KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI
TRSTENJAK
ippreżentati fil-15 ta’ Novembru 20071(1)
Kawża C‑404/06
Quelle AG
vs
Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja)]
“Protezzjoni tal-konsumatur – Direttiva 1999/44/KE – Bejgħ ta’ oġġetti ta’ konsum u garanziji assoċjati magħhom – Dritt tal-bejjiegħ li jitlob mingħand il-konsumatur kumpens għall-użu ta’ oġġett difettuż fil-każ tat-tibdil tiegħu – Tibdil mingħajr ħlas”
I – Introduzzjoni
1. B’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk humiex konformi mad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1999/44/KE tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom(2) (iktar’il quddiem id-“Direttiva 1999/44”), ir-regoli tal-Kodiċi Ċivili Ġermaniż li, fil-każ ta’ tibdil ta’ oġġett difettuż, jippermettu lill-bejjiegħ li jitlob mingħand ix-xerrej kumpens fi flus għall-użu ta’ l-oġġett imsemmi. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej ser ikollha għalhekk l-okkażjoni li tinterpreta għall-ewwel darba d-Direttiva 1999/44 fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari.
2. Il-kwistjoni qamet fil-kuntest ta’ tilwima pendenti quddiem il- Bundesgerichtshof bejn il-kumpannija Quelle AG (iktar’il quddiem “Quelle”) u assoċjazzjoni Ġermaniża tal-konsumaturi, il-Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände (iktar’il quddiem il-“Bundesverband”) fejn il-Bundesverband titlob li l-konvenuta tiġi inibita milli titlob il-ħlas ta’ kumpens għall-użu ta’ oġġetti difettużi fil-każ li dawn jiġu ssostitwiti, u titlob ukoll ir-rifużjoni tal-kumpens imħallas.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt Komunitarju
1. Id-dritt prinċipali
3. Skond l-Artikolu 3(1)(t) KE l-attivitajiet tal-Komunità għandhom jinkludu, kif ipprovdut fit-Trattat u skond il-programm li jinsab fih, kontribuzzjoni għat-tisħiħ tal-protezzjoni tal-konsumatur;
4. L-Artikolu 153(1) KE jipprovdi:
“Sabiex tippromwovi l-interessi tal-konsumaturi u sabiex tassigura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, il-Komunità għandha tikkontribwixxi għall-ħarsien tas-saħħa, s-sigurtà u interessi ekonomiċi tal-konsumaturi, kif ukoll il-promozzjoni tad-dritt tagħhom għall-informazzjoni, l-edukazzjoni u l-organizzazzjoni tagħhom infushom sabiex iħarsu l-interessi tagħhom”.
5. L-Artikolu 95 KE jipprovdi dan li ġej:
“1. [...] Il-Kunsill għandu [...] jadotta l-miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispo[ż]izzjonijiet stipulati bil-liġi, b’regolamenti jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern.”
[...]
3 Il-Kummissjoni, fil-proposti tagħha kif maħsuba fil-paragrafu 1 li jikkonċerna [...] il-protezzjoni tal-konsumatur, għandha tieħu bħala bażi protezzjoni fl-għola livell, waqt li tieħu kont partikolarment ta’ kull żvilupp ġdid ibbażat fuq fatti xjentifiċi. Fil-limiti tal-poteri rispettivi tagħhom, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom ukoll ifittxu li jilħqu dan l-objettiv.
[...]”
2. Id-Direttiva 1999/44
6. It-tieni premessa tad-Direttiva 1999/44 tenfasizza li “s-suq intern fih żona mingħajr fruntieri interni li fih il-moviment ħieles ta’ oġġetti, persuni, servizzi u kapital huwa garantit”, u li l-moviment ħieles ta’ l-oġġetti jimplika wkoll li “l-konsumaturi residenti fi Stat Membru għandhom ikunu ħielsa li jixtru oġġetti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor abbażi ta’ sett uniformi minimu ta’ regoli ġusti li jirregolaw il-bejgħ ta’ oġġetti ta’ konsum”.
7. Ir-raba’ premessa ta’ din id-Direttiva tgħid li “l-konsumaturi li huma ħerqana li jibbenefikaw mis-suq kbir billi jixtru oġġetti fi Stati Membri li mhumiex mill-Istat ta’ residenza tagħhom għandhom rwol fundamentali fis-sedqa tas-suq intern”.
8. Skond il-ħames premessa, “il-ħolqien ta’ sett komuni ta’ regoli minimi ta’ liġi tal-konsumaturi, li jkun validu rrispettivament minn fejn ikunu nxtraw l-oġġetti fi ħdan il-Komunità, isaħħaħ il-fiduċja fil-konsumatur u jippermetti lill-konsumaturi li jagħmlu użu sħiħ mis-suq intern”.
9. Il-ħmistax-il premessa tistabbilixxi li “l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li kull ħlas lura lill-konsumatur jista’ jitnaqqas sabiex ikun ikkunsidrat l-użu mill-oġġetti li jkun għamel il-konsumatur minn meta dawn ingħatawlu” u li “billi l-arranġamenti dettaljati li bihom tiġi effetwata r-revoka tal-kuntratt jistgħu jiġu stipulati fil-liġi nazzjonali”.
10. L-erbgħa u għoxrin premessa tispeċifika li “l-Istati Membri għandhom jitħallew jadottaw jew iżommu fis-seħħ aktar dispożizzjonijiet stretti fil-qasam kopert minn din id-Direttiva biex jiżguraw livell aktar għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur”.
11. L-Artikolu 3 tad-Direttiva 1999/44 jirregola d-drittijiet tal-konsumatur:
“1. Il-bejjiegħ għandu jkun responsabbli għall-konsumatur għal kull nuqqas ta’ konformità [difett] li teżisti meta l-oġġetti kienu fornuti.
2. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità, l-konsumatur għandu jkun intitolat li l-oġġetti jinġiebu f’konformità mingħajr ħlas permezz ta’ tiswija jew tibdil, f’konformità mal-paragrafu 3, jew li jkollu tnaqqis xieraq fil-prezz jew il-kuntratt jitħassar rigward dawn l-oġġetti, f’konformità mal-paragrafi 5 u 6.
3. Fil-bidu, il-konsumatur jista’ jeħtieġ lill-bejjiegħ li jsewwi l-oġġetti jew jista’ jeħtieġ lill-bejjiegħ li jibdilhom, f’kull każ mingħajr ħlas, jekk kemm-il darba dan huwa impossibbli jew disproporzjonat.
Rimedju jinftiehem li huwa disproporzjonat jekk jimponi spejjeż fuq il-bejjiegħ li, f’paragun mar-rimedju alternattiv, m'humiex raġjonevoli, b’konsiderazzjoni mogħtija:
– lill-valur li l-oġġetti jkollhom jekk ma kien hemm l-ebda nuqqas ta’ konformità,
– lis-sinifikat tan-nuqqas ta’ konformità, u
– jekk ir-rimedju alternattiv ikun jista’ jitlesta mingħajr inkonvenjent sinifikattiv lill-konsumatur.
Kull tiswija jew tibdil għandha titlesta fi żmien raġjonevoli u mingħajr ebda inkonvenjent sinifikattiv lill-konsumatur, b’konsiderazzjoni mogħtija lin-natura ta’ l-oġġetti u l-għan li għalihom il-konsumatur ħtieġhom.
4. Il-kliem “mingħajr ħlas” fil-paragrafi 2 u 3 jirreferu għall-ispejjeż meħtieġa li jeħel sabiex iġib l-oġġetti f’konformità, partikolarment l-ispiża ta’ pustaġġ, xogħol u materjal.
5. Il-konsumatur jista’ jinħtieġ tnaqqis xieraq tal-prezz jew li jitħassar il-kuntratt:
– jekk il-konsumatur m'huwiex intitolat la għat-tiswija u lanqas għal tibdil, jew
– jekk il-bejjiegħ ma jkunx lesta r-rimedju fi żmien raġjonevoli, jew
– jekk il-bejjiegħ ma jkunx lest r-rimedju mingħajr inkonvenjent sinifikattiv lill-konsumatur.
