizji li, meħuda flimkien, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni oħra plawsibbli, jikkostitwixxu evidenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 57).

134    Pereżempju, għalkemm ma jkunx jista’ jiġi identifikat waħdu paralleliżmu ta’ aġir ma’ prattika miftiehma, dan xorta waħda jista’ jkun jikkostitwixxi indizju serju, meta jkun iwassal għal kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jikkorrispondux għal kundizzjonijiet normali tas-suq (sentenza tal-14 ta’ Lulju 1972, Farbenfabriken Bayer vs Il-Kummissjoni, 51/69, EU:C:1972:72, punt 25).

135    Bl-istess mod, il-preżenza ta’ ftehim aċċessorju, skont l-espressjoni użata mill-Kummissjoni fil-premessa 1190 tad-deċiżjoni kkontestata, tista’ tikkostitwixxi, fir-rigward ta’ riżoluzzjoni bonarja ta’ kawża fil-qasam tal-privattiva, indizju serju tal-eżistenza ta’ inċentiv u, konsegwentement, ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

136    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-ftehim Biogaran ġie kkunsidrat mill-Kummissjoni bħala “ftehim aċċessorju”, skont l-espressjoni użata mill-Kummissjoni fil-premessa 1190 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, fil-premessi 1349 u 1351 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset li, permezz tal-ftehim Biogaran li skontha, kien marbuta mal-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja, Servier ipprovda lil Niche inċentiv addizzjonali sabiex jinkoraġġiha tikkonkludi r-riżoluzzjoni bonarja u li l-eżistenza ta’ tali inċentiv kienet tirriżulta minn ċerti elementi li jindikaw li l-ftehim Biogaran ma kienx ġie konkluż f’kundizzjonijiet kummerċjali ta’ kompetizzjoni sħiħa.

137    Hemm lok li jiġi speċifikat li ftehim aċċessorju huwa ftehim kummerċjali komuni li huwa “assoċjat” ma’ ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja ta’ tilwima li jinkludi klawżoli li minnhom nnifishom huma ta’ natura restrittiva. Tali assoċjazzjoni teżisti b’mod partikolari meta ż-żewġ ftehimiet isiru fl-istess ġurnata, meta jkunu legalment marbuta, meta n-natura vinkolanti ta’ wieħed mill-ftehimiet tkun ikkundizzjonata mill-konklużjoni tal-ftehim l-ieħor jew anki meta, fid-dawl tal-kuntest li fih dawn isiru, il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni tistabbilixxi li huma indiviżibbli. Jista’ jiżdied li, iktar ma jkunu viċini ratione temporis il-konklużjoni tal-ftehimiet, iktar ikun faċli għall-Kummissjoni li tistabbilixxi din in-natura indiviżibbli. Il-fatt li l-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja u l-ftehim aċċessorju jiġu konklużi fl-istess jum jew li tkun teżisti rabta kuntrattwali bejniethom huwa indizju partikolarment revelatur tal-fatt li dawn il-ftehimiet huma integrati fl-istess assjem kuntrattwali. Fil-fatt, għalkemm dawn il-ftehimiet ma ġew konklużi fl-istess jum (u fl-assenza ta’ rabta kuntrattwali bejniethom), waħda mill-paritijiet fin-negozjati kienet tagħti lill-parti l-oħra dak kollu li kienet tixtieq mingħajr ebda ċertezza dwar il-fatt li l-korrispettiv mistenni kien sejjer finalment jasal għandha. Din ir-rabta temporali jew legali bejn iż-żewġ ftehimiet tikkostitwixxi wkoll indizju fattwali li kienu s-suġġett ta’ negozjati komuni.

138    Issa, il-ftehim aċċessorju huwa ftehim kummerċjali komuni li jista’ jeżisti b’mod awtonomu mingħajr ma tkun inkwistjoni r-riżoluzzjoni bonarja ta’ tilwima. Reċiprokament, il-konklużjoni ta’ ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja ma timponix il-konklużjoni simultanja ta’ ftehim kummerċjali. B’hekk, l-assoċjazzjoni taż-żewġ ftehimiet ma hijiex neċessarja. Barra minn hekk, din l-assoċjazzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata mir-riżoluzzjoni bonarja ta’ tilwima, peress li l-ftehim aċċessorju ma għandux bħala l-għan li jwassal għal tali riżoluzzjoni iżda li jwettaq tranżazzjoni kummerċjali.

139    Barra minn hekk, il-ftehim aċċessorju jimplika trasferimenti ta’ valur, ta’ natura finanzjarja jew le, bejn il-partijiet. Dan jista’ jimplika, b’mod partikolari, trasferimenti ta’ valur mill-proprjetarju tal-privattiva jew tas-sussidjarja li miegħu tkun tikkostitwixxi l-istess entità ekonomika lejn il-kumpannija ta’ ġeneriċi. B’hekk, jeżisti riskju li l-assoċjazzjoni ta’ ftehim kummerċjali ma’ ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja li jinkludi klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni, li huma, minnhom innifishom, ta’ natura restrittiva tal-kompetizzjoni, tkun intiża, fil-verità, taħt il-pretest ta’ tranżazzjoni kummerċjali, fil-forma, fejn applikabbli, ta’ muntaġġ kuntrattwali kumpless, li tinċentiva l-kumpannija ta’ ġeneriċià li tissottometti ruħha, minħabba trasferiment ta’ valur previst mill-ftehim aċċessorju, għal dawn il-klawżoli.

140    Konsegwentement, iċ-ċirkustanza li ftehim kummerċjali, li normalment ma għandux bħala l-għan tiegħu r-riżoluzzjoni bonarja ta’ tilwima u li bih isir trasferiment ta’ valur mill-kumpannija tal-ewwel kampjuni, jew tas-sussidjarja li magħha din il-kumpannija tkun tikkostitwixxi l-istess entità ekonomika, favur il-kumpannija ta’ ġeneriċi, jiġi, fiċ-ċirjustanzi esposti fil-punt 137 iktar ’il fuq, assoċjat ma’ ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja ta’ tilwima li tinkludi klawżoli restrittivi tal-kompetizzjoni tikkostitwixxi indizju serju tal-eżistenza ta’ ħlas invertit.

141    Madankollu, l-indizju serju msemmi fil-punt preċedenti ma huwiex suffiċjenti u l-Kummissjoni għandha għaldaqstant tikkonfermah billi tipprovdi elementi oħra konkordanti li jippermettu li jiġi konkluż favur l-eżistenza ta’ ħlas invertit. Tali ħlas, fil-kuntest speċifiku tal-ftehimiet aċċessorji, jikkorrispondi għal parti mill-ħlas imwettaq mill-kumpannija tal-ewwel kampjuni li teċċedi l-valur “normali” tal-oġġett skambjat (jew, fejn applikabbli, il-parti ta-valur “normali” tal-oġġett skambjat li jeċċedi l-ħlas imwettaq mill-kumpannija ta’ ġeneriċi)

142    Fil-kawża odjerna, sabiex tikkonstata li l-ftehim Biogaran kien serva bħala inċentiv addizzjonali favur Niche, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 1351 tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li bbażat ruħha fuq diversi indizji, li dan il-ftehim “ma ġiex konkluż f’kundizzjoniijet kummerċjali ta’ kompetizzjoni sħiħa” u li “ma kinitx prattika kummerċjali normali”.

143    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni normali”, li miegħu huwa marbut dak ta’ “kundizzjonijiet kummerċjali ta’ kompetizzjoni sħiħa”, anki jekk dan ma jintużax fil-qasam tal-akkordju, ma huwiex skonoxxut fid-dritt tal-kompetizzjoni peress li jintuża, ċertament fil-qasam partikolari tal-għajnuna mill-Istat, bil-għan li jiġi ddeterminat jekk Stat aġixxiex bħala investitur privat (sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Scott, C-290/07 P, EU:C:2010:480, punt 68), jiġifieri jekk il-vantaġġ mogħti lill-impriżi inkwistjoni jikkostitwixxix ir-remunerazzjoni normali ta’ korrispettiv miksub mill-Istat. Għaldaqstant, dan il-kunċett b’hekk jikkostitwixxi, b’analoġija, parametru ta’ referiment rilevanti meta jiġi ddeterminat jekk żewġ impriżi li kkonkludew tranżazzjoni kummerċjali jkunux għamluha, kull waħda minnhom, abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet limitati għall-valur ekonomiku tal-oġġett skambjat, pereżempju, għall-perspettivi tagħha ta’ profittabbiltà u għaldaqstant, għall-kundizzjonijiet normali tas-suq.

144    Fil-preżenza ta’ indizji jew ta’ provi prodotti mill-Kummissjoni li jippermettu lil din tal-aħħar tqis li l-ftehim aċċessorju ma kienx ġie konkluż f’kundizzjonijiet normali tas-suq, il-partijiet fil-ftehimiet jistgħu jippreżentaw il-verżjoni tagħhom tal-fatti, billi jsejsu l-allegazzjonijiet tagħhom fuq elementi li huma kapaċi jipproduċu u li jippermettu li jitqies li l-ftehim kummerċjali, minkejja li assoċjat mal-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja, huwa ġġustifikat minn raġunijiet oħra minbarra l-esklużjoni ta’ kompetitur minħabba ħlas invertit. B’hekk, il-partijiet fil-ftehimiet jistgħu jsostnu li l-ftehim aċċessorju ġie konkluż skont il-kundizzjoniijet tas-suq billi jressqu elementi adegwati misluta pereżempju minn użi industrijali u kummerċjali tas-settur jew minn ċirkustanzi partikolari tal-każ ineżami.

145    Fid-dawl tal-elementi kollha li hija jkollha u, fejn applikabbli, tal-assenza ta’ spjegazzjoni jew tal-assenza ta’ spjegazzjoni plawżibbli prodotta mill-partijiet fil-ftehimiet, il-Kummissjoni tista’ tkun fondata tikkonstata, wara evalwazzjoni globali, li l-ftehim aċċessorju ma ġiex konkluż f’kundizzjonijiet normali tas-suq, jiġifieri li l-ħlas imwettaq mill-kumpannija tal-ewwel kampjuni jeċċedi l-valur tal-oġġett skambjat (jew li l-valur tal-oġġett ċedut lill-kumpannija ta’ ġeneriċi jeċċedi l-ħlas magħmul minn din tal-aħħar). Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi favur l-eżistenza ta’ ħlas invertit.

146    Issa, ħlas invertit, jekk ma jkollux l-għan li jiġu kkumpensati spejjeż inerenti għar-riżoluzzjoni bonarja, allura jkun jikkostitwixxi vantaġġ fil-forma ta’ inċentiv (ara l-punt 116 iktar ’il fuq). Dan huwa minnu fil-każ ta’ ħlas li jirriżulta minn ftehim aċċessorju li ma għandux bħala l-għan tiegħu r-riżoluzzjoni bonarja ta’ tilwima iżda l-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjoni kummerċjali (ara l-punt 138 iktar ’il fuq).

147    Madankollu, il-partijiet fil-ftehim jistgħu jinvokaw ukoll in-natura insinifikanti tal-vantaġġ inkwistjoni, li l-ammont tiegħu jkun insuffiċjenti sabiex jitqies bħala li jikkorrispondi għal inċentiv sinifikattiv sabiex jiġu aċċettati l-klawżoli li jirrestrinġu l-kompetizzjoni previsti fil-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja.

148    Preżentament jeħtieġ li jiġu applikati għaċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża odjerna l-prinċipji esposti fil-punti preċedenti.

149    F’dan il-każ, huwa stabbilit li Biogaran ħallset is-somma ta’ GBP 2.5 miljun lil Niche. Dan il-ħlas kien jirriżulta mill-ftehim Biogaran, li bis-saħħa tiegħu Niche obbligat ruħha li tittrasferixxi lil Biogaran fajls ta’ prodotti kif ukoll ATS li tikkonċerna prodotti li ma għandhom l-ebda konnessjoni mal-perindopril.

150    Għalkemm, fuq il-livell formali, il-ftehim Biogaran u l-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja bejn Servier u Niche huma atti legali separati, irregolati minn liġijiet differenti u ma jaqgħux taħt l-istess qrati, diversi elementi jistabbilixxu l-eżistenza ta’ rabta bejn dawn iż-żewġ ftehimiet.

151    Il-Kummissjoni rrilevat ġustament, fil-premessa 1351 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kronoloġija tal-ftehimiet kienet waħda mill-elementi li jippermettu li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ tali rabta bejniethom. Fil-fatt, dawn il-ftehimiet ġew konklużi fl-istess jum. Barra minn hekk, id-dati tal-ħlasijiet stabbiliti permezz taż-żewġ ftehimiet huma l-istess, jiġifieri mhux iktar tard mill-14 ta’ Frar 2005 u l-5 ta’ Ottubru 2005, filwaqt li kien biss il-ħlasijiet marbuta mal-provvista ta’ prodotti mediċinali previsti mill-ftehim Biogaran li kellhom isiru wara.

152    Il-Kummissjoni tirrileva wkoll ġustament li l-ftehim Biogaran kien ġie nnegozzjat fl-istess ħin bħall-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja, filwaqt li bbażat ruħha b’mod partikolari fuq id-dikjarazzjoni ta’ Niche tal-15 ta’ Ġunju 2011. Għalkemm Niche immodifikat din id-dikjarazzjoni iktar tard, fl-aħħar tal-proċedura amministrattiva, filwaqt li pproduċiet diversi dokumenti li jagħmlu riferiment għad-diskussjonijiet li jikkonċernaw il-liċenzja kważi sentejn qabel it-tmiem tad-diskussjonijiet dwar ir-riżoluzzjoni bonarja, din il-pożizzjoni ta’ Niche, fil-mument li fiha din il-kumpannija kisbet konoxxenza tal-ilmenti fformati fil-konfront tagħha, ma għandhiex l-istess forza probatorja bħad-dikjarazzjonijiet preċedenti tagħha.

