Language of document : ECLI:EU:T:2006:395

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

14 ta’ Diċembru 2006 (*)

“Aċċess għad-dokumenti − Regolament (KE) Nru 1049/2001– Proċedura ta’ verifika ta’ l-għajnuniet mill-Istat − Eċċezzjoni dwar il-ħarsien ta’ l-iskop ta’ investigazzjoni − Rifjut impliċitu − Obbligu li jsir eżami konkret u individwali − Intervent – Talbiet, motivi u argumenti ta’ l-intervenjent”

Fil-kawża T‑237/02,

Technische Glaswerke Ilmenau GmbH, stabbilita f’Ilmenau (Il-Ġermanja), inizjalment irrappreżentata minn G. Schohe u C. Arhold, wara minn Arhold u N. Wimmer, avukati,

rikorrenti

sostnuta minn

Ir-Renju ta’ l-Iżvezja, irrappreżentat minn A. Kruse u K. Wistrand, bħala aġenti,

u mir-

Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn T. Pynnä, bħala aġent,

intervenjenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn MV. Kreuschitz, V. Di Bucci u P. Aalto, bħala aġenti,

konvenuta

sostnuta minn

Schott Glas, stabbilita f’Mainz (Il-Ġermanja), irrappreżentata minn U. Soltész, avukat,

intervenjenti

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Mejju 2002 li tirrifjuta li tagħti lir-rikorrenti aċċess għal dokumenti konnessi mal-proċeduri ta’ verifika ta’ l-għajnuniet mill-Istat,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, F. Dehousse u D. Šfváby, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Ġunju 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti u l-proċedura

1        Technische Glaswerke Ilmenau GmbH hija kumpannija Ġermaniża li għandha s-sede tagħha f’Ilmenau fil-Freistaat Thüringen (iktar ’il quddiem l-"Istat federali ta’ Thuringia"). Hija ġiet stabbilita fl-1994 bil-għan li terġa tieħu erba’ mit-tnax il-katina ta’ produzzjoni (jiġifieri ċerti fran) tal-ħġieġ li kellha l-kumpannija ta’ qabel Ilmenauer Glaswerke GmbH, li l-likwidazzjoni tagħha kienet seħħet mit-Treuhandanstalt (stabbiliment pubbliku għal ġestjoni fiduċjarja, li wara sar Bundesanstalt für vereinigungsbedingte Sonderaufgaben, iktar ’il quddiem il-"BvS").

2        Permezz ta’ ittra ta’ l-1 ta’ Diċembru 1998, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni dwar miżuri differenti li għandhom bħala għan il-konsolidazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti, fosthom eżenzjoni parzjali tal-ħlas, mogħti mill-BvS, tal-prezz ta’ xiri tal-fran u self mogħti mill-Istat Federali ta’ Thuringia, mill-intermedjarja tal-bank tagħha, it-Thüringer Aufbaubank (iktar ’il quddiem it-"TAB").

3        Permezz ta’ ittra SG (2000) D/102831, ta’ l-4 ta’ April 2000, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura formali ta’ eżami, prevista fl-Artikolu 88(2) KE, fir-rigward ta’ l-eżenzjoni tal-ħlas u tas-self tat-TAB, proċedura li għaliha ġiet attribwita r-referenza C 19/2000.

4        Fil-kuntest tal-proċedura formali ta’ eżami, il-Kummissjoni rċeviet informazzjoni addizzjonali minn naħa tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja kif ukoll xi osservazzjonijiet minn naħa ta’ l-impriża Schott Glas, kompetitriċi tar-rikorrenti.

5        Fit-12 ta’ Ġunju 2001, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2002/185/KE dwar għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Ġermanja lil Technische Glaswerke Ilmenau GmbH (ĠU L 62, 2002, p. 30), li fiha hija limitat l-evalwazzjoni tagħha għall-miżura biss ta’ eżenzjoni minn ħlas. Hija kkunsidrat li din l-aħħar ma kinitx konformi ma’ l-imġiba ta’ investitur privat u kienet tammonta għal għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni.

6        Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Lulju 2001, il-Kummissjoni fetħet tieni proċedura formali ta’ eżami skond l-Artikolu 88(2) KE, bir-referenza C 44/2001. Din il-proċedura kellha bħala għan l-eżami tar-rapport ta’ skadenza tal-ħlas tal-bilanċ tal-prezz ta’ xiri tal-fran, l-aġġustament mill-ġdid tal-garanzija bankarja li taffettwa l-imsemmi ħlas u s-self tat-TAB.

7        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-28 ta’ Awwissu 2001, ir-rikorrenti ressqet rikors bil-għan li tikseb l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Ġunju 2001 (Kawża T‑198/01).

8        Permezz ta’ korrispondenza ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001, ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet fil-kuntest tat-tieni proċedura formali ta’ eżami u talbet lill-Kummissjoni li tagħtiha aċċess għal verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ l-atti u l-possibbiltà li jiġu sussegwentement ippreżentati osservazzjonijiet ġodda. Din it-talba ġiet miċħuda mill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Novembru 2001.

9        Permezz ta’ ittra ta’ l-1 ta’ Marzu 2002, ir-rikorrenti talbet, fuq il-bażi tar-Regolament (KE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001 tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, p. 43), l-aċċess għal :

–        "id-dokumenti kollha fil-fajls tal-Kummissjoni fil-każijiet kollha ta’ għajnuna li jikkonċernawha u b’mod partikolari fil-każ ta’ għajnuna C 44/2001;

–        id-dokumenti kollha fil-fajls tal-Kummissjoni li jikkonċernaw l-għajnuniet mill-Istat għall-benefiċċju ta’ l-impriża Schott Glas, Jena, Allemagne, sid : Carl-Zeiss-Stiftung, Hessenweg 18, D‑89522 Heidenheim a.d. Brenz

bl-eċċezzjoni ta’ kwistjonijiet kunfidenzjali ta’ kummerċ relatati ma’ impriżi oħra".

10      Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Marzu 2002, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba għal aċċess billi indikat, b’mod partikolari, li d-dokumenti mitluba kienu jaqgħu taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jipprovdi, b’mod partikolari, li l-aċċess għal dokument huwa rrifjutat meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’ l-iskop ta’ ispezzjonijiet, invesitgazzjoni u verifiki, jekk ma jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu. Il-Kummissjoni tippreċiża wkoll li "d-dokumenti li jikkonċernaw [lir-rikorrenti] huma dokumenti li jiffurmaw parti mill-proċedura formali ta’ eżami fis-seħħ C 44/2001".

11      Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ April 2002, ir-rikorrenti indirizzat lis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni applikazzjoni konfermatorja ta’ aċċess skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

12      Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Mejju 2002, is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni ċaħad din l-applikazzjoni (iktar ’il quddiem l-"applikazzjoni") fil-kliem segwenti :

"Sehr geehrter Herr Dr. SCHOHE,

Nirringrazzjak ta’ l-ittra tiegħek tal-15 ta’ April 2002, irreġistrata fil-15 ta’ April 2002, li permezz tagħha inti staqsejtni sabiex nerġa neżamina l-applikazzjoni tiegħed għal aċċess għad-dokumenti segwenti:

" […]

–        id-dokumenti li jikkonċernaw l-għajnuna mill-Istat mogħtija favur Technische Glaswerke Ilmenau […] ;

–        id-dokumenti relatati ma’ l-għajnuna mill-Istat eventwalment mogħtija lil Schott Glas.

Dwar l-ewwel parti ta’ l-applikazzjoni tieħek, hija tkopri l-ittri skambjati bejn l-awtoritajiet Ġermaniżi u d-[Direttorat Ġenerali (DĠ)] ‘Kompetizzjoni’ tal-Kummissjoni, kif ukoll il-kummenti mingħand il-benefiċjarju ta’ l-għajnuna [Technische Glaswerke Ilmenau], u mingħand kompetitur Schott Glas.

Fir-rigward tat-tieni parti ta’ l-applikazzjoni tiegħek, hija tkopri stadju ta’ qabel in-notifika taħt il-qafas multi-settorili għal proġetti importanti ġodda ta’ investiment ta’ Schott Glas fil-Lvant tal-Ġermanja.

Wara eżami tat-talba tiegħek, jiddispjaċini li jkolli nikkonferma r-rifjut li ġie kkomunikat lilek mid-DĠ [‘Kompetizzjoni’], għar-raġuni li l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti differenti jirriskja li jdgħajjef il-protezzjoni ta’ l-għanijiet ta’ l-iskop ta’ spezzjoni u ta’ investigazzjoni. Din l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess hija prevista speċifikament mill-Artikolu 4 [, paragrafu 2, it-tielet] inċiż, tar-Regolament [Nru] 1049/2001.

