Language of document : ECLI:EU:T:2012:171

Kawża T-262/07

Ir-Repubblika tal-Litwanja

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Miżuri li għandhom jiġu adottati minħabba l-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda — Att ta’ Adeżjoni tal-2003 — Determinazzjoni ta’ stokkijiet żejda ta’ prodotti agrikoli barra z-zokkor u konsegwenzi finanzjarji tal-eliminazzjoni tagħhom — Għan imfittex minn dispożizzjoni tad-dritt primarju — Deċiżjoni 2007/361/KE”

Sommarju tas-sentenza

1.      Adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda mal-Komunitajiet — Att ta’ Adeżjoni tal-2003 — Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Miżuri tranżitorji fir-rigward tal-kummerċ fi prodotti agrikoli

(Att ta’ Adeżjoni tal-2003, Anness IV, punt 4(2))

2.      Adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda mal-Komunitajiet — Att ta’ Adeżjoni tal-2003 — Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Miżuri tranżitorji fir-rigward tal-kummerċ fi prodotti agrikoli

(Att ta’ Adeżjoni tal-2003, Anness IV, punt 4(2))

1.      Skont il-punt 4(2) tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Estonja, tar-Repubblika ta’ Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika tal-Ungerija, tar-Repubblika ta’ Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka fl-Unjoni Ewropea, kull ħażna ta’ prodotti agrikoli, kemm privata kif ukoll pubblika, li fid-data tal-adeżjoni tkun f’ċirkulazzjoni libera fit-territorju tal-Istati Membri l-ġodda u li teċċedi l-kwantità li tista’ tkun meqjusa bħala livell normali ta’ stokkijiet għandha tiġi eliminata bi spejjeż għall-Istati Membri l-ġodda.

It-tifsira u l-portata tal-kelma “eliminata” għandhom jiġu ddeterminati billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest ġenerali li fih qiegħda tintuża din il-kelma u b’konformità mas-sens normali tagħha fil-lingwaġġ ta’ kuljum. Għaldaqstant, f’dak li jikkonċerna l-prodotti agrikoli, fil-lingwaġġ ta’ kuljum, il-kelma “eliminata”, kif użata fil-punt 4(2) tal-Anness IV, iċċitat iktar ’il fuq, għandha s-sens ta’ “meqruda” jew ta’ “mneħħija minn fuq is-suq”. Barra minn hekk, il-prodotti agrikoli f’ċirkulazzjoni libera eżistenti fit-territorju tal-Istati Membri huma maħsuba biex jiġu assorbiti mis-suq. Għalhekk, il-preċiżazzjoni tal-punt 4(2) tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni li tgħid li l-istokkijiet żejda għandhom jiġu eliminati ma tistax tinftiehem fis-sens li hija intiża sabiex l-istokkijiet żejda jiġu assorbiti mis-suq.

F’dak li jirrigwarda l-għan tal-punt 4(2) tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni, b’mod partikolari, dan il-għan kien li jiġi evitat it-tfixkil tal-funzjonament tal-mekkaniżmi previsti mill-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-prodotti agrikoli u, b’mod partikolari, dawk li għandhom effett fuq it-tfassil tal-prezzijiet, ikkawżati mill-akkumulazzjoni ta’ kwantitajiet ta’ prodotti agrikoli mhux normali fl-Istati Membri l-ġodda qabel l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni. Barra minn hekk, sabiex jiġi ppreżervat l-effett utli tal-punt 4(2) tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa wkoll li jiġu rrimedjati l-effetti tat-tfixkil ipprovokat mid-dħul tal-istokkijiet żejda fis-suq intern.

B’hekk, l-arranġamenti li l-Kummissjoni hija inkarigata timplementa skont il-punt 4(4) jippermettu li jiġu żgurati kemm il-prevenzjoni tat-tfixkil ikkawżat mid-dħul ta’ dawn l-istokkijiet żejda fis-suq intern, kif ukoll il-kumpens għall-effetti ekonomiċi ta’ dan it-tfixkil. Skont din is-sistema, fil-prinċipju, l-istokkijiet żejda eżistenti fit-territorju tal-Istati Membri l-ġodda fl-1 ta’ Mejju 2004 għandhom jitneħħew mis-suq bi spejjeż tagħhom, b’mod partikolari permezz tal-esportazzjoni barra mis-suq intern jew bil-qerda ta’ dawn l-istokkijiet żejda.