153    Sussegwentement, għalkemm il-Kummissjoni ma tinnegax il-fatt li Biogaran u Niche kienu f’kuntatt dwar l-prodott A anki qabel ma beda d-disgwid bejn Servier u Niche, l-ebda element fil-fajl ma jippermetti li tiġi sostnuta l-allegazzjoni fformulata mir-rikorrenti li dan id-disgwid kellu l-effett li jipparalizza n-negozjati bejn Niche u Biogaran. F’dan ir-rigward, ittra elettronika tal-4 ta’ Frar 2005 turi li n-negozjati bil-ħsieb tal-konklużjoni tal-ftehim Biogaran kienu avvanzati ħafna f’dik id-data filwaqt li l-proċedura kontenzjuża bejn Niche u Servier kienet għadha pendenti u ġiet riżolata biss fit-8 ta’ Frar 2005. Il-kontemporanjetà tan-negozjati tikkostitwixxi indizju qawwi tal-eżistenza ta’ rabta bejn iż-żewġ ftehimiet.

154    Barra minn hekk, għalkemm iż-żewġ ftehimiet ma għandhomx l-istess firmatarji u ġew iffirmati rispettivament f’Pariġi (Franza), fir-rigward tal-ftehim Biogaran, u f’Londra (ir-Renju Unit), fir-rigward tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja bejn Servier u Niche, dawn kellhom, parzjalment, l-istess negozjaturi. Minn naħa, M., wieħed mid-diretturi ta’ Niche, ipparteċipa fin-negozjati taż-żewġ ftehimiet. Min-naħa l-oħra, mill-ittra elettronika tal-4 ta’ Frar 2005, mibgħuta mill-avukat ta’ Biogaran lil dan id-direttur ta’ Niche, li l-persuna li nnegozzjat il-ftehim ma’ Niche għan-nom ta’ Biogaran kienet ukoll il-firmatarja tal-ittra ta’ intimazzjoni mibgħuta minn Servier lil Matrix fis-7 ta’ Frar 2005, il-ġurnata ta’ qabel il-konklużjoni tar-riżoluzzjoni bonarja bejn Servier u Matrix. Kif irrilevat il-Kummissjoni, huwa probabbli li din il-persuna kellha konoxxenza tar-riżoluzzjoni bonarja ma’ Niche, b’kont meħud tar-rabtiet eżistenti bejn il-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja bejn Servier u Niche u l-ftehim Matrix. Din l-istess ittra elettronika nbagħtet f’forma ta’ kopja lid-direttriċi legali tal-grupp Servier, minkejja li kienet tirrigwarda kuntratt li jikkonċerna lil Biogaran.

155    Fl-aħħar, il-Kummissjoni ssostni, ġustament, li l-fatt li l-ħlasijiet ta’ Biogaran marbuta mal-provvista ta’ prodotti mediċinali, u mhux mat-trasferiment ta’ fajls ta’ prodotti, trasferiment li kien jikkostitwixxi r-raġuni għall-eżistenza tal-ftehim Biogaran, saru wara, jikkonferrma l-eżistenza ta’ rabta bejn il-ftehimiet. Fil-fatt, huwa t-trasferiment tal-fajls li jikkostitwixxi l-essenza stess tal-ftehim ta’ liċenzja, u mhux il-provvista tal-prodotti minn Niche. B’hekk, il-kontemporanjetà tal-ħlasijiet tas-somma ta’ GBP 2.5 miljun, bħala korrispettiv tal-fajls tal-prodotti, u tas-somma ta’ GBP 11.8 miljun previsti mir-riżoluzzjoni bonarja tikkonforta l-eżistenza ta’ rabta bejn iż-żewġ ftehimiet.

156    Mill-iżviluppi preċedenti (punti 1500 sa 1555 iktar ’il fuq) jirriżulta li l-ftehim Biogaran jikkostitwixxi ftehim aċċessorju, marbuta mal-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja. Iċ-ċirkustanza li dan il-ftehim, li permezz tieġħu jsir it-trasferiment ta’ valur għall-profitt ta’ Niche, huwa assoċjat mal-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja tat-tilwima bejn Servier u Niche, minkejja li dan il-ftehim aċċessorju jippreżenta ruħu bħala ftehim kummerċjali komuni li ma għandux bħala l-għan tiegħu r-riżoluzzjoni bonarja ta’ tilwima, tikkostitwixxi indizju fattwali serju li t-trasferiment tal-valur inkwistjoni ma huwiex biss korrispettiv għall-oġġett skambjat fil-kuntest tal-ftehim aċċessorju iżda jimplika ukoll ħlas invertit (fis-sens ta’ din il-frażi fil-qasam tal-ftehimiet aċċessorji).

157    Barra minn hekk, il-Kummissjoni identifikat diversi indizji koncordanti li jikkonfrontaw il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ħlas invertit.

158    Qabelxejn, il-Kummissjoni, sabiex issostni li l-korrispettivi miksuba minn Biogaran ma setgħux jiġu vvalutati għas-somma ta’ GBP 2.5 miljun, irrilevat, ġustament, li dan l-ammont kien ħafna ogħla mis-somma mħallsa minn Biogaran lil kumpannija oħra ta’ ġeneriċi, il-kumpannija A., bil-ħsieb li takkwista diversi fajls li jikkonċernaw il-prodott A fil-forma ta’ pilloli f’dożi differenti. Fil-fatt, Biogaran ħallset lill-kumpannija A. s-somma totali ta’ EUR 330 000 abbażi taż-żewġ ftehimiet li jirrigwardaw il-prodott A, jiġifieri somma ħafna iżgħar mis-somma ta’ GBP 2.5 miljun, anki jekk din kienet tinkludi wkoll il-prodott B u Ċ.

159    Sussegwentement, il-Kummissjonia speċifikat, ukoll ġustament, li l-assenza ta’ klawżola, fil-ftehim Biogaran, b’differenza mill-ftehim mal-kumpannija A., li kienet tippermetti lil Biogaran li titlob ir-rimbors tas-somom imħallsa lil Niche f’każ li ma tiksbix l-ATS, kienet indizju tal-fatt li l-ftehim ma kienx maħsub li jinċentiva lil Biogaran sabiex titlob dawn l-ATS u ma kellux in-natura ta’ ftehim kummerċjali komuni.

160    Fl-aħħar, il-Kummissjoni setgħet validament tirrileva li Niche kienet indikat diversi drabi, matul il-proċedura amministrattiva, li l-ftehim Biogaran kien ġie propost lilha minn Servier bil-ħsieb li jagħti lil Niche il-kumpens kollu maqlub bi skambju għall-konklużjoni tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja globali ma’ Servier. Jirriżulta wkoll minn abbozz ta’ ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja bejn Servier u Niche, anness mar-risposta, li jinkludi lista ta’ ħlasijiet li kellhom isiru, li kien previst ħlas ta’ GBP 2.5 miljun favur Niche inkonnessjoni mar-ramipril, wieħed mill-prodotti previsti mill-ftehim Biogaran. Kif issostni ġustament il-Kummissjoni, jirriżulta wkoll minn ittra elettronika tal-4 ta’ Frar 2005, diġà msemmija (ara, b’mod partikolari, il-punt 154 iktar ’il fuq), li l-partijiet fil-ftehim Biogaran kienu ftiehmu fuq il-ħlas ta’ GBP 2.5 miljun anki qabel ma kien ġie nnegozzjat u stabbilit mill-kontraenti, il-korrispettiv għal Biogaran inkambju għal tali somma. Barra minn dan, Niche stess enfasizzat matul il-proċedura amministrattiva, qabel ma ttrattat din id-dikjarazzjoni, li l-ftehim Biogaran ma kienx jaqa’ taħt prattika kummerċjali komuni u li l-portata tal-ħlas kienet element ta’ riżoluzzjoni bonarja (premessa 562 tad-deċiżjoni kkontestata).

161    Issa, ir-rikorrenti ma tipproduċi l-ebda element speċifiku li jippermetti li jiġi stabbilit li l-akkwist, għas-somma ta’ GBP 2.5 miljun, tal-fajls tal-prodotti ta’ Niche seta’ raġjonevolment jitqies bħala li jikkostitwixxi investiment profittabbli (ara, sabiex tiġi segwita l-analoġija mal-kunċett ta’ “investitur privat f’ekonomija tas-suq” mibdija fil-punt 143 iktar ’il fuq, il-punt 84 tas-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2000, Alitalia vs Il-Kummissjoni, T-296/97, EU:T:2000:289, li fih hemm indikat li “l-aġir ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq huwa ggwidat minn perspettivi ta’ profittabbiltà”) jew, tal-inqas, tan-natura li jiġġenera lil min jakkwista dawn il-fajls tal-prodotti, dħul li jista’ jagħmel tajjeb għall-ispiża għolja tal-akkwist.

162    Barra minn hekk, l-ebda element fil-fajl ma jippermetti li jiġi spjegat kif il-fajls ta’ Niche setgħu jiġġeneraw lil minn jakkwistahom profitti li jistgħu jagħmlu tajjeb għal tali spiża tal-akkwist. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li d-dħul mill-bejgħ totali mwettaq minn Biogaran wara l-ftehim jammonta biss għal somma ta’ bejn EUR 100 000 u 200 000.

163    Barra minn hekk, jista’ jiġi rrilevat, li ma jirriżulta minn ebda folja tal-proċess li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li, qabel ma kkonkludiet il-ftehim Biogaran, hija kienet talbet lil Niche li jittrażmettilha d-data neċessarja kollha sabiex tiżgura li l-prezz mitlub għall-fajls tal-prodotti inkwistjoni ma kienx sopravalutat fid-dawl tal-profittabbiltà prevedibbli tagħhom.

164    Minn dak li ntqal jirriżulta, fid-dawl tal-elementi kollha diskussi quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-Kummissjoni stabbilixxiet sal-grad rikjest mil-liġi l-eżistenza ta’ ħlas invertit li ma kienx inerenti għar-riżoluzzjoni bonarja tat-tilwima inkwistjoni (ara l-punt 146 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, hija kkonkludiet validament li l-ħlas lil Niche, fil-kuntest tal-ftehim Biogaran, fl-ammont ta’ GBP 2.5 miljun, kien jikkostitwixxi vantaġġ fil-forma ta’ inċentiv addizzjonali u mhux tranżazzjoni skont il-kundizzjonijiet normali tas-suq.

165    Fl-aħħar, jeħtieġ li jiġi rrilevat, fid-dawl tal-kunsiderazzjoniijet esposti fil-punti preċedenti, li n-natura insinifikattiva tal-vantaġġ inkwistjoni, li l-ammont tiegħu kien għaldaqstant insinifikattiv sabiex jitqies bħala inċentiv sinifikattiv sabiex jiġu aċċettati klawżoli li jirrestrinġu l-kompetizzjoni previsti fil-ftehim ta’ riżoluzzjoni (ara l-punt 147 iktar ’il fuq), ma ġietx stabbilita.

166    Din il-konklużjoni ma tistax tpoġġi f’dubju l-argumenti tar-rikorrenti.

167    Fl-ewwel lok, fir-risposta għall-espożizzjoni tal-fatti, Biogaran allegat li “l-assenza ta’ rimbors tas-somom [li hija kienet] ħallset […] f’każ li ma tiksibx ATS kienet iddeliberata min-naħa ta’ Niche u kienet intiża [sabiex Biogaran twettaq] dak li huwa neċessarju sabiex tikseb tali ATS biex tiġġenera dħul mill-bejgħ profittabbli għal Niche”.

168    Madankollu, dan l-argument, riprodott minn Biogaran fir-rikors tagħha, ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, l-istruttura ta’ dan il-ftehim ma jagħtix garanzija li Biogaran kienet se titlob l-ATS u li kienet ser tiksibhom mingħand Niche, peress li l-ħlas kellu jsir lil Niche qabel ma kellha tkun taf jekk Biogaran kinitx sejra tikseb l-ATS. Il-Kummissjoni ġustament tenfasizza li l-obbligi kuntrattwali ta’ Biogaran ma kinux jinkludu l-obbligu li jitolbu ATS abbażi tal-fajls ittrasferiti (Artikoli 2.2 u 3 tal-ftehim Biogaran). Barra minn hekk, anki jekk Biogaran ma tiksibx l-ATS f’terminu ta’ 18-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim, dan kellu awtomatikament jiġi rexiss u l-ebda parti ma kellha dritt għal kumpens. Barra minn hekk, Biogaran ma kienet marbuta b’ebda esklużività, peress li setgħet titlob l-ATS abbażi ta’ fajls oħra minbarra dawk ittrasfertiti u provenjenti minn Niche.

169    Għalkemm Biogaran semmiet, fir-risposta tagħha għall-espożizzjoni tal-fatti, ftehimiet oħra ffirmati minnha, li ma jinkludux klawżola ta’ rimbors, dawn il-ftehimiet kienu jinkludu ħlasijiet maqsumin f’diversi pagamenti u l-ħlasijiet kienu kunsiderevolment iżgħar mill-ħlas uniku ta’ GBP 2.5 miljun inkwistjoni fil-kawża odjerna.

170    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-ftehim Biogaran kien intiż li jiggarantilha t-tieni sors ta’ provvista tal-prodott A.

171    Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.

172    Fil-fatt, ir-rikorrenti kienet diġà ffirmat ftehim ta’ provvista tal-prodott A mal-kumpannija A. f’Diċembru 2004, qabel il-ftehim inkwistjoni. Bl-istess mod, wara verifika ta’ Marzu 2005 fuq il-fajl tal-prodott ta’ Niche li jirrigwarda l-prodott A fil-forma ta’ forma ta’ pilloli ta’ 10 mg, li l-forma u d-doża tagħha ma kinux koperti mill-ftehim mal-kumpannija A., Biogaran ikkonststat li l-fajl kien dgħajjef ħafna fil-parti analitika. B’hekk, il-Kummissjoni ssostni ġustament li, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, hija sorpriża kif Biogaran kienet aċċettat li tħallas somma konsiderevolment ogħla għal dan il-fajl meta mqabbla ma’ dik għall-fajl tal-kumpannija A. Għalkemm Biogaran tispeċifika li l-prodott A ġġeneralha dħul mill-bejgħ ta’ iktar minn EUR 79 miljun mill-2007, jirriżulta mill-premessa 569 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma huwiex ikkontesta minn Biogaran, li d-dħul mill-bejgħ globali mwettaq minn Biogaran bil-ftehim Biogaran baqa’ taħt l-EUR 200 000.