[...]”
12. L-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 1999/44 tipprovdi li l-bejjiegħ “għandu jinżamm responsabbli skond l-Artikolu 3 fejn in-nuqqas ta’ konformità ssir apparenti fi żmien sentejn minn meta l-oġġetti twasslu għandu il-konsumatur”.
13. Skond l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 1999/44 l-Istati Membri jistgħu “jadottaw jew imantnu fis-seħħ dispożizzjonijiet aktar iebsa, kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, sabiex jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur”.
B – Id-dritt Ġermaniż
14. Id-Direttiva 1999/44 ġiet trasposta fid-dritt Ġermaniż fil-kuntest tar-riforma tal-Kodiċi Ċivili (Bürgerliches Gesetzbuch; iktar’il quddiem il-“BGB”)(3).
15. L-Artikolu 439 tal-BGB bl-isem “Eżekuzzjoni a posteriori”, jipprovdi dan li ġej:
“(1) Ix-xerrej jista’ jagħżel li jitlob, bħala eżekuzzjoni a posteriori, it-tneħħija tad-difett jew il-kunsinna ta’ oġġett li m’għandux difetti.
(2) Il-bejjiegħ għandu jbati l-ispejjeż neċessarji għall-finijiet ta’ l-eżekuzzjoni a posteriori, b’mod partikolari l-ispejjeż tat-trasport, tal-vjaġġ, kif ukoll l-ispejjeż għax-xogħol u l-materjali.
(3) Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 275(2) u (3) l-bejjiegħ jista’ jirrifjuta l-metodu ta’ eżekuzzjoni a posteriori magħżul mix-xerrej jekk dan ikun possibbli biss bi spejjeż sproporzjonati. Għal dan il-għan għandhom jiġu kkunsidrati fuq kollox il-valur ta’ l-oġġett fi stat mingħajr difetti, id-daqs tad-difett u l-possibbiltà li jintuża xi metodu ieħor ta’ eżekuzzjoni a posteriori mingħajr ma dan ikun iffisser żvantaġġ kunsiderevoli għax-xerrej. F’dak il-każ, id-dritt tax-xerrej huwa limitat għall-metodu l-ieħor ta’ eżekuzzjoni a posteriori; jibqa’ mhux mittiefes id-dritt tal-bejjiegħ li jirrifjuta anki dan il-metodu jekk ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu.
(4) Jekk il-bejjiegħ jikkunsinna oġġett mingħajr difetti bħala eżekuzzjoni a posteriori, huwa jista’ jitlob lix-xerrej li jrodd lura l-oġġett difettuż, skond il-kundizzjonijiet u l-metodi stabbiliti fl-Artikoli 346 sa 348”.
16. L-Artikolu 346 BGB, li jirregola l-effetti tar-rexxissjoni jipprovdi:
“(1) Jekk waħda mill-partijiet tkun irriżervat kuntrattwalment id-dritt għar-rexxissjoni, jew jekk hija jkollha dan id-dritt ipso jure, ir-rexxissjoni jkun ifisser il-kunsinna lura ta’ l-oġġetti rċevuti u r-restituzzjoni tal-profitti miksubin.
(2) Minflok il-kunsinna lura jew ir-restituzzjoni, id-debitur huwa obbligat li jirrifondi valur ekwivalenti:
1. jekk il-kunsinna lura jew ir-restituzzjoni hija eskluża abbażi tan-natura ta’ dak miksub,
2. jekk huwa jkun ikkonsma, biegħ, ipoteka, ħadem jew ittrasforma l-oġġett irċevut,
3. Madankollu, fil-każ ta’ deterjorazzjoni jew qerda ta’ l-oġġett; mhijiex inkluża d-deterjorazzjoni li tiġi minn użu normali ta’ l-oġġett.
Fil-każ fejn il-kuntratt jipprevedi korrispettiv, dan għandu jittieħed in kunsiderazzjoni fil-bażi tal-kalkolu tal-kumpens; jekk irid jitħallas il-kumpens għall-vantaġġi li jiġu minn użu ta’ self, hija ammessa l-prova diretta li turi li l-valur ta’ dawn il-vantaġġi kien inferjuri.
(3) L-obbligu ta’ kumpens jintemm:
1. jekk id-difett li jippermetti r-rexxissjoni irriżulta biss matul ix-xogħol jew waqt it-trasformazzjoni ta’ l-oġġett,
2. jekk u safejn id-deterjorazzjoni jew il-qerda tkun ħtija tal-kreditur, jew jekk id-dannu kien xorta waħda jirriżulta għand dan ta’ l-aħħar,
3. kemm il-darba, fil-każ ta’ dritt legali ta’ rexxissjoni, id-deterjorazzjoni jew il-qerda tkun seħħet għand il-persuna kkonċernata għalkemm dan ikun aġixxa bid-diliġenza li s-soltu juża fil-ħarsien ta’ ħwejġu.
Għandu jintradd lura kull arrikkiment li jifdal.
(4) [...]”
17. L-Artikolu 347 BGB, dwar il-profitti u l-ispejjeż wara r-rexxissjoni, jipprovdi:
“(1) Jekk, kuntrarjament għar-regoli ta’ amministrazzjoni tajba d-debitur ma jaqlax profitti, għalkemm dan kien possibbli għalih, huwa obbligat li jikkumpensa lill-kreditur il-valur ekwivalenti. Fil-każ ta’ dritt legali ta’ rexxissjoni, il-persuna kkonċernata għandha tosserva, f’dak li jirrigwarda l-profitti, biss dik id-diliġenza li s-soltu tuża fil-ħarsien ta’ ħwejjiġha.
(2) Jekk id-debitur irodd lura l-oġġett, jew jagħmel kumpens ekwivalenti, jew jekk, skond l-Artikolu 346(3) (1) jew (2) huwa eskluż l-obbligu min-naħa tiegħu ta’ kumpens ta’ valur ekwivalenti, għandhom jiġu kkumpensati lilu l-ispejjeż meħtieġa. Spejjeż oħrajn għandhom jiġu kkumpensati biss safejn il-kreditur jirriżulta, bħala konsegwenza, arrikkit”.
18. Skond l-Artikolu 100 BGB, il-profitti huma “il-frott ta’ oġġett jew ta’ dritt kif ukoll il-vantaġġi li jiġu mill-użu tal-ħaġa jew mit-tgawdija tad-dritt”.
III – Il-fatti, il-proċediment fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
19. F’Awwissu ta’ l-2002 il-kumpannija Quelle bagħtet lix-xerrejja, fil-kuntest ta’ bejgħ bil-korrispondenza, forn domestiku għal korrispettiv ta’ EUR 524.90. F’Jannar 2004 x-xerrejja nnutat li fil-parti interna tal-forn ikkunsinnat kien inqala’ s-saff ta’ l-enamel. Billi t-tiswija ma kinitx possibbli, matul dak l-istess xahar – għalhekk fil-perijodu li kien għadu kopert bil-garanzija – hija talbet li jinbidel l-oġġett. Hija kkunsinnat lura l-forn difettuż lill-bejjiegħ (il-kumpannija Quelle) li bagħtitilu wieħed ġdid imma talbitu l-ħlas ta’ kumpens għall-użu ta’ l-oġġett, l-ewwel f’ammont ta’ EUR 119.97 u wara EUR 69.97, somma li x-xerrejja ħallset.
20. Il-Bundesverband, li kellha prokura xierqa mingħand ix-xerrejja, ħarrket lil Quelle u talbet, minn naħa, ir-rifużjoni ta’ l-ammont ta’ EUR 67.86(4) flimkien ma’ l-imgħaxijiet u, min-naħa l-oħra, l-inġunzjoni lil Quelle li fil-futur ma tkomplix titlob il-ħlas ta’ kumpens għall-użu ta’ oġġetti fil-każ ta’ tibdil ta’ oġġetti difettużi.
