Language of document : ECLI:EU:C:2017:779

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fid-19 ta’ Ottubru 2017 (1)

Kawża C395/16

DOCERAM GmbH

vs

CeramTec GmbH

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali u industrijali – Disinni Komunitarji – Regolament (KE) Nru 6/2002 – Artikolu 8(1) – Karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott esklużivament iddettati mill-funzjoni teknika tiegħu – Parametri ta’ dan il-kunċett – Kriterji ta’ evalwazzjoni”






I.      Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari ppreżentata mill‑Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji (2). Din id-dispożizzjoni, li għadha qatt ma kienet l-oġġett ta’ interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, tistabbilixxi li l-karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott iddettati biss mill-funzjoni teknika ta’ dan tal-aħħar huma esklużi mill-kamp tal-protezzjoni tal-imsemmi regolament.

2.        Id-deċiżjoni tar-rinviju taqa’ fil-kuntest ta’ kawża bejn żewġ kumpanniji, waħda proprjetarja ta’ diversi disinni Komunitarji rreġistrati u l-oħra tipproduċi prodotti simili għal dawk protetti permezz ta’ dawn id-drittijiet. Peress li l-ewwel waħda ressqet mandat ta’ inibizzjoni kontra t-tieni waħda, din irrispondiet billi sostniet l-invalidità tad-drittijiet li l-ksur tagħhom kien invokat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Insostenn tal-kontrotalba tagħha, hija pprevalixxiet mill-esklużjoni prevista f’dan l-Artikolu 8(1).

3.        Id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jistiednu lill-Qorti tal‑Ġustizzja, minn naħa, tiddefinixxi l-kunċett ta’ “karatteristiċi tad‑dehra ta’ prodott iddettati biss mill-funzjoni teknika tiegħu” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u min-naħa l-oħra tiddetermina l-mod kif għandu jiġi evalwat jekk id-disinni kkonċernati għandhomx tali karatteristiċi.

II.    Il-kuntest ġuridiku

4.        Skont il-premessa 10 tar-Regolament Nru 6/2002 “[l]‑innovazzjoni teknoloġika ma għandhiex tiġi mfixkla bil-konċessjoni ta’ protezzjoni tad-disinni lill-karatteristiċi ddettati biss b’funzjoni teknika. Huwa mifhum illi dan ma jintitolax illi disinn għandu ikollu kwalità estetika. Bl-istess mod, l-interoperabbiltà tal-prodotti ta’ għamliet differenti ma għandhiex tiġi mfixkla bl-estensjoni tal‑protezzjoni għad-disinn ta’ oġġetti mekkaniċi tat-twaħħil. B’konsegwenza ta’ dan, dawk il-karatteristiċi li huma esklużi mill‑protezzjoni għal dawn ir-raġunijiet ma għandhomx jitqiesu bl-għan li jiġi stmat jekk il-karatteristiċi l-oħra tad-disinn iwettqux il-ħtiġiet tal‑protezzjoni”.

5.        L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ħtiġiet għall‑protezzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“1      Disinn għandu jiġi protett b’disinn Komunitarju safejn u sakemm ikun ġdid u jkollu karattru individwali.

2.      Disinn li jiġi applikat jew inkorporat fi prodott li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott kumpless għandu jiġi kkunsidrat biss li jkun ġdid jew li jkollu karattru individwali:

(a)      jekk il-parti komponenti, ġaladarba tkun ġiet inkorporata fil-prodott kumpless, tibqa’ tidher matul l-użu normali ta’ dan ta’ l-aħħar; u

b)      safejn u sakemm dawn il-karatteristiċi viżibbli tal-parti komponenti jwettqu fihom infushom il-ħtiġiet dwar in-novità u l-karattru individwali.

[…]”

6.        L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002, intitolat “Novità”, jistabbilixxi fil-paragrafu 1 tiegħu li “[d]isinn għandu jitqies bħala ġdid jekk l-ebda disinn identiku ma jkun disponibbli għall-pubbliku”.

7.        L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Karattru individwali”, jiddisponi:

“1.      Disinn għandu jiġi meqjus li jkollu karattru individwali jekk l-impressjoni ġenerali li jħalli fuq utent informat tkun differenti mill-impressjoni ġenerali mħollija fuq dan l-utent minn kull disinn li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku […]

2.      Fl-istima tal-karattru individwali, għandu jittieħed f’kunsiderazzjoni l-grad tal-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp taddisinn”.

8.        L-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, intitolat “Disinji ddettati mill-funzjoni teknika tagħhom u d-disinji ta’ l-interkonnessjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[d]isinn Komunitarju ma għandux jeżisti fil-karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott li jkunu ddettati biss bil‑funzjoni teknika tiegħu”.

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

9.        DOCERAM GmbH hija kumpannija tad-dritt Ġermaniż li tipproduċi komponenti taċ-ċeramika teknika. Hija tipprovdi lill-industrija tal-karozzi, l-industrija tal-magni tal-ħjata u l-industrija tal-kostruzzjoni mekkanika. Hija proprjetarja ta’ diversi disinni Komunitarji rreġistrati li jipproteġu pinnijiet ċentralizzati tal-welding li għandhom tliet forom ġeometriċi distinti, li kull wieħed minnhom huwa pprovdut f’sitt tipi differenti.

10.      CeramTec GmbH hija wkoll kumpannija tad-dritt Ġermaniż, li tipproduċi u tikkummerċjalizza pinnijiet ċentralizzati taċ-ċeramika fl-istess varjetà bħal dik protetta mid-disinni li tagħhom DOCERAM hija proprjetarja.

11.      Din tal-aħħar adixxiet lil-Landgericht Düsseldorf (qorti reġjonali ta’ Düsseldorf) b’mandat ta’ inibizzjoni fil-konfront ta’ CeramTec, intiża b’mod partikolari għall-waqfien mill-ksur tad-drittijiet ta’ protezzjoni tagħha. Il‑konvenuta fil-kawża prinċipali ppreżentat kontrotalba għad-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ dawn tal-aħħar, billi argumentat li l-karatteristiċi tad-dehra tal‑prodotti kkonċernati huma ddettati biss mill-funzjoni teknika tagħhom fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002.

12.      Il-Landgericht Düsseldorf (qorti reġjonali ta’ Düsseldorf) ċaħdet il-kawża mibdija minn DOCERAM u ddikjarat nulli d-disinni kkontestati, għar-raġuni li dawn kienu esklużi mill-protezzjoni mogħtija mill-imsemmi regolament, skont l-Artikolu 8(1) tiegħu, peress li l-għażla tad-disinn kienet iddettata biss minn kunsiderazzjonijiet ta’ funzjonalità teknika.

13.      DOCERAM appellat minn din is-sentenza quddiem l‑Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf). Din l-aħħar qorti qieset li sabiex tingħata deċiżjoni fil-kawża prinċipali huwa rilevanti li jkun magħruf jekk għall-finijiet tal-applikazzjoni tal‑esklużjoni prevista fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002, għandux – kif tqis parti mid-dottrina u mill-ġurisprudenza b’mod partikolari fil-Ġermanja – jiġi kkonstatat l-assenza ta’ disinni alternattivi li jissodisfaw l-istess funzjoni teknika, jew – kif tippreżumi s-sentenza appellata – jiġi ddeterminat b’mod oġġettiv jekk il-funzjonalità mfittxija kinitx l-unika element li ddetermina l-fiżjonomija tal-prodott inkwistjoni.

14.      Għalhekk, permezz tad-deċiżjoni tas-7 ta’ Lulju 2016, li wasslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Lulju 2016, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott huma ddettati biss mill-funzjoni teknika tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament [Nru 6/2002], li teskludi l-protezzjoni, anki fil-każ meta l-effett estetiku ma jkollu ebda importanza għad-disinn tal-prodott, iżda l‑funzjoni (teknika) tikkostitwixxi l-uniku fattur determinanti għad‑disinn innifsu?

2)      F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta fl-affermattiv għall‑ewwel domanda: [m]inn liema perspettiva għandu jiġi evalwat jekk il-karatteristiċi differenti tad-dehra ta’ prodott ikunu ntgħażlu biss abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ funzjoni?. Jekk il‑kriterju determinanti huwa ta’ ‘osservatur oġġettiv’, u f’każ ta’ risposta fl-affermattiv, kif għandu jiġi ddefinit dan il-kunċett?”

15.      DOCERAM, CeramTec, il-Gvern Grieg u dak tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Waqt is-seduta tad-29 ta’ Ġunju 2017, kollha ppreżentaw osservazzjonijiet orali.

IV.    Analiżi

A.      Fuq il-kunċett ta’ “karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott […] iddettati biss mill-funzjoni teknika tiegħu” fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002 (l-ewwel domanda)

1.      Fuq il-kontenut tal-ewwel domanda u l-argumenti mressqa

16.      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li d-disinni inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma kemm ġodda u għandhom ukoll karattru individwali, skont ir-rekwiżiti rispettivi tal-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 6/2002 (3). Hija tistaqsi jekk il-protezzjoni tagħhom għandhiex madankollu tkun eskluża skont l-Artikolu 8(1) tal-imsemmi regolament, li jipprevedi li “[d]isinn Komunitarju ma għandux jeżisti fil-karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott li jkunu ddettati biss bil-funzjoni teknika tiegħu”, fid-dawl tal-fatt li f’dan il-każ jeżistu disinni li hija tikkwalifika bħala “alternattivi”, peress li jistgħu jirriżultaw fl-istess riżultat tekniku bħal dak prodott minn dawn id-disinni.

17.      Fid-dawl tal-elementi pprovduti fid-deċiżjoni tar-rinviju u mill‑kuntest li fiha hija taqa’, jidhirli li l-ewwel domanda preliminari tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, tiddetermina jekk is‑sempliċi fatt li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ tali disinni alternattivi jippermettix li jiġi dedott li d-disinni kkontestati ma humiex biss iddeterminati mill-funzjoni teknika tal-prodotti kkonċernati u għalhekk ma jaqgħux fl-esklużjoni prevista mill-imsemmi Artikolu 8(1), jew jekk il-kriterju rilevanti għal dan il-għan huwiex dwar jekk “kunsiderazzjonijiet estetiċi” jew “l-effett estetiku” ta’ dawn il-prodotti (4) wassalx lid-disinjatur tagħhom sabiex jagħżel disinn partikolari (5). Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta dan tal-aħħar kriterju, il-qorti tar-rinviju tistaqsi mbagħad, permezz tat-tieni domanda tagħha, dwar il-mod li bih għandha tevalwa jekk il-karatteristiċi differenti tad-dehra ta’ prodott humiex iddettati biss minn raġunijiet tekniċi imperattivi.

18.      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li d-domanda magħmula tqajjem dubju serju fid-dawl ta’ pożizzjonijiet differenti li ġew adottati sallum, kemm fid-duttrina kif ukoll fil-prattika deċiżjonali tal-qrati tal-Istati Membri u f’dik tal-Uffiċċju tal-Unjoni Ewropea għall-Proprjetà Intellettwali (EUIPO) [qabel l-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)], għal dak li jirrigwarda l-mod ta’ interpretazzjoni tal‑Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002. F’dan ir-rigward hemm żewġ teoriji ġuridiċi li jistgħu jwasslu għal riżultati prattiċi dijametrikament kuntrarji.

