Language of document : ECLI:EU:T:2006:184

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla)

4 ta' Lulju 2006 (*)

"Kompetizzjoni − Akkordji − Suq Olandiż ta' gass industrijali u mediku − Fissazzjoni ta' prezzijiet − Kalkolu ta' l-ammont ta' multi − Linji gwida għall-kalkolu ta' l-ammont ta' multi − Prinċipji ta' proporzjonalità u ugwaljanza ta' trattament"

Fil-kawża T‑304/02

Hoek Loos NV, stabbilita f'Schiedam (L-Olanda), irrappreżentata minn J. J. Feenstra u B. F. Van Harinxma thoe Slooten, avocats,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn A. Bouquet, bħala aġent,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/207/KE, ta' l-24 ta' Lulju 2002, dwar proċedura skond l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (kawża COMP/E-3/36.700 − Gass industrijali u mediku) (ĠU 2003, L 84, p. 1), u, b'mod sussidjarju, talba għal tnaqqis tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, F. Dehousse u D. Šváby, Imħallfin,

Reġistratur: I. Natsinas, Amministratur,

wara li rat ir-rapport ta' l-Imħallef Relatur tad-19 ta' Jannar 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Ir-rikorrenti hija impriża Olandiża li tipproduċi, tinnegozja u tqassam il-gass industrijali u mediku kif ukoll tagħmir, sistemi u servizzi konnessi miegħu.

2       F'Diċembru 1997, u matul is-sena 1998, il-Kummissjoni kienet, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 14(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta' Frar 1962, ta' l-ewwel regolament ta' applikazzjoni ta' l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204), għamlet verifiki fil-bini tar-rikorrenti u f'diversi kumpanniji wkoll attivi fis-suq Olandiż ta' gass industrijali u mediku, f'dan il-każ AGA Gas BV, Air Liquide BV, Air Products Nederland BV (aktar 'il quddiem "Air Products"), Boc Group plc (aktar 'il quddiem "BOC"), Hydrogas Holland BV, Messer Nederland BV (aktar 'il quddiem "Messer") u Westfalen Gassen Nederland BV (aktar 'il quddiem "Westfalen").

3       Wara li bagħtet, skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, talbiet għal informazzjoni lill-kumpanniji msemmija qabel, il-Kummissjoni, fid-9 ta' Lulju 2001, bagħtet komunikazzjoni ta' lmenti lil tmien impriżi, fosthom ir-rikorrenti, li jaħdmu fil-qasam ikkonċernat.

4       Fit-tweġiba tagħha, ir-rikorrenti ma kkontestatx il-fatti esposti fil-komunikazzjoni ta' lmenti. Wara x-xoljiment ta' AGA Gas, il-kumpannija prinċipali tagħha, AGA AB, irrispondiet fuq il-mertu ta' l-imsemmija komunikazzjoni, f'isem il-kumpannija filjali tagħha ta' qabel, u espressament iddikjarat li kienet disposta li tassumi r-responsabbiltà tal-ksur ta' liġi minn din ta' l-aħħar.

5       Wara s-smigħ ta' l-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2003/207/KE, ta' l-24 ta' Lulju 2002, dwar proċedura skond l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (kawża COMP/E-3/36.700 − Gass industrijali u mediku) (ĠU 2003, L 84, p. 1, aktar 'il quddiem id-"Deċiżjoni").

6       Id-Deċiżjoni ġiet innotifikata lir-rikorrenti fid-29 ta' Lulju 2002 u ġiet indirizzata lil AGA AB fil-kwalità tagħha ta' suċċessur fid-dritt ta' AGA Gas.

7       Id-Deċiżjoni għandha d-dispożizzjonijiet li ġejjin :

"L-Ewwel Artikolu

AGA AB, Air Liquide BV, [Air Products], [BOC], [Messer], Hoek Loos [NV], [Westfalen] kisru l-Artikolu 81(1), KE, peress li ħadu sehem f'akkordji jew prattiċi miftehma kontinwati fil-qasam tal-gass industrijali u mediku ta' l-Olanda.

It-tul tal-ksur kien kif ġej :

–       AGA AB : minn Settembru 1993 sa Diċembru 1997,

–       Air Liquide BV : minn Setttembru 1993 sa Diċembru 1997,

–       [Air Products] : minn Settembru 1993 sa Diċembru 1997,

–       [BOC] : minn Ġunju 1994 sa Diċembru 1995,

–       [Messer] : minn Settembru 1993 sa Diċembru 1997,

–       Hoek Loos [NV] : minn Settembru 1993 sa Diċembru 1997,

–       [Westfalen] : minn Marzu 1994 sa Diċembru 1995.

[...]

Artikolu 3

Il-multi li ġejjin ġew imposti għall-ksur msemmi fl-Artikolu 1 :

–       AGA AB : EUR 4.15 miljun,

–       Air Liquide BV : EUR 3.64 miljun,

–       [Air Products] : EUR 2.73 miljun,

–       [BOC] : EUR 1.17 miljun,

–       [Messer] : EUR 1 miljun,

–       Hoek Loos [NV] : EUR 12.6 miljun,

–       [Westfalen] : EUR 0,43 miljun."

8       Sabiex isir il-kalkolu ta' l-ammont tal-multi, il-Kummissjoni applikat, fid-Deċiżjoni, il-metodu spjegat fil-linji gwida għall-kalkolu ta' multi imposti b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u ta' l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU 1998, 9, p. 3, aktar 'il quddiem il-"linji gwida") kif ukoll il-komunikazzjoni 96/C 207/04 dwar in-nuqqas ta' impożizzjoni ta' multi jew tnaqqis ta' l-ammont tagħhom fil-kawżi dwar akkordji (ĠU 1996, C 207, p. 4, aktar 'il quddiem il-"komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni").

9       B'hekk, l-ammont bażiku tal-multa, deċiż skond is-serjetà tal-ksur ġie ffissat, f'dak li jikkonċerna r-rikorrenti, f'14-il miljun EUR (premessa 438 tad-Deċiżjoni).

10     Il-Kummissjoni ma ħadet in kunsiderazzjoni l-ebda ċirkustanza aggravanti jew attenwanti kontra jew favur ir-rikorrenti fid-deċiżjoni.

11     Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni għamlet "tnaqqis sinjifikattiv" fl-ammont tal-multi, fis-sens tal-punt D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Bis-saħħa ta' dan, il-Kummissjoni kkonċediet tnaqqis ta' 10 % ta' l-ammont tal-multi li kien ġie impost minħabba nuqqas ta' kooperazzjoni, u dan fid-dawl tan-nuqqas tagħha ta' kontestazzjoni tal-mertu tal-fatti spjegati fil-komunikazzjoni ta' l-ilmenti (premessi 454, 457 sa 459 tad-Deċiżjoni).

12     Wara rikors ippreżentat kontra d-Deċiżjoni, fl-4 ta' Ottubru 2002, minn Westfalen quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza (kawża T-303/02), il-Kummissjoni qieset li għamlet żball ta' evalwazzjoni dwar it-tul tal-ksur ikkontestat lil din l-impriża.

13     Għalhekk, il-Kummissjoni adottat, fid-9 ta' April 2003, id-Deċiżjoni 2003/355/KE li emendat id-Deċiżjoni (ĠU L 123, p. 49). F'din id-deċiżjoni ta' korrezzjoni, il-Kummissjoni ammettiet li ħadet żball fid-data ta' Marzu 1994 bħala punt ta' tluq tal-ksur attribwit lil Westfalen.

14     B'hekk, minn issa 'l quddiem jissemma, fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni emendata, li Westfalen kisret l-Artikolu 81 KE billi ħadet sehem f'akkordji u/jew prattiċi miftehma kontinwati fil-qasam tal-gass industrijali u mediku ta' l-Olanda għal perijodu minn Ottubru 1994, u mhux aktar minn Marzu sa Diċembru 1995. L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni, kif emendat, jipprovdi ammont ta' multa mnaqqas minn 0.43 miljun EUR għal 0.41 miljun EUR.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

15     B'att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-7 ta' Ottubru 2002, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

16     Peress li l-kompożizzjoni ta' l-Awli tal-Qorti tal-Prim'Istanza nbidlet mit-13 ta' Settembru 2004, l-Imħallef Relatur ġie assenjat, bħala president, lill-Ħames Awla, li lilha l-preżenti kawża ġiet, konsegwentement, assenjata.

17     Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (Il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tal-proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, stiednet lill-Kummissjoni tippreżenta dokument.

18     Is-sottomissjonijiet tal-partijiet kif ukoll it-tweġibiet tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu fis-seduta tad-19 ta' Jannar 2006.

19     Ir-rikorrenti talbet li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–       tannulla l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni, safejn tikkonċernaha;

–       b'mod sussidjarju, tnaqqas b'ekwità u b'mod sostanzjali l-ammont tal-multa imposta;

–       tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż kollha, "f'dak li jikkonċerna l-interessi, jiġifieri l-ispejjeż marbuta mal-garanzija bankarja".

20     Il-Kummissjoni talbet li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fid-dritt

 L-Argumenti tal-partijiet

 Fuq il-portata tar-rikors

21     Ir-rikorrenti indikat li mhijiex qed tikkontesta l-mertu ta' l-ispjegazzjoni tal-fatti li l-Kummissjoni tat fil-parti I(E), tad-Deċiżjoni u lanqas l-analiżi ġuridika li għamlet fil-parti II(D), peress li fakkret li l-ftehim inkriminat ma jikkonċernawx ħlief parti mis-suq totali tal-gass industrijali u mediku.

22     Hija tippreċiża li ma tikkontestax aktar il-passi differenti meħuda mill-Kummissjoni fil-premessi 412 sa 448 tad-Deċiżjoni biex tikkalkula l-ammont tal-multi differenti, il-kunsiderazzjonijiet dwar is-serjetà tal-ksur tiegħu, it-tul ta' dan u l-indħil ta' impriżi differenti, iżda ma taċċettax ir-riżultat finali ta' dak il-kalkolu li tfisser żbilanċ kbir bejn il-multa li ġiet imposta u dawk imposti fuq l-impriżi l-oħrajn, l-aktar b'mod partikolari fuq AGA AB.