21. Il-Landgericht Nürnberg-Fürth (it-Tribunal Reġjonali ta’ Nürnberg-Fürth) laqa’ t-talba tar-rifużjoni ta’ l-ammont imħallas u ċaħad il-kumplament tar-rikors. L-Oberlandesgericht Nürnberg (il-Qorti ta’ l-Appell reġjonali ta’ Nürnberg) ikkonfermat is-sentenza tal-qorti ta’ l-ewwel istanza u aċċettat it-talba għal appell mid-deċiżjoni. Fil-motivazzjoni hija ppreċiżat li l-Artikolu 439(4) BGB ma jistax iservi ta’ bażi legali għat-talba ta’ kumpens għall-użu ta’ l-oġġett u li l-ġustifikazzjoni mogħtija mil-leġiżlatur fir-rigward ta’ dan id-dritt ta’ kumpens mhijiex konvinċenti(5). Din il-qorti ta’ appell iddikjarat li huwa mingħajr ġustifikazzjoni l-fatt li f’każ ta’ tibdil ta’ l-oġġetti jiġu applikati r-regoli tar-rexxissjoni tal-kuntratt; fil-fatt fil-każ ta’ tibdil, minn naħa x-xerrej jikseb oġġett ġdid, imma min-naħa l-oħra l-bejjiegħ iżomm il-prezz sħiħ, flimkien mal-profitt eventwali magħmul b’dan il-ħlas(6). Iżda, fil-każ ta’ rexxissjoni tal-kuntratt, ix-xerrej u l-bejjiegħ għandhom, reċiprokament, iroddu lil xulxin dak li rċevew(7).
22. Iż-żewġ partijiet ressqu appell quddiem il-Bundesgerichtshof (it-Tribunal Federali Suprem) kontra d-deċiżjoni ta’ l-Oberlandesgericht Nürnberg. Il-Bundesgerichtshof għandu dubji serji dwar l-oneru unilaterali fuq ix-xerrej li jħallas kumpens għall-użu ta’ l-oġġett, imma ma jara l-ebda possibbiltà sabiex din l-isproporzjoni tiġi evitata permezz ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni, peress li dan mhuwiex possibbli kemm minħabba ċ-ċarezza tat-tifsira litterali tagħhom, kif ukoll minħabba r-rieda ċara tal-leġiżlatur li tirriżulta mix-xogħlijiet ta’ preparazzjoni ta’ l-abbozz tal-liġi fuq ir-riforma tad-dritt ta’ l-obbligazzjonijiet(8). Huwa jenfasizza li interpretazzjoni hija possibbli biss safejn din ma toħloqx kunflitt mat-tifsira litterali tal-liġi u mar-rieda ċara tal-leġiżlatur(9).
23. Barra minn hekk, il-Bundesgerichtshof għandu dubji dwar kemm il-leġiżlazzjoni Ġermaniża kkontestata hija konformi ma’ l-Artikolu 3(2), (3) u (4) tad-Direttiva 1999/44, li tistabbilixxi tibdil “mingħajr ħlas” ta’ l-oġġetti “mingħajr inkonvenjent sinifikattiv lill-konsumatur” u ma taqbilx ma’ l-argument li jgħid li din id-Direttiva tirregola biss il-fatt li l-provvista ta’ oġġett ġdid għandha tkun mingħajr spejjeż(10). F’dan ir-rigward huwa jsostni wkoll li l-opinjonijiet fid-duttrina Ġermaniża dwar il-konformità tad-dispożizzjonijiet Ġermaniżi mad-Direttiva 1999/44 ma jaqblux bejniethom(11).
24. Konsegwentement il-Bundesgerichtshof, b’digriet tas-16 ta’ Awwissu 2006 ddeċieda li jissospendi l-proċedura u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja t-talba għal deċiżjoni preliminari li ġejja:
“Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3(2), moqrija flimkien ma dawk l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3(3), u ta’ l-Artikolu 3(4) jew tat-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1999/44/KE, tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li bejjiegħ jista’ jitlob mingħand il-konsumatur, fil-każ fejn l-oġġett ta’ konsum jerġa’ jitpoġġa f’konformità mal-kuntratt permezz tat-tibdil tiegħu, kumpens għall-użu ta’ l-oġġett, mhux konformi mal-kuntratt, li kien ġie inizjalment ikkunsinnat”.
IV – Il-proċediment quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
25. It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Settembru 2006.
26. Il-Bundesverband, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Spanjol, il-Gvern Awstrijak, u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Fis-seduta, ta’ l-4 ta’ Ottubru 2007, Quelle, il-Bundesverband, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni esponew l-argumenti tagħhom u rrispondew għad-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja.
V – L-argumenti tal-partijiet
A – Quelle
27. Matul is-seduta Quelle sostniet li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli peress li l-Bundesgerichtshof, f’dan il-każ, jista’ jinterpreta r-regoli kkontestati tal-BGB biss fis-sens li jawtorizzaw it-talba għall-ħlas ta’ kumpens għall-użu ta’ l-oġġett. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-Direttiva 1999/44 tipprekludi l-leġiżlazzjoni Ġermaniża, il-Bundesgerichtshof ma jkunx jista’ jibbaża ruħu fuq din id-deċiżjoni, peress li huwa prekluż milli jagħmel dan mill-Artikolu 20 tal-Grundgesetz (il-Kostituzzjoni Ġermaniża) li jipprovdi li l-qrati huma marbutin fid-deċiżjonijiet tagħhom li jirrispettaw il-liġi. Fil-fatt jekk il-qorti nazzjonali msemmija tikkonforma ruħha ma’ sentenza ta’ dan it-tip, hija jkollha tinterpreta d-dritt nazzjonali contra legem, li huwa inammissibbli, billi, kif jirriżulta mis-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Pupino(12) u Adeneler(13), direttiva ma tistax tkun il-bażi għal interpretazzjoni contra legem. F’dak li jirrigwarda r-risposta li għandha tingħata għad-domanda preliminari, Quelle issostni li d-Direttiva 1999/44 ma tirregolax il-kwistjoni ta’ kumpens għall-użu ta’ l-oġġett, b’tali mod li l-leġiżlatur Ġermaniż ma kien suġġett għal ebda rabta biex jirregola dan is-suġġett. Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża hija ammissibbli billi tagħmel possibbli li jkun hemm bilanċ bejn it-talba għat-tiswija u dik għat-tibdil.
B – Il-Bundesverband
28. Matul is-seduta l-Bundesverband esponiet li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli u, f’dan il-każ, ma tirrigwardax l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża skond id-Direttiva 1999/44, imma pjuttost tikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ l-istess Direttiva. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu l-Bundesverband jenfasizza li l-iskop tad-Direttiva 1999/44 jikkonsisti fil-garanzija ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u li t-tibdil ta’ l-oġġetti għandu jsir “mingħajr ħlas” u “mingħajr inkonvenjent sinjifikattiv għall-konsumatur”, li jinkludi l-projbizzjoni li l-konsumatur jintalab kumpens għall-użu ta’ oġġetti difettużi. Huwa jsostni wkoll li l-fatt li l-ammont ta’ kumpens mhuwiex ċert jista’ jżomm lill-konsumatur lura milli jsostni d-drittijiet tiegħu abbażi tad-Direttiva 1999/44.
C – Il-Gvern Ġermaniż
29. Il-Gvern Ġermaniż isostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli, billi l-interpretazzjoni li ser tagħti l-Qorti tal-Ġustizzja tad-Direttiva 1999/44 hija meħtieġa sabiex tiġi solvuta l-kwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-mertu, huwa jgħid li d-Direttiva 1999/44 ma tikkontradixxix il-leġiżlazzjoni Ġermaniża in kwistjoni. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, sabiex isostni dan l-argument, huwa jesponi erba’ metodi ta’ interpretazzjoni: letterali, sistematiku, storiku u teleoloġiku.