19.      Skont l-ewwel teorija, id-deroga stabbilita f’din id-dispożizzjoni għandha tapplika biss meta jiġi kkonstatat li ebda disinn alternattiv ma jippermetti li titwettaq l-istess funzjoni teknika ħlief id-disinn ikkonċernat, għaliex l-eżistenza ta’ tali alternattivi turi li l-għażla tal‑għamla inkwistjoni ma kinitx iddettata biss mill-funzjoni teknika tagħha fis-sens tal-imsemmi Artikolu 8(1). Din l-interpretazzjoni hija bbażata fuq il-kriterju normalment imsejjaħ ta’ “għamliet multipli”, li jipprovdi li jekk jeżistu għamliet oħra ta’ prodott li jistgħu jissodisfaw l‑istess funzjoni teknika, id-disinn tiegħu jista’ jgawdi minn protezzjoni, għaliex dawn l-għamliet posssibbli juru li, f’dak il-każ, id-disinjatur tal‑prodott ma kienx marbut mill-imsemmija funzjoni, iżda liberu li jagħżel waħda minn dawn l-għamliet waqt l-iżvilupp tad-disinn (6). Interpretata b’dan il-mod, din id-dispożizzjoni tapplika fil-każijiet, relattivament rari, fejn id-disinn ikkonċernat ikun l-uniku li jiżgura l‑kisba tar-riżultat tekniku mfittex.

20.      Skont id-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf) tindika li l‑implementazzjoni ta’ din l-ewwel alternattiva, li sa fejn naf jien kienet aċċettata minn parti mid-duttrina b’mod partikolari fil-Ġermanja (7) kif ukoll fil-Belġju (8) jew fi Franza (9), kienet mhux biss stabbilita fil‑ġurisprudenza nazzjonali, kemm fil-Ġermanja kif ukoll fi Stati Membri oħra (10), iżda wkoll fil-prattika tal-EUIPO (11). Mill‑osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li DOCERAM hija l-unika parti li tiddefendi din il-pożizzjoni f’din il-kawża.

21.      Skont teorija opposta, l-esklużjoni prevista fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002 għandha titgawda meta l-karatteristiċi tad‑disinn inkwistjoni jkunu dovuti biss għall-bżonn li tiġi żviluppata soluzzjoni teknika, mingħajr ma kunsiderazzjonijiet estetiċi jkollhom l‑inqas effett, għaliex allura ma jkun hemm ebda attività kreattiva li hija denja li tkun protetta skont id-dritt tad-disinni. Din it-teorija, marbuta mal‑kriterju msejjaħ ta’ “kawżalità”, teħtieġ identifikazzjoni tar-raġuni li għaliha l-karatteristiċi kkontestati ġew adottati mid-disinjatur tal‑prodott (12). Interpretat b’dan il-mod, l-imsemmi Artikolu 8(1) ikun applikabbli fil-każijiet kollha fejn in-neċessità li tissodisfa funzjoni teknika partikolari kienet l-unika ċirkustanza li ddettat id-disinn inkwistjoni, mingħajr l-effett tal-fiżjonomija jew tal-kwalità estetika tagħha, u l-eżistenza possibbli ta’ disinni alternattivi li jistgħu jissodisfaw l-istess funzjoni ma hijiex determinanti.

22.      Minkejja li b’mod evidenti l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex marbuta minn dawn il-pożizzjonijiet preċedenti, nenfasizza li wara li fil-passat kien inklinat lejn it-teorija ta’ għamliet multipli, fil-prattika deċiżjonali l‑iktar reċenti, l-EUIPO għażel it-teorija tal-kawżalità (13), billi qies li l‑Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jirrifjuta l-għoti ta’ protezzjoni lill-karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott li ġew adottati esklużivament bil-għan li jippermettu lil dan tal-aħħar jissodisfa l‑funzjoni teknika tiegħu, meta mqabbla mal-karatteristiċi li ntagħżlu, tal‑inqas sa ċertu livell, bil-għan li jtejbu l-aspett viżwali tal-prodott, li huma protetti (14). Jidher li l-ġurisprudenza segwit żvilupp simili b’mod partikolari fi Franza (15) u fir-Renju Unit (16). F’din il-kawża, kemm CeramTec kif ukoll il-Gvern Grieg u dak tar-Renju Unit, kif ukoll il‑Kummissjoni (17), iddikjaraw ruħhom favur din l-aħħar teorija. Din hija wkoll l-opinjoni tiegħi, għar-raġunijiet segwenti.

2.      Fuq il-bażi tal-interpretazzjoni proposta

23.      Qabel xejn għandu jiġi kkonstatat li għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni DOCERAM, il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar‑Regolament Nru 6/2002 ma jipprovdux indikazzjonijiet direttament utli sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari, peress li l-kunċett ta’ “karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott […] iddettati biss mill‑funzjoni teknika tiegħu” li jinsab fl-Artikolu 8(1) tiegħu, ma huwiex iddefinit u ebda kriterju ta’ evalwazzjoni ma huwa previst. B’mod partikolari, imkien ma jissemma l-kriterju tal-assenza ta’ disinni alternattivi għal dak tal-prodott ikkonċernat, li huwa propost mis‑sostenituri tat-teorija tal-għamliet multipli.

24.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir‑rekwiżit ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta li meta att tal-Unjoni ma jirreferix għad-dritt tal-Istati Membri għad‑definizzjoni ta’ kunċett partikolari, bħal ma huwa l-każ hawn hekk, dan il-kunċett għandu jingħata interpretazzjoni awtonoma, li l-Qorti tal‑Ġustizzja tfittex waqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-istruttura ġenerali, l-għanijiet u l-oriġini tar-regola inkwistjoni (18).

25.      Fir-rigward tal-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 6/2002, nosserva li l-premessa 10 ta’ dan ir-regolament tipprovdi kjarifika interessanti, iżda li tibqa’ limitata, dwar is-sens li għandu jingħata lill‑Artikolu 8(1) tagħha, billi tistabbilixxi li “[l]-innovazzjoni teknoloġika ma għandhiex tiġi mfixkla bil-konċessjoni ta’ protezzjoni tad-disinji lill-karatteristiċi ddettati biss b’funzjoni teknika. Huwa mifhum illi dan ma jintitolax illi disinn għandu ikollu kwalità estetika”.

26.      Inqajjem ukoll l-implikazzjonijiet tal-ewwel parti ta’ din is‑sentenza tal-imsemmija premessa, fir-rigward tal-għanijiet previsti mill-Artikolu 8(1) (19). Għal dak li jirrigwarda t-tieni parti ta’ din is‑sentenza (20), il-qorti tar-rinviju tindika li dawk kontra t-teorija ta’ kawżalità jargumentaw li din tal-aħħar, hija intiża sabiex tissepara l‑karatteristiċi tal-prodott ta’ natura purament teknika minn dawk ta’ natura ornamentali, li twassal għal kontradizzjoni mal-formula li tipprovdi li ma huwiex meħtieġ li disinn ikollu natura estetika sabiex ikun protett.

27.      Huwa minnu li tali rekwiżit ma jinstabx tal-inqas espressament fl‑Artikoli 4 sa 6 tar-Regolament Nru 6/2002, li jistabbilixxu l‑kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-protezzjoni tad-disinni Komunitarji. Minn din l-istess perspettiva, l-ewwel sentenza tal‑premessa 10 ta’ dan ir-regolament tippreċiża li ma għandux jiġi dedott mill-motiv ta’ rifjut previst fl-Artikolu 8(1) tiegħu, li l-għamliet li jippreżentaw karattru estetiku biss jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni fir-rigward tad-disinni. L-espressjoni “dan ma jintitolax illi disinn għandu ikollu kwalità estetika”, fil-fehma tiegħi tfisser biss, li ma huwiex neċessarju li d-dehra tal-prodott inkwistjoni jkollha aspett estetiku sabiex tkun protetta.

28.      Bħal CeramTec u l-Gvern Grieg u dak tar-Renju Unit, jiena nqis li anki jekk il-kwalitajiet estetiċi tal-prodott inkwistjoni ma jikkostitwixxux kriterju ta’ evalwazzjoni determinanti għall-għoti ta’ din il-protezzjoni, ikun żbaljat li jiġi konkluż li d-disinn Komunitarju ma huwiex intiż sabiex jipproteġi d-dehra viżwali tal-prodotti. Fil-fatt, kif irrileva l-UASI li sar l-EUIPO (21), jirriżulta b’mod ċar, minn naħa mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “disinn” li tinsab fl-Artikolu 3(1) tar‑Regolament Nru 6/2002, li tirreferi b’mod espliċitu għad-“dehra” tal‑prodott (22), u min-naħa l-oħra, mir-rekwiżiti dwar il-viżibbiltà, li huma stabbiliti kemm fl-Artikolu 4(2) tiegħu (23), kif ukoll fil-premessa 12 tiegħu (24), li l-eżami tad-dehra esterna, ikun x’ikun il-mertu konkret tiegħu (25), huwa deċiżiv għall-kisba ta’ drittijiet mogħtija minn disinn Komunitarju (26). Inżid li l-enfasi tqiegħed fuq l-aspett viżwali anki fl‑Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament, li jeħtieġ li l-prodott ikkonċernat ikun iddifferenzjat mill-kreazzjonijiet preċedenti li huma s-suġġett ta’ protezzjoni (27).

29.      Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi huwa kompatibbli mal-formulazzjoni tal-premessa 10 tar-Regolament Nru 6/2002 li l-Artikolu 8(1) jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprevedi mhux il-każijiet fejn il-karatteristiċi inkwistjoni huma l-uniku mezz li tiġi ssodisfatta l-funzjoni teknika ta’ prodott, iżda l-każijiet fejn in-neċessità li tintlaħaq din il-funzjoni hija l‑uniku fattur li jispjega l-adozzjoni tal-imsemmija karatteristiċi. Fi kliem ieħor, jiena nqis li għandu jiġi kkunsidrat li l-karatteristiċi tad-dehra tal‑prodott huma ddettati biss mill-għan li jasal għal soluzzjoni teknika partikolari, u għalhekk li dawn tal-aħħar jaqgħu fl-esklużjoni prevista fl‑imsemmi Artikolu 8(1) meta jidher li kunsiderazzjonijiet ta’ natura oħra, b’mod iktar partikolari viżwali, ma kellhom ebda rwol fl-adozzjoni tad-disinn ikkonċernat. Il-kwistjoni kruċjali hija dwar fejn jispiċċaw il-limitazzjonijiet tal-għamla marbuta mal-funzjoni teknika tal-prodott u fejn tibda l-volontà ħielsa tad-disinjatur tagħha (28).

