Language of document : ECLI:EU:T:2006:390

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

13 ta’ Diċembru 2006(*)

“Politika Agrikola Komuni – Saħħa ta’ l-annimali – Enċefalopatija sponġiformi ta’ l-ifrat (‘mad cow disease’) – Varjanti ġdida tal-marda tal-Creutzfeldt-Jakob – Rikors għal kumpens – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Responsabbiltà tal-Komunità fin-nuqqas ta’ aġir illegali tal-korpi tagħha – Dannu – Rabta kawżali – Difetti fil-forma – Proċeduri nazzjonali paralleli – Preskrizzjoni – Inammissibiltà”

Fil-kawża T‑138/03,

É. R., O. O., J. R., A. R., B. P. R., residenti f'Vaulx-en-Velin (Franza),

T. D., J. D., D. D., V. D., residenti f'Palaiseau (Franza),

D. E., É. E., residenti f'Ozoir-la-Ferrière (Franza),

C. R., residenti f'Vichy (Franza), H. R., M. S. R., I. R., B. R., M. R., residenti f'Pau (Franza),

C. S., residenti f'Pariġi (Franza),

irrappreżentati minn F. Honnorat, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentat minn M. Balta u F. Ruggeri Laderchi, imbagħad minn Balta u F. Florindo Gijón, bħala aġenti,

u

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, inizjalment irrappreżentata minn D. Booss u G. Berscheid, imbagħad minn M. Berscheid u T. van Rijn, bħala aġenti,

konvenuti

li għandha bħala suġġett talba għal kumpens skond l-Artikolu 235 KE u t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 288 KE sabiex jinkiseb kumpens għad-danni allegatament subiti mir-rikorrenti minħabba l-kontaminazzjoni u l-mewt sussegwenti tal-membri tal-familji tagħhom li kienu milquta minn varjanti ġdida tal-marda tal-Creutzfeldt-Jakob, li hija marbuta mal-manifestazzjoni u t-tixrid fl-Ewropa ta' l-enċefalopatija sponġiformi ta’ l-ifrat, li kienu allegatament responsabbli għaliha l-Kunsill u l-Kummissjoni,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. García-Valdecasas, President, J. D. Cooke u I. Labucka, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Frar 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

I –  L-itfaċċar ta’ l-Enċefalopatija sponġiformi ta’ l-ifrat u tal-varjant ġdid tal-marda tal-Creutzfeldt-Jakob u miżuri Komunitarji u nazzjonali tal-ġlieda kontra dan il-mard

1        L-enċefalopatija sponġiformi bovina (iktar ’il quddiem il-"BSE"), marda magħrufa bħala l-"mad cow disease", tagħmel parti minn grupp ta’ mard magħruf bħala enċefalopatija sponġiformi trażmissibbli, li huwa kkaratterizzat minn deġenerazzjoni tal-moħħ u l-aspett ta’ sponża taċ-ċelluli nervużi fl-analiżi mikrosokopika. Dan il-mard huwa ppreċedut minn perijodu ta’ inkubazzjoni silenzjuża, li fih is-suġġetti kontaminati, jidhru b’saħħithom, u ma juru l-ebda sinjal kliniku evokattiv. L-oriġini probabbli tal-BSE hija modifika fil-preparazzjoni ta’ l-ikel intiż għall-ifrat u li fih proteini ġejjin minn nagħaġ li jbatu mill-marda magħrufa bħala "scrapie". It-trażmissjoni tal-marda seħħet, prinċipalment, permezz ta’ l-inġestjoni ta’ ikel, b’mod partikolari għalf mitħun ta' laħam u ta' għadam, li fih l-aġent infettiv mhux eliminat.

2        Il-BSE nstabet għall-ewwel darba fir-Renju Unit fl-1986. L-epidemija nxterdet malajr f’dan il-pajjiż, minn 442 każ fl-aħħar ta’ l-1987 għal numru annwali massimu ta’ kważi 37 000 każ fl-1992. Wara l-bidu tas-snin 90, ġew irreġistrati każijiet ta’ BSE fi Stati Membri oħra.

3        F’Lulju 1988, ir-Renju Unit iddeċieda, minn naħa, li jipprojbixxi l-bejgħ ta’ l-ikel intiż għall-annimali li jixtarru u li fihom proteini ta’ annimali li jixtarru u, min-naħa l-oħra, li dawk il-persuni li jrabbu l-annimali jiġu pprojbiti milli jagħtu għalf bħal dan lill-annimali li jixtarru ["Ruminant Feed Ban", li tinsab fil-Bovine Spongiform Encephalopathy Order (Digriet fuq l-Enċefalopatija sponġiformi bovina) (1988, SI 1988/1039), sussegwentement emendata].

4        Wara Lulju 1989, l-istituzzjonijiet Komunitarji adottaw ukoll dispożizzjonijiet bħala reazzjoni kontra l-BSE. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-miżuri ttieħdu fuq il-bażi tad-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE, tal-11 ta’ Diċembru 1989, dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija [twettiq] tas-suq intern (ĠU L 395, p. 13) u tad-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE, tas-26 ta’ Ġunju 1990, dwar l-iċċekkjar, veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Kommunitarju ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija [twettiq] tas-suq intern (ĠU L 224, p. 29), li jippermettu lill-Kummissjoni tieħu miżuri ta’ salvagwardja meta jeżisti riskju għall-annimali jew għas-saħħa tal-bniedem.

5        B’hekk, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 89/469/KEE, tat-28 ta’ Lulju 1989, dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni kontra l-BSE fir-Renju Unit (ĠU L 225, p. 51), introduċiet ċertu numru ta’ restrizzjonijiet għall-kummerċ intra-Komunitarju ta’ l-ifrat imwielda fir-Renju Unit qabel ix-xahar ta’ Lulju 1988. Din id-deċiżjoni ġiet emendata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 90/59/KEE, tas-7 ta’ Frar 1990 (ĠU L 41, p. 23), li estendiet il-projbizzjoni li jiġu esportati ifrat mir-Renju Unit għall-ifrat kollha li għandhom iktar minn sitt xhur. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 90/261/KEE, tat-8 ta’ Ġunju 1990, li temenda d-Deċiżjoni 89/469 u d-Deċiżjoni 90/200/KEE li tistabbilixxi rekwiżiti addizzjonali għal ċerti tessuti u organi f'dak li jirrigwarda l-BSE (ĠU L 146, p. 29), stabbilixxiet li l-osservanza ta’ din il-projbizzjoni kellha tiġi ggarantita billi titpoġġa marka speċjali fuq l-annimali u bl-użu ta’ sistema ta’ fajls kompjuterizzati li jippermettu l-identifikazzjoni ta’ l-annimali. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 90/134/KEE, tas-6 ta’ Marzu 1990 (ĠU L 76, p. 23), żiedet il-BSE mal-lista ta’ mard suġġett għan-notifika permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 82/894/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1982, dwar in-notifika ta’ mard ta’ l-annimali fil-Komunità (ĠU L 378, p. 58).

6        Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 90/200/KEE, tad-9 ta’ April 1990, li tistabbilixxi rekwiżiti addizzjonali għal ċerti tessuti u organi f'dak li jirrigwarda l-BSE (ĠU L 105, p. 24), introduċiet serje ta’ miżuri intiżi sabiex jillimitaw il-kummerċ intra-Kommunitarju bejn ir-Renju Unit u l-Istati Membri l-oħra ta’ ċerti tessuti u organi – moħħ, mudullun tad-dahar, tunsilli, timu, milsa u imsaren – li ġejjin minn bovini li jkollhom iktar minn sitt xhur meta jinqatlu. L-esportazzjoni ta’ tessuti u organi oħra mhux intiżi għall-konsum mill-bniedem ġiet wkoll ipprojbita u ġie stabbilit li l-ifrat kollu li dwaru jkun hemm suspett kliniku ta’ BSE kellu jinqatel separatament u li moħħu kellu jiġi eżaminat sabiex tiġi stabbilita l-marda. Jekk tiġi kkonfermata l-preżenza ta’ BSE, id-deċiżjoni kienet timponi d-distruzzjoni tal-karkassa u tal-ġewwieni ta’ l-annimal. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 92/290/KEE, ta’ l-14 ta’ Mejju 1992, dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni kontra l-BSE għal dak li jirrigwarda l-embrijoni ta’ l-ifrat fir-Renju Unit (ĠU L 152, p. 37), imponiet fuq l-Istati Membri kollha l-obbligu li jassiguraw li ma jesportawx lejn Stati Membri oħra embrijoni ta’ l-ispeċi ta’ l-ifrat li ġejjin minn ifrat tas-sess femminili li kienet ikkonfermata jew issuspettata fihom l-eżistenza tal-BSE. F'dak li jirrigwarda r-Renju Unit, din id-deċiżjoni kienet tipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ embrijoni li ġejjin minn annimali mwielda qabel it-18 ta’ Lulju 1988 u kienet timponi l-adozzjoni tal-miżuri neċessarji għall-identifikazzjoni ta’ l-annimali donaturi.

7        Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/381/KE, tas-27 ta’ Ġunju 1994, dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni relatati ma' l-enċefalopatija sponġiformi bovina u l-alimentazzjoni abbażi ta' proteini li ġejjin minn mammiferi (ĠU L 172, p. 23), ipprojbiet, fil-Komunità kollha, l-użu ta’ proteini li ġejjin minn mammiferi fl-alimentazzjoni ta’ l-annimali li jixtarru; madankollu, l-Istati Membri li kienu f’pożizzjoni li japplikaw sistema li tippermetti li ssir distinzjoni bejn proteini ta’ annimali li ġejjin minn annimali li jixtarru minn dawk li mhux ġejjin minn annimali li jixtarru setgħu jiġu awtorizzati mill-Kummissjoni sabiex jippermettu l-alimentazzjoni ta’ l-annimali li jixtarru bi proteini li ġejjjin minn speċi oħra ta’ mammiferi.

8        Fl-1995, l-unità ta' sorveljanza tal-marda ta' Creutzfeldt-Jakob (iktar ’il quddiem il-"MCJ") f’Edinburgu (ir-Renju Unit ) identifikat għaxar każijiet ta’ MCJ. Din il-marda newroloġika inkurabbli u mortali tolqot lill-bnedmin u tagħmel parti mill-familja ta’ enċefalopatija sponġiformi tal-bniedem. Il-każijiet identifikati kienu jippreżentaw forma suffiċjentement distinta mill-MCJ klassika sabiex tiġi deskritta bħala varjanti ġdida tal-Creutzfeldt-Jakob (iktar ’il quddiem il-"vġMCJ"). Il-pazjenti kienu kollha fiż-żgħożija tagħhom (minn 19 sa 41 sena, medja ta’ 29 sena), kien ikollhom din il-marda għal żmien relattivament twil (bħala medja 13-il xahar), mudell kliniku differenti mill-MCJ klassika u karatteristiċi istoloġiċi totalment ġodda, ikkonstati waqt l-awtopsja.

9        Fl-20 ta’ Marzu 1996, is-Spongiform Encephalopathy Advisory Committee (iktar ’il quddiem is-"SEAC"), korp xjentifiku indipendenti inkarigat li jagħti pariri lill-gvern tar-Renju Unit fil-qasam tal-BSE, ħareġ komunikat li jirreferi għal dawn l-għaxar każijiet tal-vġMCJ u ppreċiża li "għalkemm ma teżisti ebda prova diretta ta’ rabta […] l-ispjegazzjoni [f’dan l-istadju] l-iktar plawsibbli [kienet] li dawn il-każijiet [kienu] marbuta ma’ l-espożizzjoni għall-BSE qabel ma ddaħlet fis-seħħ, fl-1989, il-projbizzjoni ta’ ċertu ġewwieni speċifiċi tal-laħam ta’ l-ifrat ".

10      Fis-27 ta’ Marzu 1996, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 96/239/KE dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza fil-qasam ta' protezzjoni kontra l-BSE (ĠU L 78, p. 47), li tipprojbixxi b’mod tranżitorju, l-esportazzjoni ta’ l-ifrat kollu u tal-laħam ta’ l-ifrat jew prodott miksub minnu, mit-territorju tar-Renju Unit lejn l-Istati Membri l-oħra u l-pajjiżi terzi. Din id-deċiżjoni kienet tirreferi b’mod partikolari: fl-ewwel lok, annimali ta’ l-ifrat ħajjin, l-ispermi u l-embrijoni tagħhom; fit-tieni lok, il-laħam ta’ l-ispeċi ta’ l-ifrat maqtula fir-Renju Unit; fit-tielet lok, prodotti miksuba minn annimali ta’ l-ispeċi ta’ l-ifrat maqtula fir-Renju Unit, li jistgħu jidħlu fil-katina alimentari tal-bniedem jew ta’ l-annimali, u l-prodotti intiżi għal użu mediku, kożmetiku jew farmaċewtiku, u, fir-raba’ lok, l-għalf mitħun mil-laħam u l-għadam li ġej minn mammiferi.

11      Fit-18 ta’ Lulju 1996, il-Parlament Ewropew waqqaf kummissjoni temporanja ta’ investigazzjoni fil-qasam tal-BSE. Fis-7 ta’ Frar 1997, din il-kummissjoni adottat rapport fuq l-allegazzjonijiet ta’ ksur jew amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju fil-qasam tal-BSE, mingħajr ħsara għall-kompetenzi tal-qrati Komunitarji u nazzjonali (iktar ’il quddiem ir-"rapport tal-kummissjoni ta’ investigazzjoni"). Dan ir-rapport kien jirreferi għal tmexxija ħażina tal-kriżi tal-BSE mill-Kummissjoni, mill-Kunsill kif ukoll mill-awtoritajiet tar-Renju Unit u kien jikkritika t-tħaddim tal-kumitati Komunitarji responsabbli mill-kwistjonijiet veterinarji u sanitarji.

12      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/534/KE, tat-30 ta’ Lulju 1997, dwar il-projbizzjoni ta’ l-użu ta’ materjali li jippreżentaw riskji fir-rigward ta’ l-enċefalopatija sponġiformi trażmissibbli (ĠU L 216, p. 95), ipprojbiet l-użu ta’ materjali hekk imsejħa "b’riskju speċifiku" (iktar ’il quddiem l-"MRS"), jiġifieri, fl-ewwel lok, il-kranju, fosthom il-moħħ u l-għajnejn, it-tunsilli u l-mudullun tad-dahar ta’ l-ifrat li għandhom iktar minn tnax-il xahar u ta' nagħaġ u ta' mogħoż li għandhom iktar minn tnax-il xahar jew li jkollhom sinna mit-tmien sinniet li jaqtgħu fil-quddiem tal-ħalq li tisponta fil-ħanek, u, fit-tieni lok, il-milsa tan-nagħaġ u tal-mogħoż. Mid-dħul fis-seħħ ta’ dik id-deċiżjoni, kull użu tal-MRS kien ipprojbit, kif ukoll l-użu tas-sinsla vertebrali ta’ l-annimali ta’ l-ispeċi ta’ l-ifrat, nagħaġ u mogħoż għal kisba ta’ laħam mifrud mekkanikament. Barra minn hekk, l-MRS kellhom jiġu suġġetti għal trattament speċifiku għad-distruzzjoni u kellhom jiġu maħruqa, mingħajr ħsara għall-miżuri addizzjonali meħuda mill-Istati Membri għall-annimali maqtula fit-territorju tagħhom. Id-data prevista inizjalment għad-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni, jiġifieri l-1 ta’ Jannar 1998, ġiet sussegwentement differita għat-30 ta’ Ġunju 2000.

13      Fid-29 ta’ Ġunju 2000 il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2000/418/KE li tirregola l-użu tal-materjali li jippreżentaw riskji fir-rigward ta’ l-enċefalopatija sponġiformi trażmissibbli u li temenda d-Deċiżjoni 94/474 (ĠU L 158, p. 76), din id-deċiżjoni ta' l-aħħar, adottata fis-27 ta’ Lulju 1994, dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni kontra l-BSE u li tħassar id-Deċiżjonijiet 89/469 u 90/200 (ĠU L 194, p. 96). Id-Deċiżjoni 2000/418 irrevokat u ssostitwiet id-Deċiżjoni 97/534 u finalment irregolat l-użu tal-MRS, billi ddefiniet il-materjali ta’ ifrat, ta' nagħaġ u ta' mogħoż li kellhom jiġu mneħħija u meqruda wara l-1 ta’ Ottubru 2000, skond proċedura speċifika, intiża sabiex tiggarantixxi li l-BSE ma tiġix trażmessa. Din id-deċiżjoni pprojbiet ukoll l-użu ta’ għadam tar-ras u tas-sinsla vertebrali ta’ dawn l-annimali f’ċerti każijiet u l-użu ta’ ċerti proċessi ta' qatla.

14      Fl-4 ta’ Diċembru 2000, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2000/766/KE, dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ l-enċefalopatija sponġiformi trażmissibbli u għall-użu ta’ proteini ta’ l-annimali fl-alimentazzjoni ta’ l-annimali (ĠU L 306, p. 32), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2001 u li kienet timponi fuq l-Istati Membri l-projbizzjoni li jiġu użati proteini ta’ l-annimali pproċessati fl-alimentazzjoni ta’ l-annimali mrobbija miżmuma, mħaxxna jew mrobbija għall-produzzjoni tal-prodotti ta’ l-ikel.

15      Fit-13 ta’ Settembru 2001, il-Qorti ta’ l-Awdituri adottat ir-rapport speċjali Nru 14/2001 dwar il-BSE (ĠU C 324, p. 1). F’dan ir-rapport, il-Qorti ta’ l-Awdituri eżaminat il-miżuri kontra l-BSE adottati u implementati mill-Unjoni Ewropea sabiex tidentifika u timmaniġja r-riskju li titfaċċa u tinxtered il-BSE u t-theddida li din il-marda setgħet tikkostitwixxi għas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-annimali. B'mod partikolari, il-Qorti ta’ l-Awdituri kkostatat li l-istrateġija tal-Kummissjoni fil-qasam tal-BSE kienet ġeneralment sodisfaċenti u bbażata fuq l-għarfien xjentifiku disponibbli, iżda li l-effikaċja tagħha kienet ġiet kompromessa minn implementazzjoni difettuża mill-Istati Membru u mill-insuffiċjenza tal-mezzi li kienet tiddisponi minnhom il-Kummissjoni sabiex timponi miżuri korrettriċi fuq dawn ta' l-aħħar.