30. Fil-kuntest ta’ l-interpretazzjoni letterali, il-Gvern Ġermaniż isostni li d-Direttiva 1999/44 ma tirregolax il-kwistjoni ta’ jekk il-bejjiegħ jistax jitlob mingħand il-konsumatur, fil-każ ta’ tibdil ta’ l-oġġett, kumpens għall-użu ta’ l-oġġett difettuż. Il-kliem “jinġiebu f’konformità mingħajr ħlas” u “jibdilhom, f’kull każ mingħajr ħlas” fl-Artikolu 3(2) u (3), tad-Direttiva 1999/44 jirreferi biss, skond il-Gvern Ġermaniż, għall-provvista b’xejn, jiġifieri għall-eżekuzzjoni tat-tibdil, u dan huwa konformi ma’ l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva li bil-kliem “mingħajr ħlas” jinkludi “partikolarment [...] l-ispiża tal-pustaġġ”. Il-kliem “mingħajr inkonvenjent sinjifikattiv lill-konsumatur” skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 3(3), tad-Direttiva 1999/44 ifisser biss il-ħtieġa li l-bejjiegħ ma jagħmilx ostakli prattiċi lill-konsumatur fl-eżerċizzju tad-dritt tiegħu għat-tibdil ta’ l-oġġett.
31. Fil-kuntest ta’ interpretazzjoni sistematika tad-Direttiva 1999/44, il-Gvern Ġermaniż jibda bl-argument li l-ewwel sentenza tal-ħmistax-il premessa tagħha ma tirriferixxix biss għar-rexxissjoni tal-kuntratt, imma ssemmi prinċipju ġuridiku ġenerali, u dan għal żewġ motivi. Fl-ewwel lok, mill-fatt li fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Settembru 1998(14) hemm speċifikat b’mod ċar li l-Istati Membri huma ħielsa li jadottaw regoli “fuq il-kumpens fil-każ ta’ oġġetti użati diġà mill-konsumatur, kif ukoll fuq dispożizzjonijiet iddettaljati għar-rexxissjoni tal-kuntratt” jirriżulta li hemm bżonn li dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet jiġu ttrattati b’mod separat. Fit-tieni lok, ir-rexxissjoni tal-kuntratt tissemma biss fit-tieni sentenza tal-ħmistax-il premessa, b’mod separat, filwaqt li d-dritt għat-tnaqqis ta’ kumpens jissemma’ fl-ewwel sentenza, li jwassal ukoll għall-konklużjoni li t-tnaqqis ta’ kumpens mhux possibbli biss fil-każ tar-rexxissjoni tal-kuntratt.
32. Fil-kuntest ta’ l-interpretazzjoni storika, il-Gvern Ġermaniż jirriferi għall-proposta(15) u għall-proposta emendata tad-Direttiva 1999/44(16), li juru l-iżvilupp tal-kliem użat fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 1999/44 u li juru kif id-Direttiva timponi biss it-tiswija mingħajr ħlas imma mhux it-tibdil mingħajr ħlas ukoll.
33. Skond il-Gvern Ġermaniż, minn interpretazzjoni teleoloġika ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 1999/44 jirriżulta biss li l-konsumatur mhuwa obbligat li jagħmel l-ebda spiża biex l-oġġett jitpoġġa f’konformità mal-kuntratt. Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża ma tmurx kontra l-għan persegwit mid-Direttiva 1999/44, jiġifieri t-tlestija tas-suq intern u l-protezzjoni tal-konsumatur, peress li t-tibdil ta’ l-oġġetti huwa possibbli mingħajr problemi jew ostakli burokratiċi. Il-Gvern Ġermaniż isostni li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Schulte(17), iddikjarat li l-effettività tal-protezzjoni Ewropea tal-konsumatur mhijiex mhedda mill-obbligu li l-konsumatur għandu li, fil-każ ta’ rexxissjoni tal-kuntratt ta’ self għal proprjetà immobbli, li jirrifondi mhux biss l-ammonti rċevuti abbażi ta’ dak il-kuntratt, imma l-imgħaxijiet ukoll. Fil-fehma tiegħu, it-talba li jitħallas kumpens għall-użu ma tmurx kontra l-effettività tal-protezzjoni tal-konsumatur, billi dan il-ħlas jirrappreżenta obbligu sekondarju fir-rigward tar-rifużjoni tas-self fil-kawża Schulte. Fl-aħħar nett, huwa jsostni li l-konsumatur m’għandu jitħalla jieħu l-ebda vantaġġ mit-tibdil ta’ l-oġġett.
D – Il-Gvern Awstrijak, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni
34. Skond il-Gvern Awstrijak, it-talba għal kumpens għall-użu hija possibbli biss fil-każ ta’ rexxissjoni tal-kuntratt u mhux meta jinbidel l-oġġett. Il-possibbiltà li jkun jista’ jintalab kumpens għall-użu twassal għal żbilanċ bejn id-dritt għat-tiswija u d-dritt għat-tibdil, meta dawn għandhom ikunu ekwivalenti, filwaqt li l-konsumatur għandu jkollu d-dritt ta’ l-għażla. Fuq livell ekonomiku, il-konsumatur m’għandux dan id-dritt ta’ l-għażla fil-każ li t-tiswija tkun mingħajr ħlas u t-tibdil ikun, minflok, marbut ma’ spiża supplimentari, jiġifieri l-ħlas ta’ kumpens għall-użu.
35. Skond il-Gvern Spanjol, għalkemm huwa minnu li l-kumpens għall-użu ma jidħolx legalment fost l-“ispejjeż” fis-sens ta’ l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 1999/94, dan għandu, madankollu, konsegwenzi ekonomiċi għall-konsumatur u għalhekk imur kontra l-prinċipju tat-tibdil mingħajr ħlas. L-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 1999/44 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konsumatur m'għandu jbati l-ebda spejjeż li jkunu direttament konnessi mat-tibdil ta’ l-oġġett.
36. Matul is-seduta l-Kummissjoni sostniet li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli, peress li, fil-każ ta’ dubji fuq il-konformità tad-dritt nazzjonali ma’ direttiva, fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari tiġi diskussa indirettament il-kwistjoni ta’ jekk l-Istat Membru naqasx jew le mill-obbligi li huwa għandu skond id-dritt Komunitarji. Fil-fehma tagħha, il-possibbiltà li d-dritt nazzjonali jiġi interpretat skond id-dispożizzjonijiet Komunitarji ma tistax tkun kundizzjoni għall-ammissibbiltà ta’ talba għal deċiżjoni preliminari. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-kliem “mingħajr ħlas” ma jistax jiġi limitat biss għall-kunsinna b’xejn ta’ l-oġġett. Hija tenfasizza li l-bejjiegħ, skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 1999/44, huwa responsabbli lejn il-konsumatur għal kull nuqqas ta’ konformità li kien jeżisti meta l-oġġetti ġie kkunsinnat u għalhekk, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3(4) ta’ din id-Direttiva, għandu jbati l-ispejjeż neċessarji sabiex iġib l-oġġetti f’konformità mal-kuntratt. It-tnaqqis tal-kumpens previst fil-ħmistax-il premessa tad-Direttiva 1999/44 jirriferi biss, skond il-Kummissjoni, għar-rexxissjoni tal-kuntratt. Il-Kummissjoni tenfasizza l-importanza tal-protezzjoni għolja tal-konsumatur fid-dritt Komunitarju u tispeċifika, minn naħa, li meta jħallas għall-oġġett, il-konsumatur ikun issodisfa l-obbligu tiegħu u, min-naħa l-oħra, li t-talba għall-ħlas ta’ kumpens għall-użu tibdel il-bilanċ bejn il-bejjiegħ u l-konsumatur. Skond il-Kummissjoni, l-interessi finanzjarji tal-bejjiegħ huma mħarsin biżżejjed permezz tal-possibbiltà li tiġi sostnuta l-isproporzjonalità tat-tibdil ta’ l-oġġett.