30.      Il-konstatazzjoni fattwali li din id-dispożizzjoni għandha natura derogatorja, u b’hekk skont il-qorti tar-rinviju tkun suġġetta għal interpretazzjoni stretta, ma jikkontestax l-analiżi tiegħi. Fil-fatt, din il‑kunsiderazzjoni waħedha ma tistax twassal li jiġi aċċettat kriterju, f’dan il-każ dak tal-għamliet multipli, li ċertament jirrestrinġi l-każijiet fejn tapplika l-esklużjoni (29), iżda li ma għandux bażi ġuridika evidenti la fit-test tar-Regolament Nru 6/2002 innifsu u lanqas fid-dawl tal-oriġini jew l-għanijiet tiegħu kif stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

31.      L-interpretazzjoni li jiena nipproponi li għandha tingħata, hija fil‑fehma tiegħi, sostnuta minn studju tal-oriġini tar-Regolament Nru 6/2002, u b’mod iktar partikolari minn dik tal-Artikolu 8(1) tiegħu.

32.      CeramTec issostni li ma hemmx lok li jiġi applikat il-kriterju tal‑għamliet multipli, għar-raġuni li l-proposta li dan tal-aħħar jiġi introdott fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma kinitx aċċettata. Il-Gvern Grieg ibbaża wkoll serje ta’ argumenti fuq ix-xogħol preparatorju ta’ dan ir‑regolament.

33.      F’dan ir-rigward, nirrileva li fil-Green Paper dwar il-protezzjoni ta’ disinni tagħha, datata 1991, il-Kummissjoni tispjega l-fatt li l‑protezzjoni hija eskluża b’karatteristiċi ddettati esklużivament mill‑funzjoni teknika tal-prodott inkwistjoni, regola eżistenti minn qabel fil-parti l-kbira tal-Istati Membri (30), permezz ta’ rimarki li l-kontenut tagħhom jilgħab bejn it-teorija tal-għamliet multipli u t-teorija tal‑kawżalità, li fil-fehma tiegħi huma marbuta rispettivament, mal‑eżistenza ta’ disinni alternattivi fir-rigward tal-għamla finali tal‑imsemmi prodott u mal-assenza ta’ kontribuzzjoni kreattiva tad‑disinjatur waqt l-iżvilupp ta’ din tal-aħħar (31).

34.      Fl-abbozz oriġinali tal-Kummissjoni, datat 1993, li wassal għall‑adozzjoni tar-Regolament Nru 6/2002, l-Artikolu 9(1) (li sar l‑Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament), kien intitolat “Disinni tekniċi mhux arbitrarji […]” u kien ifformulat kif ġej: “Il-protezzjoni ta’ disinn Komunitarju ma tistax tingħata lil disinn fejn il-funzjoni teknika ma tħalli ebda libertà għal dak li jirrigwarda karatteristiċi arbitrarji tad-dehra tal-prodott” (32).

35.      L-espożizzjoni tal-motivi ta’ dan l-abbozz tar-Regolament (33) kif ukoll il-kummentarju tal-Artikolu 9(1) (34) tiegħu, jispjegaw qabel xejn li l-aspett estetiku tal-prodott ma huwiex determinanti fih innifsu, għaliex kemm id-disinni intiżi għal ċerta estetika kif ukoll dawk li jissodisfaw ċerta utilità huma protetti bl-istess mod. Fuq kollox, dawn l-estratti jenfasizzaw li l-protezzjoni bħala disinni Komunitarji hija rrifjutata fil‑każijiet fejn “l-għamla tirrifletti l-funzjoni mingħajr possibbiltà ta’ varjazzjoni”, għaliex id-disinjatur ma għandux għalhekk “ebda libertà” waqt il-kreazzjoni tal-prodott u “ma jistax [għalhekk] jargumenta li r‑riżultat huwa l-frott tal-kreattività personali tiegħu” u li dan id-disinn għandu “karattru individwali” (35).

36.      Barra minn hekk, mill-abbozz ta’ emenda datat 1999 (36) jirriżulta li l-formulazzjoni attwali tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002 kienet allinjata għal dik tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 98/71/KE dwar il‑protezzjoni legali ta’ disinji (37), li huwa intiż għall-armonizzazzjoni tal‑leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri applikabbli fil-qasam (38). Imbagħad ix-xogħol preparatorju tad-Direttiva 98/71 jikkonferma li l-assenza ta’ volontà libera tad-disinjatur waqt l-iżvilupp tal-prodott u l-fatt li l-għamla magħżula hija ddettata biss mill-funzjoni teknika dejjem kienu kkunsidrati, sa mill-bidu, bħala l-fatturi determinanti tar-rifjut tal‑protezzjoni, kemm fl-abbozz inizjali ta’ din id-direttiva datat 1993 (39), kif ukoll fl-abbozz ta’ emenda datat 1996 (40).

37.      Jidhirli li ebda kriterju ekwivalenti għal dak tar-rekwiżit ta’ disinni alternattivi, jew tal-għamliet multipli, ma huwa rikjest fl-abbozzi tat-testi fuq imsemmija, iżda li huwa pjuttost il-kriterju tal-kawżalità li kien ipprivileġġjat. Fil-fatt, imkien ma huwa meħtieġ li l-karatteristika inkwistjoni hija l-unika mezz li permezz tagħha tista’ tinkiseb il-funzjoni teknika mfittxija. Kif prevista fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002 l-esklużjoni hija essenzjalment immotivata mill-assenza ta’ azzjoni tad-disinjatur fuq id-dehra tal-prodott li jkollha natura kreattiva, peress li huwa valur miżjud riżultat ta’ sforz intellettwali indipendenti mill-imsemmija funzjoni li jiġġustifika protezzjoni bħala disinni. Jidher li reċentement l-EUIPO wkoll qed jimbotta, fil-prattika deċiżjonali tiegħu, il-punt dwar jekk id-disinjatur kellux marġni ta’ libertà waqt l‑iżvilupp tal-prodott inkwistjoni (41).

38.      Fir-rigward tal-għanijiet li jridu jintlaħqu mill-imsemmi regolament, u b’mod partikolari mill-Artikolu 8(1) tiegħu, ma huwiex ikkontestat mill-partijiet, u fl-aħħar mill-aħħar fil-fehma tiegħi ma jistax jiġi kkontestat, li din id-dispożizzjoni hija intiża prinċipalment sabiex tipprekludi li l-karatteristiċi ta’ oriġini esklużivament teknika ta’ prodott jkunu jistgħu jiġu “immonopolizzati” (42) permezz ta’ protezzjoni ta’ dawn tal-aħħar bħala disinn Komunitarju (43) u sabiex tevita li “l-innovazzjoni teknoloġika [tkun] mfixkla” (44) minħabba l-fatt li din il-protezzjoni tnaqqas id-disponibbiltà ta’ soluzzjonijiet tekniċi għall-operaturi ekonomiċi l-oħra (45). It-tfittxija ta’ bilanċ bejn il-protezzjoni tal‑innovazzjoni u tal-kreattività minn naħa u s-salvagwardja ta’ kompetizzjoni xierqa u ta’ benefiċċju għall-impriżi Komunitarji kollha min-naħa l-oħra, kienet effettivament waħda mill-preokkupazzjonijiet tal-leġiżlatur (46).

39.      Barra minn hekk, mix-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li l-Artikolu 8(1) tiegħu għandu l-għan li jissepara l-leġiżlazzjonijiet dwar il-privattivi u dawk dwar id‑disinni (47). Fil-fatt, il-protezzjoni eventwali tal-innovazzjonijiet tekniċi għandha taqa’ taħt dawn l-ewwel leġiżlazzjonijiet (48), wara li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-użu bħala privattivi. Kif enfasizzat CeramTec, f’ċerti każijiet jista’ jkun iktar diffiċli li tinkiseb privattiva, għaliex dan it-titolu ta’ proprjetà jeħtieġ li tintwera l-eżistenza ta’ invenzjoni li tissodisfa rekwiżiti stretti (49), u inqas interessanti, għaliex it-tul tal-protezzjoni offruta jista’ jkun inqas minn dik żgurata mid-disinni (50). Għalhekk għandu jiġi evitat ir-riskju li d-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam tal‑privattivi jistgħu jiġu evitati, billi jkun ipprojbit li soluzzjonijiet ta’ natura teknika jistgħu jiġu protetti bħala disinni.

40.      Madankollu, il-fatt li jintgħażel kriterju li bħal dak tal-għamliet multipli jillimita b’mod qawwi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-esklużjoni prevista fl-imsemmi Artikolu 8(1) (51), jista’ fil-fehma tiegħi jċaħħad lil din id-dispożizzjoni mill-effett sħiħ tagħha u għalhekk jipprekludi t-twettiq tal-għanijiet fuq imsemmija, billi jawtorizza l-approprjazzjoni ta’ għamliet purament tekniċi iżda li għalihom jeżistu varjanti (52).

41.      Fil-fatt, bħal CeramTec u l-Gvern tar-Renju Unit, jiena nikkunsidra li huwa kważi dejjem possibbli li tinbidel id-dehra tal-karatteristiċi ta’ prodott b’mod minimu, iżda suffiċjenti (53), mingħajr ma jippreġudika l-funzjoni teknika mfittxija. Għalhekk jista’ jkun li ħafna mill-għamliet possibbli ta’ soluzzjoni teknika, jew anki l-għamliet kollha, jiġu mmonopolizzati permezz tal-protezzjoni ta’ disinni, li jippreġudika l-innovazzjoni teknoloġika li r-Regolament Nru 6/2002 huwa intiż li jiffavorixxi. Jekk jintlaqa’ l-kriterju sostnut minn DOCERAM, operatur ekonomiku wieħed biss ikollu l-possibbiltà li jikseb diversi reġistrazzjonijiet, bħala disinni Komunitarji, ta’ għamliet differenti ta’ prodott u jibbenefika għalhekk minn protezzjoni esklużiva ekwivalenti fil-prattika għal dik offruta minn privattiva, iżda mingħajr ma jkun suġġett għal restrizzjonijiet marbuta magħha, li għalhekk jistgħu jiġu evitati.

42.      F’dan ir-rigward, CeramTec targumenta li fil-kuntest tal-kawża prinċipali, billi kisbet protezzjoni ta’ 17-il varjant ta’ għamla ta’ punt ċentrali bi tliet mudelli ta’ bażi differenti, DOCERAM ma ħalliet lill‑operaturi tas-suq ebda possibbiltà li jużaw għamliet alternattivi ta’ dawn il-prodotti, għaliex ma jeżistux għamliet teknikament rilevanti fil‑qasam tal-welding li jistgħu jagħtu impressjoni globali differenti tal‑prodott, skont l-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament.