II –  Ċirkustanzi proprji għar-rikorrenti u proċeduri adottati mill-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji Franċiżi

16      Ir-rikorrenti ressqu r-rikors preżenti fil-kwalità tagħhom ta’ vittmi indiretti u ta' avventi kawża ta’ ħames persuni li mietu fi Franza mill-vġMCJ bejn 1996 u 2002.

17      É. R., O. O., J. R., A. R. u B. P. R. huma rispettivament il-missier, l-omm u t-tliet aħwa ta’ H. E. R., li miet fl-4 ta’ Jannar 1996, fl-età ta’ 27 sena.

18      T. D., J. D., D. D. u V. D. huma rispettivament l-omm, l-aħwa u l-oħt ta’ L. D., li miet fl-4 ta’ Frar 2000, fl-età ta’ 36 sena.

19      D. E. u É. E. huma l-ġenituri ta’ A. E., li miet fil-25 ta’ April 2001, fl-età ta’ 19-il sena. Huma jidhru wkoll bħala rappreżentanti legali tat-tifla minorenni tagħhom J. E., oħt A. E.

20      C. R. hija l-armla ta’ F. R., li miet fl-10 ta’ Frar 2002, fl-età ta’ 36 sena. Hija tidher ukoll bħala rappreżentanta legali tat-tifel minorenni tagħhom, D. R. H. R., M. S. R., I. R, B. R. u M. R. huma rispettivament il-missier, l-omm u l-aħwa ta’ F. R.

21      C. S. huwa l-armel ta’ S. C. S, li mietet fl-14 ta’ Diċembru 2002, fl-età ta’ 32 sena. Huwa jidher ukoll bħala rappreżentant legali tat-tfal minorenni tagħhom M. S., S. S. S. u A. S.

22      Ir-rikorrenti fetħu proċeduri għal kumpens quddiem il-qorti amministrattiva Franċiża kontra l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat, bil-għan li jiġi ssanzjonat l-aġir allegatament illegali ta’ dawn minħabba li naqsu milli jadottaw il-miżuri xierqa għall-prevenzjoni tar-riskji ppreżentati mill-BSE. Fil-5 ta’ Ottubru 2005, il-qorti amministrattiva ta’ Pariġi (Franza) ċaħdet it-talbiet tar-rikorrenti, billi kkunsidrat li d-dati tal-kontaminazzjoni tal-vittmi setgħu kienu qabel ix-xahar ta’ Mejju 1988, data li fiha seħħ in-nuqqas tar-Repubblika Franċiża invokat mir-rikorrenti. Ir-rikorrenti appellaw dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-qorti amministrattiva ta’ Appell ta’ Pariġi. Barra minn hekk, huma kienu parti ċivili fil-kuntest ta’ investigazzjoni kriminali fdata lill-viċi president inkarigat mill-investigazzjoni tat-Tribunal de grande instance ta' Pariġi, tal-kap ta’ omiċidju involontarju tal-persuni kontaminati mill-vġMCJ.

23      Minħabba l-impenji speċifikati mill-Ministru tas-Saħħa, tal-Familja u tal-Persuni ħandikappati Franċiżi f’ittri tal-25 ta’ Frar u tas-7 ta’ Lulju 2004, "għotjiet ta’ solidarjetà" ġew konċessi lir-rikorrenti mill-Ministru ta’ l-Intern Franċiż f’Ġunju 2004 u f’Jannar 2005. Dawn il-kumpensi kienu jkopru d-danni subiti mill-vittmi u l-avventi kawża tagħhom minħabba l-vġMCJ u ġew konċessi fuq opinjoni tal-Kummissjoni ta’ kumpens tal-vittmi tal-marda Creutzfeldt-Jakob jatroġenika wara trattament permezz ta’ l-ormoni ta' tkabbir, li l-għan tagħhom kien ġie estiż għall-evalwazzjoni tad-danni tal-persuni milquta mill-vġMCJ. L-ammonti totali ta’ dan il-kumpens jammontaw għal EUR 1 431 000.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

24      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-24 ta’ April 2003, ir-rikorrenti ppreżentaw ir-rikors preżenti.

25      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-22 ta’ Mejju 2003, C. S. talab il-benefiċċju ta’ l-għajnuna legali b’xejn għalih u għat-tliet uliedu minorenni, li kien ippreżenta r-rikors f’isimhom, fil-kwalità tiegħu bħala rappreżentant legali tagħhom. Permezz ta’ digriet tad-9 ta’ Frar 2004 tal-President tal-Ħames Awla, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonċediet l-imsemmi benefiċċju.

26      Fin-noti tagħhom, il-konvenuti talbu li l-proċedura preżenti tiġi sospiża sakemm jiġu deċiżi l-kawżi għal responsabbiltà tar-rikorrenti, bl-eċċezzjoni tal-familja ta’ H. E. R., kontra l-awtoritajiet Franċiżi, quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru. Dawn l-azzjonijiet huma bbażati fuq l-istess fatti u l-istess ilmenti u jitrattaw l-istess danni bħal dawk fil-kawża preżenti. Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Ottubru 2003, ir-rikorrenti mmanifestaw l-oppożizzjoni tagħhom kontra din it-talba ta’ sospensjoni. Peress li r-rikorrenti opponew ruħhom u peress li t-talba għal sospensjoni ma tikkorispondix għal ebda wieħed mill-każijiet li jidhru fit-tielet sub paragrafu ta’ l-Artikolu 54 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u fl-Artikolu 77 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma laqgħetx din it-talba.

27      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (L-Ewwel Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet ċerti mistoqsijiet lill-partijiet u talbithom jissottomettu ċerti dokumenti. Il-partijiet ikkonformaw ma' dawn it-talbiet fit-terminu impost.

28      It-trattazjonijiet u r-risposti tal-partijiet instemgħu mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-seduta pubblika tas-16 ta’ Frar 2006.

29      Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tikkundanna lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jħallsu in solidum bejniehom il-kumpensi ta' valur totali ta’ EUR 3 780 733, 71, flimien ma’ l-interessi ta’ kumpens bir-rata ta’ 10 % mid-data tal-mewt tal-persuni in kwistjoni u ta’ l-interessi moratorji mis-sentenza interlokutorja li għandha tingħata;

–        f'kull każ, tirriżerva EUR 1 fuq il-kumpens ta’ kull dannu identifikat, sabiex jiġi ppreservat l-interess tagħhom li jaġixxu;

–        tikkundanna lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jbatu l-ispejjeż.

30      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        fl-ewwel lok, tiċħad ir-rikors bħala inammisibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad it-talbiet bħala infondati;

–        tikkundanna lir-rikorrenti jbatu l-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà

31      Il-Kummissjoni u l-Kunsill, konvenuti, jqajmu tliet motivi ta’ inammissibbiltà. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ preċiżjoni ta’ l-elementi essenzjali ta' fatt u ta' dritt li fuqha huwa bbażat ir-rikors. It-tieni motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ eżawriment tal-mezzi ta’ rimedju nazzjonali u tal-konnessjoni mal-proċeduri nazzjonali. It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-preskrizzjoni ta’ l-azzjoni.

I –  Fuq l-ewwel motiv ta’ inammissibiltà, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ preċiżjoni ta’ l-elementi essenzjali ta' fatt u ta' dritt li fuqhom huwa bbażat ir-rikors

A –  L-Argumenti tal-partijiet

32      Il-konvenuti jfakkru li skond l-Artikolu 21 ta’ l-Istatut tal-Qorti u l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u s-sunt tal-motivi invokati. Rikors intiż għall-kumpens tad-danni allegatament ikkawżati minn istituzzjoni Komunitarja għandu jinkludi l-elementi li jippermettu li jiġi identifikat l-aġir akkużat, ir-rabta kawżali eżistenti bejn dan l-aġir u d-dannu invokat, kif ukoll in-natura u l-portata ta’ dan id-dannu. Madankollu, f’dan il-każ, ir-rikors ma jippermettix li jiġi identifikat mingħajr ambigwità l-aġir illegali allegat, minħabba, b'mod partikolari, konfużjoni bejn l-illegalitajiet attribwiti lill-Kunsill u dawk attribwiti lill-Kummissjoni jew inkella dawk attribwiti lill-awtoritajiet Franċiżi. Bl-istess mod, skond il-Kummissjoni, fir-rikors jonqsu l-indikazzjonijiet dwar l-itfaċċar ta’ l-ewwel sinjali kliniċi tal-marda, fatt li jimpedixxi li jiġi evalwat, minn naħa, il-punt ta' tluq tal-preskrizzjoni ta’ ħames snin u, min-naħa l-oħra, skond din id-data, ir-rilevanza, għal kull persuna li mietet, ta’ l-atti jew l-omissjonijiet allegati. Minbarra dan, il-Kunsill josserva li r-rikorrenti ma ressqux elementi oġġettivi li jistabbilixxu rabta bejn l-infezzjoni tal-qraba tagħhom u l-aġir akkużat. Fl-aħħar nett, tonqos fir-rikors kull informazzjoni fuq il-metodu ta' kalkolu użat sabiex jiġu kkwantifikati d-danni allegati, kif ukoll id-dokumenti u d-data oġġettiva tali li jippermettu li dan jiġi stabbilit.

33      Ir-rikorrenti jsostnu li l-ilmenti invokati mill-konvenuti jirrigwardaw il-mertu tat-talbiet tagħhom u mhux l-ammissibiltà tar-rikors. Huma jaffermaw li l-aġir allegat, in-natura u l-portata tad-danni invokati u r-rabta kawżali identifikata ġew deskritti bi preċiżjoni suffiċjenti.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

34      Skond l-Artikolu 21 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, u skond l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u s-sunt tal-motivi invokati. Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa neċessarju, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom dan huwa bbażat jirriżultaw, għall-inqas bħala sunt, iżda b’mod koerenti u li jista' jinftiehem, mit-test tar-rikors stess (id-digrieti tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il-Kummissjoni, T 85/92, Ġabra p. II 523, punt 20, u tad-29 ta’ Novembru 1993, Koelman vs Il-Kummissjoni, T 56/92, Ġabra p. II 1267, punt 21). Skond ġurisprudenza stabbilita, sabiex dawn ir-rekwiżiti jiġu sodisfatti, rikors intiż għall-kumpens ta’ danni kkawżati minn istituzzjoni Komunitarja għandu jinkludi l-elementi li jippermettu li jiġi identifikat l-aġir li r-rikorrent jattribwixxi lill-istituzzjoni, ir-raġunijiet li għalihom huwa jqis li teżisti rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu li huwa jallega li sofra, kif ukoll in-natura u l-portata ta' dan id-dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Settembru 1996, Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, T‑387/94, Ġabra p. II‑961, punt 107; id-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Novembru 1996, Syndicat des producteurs de viande bovine et vs Il-Kummissjoni, T‑53/96, Ġabra p. II‑1579, punt 22).

35      Madankollu, hemm lok li jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, ir-rikors jissodisfa l-eżiġenzi imsemmija iktar ’il fuq. Fil-fatt, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jesponu fit-tul u b’mod dettaljat l-azzjonijiet u n-nuqqasijiet milli jaġixxu, li huma jattribwixxu lill-istituzzjonijiet konvenuti, kif ukoll il-prinċipji li ġew miksura minnhom (ara b’mod partikolari r-rikors, punti 96 sa 204). Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jikkwantifikaw b’mod preċiż ħafna l-kumpens mitlub minn kull wieħed minnhom (ara r-rikors, punti 230 sa 244). Bl-istess mod, huma jiddefinixxu d-"dannu ta' kontaminazzjoni" li huma jinvokaw, filwaqt li jipproponu eżempji ta’ kumpens mogħti mill-qrati Franċiżi bis-saħħa ta' dan (ara r-rikors, punti 226 sa 228), u jiddeskrivu d-danni morali li huma allegatament sostnew (ara r-rikors, punt 229). Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jesponu r-raġunijiet li għalihom huma jikkunsidraw li teżisti rabta kawżali bejn l-aġir li huma jattribwixxu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u d-danni li huma jqisu li sostnew. B’hekk, huma josservaw li l-eżistenza ta’ rabta bejn il-BSE u l-vġMCJ ġiet stabbilita permezz ta’ argumenti mediċi, xjentifiċi u epidemjoloġiċi (ara r-rikors, punti 248 sa 254) u jattribwixxi lill-istituzzjonijiet konvenuti r-responsabbiltà tal-kontaminazzjoni ta' qrabathom, b’mod partikolari mill-fatt ta’ l-allegati nuqqasijiet tagħhom fit-tmexxija tagħhom tal-kriż tal-BSE (ara r-rikors, punti 256 sa 268).

36      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li l-kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 21 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u ta’ l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura huma sodisfatti f’dan il-każ partikolari.

37      Konsegwentement, hemm lok li dan il-motiv ta’ inammissibiltà jiġi miċħud.

II –  Fuq it-tieni motiv ta’ inammissibiltà, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ eżawriment tal-mezzi ta’ rimedju nazzjonali u tal-konnessjoni mal-proċeduri nazzjonali

A –  L-argumenti tal-partijiet

38      Il-konvenuti josservaw li, fil-każ fejn l-awtoritajiet nazzjonali huma msejħa jimplementaw il-leġiżlazzjoni Komunitarja, l-individwi għandhom jużaw il-mezzi ta’ rimedju disponibbli quddiem il-qrati nazzjonali, meta huma ta' natura li jiggarantixxu l-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1987, De Boer Buizen vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, 81/86, Ġabra p. 3677, punt 9). Huma jikkonstataw li t-talbiet għal kumpens jittrattaw l-istess fatti u l-istess dannu u jitolbu l-istess kumpens bħal ma ġew ippreżentati f’dan il-każ partikolari mir-rikorrenti, bl-eċċezzjoni tal-familja ta’ H. E. R., fit-Tribunal administratif ta' Pariġi, kontra l-awtoritajiet Franċiżi. Għaldaqstant, ir-rikors preżenti jkun prematur u, b’hekk, inammissibbli. Minbarra dan, jeżisti r-riskju tad-deċiżjonijiet kontradittorji, kif ukoll il-possibbiltà li r-rikorrenti jirċievu kumpens doppju għall-istess dannu. F'kull każ, ir-rikors huwa manifestament inammissibbli f'dak li jikkonċerna d-dannu li ġej kemm mill-atti adottati mill-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom kif ukoll minn verifika allegatament inadegwata minn naħa ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji ta’ l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju mill-Istati Membri (id-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Lulju 1997, Smanor et vs Il-Kummissjoni, T‑201/96, Ġabra p. II‑1081, punti 30 u 31).

39      Ir-rikorrenti jfakkru li l-qrati Komunitarji għandhom kompetenza esklużiva sabiex jiddeċiedu fuq ir-rikorsi għal kumpens tad-danni attribwibbli għall-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea. Huma jżidu li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha s-setgħa li titlob li tirċievi, fi kwalunkwe mument, l-elementi utili għad-deċiżjoni tagħha, bħalma huma d-dokumenti li huma parti minn proċedura nazzjonali. Dan jiggarantixxi li r-rikorrenti ma jkunux jistgħu jiksbu kumpens doppju għall-istess danni.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

40      Skond ġurisprudenza stabbilita, l-azzjoni għal kumpens skond l-Artikolu 235 KE u tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 288 KE ġiet stabbilita bħala mezz awtonomu li għandu bħala funzjoni partikolari tiegħu fil-kuntest tas-sistema tal-mezzi tar-rikors u suġġett għal kundizzjonijiet ta’ l-eżerċizzju previsti fid-dawl ta’ l-oġġett tiegħu (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Diċembru 1995, Exporteurs in Levende Varkens et vs Il-Kummissjoni, T‑481/93 u T‑484/93, Ġabra p. II‑2941, punt 69). Madankollu huwa minnu li din l-azzjoni għandha tiġi evalwata fir-rigward tas-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja kollha kemm hi ta’ l-individwi u li l-ammissibbiltà tagħha tista’ b’hekk issib ruħha suġġetta, f’ċerti każijiet, għall-eżawriment tal-mezzi tar-rikors interni li huma possibbli għall-ksib ta’ l-annullament ta’ deċiżjoni ta’ l-awtorità nazzjonali. Huwa neċessarju, sabiex dan iseħħ, li dawn il-mezzi ta’ rikors nazzjonali jassiguraw b’mod effikaċi l-protezzjoni ta’ l-individwi kkonċernati u li huma jistgħu jwasslu għall-kumpens ta’ l-allegat dannu (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Frar 1986, Krohn vs Il-Kummissjoni, 175/84, Ġabra p. 753, punt 27, u s-sentenza De Boer Buizen vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 9).

41      Madankollu, sitwazzjoni bħal din ma hijiex preżenti f’dan il-każ. Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-kumpens ta’ l-allegati danni mir-rikorrenti ma jistax jinkiseb, imqar parzjalment, permezz ta’ l-annullament ta’ att jew ta’ atti speċifiċi ta' awtorità nazzjonali. Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li t-talba għal kumpens imressqa mir-rikorrenti hija bbażata fuq l-allegati illegalitajiet imwettqa mill-Kunsill u mill-Kummissjoni. Madankollu, fid-dawl, b'mod partikolari, tal-fatt li l-imħallef Komunitarju għandu kompetenza esklużiva sabiex jiddeċiedi, skond l-Artikolu 288 KE, kawżi dwar kumpens ta’ dannu attribwibbli għall-Komunità, il-mezzi ta’ rimedju nazzjonali ma jistgħux ipso facto jippermettu f’dan il-każ partikolari li jassiguraw lir-rikorrenti protezzjoni effikaċi tad-drittijiet tagħhom, jiġifieri, b'mod partikolari, il-kumpens tad-dannu kollu allegat minn dawn (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 1992, Vreugdenhil vs Il-Kummissjoni, C‑282/90, Ġabra p. I‑1937, punt 14, u tat-8 ta’ April 1992, Cato vs Il-Kummissjoni, C‑55/90, Ġabra p. I‑2533, punt 17; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Settembru 1995, Nölle vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, T‑167/94, Ġabra p. II‑2589, punti 41 u 42; Exporteurs in Levende Varkens et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72, u tal-11 ta’ Jannar 2002, Biret u Cie vs Il-Kunsill, T‑210/00, Ġabra p. II‑47, punti 37 u 38).