173    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-fajl tal-prodott B, Biogaran ma tikkontestax li hija u Bioglan (li saret Niche) kienu kkonkludew fl-2001 ftehim kummerċjali li jikkonċerna l-molekula tal-prodott B 5 u 10 mg, li, għall-kuntrarju tal-ftehim Biogaran, kien jipprevedi ħlas rimborsabbli f’każ li ma jinkisbux ATS. Jeħtieġ li jiġi nnotat li ċ-ċikustanza li l-ftehim Biogaran ma kienx jipprevedi tali garanzija ta’ rimbors, kif previst fil-ftehim preċedenti bejn Bioglan u Biogaran, tikkonferma li t-trasferiment tal-fajl tal-prodott B ma jikkorrispondix għal tranżazzjoni mwettqa skont il-kundizzjonijiet normali tas-suq.

174    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-fajl tal-prodott Ċ, Biogaran kienet tirrokonoxxi li l-fajl tal-prodott ta’ Niche ma ntużax u li Biogaran segwiet ir-relazzjoni kummerċjali tagħha ma’ Disphar. Bl-istess mod, dan il-fajl ġie ttrasferit biss f’Jannar 2007, filwaqt li l-ftehim Biogaran kien diġà ġie rexiss, minħabba li ma nkisbux ATS, u wara li Niche kienet diġà rċeviet il-ħlas kollu, mhux rimborsabbli. Il-Kummissjoni ssostni, ġustament, li ma huwiex kredibbli li Biogaran kienet ħallset somma daqshekk kbira filwaqt li hija kellha diġà kuntratt ta’ provvista għal diversi snin ma’ Disphar u li l-unika ċirkustanza li t-tiġdid tal-ftehim Disphar kien inċert ma kinitx tiġġustifika tali tranżazzjoni.

175    Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt li Biogaran segwiet ukoll l-għanijiet leġittimi billi kisbet il-fajls tal-prodotti ta’ Niche, jeħtieġ jitfakkar li l-unika ċirkustanza li ftehim isegwi wkoll għanijiet leġittimi ma tistax tkun biżżejjed sabiex tostakola klassifikazzjoni bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 1983, IAZ International Belgium et vs Il-Kummissjoni, 96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, EU:C:1983:310, punt 25, tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni, C-551/03 P, EU:C:2006:229, punt 64, u tal-20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers, C-209/07, EU:C:2008:643, punt 21).

176    Fl-aħħar, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ intenzjonijiet antikompetittivi min-naħa ta’ Biogaran.

177    F’dan ir-rigward, mill-premessa 577 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta, dan ma huwiex ikkontestat serjament minn Biogaran, li l-ħlasijiet previsti mill-ftehimiet ta’ riżoluzzjoni bonarja konklużi minn Servier ma’ Niche u Matrix ġew innegazzjati u maqsuma b’mod ugwali bejn Niche u Matrix, filwaqt li Matrix kienet tixtieq tirċievi iktar minn Niche. Il-Kummissjoni ssostni ġustament li l-ftehim Biogarankien jippermetti, taħt il-pretest ta’ transazzjoni b’apparenza komuni, li żżid il-kontribuzzjoni mħallsa mill-grupp Servier lil Niche filwaqt li żżomm lil Matrix fil-ġenb. Barra minn hekk, Niche kkonfermat li s-somma ta’ GBP 2.5 miljun kienet tifforma parti mit-“total overall compensation” ta’ GBP 15.7 miljun innegozzjata bejn Niche u Servier (premessa 560 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalkemm il-Kummissjoni ma tipproduċi l-ebda prova addizzjonali fuq ir-raġunijiet li ġiegħlu lil Servier jirrikorri għand Biogaran sabiex jinċentiva lil Niche, l-elementi li hija ġabret kienu jikkostitwixxu assjem ta’ indizji probatorji dwar l-ezistenza ta’ rabta indiviżibbli bejn il-ħlas ta’ GBP 2.5 miljun u l-ħlas principali mwettaq minn Servier lil Niche fil-kuntest ta’ riżoluzzjoni bonarja.

178    Fi kwalunkwe każ, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-intenzjoni tal-partijiet ma tikkostitwixxix element neċessarju sabiex tiġi ddeterminata n-natura restrittiva ta’ tip ta’ koordinazzjoni bejn impriżi (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C-286/13 P, EU:C:2015:184, punt 118).

179    Minn dak li ntqal jirriżulta li kien b’mod ġust li l-Kummissjoni setgħet tikkonkludi li l-ħlas lil Niche, fil-kuntest tal-ftehim Biogaran, f’ammont ta’ GBP 2.5 miljun kien jikkostitwixxi vantaġġ fil-forma ta’ inċentiv addizzjonali.

180    Jeħtieġ li jiżdied li l-inċentiv addizzjonali huwa suffiċjentement deċiżiv sa fejn dan iddetermina d-deċiżjoni ta’ Niche li ma tidħolx fis-suq tal-perindopril. Fil-fatt, il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 577 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma ġiet ikkontestata serjament, li s-somom li jifformaw is-suġġett tar-riżoluzzjonijiet bonarji konklużi rispettivament minn Servier ma’ Niche u Matrix kienu oriġinarjament diviżi b’mod ugwali, iżda li l-ħlas ta’ Biogaran lil Niche finalment ippermetta li tiżdied il-kontribuzzjoni mħallsa mill-grupp Servier lil dik il-kumpannija u dan b’mod li Matrix ma tindunax b’dan. Bl-istess mod ukoll, Niche ikkonfermat li l-ħlas addizzjonali li kien jifforma parti mit-“total overall compensation” li hija kienet innegozzjat ma’ Servier. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, xejn ma jippermetti li jeħtieġ li jiġi konkluż li, mingħajr il-ftehim Biogaran, Niche probabbilment ma kintix tikkonkludi l-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja. Għaldaqstant, hija l-azzjoni magħquda ta’ Servier u tas-sussidjarja tagħha li tippermetti l-materjalizzazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni.

181    B’hekk, din il-konstatazzjoni waħidha tippermetti li tiġi konkluża l-eżistenza ta’ restrizzjoni minħabba l-għan li Biogaran ipparteċipat direttament fiha. Iċ-ċirkustanza li Biogaran ma kinitx kompetitriċi ta’ Niche meta ġraw il-fatti, anki jekk dan jiġi preżunt li huwa stabbilit, ma tinċidix fuq din il-konklużjoni. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, kumpannija tista’ tipparteċipa f’akkordju mingħajr ma tkun neċessarjament attiva fis-suq ikkonċernat mir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni, C-194/14 P, EU:C:2015:717, punt 34).

182    L-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-fatt li l-ftehim Biogaran ma jinkludi l-ebda klawżola antikompetittiva, ma jistax jiġi invokat fir-rigward tal-elementi preċedenti. Fil-fatt, din il-konstatazzjoni ma għandhiex l-effett li tirtira mill-ftehim in-natura restrittiva vera tiegħu sa fejn ir-raġuni għall-eżistenza ta’ dan il-ftehim hija li jservi bħala addizzjoni għar-riżoluzzjoni bonarja li tinkludi tali klawżoli.

183    Fl-aħħar, iċ-ċirkustanza li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni il-ħlas ta’ GBP 2.5 miljun fil-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq Niche ma hijiex ta’ natura li tistabbilixxi li l-ftehim Biogaran ma kienx jikkostitwoxxi trasferiment tal-valur addizzjonali maħsub li jinċentiva lil Niche sabiex tikkonkludi r-riżoluzzjoni bonarja. Fil-fatt, il-Kummissjoni, b’risposta għal mistoqsija mill-Qorti Ġenerali, tispeċifika li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ din is-somma ma kienx neċessarju sabiex jiġi ggarantit l-effett dissważiv tal-multa imposta fuq Niche, b’kont meħud b’mod partikolari tad-daqs modest u tas-sitwazzjoni ta’ Niche. Anki jekk jiġi preżunt li l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ din is-somma fil-kalkolu tal-ammont tal-multa ta’ Niche tirriżulta minn sempliċi tnessija tal-Kummissjoni, din l-ommissjoni, tibqa’, fi kwalunkwe każ, bla ebda effett fuq il-konstatazzjoni, validament magħmula fl-imsemmija deċiżjoni, li l-ftehim Biogaran kien jikkonforta r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni naxxenti mill-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja.

184    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

B.      Fuq il-motiv ibbażat fuq żbalji ta’ liġi, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ma turix il-parteċipazzjoni ta’ Biogaran f’xi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni

1.      L-argumenti tal-partijiet

a)      Fuq in-natura tal-ksurtal-ftehim Biogaran

185    Ir-rikorrenti ssostni li l-ftehim Biogaran ma huwiex fih innifsu ta’ natura ta’ ksur, kif talvolta ammess mill-Kummissjoni stess. Fil-fatt, il-klawżoli ta’ dan il-ftehim ma kienu s-suġġett tal-ebda kritika fid-deċiżjoni kkontestata, li għalihom kienet tiddedika biss sitt paġni. B’hekk, Biogaran kienet ġiet issanzjonata għal ftehim li ma kien jinkludi l-ebda restrizzjoni tal-kompetizzjoni b’tali mod li l-iffirmar tiegħu minn Biogaran ma setax jiġi ssanzjonat abbażi tal-Artikolu 101 TFUE. Ir-responsabbiltà ta’ Biogaran kienet marbuta strettament man-natura allegatament illeċita tar-riżoluzzjoni bonarja, li ma kinitx iffirmata minnha, filwaqt li d-deċiżjoni kkontestata kienet tirrikonoxxi, fil-premessa 1351, li “l-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja u l-ftehim Biogaran huma atti legali distinti”.

186    Filwaqt li tibbaża ruħha fuq il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-Kawża AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni (C-194/14 P, EU:C:2015:350), ir-rikorrenti ssostni li, sabiex tkun parti f’akkordju li jkollu għan jew effetti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, jeħtieġ ukoll li l-impriża kkonċernata tkun tista’ tirrappreżenta pressjoni kompetittiva fuq il-parteċipanti l-oħra fl-akkordju, li ma huwiex il-każ fil-kawża odjerna, peress li Biogaran ma kinitx kompetitriċi ta’ Niche fil-mument tal-fatti.

187    Il-Kummissjoni tqis li l-ftehim ta’ Biogaran ma jistax jiġi eżaminat indipendentement mir-riżoluzzjoni bonarja li minnha huwa indiviżibbli. Hija diġà wriet, fid-deċiżjoni kkontestata, fil-premessi 1351 u 3011, li dan il-ftehim kien serva bħala appoġġ sabiex tiġi ttrasferita lil Niche somma addizzjonali ta’ GBP 2.5 miljun bħala korrispettiv għall-impenji adottati minn Niche fir-riżoluzzjoni bonarja bejn Servier u Niche.

188    Dan il-ħlas li huwa inkluż fil-ftehim Biogaran kien jikkostitwixxi parteċipazzjoni diretta ta’ Biogaran fl-akkordju, anki jekk il-klawżoli ta’ dan il-ftehim ma humiex inkwistjoni. Il-Kummissjoni żżid li din is-somma tikkostitwixxi inċentiv addizzjonali offrut lil Niche bil-ħsieb li tikkonvinċiha taderixxi mar-riżoluzzjoni bonarja. Iċ-ċirkustanza li din is-somma tħallset fil-kuntest ta’ ftehim ta’ liċenzja ma tneħħilhiex min-natura tagħha ta’ addizzjoni għall-ħlas ta’ GBP 11.8 miljun imħallas fil-kuntest tar-riżoluzzjoni bonarja. Bl-istess mod, iċ-ċirkustanza li l-ftehim Biogaran jirrigwarda molekuli distinti minn dawk li kienu s-suġġett tar-riżoluzzjoni bonarja u li seta’ kellu ċerta utilità operattiva, fatt li qatt ma ġie stabbilit, ma teħlisx lil dan il-ħlas min-natura tiegħu ta’ inċentiv dirett.

b)      Fuq l-imputazzjoni lis-sussidjarja tar-responsabbiltàtal-atti tal-kumpannija omm

189    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tattribwixxi r-responsabbiltà ta’ allegat ksur marbut mal-konklużjoni mill-kumpannija omm tagħha ta’ ftehim li hija ma hijiex parti fih u li hija ma tafx il-kontenut tiegħu. Tali approċċ imur kontra l-prinċipju tar-responsabbiltà personali li, konformement mal-ġurisprudenza, kellu jiġi interpretat b’mod strett. Fil-fatt, fid-dawl tal-personalità ġuridika proprja tagħha, ir-rikorrenti ssostni li hija ma setgħetx tinżamm responsabbli għall-ksur allegatament kommess minn Servier, ħlief sabiex turi li hija kienet ko-awtriċi jew benefiċjarja tal-akkordju allegat.

190    Ir-rikorrenti tenfasizza li hija indikat, fir-risposti tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li hija aġixxiet b’mod awtonomu fis-suq, peress li d-diretturi ta’ edifiċji, ta’ trade marks, ta’ attivitajiet, u ta’ attivi differenti minn dawk ta’ Servier, li jaġixxi bħala laboratorju tal-ewwel kampjuni filwaqt li Biogaran hija għall-kuntrarju kumpannija tal-ġeneriċi. Hija tenfasizza li, peress li la kienet il-kumpannija omm u lanqas l-azzjonista ta’ Niche jew ta’ Servier, hija konsegwentement ma kellha l-ebda dritt jew motiv ta’ kontroll fuq il-politika jew l-istrateġija kummerċjali tal-partijiet fil-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja allegatament kuntrarja għall-Artikolu 101 TFUE.