23     F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva, diversi drabi, li l-multa li ġiet imposta, minn naħa, hija aktar minn tliet darbiet ogħla min dik finalment imposta lil AGA AB, b'dan li, skond il-Kummissjoni stess, din ġiet involuta fil-kartell bl-istess mod u fl-istess żmien ta' AGA Gas u, min-naħa l-oħra, tirrappreżenta 50 % ta' l-ammont kollu tal-multi imposti f'din il-kawża, dak li mhuwiex, bl-ebda mod, proporzjonali għall-parti tas-suq jew għas-sehem tagħha fil-ksur.

24     Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tal-poter tagħha ta' diskrezzjoni u għalhekk mingħajr ma kienet mġiegħla fil-fatt jew fid-dritt, għamlet ċerti għażliet fil-kuntest ta' l-applikazzjoni tar-regola tal-massimu ta' 10 % tat-total ta' negozji ta' l-impriża kkonċernata, prevista mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Issa, skond ir-rikorrenti, dawn l-għażliet iwasslu għal żbilanċ kbir fl-ammont tal-multi, minħabba fid-differenza sproporzjonata bejn l-ammont tal-multi li ġew imposti fuqha u dawk deċiżi fil-konfront ta' l-impriżi l-oħrajn. Meta għamlet hekk, il-Kummissjoni kienet kisret, minn naħa l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 253 KE u, min-naħa l-oħra, il-prinċipji ta' ugwaljanza ta' trattament, ta' proporzjonalità u projbizzjoni ta' l-arbitriju li jiġġustifika l-annullament ta' l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni.

25     Ir-rikorrenti tippreċiża, għal darba oħra, li dan ir-rikors ma sarx sabiex jikkontesta l-ammont tal-multi imposti mill-Kummissjoni lill-impriżi l-oħrajn involuti f'dan il-kartell. Ir-rikorrenti lanqas ma tallega li l-għażliet li l-Kummissjoni għamlet favur l-impriżi l-oħrajn mhumiex tajba jew ġustifikati, ukoll jekk hemm lok ta' dubji serji għalihom, iżda l-istess għażliet kellhom isiru sabiex isir il-kalkolu ta' l-ammont tal-multa proprja tagħha.

26     Barra minn hekk, indipendentement mill-kunsiderazzjonijiet legali żviluppati aktar 'il fuq, ir-rikorrenti tqis li d-differenza kbira ħafna bejn l-ammont tal-multi li huwa ta' ħsara għaliha hija inġusta u titlob għalhekk lill-Qorti tal-Prim'Istanza li tagħmel użu mill-kompetenza assoluta li hija mogħtija bl-Artikolu 229 KE u, b'hekk, tnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha.

27     Il-Kummissjoni tirrileva li, meta ma oġġezzjonatx għall-operazzjonijiet ta' kalkolu magħmula biex tiġi stabbilita l-multa, ir-rikorrenti limitat is-suġġett tar-rikors tagħha għal kritika dwar il-paragun tal-multa imposta fuqha ma' dawk tal-parteċipanti l-oħrajn fl-akkordju u għalhekk aċċettat il-multa tagħha, meħuda waħedha. Ir-rikors magħmul mir-rikorrenti jerġa' jmur lura sabiex jikkontesta t-tnaqqis tal-multi ta' l-impriżi l-oħrajn minħabba l-applikazzjoni tal-massimu ta' 10 %.

 Fuq it-talba ta' annullament ta' l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni

–       Fuq l-ewwel raġuni, ibbażata fuq ksur ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u ta' l-Artikolu 253 KE

28     Ir-rikorrenti ssostni li jirriżulta mid-Deċiżjoni li hija tinsab, ma' AGA Gas, fuq livell għoli ta' ugwaljanza fir-rigward ta' żewġ kriterji biss li, skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, għandhom jistabbilixxu l-ammont tal-ksur, jiġifieri s-serjetà u t-tul tal-ksur. Hija tirrileva f'dan ir-rigward, illi l-Kummissjoni żbaljat meta ppretendiet, illum, li l-parti tagħha tas-suq kien ħafna ogħla minn dak ta' AGA Gas. Din ta' l-aħħar kienet, inversament, l-iktar produttur importanti għal ċerti tipi ta' gass, b'mod partikolari, il-gass likwidu.

29     Peress li s-sitwazzjonijiet tar-rikorrenti u ta' AGA Gas kienu jixtiebhu f'dak li jikkonċerna l-parteċipazzjoni tal-kumpanniji fil-ksur, il-Kummissjoni għamlet applikazzjoni żbaljata ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 meta imponiet multi ta' ammonti differenti ħafna għal dawn iż-żewġ impriżi, bi ħsara għar-rikorrenti. Ir-rikorrenti indikat li, hu x'inhu l-metodu użat mill-Kummissjoni f'kawża sabiex tħaddem kriterji tas-serjetà u t-tul tal-ksur, ir-riżultat finali għandu jissodisfa dawn iż-żewġ kriterji.

30     Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għamlet, f'dan il-każ, applikazzjoni żbaljata tal-kriterju tas-serjetà fejn l-evalwazzjoni tfisser li jiġi kkunsidrat l-effett ta' prevenzjoni. Hija ssostni li, meta impriża relattivament modesta tiġi imposta fuqha multa għolja, għalkemm impriżi oħrajn, filjali ta' impriżi ta' daqs mondjali, kienu l-oġġett ta' multi ħafna inqas, din tkun in kontradizzjoni sħiħa ma' l-effett preventiv imfittex.

31     Hija ssostni li l-elementi meħuda in kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni biex iwasslu għar-riżultat ikkontestat, dwar l-għażla tad-destinatarji tad-Deċiżjoni, tal-fatturat għall-applikazzjoni tal-massimu ta' 10 % u l-ordni li fihom l-imsemmija massimu u d-dispożizzjonijiet tal-komunikazzjoni ta' l-ilmenti ġew applikati, ma jispjegawx u ma jiġġustifikawx id-differenza kbira fl-estrem bejn l-ammont tal-multa imposta fuqha u dik tal-multa imposta finalmentent fuq ­AGA AB.

32     Ir-rikorrenti tqis, fl-ewwel lok, li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni f'dak li jikkonċerna l-għażla ta' impriżi destinatarji tad-Deċiżjoni hija diffiċli li tifhimha. Hija tosserva li d-Deċiżjoni ġiet indirizzata lill-kumpannija prinċipali fil-każ ta' ċerti impriżi (BOC u Hoek Loos) u lill-filjali Olandiża fil-każ ta' impriżi oħrajn (Air Products, Air Liquide u AGA AB) meta, fir-rigward tat-tliet operaturi msemmija, il-Kummissjoni indikat fil-komunikazzjoni ta' lmenti li l-kumpanniji prinċipali kienu ġew involuti, xi ftit jew wisq b'mod kunsiderevoli, fil-ksur. Dan il-bdil tal-ħsieb baqa' mhux spjegat fid-Deċiżjoni.

33     B'risposta għall-istqarrija tal-Kummissjoni li skond hi l-għażla ta' destinatarju ta' deċiżjoni li timponi multa, ir-rikorrenti indikat li hija "ħalliet fil-ġenb" il-kwistjoni dwar jekk din il-pożizzjoni taqbilx ma' l-istat tal-ġurisprudenza, filwaqt li rrilevat li s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta' Marzu 1999, Aristrain vs Il-Kummissjoni (T‑156/94, Ġabra p. II‑645) li għaliha tirreferi l-konvenuta, tirrigwarda r-relazzjoni ta' żewġ kumpanniji sister.

34     Ir-rikorrenti sostniet li l-għażla tal-kumpannija destinatarja għandha konsegwenzi dwar l-applikazzjoni tal-massimu ta' 10 %. Hija kienet sopriża, f'dan ir-rigward, li, wara li kienet qieset AGA AB responsabbli ta' għemil tas-sussidjarja tagħha AGA Gas, il-Kummissjoni applikat il-massimu ta' 10 % għall-fatturat ta' dik il-kumpannija sussidjarja u mhux għall-fatturat ta' AGA AB.

35     Rigward, fit-tieni lok, il-fatturat li għandu jiġi kkunsidrat għall-applikazzjoni tal-massimu ta' 10 %, ir-rikorrenti tippretendi li l-Kummissjoni żbaljat meta stqarret li l-għażla tad-destinatarju tad-deċiżjoni tistabbilixxi l-fatturat ta' l-impriża għall-applikazzjoni tal-massimu ta' 10 %.

36     Skond il-ġurisprudenza, dan il-limitu ta' 10 % ikun applikabbli għall-fatturat mondjali ta' l-impriża kkonċernata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Novembru 1985, Krupp vs Il-Kummissjoni, 183/83, Ġabra p. 3609). Li tħalli lill-Kummissjoni li tindirizza, jekk trid hi, deċiżjoni li timponi l-multi lil sussidjarji nazzjonali ta' kumpanniji li joperaw fuq livell dinji u li torbot dan il-limitu ta' 10 % għall-fatturat ta' dan is-sussidjarju jwassal għal interpretazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza msemmija aktar 'il fuq.

37     Ir-rikorrenti ssostni, barra dan, li l-kunċett ta' impriża, fid-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, għandu jkun kunċett ekonomiku u mhux legali. Hija qed tirreferi għal grupp ta' kumpanniji. Għalhekk, il-fatt li deċiżjoni li imponiet multa ġiet indirizzata lil kumpannija sussidjarja ma tipprekludix, skond ir-rikorrenti, li l-limitu ta' 10 % jirrigwarda l-fatturat kollu tal-grupp li tagħha tagħmel parti s-sussidjarja (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T‑9/99, Ġabra p. II‑1487, punti 528 u 529).

38     Jekk kunċett ieħor jirbaħ, l-ammont tal-multa jkun jiddependi mill-mod kif l-impriża tkun qassmet l-attivitajiet bejn kumpanniji differenti, peress li ġie osservat li numru sew ta' impriżi internazzjonali, fuq l-eżempju ta' Air Products u ta' Air liquide, jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom b'intermedjazzjoni ta' kumpanniji nazzjonali distinti. Dan iffisser li ma hemmx applikazzjoni oġġettiva ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u li ngħata kontenut arbitrarju għall-element ta' prevenzjoni.