VI – Il-kunsiderazzjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali
A – Kunsiderazzjonijiet preliminari
37. Il-qorti tar-rinviju sostanzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 1999/44 tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-bejjiegħ li jeżiġi mingħand ix-xerrej, fil-każ tat-tibdil ta’ oġġett difettuż, il-ħlas ta’ kumpens għall-użu ta’ dak l-oġġett. Dan id-dritt tal-bejjiegħ jirriżulta mill-Artikolu 439(4) BGB, li jirriferi għall-eżekuzzjoni a posteriori, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 346(1) u (2)1 BGB li jirregola l-effetti tar-rexxissjoni tal-kuntratt. Id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili Ġermaniż in kwistjoni għalhekk jestendu ir-regoli applikabbli fil-każ ta’ rexxissjoni tal-kuntratt għall-każijiet tat-tibdil ta’ l-oġġett. F’dan il-każ partikolari l-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tinterpreta għall-ewwel darba d-Direttiva 1999/44(18) fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari.
38. Il-kwistjoni tal-fondatezza tad-dritt għall-kumpens għall-użu qajjem dibattitu akkademiku sħiħ fid-duttrina Ġermaniża. Favur din ir-regola l-awturi jiċċitaw, normalment, il-motivazzjonijiet tal-leġiżlatur dwar id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-BGB(19) u l-argument ibbażat fuqha li jgħid li bit-tibdil ix-xerrej jitpoġġa f’sitwazzjoni ta’ vantaġġ ekonomiku(20). Favur l-argument li hemm konformità mad-Direttiva 1999/44, dawn l-awturi jirriferu l-iktar għall-ħmistax-il premessa tagħha u għall-argument li jgħid li l-ħlas tal-kumpens għall-użu ma jidħolx fost l-ispejjeż meħtieġa biex l-oġġetti jtpoġġew f’konformità mal-kuntratt skond l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva stess(21). Madankollu, diversi awturi ddikjaraw ukoll li l-liġi Ġermaniża mhijiex konformi mad-Direttiva 1999/44(22). Minbarra n-nuqqas ta’ konformità mad-Direttiva, huma jenfasizzaw l-iżbilanċ tal-liġi li tippermetti lill-bejjiegħ li jżomm il-profitti miksubin bil-ħlas tal-prezz(23).
B – Ammissibbiltà
39. F’dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà tat-talba għandu jiġi kkunsidrat, kif ġustament enfasizzat il-Kummissjoni fis-seduta, li l-possibbiltà jew le, li l-qrati nazzjonali jinterpretaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali skond id-Direttiva ma tistax tkun kundizzjoni għall-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Il-prinċipju li jipprojbixxi l-interpretazzjoni contra legem jgħodd biss fil-każ fejn il-qorti nazzjonali tinterpreta d-dritt intern skond id-dritt Komunitarju; imma fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari wieħed ma jistax jitkellem fuq projbizzjoni ta’ interpretazzjoni contra legem. L-għan ta’ l-interpretazzjoni fi proċedura għal deċiżjoni preliminari jikkonsisti f’li tiġi assigurata, permezz ta’ l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, applikazzjoni korretta u uniformi ta’ dan id-dritt fl-Istati Membri kollha(24).
40. Ir-riferenzi għall-Artikolu 20 tal-Grundgesetz jirrigwardaw esklużivament id-dritt Kostituzzjonali Ġermaniż; għalhekk, din ir-regola ma tistax, fiha nnifisha, taffettwa l-ammissibbiltà tat-talba għad-deċiżjoni preliminari. Il-kriterji għall-ammissibbiltà ta’ din it-talba huma stabbiliti esklużivament mill-Artikolu 234 KE u mhux mid-dritt nazzjonali. Interpretazzjoni differenti tkun timplika li kull Stat Membru jkun jista’ awtomatikament jiddeċiedi fuq l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 234 KE, u dan jista’ jwassal għal applikazzjoni mhux uniformi tad-dritt Komunitarju fl-Istati Membri. Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.
C – Analiżi
41. L-ewwel nett għandu jiġi osservat li l-BGB jitkellem in ġenerali fuq ix-“xerrej” u l-“bejjiegħ”, filwaqt li d-Direttiva 1999/44 titkellem fuq il-“konsumatur” u l-“bejjiegħ” li jbiegħ oġġetti ta’ konsum. Fil-kawża prinċipali x-xerrejja tista’ tiġi inkluża fil-kunċett ta’ “konsumatur”(25) u l-bejjiegħ f’dak ta’ “bejjiegħ”(26) skond id-Direttiva 1999/44; barra minn hekk, il-bejgħ tal-forn domestiku jirrappreżenta bejgħ ta’ “oġġett ta’ konsum”(27) skond id-Direttiva.
42. Il-problema ċentrali tal-kawża in kwistjoni tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kliem “mingħajr ħlas” fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 1999/44 u l-kwistjoni relatata jekk “it-tibdil mingħajr ħlas” ifissirx li l-bejjiegħ ma jistax jeżiġi mingħand il-konsumatur kumpens għall-użu tal-ħaġa diffettuża.
43. Fil-kuntest ta’ interpretazzjoni litterali, għandu l-ewwel nett li jiġi enfasizzat li, skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 1999/44, il-bejjiegħ “għandu jkun responsabbli għall-konsumatur għal kull nuqqas ta’ konformità li teżisti meta l-oġġetti kienu fornuti”. Għalhekk, id-Direttiva tistabbilixxi b’mod ċar li r-responsabbiltà għan-nuqqas ta’ konformità ta’ l-oġġett ikkunsinnat li jkun jeżisti fil-mument tal-kunsinna taqa’ fuq il-bejjiegħ u li dan għandu jirrispondi għan-nuqqas tat-twettiq ta’ l-obbligu tiegħu. Jekk tiġi aċċettata liġi li tippermetti lill-bejjiegħ li jeżiġi kumpens għall-użu ta’ l-oġġett, il-bejjiegħ jitħalla jaħrab mir-responsabbiltà sħiħa tiegħu għan-nuqqas ta’ konformità tat-twettiq kuntrattwali li kien jeżisti fil-mument tal-kunsinna ta’ l-oġġett, u parti minn din ir-responsabbiltà, li għandha taqa’ fuq il-bejjiegħ, tispiċċa sabiex tgħaddi fuq il-konsumatur.
44. L-Artikolu 3(2) jagħti lill-konsumatur id-dritt li jeżiġi li “l-oġġetti jinġiebu f’konformità mingħajr ħlas”; dan ifisser li t-tpoġġija f’konformità mal-kuntratt, fuq talba tal-konsumatur, tista’ sseħħ l-ewwel nett, mingħajr ħlas, bit-tiswija jew bit-tibdil ta’ l-oġġett. F’dan il-kuntest il-konsumatur għandu, fl-opinjoni tiegħi, jagħżel, bejn it-tiswija u t-tibdil, l-alternattiva li tirriżulta li tkun possibbli u proporzjonata(28). Jekk l-ebda waħda miż-żewġ alternattivi ma tkun possibbli jew proporzjonata, il-konsumatur jista’ jitlob it-tnaqqis korrispondenti tal-prezz jew ir-rexxissjoni tal-kuntratt(29). L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 1999/44 jgħid espressament li kemm it-tiswija kif ukoll it-tibdil ta’ l-oġġett għandhom isiru “mingħajr ħlas”. It-tifsira tas-soltu tal-kliem “mingħajr ħlas”, li hemm f’dak l-artikolu, tagħti lil wieħed x’jifhem li l-liġi Ġermaniża ma taqbilx mad-Direttiva(30). L-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 1999/44 fih definizzjoni tal-kliem “mingħajr ħlas”. Din id-definizzjoni ma taqbilx mal-liġi Ġermaniża għal żewġ raġunijiet.