42      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta l-istess dannu huwa s-suġġett ta’ żewġ azzjonijiet għal kumpens, waħda kontra Stat Membru quddiem qorti nazzjonali, u l-oħra kontra l-Komunità quddiem il-qorti Komunitarja, jista’ jkun neċessarju, qabel ma jiġi stabbilit l-ammont tad-dannu li għalih jiġi deċiż li l-Komunità hija responsabbli, li tistenna li l-qorti nazzjonali tiddikjara ruħha fuq ir-responsabbiltà eventwali ta’ l-Istat Membru, sabiex jiġi evitat li r-rikorrent jiġi, minħabba differenza ta’ evalwazzjoni bejn żewġ qrati differenti, kkumpensat insuffiċjentement jew b’mod abbużiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Lulju 1967, Kampffmeyer et vs Il-Kummissjoni KEE, 5/66, 7/66 u 13/66 sa 24/66, Ġabra p. 317, 344, u tat-30 ta’ Novembru 1967, Becher vs Il-Kummissjoni, 30/66, Ġabra p. 369, 389 u 390). Għandu jiġi osservat li, f'kull każ, din il-kwistjoni ma tikkonċernax l-ammissibbiltà ta’ l-azzjoni introdotta quddiem il-qorti Komunitarja, iżda biss, jekk ikun il-każ, id-determinazzjoni definittiva ta’ l-ammont tal-kumpens li għandu jingħata minn din ta' l-aħħar.

43      Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ l-argumenti li permezz tagħhom il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li l-allegati danni li ġejjin minn azzjonijiet ta’ l-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom u tal-verifika inadegwata min-naħa ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji ta’ l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju mill-Istati Membri, biżżejjed jiġi osservat li dawn l-argumenti ma jistgħux iwasslu għall-inammissibiltà tar-rikors preżenti. Huma għandu jiġu analizzati, jekk ikun il-każ, fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ l-illegalitajiet attribwiti lill-konvenuti, jew inkella tad-danni invokati mir-rikorrenti.

44      Konsegwentement, hemm lok li dan it-tieni motiv ta’ inammissibbiltà jiġi miċħud.

III –  Fuq it-tielet motiv ta’ inammissibbiltà, ibbażat fuq il-preskrizzjoni ta’ l-azzjoni

A –  L-argumenti tal-partijiet

45      Il-konvenuti jfakkru li, skond l-Artikolu 46 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-azzjonijiet kontra l-Komunitajiet fil-qasam ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali jiġu preskritti wara ħames snin li jibdew jgħoddu minn meta jseħħ il-fatt li jagħti lok għalihom. F’dan il-każ, l-imsemmi terminu jibda jiddekorri mid-data li jitfaċċaw l-ewwel sintomi tal-marda, mument fejn jitnisslu għall-ewwel darba d-dannu personali tal-vittmi u l-allegat dannu indirett ta' qrabathom.

46      Il-konvenuti josservaw li H. E. R. miet fl-4 ta’ Jannar 1996 u li s-sinjali kliniċi tal-marda tagħha kienu diġà dehru f’Awwissu 1994. Huma jfakkru li r-rabta probabbli bejn il-vġMCJ u l-BSE kienet ġiet żvelata permezz tal-pubblikazzjoni tal-komunikat tal-SEAC ta’ l-20 ta’ Marzu 1996 u ġiet mixruda ħafna fl-istampa. Huma jikkonkludu li l-preskrizzjoni ta’ l-azzjoni tal-familja ta’ H. E. R. hija miksuba abbondantament. Il-konvenuti jesprimu wkoll dubji fir-rigward ta' l-estinzjoni ta’ l-azzjonijiet tal-familji ta’ L. D., ta’ A. E. u ta’ F. R., inkwantu r-rikors ma jippermettix li tiġi identifikata d-data eżatta ta’ meta dehru l-ewwel sintomi tal-marda li kkawżat l-mewt ta' qrabathom. Madankollu, l-oneru tal-prova li dawn l-ewwel sintomi ma tfaċċawx iktar kmieni minn ħames snin qabel ma tressaq ir-rikors jaqa' fuq ir-rikorrenti.

47      Ir-rikorrenti jsostnu li l-preskrizzjoni ta’ l-azzjoni għal kumpens ma tistax tibda tiddekorri mid-data li fiha jitfaċċaw l-ewwel sintomi tal-marda. Huma jsostnu li l-kriterji dijanjostiċi tal-vġMCJ jivverfikaw ruħhom b’ċertezza biss permezz tal-konstatazzjonijiet imwettqa post mortem, peress li l-ewwel sinjali tal-marda mhumiex suffiċjenti bħala bażi għal preżunzjoni dijanjostika.

48      Ir-rikorrenti josservaw li l-mewt ta’ H. E. R. u l-awtopsja sussegwenti li kkonfermat id-dijanjożi tal-vġMCJ seħħew qabel ma din il-marda ġiet uffiċjalment deskritta mill-esperti xjentifiċi, u għaldaqstant qabel ma l-identità ta’ l-aġent patoġeniku tal-BSE u tal-vġMCJ kienet magħrufa b'ċertezza raġonevoli. Fil-fatt, sa l-adozzjoni ta’ l-opinjoni ta’ l-10 ta’ Diċembru 1999 tal-kumitat xjentifiku ta’ direzzjoni (iktar ’il quddiem il-"KXD"), il-familja ta’ H. E. R. ma kellhiex fid-dispożizzjoni tagħha l-elementi neċessarji għall-għarfien tal-fatt li jikkaġuna d-dannu li kien ġie kkawżat lilha. Din l-opinjoni tindika l-eżistenza ta’ konsensus xjentifiku dwar l-identità ta’ l-aġent patoġeniku li jorbot il-BSE u l-vġMCJ, filwaqt li qabel ir-rabta bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ mard kienet ikkostitwita biss minn "ipoteżi plawsibbli". Barra minn hekk, ir-rapport ta’ l-esperti legali li kien stabbilixxa ċertezza dijanjostika kien ġie nnotifikat uffiċjalment lill-familja ta’ H. E. R. biss fit-13 ta’ Novembru 2003. Fir-rigward tal-vittmi l-oħra, ir-rapporti ta’ l-esperti mediċi kienu juru li d-dijanjożi tal-vġMCJ ma ġietx invokata qabel il-perijodu ta' ħames snin preċedenti għall-preżentata tar-rikors.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

49      Skond l-Artikolu 46 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-azzjonijiet kontra l-Komunitajiet fil-qasam ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali jiġu preskritti wara ħames snin li jibdew jgħoddu minn meta jseħħ il-fatt li jagħti lok għalihom. Madankollu, l-imsemmi terminu ma jibdiex jidekorri qabel ma jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li għalihom ikun suġġett l-obbligu ta’ kumpens u, b’mod partikolari, fir-rigward tal-każijiet fejn ir-responsabbiltà tirriżulta minn atti normattivi, qabel ma jseħħu l-effetti dannużi ta’ dawn l-atti (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Jannar 1982, Birra Wührer et vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, 256/80, 257/80, 265/80, 267/80 u 5/81, Ġabra p. 85, punt 10; sentenza Biret u Cie vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41). Fl-aħħar nett, fil-każ fejn il-fatt li jiġġenera d-dannu ma jkunx jista' ikun magħruf mill-vittma ħlief f’data tardiva, it-terminu ma jistax jibda jiddekorri fir-rigward tagħha qabel ma’ hija tista’ tieħu konjizzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Novembru 1985, Adams vs Il-Kummissjoni, 145/83, Ġabra p. 3539, punt 50).

50      F’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-konvenuti, ma jistax jinġab kontra r-rikorrenti, bħala punt ta' tluq tal-preskrizzjoni ta’ l-azzjoni tagħhom, il-mument ta’ meta tfaċċaw l-ewwel sintomi kliniċi li jikkaratterizzaw il-marda subita li laqtet lil qrabathom. Fil-fatt, l-ewwel nett, l-effetti dannużi in kwistjoni huma marbuta kemm mal-kontaminazzjoni mill-vġMCJ kif ukoll mal-mewt tal-persuni affettwati minn din il-marda. Għaldaqstant, qabel il-mewt tal-vittmi, dawn id-danni ma jistgħux jitqiesu li seħħew b'mod sħiħ. Fit-tieni lok, mhuwiex ikkontestat li fl-epoka tal-fatti tal-kawża preżenti kien partikolarment diffiċli sabiex tiġi stabbilita d-dijanjożi tal-vġMCJ u spiss ma setgħetx tiġi totalment ikkonfermata ħlief wara l-mewt tal-pazjent. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, f’dan il-każ, it-terminu ta’ preskrizzjoni m’għandux jibda jiddekorri qabel id-dati rispettivi tal-mewt ta’ kull vittma jew, jekk iseħħ wara, minn meta ssir djanjożi definittiva tal-vġMCJ.

51      Fir-rigward tal-familji ta’ L. D., ta’ A. E. u ta’ F. R., il-mewt ta' qrabathom li ġew milquta mill-vġMCJ ma seħħietx qabel il-ħames snin qabel il-preżentata tar-rikors. Fil-fatt, L. D. mietet fl-4 ta’ Frar 2000, A. E., fil-25 ta’ April 2001, F. R., fl-10 ta’ Frar 2002. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li jirriżulta mir-rapporti ta’ l-esperti legali stabbiliti għal kull waħda minn dawn il-vittmi fuq talba tat-Tribunal de grande instance ta' Pariġi u tat-Tribunal administratif ta' Pariġi, li jġibu d-data ta’ l-1 ta’ Ottubru 2002, tat-13 ta’ April, ta' l-20 ta’ Mejju, tas-6 ta’ Ġunju 2003 u tad-29 ta’ Jannar 2004, li fl-ebda wieħed minn dawn il-każijiet ma ġiet stabbilita dijanjożi ta’ vġMCJ, imqar preliminari, qabel il-perijodu ta' ħames snin preċedenti għall-preżentata tar-rikors.

52      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li H. E. R. miet fl-4 ta’ Jannar 1996, jiġifieri iktar minn seba’ snin qabel l-introduzzjoni tar-rikors fil-kawża preżenti. Madankollu, ir-rikorrenti jikkontestaw il-preskrizzjoni ta’ l-azzjoni tal-familja ta’ H. E. R., billi josservaw, fl-ewwel lok, li r-rapport ta’ l-espert legali li jistabbilixxi ċertezza dijanjostika ma ġiex innotifikat uffiċjalment lilu qabel it-13 ta’ Novembru 2003 u, fit-tieni lok, li konsensus xjentifiku fuq l-identità ta’ l-aġent patoġeniku li jorbot lill-BSE u l-vġMCJ ma kienx jeżisti qabel l-adozzjoni ta’ l-opinjoni tal-KXD ta’ l-10 ta’ Diċembru 1999. Madankollu, dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu.

53      Fil-fatt, fl-ewwel lok, jekk huwa minnu li r-rapport ta’ l-espert legali tat-2 ta’ Lulju 2003, imħejji minn żewġ esperti fuq it-talba ta’ l-ewwel imħallef ta’ l-istruttorja fit-Tribunal de grande instance ta' Pariġi, ma ġiex innotifikat lill-ġenituri ta’ H. E. R. qabel it-13 ta’ Novembru 2003, jibqa' l-fatt li dan ir-rapport ġie mfassal fuq il-bażi tal-fajl mediku ta’ H. E. R. Madankollu, jirriżulta minn dan il-fajl li, fit-23 ta’ Novembru 1995, bijopsija tal-moħħ tat dijanjożi preliminari ta’ enċefalopatija sponġiformi fil-pazjent. Din id-dijanjożi ġiet ikkonfermata permezz ta’ analiżi komplementari f’Novembru 1995. L-awtopsja tal-moħħ ta’ H. E. R. ikkonfermat li huwa ġie milqut minn "enċefalopatija sponġiformi ta’ Creutzfeldt-Jakob". Fl-aħħar nett, jirriżulta wkoll mill-fajl, u barra minn hekk dan ġie rikonoxxut mir-rikorrenti fis-seduta, li l-familja ta’ H. E. R. ġiet informata fl-1996 bil-konferma ta’ din id-dijanjożi.

54      Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li huwa ġeneralment aċċettat li huwa l-komunikat tas-SEAC ta’ Marzu 1996 li stabbilixxa, fuq bażi xjentifika, l-eżistenza ta’ rabta probabbli bejn il-BSE u l-vġMCJ. B’mod aktar speċifiku, permezz tax-xandir permezz tal-mezzi tal-medja, l-imsemmi komunikat indika l-bidu ta’ l-għarfien tal-pubbliku in ġenerali tar-riskji assoċjati mal-BSE u tar-rabta eżistenti bejn din il-patoloġija u l-vġMCJ. Fil-fatt, l-informazzjoni li tinsab fil-komunikazzjoni tal-SEAC biddlet kunsiderevolment il-perċezzjoni, minn naħa tal-konsumaturi, tal-periklu li dik il-marda kienet tirrapreżenta għas-saħħa tal-bniedem (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Mejju 1998, Renju Unit vs Il-Kummissjoni, C‑180/96, Ġabra p. I‑2265, punti 52 u 53, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Settembru 1998, Coldiretti et vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, T‑149/96, Ġabra p. II‑3841, punt 109). Min-naħa l-oħra, l-opinjoni ta’ l-10 ta’ Diċembru 1999 tal-KXD fuq ir-riskju ta’ l-espożizzjoni umana għall-BSE permezz ta’ l-ikel ma tidhirx li għandha tali importanza fil-kuntest tar-riċerka xjentifika f'dan il-qasam, billi hija tillimita ruħha pjuttost li jistabbilixxi stat ta’ rabta fuq riċerki kumplimentari magħmula sabiex jiġi evalwat u ppreċiżat ir-riskju tal-BSE għas-saħħa tal-bniedem. Fi kwalunkwe każ, din l-opinjoni ta’ l-10 ta’ Diċembru 1999 tal-KXD ċertament ma kelliex kopertura tal-medja u impatt fl-opinjoni pubblika komparabbli ma’ dik tal-komunikat tal-SEAC ta’ l-1996. Għalhekk, hemm lok li tiġi miċħuda t-teżi tar-rikorrenti li skond din hija biss mill-adozzjoni ta’ l-opinjoni ta’ l-10 ta’ Diċembru 1999 tal-KXD li l-familja ta’ H. E. R. setgħet raġonevolment tkun konxja mill-kawża probabbli tal-marda ta’ H. E. R.

55      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandu jiġi konkluż li, f'dak li jirrigwarda l-kumpens għad-danni li jirriżultaw mill-kontaminazzjoni u l-mewt ta’ H. E. R., dan ir-rikors ġie mressaq wara l-iskadenza tat-terminu ta' preskrizzjoni ta’ l-azzjoni.

56      Konsegwentement, għandu jiġi ddikjarat li l-azzjoni ta’ É. R., O. O., J. R., A. R. u B. P. R. hija preskritta. Għandu jiġi miċħud, għall-bqija, dan it-tielet motiv ta’ inammissibbiltà.

 Fuq il-mertu

57      Prinċipalment, ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni u lill-Kunsill li kisru regola superjuri tad-dritt li tipproteġi l-individwi, billi m'assigurawx livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-konsumaturi. Sussidjarjament, huma jsostnu li, fid-dawl tan-natura anormali u speċjali tad-dannu in kwistjoni, il-kumpens tiegħu għandu jiġi ggarantit mill-istituzzjonijiet Komunitarji anki fin-nuqqas ta’ ħtija ta’ dawn.

I –  Fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità għall-aġir illegali ta’ l-istituzzjonijiet konvenuti

A –  L-argumenti tal-partijiet

58      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill u l-Kummissjoni, b’mod persistenti u deliberatament, ipprivileġġaw l-interessi ta’ l-operaturi tas-suq tal-laħam ta’ l-ifrat bi ħsara għas-saħħa tal-konsumaturi fl-evalwazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji marbuta mal-BSE. Dawn l-istituzzjonijiet wettqu omissjonijiet dolużi fid-doveri u obbligi tagħhom fil-qasam tas-saħħa ta’ l-annimali u tal-bniedem u adottaw normi u miżuri insuffiċjenti, żbaljati, inadegwati jew tardivi sabiex jiffaċċjaw ir-riskji li jirriżultaw mill-BSE u mill-vġMCJ. Għaldaqstant, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jinżammu responsabbli għall-kontaminazzjoni mill-vġMCJ tal-membri tal-familja tar-rikorrenti, iżda din ir-responsabbiltà mhijiex esklussiva.

59      Il-konvenuti jfakkru li, fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, dritt għall-kumpens huwa rikonoxxut jekk tliet kundizzjonijiet jiġu sodisfatti, jiġifieri li r-regola ta' dritt miksura jkollha l-għan li tipproteġi lill-individwi u li l-ksur tagħha jkun suffiċjentement distint, li r-realtà tad-dannu tkun stabbilita u, fl-aħħar nett, li teżisti rabta kawżali diretta bejn il-ksur attribwit lill-Komunità u d-dannu subit mill-persuni milquta (is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Novembru 2002, Rica Foods et vs Il-Kummissjoni, T‑94/00, T‑110/00 u T‑159/00, Ġabra p. II‑4677, punti 250 u 251, u Exporteurs in Levende Varkens et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 81 u 91). Huma jikkontestaw li dawn it-tliet kundizzjonijiet huma kollha sodisfatti f’dan il-każ partikolari b’mod kumulattiv u jippreċiżaw li l-oneru tal-prova jaqa’ fuq ir-rikorrenti.