39     Rigward, fit-tielet lok, l-ordni li fiha għandha tapplika l-massimu ta' 10 % u d-dispożizzjonijiet tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, ir-rikorrenti osservat li, qabel ma tapplika l-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni naqqset l-ammont tal-multa dwar AGA Gas skond il-massimu ta' 10 %, u naqqset il-multa minn 14 għal 5,54 miljun EUR. Wara applikazzjoni ta' tnaqqis ta' 25 % skond il-komunikazzjoni msemmija qabel, AGA AB tkun ser tiġi imposta fuqha multa finali ta' 4.15 miljun EUR għal għemil kommess mas-sussidjarja tagħha.

40     Issa kemm il-leġiżlatur kif ukoll il-ġurisprudenza (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T‑23/99, Ġabra p. II‑1705, punti 287 sa 289) jikkunsidraw il-massimu ta' l-aħħar limitu ta' l-ammont tal-multa u għalhekk bħala l-aħħar kriterju li għandu jiġi applikat. F'kull każ, l-ordni magħmula mill-Kummissjoni bl-ebda mod ma hi restrittiva.

41     Ir-rikorrenti tirrileva li, jekk il-Kummissjoni kienet segwiet l-ordni ta' applikazzjoni tar-regoli ta' kalkolu ta' l-ammont tal-multi, AGA AB kienet tkun suġġett għal multa ta' 5.54 miljun EUR, li, relattivament għal multa ta' 12.6 miljun EUR imposta fuq ir-rikorrenti, jirrappreżenta ċertament differenza mhux iġġustifikata.

42     Hija tikkonkludi billi tindika li mhemmx fatturi li jġiegħlu jew ta' bżonn oġġettiv li jistgħu jispjegaw id-differenza kbira bejn l-ammont tal-multa li ġiet imposta u dik tal-multi imposti fuq impriżi oħrajn, b'mod partikolari lil AGA AB. Il-Kummissjoni għalhekk għamlet applikazzjoni żbaljata tal-kriterji ta' serjetà u tat-tul tal-ksur u kisret l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, "fis-sens li naqset li tagħti motivazzjoni konvinċenti għal din l-applikazzjoni ".

43     Il-Kummissjoni kkonkludiet billi ċaħdet l-ewwel raġuni bħala infondata.

–       Fuq it-tieni raġuni, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji ta' ugwaljanza ta' trattament, ta' proporzjonalità u ta' projbizzjoni ta' l-arbitrarju

44     Ir-rikorrenti tistqarr li, hu x'inhu l-metodu użat mill-Kummissjoni biex tikkalkula l-multi tal-protagonisti differenti fil-kawżi ta' kompetizzjoni, hija għandha dejjem tassigura li r-riżultat finali ta' dan il-kalkolu jissodisfa l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju msemmi, li mhuwiex il-każ preżenti.

45     Hija tqis, fl-ewwel lok, li, meta ttrattat tant diversament żewġ impriżi li hija stess tikkunsidra li ħadu sehem b'mod identiku fil-ksur, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' trattament ugwali. Hija żżid li l-applikazzjoni tal-massimu ta' 10 % ma jistax jikkostitwixxi ġustifikazzjoni oġġettiva tad-differenza kbira bejn l-ammont tal-multi imposti u tirreferi għall-argumenti tagħha dwar il-ksur ta' l-Artikolu 15( 2) tar-Regolament Nru 17.

46     Ir-rikorrenti ssostni, fit-tieni lok, li l-multa estremament għolja li ġiet imposta fuqha b'paragun mal-multi imposti fuq impriżi oħrajn tikser ukoll il-prinċipju ta' proporzjonalità. Il-Kummissjoni indikat hi stess fid-Deċiżjoni li r-rikorrenti u AGA Gas kienu qegħdin fuq l-istess livell f'dan li jikkonċerna ż-żewġ kriterji użati għad-deċiżjoni ta' l-ammont tal-multi, jiġifieri s-serjetà u t-tul tal-ksur. Għalhekk, skond ir-rikorrenti, jekk l-applikazzjoni ta' regola oħra twassal għal tnaqqis sostanzjali għal xi waħda mill-impriżi u mhux għal oħra, l-ammont li t-tieni waħda għandha tbati mhuwiex aktar proporzjonali ma' l-għan segwit meta ġiet imposta l-multa. Hija tirreferi, ukoll, għall-argumenti tagħha, dwar il-ksur ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

47     Ir-rikorrenti allegat, fit-tielet lok, li d-differenza kbira li teżisti bejn il-multa imposta fuqha u dik imposta fuq l-impriżi l-oħrajn tikser il-projbizzjoni ta' l-arbitriju. Ikun impossibbli li tikkunsidra li l-Kummissjoni setgħet waslet għal din id-deċiżjoni b'ekwità. Hija tirreferi, ukoll, għall-argumenti tagħha dwar il-ksur ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17(2).

48     Il-Kummissjoni tikkonkludi li tiċħad it-tieni raġuni bħala infondata.

 Fuq it-talba ta' tnaqqis ta' l-ammont tal-multa

49     B'mod sussidjarju, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti tal-Prim'Istanza tivverifika, fil-kuntest tal-kompetenza komprensiva tagħha prevista fl-Artikolu 229 KE, jekk l-ammont tal-multa imposta huwiex adegwat.

50     Il-mod li bih il-Kummissjoni applikat il-massimu ta' 10 % jwassal għal sitwazzjoni unika li fiha impriża żgħira bħar-rikorrenti, li l-attivitajiet tagħha huma essenzjalment nazzjonali, tiġi imposta fuqha multa ħafna aktar qawwija minn sussidjarji Olandiżi ta' gruppi ta' impriżi li joperaw fuq livell mondjali u li għandhom fatturat ħafna akbar minn tar-rikorrenti. Din it-tip ta' sitwazzjoni tmur kontra l-effett preventiv mixtieq.

51     Ir-rikorrenti tikkontesta l-eżerċizzju matematiku li sar mill-Kummissjoni u li hu spjegat fin-nota ta' difiża u tfakkar li għandha tiġi kkunsidrata bħala impriża li hija kompletament distinta mill-kumpannija Linde li tagħha hija s-sussidjarja.

52     Hija ssostni, li, jekk skond il-Kummissjoni, il-multa li ġiet imposta fuqha tammonta għal 3 % tal-fatturat totali tagħha fl-Olanda, dan il-fatturat għandu x'jaqsam ma' l-attivitajiet kollha, inkluż il-bejgħ bit-tunnellata metrika (id-doppju tal-fatturat tal-gass fiċ-ċilindri u gass likwidu) minn dak tal-gass mediku. Barra minn hekk, il-paragun bejn il-fatturat li sar fis-suq ikkonċernat qabel l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, u l-ammont tal-multa turi differenza kbira bejn ir-rikorrenti u AGA Gas. In-natura inġusta tal-piena imposta lir-rikorrenti huwa muri aktar ċar bil-fatt li l-multa hija 50 % ta' l-ammont totali tal-multi imposti, waqt li r-rikorrenti kellha sehem tas-suq li jammonta mhux iktar minn terz ta' dan.

53     Il-Kummissjoni ssostni li paragun bejn il-fatturat milħuq fis-suq in kwistjoni u l-ammont tal-multa qabel ma saret l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ma jagħmilx sens jekk mhux f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-ammont inizjali tal-multa, qabel ma jiġu applikati żidiet jew tnaqqis li huma biss individwali. Dan il-paragun juri li r-rikorrenti ma ġietx ittrattata b'mod ħażin, anzi bil-maqlub. Hija tikkonkludi li l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti hija ġusta u m'għandhiex titnaqqas.

 Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

 Kunsiderazzjonijiet preliminari

54     Għandu, l-ewwel nett, jiġi osservat li, fil-kuntest ta' l-ewwel raġuni, ir-rikorrenti tallega fl-istess ħin ksur ta' regola fil-mertu u tar-Regoli tal-Proċedura, f'dan il-każ, l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 253 KE dwar l-obbligu li jingħataw motivazzjonijiet.

55     Għalhekk, permezz tat-talba ta' l-argumenti msemmija fl-ewwel raġuni ta' annullament, ir-rikorrenti tissottometti, fir-rikors, li l-Kummissjoni għamlet applikazzjoni żbaljata tal-kriterju tas-serjetà u tul tal-ksur u kisret l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, "fis-sens li naqset li tagħti motivazzjonijiet konvinċenti sabiex tapplika r-regoli b'dak il-mod".

56     Minn din il-formulazzjoni jirriżulta, u aktar b'mod preċiż mill-użu ta' l-aġġettiv "konvinċenti" li l-ilment tar-rikorrenti mhux intiż, strettament, għal nuqqas totali jew parzjali ta' motivazzjoni, li jfisser ksur sostanzjali skond l-Artikolu 230 KE, iżda jaqa' fil-mertu tad-Deċiżjoni u għalhekk fuq il-legalità fil-mertu ta' dak l-att.

57     Jibqa' l-fatt li r-rikorrenti tosserva wkoll li d-Deċiżjoni ġiet indirizzata lill-kumpannija prinċipali fil-każ ta' ċerti impriżi (BOC u hi stess) u lis-sussidjarja Olandiża fil-każ ta' l-impriżi l-oħrajn (Air Products, Air Liquide u AGA Gas), filwaqt li fir-rigward tat-tliet operaturi msemmija l-Kummissjoni kienet indikat fil-komumikazzjoni ta' lmenti tagħha li l-kumpanniji prinċipali li ġew involuti, ħafna jew ftit, fil-ksur. Ir-rikorrenti tistqarr li dan il-bdil tal-ħsieb baqa' mingħajr spjegazzjoni fid-Deċiżjoni.

58     Safejn din l-aħħar allegazzjoni tista' tinftiehem bħala mod ta' espressjoni ta' lment ibbażat fuq ksur ta' l-obbligu li jingħataw motivazzjonijiet, għandu jiġi mfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li l-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura ta’ l-att ikkonċernat u trid turi l-motivazzjoni ta’ l-istituzzjoni li kkommettiet l-att, b’mod ċar u inekwivoku, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jsiru jafu l-motivazzjonijiet għall-miżura li ttieħdet u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit tal-motivazzjoni għandu jiġi evalwat skond iċ-ċirkustanzi tal-każ, b'mod partikolari l-kontenut ta’ l-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista' jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. M’hemmx bżonn li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt, billi l-kwistjoni ta' jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss b'riferiment għall-kliem tagħha, iżda wkoll għall-kuntest tagħha kif ukoll għar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tal-qorti tal-Ġustizzja, tat-2 ta' April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata)

59     F'dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li d-Deċiżjoni, għalkemm meħuda taħt il-forma ta' deċiżjoni waħda, għandha tiġi analizzata bħala numru ta' deċiżjonijiet individwali li fihom jiġi kkonstatat ksur wieħed jew aktar fir-rigward ta' kull impriża destinatarja li timponi lilhom multa, u min-naħa l-oħra, li s-suġġett ta' dawn il-proċeduri jinkludi biss l-annullament ta' jew it-tnaqqis ta' l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti skond l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni.