43.      Fl-aħħar nett, nenfasizza li l-interpretazzjoni mogħtija hawn hekk għandha l-vantaġġ li tkun koerenti mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja fil-qasam tat-trade marks (54). Għall-kuntrarju ta’ dak li CeramTec donnha ssostni, din il-ġurisprudenza ma hijiex fil-fehma tiegħi, trasponibbli bħal dik f’din il-kawża, fid-dawl tad-differenzi li jeżistu bejn is-sistema tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ trade marks u dik dwar il-protezzjoni ta’ disinni (55). Madankollu, ikkunsidrat il-fatt li dispożizzjonijiet simili għal dawk tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002 huma inklużi fl-ewwel minn dawn is‑sistemi (56), anki jekk il-formulazzjoni tagħhom ma hijiex għal kollox identika (57), u fid-dawl tar-relazzjonijiet eżistenti bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ dispożizzjonijiet (58), fil-fehma tiegħi huwa possibbli u anki opportun li d-deċiżjoni tingħata fid-dawl tal-imsemmija ġurisprudenza, u possibbilment li l-argumenti f’dan il-każ isiru b’analoġija.

44.      F’dan ir-rigward, infakkar li, fir-rigward tal-protezzjoni mogħtija mit-trade marks, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet fuq imsemmija tad-dritt tal-Unjoni, li essenzjalment jikkorrispondu għall‑Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002, għandhom l-għan li jevitaw li din il-protezzjoni twassal sabiex tagħti lid-detentur tagħha monopolju fuq soluzzjonijiet tekniċi jew ta’ karatteristiċi utilitarji ta’ prodott, li jistgħu jkunu mfittxija mill-utent fil-prodotti tal-kompetituri (59). Kif esponejt iktar ’il fuq (60), jidhirli li din hija wkoll ir-raġuni li għaliha l‑protezzjoni mid-dritt tad-disinni Komunitarji hija eskluża fiċ-ċirkustanzi previsti fl-imsemmi Artikolu 8(1).

45.      Barra minn hekk, minn diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam tat-trade marks, jirriżulta li “r-reġistrazzjoni ta’ sinjal ikkostitwit mill-forma ta’ prodott għandha tiġi rrifjutata skont [id‑dispożizzjonijiet interpretati] jekk jintwera li l-karatteristiċi funzjonali essenzjali ta’ din il-forma huma unikament attribwibbli għar‑riżultat tekniku”. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li “t-turija tal‑eżistenza ta’ forom oħra li jippermettu l-kisba tal-istess riżultat tekniku ma hijiex tan-natura li tostakola l-motiv tar-rifjut […] tar‑reġistrazzjoni”, anki bħala trade mark, tal-“forma tal-prodott neċessarja għall-kisba ta’ riżultat tekniku”, kif stabbilit mill-imsemmija dispożizzjonijiet. Hija bbażat dan ir-rifjut, fl-opinjoni tiegħi impliċitu iżda ċar, tat-teorija tal-għamliet multipli, fuq il-konstatazzjoni li r-rifjut ta’ reġistrazzjoni ma huwiex suġġett għall-kundizzjoni li l-għamla inkwistjoni tkun l-unika waħda li tippermetti l-kisba tar-riżultat tekniku previst u fuq l-osservazzjoni li numru sinjifikattiv ta’ għamliet alternattivi jirriskjaw li ma jkunux jistgħu jintużaw mill-kompetituri tad-detentur tat-trade mark jekk tali kriterju jkun ikkunsidrat deċiżiv (61).

46.      Jiena nqis li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma rilevanti wkoll f’din il-kawża, peress li ma jistax jiġi aċċettat, anki f’dan il-qasam, li d-disinni Komunitarji jitilfu l-iskop tagħhom sabiex joffru protezzjoni lill‑karatteristiċi purament tekniċi ta’ prodott (62).

47.      Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi hemm lok li tingħata risposta affermattiva lill-ewwel domanda preliminari u għalhekk l-argument li jipproponi li jinżamm il-kriterju msejjaħ tal-“għamliet multipli” għandu jiġi miċħud. B’mod iktar preċiż, jien tal-opinjoni li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott humiex esklużivament iddettati mill‑funzjoni tiegħu, ma għandnix nibbażaw sempliċement fuq l‑ineżistenza ta’ għamliet alternattivi li jistgħu jissodisfaw din l-istess funzjoni, iżda għandu jiġi stabbilit li t-tfittxija ta’ funzjoni teknika partikolari huwa l-uniku fattur li ddetta l-għażla tad-disinn ikkonċernat u li, għalhekk, ma kien hemm ebda rwol kreattiv mid-disinjatur tiegħu, f’dan ir-rigward.

48.      B’korrelazzjoni mal-interpretazzjoni hekk proposta, il-qorti tar‑rinviju tagħmel domandi oħra dwar l-implementazzjoni konkreta tar-regola fl-imsemmi Artikolu 8(1), li huma s-suġġett tat‑tieni domanda preliminari.

B.      Fuq l-elementi ta’ evalwazzjoni rilevanti għall-finijiet tal‑applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002 (it‑tieni domanda)

49.      It-tieni domanda preliminari saret b’mod sussidjarju, fil-każ fejn, kif fhimtha jien, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda fis-sens li l-metodu rilevanti, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal‑esklużjoni prevista fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002, huwa li jiġi vverifikat jekk il-karatteristiċi tad-dehra tal-prodott inkwistjoni humiex attribwibbli biss għall-funzjoni teknika mfittxija, u mhux li tiġi kkonstatata l-ineżistenza ta’ disinni alternattivi li jistgħu jissodisfaw ukoll din il-funzjoni.

50.      Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel nett, minn liema perspettiva għandha ssir l-evalwazzjoni dwar jekk id‑diversi karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott intużawx esklużivament għal raġunijiet ta’ funzjonalità teknika, u t-tieni nett, fil-każ li din għandha ssir mill-perspettiva ta’ “osservatur oġġettiv”, kif għandu jkun iddefinit dan l-aħħar kunċett.

51.      L-imsemmija qorti tesponi li fis-sentenza kkontestata quddiemha, il-Landgericht Düsseldorf (qorti reġjonali ta’ Düsseldorf) ikkunsidrat li hemm lok li tipproċedi oġġettivament għall-imsemmija evalwazzjoni u li l-volontà personali tad-disinjatur tad-disinn ikkonċernat ftit hija importanti, ħlief possibbilment bħala indizju sabiex jiġi ddeterminat jekk osservatur oġġettiv jasalx, wara eżami raġonevoli, għall-konklużjoni li l‑għażla tad-disinn kienet iddeterminata minn raġunijiet ta’ funzjonalità teknika biss (63). Madankollu, skont l-opponenti ta’ dan l-approċċ, huwa diffiċli li tiġi evalwata, każ b’każ, il-perspettiva ta’ tali “osservatur oġġettiv”, jiġifieri ta’ persuna oħra u li l-eżistenza tagħha hija biss teoretika.

52.      Fir-rigward tan-natura oġġettiva jew suġġettiva tal-analiżi li trid titwettaq għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002, il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-partijiet ikkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jaqblu li l‑intenzjoni suġġettiva tad-disinjatur, meta huwa kkonkluda d-disinn inkwistjoni, ma tistax tikkostitwixxi l-fattur prinċipali sabiex jiġi ddeterminat jekk dan id-disinn sarx minħabba kunsiderazzjonijiet purament tekniċi. Jiena tal-istess opinjoni.

53.      Fil-fatt, approċċ oġġettiv tal-analiżi inkwistjoni jiffavorixxi applikazzjoni uniformi ta’ din id-dispożizzjoni, fl-Istati Membri kollha kif ukoll fi ħdan il-qrati kollha ta’ dawn tal-aħħar, u tiżgura barra minn hekk prevedibbiltà, li ssaħħaħ iċ-ċertezza legali tal-operaturi ekonomiċi. Kif innotaw essenzjalment DOCERAM u CeramTec, fil-każ fejn l-intenzjoni preżunta tad-disinjatur tikkostitwixxi l-uniku kriterju rilevanti, id‑dikjarazzjonijiet magħmula minnu waħedhom ikunu deċiżivi sabiex jiġi deċiż jekk id-disinn ikkonċernat jistax ikun protett jew le u f’każ ta’ kawża, il-persuna kkonċernata jista’ jkollha t-tentazzjoni tiddikjara li hija għażlet dan id-disinn minħabba kunsiderazzjonijiet estetiċi, sabiex l‑esklużjoni prevista fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002 ma tkunx applikata kontra l-kreazzjoni tagħha. Fil-fehma tiegħi, huwa essenzjali li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jiddeċiedu abbażi ta’ elementi ta’ evalwazzjoni mhux suġġettivi, iżda newtrali u neqsin minn riskju ta’ parzjalità.

54.      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-metodu segwit sabiex issir evalwazzjoni oġġettiva dwar jekk id-dehra ta’ prodott hijiex iddettata biss mill-funzjoni teknika tiegħu fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002, il-pożizzjonijiet meħuda quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jaqblux.

55.      Fil-fehma tiegħi, l-ewwel problema mqajma mid-domanda kif magħmula mill-qorti tar-rinviju, li tqajjem il-kunsiderazzjoni possibbli tal-“perspettiva ta’ ‘osservatur oġġettiv’”, hija dik dwar jekk għandux isir raġunament fir-rigward ta’ persuna fittizja li l-evalwazzjoni tagħha għandha sservi bħala eżempju tipiku.

56.      F’dan ir-rigward, CeramTec tirrileva, qabel xejn li l-espressjoni “osservatur oġġettiv”, li tinsab kemm fis-sentenza kkontestata quddiem il-qorti tar-rinviju kif ukoll fit-tieni domanda preliminari, hija ispirata minn formulazzjonijiet simili adottati, b’xi varjazzjonijiet, fil-prattika deċiżjonali tal-EUIPO (64) u fid-duttrina (65).

57.      Imbagħad, CeramTec issotni li għall-finijiet tal-verifika dwar jekk l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002 huwiex applikabbli, din għandha tkun ibbażata, b’analoġija, fuq il-kunċett ta’ “utent informat” użat fl-Artikolu 6(1) u fl-Artikolu 10(1) kif ukoll fil-premessa 14 ta’ dan ir-regolament (66), kunċett kif iddefinit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali (67). Skont din il-parti, ladarba l-verifika għandha titwettaq, bħal f’dan il-każ, fis-sitwazzjoni partikolari fejn l‑utenti kollha tal-prodotti kkonċernati jkunu professjonisti, l-“utent informat” jikkorrispondi għalhekk fil-prattika għall-“bniedem tax‑xogħol”, li huwa espert tekniku, kunċett użat għall-evalwazzjoni tal‑karattru inventiv tal-privattiva.

58.      Inqis li ma huwiex xieraq li tiġi segwita din il-proposta. Nippreċiża li għall-kuntrarju ta’ dak li tallega CeramTec, il-kriterju rilevanti għall‑evalwazzjoni tal-eżistenza tal-elementi fattwali, fil-kuntest tar‑Regolament Nru 6/2002, ma huwiex dejjem l-“utent informat”. B’mod partikolari, diġà ġie deċiż li dan tal-aħħar ma jinsabx neċessarjament f’pożizzjoni li jiddistingwi, lil hinn mill-esperjenza miksuba permezz tal-użu tal-prodott ikkonċernat, l-aspetti tad-dehra tal‑prodott li huma ddettati mill-funzjoni teknika tiegħu minn dawk li huma arbitrarji (68). L-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002 tippreżumi effettivament, li ssir evalwazzjoni ta’ natura teknika, li teħtieġ kompetenzi partikolari, li utent anki jekk “informat” mhux dejjem ikollu. Għalhekk, il-perspettiva tal-“utent informat” ma tistax, fil-fehma tiegħi, tikkostitwixxi l-kriterju tal-evalwazzjoni oġġettiva meħtieġa f’dan ir-rigward.