45. Fl-ewwel lok, din ir-regola tistabbilixxi b’mod ċar ħafna li l-kliem “mingħajr ħlas” jinkludi “l-ispejjeż meħtieġa sabiex iġib l-oġġetti f’konformità”. Huwa irrilevanti l-fatt ta’ jekk il-bejjiegħ jitlobx il-ħlas tal-kumpens għall-użu ta’ l-oġġett bħala kundizzjoni sabiex dan jinbidel jew jitlobx dan il-ħlas iktar tard, wara li jkun bidel l-oġġett. Hemm bżonn li tiġi interpretata d-definizzjoni tal-kliem “mingħajr ħlas” moqri flimkien ma’ l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 1999/44, li jgħid li l-bejjiegħ huwa responsabbli għal kollox għan-nuqqas ta’ konformità li jkun jeżisti fil-mument tal-kunsinna ta’ l-oġġett; għalhekk isegwi li l-bejjiegħ għandu jħallas l-ispejjeż kollha kkonċernati sabiex ikun hemm din il-konformità.
46. Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ l-argument tal-Gvern Ġermaniż li jgħid li dawn l-ispejjeż jinkludu “partikolarment, […] l-ispejjeż ta’ pustaġġ, xogħol u materjal”, għandu jiġi enfasizzat li din il-lista sservi sempliċiment bħala eżempju u mhijiex eżawrjenti. Bil-kelma “partikolarment” il-leġiżlatur Komunitarju ried isemmi l-eżempji l-iktar frekwenti ta’ l-ispejjeż li jistgħu jinqalgħu fil-każ ta’ tibdil, u mhux jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, abbażi tal-prinċipju exempla illustrant non restringunt legem, jista’ jiġi konkluż li l-“ispiża” ma tinkludix biss l-ispiża tal-kunsinna ta’ l-oġġett li jkun konformi mal-kuntratt(31). Mid-dispożizzjoni in kwistjoni jirriżulta għalhekk b’mod ċar li l-kliem “mingħajr ħlas” jinkludi l-ispejjeż kollha meħtieġa sabiex l-oġġetti jiġu impoġġija f’konformita mal-kuntratt, peress li jinkludi kemm eżempji ta’ l-ispejjeż tat-tip elenkat, kif ukoll l-ispejjeż l-oħra kollha li jista’ jkun hemm għall-kunsinna ta’ l-oġġett.
47. Għandu jiġi iċċarat ukoll jekk it-talba għal kumpens għall-użu tikkawżax “inkonvenjent sinjifikattiv” lill-konsumatur skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 1999/44. F’dan ir-rigward, għandu jiġi aċċettat l-argument tal-Gvern Awstrijak li jgħid li l-ħlas ta’ kumpens għall-użu jikkostitwixxi “inkonvenjent sinjifikattiv” skond id-Direttiva. Il-kliem “inkonvenjent sinjifikattiv” ma jinkludix biss l-ostakli prattiċi biex iseħħ it-tibdil, imma l-inkonvenjenti in ġenerali, u l-“inkonvenjent” finanzjarju huwa inkonvenjent ieħor li jista’ jkun, fil-fehma tiegħi, saħansitra ta’ piż akbar mill-ostakli prattiċi li jista’ jkollu l-konsumatur għat-tibdil ta’ l-oġġett.
48. Barra minn dan, kif ġustament osservat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-interessi finanzjarji tal-bejjiegħ huma ggarantiti biżżejjed mill-possibbiltà li jiġi sostnut il-karattru sproporzjonat tar-rimedju magħżul mill-konsumatur. It-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 1999/44 jistabbilixxi li r-rimedju huwa sproporzjonat “jekk jimponi spejjeż fuq il-bejjiegħ li, f’paragun mar-rimedju alternattiv, m'humiex raġjonevoli”. Għalhekk, jekk it-tibdil ikun jinvolvi, għall-bejjiegħ, spejjeż li ma jkunux raġjonevoli, dan jista’ jiċħad it-talba tat-tibdil tal-konsumatur. Jekk anki t-tiswija ta’ l-oġġett tkun impossibbli jew sproporzjonata, wieħed jista’ jipproċedi fis-sens li l-konsumatur jagħżel rimedju sussidjarju billi jitlob tnaqqis fil-prezz jew ir-rexxissjoni tal-kuntratt. Għalhekk id-Direttiva tipproteġi biżżejjed lill-bejjiegħ u fl-istess ħin tippermetti li l-konsumatur jkun jista’ jsostni b’mod effettiv id-drittijiet tiegħu(32).
49. Għandu jiġi kkunsidrat ukoll liema huma l-effetti konkreti tat-talba għal kumpens għall-użu. Fil-każ li l-bejjiegħ jitlob mingħand il-konsumatur kumpens ta’ dan it-tip u t-tiswija ma tkunx possibbli, il-konsumatur ċertament ma jibqagħlux wisq għażliet. Jekk il-bejjiegħ jimponi l-ħlas tal-kumpens bħala kundizzjoni għat-tibdil, il-konsumatur tibqagħlu biss l-għażla li jew iħallas il-kumpens u jirċievi oġġett ġdid jew ma jħallasx u jżomm l-oġġett il-qadim. Anki jekk il-bejjiegħ ma jimponix il-ħlas tal-kumpens bħala kundizzjoni għat-tibdil, imma jitolbu wara, il-konsumatur jista’ jiġi bejn ħaltejn jekk jitlobx it-tibdil jew le. Għalhekk fil-verità jista’ jiġri li l-konsumatur, minħabba t-talba tal-kumpens għall-użu, ma jużax id-dritt tiegħu tat-tibdil, u dan, f’kull każ, imur kontra s-sens u l-għan tad-Direttiva 1999/44. Teoretikament, abbażi tat-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 1999/44 il-konsumatur jista’ jsostni li t-tibdil jikkawżalu inkonvenjenti sinjifikanti u jitlob lill-bejjiegħ tnaqqis fil-prezz jew ir-rexxissjoni tal-kuntratt. Madankollu, wieħed jistaqsi jekk fid-dawl tal-liġi Ġermaniża attwali, oġġezzjoni bħal din hijiex realistika. Din hija sitwazzjoni li tista’ twassal sabiex il-konsumatur ma jitlobx l-ebda wieħed mir-rimedju li għandu dritt għalihom bis-saħħa tad-Direttiva 1999/44. Fil-prattika għandu jiġi kkunsidrat ukoll li t-talba għal kumpens għall-użu hija problematika ħafna fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti li l-valur tagħhom jaqa’ malajr u li l-prezz tagħhom, minħabba l-iżvilupp ta’ mudelli ġodda bejn il-mument tax-xiri u dak tat-tibdil, jista’ jonqos ħafna, bħal, per eżempju, fil-każ ta’ kompjuters, telefowns ċellulari u karozzi(33). F’dan il-każ, ix-xerrej jirċievi mudell li, fil-mument tat-tibdil, għandu valur anqas għoli fir-rigward tal-mument tax-xiri, u minbarra dan irid iħallas ukoll kumpens għall-użu.
50. Minn interpretazzjoni litterali ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 1999/44 għalhekk jirriżulta li din tipprekludi leġiżlazzjoni bħal dik Ġermaniża. Fl-opinjoni tiegħi, għalkemm l-interpretazzjoni litterali tista’ tipprovdi soluzzjoni univoka għad-domanda tal-qorti tar-rinviju(34), din l-interpretazzjoni tirrappreżenta biss punt tat-tluq, li għandu jiġi sostnut b’tipi oħra ta’ interpretazzjoni(35). Anki permezz ta’ l-interpretazzjonijiet teleoloġika u sistematika wieħed jasal, mingħajr l-ebda dubju, għall-konklużjoni li d-Direttiva 1999/44 tipprekludi leġiżlazzjoni bħal dik Ġermaniża. Jistgħu jinġiebu diversi argumenti in sostenn ta’ din id-dikjarazzjoni.
51. Minn interpretazzjoni teleoloġika tad-Direttiva 1999/44 jirriżulta li l-għan tagħha huwa livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Dan jirriżulta mill-Artikolu 3(1)(t) KE u mill-Artikolu 153 (1) KE(36); skond din l-aħħar dispożizzjoni, il-Komunità, sabiex tippromwovi l-interessi tal-konsumatur u jkollhom livell għoli ta’ protezzjoni, tikkontribwixxi għall-ħarsien tas-saħħa, is-sigurezza u l-interessi ekonomiċi tal-konsumatur(37). Leġiżlazzjoni bħal dik Ġermaniża tikkontradixxi manifestament l-isforz tal-Komunità intiż sabiex jintlaħaq l-iktar livell għoli possibbli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, u fuq kollox l-isforż intiż għas-salvagwardja ta’ l-interessi ekonomiċi tagħhom.