60     F'dan il-kuntest, jekk min ġie indirizzat bid-Deċiżjoni jiddeċiedi li jressaq rikors għal annullament, il-Qorti Komunitarja tieħu kas biss dawk il-partijiet tad-Deċiżjoni li jikkonċernawha. Min-naħa l-oħra, dak li jikkonċerna destinatarji oħrajn ma jagħmilx parti mis-suġġett li l-Qorti Komunitarja fuqha għandha tiddeċiedi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, C‑310/97 P, Ġabra p. I‑5363, punt 53).

61     F'dan il-każ, ir-rikorrenti ma tirreferix għal nuqqas totali jew parzjali ta' motivazzjoni in konnessjoni mal-ksur deċiż fid-Deċiżjoni. In-nuqqas ta' spjegazzjoni inkriminat għalhekk jista' jolqot il-legalità tad-Deċiżjoni safejn għandu x'jaqsam mat-tliet operaturi sussidjarji Olandiżi, Air Products, Air Liquide u AGA Gas. Issa, Air Products u Air Liquide m'għamlux rikors kontra d-Deċiżjoni li tagħhom kienu destinatarji, lanqas AGA AB, li lilha ġiet innotifikata d-Deċiżjoni, bħala suċċessur fid-dritt ta' AGA Gas.

62     Safejn ir-rikorrenti ssostni li d-Deċiżjoni hija illegali għal nuqqas ta' motivazzjoni f'dak li jikkonċerna t-trattament tal-kumpanniji prinċipli ta' Air Products u Air Liquide, li ma kinux destinatarji tad-Deċiżjoni u għalhekk ma kinux ippenalizzati, għandu jitfakkar li r-rikorrenti ma' tistax tibbaża ruħha fuq tali ċirkustanza sabiex tevita hi stess il-penali imposta għal ksur ta' l-Artikolu 81 KE, meta ċ-ċirkustanzi taż-żewġ impriżi mhumiex lanqas suġġett ta' proċeeduri quddiem il-Qorti (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta' Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, C‑89/85, C‑104/85, C‑114/85, C‑116/85, C‑117/85 u C‑125/85 à C‑129/85, Ġabra p. I‑1307, punt 197, u s-sentenza tal-qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta' Diċembru 1996, Van Megen Sports vs Il-Kummissjoni, T‑49/95, Ġabra p. II‑1799, punt 56).

63     Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li d-Deċiżjoni, f'kull każ, hija suffiċjentement motivata fir-rigward tar-rikorrenti, fis-sens li din ta' l-aħħar hija f'pożizzjoni li tkun taf il-motivazzjonijiet li għalihom il-Kummissjoni waslet li tikkunsidraha bħala responsabbli ta' ksur ikkontestat u li imponiet multa, u dan independentement mit-trattament irriżervat lil impriżi oħrajn imsemmija fil-komunikazzjoni ta' lmenti iżda li mhumiex destinatarji tad-Deċiżjoni. Bl-istess mod, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li hija tista' perfettament teżerċita wkoll kontroll fuq id-Deċiżjoni f'dak li jirrigwarda l-pożizzjoni tar-rikorrenti.

64     Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li, safejn in-noti ta' osservazzjonijiet tar-rikorrenti jistgħu jinftiehmu li jinkludu raġuni li tallega l-ksur ta' l-obbligu li jingħataw motivazzjonijiet, kif hemm fl-Artikolu 253 KE, l-imsemmi lment għandu jiġi miċħud.

65     Għandu jiġi enfasizzat, fit-tieni lok li, l-eżami tal-kitbiet tar-rikorrenti jirrileva ċerta konnessjoni bejn iż-żewġ motivazzjonijiet ta' annullament imressqa u l-espressjoni tat-tliet ilmenti, li kollha jikkritikaw l-applikazzjoni żbaljata tal-kriterju ta' serjetà u tul previst mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. L-ewwel żewġ ilmenti huma meħuda min-natura sproporzjonata u diskriminatorja tal-multa imposta. Parti kbira mill-argumenti tar-rikorrenti jittrattaw id-differenzi bejn l-ammont finali tal-multi, analizzati u kkritikati mil-lat ta' paragun mas-sitwazzjoni ta' AGA Gas u l-applikazzjoni, f'dan il-każ, tal-massimu ta' 10 %. Fil-kuntest tat-tielet ilment, ir-rikorrenti stqarret li hemm kontradizzjoni fil-multa imposta ma' l-għan ta' prevenzjoni.

66     Għandu wkoll jiġi rrilevat li r-rikorrenti għamlet ilmenti bbażati fuq l-isproporzjonalità tal-multa imposta, tan-natura diskriminatorja tagħha u tal-kontradizzjoni tagħha ma' l-għan ta' prevenzjoni, kemm fil-kuntest tat-talbiet ta' annullament ta' l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni kif ukoll dawk, sussidjarji, li għandhom bħal oġġett talba ta' tnaqqis mill-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-ammont tal-multa abbażi tal-kompetenza tagħha assoluta.

67     F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti mil-lat tat-talba ta' tneħħija jew tnaqqis tal-multa, u tinżamm id-distinzjoni bejn it-tliet ilmenti.

 Fuq it-talba ta' tneħħija jew tnaqqis tal-multa

68     Għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li, skond ġurisprudenza kostanti, meta jiġi stabbilit l-ammont ta' kull multa, il-Kummissjoni għandha poter ta' diskrezzjoni u mhijiex obbligata tapplika, għal dan, formola matematika preċiża (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' April 1995, Martinelli vs Il-Kummissjoni, T‑150/89, Ġabra p. II‑1165, punt 59, u ta' l-14 ta' Mejju 1998, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, T‑352/94, Ġabra p. II‑1989, punt 268, ikkonfermata, fl-appell, b'sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Novembru 2000, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, C‑283/98 P, Ġabra p. I‑9855, punt 47). Din id-diskrezzjoni għandha madankollu ssir fil-ħarsien tad-dritt Komunitarju, li jinkludi mhux biss id-dispożizzjonijiet tat-Trattat iżda wkoll il-prinċipji ġenerali ta' dritt (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs il-Kunsill, C‑50/00 P, Ġabra p. I‑6677, punt 38).

69     Għandu jiġi wkoll mfakkar li l-evalwazzjoni tan-natura proporzjonali tal-multa imposta mas-serjetà u tul tal-ksur, kriterji msemmija fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, jirrileva l-kontroll assolut mogħti lill-Qorti tal-Prim'Istanza bl-Artikolu 17 ta' l-istess Regolament.

70     F'dan il-każ, huwa paċifiku li l-Kummissjoni ddeċidiet l-ammont tal-multa imposta lir-rikorrenti skond il-metodu ġenerali li jiġi impost fil-linji gwida.

71     Il-linji gwida jiddisponu, fl-ewwel inċiż tal-punt 1, li, għall-kalkolu ta' l-ammont tal-multi, l-ammont bażiku huwa stabbilit skond is-serjetà u t-tul tal-ksur, l-uniċi kriterji miżmuma mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Skond rimarka ġenerali, il-punt nru 5(a) tal-linji gwida jippreċiża wkoll li "r-riżultat finali tal-kalkolu tal-multa skond din it-tabella (ammont bażiku miżjud bil-perċentwali ta' aggravazzjoni u ta' attenwazzjoni) ma jista' fl-ebda każ jaqbeż 10% tal-fatturat totali ta' l-impriżi skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17". Konsegwentement, il-linji gwida ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jmorru lil hinn mill-kuntest legali tas-sanzjonijiet hekk kif iddefiniti minn din id-dispożizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta' Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P à C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punti 250 u 252).

72     Għall-iffissar ta' l-ammont inizjali tal-multi, deċiżi skond is-serjetà tal-multi, il-Kummissjoni kkunsidrat li, għalkemm il-fatt li l-impriżi kkonċernati kienu pparteċipaw f'kartell ta' prezzijiet, l-imsemmi ksur għandu jiġi kkwalifikat bħala serju u mhux serju ħafna, fir-rigward ta' l-estensjoni ġeografika limitata tas-suq u l-fatt li l-qasam in kwistjoni għandu importanza ekonomika medja (premessi 423 u 428 tad-Deċiżjoni).

73     Sabiex tiġi kkunsidrata l-importanza speċifika ta' l-aġir illegali ta' kull impriża involuta f'dan kartell, u għalhekk l-effett reali fuq il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni kklassifikat l-impriżi kkonċernati f'erba' kategoriji, skond id-daqs relattiv tagħhom fis-suq ikkonċernat. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni qieset adatt li tieħu l-fatturat miksub, fl-1996, fis-suq ikkonċernat bħala bażi ta' paragun ta' l-importanza relattiva ta' l-impriżi fl-imsemmi suq (premessi 429 sa 432 tad-Deċiżjoni).

74     Għalhekk, ir-rikorrenti u AGA Gas, peress li huma mingħajr dubju ż-żewġ operaturi prinċipali fis-suq ikkonċernat, huma kklassifikati fl-ewwel kategorija. Air Products u Air Liquide, li huma operaturi medji fis-suq, ġew imqiegħda fit-tieni kategorija. Messer u BOC, li l-importanza tagħhom in kwistjoni hija kkwalifikata "deċiżament inqas", huma kklassifikati fit-tielet kategorija. Fir-raba' kategorija hemm Westfalen, li m'għandhiex aktar minn parti żgħira tas-suq (premessa 431 tad-Deċiżjoni).