191    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet, bi ksur tal-prinċipju ta’ legalità, preżunzjoni ta’ responsabbiltà tas-sussidjarja għall-atti tal-kumpannija omm, filwaqt li b’dan kisret il-prinċipju ta’ personalità tal-pieni ggarantit mill-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, u mill-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

192    Il-Kummissjoni ttenni li, fid-deċiżjoni kkontestata, hija ma kellhiex l-intenzjoni tattribwixxi lis-sussidjarja r-responsabbiltà għall-atti tal-kumpannija omm. Hija ssostni li Biogaran għandha tinżamm responsabbli għall-parteċipazzjoni diretta tagħha fil-ksur imwettaq minn Servier. Hija l-azzjoni magħquda ta’ Servier (iffirmar tar-riżoluzzjoni bonarja) u tas-sussidjarja tagħha (iffirmar tal-ftehim ta’ liċenzja) li ppermettiet li jiġi bblokkat id-dħul fis-suq tal-prodotti ġeneriċi ta’ Niche, għall-benefiċċju tal-grupp Servier fit-totalità tiegħu.

193    Il-Kummissjoni tenfasizza li hija ma sostnietx li Biogaran kienet responsabbli minħabba nuqqas ta’ kontroll jew ta’ sorveljanza. Hija stabbilixxiet ir-responsabbiltà ta’ Biogaran abbażi tal-parteċipazzjoni diretta tagħha fil-ksur u ħadet inkunsiderazzjoni l-appartenenza tagħha fil-grupp Servier sabiex tistabbilixxi r-responsabbiltà in solidum tal-kumpannija omm tagħha.

194    Il-Kummissjoni ssostni li l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija omm b’mod partikolari meta din tal-ewwel, għalkemm ikollha personalità ġuridika separata, ma tiddeterminax awtonomament l-aġir tagħha fis-suq iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li tingħata mill-kumpannija omm. Hija żżid li, fil-każ partikolari fejn kumpannija omm ikollha l-kapital kollu tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, teżisti preżunzjoni konfutabbli li tgħid li din il-kumpannija omm effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha. Skont il-Kummissjoni, f’tali kuntest, il-kumpannija omm u s-sussidjarja għandhom jinżammu responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ multa għal dan il-ksur.

195    Il-Kummissjoni żżid li, għalkemm il-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja bejn Servier u Niche u l-ftehim Biogaran huma atti distinti, huma madankollu indiviżibbli sa fejn kemm wieħed kif ukoll l-ieħor għandhom l-għan li jipprovdu fl-istess jum ħlas sostanzjali lil Niche bħala korrispettiv għall-impenji sabiex ma tidħolx fis-suq tal-perindopril (premessi 1351 u 3011 tad-deċiżjoni kkontestata). Iż-żewġ entitajiet segwew l-istess għan, it-tmexxija tagħhom kienet waħda unita u huma tmexxew bħala entità ekonomika waħda, mhux biss fis-suq iżda wkoll għall-ħtiġijiet tal-ksur.

196    Il-Kummissjoni tqis li l-kuntest tal-ftehim Biogaran ippermetta li jiġi stabbilit li Biogaran ma setgħetx tinjora li l-ħlas kien jaqa’ fil-kuntest tar-riżoluzzjoni bonarja li l-għan tagħha kien l-eliminazzjoni ta’ Niche mis-suq tal-perindopril. Il-ftehim Biogaran kien komponenti mill-pjan komuni tal-entità ekonomika unika u l-fatt li l-ftehim Biogaran ma jirriproduċix il-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni tar-riżoluzzjoni bonarja ma għandux l-effett li jiżvesti lill-ftehim Biogaran min-natura vera tiegħu, jiġifieri inċentiv addizzjonali maħsub sabiex tiġi eskluża Niche mis-suq tal-perindopril.

c)      Fuq il-konoxxenza minn Biogaran tal-għamliet ta’ aġir ta’ Servier li jikkostitwixxu ksur

197    Ir-rikorrenti tenfasizza li meta ġraw il-fatti, hija ma kellhiex konoxxenza tal-kontenut tar-riżoluzzjoni bonarja u għaldaqstant ma setgħetx tindividwa n-natura antikompetittiva ta’ din it-tranżazzjoni.

198    Filwaqt li tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza, ir-rikorrenti tqis li “sabiex impriża tinżamm responsabbli għal ksur uniku u kontinwat, hija rikjesta l-konoxxenza (ipprovata jew preżunta) tal-għamliet ta’ aġir li jikkostitwixxu ksur tal-parteċipanti l-oħra fil-ksur”. Il-Kummissjoni b’mod żbaljat illiberat ruħha mill-grad tal-prova stabbilit mill-ġurisprudenza sa fejn iddikjarat fid-deċiżjoni kkontestata li ma kienx “neċessarju li tiġi pprovata l-konoxxenza minn Biogaran tan-natura antikompetittiva tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja”.

199    Barra minn dan, ir-rikorrenti tqis li, konformement mal-ġurisprudenza, l-eżistenza ta’ rabta oġġettiva bejn il-ksur u l-ftehim ma hijiex suffiċjenti sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tattribwixxi l-ksur lil Biogaran. Il-Kummissjoni kellha tistabbilixxi li l-impriża kienet konsapevoli mill-eżistenza tal-ksur jew li hija setgħet raġjonevolment tipprevediha. Il-Kummissjoni żnaturat il-fatti u kisret il-ġurisprudenza suesposta billi qieset li “Biogaran kienet f’pożizzjoni tifhem li l-ftehim Biogaran kien marbut mal-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja Niche/Unichem”.

200    Ir-rikorrenti żżid li, anki jekk jiġi preżunt li l-Kummissjoni setgħet turi li l-ftehimiet kienu marbuta u li Biogaran ma setgħetx tinjora din ir-rabta, dan ma jfissirx li r-rikorrenti kellha konoxxenza tagħhom jew li hija setgħet raġjonevolment tipprevedi l-kontenut tar-riżoluzzjoni bonarja. F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkontestata ma wrietx li Biogaran kellha konoxxenza tal-għan allegatament antikompetittiv tar-riżoluzzjoni bonarja u tal-karatteristiċi essenzjali ta’ din ir-riżoluzzjoni, konoxxenza li ma tistax tiġi preżunta.

201    Ir-rikorrenti tenfasizza li hija ma setgħetx tkun taf in-natura allegatament illeċita tar-riżoluzzjoni bonarja peress li ma kienx jeżisti fil-mument tal-fatti (2005) preċedent li tali ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja kien illeċitu. Filwaqt li tibbaża ruħha fuq opinjoni ta’ Sir Jacobs, ir-rikorrenti ssostni li ma setgħetx timmaġina fil-mument li ġraw il-fatti it-tabella tal-analiżi ppreżentata mill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

202    Fl-aħħar, ir-rikorrenti tqajjem l-inammissibbiltà ta’ ċerti argumenti li ġew invokati mill-Kummissjoni, fl-istadju tar-risposta, sabiex issostni l-allegazzjoni li Biogaran ma setgħetx tinjora l-“għamliet ta’ aġir materjali” ta’ Servier.

203    Il-Kummissjoni ssostni li Biogaran setgħet raġjonevolment tipprevedi l-aġir materjali previst mill-parteċipanti l-oħra fil-prattika miftiehma u li hija kienet lesta li taċċetta r-riskju għalihom. Fil-fatt, il-Kummissjoni tqis li l-konsapevolezza jew il-konoxxenza ta’ parti fl-akkordju li tipparteċipa fi ksur tal-Artikolu 101 TFUE ma tistax tiġi interpretata bl-istess mod meta is-sħab tagħha fl-operazzjoni ta’ eliminazzjoni tkun il-kumpannija omm tagħha. Fil-fatt, f’tali każ, is-sussidjarja ma tistax taġixxi f’kuntest differenti minn dak iddefinit mill-kumpannija omm tagħha, jiġifieri, f’dan il-każ, l-implimentazzjoni ta’ strateġija antiġenerika ta’ portata ampja. Għaldaqstant, f’dan il-kuntest, Biogaran setgħet raġjonevolment tipprevedi li ħlas lil produttur ta’ prodotti ġeneriċi fil-proċess li jidħol fis-suq ma setax ikollu għan ieħor ħlief l-eliminazzjoni ta’ dan il-produttur mis-suq. Għaldaqstant, il-ħlas ma kellu l-ebda spjegazzjoni plawżibbli oħra ħlief il-volontà li joffri lil Niche inċentiv addizzjonali sabiex tikkonkludi l-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja.

204    Il-Kummissjoni tallega wkoll li l-konsapevolezza tan-natura ta’ ksur tat-tranżazzjoni hija iktar ċerta peress li l-ġuristi ta’ Servier ġew assoċjati mal-preparazzjoni tal-ftehim Biogaran u/jew kienu d-destinatraji. Barra minn hekk, l-akkużi ta’ tmaqdir imressqa minn Sandoz AG fil-konfront ta’ Biogaran fl-2008 jagħtu xhieda għall-implikazzjoni ta’ din tal-aħħar fl-istrateġija antikompetittiva ta’ Servier. Bl-istess mod, il-fatt li Biogaran qdiet rwol ta’ intermedjarja fl-2006 fl-implimentazzjoni ta’ riżoluzzjoni bonarja allegatament antikompetittiva bejn Servier u Lupin kien jikkonforta l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li Biogaran kienet konsapevoli tal-aġir materjali ta’ Servier.

205    Fl-aħħar, il-Kummissjoni tinvoka n-negozjati bejn Niche u Matrix marbuta mas-somom li tħallsu lilhom minn Servier bħala korrispettiv għar-riżoluzzjoni bonarja sabiex issostni li Biogaran ma setgħetx tinjora l-għan segwit simultanjament mir-riżoluzzjoni bonarja u l-ftehim Biogaran. Fil-fatt, Niche kienet ikkonfermat li l-ħlas kien jifforma parti mit-“total overall compensation” ta’ GBP 15.7 miljun innegozzjata bejn Niche u Servier.

2.      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

206    Jeħtieġ li jitfakkar liema motivi determinanti identifikat il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, sabiex tasal għall-konklużjoni li, minn naħa, il-ftehim Biogaran kien inċentiv addizzjonali sabiex Niche tikkonkludi l-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja ma’ Servier, li seta’ jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan (premessi 1369 u 3011 tad-deċiżjoni kkontestata), u min-naħa l-oħra, Biogaran setgħet tinżamm responsabbli b’mod konġunt u in solidum ma’ Servier għall-perijodu kollu ta’ dan il-ksur (premessi 3006, 3012 u 3145 tad-deċiżjoni kkontestata).

207    Il-Kummissjoni qieset li s-somma mħallsa minn Biogaran lil Niche bħala korrispettiv għax-xiri ta’ fajls ta’ prodotti kienet tikkostitwixxi inċentiv addizzjonali offrut lil Niche, li jikkontribwixxi għall-esklużjoni ta’ Niche mis-suq tal-perindopril. Skont il-Kummissjoni, l-impenn ta’ Niche li ma tidħolx fis-suq tal-perindopril sar possibbli permezz ta’ inċentiv li ħa l-forma, minn naħa, ta’ ħlas minn Servier fil-kuntest tar-riżoluzzjoni bonarja ma’ Niche u, min-naħa l-oħra, ta’ ħlas addizzjonali mwettaq direttament minn Biogaran, sussidjarja ta’ Servier, fil-kuntest tal-ftehim Biogaran.

208    Ir-rikorrenti tikkontesta dawn l-evalwazzjonijiet. Hija ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċpju ta’ responsabbiltà personali billi attribwiet lilha r-responsabbiltà ta’ ftehim konkluż mill-kumpannija omm tagħha. Hija ssostni li l-ftehim Biogaran ma jikkostitwixxix ksur tal-Artikolu 101 TFUE u li hija ma kellhiex konoxxenza la tal-aġir tal-kumpannija omm tagħha u lanqas tan-natura ta’ ksur tar-riżoluzzjoni bonarja konkluża bejn il-kumpannija omm tagħha u Niche.

209    Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma attribwixxietx lill-Biogaran, l-atti allegati fil-konfront tal-kumpannija omm tagħha. Fil-premessa 1349 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li Servier kien ipprovda lil Niche inċentiv addizzjonali permezz tal-ftehim Biogaran. Fil-premessa 3011 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni speċifikat li, minkejja li ma huwiex neċessarju li tiġi pprovata l-konoxxenza minn Biogaran tan-natura antikompetittiva tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja, diversi elementi kienu juru li Biogaran kienet f’pożizzjoni li tifhem li l-ftehim Biogaran kien marbut mar-riżoluzzjoni bonarja u li, b’dan il-ftehim, Biogaran kienet ipparteċipat direttament fil-ksur. Kif tirrileva l-Kummissjoni fir-risposta tagħha, hija ma pprovatx, la direttament u lanqas indirettament li tattribwixxi lil Biogaran l-atti allegati fil-konfront tal-kumpannija omm tagħha.

210    Fil-fatt, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 3007 tad-deċiżjoni kkontestata, li Servier kien proprejtarju tal-azzjonijiet kollha tas-sussidjarja tiegħu fil-mument tal-iffirmar tal-ftehim u għaldaqstant kien jifforma impriża waħda mas-sussidjarja tagħha. Bl-istess mod, il-Kummissjoni stabbilixxiet ir-responsabbiltà in solidum ta’ Biogaran, sa fejn il-ftehim Biogaran u l-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja kienu ġew “konklużi bejn l-istess impriżi”, jiġifieri l-grupp Servier, minn naħa, u Niche u Unichem, min-naħa l-oħra (premessa 1351 u nota fil-qiegħ tal-paġna Nru 1898 tad-deċiżjoni kkontestata).

211    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Qorti tal-Unjoni sal-lum, ma tatx deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar f’liema ċirkustanzi l-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi r-responsabbiltà in solidum ta’ sussidjarja meta, bħal fil-kawża odjerna, din is-sussidjarja pparteċipat direttament fl-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-kumpannija omm tagħha.