59.      Bħall-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni, jiena nikkunsidra li kieku l-awturi tar-Regolament Nru 6/2002 riedu jadottaw strument legali bħal dak tal-“osservatur oġġettiv”, kif tagħti x’tifhem it-tieni domanda preliminari, huma kienu jsemmuh fl-Artikolu 8(1) tiegħu, kif għamlu espressament, fir-rigward tal-“utent informat” fil-paragrafi 1 tal‑Artikoli 6 u 10 (69). Barra minn hekk, ninnota li l-imsemmi Artikolu 8 lanqas ma jagħmel riferiment għall-perċezzjoni ta’ kategoriji oħra ta’ persuni fittizji, bħax-“xerrej medju potenzjali”, kriterju li DOCERAM tissuġġerixxi qabel ma skartatu (70), jew il-“konsumatur medju” fattur ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni tinnota li kien ikkunsidrat bħala mhux deċiżiv fih innifsu għall-evalwazzjoni tan-natura purament teknika ta’ għamla fil-qasam tat-trade marks (71).

60.      Il-Gvern tar-Renju Unit jenfasizza, fl-opinjoni tiegħi ġustament, li l-paragrafi 2 tal-Artikoli 6 u 10 tar-Regolament Nru 6/2002 ma jirreferux għall-kunċett teoretiku ta’ “utent informat” għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-“grad tal-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn” (72), u għandu jiġi adottat l-istess approċċ – mhux fittizju – fil-kuntest tal-Artikolu 8(1) tiegħu, peress li l-qorti adita mill-kawża hija responsabbli wkoll li twettaq evalwazzjoni oġġettiva ta’ dak li jaqa’ taħt il-funzjoni teknika tal-prodott, element li ma jistax jiġi protett, u fejn tidħol il-liberta tad-disinjatur, li x‑xogħol kreattiv tiegħu jista’ jkun l-oġġett ta’ protezzjoni (73). Tali evalwazzjoni każwali diġà saret, u jidher li dan sar mingħajr diffikultajiet kbar, mill-qrati nazzjonali (74) u mill-membri tal-UASI li sar l-EUIPO (75).

61.      Fl-aħħar mill-aħħar, jekk jintlaqa’ l-kriterju ta’ “osservatur oġġettiv”, dan iqajjem serje sħiħa ta’ diffikultajiet addizzjonali sabiex tiġi ddefinita din il-kategorija magħmula mill-partijiet kollha kif ukoll il-mod li bih għandu jintuża, u dan għal dak li jirrigwarda biss it-tip u l-livell ta’ konoxxenza li tali persuna għandu jkollha.

62.      It-tieni problema suġġetta lill-Qorti tal-Ġustizzja hija dik li tikkonsisti fl-identifikazzjoni tal-elementi li għandhom ikunu l-oġġett tależami li jrid isir, fl-opinjoni tiegħi b’mod kemm oġġettiv kif ukoll każwali, mill-qorti adita minn kontestazzjoni abbażi tal-Artikolu 8(1) tar‑Regolament Nru 6/2002.

63.      Jiena naqbel mal-opinjoni l-iktar espressa fl-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li tipprovdi li hija l-qorti nazzjonali adita mill-kawża li għandha tevalwa oġġettivament u fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkreti kollha ta’ kull każ inkwistjoni jekk il‑karatteristiċi differenti tad-dehra ta’ prodott jissodisfawx biss kunsiderazzjonijiet marbuta mal-funzjonalità.

64.      F’dan ir-rigward, skont il-Kummissjoni, l-imsemmija qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni kriterji ta’ evalwazzjoni aċċettati mill‑Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tat-trade marks li jippermettu li jiġi preżunt valur mhux purament tekniku tal-għamla, bħall-“perċezzjoni […] tal-konsumatur medju [(76)], in-natura tal-kategorija kkonċernata tal‑prodotti, il-valur artistiku tal-forma inkwistjoni, il-partikolarità ta’ din il-forma meta mqabbla ma’ forom oħra ġeneralment ippreżentati fis-suq ikkonċernat, id-differenza notevoli tal-prezz meta mqabbel ma’ prodotti simili jew l-implementazzjoni ta’ strateġija promozzjonali li tenfasizza l‑karatteristiċi estetiċi tal-prodott inkwistjoni” (77). Il-Kummissjoni tqis li l-qorti adita għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-eżistenza ta’ għamliet alternattivi li jissodisfaw ukoll il-funzjoni teknika kkonċernata, għaliex din l-eżistenza tindika bħala prinċipju li d-disinjatur kellu libertà fl-iżvilupp tal-karatteristiċi tad-dehra tal-prodott u li dawn ma kinux iddettati biss minn raġunijiet funzjonali.

65.      Fl-istess spirtu, DOCERAM tagħti wkoll lista mhux limitata ta’ kriterji li jistgħu jkunu rilevanti, jiġifieri, “iċ-ċirkustanzi marbuta mal‑proċess ta’ perċezzjoni, mar-reklamar, mal-użu, eċċ.”. Min-naħa tagħha, CeramTec issostni li l-perspettiva tal-“utent informat” li hija tipproponi – fl-opinjoni tiegħi b’mod żbaljat (78) – li għandha tinżamm bħala kriterju ta’ evalwazzjoni oġġettiv, għandha tkun iddeterminata “bit‑teħid inkunsiderazzjoni b’mod dettaljat taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni” (79), u b’mod partikolari “tal-għan partikolari tal-produttur fil-mument tad-disinjar, ta’ reklamar magħmul tal-prodott li juri d-disinn, ta’ distinzjoni partikolari jew ta’ reputazzjoni partikolari tad-disinn mal-pubbliku rilevanti, kif ukoll il-volontà tad-disinjatur fil‑mument tal-ħolqien tal-prodott” (80).

66.      F’dan ir-rigward, nippreċiża li l-evalwazzjoni inkwistjoni għandha ssir mill-qorti adita mill-kawża, fl-opinjoni tiegħi, mhux biss fid-dawl tad-disinn ikkonċernat innifsu, iżda wkoll fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha madwar l-għażla tal-karatteristiċi tad-dehra tiegħu, ikkunsidrati l‑provi pprovduti mill-partijiet, ikun x’ikun l-għan jew in-natura ta’ dawn l‑provi (81), kif ukoll b’kunsiderazzjoni tal-miżuri ta’ struzzjoni possibbli ordnati minn din il-qorti.

67.      Fl-opinjoni tiegħi ma jistax ikun eskluż, li kriterji li jiena nqis li waħedhom ma jistgħux jistabbilixxu li l-karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott huma ddettati biss mill-funzjoni teknika tiegħu fis-sens tal‑Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002, bħall-intenzjoni suġġettiva tad-disinjatur jew l-eżistenza ta’ għamliet alternattivi (82), jistgħu madankollu jkun inklużi fi ħdan il-lista ta’ indizji konkreti li l-qrati aditi għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jaslu għall-opinjoni tagħhom fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

68.      Fl-opinjoni tiegħi, ma hemmx lok li tiġi stabbilita lista, anki mhux eżawrjenti, tal-kriterji rilevanti f’dan ir-rigward, peress li l-leġiżlatur tal‑Unjoni ma pprevedix li jirrikorri għal din il-proċedura u jidhirli li l‑Qorti tal-Ġustizzja ma qisitx li hija utli fir-rigward tal-evalwazzjoni, anki tal-ordinament fattwali, li għandha ssir fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikoli 4 sa 6 ta’ dan ir-regolament.

69.      Min-naħa l-oħra, bħall-Gvern Grieg, jidhirli li huwa utli li jkun hemm insistenza li l-qorti adita tista’, f’każ ta’ bżonn, tagħmel l‑evalwazzjoni meħtieġa billi tirrikorri għall-għajnuna ta’ espert indipendenti nnominat minnha. F’dan ir-rigward, nosserva li l-qrati nazzjonali mhux bilfors ikollhom il-kwalifiki, kultant tekniċi ħafna, li jkunu neċessarji għal dan il-għan u li huwa komuni li jordnaw l-esperti meta jkollhom quddiemhom kwistjonijiet kumplessi ta’ din in-natura.

70.      Għalhekk, jiena nqis li r-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li għall-evalwazzjoni dwar jekk il-karatteristiċi differenti tad-dehra ta’ prodott jissodisfawx biss kunsiderazzjonijiet ta’ funzjonalità teknika, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002, il-qorti nazzjonali għandha tipproċedi b’evalwazzjoni oġġettiva, mhux billi tqiegħed lilha nnifisha fil‑perspettiva – teoretika – ta’ “osservatur oġġettiv”, iżda billi tieħu inkunsiderazzjoni – b’mod konkret – iċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal‑każ inkwistjoni.

V.      Konklużjoni

71.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) kif ġej:

(1)      L-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat‑12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-protezzjoni offruta mill-imsemmi regolament hija eskluża meta l-karatteristiċi tad-dehra tal-prodotti inkwistjoni jkunu ġew adottati biss bil-għan li jippermettulu jissodisfa funzjoni teknika partikolari, u għalhekk mingħajr ebda kontribuzzjoni kreattiva tad-disinjatur tiegħu, u l-fatt li jeżistu possibbilment għamliet oħra li jippermettu l-kisba tal-istess riżultat tekniku ma huwiex determinanti f’dan ir-rigward.

(2)      Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott kinux ġew adottati minħabba kunsiderazzjonijiet marbuta biss mal‑funzjoni teknika ta’ prodott, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 8(1), il-qorti adita għandha tiddeċiedi b’mod oġġettiv, billi twettaq eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha li jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142. Sussegwentement dan ir-regolament kien emendat, iżda d-dispożizzjonijiet rilevanti f’din il-kawża ma kinux affettwati minnhom.


3      Il-premessa 19 ta’ dan ir-regolament tistabbilixxi wkoll li “[d]isinn Komunitarju ma għandux jiġi megħjun jitwettaq għajr jekk id-disinn ikun ġdid u għajr jekk jippossjedi wkoll karattru individwali f’paragun ma’ disinji oħra”.


4      Din l-aħħar espressjoni ntużat fl-imsemmija domanda preliminari, filwaqt li dik preċedenti tinsab fil-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju.


5      Fi kliem ieħor, skont CeramTec, dan huwa dwar jekk l-applikazzjoni tal‑Artikolu 8(1) jeħtieġx b’mod imperattiv “li jiġi eżaminat b’mod eżawrjenti fil‑kuntest tal-proċedura [prinċipali] jekk teżistix ebda alternattiva possibbli f’termini ta’ disinn, jew b’mod iktar preċiż, jekk id-dehriet kollha alternattivi possibbli jwasslux għal funzjonalità teknika differenti tal-inqas, jew jekk ir-raġuni għall-esklużjoni [prevista f’din id-dispożizzjoni] hijiex applikabbli wkoll meta d-dehra tkun iddettata biss min-neċessità li twassal għal soluzzjoni teknika preċiża u li konsegwentement il-kunsiderazzjonijiet ta’ natura estetika ma jkunux importanti” (enfasi miżjuda minni).