75     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni stabbiliet ammont inizjali identiku għar-rikorrenti u AGA Gas, li huwa 10 miljun EUR, kontra t-2.6 miljun EUR għal Air Products u Air Liquide, 1.2 miljun EUR għal Messer u BOC u 0.45 miljun EUR għal Westfalen.

76     Rigward it-tul tal-ksur, il-Kummissjoni qieset li l-ksur kien ta' tul medju (ta' sena sa erba' snin) għal kull impriża kkonċernata, peress li r-rikorrenti, AGA Gas, Air Products, Air Liquide u Messer kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE minn Settembru 1993 sa Diċembru 1997, BOC minn Ġunju 1994 sa Diċembru 1995 u Westfalen minn Ottubru 1994 sa Diċembru 1995. Għalhekk, l-ammont inizjali stabbilit fir-rigward tar-rikorrenti u ta' GA Gas kien akbar minn 10 % fis-sena, li ammonta għal żjieda ta' 40 % (premessi 433 u 434 tad-Deċiżjoni).

77     L-ammont bażiku tal-multa, stabbilit skond is-serjetà u t-tul tal-ksur, kien għalhekk iffissat, kemm f'dak li jikkonċerna r-rikorrenti kif ukoll AGA Gas, għal 14 miljun EUR, kontra t-3.64 miljun EUR għal Air Products u Air Liquide, 1.68 miljun EUR għal Messer, 1.38 miljun EUR għal BOC u 0.51 miljun EUR għal Westfalen. Għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma qieset l-ebda ċirkustanza aggravanti jew attenwanti kontra jew favur l-impriżi involuti fil-kartell, ħlief BOC u Westfalen li bbenefikaw minn tnaqqis ta' 15 % ta' l-ammont tal-bażi tal-multa minħabba li kellhom parti għal kollox passiva fil-ksur (premessi 438 sa 448 tad-Deċiżjoni).

78     Kieku, f'dan l-istadju ta' kalkolu ta' l-ammont tal-multi, ir-rikorrenti u AGA Gas qegħdin fuq l-istess livell, huwa kkonstatat li r-rikorrenti finalment ġiet imposta fuqha multa ta' 12.6 miljun EUR, li huwa ammont effettivament tliet darbiet ogħla minn dik il-multa imposta fuq AGA AB, f'dan il-każ 4.15 miljun EUR, u li tirrappreżenta kważi 50 % ta' l-ammont totali tal-multi imposti.

79     Jirriżulta mid-Deċiżjoni li d-differenza bejn l-ammont tal-multi imposti msemmija fil-punt preċedenti għandu oriġini doppja, jiġifieri t-tnaqqis ta' l-ammont bażiku tal-multa minn 14-il miljun EUR għal 5.54 miljun EUR b'applikazzjoni tal-massimu ta' 10 % tal-profitt ta' AGA Gas u l-għoti, wara dan, lil din ta' l-aħħar ta' tnaqqis ta' 25 % ta' l-ammont tal-multa skond il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, ir-rikorrenti ma bbenefikatx, minn naħa tagħha, ħlief għal tnaqqis ta' 10 % (premessi 450, 454 sa 459 tad-Deċiżjoni).

–       Fuq in-natura allegatament sproporzjonata tal-multa imposta

80     Ir-rikorrenti tenfasizza li l-ammont finali tal-multa li ġiet imposta hija tliet darbiet għola minn dik imposta fuq AGA AB u tirrappreżenta kważi 50 % ta' l-ammont totali tal-multi imposti mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni, li mhuwiex, bl-ebda mod, proporzjonali mas-sehem tagħha fil-ksur jew il-parti tagħha tas-suq, li din ta' l-aħħar tirrappreżenta mhux iktar minn terz minn dan waqt il-perijodu in kwistjoni.

81     Dan l-ilment juri kontradizzjoni fin-noti ta' osservazzjonijiet tar-rikorrenti. Fir-rikors tagħha, din ta' l-aħħar indikat b'mod ċar li ma tikkontestax l-istadji differenti segwiti mill-Kummissjoni fil-premessi 412 sa 448 tad-Deċiżjoni biex tikkalkula l-ammont tal-multi, il-premessi dwar is-serjetà tal-ksur, sat-tul tagħha u l-effett fuq impriżi differenti (ara l-punt 22 aktar 'il fuq).

82     Issa, l-ammont finali tal-multa huwa biss ir-riżultat ta' diversi kalkoli magħmula mill-Kummissjoni skond il-linji gwida, kif imfakkar aktar 'il fuq u, f'dan il-każ, fil-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

83     Barra minn hekk, l-allegazzjoni ta' sproporzjonalità ta' l-ammont finali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, relattiva għall-ammont totali tal-multi imposti, fir-rigward ta' l-ewwel parametru in kwistjoni dwar il-parteċipazzjoni individwali tar-rikorrenti għall-ksur ma ġiex ippruvat.

84     Rigward it-tieni parametru kkontestat, relattiv għat-teħid in kunsiderazzjoni ta' l-importanza fis-suq effettwat, għandu, l-ewwel, jiġi mfakkar, li l-Kummissjoni mhijiex obbligata, waqt li tkun qed tiddeċiedi l-ammont tal-multi skond is-serjetà u t-tul tal-ksur in kwistjoni, li tkun ċerta, fil-każ li l-multi huma imposti fuq numru ta' impriżi involuti fl-istess ksur, li l-ammonti finali tal-multi li għalihom il-kalkolu tagħhom li jirriżultaw għall-impriżi kkonċernati tirrifletti fihom kull distinzjoni dwar il-fatturat globali tagħhom jew il-fatturat rilevanti (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 71 supra, punt 312).

85     Għandu, wara dan, jiġi rrilevat li l-ammont finali tal-multa ma jikkostitwixxix, a priori, element adatt sabiex jiġi stabbilit nuqqas eventwali ta' proporzjonalità tal-multa fir-rigward ta' l-importanza tal-parteċipanti fl-akkordju. Fil-fatt, l-istabbiliment ta' l-imsemmi ammont finali huwa, b'mod partikolari, marbut ma' diversi ċirkustanzi marbuta ma' l-aġir individwali ta' l-impriża in kwistjoni, u mhux mal-parti tagħha fis-suq jew għall-fatturat, bħalma huma t-tul tal-ksur, l-eżistenza ta' ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti u l-grad ta' kooperazzjoni ta' l-imsemmija impriża.

86     Min-naħa l-oħra, l-ammont inizjali tal-multa jikkostitwixxi, f'dan il-każ, element rilevanti sabiex jiġi evalwat nuqqas eventwali tal-proporzjonalità tal-multa, fir-rigward ta' l-importanza tal-parteċipanti fl-akkordju.

87     Fil-fatt, kif diġà ġie spjegat, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni u sabiex tikkunsidra l-importanza speċifika ta' l-aġir illegali ta' kull impriża involuta fil-kartell, u għalhekk ta' l-effett tagħha reali fuq il-kompetizzjoni, ikklassifikat l-impriżi kkonċernati f'erba' kategoriji, preċiżament skond l-importanza tagħhom relattiva fis-suq ikkonċernat. Ir-rikorrenti u AGA Gas, ikkunsidrati li ċertament huma ż-żewġ operaturi prinċipali fis-suq ikkonċernat, ġew ikklassifikati fl-ewwel kategorija.

88     F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni rriferiet għall-indikazzjonijiet bil-figuri tat-tielet kolonna tat-tabella 1 li hemm fil-premessa 75 tad- Deċiżjoni :

Impriżi

Fatturat totali tad-destinatarji tad-Deċiżjoni fl-2001 (f'EUR)

Fatturat fil-qasam tal-gass taċ-ċilindri u ta' gass likwidu fl-Olanda (EUR) u partijiet tas-suq stmati għall-1996

Hoek Loos [NV]

470 648 000

71 400 000 (39,7 %)

AGA Gas BV 1

55 479 000 2

49 200 000 (27,4 %)

[Air Products]

110 044 000

18 600 000 (10,4 %)

Air Liquide BV

60 720 000

12 900 000 ( 7,2 %)

[Messer]

11 275 000

8 200 000 ( 4,4 %)

[BOC]

6 690 905 000

6 800 000 ( 3,8 %)

[Westfalen]

5 455 000

2 600 000 ( 1,5 %)

1 Wara x-xoljiment ta' AGA Gas BV fl-2000/2001, AGA AB aċċettat li tassumi r-responsabbiltà ta' l-atti ta' din ta' l-aħħar u lil din għandha tiġi indirizzata d-Deċiżjoni.

2 2000 huwa l-aħħar eżerċizzju totali li għalih l-informazzjoni tal-fatturat huma disponibbli għal AGA Gas BV.


89     Għandu jiġi rrilevat li AGA Gas kellha fatturat fis-suq ikkonċernat u parti tas-suq ħafna anqas importanti mir-rikorrenti. Issa, minkejja l-fatt li l-imsemmi fatturat tar-rikorrenti kien 40 % akbar minn dak ta' AGA Gas, dawn iż-żewġ impriżi kienu kklassifikati fl-istess kategorija u ġew mogħtija lilhom ammont inizjali identiku ta' 10 miljun EUR, li jista' jiġi kkunsidrat bħala oġġettivament favorevoli għar-rikorrenti. Barra dan, jekk din l-aħħar tistaqsi lilha nnifisha dwar il-mod li biha din ikkalkulat il-fatturat ta' AGA Gas, hija ma tagħti ebda evidenza konkreta li twaqqa' l-evalwazzjoni bin-numri li tidher fit-tabella ta' hawn fuq.

90     Ir-rikorrenti tipprova tnaqqas l-importanza tagħha b'paragun ma' dawk aktar importanti ta' AGA Gas f'dak li jikkonċerna ċerti partijiet żgħar tas-suq, jiġifieri ċerti tipi ta' gass, u għal dan il-għan, tirrreferi għal indikazzjonijiet tal-figuri mogħtija bit-tabella 3 (gass fiċ-ċilindri) u 4 (gass likwidu) tad-Deċiżjoni (premessi 77 u 78). B'danakollu, kif enfasizzat ġustament il-Kummissjoni, dan it-tqabbil ma' jistax ikun rilevanti għall-evalwazzjoni ta' l-importanza rispettiva taż-żewġ impriżi, safejn il-partijiet tas-suq li jidhru fit-tabella 1 tad-Deċiżjoni jieħdu in kunsiderazzjoni b'mod adegwat l-importanza relattiva ta' l-imsemmija impriżi.