Fil-fatt, fil-kuntest ta’ l-investigazzjonijiet fis-seħħ dwar il-kumpatibbiltà bejn għajnuna mill-Istat u s-suq komuni, kooperazzjoni leali u fiduċja reċiproka bejn il-Kummissjoni, l-Istat Membru u l-impriżi kkonċernati huma indispensabbli sabiex il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jesprimu ruħhom liberament. Dan għaliex l-iżvelar ta’ dan id-dokument jista’ jippreġudika t-trattament ta’ l-eżami ta’ dan l-ilment billi jikkomprometti dan id-djalogu.

Minbarra dan, peress illi l-istadju ta’ qabel in-notifika li jkopri l-proġett ta’ Schott Glas li fih deskrizzjoni ddettaljata tal-proġett, jagħti aċċess għal dan id-dokument jipperikola li jdgħajjef b’mod gravi l-interessi kummerċjali ta’ din il-kumpannija. Dan l-interess huwa espressament protett minn eċċezzjoni għad-dritt għal aċċess, previst fl-Artikolu 4 [, paragrafu 2,] tar-Regolament iċċitat iktar ’il-fuq.

Barra minn hekk, aħna eżaminajna l-possibbiltà li nagħmlu aċċessibbli lill-partijiet dokumenti mitluba li mhumiex koperti mill-eċċezzjonijiet. Madankollu rriżulta li dawn id-dokumenti ma [setgħux] jinqasmu f’partijiet kunfidenzjali u f’partijiet mhux kunfidenzjali.

Barra minn hekk, mhemmx interess pubbliku għola li, f’dan il-każ partikolari, jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti in kwistjoni […]"

13      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-8 ta’ Awwissu 2002, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors. Permezz ta’ att separat datat l-istess jum, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrenti għamlet talba ta’ proċedura mħaffa, li ġiet miċħuda permezz tad-deċiżjoni tat-12 ta’ Settembru 2002.

14      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-25 ta’ Ottubru 2002, il-kumpannija Schott Glas talbet sabiex tintervjeni f’ din il-kawża sabiex in sostenn tat-talbiet tal-konvenuta. Permezz ta’ digriet tas-16 ta’ Jannar 2003, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza aċċetta dan l-intervent. Schott Glas ippreżentat in-nota ta’ l-intervent tagħha fid-19 ta’ Frar 2003.

15      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fit-8 u l-15 ta’ Novembru 2002 rispettivament, ir-Renju ta’ l-Iżvezja u r-Repubblika tal-Finlandja talbu li jintervjenu f’ din il-kawża in sostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. Permezz ta’ digrieti tas-16 ta’ Jannar 2003, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza aċċetta dawn l-interventi. Ir-Renju ta’ l-Iżvezja ppreżenta nota ta’ intervent tiegħu fit-3 ta’ Marzu 2003. Ir-Repubblika tal-Finlandja rrinunzjat li tippreżenta nota ta’ intervent.

16      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-17 ta’ Diċembru 2002, ir-rikorrenti ressqet rikors intiż sabiex tikseb l-annullament tad-Deċiżjoni C (2002) 2147 finali tal-Kummissjoni, adottata fit-2 ta’ Ottubru 2002 fit-tmiem tal-proċedura formali ta’ eżami C 44/2001, dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja favur ir-rikorrenti (Kawża T‑378/02). F’din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li s-self tat-TAB u l-miżura ta’ l-aġġustament tal-garanzija bankarja kienu jikkostitwixxu għajnuniet mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni (ara punt 2 iktar ’il fuq).

17      B’sentenza tat-8 ta’ Lulju 2004, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni (T‑198/01, Ġabra p. II‑2717), il-Qorti tal-Prim’Istanza (Il-Ħames Awla Estiża) ċaħdet ir-rikors tar-rikorrenti fil-kawża T‑198/01.

18      Peress li l-kompożizzjoni ta’ l-Awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza kienet ġiet mibdula sa mit-13 ta’ Settembru 2004, l-Imħallef Relatur ġie maħtur bħala President tal-Ħames Awla Estiża, li lilha kienet ġiet assenjata din il-kawża.

19      Fl-14 ta’ Diċembru 2004, il-Qorti tal-Prim’Istanza stiednet lir-rikorrenti sabiex tippreżenta osservazzjonijiet rigward l-għan tal-kawża f’din il-proċedura fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ksib minn din, fil-kuntest ta’ l-istanzi dwar il-kawżi T‑198/01 u T‑378/02, tad-dokumenti differenti relatati mal-proċeduri ta’ eżami ta’ l-għajnuniet C 19/2000 u C 44/2001.

20      Fir-risposta tagħha rċevuta fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-20 ta’ Jannar 2005, ir-rikorrenti kkonfermat li kellha aċċess, fil-kuntest ta’ l-istanzi T‑198/01 u T‑378/02, għal ċerti dokumenti relatati mal-proċeduri ta’ għajnuna msemmija iktar ’il fuq u provenjenti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u minn Schott Glas, fosthom l-osservazzjonijiet ta’ din l-aħħar, tat-23 ta’ Jannar 2001 u relatati mal-proċedura formali ta’ eżami C 19/2000. Ir-rikorrenti ppreċiżat, madankollu, li hija konvinta li ma kenitx taf bid-dokumenti kollha fil-pussess tal-konvenuta u relatati ma’ dawn il-proċeduri. L-interess tagħha li tikseb l-aċċess għall-imsemmija dokumenti jibqa l-istess.

21      Permezz ta’ ittra rċevuta fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-13 ta’ April 2005 u fuq stedina tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni ppreċiżat li kienu għadhom jeżistu dokumenti, fil-pussess tagħha, fejn l-aċċess kien ġie rrifjutat lir-rikorrenti u li ma kinux ġew ikkomunikati lilhom fil-kuntest tal-kawżi T‑198/01 u T‑378/02.

22      Fl-interval u permezz ta’ digriet tat-3 ta’ Marzu 2005, il-President tar-Raba’ Awla Estiża sospenda l-proċedura fil-kawża T‑378/02 sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑404/04 P li għandha bħala suġġett l-appell magħmul mir-rikorrenti kontra s-sentenza Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, punt 17 supra.

23      Permezz ta’ ittra rċevuta fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-31 ta’ Mejju 2006 u fuq stedina tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni ppreżentat fit-trattazzjoni, il-lista kompluta tad-dokumenti li jammontaw għall-fajl amministrattiv dwar il-proċeduri ta’ eżami ta’ l-għajnuniet mogħtija lir-rikorrenti.

24      Instemgħu t-trattazzjoni orali tal-partijiet kif ukoll ir-risposti tagħhom għad-domandi orali magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-seduta tal-15 ta’ Ġunju 2005. Il-Kummissjoni b’hekk ġiet mistiedna sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-konsegwenzi, fil-kuntest tal-kawża preżenti, tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ April 2005, Verein für Konsumenteninformation vs Il-Kummissjoni (T‑2/03, Ġabra p. II‑1121, iktar ’il quddiem "is-sentenza VKI").

 It-talbiet tal-partijiet

25      Ir-rikorrenti, sostnuta mir-Renju ta’ l-Iżvezja u mir-Repubblika tal-Finlandja, titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha :

–        tannulla d-Deċiżjoni, ħlief fejn hija tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti direttament konnessi mal-proċedura preżenti ta’ eżami ta’ l-għajnuniet li jikkonċernaw Schott Glas;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

26      Il-Kummissjoni, sostnuta minn Schott Glas, titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala mhux fondat;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001

 L-argumenti tal-partijiet

27      Ir-rikorrenti ssostni li d-dritt għal aċċess għad-dokumenti fil-pussess tal-Kummissjoni, definit mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, mhuwiex dritt sekondarju ordinarju iżda, bil-kontra, fid-dawl tal-"prinċipju demokratiku", għandu karatteristika ta’ dritt fundamentali li minħabba f’hekk id-derogi għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv.

28      Hija tindika li l-kwistjoni tad-determinazzjoni tad-drittijiet tagħha skond ir-Regolament Nru 1049/2001 għandha tiġi distinta minn dik dwar id-drittijiet tal-"partijiet" fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għajnuniet ta’ l-Istat. Skond ir-rikorrenti, il-fatt li l-ġurisprudenza ma tirrikonoxxilhiex, bħala parti kkonċernata mill-proċedura ta’ eżami ta’ l-għajnuniet, dritt ta’ konsultazzjoni li joriġina mill-fajl, ma jistax jaffettwa d-drittijiet tagħha bħala ċittadina ta’ l-Unjoni.