6      Ara, b’mod partikolari, is-sorsi indikati fin-noti ta’ qiegħ il-paġna relatati mal-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


7      Ara, b’mod partikolari, Ruhl, O., Gemeinschaftsgeschmacksmuster – Kommentar, Carl Heymanns Verlag, Köln, it-tieni edizzjoni, 2010, p. 222, punt 22. Jidher li dan l‑approċċ kien xprunat ukoll mill-Gvern Ġermaniż waqt it-traspożizzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni simili għall-Artikolu 8(1) (ara Koschtial, U., “Design law: individual character, visibility and functionality”, International Review of Intellectual Property and Competition Law, 2005, nru 3, p. 308).


8      Ara Kaesmacher, D., u Duez, L., “Le nouveau règlement (CE) n° 6/2002 sur les dessins ou modèles communautaires”, J.T.D.E., 2002, nru 92, p. 186, punt 15; Massa, C.‑H., u Strowel, A., “Community Design: Cinderella Revamped”, E.I.P.R., 2003, Vol. 25 (2), p. 72, kif ukoll De Visscher, F., “La protection des dessins et modèles”, Guide juridique de l’entreprise, Kluwer, Brussell, it-tieni edizzjoni, 2005, punt 370, fejn ġie indikat li l-kriterju ta’ għamliet multipli kien applikat fir-rigward tar-regola tad-dritt simili li kienet teżisti preċedentement fis-sistema Benelux [ara l-Artikolu 2(1)(a) tal-liġi uniformi tal-Benelux fil-qasam tad-disinni, emendat l-aħħar darba fl-20 ta’ Ġunju 2002].


9      Ara b’mod partikolari, Passa, J., Droit de la propriété industrielle – Tome 1: Marques et autres signes distinctifs, dessins et modèles, L.G.D.J., Pariġi, it-tieni edizzjoni, 2009, punti 708 sa 712, kif ukoll Binctin, N., Droit de la propriété intellectuelle – Droit d’auteur, brevet, droits voisins, marque, dessins et modèles, L.G.D.J., Pariġi, it-tieni edizzjoni, 2012, punt 296.


10      Ġew iċċitati żewġ deċiżjonijiet Ġermaniżi (kif ġej: “OLG Düsseldorf, GRUR‑RR 2012, 200 (205) – Tablet‑PC; LG Düsseldorf, Beck RS 2015, 05506”) u s-sentenza tal-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) [qorti tal-appell (Ingilterra u Wales) (sezzjoni ċivili), ir-Renju Unit], Landor & Hawa International Ltd vs Azure Designs Ltd [2006] EWCA Civ 1285, punti 30 et seq.. Ninnota li din it-teorija kienet ukoll aċċettata fi Spanja [ara, b’mod partikolari, id-deċiżjoni tal-Juzgado de lo Mercantil n° 2 de Alicante (qorti tal-kummerċ nru 2 ta’ Alicante, Spanja), tat-28 ta’ Novembru 2012, Jose Antonioy Hostel Drap SL vs Napkings SL, it-tieni bażi legali].


11      Il-qorti tar-rinviju tiċċita, fost oħrajn, id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal‑UASI, tat-3 ta’ April 2007, Nru ICD 3150, Lindner Recyclingtech vs Franssons Verkstäder, punt 20. Nippreċiża li din id-deċiżjoni kienet varjata fl-appell b’dik imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


12      Ara b’mod partikolari, Stone, D., “Le droit européen des dessins et modèles a 10 ans”, Magazine de l’OMPI, 2013, Nru 6, p. 18, kif ukoll Brancusi, L., “Article 8 CDR”, Community Design Regulation (EC) No 6/2002 – A Commentary, taħt id-direzzjoni ta’ Hasselblatt, G. N., Beck, C. H., München, 2015, p. 137 et seq., punti 34 sa 48.


13      Jiġifieri wara d-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-UASI, tat-22 ta’ Ottubru 2009, fil-Każ R 690/2007‑3, Lindner Recyclingtech vs Franssons Verkstäder, imsejħa “Chaff cutters”. Nenfasizza li din id-deċiżjoni kienet is-suġġett ta’ rikors u ta’ appell, fejn la l-Qorti Ġenerali u lanqas il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidew dwar l‑applikazzjoni fil-mertu tal-imsemmi Artikolu 8 [ara d-digrieti tal-10 ta’ Mejju 2010, Franssons Verkstäder vs UASI – Lindner Recyclingtech (Makkinarju li jaqta’ l-karfa), T‑98/10, mhux ippubblikata, EU:T:2010:180, kif ukoll tad-9 ta’ Settembru 2010, Franssons Verkstäder vs UASI u Lindner Recyclingtech, C‑290/10 P, mhux ippubblikata, EU:C:2010:511].


14      Ara d-deċiżjoni tal-UASI fil-Każ R 690/2007‑3, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 13), punti 28 et seq., b’mod partikolari 35 u 36. Ir-rifjut tal-kriterju ta’ “għamliet alternattivi” huwa espressament ikkonfermat fid-direttivi tal-EUIPO dwar l-eżami ta’ talbiet għal annullament ta’ disinni Komunitarji rreġistrati, verżjoni tal-1 ta’ Frar 2017, p. 30, punt 5.3.3, li jiċċita b’mod partikolari d-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-UASI, tas-27 ta’ Jannar 2016, fil-Każijiet magħquda R 1517/2014‑3 u R 2114/2014‑3, imsejħa “Hoses” (ara l-punt 65). Dan l-iżvilupp huwa segwit minn Barber Giner, T., “Estética y funcionalidad: alcance de la prohibición del diseño funcional en la legislación nacional y comunitaria”, Diario La Ley, Nru 8422, sena XXXV, 17 ta’ Novembru 2014, p. 768 sa 770, kif ukoll Brancusi, L., “Design determined by the product’s technical function: arguments for an autonomous test”, E.I.P.R., 2016, Vol. 38 (1), p. 25 et seq..


15      Ara b’mod partikolari, Greffe, F., u Greffe, P., Traité des dessins et des modèles – France, Union européenne, Suisse, continent américain, LexisNexis, Pariġi, id-disa’ edizzjoni, 2014, punti 155 sa 186, kif ukoll Raynard, J., Py, E., u Tréfigny, P., Droit de la propriété industrielle, LexisNexis, Pariġi, 2016, punti 534 sa 536.


16      Il-Gvern tar-Renju Unit indika li l-istat attwali tad-dritt pożittiv jikkorrispondi għad‑deċiżjoni tal-UASI fil-Każ R 690/2007‑3, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 13), billi semma s-sentenza tal-High Court of Justice (England & Wales) [qorti għolja tal-ġustizzja (Ingilterra u Wales), ir-Renju Unit] fis-sentenza Dyson Ltd vs Vax [2010] EWHC 1923 (Pat), punti 23 sa 31.


17      Il-Kummissjoni tqis li madankollu l-eżistenza ta’ disinni alternattivi għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, fost indizji oħra ta’ valur estetiku tal-għamla li għandhom jiġu evalwati mill-qorti adita. Ara wkoll il-punt 64 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.


18      Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2017, Pula Parking (C‑551/15, EU:C:2017:193, punt 42), kif ukoll tas-7 ta’ Settembru 2017, Schottelius (C‑247/16, EU:C:2017:638, punt 31).


19      Ara l-punti 38 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


20      Nippreċiża li l-indikazzjoni msemmija fl-aħħar tas-sentenza inkwistjoni fil-verżjoni fil-lingwa Franċiża tal-imsemmija premessa 10, lingwa oriġinali ta’ dawn il-konklużjonijiet, tikkostitwixxi sentenza differenti fil-verżjoni fil-lingwa Ġermaniża, imsemmija mill‑qorti tar-rinviju.


21      Ara d-deċiżjoni tal-UASI fil-Każ R 690/2007‑3, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 13), punt 34.


22      Id-“disinn” huwa ddefinit bħala “id-dehra ta’ prodott fl-intier tiegħu jew f’parti minnu li tirriżulta mill-karatteristiċi ta’, b’mod partikolari, il-linji, il-konfigurazzjoni, il-kuluri, l-għamla, in-nisġa u/jew il-materjali tal-prodott innifsu u/jew ta’ l-ornamenti tiegħu”.


23      Ara ċ-ċitazzjoni fil-punt 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


24      Skont din il-premessa 12, “[i]l-protezzjoni ma għandhiex tiġi mifruxa fuq dawk il-partijiet komponenti li ma jidhrux matul l-użu normali ta’ prodott, lanqas għal dawk il-karatteristiċi ta’ din il-parti li ma jidhrux meta l-parti tiġi mmuntata […]”.


25      Il-Gvern tar-Renju Unit uża wkoll it-terminu “mertu”, filwaqt li jiġi ppreċiżat li dan ma jinstabx fir-Regolament Nru 6/2002, sabiex iqajjem, bħal hawn hekk, il-punt dwar jekk id-disinn jirnexxilux effettivament jirrendi l-prodott attraenti bid-dehra tiegħu.


26      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2017, Easy Sanitary Solutions u EUIPO vs Group Nivelles (C‑361/15 P u C‑405/15 P, EU:C:2017:720, punti 62 et seq.).


27      Skont l-imsemmi paragrafu 1, “[l]-iskop tal-protezzjoni kkonferita b’disinn Komunitarju għandu jinkludi kull disinn li ma jħallix impressjoni ġenerali differenti fuq l-utent informat”.


28      B’mod konkret, il-funzjoni teknika tista’, pereżempju, jkollha l-għan li tiżgura iktar aderenza, konvenjenza, kumdità, effiċjenza jew sigurtà, minflok l-iżvilupp ta’ għamliet ornamentali, dekorattivi, estetiċi jew ta’ fantasija (ara Cohen, D., Le droit des dessins et modèles – Droit communautaire, droit international, droit français et autres droits étrangers, Economica, Pariġi, it-tieni edizzjoni, 2004, punt 65, kif ukoll Greffe, F., u Greffe, P., op. cit. nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 159).


29      Ara l-punt 19 in fine ta’ dawn il-konklużjonijiet.


30      Dwar uħud mis-sistemi nazzjonali preċedenti, ara b’mod partikolari, Mouncif‑Moungache, M., Les dessins et modèles en droit de l’Union européenne, Thèse, Bruylant, Brussell, 2012, p. 121 et seq..