52. Fil-kuntest tal-protezzjoni tal-konsumatur, għan speċifiku(38) tad-Direttiva 1999/44 huwa dak li tiġi ggarantita armonizzazzjoni minima tar-regoli dwar il-bejgħ u għall-garanziji dwar l-oġġetti tal-konsum(39). Il-ħtieġa ta’ armonizzazzjoni minima tirriżulta b’mod ċar kemm mill-erbgħa u għoxrin premessa kif ukoll mill-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 1999/44, li jippermettu lill-Istati Membri li jadottaw jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet għall-protezzjoni tal-konsumatur iktar rigorużi minn dawk stabbiliti fid-Direttiva stess. Permezz ta’ l-interpretazzjoni teleoloġika wieħed jasal għall-konklużjoni evidenti li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża, li tiggarantixxi lill-konsumatur livell ta’ protezzjoni inferjuri minn dak previst mid-Direttiva 1999/44, tmur, a fortiori, kontra din ta’ l-aħħar. Għandu jiġi enfasizzat ukoll li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/44 jiggarantixxu standard inderogabbli tad-drittijiet tal-konsumatur u l-partijiet ma jistgħux, lanqas kuntrattwalment, jiftehmu fuq livell inferjuri ta’ protezzjoni tal-konsumatur u b’dan il-mod jeskludu li t-tibdil isir mingħajr ħlas(40).
53. Barra minn dan, mit-tieni, ir-raba’ u l-ħames premessa tad-Direttiva 1999/44 jirriżulta b’mod ċar li l-iskop aħħari ta’ l-isforz intiż għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur huwa l-funzjonamnt organizzat tas-suq intern(41), li jippermetti li l-konsumaturi jakkwistaw liberament oġġetti ta’ konsum fi Stati Membri oħrajn(42). Livell għola ta’ protezzjoni tal-konsumatur jista’ għalhekk jiffavorixxi l-hekk imsejjaħ moviment liberu passiv ta’ l-oġġetti u tas-servizzi, li bis-saħħa tiegħu l-konsumatur jakkwista oġġetti u jirċievi servizzi fi Stati Membri oħrajn(43). Biex ikun iggarantit il-moviment ħieles ta’ l-oġġetti u tas-servizzi l-konsumaturi għandhom jibbenefikaw minn kundizzjonijiet kemm jista’ jkun uniformi għax-xiri ta’ oġġetti u l-ksib tas-servizzi, u dan jgħodd ukoll għall-kundizzjonijiet dwar it-tibdil mingħajr ħlas. Dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jkunu anqas favorevoli fil-Ġermanja, peress li huwa possibbli li l-bejjiegħ jitlob il-ħlas ta’ kumpens għall-użu, u dan jista’ jwassal għal taqlib fis-suq intern u għal limitazzjoni tal-moviment liberu ta’ l-oġġetti u tas-servizzi. F’dan ir-rigward nosserva li f’ċerti Stati Membri oħrajn il-bejjiegħ ma jista’ jitlob l-ebda kumpens għall-użu ta’ oġġetti difettużi mingħand il-konsumatur(44). Huwa possibbli li wieħed jimmaġina li l-konsumatur ta’ Stat Membru ieħor, li jintalab, fil-Ġermanja, iħallas kumpens għall-użu, probabbilment jeżita jagħmel akkwist ieħor f’dak l-Istat Membru.
54. Il-fatt li d-Direttiva 1999/44 għandha bħala għan il-funzjonament aħjar tas-suq intern(45) jirriżulta wkoll mill-bażi legali li fuqha ġiet adottata din id-direttiva, jiġifieri l-Artikolu 95 KE(46). Mill-ġurisprudenza u mid-duttrina jirriżulta li l-Artikolu 95 KE jista’ jikkostitwixxi l-bażi legali ta’ dispożizzjoni Komunitarja biss jekk din għandha l-għan effettiv li tikkontribwixxi sabiex jiġu stabbiliti jew imtejba l-kundizzjonijiet tal-funzjonament tas-suq intern u jekk tikkontribwixxi għat-tneħħija ta’ l-ostakli għall-moviment liberu ta’ l-oġġetti jew tas-servizzi, jew ukoll għat-tneħħija ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni(47). Abbażi ta’ dan l-artikolu mhux possibbli li jiġu adottati dispożizzjonijiet li għandhom biss l-effett sekondarju li jarmonizzaw dawn il-kundizzjonijiet(48).
55. Lanqas interpretazzjoni sistematika ma tippermetti li jiġi konkluż li d-Direttiva 1999/44 tippermetti, abbażi tal-ħmistax-il premessa tagħha, li jista’ jintalab kumpens għall-użu. Fl-ewwel lok, għandha tingħata attenzjoni għall-aspett formali (estern) ta’ din id-dispożizzjoni(49). Mill-istruttura sistematika tal-premessa ċċitata jirriżulta b’mod ċar li din tirreferi esklużivament għar-rexxissjoni tal-kuntratt. Il-fatt li r-rexxissjoni tal-kuntratt tissemma biss fit-tieni sentenza ta’ din il-premessa ma jfissirx li l-ewwel u t-tieni sentenza jistgħu jiġu eżaminati separatament, imma huwa meħtieġ, pjuttost, li l-ħmistax-il premessa kollha tiġi eżaminata bħala sistema unitarja. Meta tinqara b’dan il-mod jirriżulta b’mod ċar li t-tnaqqis tal-kumpens għall-konsumatur huwa possibbli biss fil-każ tar-rexxissjoni tal-kuntratt.
56. Fit-tieni lok, madankollu, fil-kuntest ta’ l-interpretazzjoni sistematika, għandha tittieħed in kunsiderazzjoni l-istruttura sistematika (interna) tad-Direttiva 1999/44 kollha, li għandha tkun kompletament koerenti mingħajr kontradizzjonijiet intrinsiċi(50). Jekk, bis-saħħa tal-ħmistax-il premessa, jiġi rikonoxxut li l-bejjiegħ għandu l-fakultà li jitlob kumpens għall-użu, ikun hemm kontradizzjoni interna bejn il-premessa in kwistjoni u l-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva, li tistabbilixxi t-tibdil mingħajr ħlas. Nixtieq nenfasizza wkoll li l-ħmistax-il premessa, fit-tifsira li ngħatatilha mill-Gvern Ġermaniż, ma tikkorrispondi ma’ l-ebda dispożizzjoni fil-parti sostantiva tad-Direttiva 1999/44.
57. Bl-istess mod, ma jistax jiġi aċċettata l-argument tal-Ġvern Ġermaniż li jgħid li minn interpretazzjoni storika ta’ l-Artikolu 3(2) Direttiva 1999/44 jirriżulta li l-bejjiegħ jista’ jitlob il-ħlas ta’ kumpens għall-użu mingħand il-konsumatur.
58. Il-fatt li, fir-rigward ta’ l-aħħar proposta tal-Kummissjoni, il-kliem użat fid-Direttiva 1999/44 inbidel minn “mingħajr ħlas permezz ta’ tiswija jew tibdil” (51) għal “tiswija ta’ l-oġġett [...] jew jinbidel, mingħajr ħlas fiż-żewġ każijiet”(52), huwa iktar u iktar argument favur il-fatt li, f’kull każ, anki t-tibdil ta’ l-oġġett għandu jsir mingħajr ħlas(53). F’din l-emenda fit-tifsira litterali nara prova ulterjuri tal-fatt li l-leġiżlatur Komunitarju ried mingħajr l-ebda dubju jiggarantixxi li mhux biss it-tiswija iżda anki t-tibdil ta’ l-oġġett isir b’xejn, u għalhekk ma segwiex it-test oriġinali tal-proposta tal-Kummissjoni. Wieħed jista’ jasal għal konklużjoni analoga b’riferenza għall-komunikat stampa tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni(54), li għalih jirriferi l-Gvern Ġermaniż u li jistabbilixxi, skond dan il-Gvern, li l-kliem “mingħajr ħlas” huwa limitat għall-ispejjeż tat-tiswija, b’mod partikolari b’riferenza għall-ispejjeż tal-pustaġġ, tax-xogħol u tal-materjal(55).