29      Ir-Renju ta’ l-Iżvezja jsostni li r-Regolament Nru 1049/2001 huwa istrument ta’ applikazzjoni ġenerali ddestinat li jħares id-dritt tal-pubbliku sabiex jinforma ruħu dwar l-attivitajiet ta’ l-Unjoni. Jirriżulta mid-definizzjoni ċara u preċiża tal-benefiċjarji tad-dritt ta’ aċċess, imsemmi fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, li r-rikorrenti kienet inkontestabbilment tagħmel parti minnhom u li hija tista’ leġittimament issostni li t-talba tagħha tiġi eżaminata skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmi Regolament.

30      Il-Kummissjoni tafferma li l-aċċess għall-fajl amministrattiv mill-benefiċjarju ta’ l-għajnuna, minn naħa, u l-aċċess għad-dokumenti skond ir-Regolament Nru 1049/2001, min-naħa l-oħra, huma żewġ affarijiet totalment distinti. Jirriżulta mill-atti tar-rikorrenti li din ta’ l-aħħar ma kellhiex rikors għall-imsemmi Regolament ħlief sabiex iddur mar-regoli tal-proċedura fil-qasam ta’ l-għajnuniet mill-Istat u sabiex tikkumpensa n-nuqqas ta’ drittijiet proċedurali. Fil-fatt, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE. (ĠU L 83, p. 1) ma jipprovdi ebda dritt ta’ aċċess għad-dokumenti u għall-fajls u l-ġurisprudenza tikkunsidra li d-drittijiet proċedurali tal-benefiċjarji ta’ l-għajnuniet ikunu rrispettati meta dawn ikunu ġew mistiedna li jippreżentaw osservazzjonijiet fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Settembru 2002, Falck et Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, Ġabra p. I‑7869, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni T‑127/99, T‑129/99 u T‑148/99, Ġabra p. II‑1275), kif kien il-każ tar-rikorrenti f’dan il-każ partikolari.

31      Schott Glas issostni li r-rikorrenti trid tuża’ r-Regolament Nru 1049/2001 bħala strument ta’ għarfien tad-data interna ta’ l-impriża tagħha kif ukoll li ddur mal-ġurisprudenza kostanti tal-qrati Komunitarji fuq id-drittijiet tal-partijiet li jiksbu aċċess għall-fajl fil-proċeduri amministrattivi tal-Kummissjoni. Fir-rigward ta’ miżura ċara kuntrarja għall-għan politiku tar-Regolament Nru 1049/2001, jiġifieri li ċittadin tal-Komunità jingħata informazzjoni kompluta kemm jista’ jkun fuq il-proċessi deċiżjonali ta’ l-organi Komunitarji. Schott Glas iżżid li r-Regolament Nru 1049/2001 ma kienx jeżisti fil-mument tal-proċedura formali ta’ eżami C 58/91 (NN 144/91) dwar il-privatizzazzjoni ta’ l-impriża Jenaer Glaswerk u li hija ma setgħetx konsegwentement tistenna li kompetitur jista’, aktar tard, ikun irid l-aċċess għad-dokumenti relatati ma’ din il-proċedura.

32      Hija tindika li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 2003, p. 1), dwar l-aċċess għall-fajl juru li dan ir-Regolament huwa l-lex specialis meta mqabbel mar-Regolament Nru 1049/2001. Kieku kien mod ieħor, il-partijiet għall-proċedura u l-partijiet terzi l-oħra jkunu jistgħu jduru mal-limiti tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl stabbiliti mill-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1/2003 billi sempliċement jinvokaw ir-Regolament Nru 1049/2001. L-istess japplika għall-proċedura ta’ għajnuna mill-Istat, li fiha l-limiti għall-parteċipazzjoni minn terzi jirriżultaw, minn naħa, mir-Regolament Nru 659/1999 u, min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza.

33      Barra minn hekk, jirriżulta mir-Regolament Nru 1049/2001 li "l-aċċess għall-fajl " u "l-aċċess għal dokument " mhumiex kunċetti ekwivalenti u li d-dritt ta’ aċċess għal dokument jippreżupponi talba li tiddeskrivi d-dokument mixtieq b’tali mod li huwa jista’ jiġi identifikat. Dan ir-Regolament ma joħloqx dritt għall-benefiċċju taċ-ċittadini li jippermettulhom li jikkonsultaw il-fajls ta’ l-organu kkonċernat sabiex isibu fih dokumenti eventwalment interessanti għalihom, konklużjoni li tiġi imposta aktar u aktar minħabba li d-domandi ta’ aċċess għad-dokumenti m’għandhomx ikunu motivati. Madankollu, f’dan il-każ partikolari, ir-rikorrenti kkuntentat ruħha li titlob b’mod konċiż l-aċċess għad-"dokumenti kollha" li jikkonċernaw l-allegata proċedura ta’ għajnuna mill-Istat iċċitata, li mhuwiex sorprendenti, peress illi r-rikorrenti tametti hija stess li qed tfittex dokumenti mhux magħrufa sal-preżent.

34      Schott Glas titlob li r-rikorrenti tinvoka b’mod żbaljat ir-Regolament Nru 1049/2001 u li t-talba tagħha ta’ aċċess, ikun x’ikun is-suġġett tagħha, għandu jiġi evalwat mhux skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmi Regolament iżda skond regoli fuq l-għoti ta’ l-aċċess għall-fajl fil-proċeduri ta’ għajnuniet.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

35      Huwa paċifiku li r-rikorrenti ppreżentat talba ta’ aċċess għal dokumenti bbażata fuq ir-Regolament Nru 1049/2001 u li l-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni, irrifjutat l-aċċess għad-dokumenti mitluba billi rreferiet espressament għall-Artikolu 4(2) ta’ l-imsemmi Regolament li jipprovdi l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess, ibbażati fuq il-ħarsien ta’ l-iskop ta’ spezzjonijiet, u ta’ invesitgazzjoni minn naħa, u ta’ interessi kummerċjali ta’ persuna ġuridika, min-naħa l-oħra.

36      Mistoqsija waqt is-seduta dwar is-sens ta’ l-argument tagħha li din "it-talba tar-rikorrenti ma tidhirx […] li tiżvela mill-kamp ta’ protezzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001", li għalih il-parti kkonċernata kellha rikors biss sabiex iddur mar-Regoli tal-Proċedura fil-qasam ta’ l-għajnuniet mill-Istat, il-Kummissjoni indikat b’mod ċar li dan l-att kien applikabbli kollu kemm hu f’dan il-każ partikolari, iżda li l-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 jippermettila li tirrifjuta l-aċċess għal dokumenti relatati mal-proċeduri ta’ għajnuna fis-seħħ, bħal fil-każ ta’ dawk mitluba mir-rikorrenti.

37      B’hekk il-kwistjoni mqajma minn din il-kawża hija jekk il-Kummissjoni applikat b’mod korret l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess previst fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

38      Madankollu, fin-nota ta’ intervent tagħha, Schott Glas essenzjalment issostni li r-Regolament Nru 1049/2001 japplika biss għad-dokumenti mogħtija fil-proċess leġiżlattiv Komunitarju, li t-talba ta’ aċċess kellha tiġi evalwata mhux skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmi regolament iżda skond ir-regoli fuq l-għoti ta’ l-aċċess għall-fajl fil-proċeduri ta’ għajnuna u, fl-aħħar nett, li l-imsemmi Regolament ma jistax jiġi applikat għad-dokumenti li ġew fil-pussess ta’ l-istituzzjonijiet qabel d-dħul fis-seħħ tiegħi, jiġifieri t-3 ta’ Diċembru 2001. Dan l-argument huwa għaldaqstant intiż sabiex juri kemm li r-Regolament Nru 1049/2001 ma kienx applikabbli f’dan il-każ partikolari, kif ukoll li jikkostitwixxi, għad-Deċiżjoni, bażi ġuridiku illegali.

39      Konsegwentement, jekk wieħed jippresupponi li dan l-argument jista’ jiġi milqugħ mill-Qorti tal-Prim’Istanza, dan jippermetti li jiġi kkostatat li d-Deċiżjoni hija illegali. Madankollu, jeħtieġ li jiġi mfakkar li Schott Glas ġiet ammessa sabiex tintervjeni fil-kawża preżenti in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, li titlob li r-rikors għal annullament jiġi miċħud.

40      Skond ir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 40 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-Qorti tal-Prim’Istanza skond l-Artikolu 53 ta’ l-imsemmi Statut, it-talbiet tar-rikors għal intervent ma jistgħux ikollhom għan ieħor ħlief is-sostenn tat-talbiet ta’ waħda mill-partijiet. Minbarra dan, skond l-Artikolu 116(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, l-intervenjenti jaċċetta l-kawża fl-istat li hija matul l-intervent tiegħu. Madankollu, jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekledux li l-intervenjenti jiċċita argumenti differenti minn dawk tal-parti li huwa jsostni, u jista’ jseħħ biss bil-kundizzjoni li huma ma jimmodifikawx il-kuntest tal-kawża u li l-intervent huwa intiż dejjem bħala sostenn tat-talbiet ippreżentati minn din l-aħħar imsemmi (ara s-sentenza VKI, punt 24 supra, punt 52, u l-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq).