31      Dokument tax-xogħol ippubblikat f’Ġunju 1991 (III/F/5131/91‑FR), p. 65, punt 5.4.6: “Jekk effett tekniku jista’ jintlaħaq biss b’għamla partikolari, id-disinn ma jistax ikun protett. Min-naħa l-oħra, jekk id-disinjaturgħandu għażla bejn diversi għamliet sabiex jilħaq l-effett tekniku mfittex, il-karatteristiċi inkwistjoni jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni. Meħuda f’dan is-sens, l-esklużjoni […] tikkorrispondi eżattament għad-diktonomija ta’ idea/espressjoni prevista mil-leġiżlatur dwar id-dritt tal-awtur. Fir-realtà, dan ifisser li, fl-assenza ta’ għażla waqt il-kreazzjoni ta’ prodott fid-dawl ta’ effett partikolari, ma tidħol ebda kreattività personali, u għalhekk ma hemm xejn x’jiġi protett” (enfasi miżjuda minni).


32      Ara l-abbozz tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-disinni Komunitarji, tat-3 ta’ Diċembru 1993 [COM(1993) 342 finali, p. 70]. L-użu tat‑terminu “arbitrarji” ġie kkontestat mill-Kumitat Ekominiku u Soċjali (ara l-avviż tat-22 ta’ Frar 1995, ĠU 1995, C 110, p. 14, punt 5.7).


33      Skont il-punt 8.2 tal-espożizzjoni tal-motivi [COM(1993) 342 finali, p. 9], “[i]d-disinni huma l-karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott li jistgħu jiġu pperċepiti mis-sensi. Ebda kriterju estetiku ma huwa meħud inkunsiderazzjoni. Id-disinni estetiċi u funzjonali huma protetti mingħajr distinzjoni. Madankollu, il-karatteristiċi ddettati minn funzjoni teknika ta’ prodott u li ma jħallu ebda libertà fil-kreazzjoni tal-elementi arbitrarji ma humiex protetti […]”.


34      Skont il-kummentarju ta’ din id-dispożizzjoni, “[i]r-Regolament ma jagħmilx distinzjoni bejn id-disinni estetiċi u dawk funzjonali; dawn jingħataw l-istess protezzjoni. F’każijiet estremi, l-għamla tirrifletti l-funzjoni mingħajr possibbiltà ta’ varjazzjoni. F’dan il-każ id-disinjatur ma jistax jargumenta li r-riżultat huwa l-frott tal-kreattività personali tiegħu. Id-disinn ma għandu għalhekk ebda karattru individwali u ma għandux dritt ta’ protezzjoni. […] Għalhekk id-dispożizzjoni teskludi biss il-protezzjoni meta ma hemm ebda libertà ta’ introduzzjoni ta’ elementi arbitrarji” [COM(1993) 342 finali, p. 18].


35      Bl-istess mod, il-premessa 9 tal-imsemmi abbozz ssemmi “id-disinni prodotti sabiex jissodisfaw għal rekwiżit funzjonali u ma jħallu ebda possibbiltà lid-disinjatur tagħhom li jinkludi karatteristiċi differenti jew arbitrarji” (p. 63) u l-kummentarju tal-Artikolu 27(1) tiegħu jsemmi l-“każ fejn il-karatteristiċi distinti tad-disinn ma jistgħux jibbenefikaw mill-protezzjoni għaliex huma ddettati b’mod sħiħ minn funzjoni teknika li ma tħalli ebda libertà ta’ żvilupp ta’ disinn arbitrarju” (p. 27).


36      Ara l-abozz ta’ emenda tar-Regolament tal-Kunsill (KE) dwar id-disinni Komunitarji, tal-21 ta’ Ġunju 1999 [COM(1999) 310 finali], osservazzjonijiet dwar l‑Artikolu 9.


37      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 21, p. 120).


38      Leġiżlazzjonijiet li l-effetti tagħhom huma limitati għat-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, għall-kuntarju tas-sisitema stabbilita mir-Regolament Nru 6/2002 (ara l‑premessi 1 sa 6 ta’ dan ir-regolament).


39      L-Artikolu 7(1) ta’ dan l-abbozz oriġinali tad-Direttiva, tat-3 ta’ Diċembru 1993, [COM(1993) 344 finali], kien ifformulat kif ġej: “Ir-reġistrazzjoni ta’ disinn ma tagħtix drittijiet safejn it-twettiq ta’ funzjoni teknika ma tħalli ebda libertà għal dak li jirrigwarda l-karatteristiċi arbitrarji tad-dehra tal-prodotti” u skont l-espożizzjoni tal-motivi, “il-kompetizzjoni tkun inkoraġġuta f’setturi fejn id-disinni ma jkollhomx dritt għal protezzjoni, pereżempju, għaliex in-neċessità li l-prodott jissodisfa funzjoni teknika ma tħallix libertà lid-disinjatur” (ara p. 14 u p. 23).


40      Ara fl-abbozz ta’ emenda tad-Direttiva tal-21 ta’ Frar 1996 [COM(1996) 66 finali], il‑kummentarju tal-Artikolu 7(1) li jindika li “[a]nki jekk il-kwistjoni dwar jekk disinn jinkludix dimensjoni estetika ma tteħditx inkunsiderazzjoni fid‑determinazzjoni dwar jekk jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-protezzjoni stabbiliti fl-abbozz, uħud iddeċidew li hija neċessarja ż-żieda ta’ dispożizzjoni li tipprovdi li l-protezzjoni ma għandhix tingħata fil-każijiet estremament rari fejn l-għamla hija ddettata mill-funzjoni. [Il-]Kummissjoni qieset li dikjarazzjoni iktar ċara kienet meħtieġa b’mod partikolari fir-rigward tal-emenda proposta għall-paragrafu 2” (p. 8). L-imsemmi Artikolu 7(1) għadu sallum isemmi “karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott li jkunu meħtieġa biss minħabba l-funzjoni teknika tiegħu”, formulazzjoni riprodotta fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002.


41      Ara Brancusi, L., “Article 8 CDR”, op. cit. nota ta’ qiegħ il-paġna 12, p. 140, punt 47, kif ukoll l-aħħar approċċ, ikklassifikat “iktar flessibbli”, invokat fir-rapport tal-istudju mwettaq fuq talba tal-Kummissjoni, datat it-3 ta’ Ġunju 2016, Legal review on industrial design protection in Europe, p. 89, 91 u 92.


42      Skont il-punti 8.2 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz inizjali [COM(1993) 342 finali, p. 9], “[…] il-karatteristiċi ddettati mill-funzjoni teknika tal-prodott […] ma humiex protetti sabiex ma jiġux immonopolizzati l-funzjonijiet teknikċi permezz tal‑protezzjoni ta’ disinn”.


43      Ninnota li għan simili kien previst fil-klawżola ta’ tiswija li tinsab fl‑Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002, li l-formulazzjoni oriġinali tagħha tinkludi riferiment għall-każijiet fejn “id-dehra tikkundizzjona d-disinn protett”, li madankollu tneħħiet matul ix-xogħol leġiżlattiv. F’dan ir-rigward, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Acacia u D’Amato (C‑397/16 u C‑435/16, EU:C:2017:730, punti 38 et seq.).


44      Ara l-bidu tal-ewwel sentenza tal-premessa 10 tar-Regolament Nru 6/2002.


45      Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni ġustament tenfasizza li l-esklużjoni mill-protezzjoni ta’ disinni tal-karatteristiċi tad-dehra li jservu biss għall‑implementazzjoni ta’ soluzzjoni teknika tiżgura l-kompetizzjoni ħielsa bejn il‑fornituri ta’ prodotti li jużaw tali soluzzjoni teknika.


46      Ara s-sezzjoni 9 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz inizjali [COM(1993) 342 finali, p. 10] kif ukoll il-premessa 7 tar-Regolament Nru 6/2002.


47      Il-koeżistenza tal-imsemmija leġiżlazzjonijiet hija kkonfermata fil-premessa 31 u fl‑Artikolu 96 tar-Regolament Nru 6/2002. Ara wkoll, green paper dwar il‑protezzjoni ta’ disinni op. cit. nota ta’ qiegħ il-paġna 31, p. 65, punt 5.4.6.1.


48      Skont il-punt 8.2 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz inizjali [COM(1993) 342 finali, p. 9], “[…] il-karatteristiċi ddettati minn funzjoni teknika ta’ prodott […] jistgħu eventwalment ikunu protetti mil-leġiżlazzjoni dwar il-privattivi jew id-disinni ta’ utilità meta l-kundizzjonijiet tal-kisba ta’ tali protezzjoni jkunu ssodisfatti”.


49      L-invenzjoni għandha, b’mod partikolari, tkun ġdida, li timplika attività ta’ invenzjoni u tkun suġġetta għal applikazzjoni industrijali skont l-Artikoli 52 sa 57 tal‑konvenzjoni tal-ħruġ ta’ privattivi Ewropej, iffirmata fi München fil-5 ta’ Ottubru 1973 (iktar ’il quddiem il-“konvenzjoni ta’ München”), li t-test tagħha huwa aċċessibbli fl-indirizz tal-internet segwenti: http://www.epo.org/law-practice/legal-texts/html/epc/2013/f/ma1.html.


50      Jiġifieri 20 sena bħala prinċipju għal privattiva Ewropea (ara l-Artikolu 63 tal-konvenzjoni ta’ München) u sa 25 sena għad-disinni Komunitarji li huma rreġistrati (ara l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 6/2002), kif inhu l-każ fil-kawża prinċipali.


51      Ara l-punt 19 in fine ta’ dawn il-konklużjonijiet.


52      Ara wkoll, id-deċiżjoni tal-UASI fil-Każ R 690/2007‑3, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 13), punti 28 u 30, kif ukoll Brancusi, L., “Article 8 CDR”, op. cit. nota ta’ qiegħ il-paġna 12, p. 136 u 137, punt 33.


53      Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 6/2002, li jipprovdi li disinn huwa kkunsidrat identiku għal disinn diġà eżistenti, u għalhekk ma huwiex protett, meta l‑karatteristiċi tagħhom huma differenti biss f’dettalji insinjifikattivi.


54      Ara n-noti ta’ qiegħ il-paġna 59 u 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


55      Dwar id-differenzi li jeżistu bejn il-protezzjoni offruta mit-trade marks u dik offruta mid-disinni, għal dak li jirrigwarda kemm in-natura tagħhom, il-portata tagħhom kif ukoll it-tul rispettiv tagħhom, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Philips (C‑299/99, EU:C:2001:52, punti 36 sa 38).


56      Ara t-tieni inċiż tal-Artikolu 3(1)(e), tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92), li sar l-Artikolu 3(1)(e)(ii) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25), kif ukoll l‑Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trademark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), li sar l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1).


57      Id-dispożizzjonijiet dwar id-dritt tat-trade marks fuq imsemmija (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 56) ma jkoprux il-“karatteristiċi […] esklużivament ddettati mill‑funzjoni teknika [tal-prodott]” iżda “l-għamla neċessarja [tiegħu] għall-kisba ta’ riżultat tekniku”. L-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer qies li din id-differenza ma hijiex arbitrarja u tinkludi li l-livell ta’ “funzjonalità” għandu jkun superjuri sabiex jippermetti li tiġi kkonstatata r-raġuni ta’ esklużjoni fil-qasam tad-disinni, b’dan l-element meħud inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward ma għandux ikun biss neċessarju, iżda indispensabbli sabiex jinkiseb riżultat tekniku preċiż, b’tali mod li l-funzjoni tiddetta l-għamla. Fil-fehma tiegħu, dan ifisser li mudell funzjonali jista’ madankollu jingħata protezzjoni jekk juri li l-istess funzjoni teknika tista’ tinkiseb b’għamla differenti (ara l-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Philips, C‑299/99, EU:C:2001:52, punt 34). Jiena ma naqbilx ma’ din l-opinjoni, peress li din ngħatat fil-kuntest ta’ obiter dictum (ara d-deċiżjoni tal-UASI fil-Każ R 690/2007‑3, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 28) u l-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx fir-rigward ta’ disinni fis-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2002, Philips (C‑299/99, EU:C:2002:377).


