Language of document :

Appell ippreżentat fl-14 ta’ Settembru 2023 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (il-Ħames Awla Estiża) fil-5 ta’ Lulju 2023 fil-Kawża T-126/21, Nevinnomysskiy Azot and NAK “Azot” vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-568/23 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Luengo u P. Němečková, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: AO Nevinnomysskiy Azot, AO Novomoskovskaya Aktsionernaya Kompania NAK “Azot”, Fertilizers Europe

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali of the General Court (il-Ħames Awla Estiża) tal-5 ta’ Lulju 2023 fil-Kawża T-126/21 1 Nevinnomysskiy Azot u NAK “Azot” vs Il-Kummissjoni u tiċħad it-talbiet l-oħra fl-ewwel istanza bħala infondati; u

tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż tal-appell u tal-proċeduri fl-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel, il-Qorti Ġenerali żbaljat fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 1 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”) bħala li jipprekludi lill-Kummissjoni milli tibda reviżjoni ta’ skadenza fuq il-bażi tat-Talba kkonsolidata. Ma hemm xejn fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku li jillimita l-obbligu tal-Kummissjoni biex debitament teżamina jekk it-talba biex tinbeda investigazzjoni (kemm fil-każ ta’investigazzjoni oriġinali kif ukoll fil-każ ta’ reviżjoni tal-investigazzjoni) tinkludix “provi suffiċjenti”.

It-tieni, il-Qorti Ġenerali żbaljat fl-applikazzjoni tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku meta f’din il-kawża qieset li kalkolu alternattiv tad-dumping ibbażat fuq il-prezzijiet domestiċi Russi tan-nitrat tal-ammonju kien ibiddel is-sustanza tat-talba oriġinali b’tali mod li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuqu meta tiddeċiedi li tibda r-reviżjoni tal-iskadenza. Anki jekk il-Kummissjoni kellha tillimita l-analiżi tagħha għall-pretensjonijiet u l-argumenti mressqa fit-talba għar-reviżjoni tal-iskadenza oriġinali dwar ir-raġunijiet għalfejn dumping dannuż kien probabbli li jsehħ jekk il-miżuri jiskadu, f’din il-kawża, il-kalkolu alternattiv tad-dumping ipprovdut mill-produtturi tal-Unjoni wara li ppreżentaw it-talba għar-reviżjoni tal-iskadenza sempliċement issupplimentat jew ikkorroborat l-allegazzjoni tal-probabbiltà ta’ dumping jekk il-miżuri jiskadu, li kienet ibbażata fuq provi li jindikaw tkomplija ta’ dumping fit-talba oriġinali. Il-fatt li l-allegazzjoni oriġinali kienet ibbażata fuq kalkolu tad-dumping ibbażat fuq valur normali maħdum, filwaqt li l-kalkolu tad-dumping addizzjonali kien ibbażat fuq prezzijiet domestiċi attwali tan-nitrat tal-ammonju ma jbiddilx is-sostanza tal-allegazzjoni oriġinali magħmula (jiġifieri, il-probabbiltà ta’ dumping jekk il-miżuri jiskadu). Ma jistax jiġi kkontestat li ż-żewġ kalkoli juru dumping u, għalhekk, jikkostitwixxu prova tat-tkomplija ta’ dumping.

____________

1 EU:T:2023:376

1 Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21).