41      F’dan il-każ, peress illi, minn naħa, jekk wieħed jippresupponih bħala fondat, l-argument ta’ Schott Glass jippermetti li tiġi kkostatata l-illegalità tad-Deċiżjoni u li, min-naħa l-oħra, it-talbiet tal-Kummissjoni huma intiżi li jiġi miċħud ir-rikors għal annullament u mhumiex sostnuti minn motivi intiżi sabiex tiġi kkonstatata l-illegalità tad-Deċiżjoni, jidher li l-eżami ta’ l-imsemmi argument jkollu bħala effett li jbiddel il-kuntest tal-kawża kif ġie definit fir-rikors u r-risposta. B’hekk dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza VKI, punt 24 iktar ’il fuq, punti 53 u 54).

 Fuq is-suġġett tal-kawża

 L-argumenti tal-partijiet

42      Ir-rikorrenti ssostni li hija talbet l-aċċess għad-dokumenti relatati mal-proċeduri "kollha" ta’ l-għajnuniet li jikkonċernawha, jiġifieri l-proċeduri C 19/2000 u C 44/2001, kif ukoll dawk li jikkonċernaw Schott Glas, li jinkludu l-proċedura dwar il-privatizzazzjoni tagħha.

43      Għaldaqstant, id-Deċiżjoni tinkludi wkoll rifjut ta’ aċċess għal erba’ gruppi ta’ dokumenti distinti, dwar :

–        il-proċedura ta’ l-għajnuna magħluqa C 19/2000;

–        il-proċedura ta’ l-għajnuna fis-seħħ C 44/2001;

–        il-proċedura jew il-proċeduri ta’ l-għajnuna magħluqa fil-kuntest tal-privatizzazzjoni ta’ Jenaer Schott Glas;

–        il-proċedura ta’ għajnuna fis-seħħ dwar investiment ġdid ta’ Schott Glas fl-Istat Federali ta’ Thuringia.

44      Ir-rikorrenti tindika li jekk id-Deċiżjoni kellha tiġi interpretata fis-sens li hija tikkonċerna biss id-dokumenti dwar il-proċedura fis-seħħ C 44/2001 u dawk relatati mal-proċedura ta’ eżami ta’ l-għajnuniet fis-seħħ li jsemmu Schott Glas, l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandu japplika. B’hekk, in-nuqqas ta’ risposta tal-Kummissjoni fir-rigward tat-talba ta’ aċċess għal dokumenti oħra mitluba tammonta għal deċiżjoni ta’ ċaħda kkontestabbli. Ir-rikorrenti tippreċiża wkoll li dan ir-rikors huwa intiż għall-annullament tat-tiċħid ta’ aċċess li jikkonċerna biss l-ewwel tliet gruppi ta’ dokumenti msemmija fil-punt preċedenti.

45      Hija tikkuntesta l-argument tal-Kummissjoni li skond t-talba ta’ aċċess għad-dokumenti dwar l-għajnuniet mill-Istat mogħtija lill-kumpannija "Schott Glas Jena" kienet imfassla b’mod mhux preċiż wisq u li b’hekk hija ma setgħetx tkopri d-dokumenti li jikkonċernaw l-għoti ta’ l-għajnuniet mill-Istat fil-kuntest tal-privatizzazzjoni ta’ Jenaer Glaswerke fl-1992. Skond ir-rikorrenti, kellu jkun evidenti għall-Kummissjoni li t-talba ta’ aċċess kienet tirreferi wkoll għall-imsemmija dokumenti, u dan anki jekk il-proċedura ta’ għajnuniet in kwistjoni ma kenitx seħħet taħt it-titolu "Schott Glas Jena". Dan huwa affermat mill-fatt li l-Kummissjoni, għall-inqas fir-risposta tagħha, ma kellhiex diffikultà sabiex tidentifika l-proċedura in kwistjoni.

46      Il-Kummissjoni tafferma li hija m’għandhiex fil-pussess tagħha dokument dwar l-għajnuniet mill-Istat mogħtija lill-Kumpannija "Schott Glas, Jena", isem espressament użat fit-talbiet ta’ aċċess, iżda li hija għandha fajl dwar il-proċedura ta’ eżami ta’ l-għajnuniet mogħtija lil Schott Lithotec AG. Hija tindika li kienet issupponiet li r-rikorrenti kienet tat lil din l-aħħar impriża l-isem ta’ "Schott Glas" u li għalhekk hija kienet ċaħdet it-talba ta’ aċċess b’kunsiderazzjoni tal-proċedura ta’ għajnuna fis-seħħ li tikkonċerna Schott Lithotec AG. Barra minn hekk, dawn il-kunsiderazzjonijiet mhumiex rilevanti fir-rigward tad-definizzjoni tas-suġġett tal-kawża mogħtija fir-rikors.

47      Il-konvenuta tallega wkoll li hija m’għandhiex fajl dwar proċedura ta’ għajnuna magħluqa "fil-kuntest tal-privatizzazzjoni tal-Jenaer Schott Glas", skond il-formulazzjoni użata fir-rikors, peress illi ġie ppreċiżat li l-kumpannija Schott Glas tappartjeni 50 sena fis-settur privat u li għalhekk hija ma kinitx ġiet ipprivatizzata. Hija tosserva li Schott Glas ipparteċipat għall-privatizzazzjoni tal-kumpannija Jenaer Glaswerk billi akkwistat parti mill-kapital tagħha għal 1 Mark Ġermaniż, tranżazzjoni li ma ġietx ikkunsidrata bħala li tinkludi element ta’ għajnuna fit-tmiem tal-proċedura formali ta’ eżami C 58/91 (NN 144/91) li nbdiet f’Jannar 1992.

48      Il-fatt li r-rikorrenti kellhom ukoll l-intenzjoni li jitolbu l-aċċess għall-fajl tal-proċedura msemmi iktar ’il fuq lanqas ma kien ikun imsemmi fit-talba ta’ aċċess u deher għall-ewwel darba fir-rikors. F’dawn il-kundizzjonijiet, huwa ġġustifikat li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li t-talba tar-rikorrenti kellha biss bħala għan l-aċċess għal fajl tal-proċedura ta’ eżami dwar l-għajnuniet mogħtija lil Schott Lithotec AG.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

49      Jirriżulta mill-qari flimkien tad-Deċiżjoni u mill-atti tal-konvenuta li din ta’ l-aħħar, fl-ewwel lok, irrifjutat l-aċċess għad-dokumenti dwar l-għajnuniet mill-Istat mogħtija lir-rikorrenti, l-imsemmija dokumenti jkunu dawk dwar il-proċeduri bir-referenzi C 19/2000 u C 44/2001. Il-Kummissjoni fil-fatt tindika li kien impossibbli għaliha li tikkunsidra separatament id-dokumenti taż-żewġ proċeduri, dawn l-aħħar jikkonċernaw l-istess miżuri ta’ ristrutturazzjoni u huma bbażati fuq l-istess dokumenti.

50      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkunsidra li t-talba għal aċċess għad-"dokumenti kollha fil-fajls tal-Kummissjoni dwar l-għajnuniet mill-Istat favur il-kumpannija Schott Glas, Jena" tkopri "notifika minn qabel taħt il-qafas multi settorili għal proġetti ġodda importanti ta’ investiment ta’ Schott Glas fil-Lvant tal-Ġermanja". Hija ċaħdet din it-talba billi bbażat ruħha fuq l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess previsti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar, l-ewwel waħda, il-ħarsien ta’ l-iskop ta’ ispezzjonijiet, investigazzjoni u verifiki, l-oħra, għall-ħarsien ta’ l-interessi kummerċjali ta’ persuna legali [ġuridika].

51      Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti indikat li t-talba tagħha ta’ aċċess dwar Schott Glas kellha tifsira doppja, fejn hija tkopri d-dokumenti dwar :

a) il-proċedura jew il-proċeduri ta’ għajnuna magħluqa fil-kuntest tal-privatizzazzjoni ta’ Jenaer Schott Glas;

b) il-proċedura ta’ għajnuna fis-seħħ dwar l-investiment ġdid ta’ Schott Glas fl-Istat Federali ta’ Thuringia.