212    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus legali ta’ din l-entità u mill-metodu ta’ finanzjament tagħha. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat, minn naħa, li l-kunċett ta’ impriża, f’dan il-kuntest, għandu jinftiehem bħala li jagħmel riferiment għal unità ekonomika, anki jekk, mill-perspettiva legali, din l-unità ekonomika hija kkostitwita minn diversi persuni fiżiċi jew legali u min-naħa l-oħra, li, meta entità ekonomika tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju tar-responsabbiltà personali, tirrispondi għal tali ksur (ara s-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2011, General Química et vs Il-Kummissjoni, C-90/09 P, EU:C:2011:21, punti 34 sa 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

213    F’dan il-każ partikolari meta kumpannija omm ikollha l-kapital kollu tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqet ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, teżisti preżunzjoni konfutabbli li skontha l-imsemmija kumpannija omm effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C-97/08 P, EU:C:2009:536, punt 60). B’hekk, huwa suffiċjenti li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital kollu ta’ sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija omm tagħha sabiex jiġi preżunt li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja (sentenza tad-29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxembourg vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, C-201/09 P u C-216/09 P, EU:C:2011:190, punt 98).

214    Dan huwa l-każ fil-kawża odjerna. Biogaran kienet sussidjarja 100 % ta’ Servier meta ġie konkluż il-ftehim Biogaran u l-preżunzjoni naxxenti minn din il-konstatazzjoni ma ġietx ikkonfutata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C-97/08 P, EU:C:2009:536, punti 60 sa 65). Fil-fatt, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li Biogaran ma wrietx li hija ddeterminat il-politika kummerċjali tagħha b’mod awtonomu minn Servier. Il-provi diskussi iktar ’il fuq dwar l-eżistenza ta’ rabta indiviżibbli bejn iż-żewġ ftehimiet jikkonfermaw l-eżistenza determinanti ta’ Servier dwar l-aġir ta’ Biogaran u l-użu effettiv ta’ din is-setgħa. Sabiex turi l-awtonomija ta’ Biogaran minn Servier, ir-rikorrenti ssostni li l-mexxejja ta’ Biogaran qatt ma eżerċitaw il-funzjoni tagħhom fi ħdan Servier. Madankollu, dan l-element ma jippermettix li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti effettivament eżerċitata minn Servier fuq Biogaran (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Roca vs Il-Kummissjoni, T-412/10, EU:T:2013:444, punt 76). Fir-rigward taċ-ċirkustanzi allegati mir-rikorrenti, marbuta mal-fatt li hija kienet taġixxi fus-suq b’mod awtonomu, minħabba edifiċji, trade marks u attivi distinti minn dawk ta’ Servier, iktar u iktar bħala kumpannija ta’ ġeneriċi, dawn juru biss li Biogaran hija persuna legali distinta minn Servier iżda ma humiex ta’ natura li jikkonfutaw il-preżunzjoni li Servier jeżerċita influwenza determinanti fuq Biogaran.

215    Għaldaqstant, Biogaran, fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim Biogaran u tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja bejn Servier u Niche, kienet is-sussidjarja ta’ Servier u flimkien mal-kumpannija omm tagħha kienu jikkostitwixxu l-istess impriża waħda fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni.

216    Konsegwentement, il-Kummissjoni setgħet, ġustament, b’applikazzjoni tal-kunċett ta’ “impriża”, tqis li Servier u Biogaran kienu responsabbli in solidum għall-aġir li ġie attribwit lilhom, peress li l-atti mwettqa minn waħda jew mill-oħra kienu, għaldaqstant, meqjusa li twettqu minn waħda u mill-istess impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T-9/99, EU:T:2002:70, punti 524 u 525, u tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, T-112/05, EU:T:2007:381, punt 62; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 1974, Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il-Kummissjoni, 6/73 u 7/73, EU:C:1974:18, punt 41, u tas-16 ta’ Novembru 2000, Metsä-Serla et vs Il-Kummissjoni, C-294/98 P, EU:C:2000:632, punti 26 sa 28).

217    Iċ-ċirkustanza li, fil-kawża odjerna, il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE kkonstatat mill-Kummissjoni jirriżulta, parzjalment, mill-aġir tal-kumpannija omm u, parzjalment, mill-aġir tas-sussidjarja, filwaqt li, fis-sitwazzjonijiet ta’ responsabbiltà in solidum bejn kumpannija omm u s-sussidjarja tagħha li l-iktar jitressqu quddiem il-qorti tal-Unjoni, il-ksur jirriżulta mill-aġir ewlieni tas-sussidjarja, ma hijiex ta’ natura li tpoġġi f’dubju din il-konklużjoni.

218    Fil-fatt, għalkemm huwa possibbli li kumpannija omm tiġi attribwita bir-responsabbiltà għal ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha u, konsegwentement, li dawk iż-żewġ kumpanniji jinżammu responsabbli in solidum għall-ksur imwettaq mill-impriża li huma jikkostitwixxu, u dan kollu mingħajr ksur tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, dan jgħodd ukoll a fortiori meta l-ksur imwettaq mill-entità ekonomika li tikkostitwixxi kumpannija omm u s-sussidjarja tagħha jirriżulta minn assjem ta’ għamliet ta’ aġir ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji.

219    Kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, id-deċiżjoni kkontestata setgħet kienet indirizzata lil Servier għall-ksur imwettaq minn Biogaran bħala ko-responsabbli, anki jekk l-ebda element ma kien jistabbilixxi li Servier kien involut fil-ksur. Għal raġuni isħaħ, id-deċiżjoni kkontestata setgħet ġiet indirizzata lil Servier bħala kumpannija omm u lis-sussidjarja tiegħu, responsabbli in solidum, peress li kull waħda miż-żewġ kumpanniji kienu ħadu sehem dirett fil-ksur.

220    Għaldaqstant, kien b’mod ġust li l-Kummissjoni qieset li l-ftehim Biogaran u l-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja bejn Servier u Niche kienu ġew konklużi bejn l-istess impriżi, jiġifieri l-grupp Servier, minn naħa, u l-kumpannija Niche, min-naħa l-oħra, u li l-ksur tal-Artikolu 101 TFUE kellu jiġi attribwit lill-grupp Servier, fatt li kien jiġġustifika r-responsabbiltà in solidum ta’ Servier bħala kumpannija omm u tas-sussidjarja tagħha Biogaran, li l-għamliet ta’ aġir rispettivi tagħhom flimkien wasslu għat-twettiq tal-ksur. Din il-konklużjoni hija imposta iktar u iktar peress li l-għamliet ta’ aġir taż-żewġ kumpanniji jippreżentaw rabta mill-qrib, minħabba rabtiet indiviżibbli, murija mill-Kummissjoni, bejn il-ftehim Biogaran u l-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja bejn Servier u Niche.

221    Biogaran tallega għalxejn li hija ma kellhiex tiġi rikonoxxuta bħala responsabbli in solidum għall-ksur minħabba li hija ma kellhiex konoxxenza tal-għamliet ta’ aġir tal-kumpannija omm tagħha.

222    Fl-ewwel lok, dan l-ilment huwa bbażat fuq il-postulazzjoni żbaljata li Biogaran ġiet attribwita r-responsabbiltà ta’ ksur li kienet wettqet il-kumpannija omm tagħha. Issa, kif għadu kif intqal, din il-postulazzjoni hija infondata fil-fatt u fid-dritt.

223    Fit-tieni lok, jeħtieġ li jitfakkar li l-influwenza determinanti li kumpannija omm teżerċita fuq is-sussidjarja li tkun kompletament tagħha tippermetti li jiġi preżunt li l-atti tas-sussidjarja jitwettqu f’isem u għan-nom tal-kumpannija omm u, konsegwentement, tal-impriża li huma jikkostitwixxu. Peress li l-Qorti Ġenerali qieset, kif jirriżulta mir-risposta għall-motiv preċedenti, li Biogaran ma kinitx segwiet interess kummerċjali reali billi kkonkludiet il-ftehim Biogaran u lanqas ma kienet implimentat strateġija awtonoma, indipendentement mill-kontroll tal-kumpannija omm tagħha, il-Kummissjoni kienet fondata li tqis li l-ftehim Biogaran, bħala inċentiv addizzjonali sabiex Niche taċċetta r-riżoluzzjoni bonarja, kien wieħed mill-komponenti tal-ksur li fih Biogaran kienet ipparteċipat direttament, mingħajr il-bżonn li turi li Biogaran kellha konoxxenza tal-għamliet ta’ aġir jew ta’ pjan kollettiv ta’ Servier jew ta’ karatteristiċi tal-ksur.

224    Barra minn hekk, kien b’mod żbaljat li r-rikorrenti pprevalixxiet ruħha mis-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003, Aristrain vs Il-Kummissjoni (C-196/99 P, EU:C:2003:529, punt 99). Fil-fatt, din il-kawża ma kinitx tikkonċerna r-relazzjoni bejn kumpannija omm u s-sussidjarja li hija kompletament tagħha iżda d-detenzjoni tal-kapital azzjonista ta’ żewġ kumpanniji kummerċjali distinti mill-istess persuna jew mill-istess familja, ċirkustanza li ġiet meqjusa insuffiċjenti mill-qorti tal-Unjoni, bħala tali, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza, bejn dawn iż-żewġ kumpanniji, ta’ unità ekonomika li għandha l-konsegwenza, skont id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, li l-għamliet ta’ aġir ta’ waħda jew tal-oħra jistgħu jiġu attribwiti lil din l-unità ekonomika. Bl-istess mod, ir-riferimenti għas-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 2008, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni (T-99/04, EU:T:2008:256), tat-30 ta’ Novembru 2011, Quinn Barlo et vs Il-Kummissjoni (T-208/06, EU:T:2011:701), u tal-10 ta’ Ottubru 2014, Soliver vs Il-Kummissjoni (T-68/09, EU:T:2014:867), ma humiex rilevanti, peress li huma estranji għall-kuntest tar-relazzjoni ta’ bejn kumpannija omm u sussidjarja u ta’ unità ekonomika.

225    Fit-tielet lok, jekk, kif issostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha tipprova l-konoxxenza mis-sussidjarja tal-għamliet ta’ aġir tal-kumpannija omm sabiex trattribwixxi l-ksur lill-grupp, il-kunċett ta’ unità ekonomika jiġi kompromess. Huwa neċessarju li jiġi stabbilit, għal kull komponent tal-ksur li jirriżulta mill-għamliet ta’ aġir ta’ waħda jew l-oħra minn dawn iż-żewġ kumpanniji, li s-sussidjarja kellha konoxxenza tal-għanijiet segwiti mill-kumpannija omm, filwaqt li l-kunċett stess ta’ impriża fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jistabbilixxi, bil-preżunzjoni ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti tal-kumpannija omm fuq is-sussidjarja li tkun kompletament tagħha, li s-sussidjarja taġixxi fil-kuntest tal-għanijiet segwiti mill-kumpannija omm, taħt id-direzzjoni u l-kontroll ta’ din tal-aħħar. Kif iddeċidiet il-qorti, il-kundizzjoni għall-imputazzjoni lill-komponenti kollha tal-impriża tad-diversi għamliet ta’ aġir li jikkostitwixxu ksur u li flimkien jikkostitwixxu akkordju tiġi ssodisfatta meta kull komponent tal-impriża jkun ikkontribwixxa għall-implimentazzjoni tiegħu, anki jekk b’mod issubordinat, aċċessorju jew passiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Jannar 2017, Duravit et vs Il-Kummissjoni, C-609/13 P, EU:C:2017:46, punti 117 sa 126, u tat-8 ta’ Lulju 2008, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni, T‑99/04, EU:T:2008:256, punt 133).

226    Li kieku kellha tiġi ammessa t-teżi tar-rikorrenti, il-konstatazzjoni tal-istanzi ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni fil-gruppi ta’ kumpanniji ssir iktar diffiċli, filwaqt li l-preżunzjoni ta’ kontroll mill-kumpannija omm tas-sussidjarja li hija tagħha kompletament hija intiża sabiex jiġi evitat li għamliet ta’ aġir li jikkostitwixxu ksur jiġu imputati biss lis-sussidjarji li huma responsabbli direttament għalihom u permezz ta’ dan tiġi evitata ripressjoni fil-livell tal-grupp. Fil-fatt ikun biżżejjed li kumpannija omm tikkondividi l-għamliet ta’ aġir li jikkostitwixxu ksur bejnha u s-sussidjarja tagħha u li ssostni li s-sussidjarja ma kellhiex konoxxenza tal-għamliet ta’ aġir tal-kumpannija omm sabiex il-komponent tal-ksur li jirriżulta mill-parteċipazzjoni diretta tas-sussidjarja fil-ksur jiġi imputat biss lis-sussidjarja. Minn dan ikun jirriżulta tnaqqis fl-effikaċja tal-ġlieda kontra l-prattiki miftiehma, li ma jistax jiġi ġġustifikat mill-osservanza tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali għal ksur.

227    Minn dak li ntqal jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni attribwixxiet lilha, b’mod żbaljat, bi ksur tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, ir-responsabbiltà għall-għamliet ta’ aġir li jikkostitwixxu ksur imwettqa mill-kumpannija omm tagħha, hija infondata fil-fatt u fid-dritt. Mhux talli l-Kummissjoni ma attribwixxietx lil Biogaran il-ksur allegat fil-konfront tal-kumpannija omm tagħha, peress li l-ksur ġie imputat biss lill-grupp Servier, iżda l-Kummissjoni ukoll ġustament qieset li ma kienx neċessarju li jiġi stabbilit li Biogaran kellha konoxxenza tal-għamliet ta’ aġir tal-kumpannija omm tagħha.

