Language of document : ECLI:EU:T:2006:211

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla)

13 ta' Lulju 2006 (*)

"Dumping – Importazzjonijiet ta' para-cresol li toriġina miċ-Ċina – Kalkolu tal-valur normali maħdum – Inklużjoni fil-kontijiet ta' l-ispejjeż ta' prodotti sussidjarji – Obbligu ta' eżami tal-Kummissjoni u tal-Kunsill"

Fil-kawża T‑413/03,

Shandong Reipu Biochemicals Co. Ltd, stabbilita f'Shandong (iċ-Ċina), irrappreżentata minn O. Prost, V. Avgoustidi u E. Berthelot, Avocats,

rikorrenti

vs

Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop, bħala aġent, assistit minn G. Berrisch, Avocat,

konvenut

sostnut minn

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrapreżentata minn T. Scharf u K. Talabér‑Ricz, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

u minn

Degussa Knottingley Ltd, stabbilita f'Londra (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn F. Renard, Avocat,

partijiet intervenjenti

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tar-Regolament (KE) Nru 1656/2003 tal-Kunsill, tal-11 ta' Settembru 2003, li jimponi dazju definittiv kontra d-dumping u ġbir definittiv ta' dazju provviżorju impost fuq importazzjoni ta' para-cresol li joriġina mir-Repubblika taċ-Ċina (ĠU L 234, p. 1),

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, M. E. Martins Ribeiro u K. Jürimäe, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta' Frar 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Kuntest ġuridiku

1       L-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 dwar protezzjoni kontra importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 1996, L 56, p. 1), fil-verżjoni tiegħu kif tirriżulta mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2238/2000 tad-9 ta' Ottubru 2000 (ĠU L 257, p. 2, iktar 'il quddiem ir-"Regolament bażiku"), jipprovdi:

"Prodott għandu jiġi kkunsidrat bħala mixtri taħt il-prezz [dumping] jekk il-prezz ta' l-esportazzjoni tiegħu għall-Komunità ikun inqas minn prezz paragonabbli għal prodott simili, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, kif stabbilit għall-pajjiż esportatur."

2       L-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku jipprovdi:

"Meta ma jkun hemm l-ebda bejgħ jew meta ma jkunx hemm biżżejjed bejgħ tal-prodott simili fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, [...] jew fejn, minħabba s-sitwazzjoni partikolari tas-suq bejgħ bħal dan ma jippermettix paragun xieraq, il-valur normali ta' prodott simili għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi ta' l-ispiża tal-produzzjoni fil-pajjiż ta' oriġini flimkien ma’ ammont raġonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi u għal profitti [...]"

3       L-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku jipprovdi kif ġej:

"L-ispejjeż għandhom normalment jiġu kkalkulati fuq il-bażi ta' records miżmuma mill-parti taħt investigazzjoni, sakemm records bħal dawn ikunu bi qbil mal-prinċipji tal-kontijiet ġeneralment aċċettati tal-pajjiż konċernat u sakemm ikun muri li r-records jirriflettu b'mod raġjonevoli l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott taħt konsiderazzjoni.

Għandha tingħata konsiderazzjoni lill-evidenza sottomessa dwar l-allokazzjoni xierqa ta' l-ispejjeż, sakemm ikun muri li allokazzjonijiet bħal dawn kienu ġew utilizzati storikament. Fin-nuqqas ta' metodu aktar xieraq, għandha tingħata preferenza għall-allokazzjoni ta' l-ispejjeż fuq il-bażi tal-fatturat. [...]"

4       L-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku jipprovdi:

"Fl-investigazzjonijiet ta' kontra d-dumping dwar importazzjonijiet mill-[...] ir-Repubblika [Popolari] taċ-Ċina [...], il-valur normali jkun stabbilit skond kif provdut fil-paragrafi 1 sa 6, jekk ikun jidher, [...] li l-kondizzjonijiet ta' l-ekonomija tas-suq jipprevalu għal dan il-produttur jew produtturi għar-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili konċernat [...]"

 Fatti li jwasslu għall-kawża

5       Ir-rikorrenti hija kumpannija Ċiniża produttriċi u esportattriċi ta' para-cresol.

6       Il-para-cresol huwa prodott kimiku tossiku, disponibbli fi gradi differenti ta' purezza li għandhom kollha l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi ta' bażi u l-istess utilizzazzjonijiet. Huwa użat fl-industrija bħala prodott intermedjarju għall-fabbrikazzjoni ta' prodotti oħra. Il-produzzjoni tiegħu, magħmul minn diversi prodotti kimiċi, jikkawża, in funzjoni tal-mod ta' manifattura użat, wieħed jew diversi prodotti sussidjarji. Fost dawn il-prodotti sussidjarji jidhru s-sodju bisulfat u kompost karboliku, huma wkoll użati fl-industrija.