91     Għandu, fil-verità, jiġi rrilevat li r-rikorrenti insistiet, b'mod apparenti, fin-noti ta' osservazzjonijiet, dwar ix-xebh tas-sitwazzjoni ma' dik ta' AGA Gas u ssotni li jirriżulta mit-tabella 1 tad-Deċiżjoni li l-fatturat tagħha għal gass taċ-ċilindri u gass likwidu hija komparabbli sew ma' dik ta' AGA Gas u li għalhekk ġustament il-Kummissjoni kklassifikat liż-żewġ impriżi fl-istess katogorija.

92     L-importanza tal-fatturat tar-rikorrenti u l-parti tagħha tas-suq tispjega u tiġġustifika ammont inizjali li jirrappreżenta kważi erba' darbiet dak impost fuq l-impriżi tat-tieni kategorija u aktar minn tmien darbiet dak stabbilit fir-rigward ta' l-impriżi fit-tielet kategorija. Barra minn hekk, il-konnessjoni bejn il-fatturat tas-suq effettwat mill-impriżi msemmija fit-tabella 1 tad-Deċiżjoni u l-ammonti inizjali tal-multi stabbiliti mill-Kummissjoni għal kull waħda minnhom m' għandha ebda trattament sproporzjonat tar-rikorrenti, peress li l-ammonti inizjali tal-multi jirrappreżentaw 14 % tal-fatturat fis-suq in kwistjoni għar-rikorrenti kontra 20.3 % għal AGA Gas, 13.98 % għal Air Products, 20.2 % għal Air Liquide, 14.6 % għal Messer, 17.6 % għal BOC u 17.3 % għal Westfalen.

93     F'dan id-dawl, il-fatt li l-ammont finali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti tirrappreżenta viċin 50 % tat-total tal-multi imposti mill-Kummissjoni ma jħallix lil wieħed jikkonkludi li hemm sproporzjon ta' l-imsemmi ammont, peress li huwa aċċettat li l-ammont inizjali ta' din il-multa hija ġġustifikata fid-dawl tal-kriterju miżmum mill-Kummissjoni għall-evalwazzjoni ta' l-importanza ta' kull impriża fis-suq rilevanti (ara, f'dan is-sens, is-sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 40 supra, punt 304).

94     Din l-aħħar evalwazzjoni tibbaża wkoll iċ-ċaħda ta' l-argument tar-rikorrenti tal-paragun ma' AGA Gas f'dak li jikkonċerna l-konnessjoni bejn il-fatturat miksub fis-suq kkonċernat u l-ammont tal-multa qabel l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

95     Għandu, barra dan, jiġi osservat li t-tnaqqis, qabel l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni tal-kooperazzjoni, tal-multa ta' AGA Gas minn 14-il miljun EUR sa 5.54 miljun EUR, għalkemm dak tar-rikorrenti baqa' l-istess ta' 14-il miljun EUR, huwa spjegat bl-applikazzjoni tal-massimu ta' 10 % u m'għandha ebda trattament diskriminatorju bi ħsara għar-rikorrenti, kif indikat hawn taħt.

–        Fuq in-natura allegatament diskriminatorja tal-multa imposta

96     Skond ġurisprudenza kostanti, il-prinċipju ta' trattament ugwali ma jinkisirx ħlief meta sitwazzjonijiet simili jiġu ttrattati b'mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Diċembru 1984, Sertmide, C-1086/83, Ġabra p. 4209, punt 28, u tat-28 ta' Ġunju 1990, Hoche, C-174/89, Ġabra p. I-2681, punt 25; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, T-311/94, Ġabra p. II-1129, punt 309).

97     Jekk ir-rikorrenti tikkontesta, b'mod ġenerali, id-differenza bejn l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha u dawk il-multi imposti lill-impriżi l-oħrajn involuti fil-kartell, huwa fir-rigward tat-trattament irriżervat b'mod partikolari lil AGA Gas li hija tibbaża u tiżviluppa l-ilment tagħha fuq in-natura allegatament diskriminatorja tal-multa. B'hekk, huwa biss fir-rigward ta' AGA Gas li r-rikorrenti tallega li qiegħda fl-istess pożizzjoni f'dak li jikkonċerna s-serjetà u t-tul tal-ksur.

98     Jirriżulta mid-Deċiżjoni li l-Kummissjoni effettivament stabbiliet ammont bażiku tal-multa, deċiż skond is-serjetà u t-tul tal-ksur, identiku għal AGA Gas u r-rikorrenti, iżda finalment imponiet lil din ta' l-aħħar multa tliet darbiet aktar għolja minn dik imposta fuq AGA AB għall-fatti kommessi mis-sussidjarja tagħha preċedenti.

99     Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, meta eżerċitat il-kompetenza ta' diskrezzjoni tagħha, għamlet ċerti għażliet waqt il-kalkolu tal-multi, u b'mod partikolari fil-kuntest ta' l-applikazzjoni tal-massimu ta' 10 %, li rriżulta fl-eżitu finali kkontestat. Skond ir-rikorrenti, m'hemmx fatturi obbligatorji li jistgħu jispjegaw id-differenza kbira bejn l-ammont tal-multa imposta dik deċiża fil-konfront ta' AGA AB.

100   Kif ġie spjegat, id-differenza msemmija qabel hija spjegata bit-tnaqqis ta' l-ammont tal-multa ta' AGA Gas wara l-applikazzjoni tal-massimu ta' 10 % u permezz ta' l-għoti lil din ta' l-aħħar ta' tnaqqis ta' 25 %, kontra 10 % għar-rikorrenti biss, ta' l-ammont tal-multa skond il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

101   Ir-rikorrenti ma għamlet ebda osservazzjoni fin-noti ta' osservazzjonijiet dwar iċ-ċirkustanzi li fihom il-Kummissjoni applikat dik il-komunikazzjoni fil-konfront tagħha u fir-rigward ta' l-impriżi oħrajn in kwistjoni.

102   Jekk il-Kummissjoni hija ħielsa li tivvaluta, taħt il-kontroll tal-Qorti tal-Prim'Istanza, l-għoti tat-tnaqqis tal-multi skond il-komunikazzjoni tal-kooperazzjoni fir-rigward taċ-ċirkustanzi ta' kull kawża, hija, min-naħa l-oħra, ukoll fl-obbligu li tirrispetta l-massimu ta' 10 %. Kuntrarjament għall-istqarrijiet tar-rikorrenti, il-Kummissjoni m'għandhiex poter ta' diskrezzjoni fit-tħaddim tal-massimu ta' 10 %, li dan huwa marbut biss mad-daqs tal-fatturat imsemmi fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Kif enfasizza wkoll l-Avukat Ġenerali Tizzano fil-konklużjonijiet qabel is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 71 supra (Ġabra p. I‑5439, punt 125), "bit-tifsira stess, massimu jfisser limitu assolut li jiġi applikat awtomatikament meta jintlaħaq livell stabbilit, u inpendentement minn kull element ieħor ta' evalwazzjoni".

103   Huwa għalhekk biss fid-definizzjoni ta' fatturat, użata mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni, li jista' jkun hemm id-diskriminazzjoni allegata mir-rikorrenti.

104   Skond ġurisprudenza kostanti, il-fatturat imsemmi fl-Artikolu 15 (2) tar-Regolament Nru 17 irid jinftiehem bħala relattiv għal-fatturat totali ta' l-impriża kkonċernata li jagħti indikazzjoni approssimattiva tad-daqs u l-influenza tagħha fis-suq (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Ġunju 1983, Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 119, u Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 71 supra, punt 181, sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-7 ta' Lulju 1994, Dunlop Slazenger vs Il-Kummissjoni, T‑43/92, Ġabra p. II‑441, punt 160).

105   F'dan il-każ, il-Kummissjoni kkunsidrat il-fatti spjegati fil-parti I tad-Deċiżjoni li jippruvaw li r-rikorrenti kienet ħadet sehem direttament fil-ftehim ta' kollużjoni dwar il-gass mediku u industrijali fl-Olanda u li għandu, għalhekk, jieħu r-responsabbiltà ta' dan il-ksur u tkun destinatarja tad-Deċiżjoni (premessa 396 tad-Deċiżjoni).

106   Jirriżulta, barra dan, mid-Deċiżjoni, li l-fatturat globali tar-rikorrenti jitla' għas-sena 2001 sa 470 648 000 EUR (tabella 1 tad-Deċiżjoni) hekk li l-ammont bażiku tal-multa stabbilit għaliha, skond il-mod ta' kalkolu magħmul skond il-linji gwida, huwa stabbilit f' 14 000 000 EUR. Huwa evidenti li dan l-aħħar ammont huwa ħafna inqas mil-limiti msemmi 'l fuq, li għalhekk ma setax jiġi applikat.

107   Min-naħa l-oħra, skond il-kalkolu magħmul skond il-linji gwida, il-Kummissjoni stabbiliet, għal AGA Gas, ammont ta' multa ta' 14-il miljun EUR, li huwa manifestament ogħla mil-limitu ta' 10 % tal-fatturat totali ta' l-impriża kkonċernata, li hija ogħla minn 55 479 000 EUR għas-sena 2000, li kien l-aħħar eżerċizzju komplet li fiha l-informazzjoni fuq il-fatturat kienet disponibbli għal AGA Gas. Dan jispjega li l-multa tnaqqset għal-livell massimu permess, li huwa fl-ammont ta' 5.54 miljun EUR. Fid-dawl tal-fatt li fatturat totali ġie evalwat 11.275 miljun EUR, Messer bl-istess mod gawdiet, b'applikazzjoni tal-massimu ta' 10 %, ta' limitu tal-multa tagħha sa 1.12 miljun EUR.