52      Hija affermat ukoll li r-rikors preżenti mhuwiex intiż għall-annullament ta’ ċaħda ta’ aċċess għad-dokumenti previsti fil-punt preċedenti taħt (b), u li jekk id-Deċiżjoni kellha tiġi interpretata fis-sens li hija kkonċernat biss dawn l-aħħar imsemmija dokumenti u mhux dawk imsemmija taħt (a), l-Artikolu 8(3)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 kellu japplika. B’hekk, in-nuqqas ta’ risposta tal-Kummissjoni fir-rigward tat-talba ta’ aċċess għad-dokumenti msemmija fil-punt preċedenti huwa ekwivalenti għal rifjut impliċitu ta’ aċċess, li jista’ jwassal għal rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

53      Huwa paċifiku li l-Kummissjoni adottat Deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda tat-talba ta’ konferma għal aċċess għad-dokumenti dwar Schott Glas, ta’ l-inqas, kif hija fehmitha fid-dawl tan-nota tagħha, jiġifieri bħala talba ta’ aċċess għad-dokumenti prevista iktar ’il fuq fil-punt 51 taħt (b).

54      Fir-rigward ta’ l-eżistenza ta’ rifjut impliċitu ta’ aċċess għad-dokumenti msemmija iktar ’il fuq, fil-punt 51, taħt (a), għandu jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni setgħetx raġonevolment tifhem is-sinjifikat doppju tat-talba konfermatorja ta’ aċċess għad-dokumenti li jikkonċernaw Schott Glas, kif imfakkar fil-punt 51 iktar ’il fuq. Fil-fatt, ma jistax jiġi kkunsidrat li s-silenzju ta’ l-amministrazzjoni tikkostitwixxi għal deċiżjoni ta’ rifjut ħlief jekk l-imsemmija amministrazzjoni kienet fil-pożizzjoni li tiddeċiedi b’mod effettiv u, b’hekk, li tifhem dak li ġiet miltub lilha.

55      Jeħtieġ li jiġi kkonstatat, f’dan il-każ partikolari, li kemm it-talba inizjali kif ukoll it-talba konfermatorja ta’ aċċess miktuba b’termini ġenerali u ma hemm l-ebda referenza magħmula għall-kumpannija Jenaer Glaswerke, għal privatizzazzjoni tagħha jew għal perijodu speċifiku.

56      Huwa biss fir-rikors li r-rikorrenti għall-ewwel darba għamlet talba ta’ aċċess tad-dokumenti relatati ma’ proċedura ta’ għajnuna dwar il-"privatizzazzjoni ta’ Schott Glas" jew ta’ "Jenaer Schott Glas". Filwaqt li affermat li kellu jkun "evidenti" għall-Kummissjoni li t-talba ta’ aċċess tirrigwarda wkoll id-dokumenti li jikkonċernaw l-għoti ta’ għajnuniet ta’ l-Istat fil-kuntest tal-privatizzazzjoni ta’ Jenaer Glaswerke fl-1992, fir-risposta tagħha għal mistoqsijiet mill-Qorti tal-Prim’Istanza fuq is-suġġett ta’ din il-kawża, ir-rikorrenti ammettiet l-insuffiċjenza ta’ preċiżjoni tat-talba tagħha meta minn naħa tagħha bbażat fuq l-argument tar-Renju ta’ l-Iżvezja fuq il-ksur mill-Kummissjoni tad-dover ta’ assistenza tagħha, skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

57      Minbarra dan jirriżulta mir-risposta li l-Kummissjoni kellha tagħti interpretazzjoni tad-domanda sabiex tagħtiha s-sens korrispondenti effettivament iżda parzjalment biss għall-aspettattivi tar-rikorrenti. Il-konvenuta tindika wkoll li r-rikorrenti "ma ppreċiżatx dak li hija kienet tfisser b’ ‘dokumenti kollha fil-fajls tal-Kummissjoni li jikkonċernaw l-għajnuniet mill-Istat għall-vantaġġ ta’ l-impriża Schott Glas, Jena’" u li "issupponiet" li r-rikorrenti kienet użat bi żball l-isem ta’ "Schott Glas" filwaqt li l-isem ta’ l-impriża kien ibbenefika mill-għajnuniet, li kienu s-suġġett tal-proċedura formali ta’ eżami fis-seħħ fil-mument ta’ l-adozzjoni tad-Deċiżjoni, kien "Schott Lithotec AG".

58      Hemm lok li jiġi konkluż li l-formulazzjoni tat-talba ta’ aċċess tar-rikorrenti ma kinitx ta’ natura li tippermetti lill-Kummissjoni li tifhem it-tifsira doppja u li konsegwentement ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni impliċitament ċaħdet l-aċċess għad-dokumenti msemmija iktar ’il fuq, fil-punt 51, taħt (a).

59      Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq li fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti relatati, minn naħa, għall-proċeduri ta’ eżami ta’ għajnuniet mogħtija lir-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, għall-proċedura fis-seħħ ta’ eżami ta’ għajnuniet dwar "l-investiment ġdid ta’ Schott Glas fl-Istat Federali ta’ Thuringia", fejn hu mfakkar li din it-tieni parti tad-Deċiżjoni mhijiex is-suġġett tar-rikors għal annullament imressaq mir-rikorrenti.

60      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors, safejn huwa intiż għall-annullament ta’ allegat rifjut impliċitu ta’ aċċess għad-dokumenti li jikkonċerna "il-proċedura ta’ għajnuna magħluqa fil-kuntest tal-privatizzazzjoni ta’ Jenaer Schott Glas", hija inammissibbli.

 Fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 dwar l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess ibbażat fuq il-ħarsien ta’ l-iskop ta’ ispezzjonijiet, investigazzjoni u verifiki

61      In sostenn tal-motiv ta’ annullament imsemmi iktar ’il fuq, ir-rikorrenti, sostnuta mir-Renju ta’ l-Iżvezja, qajmet bosta lmenti. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni kienet irrifjutat l-aċċess għad-dokumenti mitluba mingħajr ma pproċediet għal eżami konkret ta’ kull wieħed minnhom. Fit-tieni lok, il-konvenuta kienet ibbażat ruħha, b’mod żbaljat, fuq is-soluzzjonijiet ta’ ġurisprudenza dwar ir-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti li jikkonċernaw il-proċeduri kontra Stat Membru għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li ma jistgħux jitqabblu mal-proċeduri ta’ eżami ta’ l-għajnuniet. Fit-tielet lok, il-Kummissjoni kienet kisret id-dritt għal aċċess parzjali. Fir-raba’ lok, l-ibbilanċjar ta’ l-interessi previsti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 kellhom iwasslu għall-iżvelar tad-dokumenti mitluba.

62      Il-Qorti tal-Prim’Istanza li fl-ewwel lok għandu jiġi analizzat l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ eżami konkret u individwali tad-dokumenti previsti fit-talba għal aċċess.

 L-argumenti tal-partijiet

63      Ir-rikorrenti ssostni li l-motivazzjoni tad-Deċiżjoni turi li, skond il-Kummissjoni, minħabba n-natura tagħhom, ma jista’ qatt jingħata l-aċċess għad-dokumenti li jikkonċernaw proċeduri ta’ għajnuna fis-seħħ. Ir-rikorrenti tafferma li l-konvenuta b’hekk irrifjutat l-aċċess għad-dokumenti mitluba indipendentement mill-proċedura ta’ għajnuna in kwistjoni u tad-dokumenti kkonċernati.

64      Madankollu jirriżulta tant mill-kliem ta’ l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 kif ukoll mill-ġurisprudenza li l-Kummissjoni għandha, għal kuntrarju, teżamina konkretement f’kull każ individwali jekk l-aċċess għad-dokument in kwistjoni huwa effettivament ta’ tip li jippreġudika l-proċedura ta’ investigazzjoni. Ir-rikorrenti tfakkar li "ċ-ċirkustanza li d-dokument in kwistjoni jikkonċerna attività ta’ inspezzjoni ma tistax, waħidha, tkun biżżejjed sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ l-eċċezzjoni invokata" (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Settembru 2000, Denkavit Nederland vs Il-Kummissjoni, T‑20/99, Ġabra p. II‑3011, punt 45).

65      Minbarra dan, il-Kummissjoni ma kintix uriet li l-aċċess għad-dokumenti seta’ ostakola l-proċedura ta’ għajnuna li tikkonċerna r-rikorrenti, diġà magħluqa fil-mument tat-talba ta’ aċċess. Barra minn hekk, din il-prova hija impossibbli li tiġi stabbilita skond ir-rikorrenti. Din l-aħħar imsemmija tfakkar li l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi espressament li l-eċċezzjonijiet tal-paragrafu 2 japplikaw biss għall-perijodu li l-għan ta’ ħarsien huwa ġġustifikat. Fir-rigward ta’ l-attivitajiet ta’ inspezzjoni u ta’ investigazzjoni, jirriżulta minn natura tagħhom stess li l-ebda ġustifikazzjoni ta’ rifjut ta’ aċċess ma tista’ tiġi kkunsidrata la darba l-investigazzjoni in kwistjoni hija kompletata.