1.     Fuq l-illegalitajiet attribwiti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni

60      Ir-rikorrenti jsostnu li primarjament kienu l-Kunsill u l-Kummissjoni li kellhom jadottaw id-deċiżjonijiet xierqa sabiex jipprevjenu r-riskji marbuta mat-tixrid tal-BSE. Huma josservaw li, skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 129(1) tat-Trattat KE (li, wara emenda sar l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 152(1) KE) u skond ġurisprudenza stabbilita, il-ħtiġijiet fil-qasam tal-protezzjoni tas-saħħa għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni minn dawn l-istituzzjonijiet fl-implementazzjoni kemm tal-politika agrikola komuni (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Settembru 1994, KYDEP vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, C‑146/91, Ġabra p. I‑4199, punt 61) kif ukoll tal-prinċipju tal-moviment ħieles tal-merkanzija (id-digriet tal-president tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Lulju 1996, The National Farmers’ Union et vs Il-Kummissjoni, T‑76/96 R, Ġabra p. II‑815).

61      Ir-rikorrenti jammettu li l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom, fil-qasam tal-politika agrikola komuni, diskrezzjoni wiesa’ ta' evalwazzjoni f'dak li għandu x’jaqsam mad-definizzjoni ta’ l-għanijiet mfittxija u ma’ l-għażla tal-mezzi ta’ azzjoni xierqa u għalhekk fid-determinazzjoni tal-livell tar-riskju meqjus inaċċettabbli għas-soċjetà. Għaldaqstant, il-qorti Komunitarja għandha tevalwa jekk l-eżerċizzju ta’ tali diskrezzjoni huwiex ivvizzjat bi żball evidenti jew b’abbuż ta’ poter (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 1979, Racke, 98/78, Ġabra p. 69, punt 5, u tal-21 ta’ Frar 1990, Wuidart et, C‑267/88 sa C‑285/88, Ġabra p. I‑435, punt 14).

62      Ir-rikorrenti jfakkru li, skond l-Artikolu 130 R(2), tat-Trattat KE (li wara emenda sar l-Artikolu 174(2) KE), il-prinċipju ta’ prekawzjoni jikkostitwixxi wieħed mill-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-politika tal-Komunità fil-qasam ta’ l-ambjent. Dan il-prinċipju japplika wkoll meta l-istituzzjonijiet Komunitarji jieħdu, fil-kuntest tal-politika agrikola komuni, miżuri ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Renju Unit vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 100, u tal-5 ta’ Mejju 1998, National Farmers’ Union et, C‑157/96, Ġabra p. I‑2211, punt 64). Meta jkun hemm inċertezzi xjentifiċi rigward l-eżistenza jew il-portata ta' riskji għas-saħħa umana, l-istituzzjonijiet Komunitarji jistgħu jieħdu miżuri ta’ protezzjoni mingħajr ma jkollhom bżonn jistennew li r-realtà u s-serjetà ta’ dawn ir-riskji jiġu stabbilti kompletament (is-sentenzi Renju Unit vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 99, u National Farmers’ Union et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Lulju 1998, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, T‑199/96, Ġabra p. II‑2805, punt 66).

63      Il-konvenuti josservaw li l-miżuri fil-qasam ta' protezzjoni tas-saħħa pubblika jaqgħu, essenzjalment, taħt il-kompetenzi ta’ l-Istati Membri, li huma responsabbli li jadottaw il-miżuri kollha meqjusa neċessarji, kemm fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 30 KE, fl-oqsma fejn ma kienx hemm armonizzazzjoni fil-livell Komunitarju, kif ukoll fuq il-bażi tal-klawżoli differenti ta’ salvagwardja previsti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, fl-oqsma fejn kien hemm armonizzazzjoni. F’dan ir-rigward, il-konvenuti jirreferu b’mod partikolari għad-Direttivi 89/662 u 90/425. L-Istati Membri huma wkoll responsabbli għall-eżekuzzjoni ta’ l-atti Komunitarji u għall-verifika ta’ l-applikazzjoni tagħhom mill-individwi u l-kumpanniji. Madankollu, jistgħu biss ikunu l-oġġett ta’ rikors għal kumpens kontra l-istituzzjonijiet Komunitarji, l-atti jew omissjonsijiet li effettivament jirriżultaw biss mill-kompetenza esklużiva ta’ l-imsemmija istituzzjonijiet.

64      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, anki qabel ma l-prinċipju tal-prekawzjoni ġie stabbilit mill-ġurisprudenza, mis-snin 90, dan il-prinċipju serva ta' gwida għall-azzjonijiet tagħha fil-ġestjoni tal-"kriżi tal-mad cow disease". Hija tfakkar li r-rabta probabbli bejn il-vġMCJ u l-BSE ġiet imħabbra biss fl-1996 u li qabel din id-data x-xjenzati kienu jikkunsidraw li r-riskju għall-bniedem kien minimu. Madankollu, il-Kummissjoni ma llimitatx ruħha għal miżuri intiżi biss sabiex jipproteġu s-saħħa ta’ l-annimali, iżda adottat ukoll, sa mill-1989, miżuri fil-qasam tas-saħħa pubblika. Jekk dawn il-miżuri jistgħu jidhru fil-preżent bħala insuffiċjenti, l-azzjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-konoxxenzi inkompleti ta’ l-epoka.

65      Fir-rigward ta’ l-illegalitajiet konkretement attribwiti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, ir-rikorrenti jsostnu, fl-ewwel lok, li l-istituzzjonijiet konvenuti wettqu żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fil-ġestjoni tar-riskji marbuta mal-BSE. Fit-tieni lok, huma jakkużaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni b'abbuż ta’ poter. Fit-tielet lok, huma jallegaw ksur tal-prinċipji ta’ l-aspettattivi leġittimi u ta’ l-amministrazzjoni tajba.

a)     Fuq l-ilment ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fil-ġestjoni tal-kriżi tal-BSE

66      Ir-rikorrenti jsostnu li l-konvenuti adottaw il-miżuri rilevanti fir-rigward tar-riskji marbuta mal-BSE b’dewmien sinjifikanti meta mqabbel mal-miżuri meħuda mill-awtoritajiet tar-Renju Unit, li pprojbixxew l-għalf mitħun mil-laħam u l-għadam fl-ikel ta’ l-annimali li jixtarru f’Lulju 1988.

67      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-allegat dewmien fl-adozzjoni tal-miżuri adegwati. Hija ssostni li l-legalità ta’ att għandha tiġi evalwata fuq il-bażi ta’ l-elementi ta' fatt u ta' dritt eżistenti fid-data li fiha dan l-att ittieħed (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Frar 1979, Franza vs Il-Kummissjoni, 15/76 u 16/76, Ġabra p. 321, punt 7) u, għaldaqstant, ma tistax tiddependi minn evalwazzjonijiet retrospettivi li jikkonċernaw il-livell ta’ effikaċja tiegħu.

68      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jikkritikaw id-dewmien fl-adozzjoni ta’ l-ewwel miżuri Komunitarji ta' ġlieda kontra l-BSE. Fil-fatt, l-ewwel projbizzjonijiet ta’ esportazzjoni ta’ ċerti annimali bovini ħajjin mir-Renju Unit ġew stabbilita biss fit-28 ta’ Lulju 1989, bid-Deċiżjoni 89/469. In-notifika tal-każijiet tal-BSE saret obbligatorja biss mis-6 ta’ Marzu 1990, bid-Deċiżjoni 90/134. Fl-aħħar nett, kien biss fid-9 ta’ April 1990 li d-Deċiżjoni 90/200 ipprojbiet l-esportazzjoni mir-Renju Unit ta’ ċerti tessuti u organi ta’ l-ifrat.

69      Il-Kummissjoni tirribatti li hija adottat l-ewwel miżuri kontra l-BSE xi xhur biss wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-grupp ta’ ħidma fuq il-BSE ppubblikat mill-ministeru ta’ l-Agrikoltura, tas-Sajd u ta’ l-Ikel tar-Renju Unit fi Frar 1989 (rapport Southwood).

70      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jikkritikaw il-ġestjoni mill-konvenuti ta' fatturi oġġettivi ta' riskju bħall-konsum ta’ l-għalf importat mir-Renju Unit u l-possibbiltà ta’ riċiklaġġ ta’ l-aġent infettiv bl-użu ta' l-iskart ta’ l-annimali ttrasformat fil-produzzjoni ta’ l-ikel għal annimali. Huma jfakkru li l-miżuri introdotti mill-awtoritajiet tar-Renju Unit fl-1988 ma jipprekludix lill-produtturi tar-Renju Unit milli jesportaw legalment dan l-għalf lejn Stati Membri oħra. Madankollu, il-Komunità pprojbietx l-użu ta’ l-għalf mitħun minn laħam u minn għadam li joriġina minn tessuti ta' mammiferi fl-ikel ta’ l-annimali li jixtarru biss f’Lulju 1994, bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 94/381. Mid-dewmien ta’ dawn il-miżuri jirriżulta żvilupp epidemiku muri minn l-ewwel ħames każijiet ta’ BSE ddikjarati fi Franza fl-1991. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li, anki wara l-projbizzjoni ta’ l-użu tal-proteini tal-mammiferi fl-ikel ta’ l-annimali li jixtarru, l-annimali Ewropej baqgħu esposti għar-riskju tat-tixrid tal-BSE minħabba l-kontaminazzjoni mħallta fiċ-ċirkwiti ta' fabbrikazzjoni u ta' distribuzzjoni ta’ l-ikel ta’ l-annimali.

71      Il-Kummissjoni tosserva li, fl-1989 u fl-1990, il-kumitati veterinarji ma kinux irrakkomandaw l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja li tipprojbixxi l-għalf mitħun mil-laħam u mill-għadam. Madankollu, fid-dawl tar-rifjut espress mill-Istati Membri fl-1989, li jittieħdu miżuri li jmorru lil hinn mill-opinjoni tal-kumitati xjentifiċi, il-Kummissjoni kienet imġiegħla tirrinunzja milli tipprojbixxi dan l-għalf mitħun, u stiednet lill-Istati Membri sabiex jimplementaw projbizzjonijiet unilaterali.

72      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jikkritikaw id-dewmien ta’ l-istituzzjonijiet konvenuti fl-istabbiliment ta’ embargo fuq l-annimali ta’ l-ifrat kollha u l-prodotti ta’ l-ifrat li ġejjin mir-Renju Unit. Dan l-embargo ġie impost biss fis-27 ta’ Marzu 1996, bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 96/239.

73      Il-Kummissjoni tirribatti li, mill-1989 sa l-1996, l-ebda opinjoni xjentifika ma kienet irrakkomandat tali miżura ta’ embargo. Fid-dawl tas-sejba ta’ l-eżistenza ta’ rabta possibbli bejn il-BSE u l-vġMCJ, żvelata mill-Komunikat tas-SEAC ta’ l-20 ta’ Marzu 1996, il-Kummissjoni ddeċidiet immedjatament li tevalwa mill-ġdid ir-riskju. B’hekk, fit-22 ta’ Marzu 1996, hija laqqgħet il-kumitat xjentifiku veterinarju (KXV) u, fil-25 ta’ Marzu 1996, hija laqqgħet il-kumitat veterinarju permanenti (KVP). Wara r-rakkomandazzjoni ta’ dan l-aħħar, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 96/239 fis-27 ta’ Marzu 1996.

74      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jikkritikaw id-dewmien fl-istabbiliment tal-projbizzjoni milli jintużaw MRS. Fil-fatt, l-oppożizzjoni ta’ diversi Stati Membri, fil-kuntest kemm tal-KVP kif ukoll tal-Kunsill, kellha bħala konsegwenza li d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni 97/534, previst għall-1 ta’ Jannar 1998, ġie differit diversi drabi, peress li l-projbizzjoni tal-MRS saret effettiva biss sa mill-1 ta’ Ottubru 2000, wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2000/418. Madankollu, dik il-projbizzjoni tikkostitwixxi l-miżura prinċipali ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, peress li l-konsum tal-MRS kien jikkostitwixxi s-sors dirett ta' kontaminazzjoni mill-vġMCJ.

75      Il-Kummissjoni ssostni li, kuntrarjament għal dak li jaffermaw ir-rikorrenti, id-Deċiżjoni 2000/418 ma kenitx l-ewwel miżura Komunitarja relatata mal-projbizzjoni tal-MRS. Fil-fatt, id-Deċiżjoni 90/200 diġà kienet ipprovdiet għal projbizzjoni ta’ esportazzjoni mir-Renju Unit ta’ materjali bħall-moħħ, il-mudullun tad-dahar, it-timu, it-tunsilli, il-milsa u l-imsaren. Il-Kummissjoni ssostni li, għall-perijodu bejn l-1989 u l-1996, hija ħadet il-miżuri kollha rakkomandati mill-opinjonijiet tal-kumitati xjentifiċi fil-qasam ta' l-irtirar tal-MRS (li qabel kienu jissejħu "ġewwieni speċifikat ta’ l-ifrat" jew "SBO").

76      Fil-ħames lok, ir-rikorrenti jsostnu li, għalkemm l-istituzzjonijiet konvenuti kien kienu kisbu rapidament iċ-ċertezza ta’ estensjoni tal-BSE lejn pajjiżi Ewropej oħra minbarra r-Renju Unit u li huma kienu konxji tar-riskji ta’ evalwazzjoni prospettiva ta’ l-istatus epidemjoloġiku ta’ l-Istati Membri, kien biss permezz ta’ opinjoni tat-23 ta’ Jannar 1998, emendata fl-20 ta’ Frar 1998, li l-KXD kien irrakkomanda evalwazzjoni tar-riskju ġeografiku ppreżentat mill-BSE.

77      Il-Kummissjoni tikkontesta l-opinjoni li, mill-1990, tali evalwazzjoni prospettiva ta’ l-istatus epidemjoloġiku ta’ l-Istati Membri kienet indispensabbli. F'kull każ, id-Deċiżjoni 90/134 imponiet fuq l-Istati Membri kollha notifika obbligatorja ta' kull epidemija tal-BSE, li ppermetta s-sorveljanza ta' l-iżvilupp ta’ l-epidemija fid-diversi pajjiżi.

b)     Fuq l-ilment ibbażat fuq abbuż ta’ poter

78      Ir-rikorrenti jsostnu li, diversi drabi, il-Kummissjoni heddiet lil Istati Membri b’azzjoni ġudizzjarja sabiex tiddisswadihom milli jadottaw miżuri unilaterali ta' protezzjoni kontra r-riskji marbuta mal-BSE, minkejja li l-Artikolu 36 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 30 KE) jippermettilhom jadottaw miżuri bħal dawn. Huma jirreferu, b'mod partikolari, għall-oppożizzjoni tal-Kummissjoni għall-adozzjoni minn Franza, fl-1990, ta’ sospensjoni temporanja ta’ l-importazzjonijiet ta’ l-ifrat ħajjin u ta' prodotti derivati li ġejjin mir-Renju Unit, kif ukoll għat-twaqqif minn Franza, fl-1992, ta' miżuri temporanji ta’ projbizzjoni tat-tqegħid għall-bejgħ ta' supplementi ta’ l-ikel u prodotti intiżi għall-ikel tat-tfal li jkun fihom tessuti oħra minbarra muskoli li ġejjin mill-ifrat u min-nagħaġ. Dawn l-ordnijiet jindirizzaw l-interess li ma jiġix żvelat ir-riskju ta’ l-impatt tal-BSE fi Franza u li tinħeba l-insuffiċjenza tal-miżuri Komunitarji f’dan il-qasam u jikkostitwixxu abbuż ta’ poter.

79      Il-konvenuti jfakkru li, tammonta għal abbuż ta’ poter, l-adozzjoni minn istituzzjoni Komunitarja, ta’ att bl-għan esklużiv jew, almenu, determinanti li jintlaħqu finijiet oħra minn dawk sostnuti jew sabiex tiġi evitata proċedura speċjalment prevista mit-Trattat sabiex jiġu rrimedjati ċ-ċirkustanzi in kwistjoni (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Novembru 1996, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, C‑84/94, Ġabra p. I‑5755, punt 69). Madankollu, it-tħaddim tas-suq intern, peress li l-istabbilità tas-swieq agrikoli u l-garanzija ta’ livell ekwu ta' dħul lill-bdiewa li għandhom oġġettivi leġittimament imħaddna mill-Komunità fil-kuntest tal-poteri li jafda f'idejha t-Trattat, l-ilmenti tar-rikorrenti ma jistgħux jiddefinixxu abbuż ta’ poter.

c)     ċ) Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ amministrazzjoni tajba

80      Ir-rikorrenti jsostnu li l-konvenuti kisru l-aspettattivi leġittimi tal-konsumaturi Ewropej inkwantu, sabiex jevitaw li t-tixrid ta’ l-effetti tal-BSE jipprovoka waqgħa fis-suq tal-laħam ta’ l-ifrat, huma pprivileġġjaw politika ta' opaċità u nuqqas ta’ trasparenza u rrinunzjaw milli jqiegħdu fis-seħħ "pedagoġija tar-riskju". Ir-rikorrenti jikkritikaw ukoll in-nuqqas ta’ independenza u ta’ trasparenza ta’ l-opinjonijiet xjentifiċi Komunitarji. Huma josservaw f’dan ir-rigward li r-rapport tas-7 ta’ Frar 1997 tal-kummissjoni ta’ investigazzjoni tal-Parlament kkritikaw b’mod qawwi l-prevalenza tar-rappreżentanti tar-Renju Unit fil-KXV. Fl-aħħar nett, huma jikkritikaw lill-Kummissjoni li ma wettqet l-ebda spezzjoni rigward il-BSE sal-1994.

81      Il-konvenuti jfakkru li, fin-nuqqas ta’ assigurazzjonijiet preċiżi mogħtija mill-amministrazzjoni, ma jistax jiġi invokat ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Diċembru 1996, Atlanta et vs KE, T‑521/93, Ġabra p. II‑1707, punt 57). Madankollu, il-ksur ta’ assigurazzjonijiet bħal dawn lanqas biss ma ġie invokat f’dan il-każ. Fir-rigward ta’ l-allegat nuqqas ta’ spezzjonijiet Komunitarji rigward il-BSE bejn l-1990 u l-1994, il-Kummissjoni tippreċiża li l-kompitu jikkonsisti biss fil-kontroll ta’ l-attività ta’ spezzjoni ta’ l-Istati Membri.