58      Ir-Regolament Nru 40/94 dwar it-trademark Komunitarja kien jikkostitwixxi “heritage” li l-awturi tar-Regolament Nru 6/2002 ħadu inkunsiderazzjoni bħala bażi ta’ formulazzjoni (ara Hiance, M., “Le projet de règlement communautaire sur les dessins et modèles: les enjeux”, Revue internationale de la propriété industrielle et artistique, 2000, Nru 201, p. 100).


59      Ara b’mod partikolari, fir-rigward tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2008/95, is‑sentenza tas-16 ta’ Settembru 2015, Société des Produits Nestlé (C‑215/14, EU:C:2015:604, punti 44, 45 u 55), kif ukoll fir-rigward tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar‑Regolament Nru 40/94, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Simba Toys vs EUIPO (C‑30/15 P, EU:C:2016:849, punti 39 u 53).


60      Ara l-punti 38 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


61      Ara fir-rigward tat-tieni inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 89/104, is‑sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2002, Philips (C‑299/99, EU:C:2002:377, punti 81 sa 84); fir-rigward tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2008/95, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2015, Société des Produits Nestlé (C‑215/14, EU:C:2015:604, punt 56), kif ukoll fir-rigward ta-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, is‑sentenza tal-14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI (C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punti 53 sa 58).


62      Favur analoġija mal-pożizzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tat‑trade marks ara b’mod partikolari, Greffe, F., u Greffe, P., op. cit. nota ta’ qiegħ il‑paġna 15, punti 182 u 183, kif ukoll Raynard, J., Py, E., u Tréfigny, P., op. cit. nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 536.


63      Il-qorti tar-rinviju tinnota li d-deċiżjoni tal-UASI fil-Każ R 690/2007‑3, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 13) adottat dan l-approċċ.


64      B’mod partikolari, il-punt 36 tad-deċiżjoni tal-UASI fil-Każ R 690/2007‑3, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 13), jagħmel riferiment għall-perspettiva ta’ “reasonable observer” (“observateur raisonnable” fil-lingwa Franċiża).


65      CeramTec tqajjem l-espressjonijiet “relevant observer” (“observateur pertinent” fil‑lingwa Franċiża) u “reasonable observer persona” (“observateur raisonnable”) li huma użati, rispettivament minn Brancusi, L., “Article 8 CDR”, op. cit. nota ta’ qiegħ il‑paġna 12, p. 139, punt 41, u fir-rapport ta’ studju mwettaq fuq talba tal-Kummissjoni, op. cit. nota ta’ qiegħ il-paġna 41, p. 90.


66      L-Artikoli 6 u 10 li jirrigwardaw, rispettivament, il-“karattru individwali” li għandu jkollu d-disinn ikkonċernat (bħall-premessa 14) u l-“iskop tal-protezzjoni” mogħtija mir-Regolament Nru 6/2002.


67      Il-kunċett ta’ “utent informat” huwa “kunċett intermedjarju bejn dak ta’ konsumatur medju, applikabbli fil-qasam tat-trade marks, fejn l‑ebda għarfien speċifiku ma huwa mitlub mill-konsumatur u li ġeneralment ma jagħmilx paragun dirett bejn it-trade marks kunfliġġenti, u dak ta’ bniedem tax-xogħol [applikabbli fil-qasam ta’ privattivi, li huwa] espert li għandu kompetenzi tekniċi kbar. [Dan] jista’ jinftiehem bħala li jindika utent li għandu […] viġilanza partikolari, kemm minħabba l-esperjenza personali tiegħu jew it-tagħrif estiż tiegħu tas-settur ikkunsidrat” (enfasi miżjuda minn) (ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ Ottubru 2011, PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic, C‑281/10 P, EU:C:2011:679, punti 53 u 59, kif ukoll tal-21 ta’ Settembru 2017, Easy Sanitary Solutions u EUIPO vs Group Nivelles (C‑361/15 P u C‑405/15 P, EU:C:2017:720, punti 124 u 125).


68      Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Ġunju 2010, Shenzhen Taiden vs UASI – Bosch Security Systems (Apparat għall-komunikazzjoni) (T‑153/08, EU:T:2010:248, punti 47 u 48); tal-21 ta’ Novembru 2013, El Hogar Perfecto del Siglo XXI vs UASI – Wenf International Advisers (Trabixu) (T‑337/12, EU:T:2013:601, punt 25); kif ukoll tat-12 ta’ Marzu 2014, Tubes Radiatori vs UASI – Antrax It (Radjaturi għat-tisħin) (T‑315/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:115, punt 61). Fil-fehma tiegħi, din l‑analiżi repetuta tal-Qorti Ġenerali hija fondata.


69      F’dan ir-rigward, ara b’mod partikolari, il-kummentarju tal-Artikolu 6(1) tal-abbozz oriġinali tar-Regolament [COM(1993) 342 finali, p. 15].


70      Skont DOCERAM, tali xerrej ikollu ħafna drabi tagħrif professjonali inqas importanti, fir-rigward tal-qasam tekniku li għalih jappartjeni l-prodott, pereżempju minn dak tad-disinjatur jew il-prodottur, li jista’ jkollu l-konsegwenza li l‑funzjonijiet tekniċi ta’ ċerti karatteristiċi tad-dehra jkunu kkunsidrati, b’mod żbaljat, bħala karatteristiċi estetiċi.


71      F’dan is-sens hija tiċċita l-punti 33 sa 35 tas-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2014, Hauck (C‑205/13, EU:C:2014:2233), li jirrigwardaw l-Artikolu 3(1)(e) tad‑Direttiva 89/104. Skont il-Kummissjoni, ladarba l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa paragunabbli għal dak segwit mill-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002, huwa loġiku li tapplika wkoll fil-kuntest ta’ dan tal-aħħar fost il-kriterji simili għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-perċezzjoni tad-dehra ta’ prodott lil hinn minn teknikalitajiet restrittivi. F’dan ir-rigward ara wkoll il-punti 43 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


72      Anki jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 rispettivament tal‑imsemmija Artikoli 6 u 10 huma kumplimentarji, kif tindika l-premessa 14 ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, fil-kuntest tal-evalwazzjoni konkreta tal-impressjoni globali tad-disinni inkwistjoni fuq l-utent informat, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-grad tal-libertà li kellu d-disinjatur waqt l-iżvilupp tad-disinn ikkontestat, peress li iktar mal-imsemmija libertà hija ristretta, iktar id-differenzi minimi li jidħlu bejn dawn id-disinni jistgħu jkunu biżżejjed sabiex jipproduċu impressjoni globali differenti fuq l-utent [ara b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Marzu 2010, Grupo Promer Mon Graphic vs UASI – PepsiCo (Rappreżentazzjoni ta’ oġġetti promozzjonali ċirkulari), T‑9/07, EU:T:2010:96, punti 72 et seq., kif ukoll tal-5 ta’ Lulju 2017, Gamet vs EUIPO – “Metal-Bud II” Robert Gubała (Pum ta’ bieb), T‑306/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:466, punti 43 et seq.].


73      Ninnota li fl-abbozz oriġinali tagħha tar-Regolament [COM(1993) 342 finali, p. 19], il‑Kummissjoni indikat li l-paragrafu 2 ta’ dak li sar l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 6/2002 kellu “l-għan li jagħti lill-qrati gwida fil-proċedimenti ta’ vjolazzjoni” (enfasi miżjuda minni). Hija żiedet li “[d]isinni estremament funzjonali li għalihom id-disinjatur għandu josserva parametric preċiżi jkollhom probabbilment iktar similaritajiet bejniethom mid-disinni li għalihom id-disinjatur kien totalment liberu. Huwa għalhekk li l-paragrafu 2 jistabbilixxi l-prinċipju li l-libertà tad-disinjatur għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġu evalwati s-similaritajiet bejn disinn u ieħor eżistenti preċedentement” (enfasi miżjuda minni).


74      Il-Gvern tar-Renju Unit jiċċita f’dan is-sens, is-sentenza tal-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) [qorti tal-appell (Ingilterra u Wales) (sezzjoni ċivili)], Dyson Ltd vs Vax [2011] EWCA Civ 1206, punt 36.


75      Bħala eżempju, ara l-analiżi magħmula mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI fid‑deċiżjoni tagħha tas-17 ta’ Marzu 2014, fil-Każ Nru ICD 8674, Extruplast vs PVG Energy BV, punt 17: “[i]d-disinjatur jaf li l-grad ta’ libertà fl-iżvilupp tad‑disinn tal-laned huwa limitat minn numru ta’ restrizzjonijiet marbuta mad‑destinazzjoni tagħhom, jiġifieri, fil-każ ineżami, sabiex jżomm, jittrasporta u jaħżen likwidi. […] F’dan il-każ, l-għażla ta’ salib f’forma ta’ skrun mdawwar ’il fuq, ix-xfar wiesgħa tiegħu, id-disinn tiegħu kemm fuq kif ukoll isfel, il-kanali ħoxnin għal ħażna tagħhom, il-provvista ta’ skartoċċi, l-għamla tagħhom u kobor jew finezza, il-kanali u n-numru tagħhom jagħtu lid-[disinn Komunitarju inkwistjoni] estetika partikolari iżda wkoll dehra iktar mfittxija u mhux iddettata biss mill-funzjoni teknika tagħhom”.


76      Anki jekk dan il-kriterju waħdu ma jkunx determinanti (ara l-punt 59 ta’ dawn il‑konklużjonijiet).


77      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għall-punti 34 u 35 tas-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2014, Hauck (C‑205/13, EU:C:2014:2233). Ara wkoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


78      Ara l-punti 57 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


79      F’dan is-sens, CeramTec tiċċita, fost oħrajn, Ruhl, O., Gemeinschaftsgeschmacksmuster – Kommentar, op. cit. nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 10.


80      Min-naħa tagħhom il-Gvern Grieg u dak tar-Renju Unit astjenew milli jagħmlu tali lista ta’ kriterji ta’ evalwazzjoni.


81      Jiġi ppreċiżat li l-oneru tal-prova li l-kundizzjonijiet inerenti għall-Artikolu 8(1) tar‑Regolament Nru 6/2002 huma ssodisfatti f’każ partikolari huwa loġikament fuq il-parti li trid tipprevalixxi ruħha mill-eċċezzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni.


82      Ebda wieħed minn dawk il-kriterji ma huwa deċiżiv waħdu għar-raġunijiet indikati, fil-punt 53 u fil-punti 23 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet, rispettivament.