66      Ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni rrifjutat aċċess parzjali billi bbażat dan ir-rifjut fuq motivazzjoni ġenerali li "d-dokumenti ma jistgħux jinqasmu bejn dawk kunfidenzjali u dawk mhux kunfidenzjali", fuq il-bażi tal-prinċipju li d-dokumenti kollha relatati mal-proċedura ta’ għajnuna huma unikament skambjati bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru u li ħadd m’għandu jkollu aċċess, anke wara t-tmiem tal-proċedura.

67      Ir-Renju ta’ l-Iżvezja jsostni li jirriżulta mid-Deċiżjoni u mill-pożizzjoni adottata mill-konvenuta fil-kuntest ta’ l-istanza preżenti li l-Kummissjoni m’għamlitx evalwazzjoni konkreta ta’ l-informazzjoni li tinsab fid-dokumenti li għalihom l-aċċess kien ġie mitlub. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet ippreċiżat bosta drabi, taħt il-kappa tal-leġiżlazzjoni preċedenti, li kull eżami għal talba ta’ żvelar għandu jirrigwarda l-informazzjoni li d-dokument mitlub jikkontjeni, prinċipju li għadu applikabbli fil-kuntest tar-Regolament Nru 1049/2001. Fin-nuqqas ta’ tali eżami jkun impossibbli li jiġi ddeterminat jekk jeżistu interessi x’jiġu mħarsa li jiġġustifikaw li d-dokument jinżamm sigriet jew li jsir l-ekwilibriju ta’ l-interessi msemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. L-evalwazzjoni in concreto huwa wkoll indispensabbli sabiex tiġi ddeterminata l-possibbiltà ta’ aċċess parzjali. Din il-konklużjoni tiġi imposta tkun xi tkun l-eċċezzjoni applikabbli.

68      Il-Kummissjoni ssostni li l-argument espress fis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Diċembru 2001, Petrie et vs Il-Kummissjoni (T‑191/99, Ġabra p. II‑3677), li fuqha hija bbażata d-Deċiżjoni, huwa applikabbli mingħajr restrizzjonijiet għall-proċeduri ta’ eżami ta’ l-għajnuniet, li huma, mingħajr ebda dubju, attivitajiet "ta’ investigazzjoni" skond l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

69      Hija tindika li, bħal fil-proċeduri għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu, jeħtieġ li jkun hemm, fil-proċeduri ta’ eżami ta’ l-għajnuniet, kooperazzjoni sinċiera u leali bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru, li jeskludi li terzi jkollhom aċċess għad-dokumenti relatati ma’ dawn il-proċeduri qabel ma’ dawn ikunu ġew konklużi. Sakemm il-proċedura ta’ eżami ta’ l-għajnuniet mhix magħluqa, ma tistax skond din jingħata lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għad-dokumenti, filwaqt li l-partijiet interessati fil-kuntest ta’ din il-proċedura, li ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq drittijiet tad-difiża, ma jibbenefikawx minn tali dritt.

70      Hija tafferma li t-talba ta’ aċċes tar-rikorrenti tirrigwarda dokumenti relatati ma’ proċedura ta’ eżami ta’ għajnuniet fis-seħħ. Il-Kummissjoni kienet adottat żewġ deċiżjonijiet dwar iż-żewġ partijiet ta’ proġġett għal ristrutturazzjoni globali, ippreżentat bħala tali mir-rikorrenti stess fl-atti tagħha. Il-konvenuta tindika li l-proċedura ta’ għajnuna fis-seħħ C 44/2001 tikkonċerna l-istess miżuri ta’ ristrutturar u tibbaża ruħha fuq l-istess dokumenti bħall-proċedura ta’ għajnuna C 19/2000 u titlob li kien hemm lok, għaldaqstant, li t-talbiet ta’ aċċess għall-fajl li jikkonċernaw iż-żewġ proċeduri in kwistjoni, jiġu kkunsidrati flimkien.

71      Il-Kummissjoni ssostni li din il-kawża hija differenti minn dik li tat lok għas-sentenza VKI, punt 24 iktar ’il fuq, li kienet tikkonċerna rifjut ta’ aċċess għal dokumenti relatati ma’ proċedura diġà magħluqa fil-qasam ta’ akkordju. F’dan il-każ partikolari, fir-rigward ta’ talba ta’ aċċess għal dokumenti dwar proċedura fis-seħħ ta’ eżami ta’ għajnuniet mill-Istat, il-prinċipji mogħtija mis-sentenza Petrie et vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq jippermettu, skond din, risposta globali u b’hekk mhuwiex neċessarju li jiġu analizzati konkretement u individwalment id-dokumenti previsti fl-imsemmija talba.

72      Schott Glas tosserva li, fil-mument tal-preżentazzjoni mir-rikorrenti tat-talba ta’ aċċess għad-dokumenti relatati maż-żewġ kawżi ta’ għajnuna li jikkonċernawha, il-proċedura C 44/2001 għadha fis-seħħ. Madankollu, il-konnessjoni materjali mill-qrib bejn iż-żewġ proċeduri ta’ għajnuna C 19/2000 u C 44/2001 kienu ġew enfasizzati b’mod ripetut mir-rikorrenti stess. Meta Schott Glas tikkonkludi li r-rikorrenti talbet l-aċċess għal dokumenti filwaqt li kien hemm attivitajiet ta’ investigazzjoni fis-seħħ f’proċedura li fiha l-Kummissjoni ma kenitx għadha ħadet deċiżjoni.

73      Hija tqis li l-Kummissjoni kellha tinterpreta f’dan il-każ partikolari, l-eċċezzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001 skond il-prinċipji kostanti fuq id-drittijiet tal-parteċipazzjoni ta’ terzi fil-proċeduri ta’ għajnuna u li b’hekk hija kkunsidrat, b’mod iġġustifikat, li t-tqassim tad-dokumenti mixtieqa mir-rikorrenti kien ippreġudika serjament l-iskop ta’ investigazzjoni (it-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001) kif ukoll il-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni fil-kawża C 44/2001 (Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

74      Jirriżulta mill-Artikoli 2, 4 u 6 sa 8 tar-Regolament Nru 1049/2001 li l-istituzzjoni li tirċievi talba ta’ aċċess għal dokumenti bbażata fuq dan ir-Regolament għandha l-obbligu li teżamina u tirrispondi għal dik it-talba u, b’mod partikolari, li tiddetermina jekk waħda mill-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 ta’ l-imsemmi regolament hija applikabbli għad-dokumenti in kwistjoni (sentenza VKI, punt 24 iktar ’il fuq, punti 67 sa 68).

75      F’dan il-każ partikolari, il-Kummissjoni rrifjutat li tikkomunika dokumenti relatati ma’ proċeduri ta’ eżami ta’ għajnuniet mill-Istat mogħtija lir-rikorrenti, u dan billi invokat l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess previst fit-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ibbażat fuq il-ħarsien ta’ l-iskop ta’ ispezzjonijiet, investigazzjoni u verifiki.

76      Jeħtieġ li jiġi mfakkar li, kif tindika l-Kummissjoni mingħar ma hija kkontradetta mir-rikorrenti u r-Renju ta’ l-Iżvezja, id-dokumenti msemmija fit-talba ta’ aċċess effettivament relatati ma’ attività "ta’ investigazzjoni", skond it-tielet inċiz ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

77      Madankollu, l-unika ċirkustanza li dokument jikkonċerna interess protett minn eċċezzjoni ma tistax tkun biżżejjed sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ din l-aħħar imsemmija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Denkavit Nederland vs Il-Kummissjoni, punt 64 iktar ’il fuq, punt 45). Applikazzjoni bħal din fil-prinċipju tista’ tkun iġġustifikata biss fl-ipoteżi fejn l-istituzzjoni evalwat minn qabel, fl-ewwel lok, jekk l-aċċess għal dokument jippreġudika konkretement u effettivament l-interess protett u, fit-tieni lok, fl-ipoteżijiet imsemmija fl-Artikolu 4 (2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, jekk ma eżistiex interess pubbliku għola li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument intiż. Barra minn hekk, ir-riskju ta’ preġudizzju għal interess protett għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Frar 2002, Kuijer vs Il-Kunsill, T‑211/00, Ġabra p. II‑485, punt 56). Konsegwentement, l-eżami li għalih, fil-prinċipju, l-istituzzjoni għandha tipproċedi sabiex tapplika eċċezzjoni għandu jsir b’mod konkret u għandu jirriżulta minn motivi tad-Deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Lulju 1999, Hautala vs Il-Kunsill, T‑14/98, Ġabra p. II‑2489, punt 67; tas-6 ta’ April 2000, Kuijer vs Il-Kunsill, T‑188/98, Ġabra p. II‑1959, punt 38, u s-sentenza VKI, punt 24 iktar ’il fuq, punti 69 u 74).