2.     Fuq l-eżistenza ta' dannu

82      Ir-rikorrenti jinvokaw, fl-ewwel lok, l-eżistenza ta’ "dannu ta’ kontaminazzjoni", jiġifieri dannu personali mhux ekonomiku li jkopri d-disturbi u l-ħsara psikoloġika, fiżika u psikika kollha subiti minn kull waħda mill-vittmi tal-marda, li kienu eċċezzjonali f’dan il-każ. Dan id-dannu ta’ kontaminazzjoni ġie evalwat mill-qrati Franċiżi, f’każijiet ta’ kontaminazzjoni jatroġeniku (jiġifieri, ipprovokata minn trattamenti mediċi) mill-MCJ wara l-injezzjoni ta’ ormoni ta' tkabbir, għal EUR 340 000. Ir-rikorrenti jirraportaw, fit-tieni lok, danni morali, billi jaffermaw li d-disturbi ta' qrabathom milquta bil-marda, l-inċertezzi tad-dijanjożi u l-possibbiltà li huma stess jiġu kkontaminati kellhom fuqhom effett eċċezzjonali. Huma jitolbu kumpens, fit-tielet lok, għal danni materjali, kemm għat-telf muri kif ukoll għat-telf fil-qligħ minħabba l-marda ta' qrabathom. Fl-aħħar nett, huma jitolbu interessi kumpensatorji bir-rata ta’ 10 % sa mid-data rispettiva tal-mewt tal-vittmi u interessi moratorji sa mis-sentenza interlokutorja li għandha tingħata.

83      B’mod partikolari, fir-rigward tal-kontaminazzjoni u l-mewt ta’ L. D., ġew magħmula t-talbiet għal kumpens segwenti: ammont ta’ EUR 457 347,05 li għandhom jingħataw lill-avventi kawża tal-vittma, bħala kumpens għad-dannu ta' kontaminazzjoni; EUR 45 734,71 favur omm din ta' l-aħħar, għad-dannu morali li rriżulta minn din il-kontaminazzjoni; EUR 30 489,80 għal kull wieħed miż-żewġ ħutha subien u minn oħta, għad-danni morali li sofrew.

84      Fir-rigward tal-każ ta’ A. E., ġew magħmula t-talbiet għal kumpens segwenti: somma ta’ EUR 457 347,05 li għandha tingħata lill-avventi kawża tal-vittma, bħala kumpens tad-dannu tal-kontaminazzjoni; somma ta’ EUR 76 224,51 għal kull wieħed mill-ġenituri ta’ din, bħala kumpens għad-danni morali li jirriżultaw minn din il-kontaminazzjoni; somma ta’ EUR 76 224,51 ukoll favur tagħhom, fil-kwalità tagħhom bħala rappreżentanti legali ta’ binthom minorenni, għad-dannu morali subit minn din ta' l-aħħar minħabba tal-kontaminazzjoni ta’ ħuha l-kbir.

85      Fir-rigward ta' F. R., saru t-talbiet ta’ kumpens segwenti: ammont ta’ EUR 457 347, li għandha tingħata lill-avventi kawża tal-vittma, bħala kumpens għad-dannu tal-kontaminazzjoni; ammont ta’ EUR 76 224,51 favur l-armla ta’ dan, għad-dannu morali li rriżulta minn din il-kontaminazzjoni; bl-istess mod, għal din ta' l-aħħar, fil-kwalità tagħha bħala rappreżentanta legali ta’ binha minorenni, ammont ta’ EUR 76 224,51 bħala kumpens għad-dannu morali u l-istess somma għad-dannu materjali subit minn din; ammont ta’ 45 735 EUR għal kull wieħed mill-ġenituri tal-vittma, għad-dannu morali li rriżulta minn din il-kontaminazzjoni; ammont ta’ EUR 30 489 għal kull waħda mit-tliet aħwa bniet tal-vittma, bħala kumpens għad-danni morali.

86      Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ S. C. S., saru t-talbiet ta’ kumpens segwenti: somma ta’ EUR 457 347 favur l-armel tal-vittma, fil-kwalità tiegħu bħala avventi kawża tagħha u bħala rappreżentant legali tat-tfal minorenni tagħhom, abbażi tad-dannu li rriżulta mill-kontaminazzjoni; somma ta’ EUR 76 224,51 għad-dannu morali ta' l-armel, li rriżulta mill-kontaminazzjoni tal-konjuġi mejta; bl-istess mod, fil-kwalità tiegħu bħala rappreżentant legali tat-tliet uliedu minorenni, somma ta’ EUR 76 224,51 għal kull wieħed minnhom, bħala kumpens għad-dannu morali subit minnhom u l-istess somom għad-dannu materjali li sofrew.

87      Il-konvenuti jsostnu li r-rikors ma jagħti kważi l-ebda spjegazzjoni fuq il-mod kif ġie kkalkulat l-kumpens tad-danni. Il-konvenuti josservaw ukoll li, sabiex jiġi evalwat id-dannu materjali subit minħabba l-marda, jeħtieġ li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-ispejjeż marbuta mal-kuri u ma' l-assistenza tal-morda, it-telf ta' dħul matul il-perijodu tal-marda, id-danni materjali li jirriżultaw direttament mill-mewt u t-telf materjali dovut għal-lucrum cessans tal-persuni li jiddependu ekonomikament mill-vittma. Madankollu, ir-rikors bl-ebda mod ma jinkludi din l-informazzjoni. Barra minn hekk, il-konvenuti jsostnu li d-dannu morali tal-qraba tal-morda ma jirrappreżentax dannu kumpensabbli (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Ottubru 1986, Leussink et vs Il-Kummissjoni, 169/83 u 136/84, Ġabra p. 2801, punt 22), u jikkontestaw il-fatt li d-dannu morali proprju lill-vittma huwa trażmissibbli lill-avventi kawża tagħha. Fl-aħħar nett, l-istituzzjonijiet konvenuti jikkontestaw l-applikazzjoni tar-rata ta’ interessi ta’ 10 % mitluba mir-rikorrenti.

88      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, f’dan il-każ, ir-responsabbiltà predominanti għad-danni invokati taqa' fuq l-Istati Membri u ssostni li, għaldaqstant, l-ammont tal-kumpens li eventwalment jiġi kkunsidrat għandu jitnaqqas konsegwentement.

3.     Fuq l-eżistenza ta’ rabta kawżali

89      Ir-rikorrenti jsostnu li r-relazzjoni bejn il-BSE u l-vġMCJ hija, fil-preżent, stabbilita kemm permezz ta’ argumenti mediċi jew xjentifiċi kif ukoll permezz ta’ argumenti epidemjoloġiċi. Huma josservaw ukoll li, f’dan il-każ, ir-rapporti ta’ l-esperti mediċi jistabbilixxu dijanjożi ta’ ċertezza tal-vġMCJ għal kull waħda mill-vittmi mejta.

90      Ir-rikorrenti jsostnu li l-BSE ġiet deskritta għall-ewwel darba fir-Renju Unit f’Novembru 1986 u jippreċiżaw li l-awtoritajiet ta’ dan il-pajjiż identifikaw il-vġMCJ fl-20 ta’ Marzu 1996, meta r-Renju Unit kien akkumula 163 000 każ ta’ BSE u iktar minn 150 każ ta’ vġMCJ. Fi Franza, il-BSE dehret fl-1991 bid-dikjarazzjoni ta’ ħames każi f’annimali li ma kinux ġew importati mir-Renju Unit, iżda li l-kontaminazzjoni tagħhom hija mabuta mal-konsum ta’ għalf mitħun mil-laħam li ġej mir-Renju Unit. Franza kellha l-ikbar rata tal-BSE fost il-pajjiżi kontinentali, b’679 każ akkumulat fid-29 ta’ Awwissu 2002, u rreġistrat sitt każi ċerti jew probabbli ta’ vġMCJ sa l-2002.

91      Ir-rikorrenti josservaw li d-determinazzjoni tal-perijodu ta’ espożizzjoni tal-konsumaturi għar-riskju tal-BSE għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-iżvilupp tar-rata tal-marda ta’ l-ifrat fid-diversi pajjiżi Ewropej, kif ukoll dik ta’ l-influss ta’ l-ifrat u tal-prodotti ta’ l-ifrat li ġejjin mir-Renju Unit u ta’ l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni sabiex tipproteġi s-saħħa tal-konsumaturi għall-perijodu kkunsidrat. Huma jfakkru li l-ewwel miżuri preventivi fir-rigward tal-BSE ġew deċiżi fir-Renju Unit fl-1989. Madankollu, dawn il-miżuri kienu pprovokaw żieda qawwija fl-importazzjoni li ġejja mir-Renju Unit ta’ l-għalf mitħun mil-laħam u mill-għadam għall-Franza. Filwaqt li r-rata tal-BSE kienet naqset fir-Renju Unit, din il-marda tfaċċat fil-kontinent Ewropew, b’mod partikolari fi Franza, sa mill-1991. Fl-1996, ġiet adottat embargo Komunitarju fuq l-ifrat u l-prodotti li ġejjin mir-Renju Unit u, fi Franza, ġew imneħħija mill-katina alimentari l-ġewwieni b’riskji speċifikati, peress li dan l-irtirar sar effettiv fuq il-livell Komunitarju biss fl-2000. Sadattant, Franza importat 48 000 tunellata ta’ ġewwieni li ġej mir-Renju Unit mill-1988 sa l-1996, u 3 180 tunellata mill-1978 sa l-1987. Ir-rikorrenti jsostnu, fuq il-bażi ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, li l-espożizzjoni prinċipali tal-konsumaturi Franċiżi għar-riskju tal-BSE kien fil-perijodu bejn Lulju 1988 u l-1996, inkwantu l-adozzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni fir-Renju Unit u t-tnaqqis tar-riskju ta’ espożizzjoni f’dan il-pajjiż kienu akkumpanjati minn żieda fir-riskju ta’ espożizzjoni fil-pajjiżi l-oħra tal-Komunità, b’riżultat ta’ l-inerzja ta’ l-awtoritajiet nazzjonali u Komunitarji.

92      Ir-rikorrenti jindikaw, aktar speċifikament, li diversi opinjonijiet xjentifiċi kkonkludew favur l-utilità u r-rilevanza ta' l-irtirar tal-MRS mill-katina alimentari sabiex tiġi protetta s-saħħa tal-bniedem. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jikkontestaw l-argument li d-dannu kien jirriżulta mill-attività ta’ l-operaturi li pprattikaw kummerċ illegali tal-prodotti ta’ l-ifrat, peress li jirriżulta mill-opinjonijiet xjentifiċi u mill-perizja medika li l-vittmi in kwistjoni ġew ikkontaminati mill-inġestjoni ta’ tessuti kontaminati qabel il-projbizzjoni tagħhom fi Franza f’April 1996, u għaldaqstant qabel il-miżuri ta’ embargo ġenerali fuq il-kummerċjalizzazzjoni ta’ l-ifrat u prodotti ta’ l-ifrat li ġejjin mir-Renju Unit.

93      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jippreċiżaw li huma ma jqisux lill-Kummissjoni u lill-Kunsill bħala esklużivament responsabbli rigward il-kontaminazzjoni ta' qrabathom. Huma jsostnu li l-awtoritajiet Franċiżi ma adottawx il-miżuri neċessarji għall-prevenzjoni ta’ l-espożizzjoni tal-konsumaturi Franċiżi għar-riskju tal-BSE. Madankollu, il-fatt li Stat Membru wettaq żbalji ma jeskludix madankollu l-fatt li l-Komunità kkontribwit għad-dannu. F’każ bħal dan, il-vittma tista’ tikkontesta r-responsabbiltà ta’ l-Istat Membru quddiem il-qrati nazzjonali u dik tal-Komunità quddiem il-qorti Komunitarja (is-sentenza Kampffmeyer et vs Il-Kummissjoni KEE, iċċitata iktar ’il fuq).

94      Il-konvenuti jsostnu li r-rikorrenti ma ressqux il-prova ta’ l-eżistenza ta’ rabta kawżali diretta bejn l-aġir li huwa attribwit lilhom u d-dannu invokat.

95      Il-konvenuti jsostnu li r-rapporti mediċi pprovduti mir-rikorrenti ma jippermettux li jiġi stabbilit b’mod definittiv li, f’dan il-każ, il-kontaminazzjoni tal-vittmi mill-aġent patoġeniku tal-BSE saret permezz ta’ l-ikel. Bl-istess mod, ir-rikorrenti ma pprovdewx elementi jew offrew provi fuq in-natura preċiża tal-prodotti li kienu l-mezz ta’ trażmissjoni ta’ l-aġent patoġeniku u lanqas fuq id-drawwiet ta' konsum tal-persuni li mietu. B’mod partikolari, huma ma ndikawx jekk il-kontaminazzjoni ġietx ikkawżata minn prodotti Franċiżi jew minn prodotti importati mir-Renju Unit. Madankollu, fid-dawl tan-numru estemament limitat tal-każijiet ta’ BSE irreġistrati barra mir-Renju Unit, b’mod partikolari fi Franza (bejn l-1988 u l-1996, 25 każ ġew ikkonfermati f’dan il-pajjiż ta' l-aħħar, meta mqabbla mal-167 875 każ misjub fir-Renju Unit), ikun statistikament improbabbli ħafna li l-vittmi Franċiżi jkunu ġew infettati wara l-konsum ta' laħam Franċiż li ġej minn annimali infettati bil-BSE. Ikun iktar loġiku jekk jiġi presuppost li l-vittmi kkunsmaw, fi Franza jew x’imkien ieħor, laħam li ġej mir-Renju Unit provenjenti minn annimali infettati fis-snin 80.

96      F’dan ir-rigward, il-konvenuti jikkunsidraw li rabta kawżali diretta ma tistax tiġi rikonoxxuta f’dan il-każ minħabba l-inċertezza xjentifika li għad hemm dwar ir-riċerka dwar il-BSE, il-vġMCJ u r-rabta bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ mard. Skond l-opinjoni ta’ l-10 ta’ Diċembru 1999 tal-KXD, dawn l-inċertezzi jikkonċernaw, b’mod partikolari, it-tul massimu tal-perijodu ta’ inkubazzjoni – jew ta’ inattività – tal-vġMCJ – li jista’ jvarja bejn sena u iktar minn 25 sena –, id-doża minima infettiva, in-natura eżatta ta’ l-aġent infettiv u l-mod li permezz tiegħu l-infezzjoni hija mifruxa fit-tessuti differenti ta’ annimal jew ta’ bniedem ikkontaminat.

97      Il-konvenuti jsostnu li, partikolarment minħabba t-tul tal-perijodu ta’ inkubazzjoni tal-vġMCJ, mhuwiex possibbli li tiġi identifikata d-data li fiha l-persuni li mietu setgħu ġew ikkontaminati (ara, f’dan ir-rigward, l-opinjoni tas-7 ta’ Novembru 1995 tas-subgrupp BSE tal-KXV). Din l-impossibbiltà li tiġi stabbilita d-data preċiża tal-kontaminazzjoni tipprekludi l-eżami jekk, f’dak il-mument, l-istituzzjonijiet konvenuti kinux f’pożizzjoni li jieħdu l-miżuri protettivi xierqa.

98      Il-Kummissjoni tosserva wkoll li, kif jirriżulta mir-rapport speċjali tal-Qorti ta’ l-Awdituri Nru 14/2001, ċerti Stati Membri wrew dubji dwar it-traspożizzjoni tal-miżuri Komunitarji fid-dritt nazzjonali tagħhom, u b’hekk dewmu l-implementazzjoni ta’ protezzjoni effettiva tas-saħħa pubblika u ta’ l-annimali, u ma żgurawx mill-aħjar l-applikazzjoni tan-normi Komunitarji.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

99      Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità għal aġir illegali tal-korpi tagħha, fis-sens tat-tieni sub-paragrafu ta’ l-Artikolu 288 KE, iridu jiġu sodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri, l-illegalità ta’ l-aġir attribwit lill-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs Il-KEE, 26/81, Ġabra p. 3057, punt 16; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Lulju 1996, International Procurement Services vs Il-Kummissjoni, T-175/94, Ġabra p. II 729, punt 44; tas-16 ta’ Ottubru 1996, Efisol vs Il-Kummissjoni, T-336/94, Ġabra p. II-1343, punt 30, u tal-11 ta’ Lulju 1997, Oleifici Italiani vs Il-Kummissjoni, T-267/94, Ġabra p. II-1239, punt 20).

100    Fir-rigward ta’ l-ewwel waħda mill-kundizzjonijiet, il-ġurisprudenza teżiġi li jiġi stabbilit ksur suffiċjentement serju ta’ regola tad-dritt intiża sabiex tagħti drittijiet lill-individwi (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C-352/98 P, Ġabra p. I-5291 punt 42). Fir-rigward ta' l-eżiġenza li l-ksur ikun suffiċjentement serju, il-kriterju deċiżiv sabiex jiġi kkunsidrat li din l-eżiġenza hija sodisfatta huwa dak tan-nuqqas manifest u gravi ta’ l-istituzzjoni Komunitarja kkonċernata milli tosserva l-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha. Meta din l-istituzzjoni jkollha biss marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment imnaqqas, jew saħansitra ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt Komunitarju jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Camar u Tico, C‑312/00 P, Ġabra p. I‑11355, punt 54; u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Lulju 2001, Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, T-198/95, T-171/96, T-230/97, T-174/98 u T-225/99, Ġabra p. II-1975, punt 134).

101    Jekk xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tiġix sodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu mingħajr il-ħtieġa li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra (is-sentenza KYDEP vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 19 u 81, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Frar 2002, Förde-Reederei vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-170/00, Ġabra p. II-515, punt 37).

102    F’dan il-każ, l-ewwel nett għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegatament illegali ta’ l-istituzzjonijiet konvenuti u d-dannu invokat mir-rikorrenti.