108   Issa, barra l-fatt li hija ma kkontestatx l-ammont stabbilit mill-konvenuta dwar il-fatturat totali tagħha, ir-rikorrenti ma wrietx u lanqas allegat li l-aġir kontra l-kompetizzjoni li hija ġiet akkużata mill-Kummissjoni għandha tiġi attribwita lil impriża oħra u li hi ma kkommettietx il-ksur ta' l-Artikolu 81 KE. Ir-rikorrenti, destinatarja tal-komunikazzjoni ta' lmenti, tinsisti, min-naħa l-oħra, fuq il-fatt li, minkejja li l-kumpannija Linde żżomm 58 %, fl-1992, wara 65 %, fl-1995, tal-kapital ta' l-ishma tagħha, hija kienet, fil-biċċa l-kbira ħielsa li tiddefinixxi hi stess il-politika kummercjali tagħha u li ma teżisti ebda relazzjoni ta' grupp fis-sens tal-ġurisprudenza. Hija ma tallega b'ebda mod li l-kumpannija sussidjarja tagħha, Hoek Loos BV, li tgħaqqad l-attivitajiet fl-Olanda, ikkommettiet l-aġir kontra l-kompetizzjoni allegat u li din dan ta' l-aħħar kienet tista' tiddeċiedi l-aġir tagħha fis-suq b'mod awtonomu.

109   Ir-rikorrenti tillimita ruħha, minn naħa, li tistqarr li żbaljat il-Kummissjoni li rriżervat trattament differenti minn dak applikat lill-impriżi l-oħrajn, u, b'mod partikolari, lil AGA Gas, u li titlob, min-naħa l-oħra, l-istess trattament, li tqis vantaġġjuż, għal dak mogħti lil dik l-impriża.

110   Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn l-argumenti tar-rikorrenti mhumiex ta' natura li jistgħu jiġġustifikaw l-allegazzjoni li tgħid li l-Kummissjoni kkommettiet, fir-rigward tagħha, żball ta' evalwazzjoni f'dak li jikkonċerna massimu ta' 10 %, li jirrigwarda l-kwistjoni preliminari ta' min għamel il-ksur jew dik dwar il-fatturat li għandha tiġi kkunsidrata.

111   Rigward l-argumenti dwar it-trattament irriżervat għall-impriżi l-oħrajn u b'mod partikolari għal AGA Gas, ir-rikorrenti indikat, fir-replika tagħha, li wriet li l-għażliet favorevoli magħmula mill-Kummissjoni, fir-rigward tad-destinatarji tad-Deċiżjoni, għall-fatturat ikkonċernat bil-massimu ta' 10 % u għall-ordni li biha jrid jiġi applikat dan ta' l-aħħar u d-dispożizzjonijiet tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni "ma kinux dejjem evidenti mingħajr, madankollu, ma jippretendu li ma kinux korretti jew jesprimu ruħhom fuq in-neċessità tagħhom, anki meta dubji (jistgħu) ikunu permessi dwar is-suġġett tagħhom". Ir-rikorrenti hija sorpriża, b'mod partikolari, li l-Kummissjoni ma kkunsidratx lil AGA AB bħala responsabbli tal-ksur u ħadet in kunsiderazzjoni l-fatturat totali ta' l-imsemmija impriża. Hija tistqarr li l-fatt li d-Deċiżjoni hija magħmula kontra AGA AB, fil-kwalità tagħha ta' suċċessur tas-sussidjarja preċedenti AGA Gas, ma jikkostitwixxix argument konvinċenti li jiġġustifika d-differenza kbira bejn il-multi imposti.

112   Safejn ir-rikorrenti tirreferi biss għall-vantaġġ miksub minn AGA Gas minħabba l-applikazzjoni tal-massimu ta' 10 %, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din l-impriża u r-rikorrenti ma jinstabux f'sitwazzjoni li tixxiebah u li din is-sitwazzjoni tispjega u tiġġustifika d-differenza oġġettiva ta' trattament li huwa l-oġġett tagħhom. Barra minn hekk, dak li r-rikorrenti ddeskrivew bħala riżultat finali diskriminatorju tal-proċess tal-kalkolu magħmul mill-Kummissjoni huwa, fil-fatt, konsegwenza inevitabbli ta' l-applikazzjoni tal-limitu ta' 10 %.

113   Safejn ir-rikorrenti allegat tnaqqis illegali tal-multa miksub minn AGA Gas u li jiġi meqjus ukoll li l-Kummissjoni bi żball tat tnaqqis lil din l-impriża b'applikazzjoni żbaljata tal-massimu ta' 10 %, għandu jiġi mfakkar li r-rispett tal-prinċipju ta' trattament ugwali għandu jingħaqad ma' dak tar-rispett tal-prinċipju ta' legalità, li jgħid li ħadd ma jista' jinvoka, għall-benefiċċju tiegħu, ksur ta' liġi kommess favur ħaddieħor (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-4 ta' Lulju 1985, Williams vs Il-Qorti ta' l-Awdituri, 134/84, Ġabra p. 2225, punt 14; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, T-327/94, Ġabra p. II-1373, punt 160, ikkonfermata fuq appell bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Novembru 2000, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, C‑297/98 P, Ġabra p. I‑10101, u LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 40 supra, punt 367).

114   Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti fuq l-għażla tad-destinatarji tad-Deċiżjoni, it-teħid in kunsiderazzjoni tal-fatturat dinji tal-grupp li lilhom tappartjeni l-impriża destinatarja tad-Deċiżjoni għall-applikazzjoni tal-massimu ta' 10 %, u l-applikazzjoni neċessarja tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni qabel l-imsemmi massimu mhumiex fondati.

115   L-ewwel nett, peress li r-rikorrenti kkritikat it-tibdil ta' l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta' AGA AB dwar min ikkommetta l-aġir kontra l-kompetizzjoni rrilevat, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li fil-fatt AGA Gas, u mhux AGA AB, li kienet dik biss destinatarja tal-komunikazzjoni ta' lmenti u għalhekk l-unika impriża li lilha l-Kummissjoni attribwiet il-ksur, u min-naħa l-oħra, li l-konvenuta żammet din l-evalwazzjoni fid-Deċiżjoni billi żammet lil AGA Gas bħala l-unika responsabbli għall-ksur identitifikat fiha. Ir-rikorrenti ma pprovdiet l-ebda prova li tista' twaqqa' din l-evalwazzjoni jew li tistabbilixxi li AGA AB kellha tkun fil-bidu responsabbli, waħedha jew b'mod solidali ma' AGA Gas, għall-azzjonijiet ta' din ta' l-aħħar.

116   It-tieni nett, il-Kummissjoni għandha għall-għanijiet ta' applikazzjoni tal-massimu ta' 10 %, tikkunsidra l-fatturat ta' l-impriża kkonċernata, jiġifieri l-impriża li lilha ġie attribwit il-ksur u li, ta' dan il-fatt, ġiet iddikjarata responsabbli u ġiet innotifikata lilha d-deċiżjoni li imponiet il-multa (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 et T‑91/03, li għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġabra, punt 390).

117   It-teżi tar-rikorrenti dwar il-bżonn li jiġi kkunsidrat il-fatturat totali tal-grupp li għaliha tappartjeni s-sussidjarja destinatarja tad-deċiżjoni li fuqha imponiet il-multi għal ksur tar-regoli ta' kompetizzjoni hija inkompatibbli ma', u mingħajr ebda sens, mal-ġurisprudenza kostanti li l-aġir kontra l-kompetizzjoni ta' impriża tista' tiġi attribwita lil ħaddieħor meta ma ġiex stabbilit l-aġir tagħha fis-suq b'mod awtonomu, iżda applikat fl-essenzjal id-Direttivi maħruġa minn din ta' l-aħħar, fir-rigward b'mod partikolari tar-rabtiet ekonomiċi u ġuridiċi li jgħaqqduhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Novembru 2000, Metsä-Serla et vs Il-Kummissjoni, C‑294/98 P, Ġabra p. I‑10065, punt 27, u Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 71 supra, punt 117). Barra minn hekk, l-aġir ta' sussidjarja jista' jiġi attribwit lill-kumpannija prinċipali meta s-sussidjarja ma tistabbilixxix b'mod awtonomu l-linja tagħha ta' azzjoni fis-suq, iżda tapplika, għall-essenzjal, l-istruzzjonijiet li ngħatawlha mill-kumpannija prinċipali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Lulju 1972, ICI vs Il-Kummissjoni, 48/69, Ġabra p. 619, punt 133).

118   It-teżi tar-rikorrenti tirrendi inutli kull analiżi tar-relazzjoni fi ħdan grupp ta' kumpanniji sabiex jiġi stabbilit jekk din ta' l-aħħar tistax tikkostitwixxi impriża waħda għall-għanijiet ta' applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, peress li r-rikonoxximent tar-responsabbiltà ta' impriża membru ta' grupp ixxekkel, ipso facto, dik is-solidarjetà tal-kumpannija prinċipali li tirrappreżenta l-grupp, meta din teżisti, jew ta' impriżi oħrajn li jikkostitwixxi l-grupp. Dan hu, minn dan il-fatt, f'kontradizzjoni totali mal-prinċipju li l-pieni u s-sanzjonijiet għandhom jingħataw skond ir-reat u għalhekk impriża m'għandhiex tiġi ssanzjonata ħlief għall-fatti li hi tiġi akkużata bihom individwalment, prinċipju li hu applikabbli f'kull proċedura amministrattiva li tista' tagħti lok għal sanzjonijiet taħt ir-regoli tal-Komunità fuq il-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, T‑45/98 et T‑47/98, Ġabra p. II‑3757, punt 63, kkonfermata, fl-appell, mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Lulju 2005, ThyssenKrupp Stainless u ThyssenKrupp Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, C‑65/02 P et C‑73/02 P, li għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġabra, punt 82).

119   F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti żbaljat meta invokat is-sentenza HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 37 supra. Għalkemm, f'dik is-sentenza l-Qorti tal-Prim'Istanza effettivament ikkalkulat il-massimu ta' 10 % abbażi tal-fatturat akkumulat ta' tliet kumpanniji li jikkostitwixxu l-grupp in kwistjoni, hija wkoll iddeċidiet li hija valida d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li żżomm responsabbli kull kumpannija in solidum tal-ksur ikkonstatat fit-tmexxija tal-grupp li, minnu stess, jikkostitwixxi l-impriża li kienet ikkommettiet il-ksur fis-sens ta' l-Artikolu 81 KE (sentenza HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 37 supra, punt 527).