59. Barra minn dan għandu jiġi enfasizzat li anki li kieku l-interpretazzjoni storika tkun favur is-soluzzjoni proposta mill-Gvern Ġermaniż, din it-tip ta’ interpretazzjoni mhijiex, fiha nnifisha, biżżejjed u ma tistax tkun determinanti(56), peress li fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet Komunitarji din għandha rwol purament sekondarju(57). Is-sinjifikat legali tar-regoli tad-dritt Komunitarju jista’ jiġi dedott biss mill-istess regoli, fid-dawl tal-kuntest u l-iskop tagħhom(58).
60. Fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet huwa meħtieġ li tingħata tweġiba għal żewġ argumenti oħra magħmulin mill-Gvern Ġermaniż. L-ewwel wieħed jirriferi għas-sentenza Schulte u t-tieni wieħed għall-kwistjoni ta’ jekk il-konsumatur jiksibx, mit-tibdil ta’ l-oġġett, arrikkiment indebitu.
61. F’dak li jirrigwarda s-sentenza Schulte(59), li rrifera għaliha l-Gvern Ġermaniż, fl-opinjoni tiegħi din ma tistax tiġi applikata għal kwistjoni li tirrigwarda talba għal kumpens għall-użu.
62. Minn naħa, is-sentenza Schulte tirriferi għall-protezzjoni tal-konsumatur fil-każ ta’ rexxissjoni tal-kuntratt, jiġifieri talba li għandha karatteristiċi differenti minn dik intiża għat-tibdil ta’ l-oġġetti. Nixtieq nenfasizza wkoll li l-kawża Schulte ma kinitx tirrigwarda rexxissjoni tal-kuntratt minħabba difett fl-oġġett, kif previst fl-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 1999/44, imma rexxissjoni ordinarju tal-kuntratt. Fis-sentenza Schulte l-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet li d-Direttiva 85/577(60) tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi “l-obbligu fuq il-konsumatur, f’każ ta’ rexxissjoni ta’ kuntratt ta’ self għal proprjetà immobbli, mhux biss li jħallas lura l-ammonti riċevuti bis-saħħa ta’ dan il-kuntratt, iżda wkoll li [...] jittrasferixxi lill-persuna li tagħti s-self l-interessi bir-rata tas-suq”(61). Għaldaqstant, permezz ta’ din id-deċiżjoni l-Qorti tal-Ġustizzja rratifikat leġiżlazzjoni nazzjonali li ssegwi l-prinċipju li l-partijiet kuntrattwali għandhom reċiprokament iroddu lura l-vantaġġi miksubin. Madankollu, fil-każ fejn jintalab it-tibdil ta’ l-oġġett diffettuż, is-sitwazzjoni hija differenti. Fil-kuntest ta’ talba għat-tibdil ta’ l-oġġetti difettuż ma japplikax il-prinċipju tar-restituzzjoni reċiproka tal-vantaġġi miksubin imma l-prinċipju ta’ l-interpretazzjoni tal-kuntratt fis-sens tal-favor contractus, li jgħid li l-kuntratt jinżamm fis-seħħ fejn dan ikun possibbli; l-iskop tat-tibdil ta’ l-oġġett huwa għalhekk l-eżekuzzjoni tal-kuntratt.
63. Min-naħa l-oħra, mis-sentenza Schulte jirriżulta b’mod manifest il-prinċipju li jgħid li l-konsumatur, fil-każ ta’ rexxissjoni tal-kuntratt, m’għandux neċessarjament l-obbligu li jrodd lura l-ammont tas-self, flimkien ma’ l-imgħaxijiet, jekk l-parti l-oħra kuntrattwali ma tkunx wettqet rigorożament l-obbligi tagħha. Fil-punt 94 ta’ din is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet li ma jmurx kontra d-Direttiva 85/557 il-fatt li liġijiet nazzjonali, li jgħidu li l-konsumatur li jirrexindi l-kuntratt għandu jrodd lura s-self, flimkien ma’ l-imgħaxijiet, ma japplikawx fil-każ partikolari fejn min jislef ma jkunx irrispetta l-obbligu ta’ informazzjoni li timponilu d-Direttiva. Għalhekk, fil-kuntest tar-regola li tgħid li l-parti kuntrattwali li ma tkunx wettqet bir-reqqa l-obbligu tagħha hija obbligata li ġġorr waħidha r-responsabbiltà tat-twettiq ineżatt tagħha, huwa possibbli li ssir analoġija bejn ir-rexxissjoni tal-kuntratt u t-tibdil ta’ l-oġġett difettuż. Madankollu, għal darba oħra dan huwa argument li jgħid li, fil-każ ta’ tibdil ta’ oġġett difettuż, il-bejjiegħ għandu jġorr ir-responsabbiltà kollha tat-twettiq ineżatt tiegħu, flimkien ma’ l-ispejjeż kollha involuti.
64. Bl-istess mod, f’din il-kawża mhux possibbli li jiġi sostnut li l-konsumatur arrikkixxa ruħu indebitament(62). Bil-ħlas tal-prezz tax-xiri, il-konsumatur ikun wettaq b’mod korrett l-obbligu tiegħu li jirriżulta mill-kuntratt sinallagmatiku ta’ bejgħ ta’ l-oġġetti ta’ konsum, filwaqt li l-bejjiegħ ma jkunx wettaq l-obbligu li huwa għandu skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-kuntratt. Għalhekk li wieħed jitlob it-tibdil ta’ l-oġġett ifisser, fid-dawl tal-prinċipju pacta sunt servanda, li wieħed sempliċiment jitlob li jiġu mwettqa l-obbligi kuntrattwali tal-bejjiegħ. Kull parti kuntrattwali hija, effettivament, marbuta li ġġorr weħidha r-riskju tat-twettiq ineżatt tagħha. Ir-responsabbiltà għall-fatt li kien meħtieġ it-tibdil ma jaqax fuq il-konsumatur: il-konsumatur irid biss li juża normalment l-oġġett, u l-bejjiegħ għandu jippermettilu dan l-użu.
65. Għaldaqstant huwa inaċċettabbli li l-konsumatur, li jkun korrettament wettaq l-obbligu kuntrattwali tiegħu, ikun obbligat li jagħti lill-bejjiegħ, li ma jkunx wettaq eżattament l-obbligu tiegħu, kumpens għall-użu ta’ l-oġġett diffettuż. Meta jirċievi oġġett ġdid, il-konsumatur jikseb biss dak li għandu dritt għalih, jiġifieri oġġett li jkun konformi mal-kuntratt; għalhekk, fil-każ preżenti, assolutament mhuwiex possibbli li wieħed jitkellem fuq arrikkiment indebitu tal-konsumatur.
66. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar’il fuq, fl-opinjoni tiegħi d-Direttiva 1999/44 tipprekludi l-leġiżlazzjoni Ġermaniża abbażi ta’ liema l-bejjiegħ għandu, fil-każ ta’ bdil ta’ oġġett, id-dritt li jitlob kumpens mingħand il-konsumatur għall-użu li dan ta’ l-aħħar ikun għamel mill-oġġett.
VII – Konklużjonijiet
67. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3(2), moqrija flimkien ma dawk l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3(3), u ta’ l-Artikolu 3(4) jew tat-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1999/44/KE, tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li bejjiegħ jista’ jitlob mingħand il-konsumatur, fil-każ fejn l-oġġett ta’ konsum jerġa’ jitpoġġa f’konformità mall-kuntratt permezz tat-tibdil tiegħu, kumpens għall-użu ta’ l-oġġett, mhux konformi mal-kuntratt, li kien ġie inizjalment ikkunsinnat.