103    Skond ġurisprudenza kostanti, rabta kawżali skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 288 KE hija stabbilita meta teżisti rabta ċerta u diretta minn kawża għal effett bejn in-nuqqas min-naħa ta' l-istituzzjoni kkonċernata u d-dannu invokat, rabta li r-rikorrenti għandhom l-oneru tal-prova tagħha (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Jannar 1987, GAEC de la Ségaude vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, 253/84, Ġabra p.123, punt 20, u tat-30 ta’ Jannar 1992, Finsider et vs Il-Kummissjoni, C 363/88 u C 364/88, Ġabra p. I 359, punt 25; is-sentenza Coldiretti et vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 101).

104    F’dan il-każ, l-illegalitajiet attribwiti mir-rikorrenti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jikkonsistu essenzjalment f'nuqqasijiet dolużi fl-obbligi tagħhom fil-qasam tas-saħħa ta’ l-annimali u tal-bniedem, kif ukoll fl-adozzjoni ta' normu u ta' miżuri insuffiċjenti, żbaljati, inadegwati jew tardivi sabiex jiġu ffaċċjati r-riskji li jirriżultaw mill-BSE u mill-vġMCJ. Ir-rikorrenti jallegaw li d-danni subiti joriġinaw direttament mill-kontaminazzjoni mill-vġMCJ ta' membri tal-familji tagħhom u fl-imwiet tagħhom minħabba din il-marda. Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jinżammu responsabbli, iżda mhux esklużivament, għal din il-kontaminazzjoni.

105    Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti ressqux provi jew indizji tali li juru, fl-ewwel lok, li qrabathom ġew ikkontaminati mill-vġMCJ u li din l-infezzjoni ġiet prodotta mill-konsum tal-laħam ta’ l-ifrat milqut mill-BSE u, fit-tieni lok, li l-azzjonijiet u l-ommissjonijiet attribwiti lill-konvenuti setgħu jiġu kkunsidrati bħala l-oriġini ta’ l-imsemmija kontaminazzjoni.

106    Fir-rigward ta’ l-ewwel domanda, jiġifieri l-kawża tal-mewt tal-membri tal-familji tar-rikorrenti, qabel kollox għandu jiġi kkonstatat li jirriżulta minn żewġ serje ta’ rapporti ta’ esperti mediċi mressqa mir-rikorrenti – minn naħa, ir-rapporti ta’ l-1 ta’ Ottubru 2002, tat-13 ta’ April, ta’ l-20 ta’ Mejju u tas-6 ta’ Ġunju 2003, imħejjija fuq talba tat-Tribunal de grande instance ta' Pariġi, u, min-naħa l-oħra, ir-rapporti tad-29 ta’ Jannar 2004, imħejjija fuq talba tat-Tribunal administratif ta' Pariġi – li, għall-vittmi kollha, id-dijanjożi tal-vġMCJ ġiet stabbilta mingħajr ekwivoku, b'esklużjoni espliċita ta’ kull dijanjożi alternattiva. Minbarra dan, l-imsemmija rapporti jikkonkludu li l-metodu ta’ infezzjoni l-iktar probabbli f’dawn il-każijiet ta’ vġMCJ kien oralment, jiġifieri b'kontaminazzjoni ta’ l-ikel. B’hekk, il-possibbiltà ta’ MCJ jatroġeniku, jiġifieri, ikkawżat minn trattamenti mediċi, ġiet eskluża. Dawn ir-rapporti jikkonfermaw, iktar speċifikament, li dawn l-infezzjonijiet huma trażmessi lill-bniedem mill-BSE.

107    Barra minn hekk għandu jiġi osservat li issa jidher li huwa ġeneralment aċċettat fis-soċjetà xjentifika li l-vġMCJ hija dovuta għal kontaminazzjoni mill-aġent tal-BSE. Il-konvenuti nfushom irrikonoxxew li huwa xjentifikament ippruvat li jeżistu karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u bijoloġiċi komuni għall-BSE u għall-vġMCJ. Bl-istess mod, l-opinjoni tal-KXD ta’ l-10 ta’ Diċembru 1999 dwar ir-riskju ta’ espożizzjoni tal-bniedem għall-BSE permezz ta’ l-ikel (ara l-punt 48 iktar ’il fuq) tafferma li provi xjentifiċi jindikaw li l-BSE u l-vġMCJ huma wisq probabbilment ikkawżati mill-istess aġent u minn dan il-fatt tikkonkludi li l-vittmi umani probabbilment ġew infettati wara l-konsum orali tal-materjal kontaminat mill-BSE. Fl-aħħar nett, id-Deċiżjoni 2000/418 tindika fil-preambolu tagħha li "[i]l-provi li l-aġent kawżali tal-BSE huwa identiku għal dak tal-[vġMCJ] qed jiżdiedu".

108    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis suffiċjentement stabbilit li l-qraba tar-rikorrenti mietu bil-vġMCJ u li din il-marda ġiet ikkawżata mill-konsum tal-laħam ta’ l-ifrat milquta mill-BSE.

109    Fir-rigward tat-tieni domanda, jiġifieri dwar jekk l-azzjoniijiet u ommissjonijiet attribwiti lill-konvenuti jistgħux jiġu kkunsidrati li huma l-oriġini tal-kontaminazzjoni tal-membri mejta tal-familja tar-rikorrenti, dawn ta' l-aħħar essenzjalment isostnu li l-Kunsill u l-Kummissjoni ma adottawx, fiż-żmien xieraq, il-miżuri neċessarji u xierqa li kienu meħtieġa sabiex jiġu ffaċċjati r-riskji li l-kriżi tal-BSE kienet tippreżenta għas-saħħa pubblika. Dawn l-istituzzjonijiet b’hekk huma responsabbli li ma pprevenewx it-tixrid tal-BSE – li kienet inxterdet mill-bhejjem tar-Renju Unit, fejn hija tfaċċat, għall-bhejjem ta’ Stati Membri oħra –, kif ukoll li ma evitatx li din, taħt forma ta’ vġMCJ, tiġi trażmessa lill-bniedem.

110    Għall-finijiet ta’ l-eżami ta’ din id-domanda, jeħtieġ li qabel kollox, jitqiesu d-dati ta' kontaminazzjoni tal-vittmi u l-perijodu ta’ inkubazzjoni tal-marda u li mbagħad tiġi vverifikata, l-eżistenza possibbli ta’ rabta kawżali bejn id-danni stabbiliti u l-aġir differenti allegatament illegali konkretement attribwit lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

111    Huwa importanti li jiġi mfakkar, fi kwalunkwe każ, li l-possibbiltà ta’ trażmissjoni tal-BSE lill-bniedem ġiet xjentifikament stabbilita biss f’Marzu 1996, mument fejn SEAC ħarġet il-komunikat tagħha li tagħmel referenza għal rabta probabbli bejn il-BSE u l-vġMCJ. Madankollu, kif jiżvelaw il-konvenuti, l-azzjoni tagħhom għandha tiġi ġġudikata fid-dawl ta’ l-istat ta' l-għarfien xjentifiku u tal-livell tal-prudenza u tal-prekawzjoni mitluba fiż-żmien tal-fatti.

1.     Għal dak li jikkonċerna d-dati ta’ kontaminazzjoni tal-vittmi u l-perijodu ta’ inkubazzjoni tal-marda

112    Jirriżulta mill-fajl li d-dati ta’ kontaminazzjoni tal-membri tal-familji tar-rikorrenti ma jistgħux jiġu stabbiliti bi preċiżjoni. Ir-rikorrenti jsostnu f’dan ir-rigward li l-espożizzjoni prinċipali tal-konsumaturi Franċiżi għar-riskju tal-BSE kienet fil-perijodu bejn Lulju 1988 – mument li fih l-awtoritajiet tar-Renju Unit stabbilixxew l-ewwel miżuri ta’ protezzjoni dwar il-BSE – u Marzu jew April 1996 – meta l-Komunità imponiet embargo fuq il-prodotti ta’ l-ifrat u l-għalf mitħun mil-laħam u mill-għadam li ġej mir-Renju Unit u li Franza pprojbiet il-konsum tal-ġewwieni b’riskji speċifikati (ara l-punt 91, iktar ’il fuq). B’mod partikolari, ir-rikorrenti jsostnu li qrabathom ġew ikkontaminati mhux iktar mill-1996 (ara l-punt 92, iktar ’il fuq). Għandu wkoll jiġi osservat li r-rapporti ta’ l-esperti mqabbda mit-Tribunal de grande instance ta' Pariġi u mit-Tribunal administratif ta' Pariġi, wara li kkonstataw li d-dati tal-kontaminazzjoni tal-membri mejta tal-familji tar-rikorrenti ma setgħux jiġu stabbiliti bi preċiżjoni, stabbilixxew id-dati probabbli ta’ din il-kontaminazzjoni bejn 1980 u 1996.

113    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-vġMCJ hija kkaratterizzata miż-żmien twil tal-perijodu ta’ inkubazzjoni tagħha. Fil-fatt, l-opinjoni ta’ l-10 ta’ Diċembru 1999 tal-KXD fuq ir-riskju ta’ espożizzjoni tal-bniedem għall-BSE permezz ta’ l-ikel (ara l-punt 48 iktar ’il fuq), filwaqt li tindika li dan iż-żmien jibqa’ mhux magħruf, tispeċifika li dan jista’ jvarja bejn perijodu ta' ftit snin u perijodu ta' iktar minn 25 sena. Ir-rikorrenti nfushom żvelaw li l-enċefalopatiji sponġiformi tranżmissibbli huma kkaratterizzati minn fażi twila ta’ inattività fl-individwu infettat, li tista’ ddum sa 30 sena fil-bniedem (ara r-rikors, punt 103). Fl-aħħar nett, ir-rapporti ta’ l-esperti mħejjija fuq it-talba tat-Tribunal de grande instance ta' Pariġi u tat-Tribunal administratif ta' Pariġi jiżvelaw li "[d]-data klinika u l-immudellar dwar iż-żmien ta’ l-inkubazzjoni jissuġerixxu terminu ta’ bejn 15 u 20 sena bejn l-espożizzjoni għall-aġent tal-BSE u l-manifestazzjoni ta’ varjant ġdid fil-bniedem" u jippreċiżaw li, "tkun xi tkun il-forma tal-[MCJ] u tkun xi tkun l-oriġini tagħha, din hija marda li għandha inkubazzjoni twila ħafna (diversi snin)", li "din l-inkubazzjoni hija ta’ żmien varjabbli skond il-każ" u li "il-varjanti marbuta mal-[BSE] taqa' taħt l-iskop ta' dik il-karatteristika evoluttiva tal-marda". Fl-aħħar nett, għandu jiġi mfakkar li l-BSE, li hija l-kawża tal-kontaminazzjoni mill-vġMCJ, għandha wkoll żmien ta’ inkubazzjoni fl-ifrat li jista’ jestendi għal diversi snin. Fil-fatt, skond l-opinjoni ta’ l-10 ta’ Diċembru 1999 tal-KXD, il-perijodu ta’ inkubazzjoni tal-BSE huwa ta' tul medju ta’ ħames snin, li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet huwa ta' bejn erba’ u sitt snin.

114    Fuq il-bażi tal-konstatazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li, f’dan il-każ partikolari, il-membri tal-familji tar-rikorrenti milquta mill-vġMCJ setgħu jiġu infettati mill-aġent ta’ din il-marda mhux biss bejn l-1988 u l-1996, kif isostnu r-rikorrenti, iżda anki qabel l-1988. Madankollu, għandu jiġi mfakkar, fl-ewwel lok, li huwa ġeneralment aċċettat li l-possibbiltà ta' trażmissjoni tal-BSE lill-bniedem ġiet rikonoxxuta xjentifikament biss fl-1996. Fit-tieni lok, kif tosservah l-opinjoni ta’ l-10 ta’ Diċembru 1999 tal-KXD (ara l-punt 48 iktar ’il fuq), il-BSE hija marda ġdida li tfaċċat fir-Renju Unit probabbilment bejn l-1980 u l-1985, iżda li ġiet identifikata u deskritta biss f’Novembru 1986. Għaldaqstant, il-kontaminazzjoni tal-vittmi in kwistjoni setgħet isseħħ biss f’mument meta r-riskji assoċjati mal-BSE, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw is-saħħa tal-bniedem, kienu fil-biċċa l-kbira mhux magħrufa fost is-soċjetà xjentifika.

115    B'mod iktar partikolari, peress li dik il-kontaminazzjoni setgħet isseħħ qabel l-1988, ma jistax jitqies bħala stabbilit li l-aġir allegatament illegali attribwit mir-rikorrenti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, li seħħ kollu wara din id-data, neċessarjament u direttament kien il-kawża tad-danni invokati.

2.     Fir-rigward ta' l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn id-danni invokati u l-aġir attribwit lill-Kunsill u lill-Kummissjoni

116    Iż-żewġ kritiki fundamentali tar-rikorrenti fir-rigward tal-ġestjoni tal-BSE u tal-vġMCJ mill-Kunsill u mill-Kummissjoni jikkonċernaw, minn naħa, l-allegat dewmien tagħhom fil-projbizzjoni ta’ l-użu ta’ l-għalf mitħun mil-laħam u mill-għadam fl-ikel ta’ l-annimali ta' trobbija, li, skond ir-rikorrenti, ipprovoka t-tixrid tal-BSE barra mir-Renju Unit, u, min-naħa l-oħra, l-allegat dewmien tagħhom fl-irtirar tal-MRS mill-katina alimentari, li hija l-kaġun tal-kontaminazzjoni tal-vittmi umani mill-vġMCJ. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jidentifikaw aġir ieħor tal-konvenuti li jikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni u jakkużawhom ukoll b’abbuż ta’ poter u ksur tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ amministrazzjoni tajba.

a)     Fuq l-allegat dewmien fil-projbizzjoni ta’ l-għalf mitħun mil-laħam u mill-għadam

117    Ir-rikorrenti jsostnu li l-BSE infirxet fl-Ewropa kontinentali, b’mod partikolari fi Franza, b’mod partikolari minħabba l-użu, fl-ikel ta’ l-annimali ta' trobbija, ta’ għalf mitħun mil-laħam u mill-għadam kontaminat importat mir-Renju Unit. Huma josservaw li l-awtoritajiet ta’ dan il-pajjiż ipprojbixxew fl-1988 l-ikel ta’ annimali li jixtarru b’għalf mitħun ta’ annimali li jixtarru, iżda li huma ma pprojbixxewx l-esportazzjoni ta’ dan l-għalf mitħun fl-Istai Membri l-oħra. Dan ipprovoka żieda importanti fl-importazzjoni ta’ għalf mitħun kontaminat li ġej mir-Renju Unit fi Franza li l-konsum tiegħu mill-bhejjem ta’ l-ifrat Franċiżi kien il-kawża tal-manifestazzjoni tal-BSE f’dan il-pajjiż. Madankollu, il-konvenuti kienu ipprojbixxew l-użu ta’ l-għalf mitħun mil-laħam u mill-għadam li ġej minn tessuti tal-mammiferi fl-ikel ta’ l-annimali li jixtarru biss f’Ġunju 1994, bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 94/381. Il-projbizzjoni parzjali ta’ l-użu ta’ l-għalf mitħun mil-laħam u mill-għadam stabbilita permezz ta’ din id-deċiżjoni, minbarra dan, ma evitatx l-espożizzjoni tal-bovini għall-aġent infettiv, minħabba l-kontaminazzjonijiet imħallta. Waqt is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżaw li, peress li l-espożizzjoni tal-bniedem għall-vġMCJ kienet marbuta mat-tixrid tal-BSE, dan l-aġir allegatament illegali tal-konvenuti fil-ġestjoni tagħhom tal-marda ta’ l-ifrat kellu konsegwenzi fuq ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem.

118    Qabel kollox għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk l-oriġini eżatta tal-BSE ma tidhirx li hija magħrufa kompletament, ix-xogħlijiet xjentifiċi mwettqa fuq din il-marda jindikaw li – minbarra numru mnaqqas ta’ każijiet (inqas minn 10 %) ikkawżati minn trażmissjoni mill-omm – il-BSE tirriżulta wisq probabbilment mill-inġestjoni ta’ għalf mitħun mil-laħam u mill-għadam li jinkludi l-aġent infettiv (rapport speċjali nru 14/2001 tal-Qorti ta’ l-Awdituri, punti 6 u 29). Fil-fatt, kif tindikah id-Deċiżjoni 94/381, huwa stmat li l-preżenza tal-BSE fil-bhejjem ġejja mill-proteini ta’ l-annimali li jixtarru li jkun fihom l-aġent ta’ l-iscrapie, u, iktar tard, dik tal-BSE, u li ma ġewx trattati suffiċjentement sabiex jiġu diżattivati l-aġenti infettivi (l-ewwel premessa). Jirriżulta li, sabiex tiġi miġġielda l-firxa ta’ dik il-marda, kien partikolarment neċessarju li jiġi pprojbit li t-tessuti li jista' jkun fihom l-aġent tal-BSE jiġu introdotti fil-katina alimentari ta’ l-annimali.

119    Madankollu, minkejja li l-awtoritajiet tar-Renju Unit, f’Lulju 1988, kienu pprojbixxew lil dawk li jrabbu l-annimali li huma stabbiliti fit-territorju tagħhom milli jitimgħu lill-annimali li jixtarru b’għalf mitħun mil-laħam u mill-għadam li jkun fih proteini ta’ l-annimali li jixtarru, il-konvenuti, inizjalment, ma adottawx miżuri simili fuq il-livell Komunitarju. Fil-fatt, kif josservawh ir-rikorrenti, huma pprojbixxew biss f’Ġunju 1994 l-użu ta' proteini li ġejjin minn mammiferi fl-ikel ta’ l-annimali li jixtarru fil-Komunità kollha, bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 94/381. Bl-istess mod, l-esportazzjoni ta’ għalf mitħun mil-laħam u mill-għadam mir-Renju Unit lejn l-Istati Membri l-oħra ġie pprojbit espressament fl-1996 biss, bid-Deċiżjoni 96/239.