228    Għall-kuntrarju ta’ dak li sostniet ir-rikorrenti waqt is-seduta insostenn tal-motiv li hija qajmet f’dik l-okkażjoni, ibbażat fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni u fuq kontradizzjoni tal-motivi li jivvizzjaw id-deċiżjoni kkontestata, l-imsemmija deċiżjoni hija ħielsa minn tali difetti. Fil-fatt, jirriżulta b’mod ċar minn din id-deċiżjoni, b’mod partikolari mill-premessi 1349, 3007 u 3011 ta’ din tal-aħħar, li l-Kummissjonia qieset li l-entità responsabbli għall-ksur kienet l-impriża, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, ikkostitwita minn Servier u mis-sussidjarja kompletament tagħha Biogaran u li ma kienx neċessarju tiġi pprovata l-konoxxenza minn Biogaran tan-natura antikompetittiva tar-riżoluzzjoni bonarja sabiex l-“impriża” tiġi attribwita r-responsabbiltà tal-ksur. Għalkemm kien minnu, kif irrilevat Biogaran waqt is-seduta, li l-Kummissjoni, fl-atti tagħha, indikat li kien possibbli li jiġi preżunt li Biogaran kellha konoxxenza tal-għamliet ta’ aġir ta’ Servier u li tali analiżi hija kontestabbli sa fejn sussidjarja ma tistax, bħala prinċipju, tiġi preżunta li taf bl-għamliet ta’ aġir tal-kumpannija omm tagħha, tali motiv ma jinsabx fid-deċiżjoni kkontestata, li sempliċiment tikkunsidra li Biogaran, li hija kompletament sussidjarja ta’ Servier, hija preżunta li taġixxi taħt l-influwenza u l-kontroll ta’ Servier u tikkonstata li elementi li jirrilevaw il-parteċipazzjoni diretta ta’ Biogaran fi ksur imwettaq mill-entità ekonomika unika kkonċernata.

229    Sussidjarjament, anki jekk jiġi preżunt li l-Kummissjoni kienet obbligata tistabbilixxi li Biogaran kellha konoxxenza tal-għamliet ta’ aġir ta’ Servier u tan-natura ta’ ksur tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja bejn Servier u Niche, mill-atti tal-proċess jirriżulta li din il-prova ġiet prodotta mill-Kummissjoni sal-grad rikjest mil-liġi.

230    Qabelxejn, jeħtieġ jitfakkar li impriża tista’ tkun ipparteċipat direttament biss f’parti mill-aġir antikompetittiv li jikkomponi ksur uniku u kontinwat, iżda kienet taf bl-aġir ieħor kollu li jikkostitwixxi ksur maħsub jew implementat mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju fit-tkomplija tal-istess għanijiet, jew setgħet raġonevolment tipprevedih u li kienet lesta li taċċetta r-riskju tiegħu. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha wkoll dritt li timputa fuq din l-impriża r-responsabbiltà tal-aġir antikompetittiv kollu li jikkostitwixxi tali ksur u, konsegwentement, tal-ksur fl-intier tiegħu (ara s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, Fresh Del Monte Produce vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce, C-293/13 P u C-294/13 P, EU:C:2015:416, punt 158 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Duravit et vs Il-Kummissjoni, C-609/13 P, EU:C:2017:46, punt 119).

231    Għall-kuntrarju, jekk impriża tkun ipparteċipat direttament f’wieħed jew iktar mill-għamliet ta’ aġir antikompetittiv li jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwu, iżda ma jkunx ġie stabbilit li, permezz tal-aġir tagħha stess, hija kellha l-intenzjoni tikkontribwixxi għall-għanijiet komuni tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju u li kellha għarfien tal-aġir illegali l-ieħor kollu previst jew implementat minn dawn il-parteċipanti fil-kisba ta’ dawn l-għanijiet komuni, jew li setgħet raġonevolment tipprevedihom u li kienet lesta taċċetta dan ir-riskju, il-Kummissjoni għandha dritt timputa responsabbiltà fuq din l-impriża biss fir-rigward tal-aġir li fih hija pparteċipat direttament għall-aġir previst jew implementat mill-parteċipanti l-oħra fil-kisba tal-istess għanijiet tagħha, fejn ikun ġie pprovat li hija kellha għarfien ta’ dan jew setgħet raġonevolment tipprevedih u kienet lesta taċċetta dan ir-riskju (ara s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, Fresh Del Monte Produce vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce, C-293/13 P u C-294/13 P, EU:C:2015:416, punt 159 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Duravit et vs Il-Kummissjoni, C-609/13 P, EU:C:2017:46, punt 120).

232    F’dan il-każ, il-Kummissjoni stabbilixxiet li Biogaran kellha konoxxenza tal-fatt li l-ftehim Biogaran kien intiż li jikkontribwixxi għall-għan ta’ esklużjoni ta’ Niche mis-suq. B’elementi li hija ġabret, imsemmija fil-premessa 1351 tad-deċiżjoni kkontestata, marbuta man-natura inċentivanti tal-ftehim Biogaran, u li Biogaran ma setgħetx validament tpoġġi f’dubbju fil-kuntest tal-motiv ibbażat fuq l-iżnaturament tal-fatti, il-Kummissjoni, billi enfasizzat ukoll li Biogaran, sussidjarja 100 % ta’ Servier, ma setgħetx taġixxi b’mod awtonomu, uriet li l-ftehim Biogaran ma setax jiġi analizzat bħala inċentiv addizzjonali għal Niche, inċentiv li Biogaran ma setgħetx tinjora n-natura tiegħu.

233    Kif jirriżulta mill-eżami tal-motiv ibbażat fuq żnaturament tal-fatti, Biogaran ma tipproduċi l-ebda spjegazzjoni plawżibbli li tiġġustifika l-konklużjoni ta’ dan il-ftehim konġuntament mal-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja bejn Servier u Niche. Hija lanqas ma tista’ ssostni validament li hija ma kellhiex konoxxenza tan-natura tal-ksur ta’ dawn il-ftehimiet. Fil-fatt, l-għan li jikkonsisti fiż-żamma fil-ġenba ta’ Niche mis-suq, milħuq inkambju għal ħlas sostanzjali, kien ta’ natura restrittiva evidenti għan-negozjaturi ta’ dawn il-ftehimiet.

234    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-motiv odjern għandu jitwarrab, mingħajr il-bżonn li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-argumenti prodotti mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha, marbuta ma’ fatti li ġraw wara l-iffirmar tal-ftehim Biogaran.

C.      Fuq il-motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi imponiet multa fuq Biogaran

1.      L-argumenti tal-partijiet

a)      Fuq in-natura ġdida, mhux prevedibbli u kumplessa tal-kawża

235    Filwaqt li tibbaża ruħha fuq il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u fl-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni tista’ timponi sanzjonijiet biss għal prattiki ddefiniti bħala li għandhom in-natura ta’ ksur fil-mument li fih ikun ġraw il-fatti. Bl-istess mod, hija żżid li, skont il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, tista’ tiġi imposta multa biss meta n-natura tal-istanzi ta’ ksur ikkonstatati tkun relattivament ġdida u meta ma kienx jeżisti meta ġraw il-fatti, preċedent li jistabbilixxi b’mod ċar in-natura tal-ksur tal-għamla tal-aġir inkwistjoni jew anki meta jkun hemm approċċ ġdid f’termini ta’ prinċipji stabbiliti.

236    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ma setgħetx timponi multa għal prattiki li l-klassifikazzjoni tagħhom ma kinitx evidenti meta ġraw il-fatti. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata fuq kritika ġdida u mhux prevedibbli tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja bejn Servier u Niche. Ir-rikorrenti ssostni li ma kienx jeżisti, meta ġraw il-fatti, preċedent u, konsegwentement, li Biogaran ma setgħetx ikollha dubju li tali ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja kien ser jiġi kklassifikat bħala illegali.

237    Il-Kummissjoni tenfasizza li l-elenkar tal-għamliet ta’ ksur previsti fl-Artikolu 101 TFUE jissuġġerixxi b’mod litterali li l-prattiki inkwistjoni, jiġifieri l-esklużjoni mis-suq ta’ kompetitur inkambju għal trasferiment ta’ valur, huma antikompetittivi. Il-Kummissjoni tagħmel riferiment għat-taqsimiet rilevanti tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tikkonferma li kien stabbilit fil-mument tal-ftehimiet li l-prattiki intiżi li jeskludu l-kompetituri mis-suq huma probabbilment meqjusa bħala antikompetittivi (premessa 3092 tad-deċiżjoni kkontestata).

238    Il-Kummissjoni ssostni li d-diskussjonijiet li saru fi ħdan l-impriża Servier meta ġraw il-fatti fuq il-kompatibbiltà tar-riżoluzzjoni bonarja mad-dritt tal-kompetizzjoni juru b’mod ċar konoxxenza tan-natura potenzjalment antikompetittiva tal-ftehimiet.

239    Fl-aħħar, il-fatt li l-konsulenti legali tal-partijiet fil-ftehimiet ma identifikawx riskji ta’ ksur ma jistax ikollu l-effett ta’ eżenzjoni tal-impriża mill-multa, peress li din tal-aħħar ma setgħetx tinjora n-natura antikompetittiva tal-imsemmi aġir.

b)      Fuq in-natura sproporzjonata tal-multa

240    Ir-rikorrenti ssostni, fi kwalunkwe każ, li l-ammont tal-multa hija manifestament sporporzjonata meta jitqies ir-rwol minuri ta’ Biogaran fit-twettiq tal-ksur allegat. Filwaqt li tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza, hija tenfasizza li l-fatt li impriża ma pparteċipatx fl-elementi kollha li jikkostitwixxu akkordju jew li hija kellha rwol minuri fl-aspetti li hija pparteċipat fihom għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u, jekk meħtieġ, meta jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa.

241    Billi imponiet sanzjoni mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-kontribuzzjoni limitata ta’ Biogaran fl-allegat ksur, il-Kummissjoni manifestament kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, is-severità tal-multa kienet tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali, li jeħtieġ li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat.

242    B’hekk, billi imponiet fuq Biogaran b’mod konġunt u in solidum il-multa kollha imposta fuq il-kumpannija omm tagħha, minkejja li ċ-ċirkustanzi oġġettivi li jikkaratterizzaw il-parteċipazzjoni taż-żewġ kumpanniji ma kinux paragunabbli, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali. Fil-fatt, filwaqt li Servier huwa ssanzjonat għal aġir antikompetittiv, il-Kummissjoni kienet issanzjonat lil Biogaran għal att li fih inniffsu ma jirrestrinġix il-kompetizzjoni. Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt li l-ftehim Biogaran jaqa’ fil-kuntest tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja allegatament antikompetittiv, it-trasferiment tal-valur favur Niche kkritikat mill-Kummissjoni kien jammonta għat-total ta’ GBP 13.8 miljun filwaqt li Biogaran kkontribwixxiet fih biss sal-ammont ta’ GBP 2.5 miljun.

243    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tenfasizza li l-multa li ġiet imposta fuqha peress li pparteċipat indirettament fi ftehim allegatament antikompetittiv hija kemm sproporzjonata kif ukoll teċċedi bil-qawwi l-ammont totali kkumulat tas-sanzjonijiet pekunjarji imposti fuq ħames kumpanniji oħra ta’ ġeneriċi (jiġifieri EUR 96.6 miljun), li kienu madankollu pparteċipaw direttament fil-ftehimiet ta’ riżoluzzjoni bonarji kontenzjużi.

244    Fl-aħħar, id-deċiżjoni hija vvizzjata bi żball ta’ liġi sa fejn din tistabbilixxi għal Biogaran il-valur tal-bejgħ tal-kumpannija omm tagħha (EUR 476 miljun), filwaqt li hija ma wettqet l-ebda bejgħ. B’hekk, ir-rikorrenti ssostni li, b’mod konformi mal-prinċipju ta’ trattament ugwali, il-Kummissjoni kellha tapplika għal Biogaran l-istess raġunament bħal dak għall-kumpanniji l-oħra tal-ġeneriċi. Fil-fatt, kieku l-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-valur ittrasferit abbażi tal-ftehim iffirmat minn Biogaran, jiġifieri GBP 2.5 miljun, l-ammont tal-multa imposta fuq Biogaran kien jiġi diviż b’iktar minn 150.

245    Il-Kummissjoni ttenni li Biogaran ma aġixxietx bħala entità indipendenti u distinta mill-grupp Servier. Biogaran aġixxiet bħala parti integrali mill-grupp Servier, u għaldaqastant hija l-impriża Servier fl-intier tagħha li kellha tinżamm responsabbli għall-ksur. Il-Kummissjoni żżid li Biogaran qdiet rwol kawżali importanti daqs dak tal-kumpannija omm tagħha.

246    Fl-aħħar, Il-Kummissjoni tqis li l-paragun bejn il-multi tal-kumpanniji tal-ġeneriċi u dik ta’ Biogaran ma huwiex rilevanti, peress li Biogaran aġixxiet bħala parti mill-istess impriża bħal Servier f’din il-kawża. Hija aġixxiet bħala produttur tal-prodott tal-ewwel kampjuni li tintendi li tippreżerva l-monopolju tagħha, f’pożizzjoni differenti minn dik ta’ kumpanniji ta’ ġeneriċi li aċċettaw li ma jidħlux fis-suq permezz ta’ ħlas sinifikattiv.

c)      Fuq il-limitu massimu ta’ 10 % tal-multa

247    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 billi kkundannat b’mod konġunt u in solidum lil Biogaran sabiex tħallas multa ta’ EUR 131.5 miljun, jiġifieri kważi 18 % mid-dħul mill-bejgħ totali tagħha, peress li allegatament “inċentivat” lil Niche sabiex tikkonkludi l-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja ma’ Servier.

248    Filwaqt li tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ssostni li l-ammont massimu tal-ammont tal-multa għandu jiġi kkalkulat abbażi tad-dħul mill-bejgħ tal-kumpanniji l-oħra li jikkostitwixxu l-entità ekonomika unika li taġixxi bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE. Għaldaqstant il-Kummissjoni ma wettqitx żball billi ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-grupp Servier.