78      Minbarra dan, jirriżulta mir-Regolament Nru 1049/2001 li l-eċċezzjonijiet kollha msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ l-Artikolu 4 tiegħu huma stipulati bħala li għandhom japplikaw "għal dokument". B’hekk, dan l-eżami konkret għandu jsir għal kull dokument imsemmi fit-talba (is-sentenza VKI, punt 24 iktar ’il fuq, punt 70).

79      Huwa importanti wkoll li jiġi enfasizzat li huwa biss eżami konkret u individwali, f’kuntrast ma’ eżami astratt u globali, li jista’ jippermetti lill-istituzzjoni li tevalwa l-possibbiltà li tagħti aċċess parzjali lill-applikant, skond l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenza VKI, punt 24 iktar ’il fuq, punti 73 u 75) u li, fir-rigward ta’ l-applikazzjoni ratione temporis ta’ l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess, l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi li l-eċċezzjonijiet msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ l-imsemmi Regolament japplikaw biss għall-perijodu li fih il-ħarsien huwa ġġustifikat fir-rigward tal-"kontenut tad-dokument".

80      F’dan il-każ partikolari, ma jirriżultax mill-motivi tad-Deċiżjoni li l-Kummissjoni pproċediet b’evalwazzjoni konkreta u individwali tal-kontenut tad-dokumenti msemmija fit-talba ta’ aċċess. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma allegatx, la fir-risposta tagħha, la fl-osservazzjonijiet tagħha tat-13 ta’ April 2005, la matul is-seduta, li wettqet tali eżami. Il-kliem tad-deċiżjoni juru li l-konvenuta bbażat din id-deċiżjoni mhux fil-konfront ta’ l-elementi ta’ informazzjoni li jinkludu d-dokumenti in kwistjoni, iżda fuq analiżi ġenerali skond il-kategorija tad-dokumenti, billi ddistingwiet, minn naħa, il-korrispondenza skambjata ma’ l-Istat Membru kkonċernat u, min-naħa l-oħra, l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet interessati fil-kuntest tal-proċedura formali ta’ eżami.

81      Barra minn hekk, ma jirriżultax mid-Deċiżjoni li l-Kummissjoni vverifikat konkretement li kull dokument imsemmi fit-talba kien inkluż f’waħda miż-żewġ kategoriji identifikati.

82      Hija wkoll konklużjoni opposta li tista’ tittieħed mill-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li kellha bħala għan li tistieden lill-Kummissjoni sabiex tikkomunika lill-Qorti tal-Prim’Istanza l-lista kompluta tad-dokumenti li jammontaw għal fajl amministrattiv dwar il-proċeduri ta’ eżami ta’ l-għajnuniet mogħtija lir-rikorrenti.

83      L-eżami ta’ din il-lista fil-fatt juri, li bosta dokumenti miżmuma mill-Kummissjoni matul l-adozzjoni tad-Deċiżjoni ma jaqgħux la taħt il-korrispondenza skambjata ma’ l-Istat Membru kkonċernat, la taħt osservazzjonijiet tal-partijiet interessati, jiġifieri :

–        l-ittra tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Diċembru 2000 li permezz tagħha hija stiednet lil Schott Glas sabiex tirrispondi għal serje ta’ domandi fil-kuntest tal-proċedura formali ta’ eżami C 19/2000 (dokument 39);

–        il-memorandum tad-DĠ "Kompetizzjoni" li jitolbu mis-servizzi differenti tal-Kummissjoni informazzjoni jew opinjonijiet dwar l-abbozzi tad-Deċiżjoni stabbilita minnha (dokumenti 3, 18, 45 u 54) u r-risposti ta’ dawn is-servizzi (dokumenti 4, 19, 20, 46 sa 49);

–        il-memorandum tad-DĠ "Kompetizzjoni" ddestinati għall-membru tal-Kummissjoni responsabbli (dokumenti 12, 17, 44 u 79);

–        in-noti interni tad-DĠ "Kompetizzjoni" fuq l-istat tal-fajl (dokumenti 8, 13, 33 u 36).

84      Meta kienet mistoqsija matul is-seduta dwar l-inosservanza ta’ l-obbligu li tipproċedi għal eżami konkret u individwali tad-dokumenti msemmija fit-talba ta’ aċċess tar-rikorrenti, il-Kummissjoni enfasizzat, fir-risposta tagħha, id-differenza ta’ sitwazzjoni fattwali bejn il-kawża preżenti u l-kawża li tat lok għas-sentenza VKI, punt 24 iktar ’il fuq. Skond il-konvenuta, fis-sitwazzjoni fejn, bħal f’dan il-każ partikolari, it-talba ta’ aċċess tikkonċerna dokumenti relatati ma’ proċedura ta’ kontroll ta’ l-għajnuniet fis-seħħ, l-eżami konkret u individwali mhux neċessarju u risposta ġenerali ta’ konfidenzjalità ta’ l-imsemmija dokumenti għandha tiġi pprovduta fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni ta’ l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess ibbażat fuq il-ħarsien ta’ l-attivitajiet ta’ investigazzjoni.

85      Jeħtieġ li jingħad li l-obbligu għal istituzzjoni li tipproċedi għal evalwazzjoni konkreta u individwali tal-kontenut tad-dokumenti msemmija fit-talba ta’ aċċess jikkostitwixxi soluzzjoni ta’ prinċipju (sentenza VKI, punt 24 iktar ’il fuq, punt 75), li japplika għall-eċċezzjonijiet kollha msemmija għall-paragrafi 1 sa 3 ta’ l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, ikun x’ikun il-qasam li miegħu huma konnessi d-dokumenti mitluba, meta dan ikun, b’mod partikolari, dak ta’ l-akkodji bħal fil-kawża li tat lok għas-sentenza VKI, punt 24 iktar ’il fuq, jew dak tal-kontroll ta’ l-għajnuniet pubbliċi.

86      Jibqa’ l-fatt li l-imsemmi eżami jista’ ma jkunx neċessarju meta, minħabba ċirkustanzi partikolari tal-każ, huwa ċar li l-aċċess għandu jiġi rrifjutat jew bil-kontra jingħata. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, jekk ċerti dokumenti kienu, fl-ewwel lok, manifestament koperti integrament minn eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess, kemm, għall-kuntrarju, meta kienu manifestament aċċessibbli integralment, kemm, fl-aħħar nett, meta kienu diġà s-suġġett ta’ evalwazzjoni konkreta u individwali mill-Kummissjoni f’ċirkustanzi simili (sentenza VKI, punt 24 iktar ’il fuq, punt 75).

87      B’hekk għandu jiġi eżaminat jekk id-domanda tar-rikorrenti tirrigwarda dokumenti li għalihom, minħabba ċirkustanzi tal-każ partikolari, mhuwiex neċessarju li jsir tali eżami konkret u individwali.

88      Fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ġġustifikat l-applikazzjoni ta’ l-eċċezzjoni bbażata fuq il-ħarsien ta’ l-iskop ta’ ispezzjonijiet u ta’ investigazzjoni billi ssostni li, fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw il-kompatibbiltà bejn għajnuna mill-Istat u s-suq wieħed, kooperazzjoni leali u fiduċja reċiproka bejn il-Kummissjoni, l-Istat Membu u l-impriżi kkonċernati hija indispensabbli sabiex il-"partijiet" varji jkunu jistgħu jesprimu ruħhom liberament u li l-iżvelar ta’ dokumenti relatati ma’ dawn l-investigazzjonijiet "jistgħu jippreġudikaw it-trattament ta’ l-eżami ta’ l-ilment billi jikkomprometti dan id-djalogu".

89      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li evalwazzjoni daqshekk ġenerali, tapplika għal fajl amministrattiv kollu dwar il-proċeduri ta’ eżami ta’ l-għajnuniet mogħtija lir-rikorrenti, ma turix l-eżistenza taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ li tippermetti li jiġi kkunsidrat li ma kienx neċessarju li tipproċedi għal eżami konkret u individwali tad-dokumenti li jiffurmaw il-fajl. B’mod partikolari, hija ma stabbilixxietx li dawn id-dokumenti kienu manifestament koperti integralment minn eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess.