7       Wara lment imressaq fit-13 ta' Mejju 2002 mill-kumpannija Degussa Knottingley Ltd (iktar 'il quddiem "DKL"), produttur uniku ta' para-cresol tal-Komunità, il-Kummissjoni bdiet proċedura ta' kontra d-dumping', skond l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku, dwar l-importazzjonijiet ta' para-cresol li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

8       L-avviż ta' tnedija ta' din il-proċedura ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropew tas-27 ta' Ġunju 2002 (ĠU C 153, p. 7, iktar 'il quddiem l-"avviż ta' tnedija").

9       B'facsimile tat-12 ta' Lulju 2002, ir-rikorrenti identifikat ruħha quddiem il-Kummissjoni, sabiex tiġi inkluża fil-kampjun ta' produtturi li jistgħu jiġu kkunsidrati, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

10     B'facsimile tas-16 ta' Lulju 2002, il-Kummissjoni, li kienet irrilevat li kwestjonarju komplut ta' kontra d-dumping intiż għall-produtturi u għall-esportaturi fil-Komunità (iktar 'il quddiem il-"kwestjonarju kontra d-dumping") kien fil-pussess tar-rikorrenti, indikat li dan il-kwestjonarju, mimli kollu, kellu jiġi ssottomess lilha sas-26 ta' Awwissu 2002.

11     B'facsimile ta' l-24 ta' Lulju 2002, il-Kummissjoni informat ir-rikorrenti li biss is-sezzjonijiet A (Informazzjoni ġenerali), B (Prodott ikkonċernat), C (Statistiċi operazzjonali), D (Bejgħ bl-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat lejn il-Komunità) u l-partijiet rilevanti (Bejgħ bl-esportazzjoni) tas-sezzjonijiet G (Aġġustamenti – Paragun ġust) u H (Informazzjoni teknoloġika) tal-kwestjonarju kontra d-dumping kellhom jiġu ssottomessi lilha sas-26 ta' Awwissu 2002. Il-Kummissjoni żiedet li jekk, wara li jiġu eżaminati, il-ħlas applikat għall-kumpanniji li joperaw f'kundizzjonijiet ta' ekonomija tas-suq, mitlub mir-rikorrenti, jiġi mogħti lilha, din ta' l-aħħar kellha wkoll, f'perijodu stipulat għal dan il-għan, timla' s-sezzjonijiet E, F u l-partijiet rilevanti (Bejgħ interjuri) tas-sezzjonijiet G u H ta' l-imsemmi kwestjonarju.

12     B'ittra tas-26 ta' Awwissu 2002, ir-rikorrenti ssottomettiet lill-Kummissjoni r-risposta tagħha għall-mistoqsijiet tas-sezzjonijiet A sa D tal-kwestjonarju kontra d-dumping. Hija indikat li ma kinitx setgħat, minħabba l-vaganzi tas-sajf, tiġbor l-elementi kollha relatati mas-sezzjoni G ta' l-imsemmi kwestjonarju u żiedet li hija ser tagħmel mill-aħjar tagħha biex tipprovdi din l-informazzjoni lill-Kummissjoni kemm jista' jkun malajr.

13     B'ittra tat-30 ta' Settembru 2002, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li l-ħlas applikat lill-kumpanniji li joperaw f'kundizzjonijiet ta' ekonomija tas-suq kienu ġew mogħtija lilha. Il-Kummissjoni indikat li kienet irċeviet ir-risposti tar-rikorrenti għall-mistoqsijiet A sa D tal-kwestjonarju kontra d-dumping u talbet ir-rikorrenti tissottometti r-risposti tagħha għall-mistoqsijiet E sa H ta' l-imsemmi kwestjonarju sat-8 ta' Novembru 2002. Il-Kummissjoni nnotat li r-rispett strett tal-perijodi stipulati ma kienx japplika biss għas-sottomissjoni tar-risposti għall-kwestjonarju kontra d-dumping, iżda wkoll għall-mistoqsijiet l-oħra kollha u għall-informazzjoni li r-rikorrenti tixtieq tissottometti lilha. Hija informat lir-rikorrenti li r-risposta tagħha għall-kwestjonarju hija l-bażi prinċipali li fuqha l-Kummissjoni tibbaża ruħha biex tistabbilixxi l-eżistenza ta' dumping eventwali u indikat li żjara ta' verifika fil-post ta' l-informazzjoni pprovduta tkun effettwata minn funzjonarji tal-Kummissjoni.

14     B'ittra ta' l-1 ta' Ottubru 2002, ir-rikorrenti informat lill-Kummissjoni li hija kellha tagħmel ċerti korrezzjonijiet għall-informazzjoni pprovduta fir-risposta tagħha tas-26 ta' Awwissu 2002 għall-kwestjonarju kontra d-dumping u hija annettiet ma' l-ittra tagħha diversi dokumenti li jikkontjenu dawn il-korrezzjonijiet.

15     B'facsimile tat-2 ta' Ottubru 2002, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li r-risposti mogħtija f'ċerti partijiet tas-sezzjonijiet A, C u D tal-kwestjonarju kontra d-dumping kienu inkompluti u talbet ir-rikorrenti li tissottomettilha l-informazzjoni nieqsa sas-16 ta' Ottubru 2002.