120    Ċertament, f'dak iż-żmien, il-karatteristiċi tal-marda u, iktar speċifikament, il-kawżi tat-trażmissjoni tagħha, ma kinux totalment magħrufa. Bl-istess mod, qabel l-1994, ir-rata tal-BSE f’pajjiżi oħra minbarra r-Renju Unit – u, b’rata inqas, fl-Irlanda – kienet kunsiderevolment limitata. Fil-fatt, bejn l-1988 u l-1994, fl-Ewropa kontinentali, il-BSE instabet biss fil-Ġermanja (4 każijiet), fid-Danimarka (każ wieħed), fi Franza (10 każijiet), fl-Italja (2 każijiet) u fil-Portugall (18-il każ) (rapport speċjali Nru 14/2001 tal-Qorti ta’ l-Awdituri, illustrazzjoni Nru 4).

121    Għandu jiġi osservat, f'kull każ li, kif jirriżulta mir-risposta mogħtija f’Settembru 1996 mill-Kummissjoni għad-domandi tal-kummissjoni ta’ inkjesta tal-Parlament, fl-1991, l-Istati Membri kollha kienu diġà adottaw miżuri nazzjonali li jipprojbixxu l-importazzjoni ta’ għalf mitħun mil-laħam u mill-għadam li ġejjin mir-Renju Unit, skond ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

122    Bl-istess mod, seba’ Stati Membri adottaw, bejn l-1989 u l-1990, miżuri ta’ projbizzjoni ta’ l-użu ta' proteini li ġejjin minn tessuti ta' mammiferi fl-ikel ta’ l-annimali li jixtarru. B’mod partikolari, ir-Repubblika Franċiża pprojbiet l-użu ta' proteini ta' mammiferi fl-ikel ta’ l-ifrat f’Lulju 1990. Fil-fatt, skond l-Artikolu 1 tas-sentenza ta’ l-24 ta’ Lulju 1990 li tipprojbixxi l-użu ta’ ċerti proteini li ġejjin mill-annimali fl-ikel u l-produzzjoni ta’ l-ikel intiż għall-annimali ta’ l-ispeċi ta’ l-ifrat (Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Franċiża tal-11 ta’ Awwissu 1990, p. 9837), kif emendat mill-Artikolu 1 tas-sentenza tas-26 ta’ Settembru 1990 (Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Franċiża tas-7 ta’ Ottubru 1990, p. 12162), "[l]-użu ta’ l-għalf mitħun u trab ta’ l-għadam u tal-proteini li ġejjin mill-annimali, bl-eċċezzjoni tal-proteini li ġejjin minn prodotti tal-ħalib, mit-tjur, mill-prodotti tal-bajd, mill-ħut jew mill-annimali marini meta huma s-suġġett ta’ ġbir, ta’ trattament u ta' ħżin separati, huwa pprojbit għall-ikel ta’ l-annimali ta’ l-ispeċi ta’ l-ifrat jew il-produzzjoni ta’ l-ikel intiż għal dawn l-annimali".

123    Barra minn hekk, sa mill-1994, il-konvenuti implementaw gradwalment strateġija bil-għan speċifiku li timpedixxi, fil-Komunità kollha, li t-tessuti li jista' jkun fihom l-aġent tal-BSE ma jiġux introdotti fil-katina alimentari ta’ l-annimali. Fost dawn il-miżuri, għandha tiġi enfasizzata d-Deċiżjoni 94/381, li tipprojbixxi, fil-Komunità kollha, l-użu ta' proteini li ġejjin minn mammiferi fl-ikel ta’ l-annimali li jixtarru – madankollu bil-possibbiltà li tiġi awtorizzata, fuq bażi individwali, l-applikazzjoni ta' sistemi li jippermettu li ssir distinzjoni bejn il-proteini ta’ l-annimali li jixtarru minn dawk li ġejjin minn annimali li ma jixtarrux.

124    Ir-rikorrenti madankollu jsostnu li dawn id-dispożizzjonijiet kienu insuffiċjenti, b’mod partikolari minħabba li d-Deċiżjoni 94/381 ipprojbiet il-proteini li ġejjin minn mammiferi biss mill-ikel ta’ l-annimali li jixtarru, u għaldaqstant mhux minn dak ta’ l-annimali l-oħra ta' trobbija – b’mod partikolari ħnieżer u tjur. Fl-opinjoni tagħhom, din il-projbizzjoni parzjali li tkun seħħet tammonta għal sors ta’ kontaminazzjoni mħallta u, b’hekk, ta' tixrid tal-BSE.

125    F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-projbizzjoni assoluta ta’ l-użu ta' proteini ta’ l-annimali fl-ikel ta’ l-annimali kollha ta' trobbija ġiet introdotta fil-Komunità kollha biss bid-Deċiżjoni 2000/766, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2001. Għandu jiġi osservat li, f'kull każ, l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni saret neċessarja minħabba d-defiċjenzi sistematiċi fl-implementazzjoni tar-regoli Komunitarji fuq l-għalf mitħun mil-laħam u mill-għadam f'diversi Stati Membri (ara r-raba’ sa s-sitt premessa tad-Deċiżjoni 2000/766).

126    Fil-fatt, kif jirriżulta mir-rapport speċjali Nru 14/2001 tal-Qorti ta’ l-Awdituri (ara l-punt 31 iktar ’il fuq), il-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri, fosthom ir-Repubblika Franċiża ttolleraw ċertu livell ta’ kontaminazzjoni, minkejja li l-leġiżlazzjoni Komunitarja ma tipprovdix għal marġini ta’ tolleranza. Bl-istess mod, spezzjonijiet imwettqa bejn l-1998 u s-sena 2000 mill-Uffiċju Alimentari u Veterinarju tal-Kummissjoni (UAV) urew nuqqasijiet fil-qasam ta' kontroll ta' l-iskambji kummerċjali ta’ dan l-għalf mitħun fil-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri. L l-ispezzjonijiet ta’ l-UAV żvelaw ukoll li l-industrija ta’ l-ikel għal annimali ma ħadmux biżżejjed sabiex jevitaw li l-għalf mitħun mil-laħam u mill-għadam ma jidħolx fl-ikel tal-bhejjem, u li l-ikel ikkonċernat ikun dejjem immarkat korrettament permezz ta’ tikketti, b’mod partikolari fi Franza. Dawn in-nuqqasijiet ikkontribwew għall-fatt li xi sidien użaw, bi żball, ikel potenzjalment infettiv għall-bhejjem tagħhom (ara r-rapport speċjali Nru 14/2001 tal-Qorti ta’ l-Awdituri, punt 33).

127    Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li mhuwiex ppruvat li l-ġestjoni mill-konvenuti tal-problemi marbuta ma’ l-użu ta’ l-għalf mitħun mil-laħam u mill-għadam fl-ikel ta’ l-annimali ta' trobbija, fosthom l-annimali li jixtarru, kienet kawża determinanti tat-tixrid tal-BSE barra mir-Renju Unit, b’mod partikolari fi Franza, u, b’hekk, tal-kontaminazzjoni mill-vġMCJ tal-membri tal-familja tar-rikorrenti. Fil-fatt, fid-dawl b’mod partikolari kemm tal-miżuri, adottati minn diversi Stati Membri fosthom Franza, ta' projbizzjoni ta’ l-importazzjoni ta’ għalf mitħun mil-laħam u mill-għadam li ġej mir-Renju Unit u ta’ l-użu ta' proteini li ġejjin minn tessuti ta’ mammiferi fl-ikel ta’ l-annimali li jixtarru, kif ukoll tan-nuqqasijiet ta’ l-awtoritajiet nazzjonali u ta’ l-operaturi privati fl-applikazzjoni tan-normi Komunitarji, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tikkunsidrax li huwa stabbilit li, jekk il-Kummissjoni u l-Kunsill kienu adottaw – jew kienu adottaw iktar kmieni – il-miżuri li r-rikorrenti takkużahom li ma ħadux, l-allegati danni ma kinux iseħħu. A fortiori, mhuwiex stabbilit li l-aġir identifikat mir-rikorrenti f’dan ir-rigward jista' jikkostitwixxi l-kawża ċerta u diretta tal-kontaminazzjoni tal-membri tal-familja tar-rikorrenti mill-vġMCJ.

b)     Fuq l-allegat dewmien tal-projbizzjoni ta’ l-użu tal-MRS

128    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-projbizzjoni ta’ l-użu tal-MRS tikkostitwixxi l-miżura l-iktar importanti ta’ protezzjoni kontra r-riskju li l-vġMCJ jippreżenta għas-saħħa tal-bniedem, peress li dawn il-materjali perikolużi jirrapreżentaw is-sors prinċipali ta' kontaminazzjoni għall-bniedem. Huma josservaw li, minkejja li diversi opinjonijiet xjentifiċi kienu rrakkomandaw, sa mill-1989, in-neċessità ta’ tali miżura, il-konvenuti adottawha biss tard ħafna. Fil-fatt, il-projbizzjoni ta’ l-użu ta’ kull tip ta’ MRS ġiet deċiża biss fl-1997, bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 97/534. Barra minn dan, id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, li kellha sseħħ fl-1 ta’ Jannar 1998, kienet ġiet sussegwentement ittardjata mill-Kummissjoni u l-Kunsill bi kważi tliet snin. B’hekk, din il-projbizzjoni ma daħlitx fis-seħħ fil-Komunità kollha qabel l-1 ta’ Ottubru 2000, bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2000/418.

129    Huwa importanti li jiġi osservat qabel kollox li, kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti jidhru li qed jallegaw, l-opinjoni tas-27 ta’ Novembru 1989 tal-KXV tikkonkludi li f'dak iż-żmien ma kienx hemm evidenza li l-enċefalopatija sponġiformi ta’ l-annimali kienet trażmissibbli lill-bniedem, minkejja li tindika li ma setax jiġi eskluż li jista’ jeżisti riskju baxx għas-saħħa tal-bniedem li ġej mit-tessuti b’livell għoli infettiv. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-KXV irrakomanda biss l-esklużjoni tal-katina alimentari tal-bniedem tal-ġewwieni ta’ l-iftat speċifikat (jiġifieri l-moħħ, il-mudullun tad-dahar, it-timu, it-tunsilli, il-milsa u l-imsaren) ta’ annimali li ġejjin minn pajjiż fejn il-BSE tkun mifruxa.

130    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, sa l-1989, każijiet ta' BSE ġew identifikati biss fir-Renju Unit. Imbagħad, bejn l-1989 u l-1996, il-biċċa l-kbira tal-każijiet ta' BSE instabu wkoll f’dan il-pajjiż. Fil-fatt, ir-Renju Unit kellu 165 402 każ ta’ BSE f’dan il-perijodu. L-Irlanda, min-naħa tagħha, kellha biss 189 każ. Fl-aħħar nett, 25 każ biss ta’ BSE ġew identifikati fi Franza f’dan l-intervall, filwaqt li l-Istati Membri l-oħra ta’ l-Ewropa kontinentali wkoll kellhom ftit każijiet biss (b’hekk, 64 każ fil-Portugal, 4 każijiet fil-Ġermanja, 2 każijiet fl-Italja u każ wieħed fid-Danimarka).

131    Mill-1989, il-konvenuti ħadu l-ewwel serje ta’ miżuri bil-għan li jiġi evitat it-tixrid tal-BSE mir-Renju Unit, b'mod partikolari, bl-introduzzjoni ta’ ċerti restrizzjonijiet għall-kummerċ intraKomunitarju ta’ l-ifrat li ġejjin minn dawn il-pajjiżi (ara b’mod partikolari d-Deċiżjonijiet 89/469, 90/59 u 90/261). Bl-istess mod, f’April 1990, il-Kummissjoni addottat id-Deċiżjoni 90/200, li pprojbiet esportazzjonijiet li ġejjin mir-Renju Unit – l-uniku pajjiż fejn, f'dak iż-żmien, il-BSE kienet infirxet – tal-moħħ, tal-mudullun tad-dahar, tat-timu, tat-tunsilli, tal-milsa u ta’ l-imsaren li ġejjin mill-ifrat ta’ età ta’ iktar minn sitt xhur meta jiġu maqtula.

132    Madankollu, ir-rikorrenti jakkużaw lill-konvenuti li ma adottawx f’dan iż-żmien projbizzjoni ġenerali ta’ l-użu tal-MRS fil-Komunità kollha u jikkunsidraw li dan in-nuqqas ta' azzjoni huwa l-kawża tal-kontaminazzjoni ta' qrabathom.

133    Madankollu, f’qasam bħal dak tas-saħħa ta’ l-annimali u tal-bniedem, l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn aġir u dannu għandha tiġi stabbilita mill-analiżi tal-kondotta mitluba mill-istituzzjonijiet skond l-istat ta' l-għarfien xjentifiku f'dak iż-żmien. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza ssostni li, sa Marzu 1996, il-possibbiltà ta’ trażmissjoni tal-BSE lill-bniedem ma ġietx stabbilita xjentifikament (ara l-punti 8, 9 u 111, iktar ’il fuq). Bl-istess mod, għandu jiġi osservat li, qabel Ottubru 1996, il-kumitati xjentifiċi u veterinarji Komunitarji ma pproponewx l-introduzzjoni ta’ projbizzjoni ġenerali ta’ l-użu tal-MRS fil-Komunità kollha, peress li l-miżuri dwar dawn il-materjali ma kinux meqjusa neċessarji ħlief fir-Renju Unit. Għaldaqstant, qabel l-1996, il-konvenuti ma jistgħux jiġu akkużati li ma pprojbixxewx totalment l-użu tal-MRS fil-Komunità kollha.

134    Minbarra dan, għandu jiġi osservat li l-eżistenza ta’ rabta kawżali teħtieġ li l-aġir li sar ilment dwaru jkun il-kawża ċerta u diretta tad-dannu allegat u li, f’każijiet bħal dak in kwistjoni, fejn l-aġir li allegatament ipprovoka d-dannu invokat jikkonsisti f'nuqqas ta' azzjoni, huwa speċjalment neċessarju li jkun hemm iċ-ċertezza li l-imsemmi dannu effettivament ġie kkawżat min-nuqqas ta' azzjoni li sar ilment dwaru u li ma setax ġie pprovokat minn aġir differenti minn dak attribwit lill-istituzzjonijiet konvenuti.

135    F’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li din iċ-ċertezza ma teżistix.

136    B’hekk, mhuwiex possibbli li jiġi stabbilit b’livell suffiċjenti ta’ ċertezza li, anki fil-każ fejn l-istituzzjonijiet konvenuti jkunu adottaw iktar kmieni projbizzjoni kompleta ta’ l-użu tal-MRS, il-kontaminazzjoni tal-membri tal-familja tar-rikorrenti ma kinitx isseħħ xorta waħda. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva b'mod partikolari f’dan ir-rigward li, f’dan il-każ, il-miżuri normattivi li għandhom jiġu adottati mill-istituzzjonijiet konvenuti jiddependu partikolarment, fir-rigward tal-effikaċja tagħhom, mill-azzjoni ta’ l-Istati Membri, li għadhom ma ħadux ħsieb rigorożament biżżejjed sabiex japplikaw strettament in-normi veterinarji (ara l-punt 144, iktar ’il fuq).

137    Bl-istess mod, għandu jiġi osservat, kif tosservah l-opinjoni tal-KXD ta’ l-10 ta’ Diċembru 1999 (ara l-punt 48 iktar ’il fuq), li, għalkemm l-MRS jidhru li jirrapreżentaw kjarament is-sors infettiv prinċipali tal-vġMCJ, livell "ideali" ta' protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward ta’ din il-marda jkun jeħtieġ nuqqas totali ta’ annimali infettati mill-BSE fil-katina alimentari tal-bniedem, peress li t-tneħħija tal-MRS f’dan ir-rigward tammonta biss għat-"tieni livell ta’ protezzjoni". Fil-fatt, il-KXD jirrimarka li la d-doża minima tal-materjal infettat mill-BSE li jikkawża l-kontaminazzjoni tal-bniedem u lanqas it-tixrid ta’ din l-infezzjoni fit-tessuti differenti ta’ annimal ma huma magħrufa kompletament, u jikkonkludi li l-espożizzjoni kollha tal-bniedem għall-aġent infettiv għandha għaldaqstant tiġi evitata.

138    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, minkejja li projbizzjoni prematura kompleta tal-konsum u ta’ l-użu tal-MRS fil-Komunità kollha, applikata b’mod stretta u effikaċi fl-Istati Membri kollha, setgħet, jekk hija kienet deċiża iktar kmieni, tnaqqas ir-riskju ta' kontaminazzjoni tal-konsumaturi Ewropej mill-vġMCJ, madankollu mhuwiex possibbli li jiġi konkluż b’livell suffiċjenti ta’ ċertezza li, f’dan il-każ, l-adozzjoni ta’ projbizzjoni bħal din mill-istituzzjonijiet konvenuti kienet ipprekludiet il-kontaminazzjoni tal-membri tal-familja tar-rikorrenti. F'kull każ, fid-dawl b’mod partikolari tad-dati probabbli ta' kontaminazzjoni ta’ dawn u tal-perijodi ta’ inkubazzjoni rispettivi tal-BSE u tal-vġMCJ (ara l-punti 112 sa 114 iktar ’il fuq), sabiex setgħet tkun effikaċi f’dan il-każ partikolari, miżura bħal din kellha tiġi adottata mhux biss sew qabel l-1996 – mument meta t-trażmissibiltà tal-BSE lill-bniedem ġiet rikonoxxuta xjentifikament –, iżda anki qabel l-1990 – mument meta l-ewwel każ ta’ BSE instab fl-Ewropa kontinentali –, u saħansitra qabel l-1986 – mument meta l-marda tal-BSE ġiet identifikata u deskritta għall-ewwel darba fir-Renju Unit. Madankollu, kif ġie konkluż fil-punt 133 iktar ’il fuq, il-konvenuti ma jistgħux jiġu akkużati li ma pprojbixxewx totalment l-użu tal-MRS fil-Komunità kollha qabel l-1996.