120   F'dawn iċ-ċirkustanzi, peress li AGA AB ma kinitx inizjalment ikkunsidrata responsabbli għall-aġir kontra l-kompetizzjoni tas-sussidjarja tagħha AGA Gas, il-fatturat biss ta' dan ta' l-aħħar għandu jittieħed in kunsiderazzjoni sabiex jiġi applikat il-massimu ta' 10 %, u dan independentement mill-fatt li d-Deċiżjoni finalment ġiet indirizzata lil AGA AB fil-kwalità tagħha ta' suċċessur fid-dritt tas-sussidjarja, li kienet waqfet li teżisti ġuridikament wara li ntbagħtet il-komunikazzjoni ta' l-ilmenti.

121   Għandu jitfakkar li, f'dan ir-rigward, huwa obbligu, fil-prinċipju tal-persuna fiżika jew morali li tmexxi l-impriża fil-mument meta l-ksur ikun ġie kommess, li tirrispondi għal dan, ukoll jekk, fil-ġurnata ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni li kkonstatat il-ksur, il-profitt ta' l-impriża kien mqiegħed taħt ir-responsabbiltà ta' persuna oħra (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Novembru 2000, Cascades vs Il-Kummissjoni, C‑279/98 P, Ġabra p. I‑9693, punt 78, u SCA Holding vs Il-Kummissjoni, punt 113 supra, punt 27). Dan ikun differenti biss meta l-persuni morali responsabbli tal-profitt ta' l-impriża jkunu waqfu li jeżistu legalment wara li l-ksur ikun ġie kommess (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 Lulju 1999, Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 145, u sentenza HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 37 supra, punt 104), li huwa l-każ f'din il-kawża.

122   Wara x-xoljiment ta' AGA Gas, il-kumpannija prinċipali, AGA AB, aċċettat li tassumi r-responsabbiltà tal-kumpannija sussidjarja tagħha preċedenti, u għalhekk il-penali li kellha tkun ta' GA Gas jekk din ta' l-aħħar kellha tkompli teżisti. F'din l-ipoteżi, l-ammont tal-multa ġie stabbilit skond il-parteċipazzjoni tagħha u s-sitwazzjoni ta' AGA Gas.

123   It-tielet nett, rigward il-fatt li l-fattur relattiv għall-kooperazzjoni ġie kkunsidrat mill-Kummissjoni wara applikazzjoni tal-limitu massimu ta' 10 %, biżżejjed jingħad li dan il-metodu jassigura li l-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tista' tipproduċi l-effett sħiħ tagħha: jekk l-ammont bażiku jkun ħafna iktar mil-limitu ta' 10 % qabel l-applikazzjoni ta' l-imsemmija komunikazzjoni mingħajr ma dan il-limitu jkun jista' jiġi applikat immedjatament, l-inċentiv għall-impriża kkonċernata biex tikkoopera mal-Kummissjoni jkun wisq iktar dgħajjef, ladarba l-multa finali terġa' tinġieb għal 10 % f'kull każ, bi jew mingħajr kooperazzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-29 ta' Novembru 2005, SNCZ vs Il-Kummissjoni, T‑52/02, li għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġabra, punt 41).

124   Isegwi li l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq trattament diskriminatorju relattiv għal dak irriżervat għal AGA Gas, kif ukoll għall-impriżi l-oħrajn involuti fil-kartell safejn dak li dan l-ilment ukoll wera t-trattament irriżervat lil dawn ta' l-aħħar, ma ġiex stabbilit.

–       Fuq l-allegata kontradizzjoni dwar l-għan ta' prevenzjoni

125   Ir-rikorrenti tallega li l-mod li bih il-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni tagħha, applikat il-massimu ta' 10 % wassal għal riżultat, f'dak li jikkonċerna l-ammont finali tal-multi, b'mod kompletament kontradittorju ma' l-għan ta' prevenzjoni. Hija tenfasizza li, safejn impriża relattivament żgħira li fiha l-attivitajiet huma essenzjalment nazzjonali, ġiet imposta fuqha multa ħafna akbar minn dik ta' sussidjarja Olandiża ta' grupp ta' impriżi li joperaw fuq livell dinji u li għandha fatturat akbar minn tagħha. Hija ssemmi, f'dan ir-rigward, il-fatturat dinji tal-kumpanniji prinċipali ta' Air Products (5 717 miljun USD) u ta' Air Liquide (8 328 miljun USD).

126   Hija żżid li l-fatt li ma jiġix applikat il-massimu ta' 10 % tal-fatturat totali tal-grupp li għalih tappartjeni s-sussidjarja li hija l-unika destinatarja tad-deċiżjoni li imponiet multa twassal għal sitwazzjoni li fiha l-ammont tal-multa jiddependi mill-mod kif impriża tqassam l-attivitajiet tagħha bejn diversi kumpanniji, peress li ġie osservat li numru sew ta' impriżi internazzjonali, fuq l-inizjattiva tal-kumpanniji ewlenin ta' Air Products u ta' Air liquide, jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom permezz ta' kumpanniji nazzjonali separati. Dan ikun kontra l-applikazzjoni oġġettiva ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tingħata tifsira arbitrarja lill-element ta' prevenzjoni.

127   Għandu mill-ewwel jiġi rilevat li r-rikorrenti tagħmel paragun li huwa għal kollox irrilevanti, billi hija tqabbel il-fatturat totali tagħha (470 648 000 EUR fl-2001) ma' dawk, effettivament ikbar minnha, miksuba minn impriżi li mhumiex miżmuma responsabbli għall-ksur irrilevat mill-Kummissjoni u għalhekk ma kinux destinatarji tad-Deċiżjoni.

128   Jidher li, fir-realtà, l-argumenti tar-rikorrenti huma bbażati fuq premessa żbaljata, jiġifieri l-bżonn li jiġi kkunsidrat, sabiex jiġi applikat il-massimu ta' 10 %, tal-fatturat totali tal-grupp li għaliha tappartjeni s-sussidjarja li hija biss responsabbli għall-ksur u li hija destinatarja ta' deċiżjoni li imponiet multi, kif ukoll intwera fil-punti 116 sa 118 aktar 'il fuq.

129   Kuntrarjament għad-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti, applikazzjoni tal-massimu ta' 10 % skond il-ġurisprudenza ma jagħmlux l-ammont tal-multa jiddependi mit-tqassim organiku minn operatur ta' l-attivitajiet differenti tiegħu. Il-mod kif jiġi stabbilit l-ammont tal-multa jistrieħ fuq evalwazzjoni ġuridika tal-Kummissjoni, suġġett għall-kontroll tal-Qorti tal-Prim'Istanza, jiġifieri dik li l-ksur jiġi attribwit lil impriża waħda jew diversi impriżi, ħaġa li tikkostitwixxi l-uniku kunċett li jaqbel mal-prinċipju ta' responsabbiltà personali. Il-kwistjoni ta' min ikkommetta l-ksur tirċievi risposta varja, skond iċ-ċirkustanzi proprji ta' kull kawża li fiha tqum din il-kwistjoni, li tista' tkun dik li l-unika responsabbli hija s-sussidjarja jew il-kumpannija prinċipali jew dik tar-responsabbiltà solidali ta' dawn iż-żewġ entitajiet.

130   Safejn ir-rikorrenti tallega li l-ammont finali tal-multa tagħha tmur kontra l-effett preventiv mixtieq, f'dak li huwa ogħla mill-ammonti tal-multi imposti fuq sussidjarji Olandiżi, li huma destinatarji tad-Deċiżjoni, ta' kumpanniji multinazzjonali li jqassmu l-gass, għandha tiġi mfakkra l-ġurisprudenza kostanti li tgħid li, fl-evalwazzjoni tal-livell ġenerali tal-multi, il-Kummissjoni hija ġġustifikata li tikkunsidra l-fatt li l-ksur manifest tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni għadhom relattivament frekwenti u li, għalhekk, huwa b'kull dritt tagħha li tgħolli l-livell tal-multi sabiex issaħħaħ l-effett preventiv tagħhom (sentenza ta' l-14 ta' Mejju 1998, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, punt 113 supra, punt 179).

131   F'dan ir-rigward, ir-raba' inċiż tal-punt 1 A, tal-linji gwida jipprovdu, b'mod partikolari, li huwa neċessarju, fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni tas-serjetà tal-ksur u ta' l-ammont inizjali tal-multa, "li tistabbilixxi l-ammont tal-multa għal livell li jassigura natura suffiċjentement preventiva".

132   F'dan il-każ, li jikkorrispondi għal tip ta' ksur klassiku tar-regoli tal-kompetizzjoni u ta' aġir li bih l-illegalità ġiet mistqarra mill-Kummissjoni diversi drabi u wara l-ewwel interventi tagħha fis-suġġett, huwa b'kull dritt li l-Kummissjoni tikkunsidra bħala neċessarju li tiffissa l-ammont tal-multa għal livell suffiċjentement preventiv fil-limiti ffissati mir-Regolament Nru 17.

133   Issa, kif ukoll ġie spjegat aktar 'il fuq, (punt 110), ir-rikorrenti ma wrietx li l-Kummissjoni, fir-rigward tagħha, ikkommettiet żball ta' evalwazzjoni f'dak li jikkonċerna l-massimu ta' 10 %, peress li ġie wkoll imfakkar li l-istituzzjoni hija obbligata, skond ir-Regolament Nru 17, li tapplika dan il-limitu.

134   Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha flimkien li saru qabel, li l-ilmenti mqajma mir-rikorrenti, ibbażati fuq ksur ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, ta' natura allegatament sproporzjonata, diskriminatorja u kuntrarja għall-għan ta' prevenzjoni tal-multa imposta, għandhom jiġu miċħuda peress li mhumiex fondati u li l-ammont finali tal-multa imposta lir-rikorrenti jidher li hu għal kollox adatt, peress li ebda ċirkustanza invokata minnha ma tiġġustifika tnaqqis ta' l-imsemmi ammont.

135   Rigward, fl-aħħar nett, il-ksur allegat tal-"prinċipju ta' projbizzjoni ta' l-arbitrarju", għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti tar-rikorrenti li jsostnu dan l-ilment ma jippermettux li jkun hemm distinzjoni, fis-sustanza, minn dak imsemmi fil-punt preċedenti, hekk li għandu wkoll jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

136   Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċedura sommarja, skond it-talbiet tal-Kummissjoni f'dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta' u tiddeċiedi :

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.

Vilaras

Dehousse

Šváby

Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-4 ta' Lulju 2006.

E. Coulon

 

      M. Vilaras

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.