249    Fl-aħħar, il-Kummissjoni ssostni li ma huwiex possibbli li jiġi applikat il-metodu tal-kalkolu tal-multi tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi għall-multa ta’ Biogaran. Fil-fatt, Biogaran aġixxiet b’appoġġ tal-proprjetarju tal-privattiva u kkontribwixxiet sabiex jitħallas produttur ta’ ġeneriċi sabiex tinċentivah ma jidħolx fis-suq tal-kumpannija omm tagħha, fatt li ma huwiex paragunabbli mar-rwol moqdi mill-produtturi ta’ ġeneriċi.

2.      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

a)      Fuq in-natura ġdida, mhux prevedibbli u kumplessa tal-kawża

250    Mill-ġurisprundeza jirriżulta li l-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege jirrikjedi li l-liġi tiddefinixxi b’mod ċar il-ksur u l-pieni li jipprevenuh. Dan ir-rekwiżit ikun sodisfatt meta l-individwu jista’ jkun jaf, mill-kliem tad-dispożizzjoni rilevanti u jekk meħtieġ bl-għajnuna tal-interpretazzjoni li l-qrati taw ta’ din id-dispożizzjoni, liema atti jew ommissjonijiet jagħtu lok għar-responsabbiltà kriminali tiegħu (ara s-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni, C-194/14 P, EU:C:2015:717, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

251    Il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege ma jistax jiġi interpretat bħala li jipprojbixxi l-kjarifika gradwali tar-regoli tar-responsabbiltà kriminali permezz tal-interpretazzjoni ġudizzjarja ta’ kawża għal oħra, sakemm ir-riżultat ikun raġonevolment prevedibbli meta twettaq il-ksur, fid-dawl b’mod partikolari tal-interpretazzjoni mogħtija dak iż-żmien fil-ġurisprudenza relattiva għad-dispożizzjoni legali inkwistjoni (ara s-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni, C-194/14 P, EU:C:2015:717, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

252    Il-portata tal-kunċett ta’ prevedibbiltà tiddependi kunsiderevolment mill-kontenut tat-test inkwistjoni, mill-qasam li huwa jkopri kif ukoll min-numru u mill-kwalità tad-destinatarji tiegħu. Il-prevedibbiltà tal-liġi ma tipprekludix li l-persuna kkonċernata jkollha tasal sabiex tirrikorri għal konsulenza esperta sabiex tevalwa, b’mod raġonevoli fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn att speċifiku. Dan huwa applikabbli speċjalment għal professjonisti, li huma mdorrijin jeżerċitaw prudenza kbira fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom. Wieħed jista’ jistenna wkoll li huma jkollhom attenzjoni partikolari fl-evalwazzjoni tar-riskji li dan jinkludi (ara s-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni, C-194/14 P, EU:C:2015:717, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

253    Jeħtieġ li jiżdied li r-rikors għal pariri minn professjonisti jirriżulta iktar evidenti meta jkun hekk bżonn, kif ġara f’dan il-każ, li jiġi ppreparat u redatt ftehim ta’ liċenzja, li jintervjeni fil-kuntest tar-riżoluzzjoni bonarja ta’ kawża.

254    F’dan il-kuntest, minkejja li, fiż-żmien meta seħħ il-ksur li wassal għad-deċiżjoni kontenzjuża, il-qrati tal-Unjoni kien għad ma kellhomx l-opportunità li jiddeċiedu speċifikament dwar ftehimiet ta’ riżoluzzjoni bonarja u ta’ liċenzja tat-tip ta’ dawk adottati minn Servier, Niche u Biogaran, din setgħet tistenna, jekk hemm bżonn wara konsulenza esperta, li l-aġir tal-impriża li favurha hija kkontribwixxiet permezz tal-ftehim Biogaran jista’ jkun iddikjarat inkompatibbli mar-regoli ta’ kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-portata wiesgħa tal-kunċetti ta’ “ftehim” u “prattika miftiehma” li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni, C-194/14 P, EU:C:2015:717, punt 43).

255    Biogaran setgħet b’mod partikolari tissupponi li l-fatt li l-kumpannija omm tagħha tissuġġetta lil Niche għal klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni, minnhom stess jirrestrinġu l-kompetizzjoni, kien ixejjen kull leġittimità tal-inseriment ta’ tali klawżoli fil-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja fil-qasam tal-privattiva. Fil-fatt, tali inserzjoni ma kinitx ibbażata iktar fuq ir-rikonoxximent mill-partijiet fil-ftehimiet tal-validità tal-privattiva u b’hekk kienet tirrileva użu anormali mill-privattiva, mingħajr ebda rabta mal-għan speċifiku tagħha (ara s-sentenza tal-lum, Servier et vs Il-Kummissjoni, T-691/14). Barra minn hekk, ir-rikorrenti setgħet ukoll tissopponi li l-fatt tal-għoti ta’ inċentiv addizzjonali lil Niche permezz tal-ftehim Biogaran kien ta’ natura li jsaħħaħ l-effetti restrittivi tal-ftehim konkluż mill-kumpannija omm tagħha. B’hekk, ir-rikorrenti setgħet raġjonevolment tipprevedi li kienet qiegħda tadotta aġir li jaqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni, C-194/14 P, EU:C:2015:717, punt 46, u tat-8 ta’ Settembru 2016, Lundbeck vs Il-Kummissjoni, T-472/13, EU:T:2016:449, punt 764).

256    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li, sewwa sew qabel id-data tal-konklużjoni taż-żewġ ftehimiet, il-ġurisprudenza kienet tat deċiżjoni dwar il-possibbiltà li jiġi applikat id-dritt tal-kompetizzjoni f’oqsma kkaratterizzati mill-preżenza ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, Xellia Pharmaceuticals u Alpharma vs Il-Kummissjoni, T‑471/13, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2016:460, punti 314 u 315).

257    B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, sa mill-1974, li, id-drittijiet rikonxxuti mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru fil-qasam tal-proprjetà industrijali ma humiex affettwati fl-eżistenza tagħhom mill-Artikolu [101 TFUE], il-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tagħhom jistgħu madankollu jirrilevaw projbizzjonijiet stabbiliti minn dan l-artikolu u li dan seta’ jkun il-każ kull darba li l-eżerċizzju ta’ tali dritt ikun jidher li huwa l-għan, il-motiv jew il-konsegwenza ta’ akkordju (sentenza tal-31 ta’ Ottubru 1974, Centrafarm u de Peijper, 15/74, EU:C:1974:114, punts 39 u 40).

258    Sussegwentement, sa mis-sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Bayer u Maschinenfabrik Hennecke (65/86, EU:C:1988:448), huwa ċar li r-riżoluzzjonijiet bonarji tat-tilwim marbut ma’ privattivi jistgħu jiġu kklassifikati bħala ftehimiet fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE.

259    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi enfasizzat li, bil-ftehimiet kontenzjużi, Niche, Servier u Biogaran, fil-verità, iddeċidew li jikkonkludu ftehimiet ta’ esklużjoni mis-suq (sentenza tal-lum, Servier vs Il-Kummissjoni, T-691/14). Issa, għalkemm huwa minnu li kien biss f’sentenza mogħtija wara l-adozzjoni tal-ftehimiet kontenzjużi li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ftehimiet ta’ esklużjoni mis-suq, li fihom dawk li jibqgħu fis-suq jikkumpensaw lil dawk li joħorġu minnu, jikkostitwixxu restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, hija madankollu speċifikat li dan it-tip ta’ ftehimiet imur kontra “b’mod evidenti” l-idea inerenti għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat marbuta mal-kompetizzjoni, li skontha kull operatur ekonomiku għandu jiddetermina b’mod awtonomu il-politika li huwa jintendi jsegwi fis-suq (sentenza tal-20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers, C-209/07, EU:C:2008:643, punti 8 u 32 sa 34). Bil-konklużjoni ta’ ftehim bħall-ftehim Biogaran, ir-rikorrenti ma setgħetx għalhekk tinjora n-natura antikompetittiva tal-aġir tagħha.

260    Ċertament, għalkemm, minħabba l-fatt li l-ftehim bejn Niche u Servier ġie konkluż fil-forma ta’ riżoluzzjoni bonarja marbuta ma’ privattiva u li l-ftehim Biogaran kien jippreżenta ruħu bħala ftehim ta’ liċenzja u ta’ provvista, in-natura ta’ ksur ta’ dawn il-ftehimiet setgħet ma tkunx tidher, b’mod ċar, għal osservatur esterjuri bħall-Kummissjoni, dan ma jgħoddx ukoll għall-partijiet fil-ftehimiet.

261    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li jiġi konkluż li Biogaran, għalkemm ma kinitx attiva fis-suq tal-perindopril milqut mir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, setgħet raġonevolment tipprevedi li kienet applikabbli għaliha l-projbizzjoni stabbilita mill-Artikolu 101 TFUE.

262    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata mill-argumenti l-oħra mqajma mir-rikorrent.

263    Fl-ewwel lok, għalkemm ir-rikorrenti tagħmel riferiment għall-eżistenza ta’ opinjoni legali li hija kienet talbet mingħand Sir Jacobs, hija ma tipproduċix biżżejjed elementi sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li kienet teżisti inċertezza reali dwar in-natura ta’ ksur tal-ftehim Biogaran u tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja bejn Servier u Niche fir-rigward tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, għalkemm l-opinjoni ta’ Sir Francis G. Jacobs tirrikonoxxi n-natura ġdida tal-analiżi tal-Kummissjoniet u li tali “tabella ta’ analiżi” ċertament qatt ma ġiet applikata mill-qrati tal-Unjoni, din tqis li d-duttrina tal-Kummissjoni hija bbażata fuq dan il-prinċipju.

264    Barra minn hekk, din l-opinjoni legali ma tikkontestax il-fatt li l-Artikolu 101 TFUE jissuġġerixxi b’mod litterali li l-prattiki inkwistjoni, jiġifieri l-esklużjoni ta’ kompetitur, huma inkompatibbli mad-dritt tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat ġustament, fil-premessa 597 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-ftehimiet kontenzjużi mad-dritt tal-kompetizzjoni kienet qajmet xi mistoqsijiet min-naħa ta’ Servier.

265    Fit-tieni lok, l-argument ibbażat fuq l-eżistenza ta’ prattika tal-Kummissjoni li skontha din tal-aħħar tastjeni milli timponi multi jew sempliċiment imponiet multi simboliċi meta teżamina kwistjonijiet legali kumplessi li ma jkunux ġew riżolti qabel mill-qrati tal-Union ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, minkejja n-novità ta’ ċerti kwistjonijiet imqajma fil-kuntest tal-kawża odjerna, Biogaran ma setgħetx tinjora fil-każ ineżami n-natura antikompetittiva tal-pjan strateġiku ta’ Servier (punti 229 sa 234 iktar ’il fuq), u lanqas il-fatt li, billi kienet proprjetà sħiħa ta’ Servier, hija setgħet tiġi imputata, fil-kwalità tagħha ta’ sussidjarja, bl-aġir tal-impriża kkostitwita minn Servier u s-sussidjarja tiegħu. Bl-istess mod, il-Kummissjoni speċifikat ġustament, fil-punt 80 tal-kontroreplika, li t-tul tad-deċiżjoni u t-tul tal-proċedura amministrattiva jirriflettu ċerti kumplessità fattwali iżda ma humiex prova tan-natura mhux prevedibbli tal-ksur.

266    Fi kwalunkwe każ, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni għandha marġni diskrezzjonali fl-istabbiliment tal-ammont tal-multi sabiex torjenta l-aġir tal-impriżi fis-sens tal-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni. Il-fatt li l-Kummissjoni kienet applikat, fil-passat, multi ta’ ċertu livell għal ċerti tipi ta’ ksur, f’dan il-każ multi simboliċi għal ksur ta’ natura ġdida, ma jistax iċaħħadha mill-possibbiltà li tgħolli dan il-livell fil-limiti indikati mir-regolament Nru 1/2003, jekk dan ikun neċessarju sabiex tiżgura l-implimentazzjoni tal-politika ta’ kompetizzjoni tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, l-applikazzjoni effikaċi tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni tirrikjedi li l-Kummissjoni tkun tista’ f’kull mument tadatta l-livell tal-multi għall-bżonnijiet ta’ din il-politika (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, Lundbeck vs Il-Kummissjoni, T 472/13, taħt appell, EU:T:2016:449, punt 773)

267    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ma tistax tipprevalixxi ruħha miċ-ċirkustanza li l-opinjoni legali tagħha kienet ikklassifikat b’mod legalment żbaljat l-aġir tagħha li fuqha ġiet ibbażata l-konstatazzjoni tal-ksur. Fil-fatt, l-iżball imwettaq mill-konsulent tal-impriża inkriminata ma jistax ikollu l-effett li jeżonoraha mill-impożizzjoni ta’ multa sa fejn din ma setgħetx tinjora n-natura antikompetittiva tal-imsemmi aġir (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2013, Schenker & Co. et, C-681/11, EU:C:2013:404, punt 37).

268    Fir-raba’ lok, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-klawżoli tal-ftehim Biogaran setgħu jiġu pperċepiti mill-firmatarji ta’ dan il-ftehim biss bħala restrizzjoni addizzjonali tal-kompetizzjoni addizzjonali. Fil-fatt, anki jekk ir-rikorrenti tallega li l-klawżoli tal-ftehim “ma humiex inkwistjoni”, hija kienet f’pożizzjoni li tifhem li l-ftehim, b’kont meħud tal-fatt li dan kien jinkludi klawżoli atipiċi meta mqabbla ma’ ftehimiet oħra ta’ liċenzja, u ma kienx jipprevedi korrispettiv reali għall-ħlas, ma kellu l-ebda għan ieħor ħlief li jinċentiva kompetitur potenzjali ta’ Servier sabiex ma jidħolx fis-suq tal-perindopril, u, konsegwentement, kien jikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

269    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

b)      Fuq in-natura sproporzjonata tal-multa

270    Jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-kritiki ppreżentati minn Biogaran fir-rigward tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha in solidum mal-kumpannija omm tagħha, li hija tqis bħala sproporzjonata, huma bbażati fuq il-premessa li Biogaran ġiet imputata bil-ksur imwettaq mill-kumpannija omm tagħha u li ġiet issanzjonata fuq din il-bażi bħala persuna legali distinta minn Servier, filwaqt li l-għamliet ta’ aġir tagħha kienu inqas serji minn dawn tal-kumpannija omm tagħhom u l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur ħafna iktar limitat bien minn dik tal-kumpannija omm tagħha.