139    Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-dewmien fl-adozzjoni ta' miżuri li jikkonċernaw l-użu ta' l-MRS attribwiti lill-istituzzjonijiet konvenuti bejn l-1997 u l-2000, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li dawn il-kritiki mhumiex rilevanti għall-finijiet tal-kawża preżenti. Fil-fatt, għandu jiġi osservat li, skond ir-rikorrenti nfushom, qrabathom ġew ikkontaminati mill-vġMCJ mhux iktar tard mill-1996 (ara l-punt 92, iktar ’il fuq). Bl-istess mod, ir-rapporti ta’ l-esperti mqabbda mit-Tribunal de grande instance ta' Pariġi u mit-Tribunal administratif ta' Pariġi kkonkludew li l-kontaminazzjoni tal-membri mejta tal-familja tar-rikorrenti probabbilment seħħet qabel l-1996 (ara l-punt 112, iktar ’il fuq). Konsegwentement, l-allegati illegalitajiet tal-konvenuti li seħħew biss wara l-1996 ma jistgħux jitqiesu li kkawżaw id-danni invokati f’dan il-każ.

140    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-aġir li r-rikorrenti jattribwixxu lill-istituzzjonijiet konvenuti rigward il-projbizzjoni tal-MRS ma jistax jitqies bħala kawża ċerta u diretta tad-danni invokati f’dan il-każ.

c)     ċ) Fuq l-aġir l-ieħor attribwit lill-Kunsill u lill-Kummissjoni

141    Minbarra l-allegati illegalitajiet dwar il-ġestjoni ta’ l-għalf mitħun u tal-MRS, analizzati qabel, ir-rikorrenti jifformulaw diversi kritiki oħra fuq l-azzjoni tal-konvenuti fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-BSE u l-vġMCJ. B’mod partikolari, huma jqisu li dawn wettqu żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fil-ġestjoni tar-riskji assoċjati ma’ dan il-mard. Bl-istess mod, ir-rikorrenti jakkużaw lill-konvenuti b’abbuż ta’ poter, inkwantu, sabiex jiġu protetti l-interessi tas-settur u tas-suq ta’ l-ifrat, dawn l-istituzzjonijiet ippruvaw jiddisswadu lill-Istati Membri milli jadottaw miżuri ta’ protezzjoni unilaterali fir-rigward tar-riskji ppreżentati mill-BSE. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jinvokaw ksur tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ amministrazzjoni tajba, b’mod partikolari minħabba n-nuqqas ta' organizzazzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni u ta’ l-insuffiċjenzi u difetti ta’ l-ispezzjonijiet veterinarji Komunitarji relatati mal-BSE, kif ukoll in-nuqqasijiet fis-superviżjoni tal-verifiki veterinarji ta’ l-Istati Membri.

142    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti bl-ebda mod ma stabbilixxew konkretement ir-relazzjoni ta' kawża u effett li teżisti konkretament bejn dawn l-allegati irregolaritajiet u d-danni invokati f’dan il-każ, ikkawżati, kif ġie indikat, mill-kontaminazzjoni mill-vġMCJ u mill-mewt sussegwenti tal-membri tal-familji tagħhom.

143    Għall-bqija, għandu jiġi osservat li r-responsabbiltà tal-verifika effettiva ta’ l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni veterinarja taqa’ prinċipalment fuq l-Istati Membri. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-verifiki veterinarji applikabbli għall-kummerċ intraKomunitarju, jirriżulta mid-Direttivi 89/66 u 90/425 li dawn il-verifiki jaqgħu, l-ewwel nett, fuq l-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru minn fejn tintbagħat il-merkanzija u, fuq livell inqas minn dawk ta’ l-Istat ta’ destinazzjoni. B’mod konkret, l-Istati Membri, f’każ li titfaċċa fit-territorju tagħhom żoonosi jew marda li tista’ tikkawża periklu gravi għall-annimali jew għas-saħħa tal-bniedem, għandhom jimplementaw immedjatament il-miżuri ta' ġlieda jew ta' prevenzjoni previsti mill-leġiżlazzjoni Komunitarja u jistabbilixxu kull miżura oħra xierqa.

144    Għandu wkoll jiġi osservat li, kif jindika r-rapport speċjali Nru 14/2001 tal-Qorti ta’ l-Awdituri, l-ispezzjonijiet imwettqa wara l-1996 mill-OAV jiżvelaw li l-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri ma ħadux ħsieb rigorożament biżżejjed sabiex il-miżuri marbuta mal-BSE jiġu debitament implementati fit-territorju tagħhom. Skond il-Qorti ta’ l-Awdituri, din l-implementazzjoni defiċjenti mill-Istati Membri tal-leġiżlazzjoni Komunitarja kkontribwiet sabiex tostakola l-qerda tal-BSE u sabiex tiffavorixxi t-tixrid tagħha. Bl-istess mod, għandha wkoll tittieħed in kunsiderazzzjoni r-responsabbiltà ta’ ċerti operaturi ekonomiċi privati fit-tixrid tal-marda. B’hekk, l-imsemmi rapport tal-Qorti ta’ l-Awdituri kkonstatat li s-settur agroalimentari ma kienx applika b’mod rigoruż biżżejjed il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-BSE.

145    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li r-rikorrenti ma ppruvawx li dawn l-allegati illegalitajiet setgħu jitqiesu bħala kawża ċerta u diretta tal-kontaminazzjoni ta' qrabathom bil-vġMCJ.

3.     Konklużjoni

146    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tikkunsidrax li huwa stabbilit li l-azzjonijiet u l-ommissjonjiet allegatament illegali tal-Kunsill u tal-Kummissjoni jistgħu jitqiesu bħala kawża ċerta u diretta tal-kontaminazzjoni tal-membri tal-familja tar-rikorrenti li mietu fi Franza bil-vġMCJ, li taw lok għad-danni invokati f'din il-kawża. B’hekk ma ġiex muri, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, li, jekk dawn l-istituzzjonijiet kienu adottaw – jew kienu adottaw qabel – il-miżuri li r-rikorrenti jakkużawhom li ma adottawx, id-danni in kwistjoni ma kinux iseħħu.

147    Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-allegat dannu u l-aġir allegatament doluż ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji mhix stabbilita.

148    Għaldaqstant, hemm lok li jiġu miċħuda bħala mhux fondati t-talbiet tar-rikorrenti bbażati fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità għal aġir illegali ta’ l-istituzzjonijiet konvenuti, mingħajr ma jkun neċessarju li tiddikjara ruħha fuq il-preżenza, f’dan il-każ, tal-kundizzjonijiet l-oħra kollha ta’ din ir-responsabbiltà, jiġifieri l-illegalità ta’ l-aġir attribwit lill-istituzzjonijiet konvenuti u r-realtà tad-dannu.

II –  Fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità fin-nuqqas ta’ aġir illegali ta’ l-istituzzjonijiet konvenuti

A –  L-argumenti tal-partijiet

149    Ir-rikorrenti josservaw li d-dritt Franċiż, minbarra regoli dwar l-imputazzjoni tar-responsabbiltà għal ħtija, jirrikonoxxi wkoll dritt fundamentali tal-vittmi għall-kumpens tad-danni tagħhom bir-responsabbiltà għal kumpens fuq l-awtoritajiet pubbliċi. Dawn ir-regoli huma bbażati fuq il-valuri kostituzzjonali ta’ ugwaljanza u ta' solidarjetà. F’dan il-kuntest, il-leġiżlatur Franċiż stabbilixxa, fl-1991, fond speċjali għal kumpens tal-persuni kontaminati mill-human immunodeficiency virus wara injezzjonijiet tal-prodotti tad-demm u, fl-1993, kummissjoni indipendenti ta’ kumpens tal-vittmi ta’ forma jatroġenika tal-MCJ marbuta ma' l-injezzjoni ta’ l-ormoni ta' tkabbir.

150    Ir-rikorrenti josservaw li l-ġurisprudenza Komunitarja ma ċaħditx il-prinċipju tar-responsabbiltà mingħajr ħtija tal-Komunità (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Jannar 1998, Dubois et Fils vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, T‑113/96, Ġabra p. II‑125). Huma jsostnu, fuq il-bażi tat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u tad-drittijiet fundamentali, li l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom jirrispettaw il-fatt li, meta l-prinċipju ta’ ugwaljanza huwa miksur b’mod anormali u speċjali, huwa leġittimu li l-Komunità tinżamm responsabbli għall-kumpens tad-dannu lill-Komunità. Ir-rikorrenti jammettu li idealment l-implementazzjoni ta’ kumpens ibbażat fuq il-prinċipju ta' solidarjetà tiġi deċiża mill-istituzzjonijiet "politiċi", iżda jsostnu li huwa wkoll possibbli li din is-setgħa tiġi rikonoxxuta lill-qorti Komunitarja. Huma josservaw li permezz ta’ riżoluzzjoni tad-19 ta’ Novembru 1997, il-Parlament stieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri interessati li jikkonċedu r-riżorsi finanzjarji neċessarji sabiex juru s-solidarjetà tagħhom mal-familji tal-vittmi tal-vġMCJ.

151    Ir-rikorrenti jaffermaw li huma sostnew, minħabba l-kontaminazzjoni ta' qrabathom mill-aġent patoġeniku tal-BSE u mill-mewt tagħhom minħabba l-vġMCJ, danni kbar u ta’ effetti eċċezzjonali. Barra minn hekk, minħabba n-nuqqas ta’ identifikazzjoni ta’ l-aġent infettiv u tad-diffikultà sabiex tiġi identifikata d-data eżatta u s-sors tal-kontaminazzjoni, huma ma jistgħux jibbażaw l-azzjonijiet tagħhom għal kumpens fuq regoli nazzjonali jew Komunitarji ta’ responsabbiltà tal-produtturi u tad-distributuri. Għaldaqstant huwa ekwu li huma jkunu jistgħu jattribwixxu r-responsabbiltà tal-kumpens lill-istituzzjonijiet Komunitarji.

152    Il-konvenuti josservaw li l-Komunità ma tistax tinżamm responsabbli fuq bażi mhux kuntrattwali fin-nuqqas ta’ illegalità jekk ma jiġux sodisfatti kumulativament tliet kundizzjonijiet stretti, jiġifieri r-realtà tad-dannu subit, l-eżistenza ta’ rabta kawżali u l-karattru anormali u speċjali tad-dannu in kwistjoni (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ġunju 2000, Dorsch Consult vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, C‑237/98 P, Ġabra p. I‑4549, punti 17 sa 19). Madankollu, f’dan il-każ, il-kundizzjoni relatata mar-rabta kawżali ma teżistix. Bl-istess mod, id-dannu morali tal-membri tal-familja għandha tiġi eskluża u s-somom mitluba għad-dannu materjali mhumiex ġustifikati u huma sproporzjonati. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li r-rikorrenti ma stabilixxewx il-karattru anormali u speċjali tad-dannu, billi affermat li, jekk huwa minnu li l-mewt huwa dannu partikolarment serju, jibqa' l-fatt li r-rikorrenti ma ppruvawx li l-vittmi kienu ġew esposti għal riskju partikolari, differenti minn dak li għalih kienu ġew esposti l-konsumaturi l-oħra tal-prodotti ta’ l-ifrat.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

153    It-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 288 KE jibbaża l-obbligu li huwa jimponi fuq il-Komunità li tagħmel tajjeb għad-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet tagħha fuq il-"prinċipji ġenerali komuni għa[s-]sistemi legali ta’ l-Istati Membri", mingħajr, għaldaqstant, ma jirrestrinġi l-portata ta’ dawn il-prinċipji unikament għar-regoli dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità għal aġir illegali ta’ l-imsemmija istituzzjonijiet. Madankollu, id-drittijiet nazzjonali dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali jippermettu, minkejja li fuq livelli li jvarjaw, f’oqsma speċifiċi u skond metodi differenti, lill-individwi sabiex jiksbu, permezz ta’ proċedimenti legali, ħlas ta’ kumpens għal ċerti danni, anki fin-nuqqas ta’ azzjoni illegali min-naħa ta’ min ikun ikkawża d-dannu (is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Diċembru 2005, FIAMM u FIAMM Technologies vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, T-69/00, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 158 u 159, u Beamglow vs Il-Parlament et, T-383/00, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 172 u 173). Fil-każ ta’ dannu kkawżat minn aġir ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunità li ma jkunx ġie ppruvat li huwa illegali, il-Komunità tista' tinżamm responsabbli fuq bażi mhux kuntrattwali jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha relatati mar-realtà tad-dannu, mar-rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-aġir ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji u man-natura anormali u speċjali tad-dannu in kwistjoni (is-sentenza Dorsch Consult vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19; sentenza FIAMM u FIAMM Technologies vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 160, u s-sentenza Beamglow vs Il-Parlament et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 174).

154    Madankollu, ġie deċiż, f'dan il-każ, li l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir tal-konvenuti identifikati mir-rikorrenti u d-danni allegati minn dawn ma ġietx stabbilita. Għaldaqstant, hemm lok li jiġu miċħuda bħala mhux fondati t-talbiet tar-rikorrenti bbażati fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità fin-nuqqas ta’ aġir illegali tal-konvenuti, mingħajr ma jkun neċessarju li tiddikjara ruħha fuq il-fatt li l-kundizzjonijiet l-oħra ta’ din ir-responsabbiltà jeżistu kollha f'dan il-każ, jiġifieri r-realtà tad-dannu u l-karattru anormali u speċjali tiegħu.

155    Għall-bqija, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex kompetenti, fin-nuqqas ta’ konstatazzjoni ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji, sabiex tiddeċiedi dwar l-għoti ta’ kumpensi lill-vittmi ta’ marda, fuq il-bażi b’mod partikolari ta’ l-allegat prinċipju ta’ solidarjetà. Hemm lok li jiġi nnotat, f'kull każ, li, f’dan il-każ, "allokazzjonijiet ta’ solidarjetà" ġew konċessi lir-rikorrenti mill-Gvern Franċiż f’Ġunju 2004 u f’Jannar 2005, għad-danni subiti mill-vittmi u l-avventi kawża tagħhom minħabba l-patoloġija tal-vġMCJ. Il-kumpensi in kwistjoni jipprovdu somom għad-danni subiti minn kull vittma u ammonti għad-danni subiti minn kull membru tal-familja tagħhom.

156    Fir-rigward ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandhom jiġu miċħuda t-talbiet tar-rikorrenti bbażati fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità fin-nuqqas ta’ aġir illegali tal-konvenuti.

157    Konsegwentement, ir-rikors kollu għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

158    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, skond l-Artikolu 87(3), jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

159    Fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, b’mod partikolari minħabba li l-Kummissjoni u l-Kunsill fil-biċċa l-kbira tilfu fir-rigward tat-talbiet tagħhom dwar l-ammissibbiltà tar-rikors, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż li jirriżultaw mill-motivi relatati ma' l-ammissibbiltà, li l-Qorti tal-Prim’Istanza tiffissa bħala kwart ta’ l-ispejjeż kollha. Ir-rikorrenti għandhom ibatu tliet kwarti ta’ l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli għal dak li jikkonċerna É. R., O. O., J. R., A. R. u B. P. R.

2)      Ir-rikors huwa miċħud bħala mhux fondat għall-bqija.

3)      Ir-rikorrenti jbatu tliet kwarti ta’ l-ispejjeż. Il-Kunsill u l-Kummissjoni jbatu kwart ta’ l-ispejjeż.


García-Valdecasas

Cooke

Labucka

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Diċembru 2006.

Reġistratur

 

       President

E. Coulon

 

      J. D. Cooke

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

I –  L-itfaċċar ta’ l-Enċefalopatija sponġiformi ta’ l-ifrat u tal-varjant ġdid tal-marda tal-Creutzfeldt-Jakob u miżuri Komunitarji u nazzjonali tal-ġlieda kontra dan il-mard

II –  Ċirkustanzi proprji għar-rikorrenti u proċeduri adottati mill-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji Franċiżi

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Fuq l-ammissibbiltà

I –  Fuq l-ewwel motiv ta’ inammissibiltà, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ preċiżjoni ta’ l-elementi essenzjali ta' fatt u ta' dritt li fuqhom huwa bbażat ir-rikors

A –  L-Argumenti tal-partijiet

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

II –  Fuq it-tieni motiv ta’ inammissibiltà, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ eżawriment tal-mezzi ta’ rimedju nazzjonali u tal-konnessjoni mal-proċeduri nazzjonali

A –  L-argumenti tal-partijiet

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

III –  Fuq it-tielet motiv ta’ inammissibbiltà, ibbażat fuq il-preskrizzjoni ta’ l-azzjoni

A –  L-argumenti tal-partijiet

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

Fuq il-mertu

I –  Fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità għall-aġir illegali ta’ l-istituzzjonijiet konvenuti

A –  L-argumenti tal-partijiet

1.  Fuq l-illegalitajiet attribwiti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni

a)  Fuq l-ilment ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fil-ġestjoni tal-kriżi tal-BSE

b)  Fuq l-ilment ibbażat fuq abbuż ta’ poter

c)  ċ) Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ amministrazzjoni tajba

2.  Fuq l-eżistenza ta' dannu

3.  Fuq l-eżistenza ta’ rabta kawżali

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

1.  Għal dak li jikkonċerna d-dati ta’ kontaminazzjoni tal-vittmi u l-perijodu ta’ inkubazzjoni tal-marda

2.  Fir-rigward ta' l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn id-danni invokati u l-aġir attribwit lill-Kunsill u lill-Kummissjoni

a)  Fuq l-allegat dewmien fil-projbizzjoni ta’ l-għalf mitħun mil-laħam u mill-għadam

b)  Fuq l-allegat dewmien tal-projbizzjoni ta’ l-użu tal-MRS

c)  ċ) Fuq l-aġir l-ieħor attribwit lill-Kunsill u lill-Kummissjoni

3.  Konklużjoni

II –  Fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità fin-nuqqas ta’ aġir illegali ta’ l-istituzzjonijiet konvenuti

A –  L-argumenti tal-partijiet

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ispejjeż




* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.