Fl-aħħar nett, il-punt 4(2) tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni ma jindikax li l-Istati Membri l-ġodda huma marbuta jeliminaw huma stess l-istokkijiet żejda. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, meta teżerċita l-kompetenzi mogħtija lilha mill-Att ta’ Adeżjoni fir-rigward tal-qasam tal-politika agrikola komuni għall-eżekuzzjoni tar-regoli stabbiliti bl-imsemmi att, tista’ tkun meħtieġa li tagħmel użu minn setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni, b’mod li tkun biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura adottata f’dan il-qasam, meta mqabbla mal-għan li l-istituzzjoni kompetenti bi ħsiebha ssegwi, li tista’ teffettwa l-legalità ta’ tali miżura. Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li sistema li permezz tagħha, minn naħa, il-Komunità tiżgura l-qerda jew l-esportazzjoni barra mis-suq intern tal-istokkijiet żejda fit-territorji tal-Istati Membri l-ġodda fid-data tal-adeżjoni u, min-naħa l-oħra, l-ispiża ta’ dawn l-operazzjonijiet imbagħad tgħaddi fuq l-Istati Membri l-ġodda, tkun ukoll kompatibbli mal-punt 4(2) tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni.

(ara l-punti 40, 41, 43, 46-48)

2.      Minkejja li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-implementazzjoni tal-punt 4(2) tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Estonja, tar-Repubblika ta’ Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika tal-Ungerija, tar-Repubblika ta’ Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka fl-Unjoni Ewropea, hija ma tistax timponi sempliċi obbligu ta’ ħlas fuq l-Istati Membri l-ġodda favur il-Komunità, skont din id-dispożizzjoni, mingħajr ma dan l-obbligu ta’ ħlas ikun jista’ jitqies li huwa kontribuzzjoni finanzjarja biex jiġu koperti l-ispejjeż tal-eliminazzjoni tal-istokkijiet żejda mis-suq intern.

Għaldaqstant, il-ħlas ta’ ammont finanzjarju lill-baġit Komunitarju impost fuq l-Istati Membri l-ġodda bid-Deċiżjoni 2007/361, dwar id-determinazzjoni ta’ stokkijiet żejda ta’ prodotti agrikoli barra z-zokkor u l-konsegwenzi finanzjarji tal-eliminazzjoni tagħhom fir-rigward tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja ma huwiex kompatibbli mal-punt 4(2) tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni, peress li s-sistema ta’ eliminazzjoni tal-istokkijiet żejda tal-prodotti agrikoli prevista b’din id-deċiżjoni ma hijiex ibbażata fuq il-qerda jew l-esportazzjoni barra mis-suq intern ta’ dawn l-istokkijiet żejda u peress li l-obbligu tal-Istati Membri l-ġodda li jsostnu l-ispejjeż tal-eliminazzjoni ta’ dawn l-istokkijiet żejda huwa biss obbligu li jitħallas ammont finanzjarju lill-baġit Komunitarju, liema ammont huwa kkalkolat skont il-volum tal-istokkijiet żejda ta’ kull prodott agrikolu kkonċernat. Fil-fatt, l-ammonti finanzjarji previsti bid-deċiżjoni jirriflettu l-ispiża li kien ikollha tiġi sostnuta mill-baġit Komunitarju kieku l-Komunità ffinanzjat l-esportazzjoni tal-istokkijiet żejda kkonstatati, għal barra s-suq intern. Issa, id-deċiżjoni ma tipprovdix għal tali esportazzjoni. Għalhekk, l-ammonti finanzjarji msemmija b’din id-deċiżjoni ma jistgħux jitqiesu li huma l-korrispettiv jew is-sostenn tal-ispiża ta’ ċerti operazzjonijiet ta’ eliminazzjoni magħmula mill-Komunità. Dan huwa sempliċement obbligu ta’ ħlas impost fuq l-Istati Membri l-ġodda favur il-Komunità.

Ċertament ma jistax jiġi eskluż li l-eżistenza ta’ obbligu fuq l-Istati Membri l-ġodda sabiex iħallsu ammont finanzjarju lill-baġit Komunitarju tista’ titqies li hija mekkaniżmu addizzjonali, fil-kuntest ta’ sistema ta’ eliminazzjoni fiżika tal-istokkijiet żejda, li huwa indispensabbli sabiex jiġi żgurat li l-ispejjeż addizzjonali meħtieġa biex jagħmlu tajjeb għat-tfixkil eventwali tas-swieq agrikoli li jirriżultaw mill-eżistenza ta’ stokkijiet żejda li l-eliminazzjoni tagħhom mis-suq intern ma twettqitx b’mod konformi mar-regoli previsti minn din is-sistema, ma jkunux sostnuti mill-baġit jew mill-produtturi Komunitarji, iżda mill-Istati Membri kkonċernati. Madankollu, l-ammonti finanzjarji msemmija fid-Deċiżjoni 2007/361 ma jikkostitwixxux tali mekkaniżmu addizzjonali. Għall-kuntrarju, l-obbligu li jitħallsu dawn l-ammonti finanzjarji jiġi ssostitwit bl-eliminazzjoni tal-istokkijiet żejda mis-suq intern u huwa l-uniku mekkaniżmu ta’ “eliminazzjoni” previst mid-deċiżjoni kkontestata. Bl-istess mod, dan l-obbligu fih innifsu ma jagħti l-ebda benefiċċju dirett għall-produtturi Komunitarji.

(ara l-punti 49-52, 75, 77, 79)