90      Kif ġie indikat fil-punt 81 iktar ’il fuq, ma jirriżultax mid-Deċiżjoni li l-Kummissjoni vverifikat konkretement li kull dokument imsemmi fit-talba kien inkluż f’waħda miż-żewġ kategoriji identifikati. Jirriżulta, bil-kontra, mill-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura msemmija fil-punt 82 iktar ’il fuq li bosta dokumenti miżmuma mill-Kummissjoni ma jaqgħux taħt waħda minn dawn il-kategoriji u, konsegwentement, li d-diviżjoni ta’ dawn id-dokumenti f’żewġ kategoriji mhijiex eżatta. Madankollu, din il-konstatazzjoni ta’ kategorizzazzjoni ineżatta timpedixxi, fi kwalunkwe każ, li jiġi kkunsidrat li d-dokumenti kollha msemmija fit-talba huma b’mod ċar koperti mill-eċċezzjoni invokata fid-Deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza VKI, punt 24 iktar ’il fuq, punt 83).

91      Jeħtieġ ukoll li jingħad li, barra minn hekk, il-kunsiderazzjonijiet esposti mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni, bħal barra minn hekk fir-risposta tagħha, jibqgħu vagi u ġenerali. Fin-nuqqas ta’ eżami individwali, jiġifieri dokument b’dokument, huma ma jippermettux li tiġi kkunsidrata b’ċerta ċertezza suffiċjenti u b’mod ċirkustanzjat li l-argument tal-Kummissjoni, għandu jiġi preżuppost fondat fil-prinċipju tiegħu, huwa applikabbli għad-dokumenti kollha tal-fajl amministrattiv dwar il-proċeduri ta’ eżami ta’ l-għajnuniet mogħtija lir-rikorrenti. It-tħassib espress mill-Kummissjoni jibqa’ fuq il-livell ta’ sempliċi affermazzjonijiet u konsegwentement huwa eżaġeratament ipotetiku (sentenza VKI, punt 24 iktar ’il fuq, punt 84).

92      F’dan ir-rigward, jista’ jidher għall-inqas paradossali li tiġi evokata n-neċessità ta’ djalogu sinċier u dirett bejn il-Kummissjoni, l-Istat Membru u l-"impriżi kkonċernati", fil-kuntest ta’ atmosfera ta’ kooperazzjoni leali u ta’ fiduċja reċiproka, sabiex tiġi preċiżament rifjutata lil waħda mill-"partijiet" ikkonċernati l-konoxxjenza ta’ kull element ta’ informazzjoni li jolqot direttament is-suġġett stess tad-diskussjonijiet.

93      Minbarra dan, fir-rigward ta’ l-applikazzjoni ratione temporis ta’ l-eċċezzjoni invokata, il-Kummissjoni tagħmel referenza għal dokumenti li jikkonċernaw "investigazzjonijiet pendenti", formulazzjoni ta’ natura ġenerali li ma tippermettix li jiġi konkluż b’ċertezza suffiċjenti li d-dokumenti kollha msemmija fit-talba ta’ aċċess kienu għadhom setgħu jiġu koperti mill-imsemmija eċċezzjoni, fil-jum ta’ l-adozzjoni tad-Deċiżjoni, filwaqt li huwa mfakkar li, fid-data tat-28 ta’ Mejju 2002, il-proċedura ta’ għajnuna C 19/2000 kienet magħluqa.

94      Jeħtieġ li jiġi rrilevat li, eċċezzjonalment u biss meta l-piż amministrattiv ikkawżat mill-eżami konkret u individwali tad-dokumenti jirriżulta partikolarment tqil, b’hekk jaqbeż il-limiti ta’ dak li jista’ jiġi raġonevolment mistenni, li deroga għall-obbligu ta’ eżami tista’ tiġi ammessa (sentenza VKI, punt 24 iktar ’il fuq, punt 112).

95      F’dan il-każ partikolari, huwa paċifiku li l-Kummissjoni ma invokatx, la fid-Deċiżjoni, la fl-atti tagħha, la matul is-seduta, żieda fix-xogħol marbut ma’ l-eżami tat-talba ta’ aċċess tar-rikorrenti.

96      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument ta’ Schott Glas, li ma setax jiġi serjament mistenni mill-Kummissjoni li hija tipprovdi "sforz amministrattiv għoli ħafna" li jimplika l-eżami tal-fajl kollu ta’ proċedura ta’ għajnuna mill-Istat sabiex tagħmel distinzjoni bejn l-informazzjoni kunfidenzjali u l-informazzjoni mhux konfidenzjali, fil-każ fejn ir-rikorrenti ma jkollhiex dritt li ħaqqu protezzjoni li tkun tista’ tikkonsulta d-dokumenti in kwistjoni, għandu jiġi ddikjarata inammissibbli.

97      Fil-fatt hemm lok li jiġi mfakkar li r-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 40, ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 116(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza jikkonferixxu lill-intervenjenti d-dritt li tesponi b’mod awtonomu mhux biss argumenti, iżda wkoll motivi, safejn dawn isostnu t-talbiet ta’ waħda mill-partijiet prinċipali u li ma jkunux ta’ natura totalment barranija għall-kunsiderazzjonijiet li fuqhom hija bbażata l-kawża, kif stabbilita bejn ir-rikorrenti u l-konvenuta li jwassal li jbiddel is-suġġett (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, T‑171/02, Ġabra p. II‑2123, punt 152).

98      Fil-każ preżenti, kif issemma iktar ’il fuq, il-kontenut tar-rikors u tar-risposta, kif ukoll l-osservazzjonijiet magħmula mir-rikorrenti u l-Kummissjoni bħala risposta għad-domanda tal-Qorti tal-Prim’Istanza fuq is-suġġett tal-kawża, ma jiżvela l-ebda problema fir-rigward tal-piż ta’ xogħol meħtieġ għall-ipproċessar tat-talba għall-aċċess. F’dawn il-kundizzjonijiet, l-argument ta’ Schott Glas fir-rigward ta’ l-"isforz amministrattiv għoli ħafna" meħtieġ mit-trattament tat-talba ta’ aċċess ma jistax ikun ikkunsidrat bħala li huwa konness mas-suġġett tal-kawża preżenti.

99      Fl-aħħar nett hemm lok li jiġi rrilevat li fin-nota ta’ intervent tagħha, Schott Glas invokat l-eċċezzjoni ta’ l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Schott Glas issostni li l-Kummissjoni ġustament waslet għall-konklużjoni li t-tixrid tad-dokumenti mitluba mir-rikorrenti kien jippreġudika serjament il-proċess deċiżjonali ta’ l-istituzzjoni fil-proċedura C 44/2001. Madankollu, peress illi din l-eċċezzjoni ma ġietx invokata mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni, ma hijiex il-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tissostitwixxi lil din l-istituzzjoni sabiex tiddetermina jekk hija effettivament applikabbli għad-dokumenti msemmija fit-talba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza VKI, punt 24 iktar ’il fuq, punt 91).

100    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ eżami konkret u individwali tad-dokumenti msemmija fit-talba ta’ aċċess għandu jintlaqa’ u li r-rifjut pur u sempliċi ta’ aċċess oppost mill-Kummissjoni lir-rikorrenti huwa, konsegwentement, ivvizzjat bi żball ta’ dritt. Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u d-Deċiżjoni għandha, għaldaqstant, tiġi annullata, mingħajr ma jkun hemm lok li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra ta’ annullament imqajma mir-rikorrenti u mir-Renju ta’ l-Iżvezja.

 Fuq l-ispejjeż

101    Skond l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ partikolari, hemm lok li jiġi deċiż li l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll it-tliet kwarti ta’ dawk esposti mir-rikorrenti. Din ta’ l-aħħar tbati kwart mill-ispejjeż tagħha.

102    Skond it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 87(4), il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tordna li parti intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. F’dan il-każ partikolari, Schott Glas, parti intervenjenti li ssostni lill-Kummissjoni, tbati l-ispejjeż tagħha.

103    Ir-Renju ta’ l-Iżvezja u r-Repubblika tal-Finlandja jbatu l-ispejjeż tagħhom skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Mejju 2002 hija annullata fejn hija tirrifjuta l-aċċess għal dokumenti relatati mal-proċeduri ta’ eżami ta’ l-għajnuniet mogħtija lil Technische Glaswerke Ilmenau GmbH.

2)      Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

3)      Il-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll it-tliet kwarti ta’ dawk esposti minn Technische Glaswerke Ilmenau. Din l-aħħar imsemmija tbati kwart ta’ l-ispejjeż tagħha.

4)      Schott Glas, ir-Renju ta’ l-Iżvezja u r-Repubblika tal-Finlandja jbatu l-ispejjeż tagħhom.

Vilaras

Dehousse

Šváby

Mogħtija f’seduta pubblika fil-Lussemburgu fl-14 ta’ Diċembru 2006.

E. Coulon

 

       M. Vilaras

Reġistratur

 

       President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.