271    Issa, kif intqal b’risposta għall-ewwel motiv tar-rikors, dawn il-premessi huma żbaljati.

272    Fil-fatt, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, Biogaran ma aġixxietx bħala entità indipendenti u distinta mill-grupp Servier iżda bħala parti integrali minn dan il-grupp, taħt il-kontroll tal-kumpannija omm tagħha. Għalhekk il-Kummissjoni kkonstatat il-parteċipazzjoni diretta ta’ Biogaran fil-ksur u rrilevat in-natura deċiżiva tal-ftehim Biogaran fil-materjalizzazzjoni tal-effetti restrittivi tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja bejn Servier u Niche, hija madankollu ma żammitx lil Biogaran responsabbli għall-ksur bħala persuna legali awtonoma, distinta mill-grupp Servier. Fil-fatt, il-multa kontenzjuża hija imposta fuq l-impriża, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, li hija kkostitwita mis-sussidjarja u mill-kumpannija omm tagħha, li huma responsabbli in solidum għall-ksur u għall-ħlas tal-multa korrispondenti, u ma hijiex intiża li tissanzjona l-għamliet ta’ aġir antikompetittiv li huma attribwibbli li huma attribwibbli lil kull waħda minn dawk iż-żewġ kumpanniji bħala persunti legali distinti.

273    Is-solidarjetà tal-ħlas tal-multa mis-sussidjarja u l-kumpannija omm, li fuqha huwa bbażat id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, li, fl-Artikolu 7(1)(b), iżomm lil Servier u lil Biogaran, responsabbli b’mod konġunt u in solidum għall-ħlas ta’ EUR 131 532 600, ma tistax tiġi interpretata fis-sens li Biogaran kienet qiegħda tiġi imputata r-responsabbiltà għal ksur imwettaq mill-kumpannija omm tagħha.

274    Fil-fatt, jeħtieġ li jitfakkar li s-solidarjetà għall-ħlas tal-multa hija biss manifestazzjoni ta’ effett ipso iure tal-kunċett ta’ impriża, li jidentifika l-entità li tista’ tiġi ssanzjonata mill-Kummissjoni minħabba ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (sentenzi tal-10 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni et vs Siemens Österreich et., C-231/11 P sa C-233/11 P, EU:C:2014:256, punt 57, u tal-10 ta’ April 2014, Areva et vs Il-Kummissjoni, C-247/11 P u C-253/11 P, EU:C:2014:257, punti 122 sa 124). Għaldaqstant kumpanniji jistgħu jiġu kkundannati in solidum għall-ħlas tal-multa sa fejn jistgħu jinżammu responsabbli personalment għall-parteċipazzjoni fil-ksur imwettaq mill-impriża unika li huma jikkomponu (sentenza tal-10 ta’ April 2014, Il-Kummissoni et vs Siemens Österreich et, C-231/11 P sa C-233/11 P, EU:C:2014:256, punt 49).

275    Barra minn hekk, huwa irrilevanti li r-responsabbiltajiet personali sostnuti minn kumpanniji minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fit-twettiq tal-ksur ikunux identiċi jew le, peress li matul il-perijodu tal-ksur, huma kienu jikkostitwixxu impriża unika (sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Areva et vs Il-Kummissjoni, T‑117/07 u T-121/07, EU:T:2011:69, punt 206). Barra minn hekk, is-setgħa tal-Kummissjoni li timponi sanzjoni ma tistax tirrigwarda wkoll id-determinazzjoni tal-ishma li jispettaw lil kull wieħed mill-ko-debituri in solidum fil-kuntest tar-relazzjoni interna tagħhom (sentenzi tal-10 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni et vs Siemens Österreich et, C-231/11 P sa C-233/11 P, EU:C:2014:256, punt 58, u tal-10 ta’ April 2014, Areva et vs Il-Kummissjoni, C-247/11 P u C-253/11 P, EU:C:2014:257, punt 151). Barra minn hekk, Biogaran indikat waqt is-seduta, b’risposta għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, li l-kumpannija omm tagħha kienet ħallset l-ammont kollu tal-multa stabbilita fl-Artikolu 7(1)(b) tad-deċiżjoni kkontestata.

276    Billi imponiet il-multa fuq l-entità ekonomika unika kkostitwita mill-kumpannija omm u s-sussidjarja li hija kompletament tagħha u billi ħadet inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ ta’ din l-entità billi għamlet riferiment għad-dħul mill-bejgħ tal-grupp Servier, il-Kummissjoni b’hekk ikkonformat ruħha mal-ġurisprudenza stabbilita tal-qorti tal-Unjoni u ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C 286/13 P, EU:C:2015:184, punti 145 sa 148 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-23 ta’ Jannar 2014, Evonik Degussa u AlzChem vs Il-Kummissjoni, T 391/09, mhux ippubblikata, EU:T:2014:22, punti 129 sa 135.

277    Għall-istess raġunijiet, ir-rikorrenti iktar u iktar ma tistax tallega li l-multa ġiet imposta bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

278    Fil-fatt, peress li la Biogaran u lanqas Servier ma ġew issanzjonati għall-aġir tagħhom bħala persuni legali distiniti, il-paragun imwettaq bejn is-sitwazzjoni ta’ Servier u dik ta’ Biogaran ma huwiex rilevanti.

279    Bl-istess mod, peress li Biogaran ġiet ikkundannata in solidum għall-ħlas tal-multa biss bħala parti intergali mill-entità ekonomika li hija tifforma flimkien ma’ Servier, is-sitwazzjoni tagħha ma tistax titqabbel ma’ dik tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata. Filwaqt li l-multa imposta fuq il-grupp Servier hija bbażata fuq il-valur tal-bejgħ ta’ dan il-grupp, il-multi imposti fuq dawn il-kumpanniji ma setgħux jiġu kkalkulati fuq l-istess parametru, peress li dawn il-kumpanniji ma kinux fis-suq fil-mument tal-prattiki li ġew attribwiti lilhom (sentenza tal-lum, Servier et vs Il-Kummission, T-691/14).

280    L-ilment, imqajjem minn Biogaran waqt is-seduta, ibbażat fuq il-fatt li Niche ma ġietx issanzjonata inkonnessjoni mal-ftehim Biogaran, minħabba li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-ħlas ta’ GBP 2.5 miljun fil-kalkolu tal-multa ta’ Niche, lanqas ma jista’ jintlaqa’. Fil-fatt, dan l-ilment ġie mqajjem biss, inkonnesjoni mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, waqt is-seduta u għaldaqstant ma huwiex ammissibbli, fl-assenza ta’ ġustifikazzjoni għall-preżentazzjoni tiegħu f’dan l-istadju tal-proċedura. Barra minn hekk, kif intqal, Biogaran, sussidjarja ta’ Servier, ma kinitx f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi li, bħal Niche, daħlu fi ftehim ma’ Servier. Fl-aħħar, iċ-ċirkustanza, anki jekk tiġi preżunta stabbilita, li Niche ma ġietx issanzjonata mill-Kummissjoni xorta ma tistax teżonora lil Biogaran mir-responsabbiltà tagħha għall-ksur imwettaq mill-impriża li hija membru fiha.

281    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

c)      Fuq il-limitu massimu ta’ 10 % tal-multa

282    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 billi imponiet fuqha multa li l-ammont tagħha huwa ogħla minn 10 % tad-dħul mill-bejgħ annwali tagħha, u li hija ħadet inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ tal-kumpannija omm tagħha, Servier (jiġifieri EUR 476 miljun), meta hija nnifisha ma’ wettqet l-ebda bejgħ.

283    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-limitu previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, għandu jiġi kkalkolat abbażi tad-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-kumpanniji kollha li jikkostitwixxu l-entità ekonomika unika li taġixxi bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE (ara s-sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2013, Eni vs Il-Kummissjoni, C-508/11 P, EU:C:2013:289, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, C-444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punti 172 u 173 u l-ġurisprudenza ċċitata; u s-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2013, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni, C-58/12 P, EU:C:2013:770, punt 56).

284    Fil-fatt, il-proporzjonalità ta’ sanzjoni għandha b’mod partikolari tiġi evalwata fid-dawl tal-għan dissważiv imfittex mill-impożizzjoni tagħha u t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan id-dħul ikkumulat huwa neċessarju għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, sabiex jittieħed kont tas-saħħa ekonomika tal-impriża kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il-Kummissjoni, C-373/14 P, EU:C:2016:26, punti 83 u 84).

285    F’dan l-ikaż, mill-premessi esposti iktar ’il fuq jirriżulta li l-impriża kkonċernata kienet ikkostitwita mir-rikorrenti u l-kumpannija omm tagħha, Servier, billi flimkien dawn iż-żewġ kumpanniji kienu jifformaw waħda u l-istess entità ekonomika (ara l-punti 206 sa 234 iktar ’il fuq). Konsegwentement, b’mod konformi mal-prinċipji mfakkra fil-punt 283 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ totali tal-kumpannija omm tal-grupp Servier matul il-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Ottubru 2012 sat-30 ta’ Settembru 2013, għall-applikazzjoni tal-limitu suespost ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ (premessa 3144 tad-deċiżjoni kkontestata).

286    Peress li dan id-dħul mill-bejgħ jammonta għal ftit iktar minn EUR 4 biljun, il-Qorti Ġenerali tqis li l-multa ta’ EUR 131 532 600 imposta fuq ir-rikorrenti, b’mod konġunt u in solidum mal-kumpannija omm tagħha, ma kinitx teċċedi dan il-limitu b’mod manifest.

287    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jitwarrab, bl-istess mod bħal dan il-motiv fl-intier tiegħu.

288    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li dan ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu, inklużi, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ ineżami, it-talbiet intiżi sabiex il-Qorti Ġenerali, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tannulla l-multa jew tnaqqas l-ammont tagħha.

 Fuq l-ispejjeż

289    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Biogaran hija kkundannata għall-ispejjeż.


Gervasoni

Madise

Da Silva Passos

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Diċembru 2018.

Firem


Werrej


I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

A. Fuq il-perindopril

1. Privattiv marbuta mal-molekula

2. Privattivi sekondarjij

3. Perindopril tat-tieni ġenerazzjoni

B. Fuq ir-rikorrenti

C. Fuq l-attivitajiet ta’ Niche marbuta mal-perindopril

D. Fuq il-kawżi marbuta mal-perindopril

1. Kawżi quddiem l-UEP

2. Kawżi quddiem il-qrati nazzjonali

E. Fuq ir-riżoluzzjonijiet bonarji

1. Fuq il-ftehimiet konklużi bejn Niche, Unichem, Matrix u Servier

2. Fuq il-Ftehim konkluż bejn Niche u Biogaran

F. Fuq l-investigazzjoni settorjali

G. Fuq il-proċedura amministrattiva u d-deċiżjoni kkontestata

II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

III. Fuq l-ammissibbiltà

A. Fuq it-tielet kap tat-talbiet, li bih ir-rikorrenti titlob li jingħatalha l-benefiċċju ta’ kull annullament, sħiħ jew parzjali, tad-deċiżjoni kkontestata fil-kuntest tar-rikors ippreżentat minn Servier

B. Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti annessi tar-risposta u ta’ provi prodotti f’din ir-risposta

1. L-argumenti tal-partijiet

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

IV. Fuq il-mertu

A. Fuq il-motiv ibbażat fuq l-iżnaturament tal-fatti sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tistabbilixxi b’mod żbaljat li l-ftehim Biogaran serva bħala inċentiv addizzjonali sabiex jinkoraġġixxi lil Niche tikkonkludi r-riżoluzzjoni bonarja ma’ Servier

1. L-argumenti tal-partijiet

a) Fuq żball ta’ evalwazzjoni fl-analiżi ta’ rabta bejn il-ftehim u l-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja

1) Fuq il-kronoloġija tan-negozjati tal-ftehim

2) Fuq ir-rabta ġuridika bejn il-ftehim ta’ riżoluzzjoni bonarja u l-ftehim Biogaran

3) Fuq l-intenzjoni ta’ inċentiv ta’ Niche

b) Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-interess kummerċjali tar-rikorrenti li jikkonkludi l-ftehim Biogaran

1) Fuq il-prodott A

2) Fuq il-prodott B

3) Fuq il-prodott Ċ

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

a) Osservazzjonijiet preliminari

b) Fuq l-eżistenza ta’ vantaġġ ta’ inċentiv kkostiwit mill-ftehim Biogaran

B. Fuq il-motiv ibbażat fuq żbalji ta’ liġi, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ma turix il-parteċipazzjoni ta’ Biogaran f’xi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni

1. L-argumenti tal-partijiet

a) Fuq in-natura tal-ksur tal-ftehim Biogaran

b) Fuq l-imputazzjoni lis-sussidjarja tar-responsabbiltà tal-atti tal-kumpannija omm

c) Fuq il-konoxxenza minn Biogaran tal-għamliet ta’ aġir ta’ Servier li jikkostitwixxu ksur

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

C. Fuq il-motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi imponiet multa fuq Biogaran

1. L-argumenti tal-partijiet

a) Fuq in-natura ġdida, mhux prevedibbli u kumplessa tal-kawża

b) Fuq in-natura sproporzjonata tal-multa

c) Fuq il-limitu massimu ta’ 10 % tal-multa

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

a) Fuq in-natura ġdida, mhux prevedibbli u kumplessa tal-kawża

b) Fuq in-natura sproporzjonata tal-multa

c) Fuq il-limitu massimu ta’ 10 % tal-multa

Fuq l-ispejjeż




*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.