16     B'facsimile tas-16 ta' Ottubru 2002, ir-rikorrenti rrispondiet għal din it-talba.

17     Fit-8 ta' Novembru 2002, ir-rikorrenti ssottomettiet lill-Kummissjoni r-risposti tagħha għall-mistoqsijiet tas-sezzjonijiet E, F, G u H tal-kwestjonarju kontra d-dumping.

18     B'facsimile tal-15 ta' Novembru 2002, il-Kummissjoni kkonfermat li verifika fil-post kienet ser titwettaq u talbet ir-rikorrenti li l-elementi ta' informazzjoni kollha użati biex tipprepara r-risposta għall-kwestjonarju kontra d-dumping, kif ukoll li l-membri kollha tal-persunal tar-rikorrenti li kienu pparteċipaw f'din il-preparazzjoni jew li kienu involuti fil-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat, fil-bejgħ tagħha jew fil-kontabbiltà, ikunu disponibbli matul din il-verifika. Il-Kummissjoni żiedet li jekk ir-rikorrenti kellha tiskopri, matul il-preparazzjoni ta' din iż-żjara, żbalji fir-risposti tagħha għall-kwestjonarju kontra d-dumping, hija kellha tipprovdi lill-Kummissjoni l-informazzjoni korretta, billi turi ċarament l-iżball u l-kawża tagħha.

19     B'facsimile tat-18 ta' Novembru 2002, ir-rikorrenti informat lill-Kummissjoni li xi wħud mir-risposti mogħtija f'ċerti partijiet tas-sezzjonijiet E, F u G tal-kwestjonarju kontra d-dumping, sottomessi ma' dan ta' l-aħħar fit-8 ta' Novembru 2002, kienu żbaljati jew inkompluti u pprovdiet l-informazzjoni korretta. Hija, b'mod partikolari, indikat l-ammonti totali ta' l-ispejjeż ta' manifattura (total manufacturing costs) u l-ispejjeż ta' produzzjoni (total costs of production) tal-para-cresol, informazzjoni li għaliha l-kaxxi rilevanti tal-formularju kontra d-dumping ma kinux ġew mimlija fir-risposti sottomessi fit-8 ta' Novembru 2002. Ir-rikorrenti indikat li dawn l-ammonti inkludew it-tnaqqis ta' l-ispejjeż ta' manifattura u ta' produzzjoni tal-prodotti sussidjarji u pprovdiet l-ammonti ta' dawn l-ispejjeż.

20     Fil-25 u fis-26 ta' Novembru 2002, il-funzjonarji tal-Kummissjoni pproċedew għal żjara ta' verifika fil-post.

21     Fl-20 ta' Marzu 2003, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 510/2003 li jistabbilixxi d-dazji kontra d-dumping provviżorji fuq l-importazzjonijiet ta' para-cresol li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 75, p. 12, iktar 'il quddiem ir-"Regolament provviżorju"). Il-premessa 25 ta' dan ir-Regolament, dwar l-iffissar tal-valur normali applikabbli għall-produtturi/esportaturi li kkooperaw u li jibbenefikaw mill-istatus ta' kumpannija li topera f'kundizzjonijiet ta' ekonomija tas-suq, indikat li dan "[...] il-valur normali kellu jiġi maħdum skond l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku". [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

22     B'ittra tal-21 ta' Marzu 2003, il-Kummissjoni ssottomettiet lir-rikorrenti, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 14(2) tar-Regolament bażiku, kopja tar-Regolament provviżorju, kif ukoll, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 20(1) tar-Regolament bażiku, dokument intitolat "Parti II – Spjegazzjoni tad-dumping" (Part II – Explanation of dumping), li jinkludi informazzjoni fuq id-dettalji li huma l-bażi tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom id-dazji kontra d-dumping provviżorji ġew imposti (iktar 'il quddiem id-"dokument ta' informazzjoni intermedja"). Il-Kummissjoni stiednet lir-rikorrenti tissottomettilha l-kummentarji tagħha eventwali fuq dawn id-dokumenti sat-22 ta' April 2003.

23     L-aħħar inċiż tal-punt 1.1.1 tad-dokument ta' informazzjoni intermedja rrefera għal Anness I li għandu tabella korretta ta' l-ammonti totali ta' l-ispejjeż totali ta' manifattura (total manufacturing costs) tal-para-cresol. Bl-eċċezzjoni ta' modifiki li jirriżultaw minn analiżi differenti ta' l-ispejjeż ta' l-enerġija u tal-kalkolu ta' l-ispejjeż tal-kiri, l-ammonti indikati kienu dawk ipprovduti mir-rikorrenti fit-8 ta' Novembru 2002.

24     B'facsimile tat-22 ta' April 2003, ir-rikorrenti ssottomettiet lill-Kummissjoni l-kummentarji tagħha fuq ir-Regolament provviżorju u d-dokument ta' informazzjoni intermedja. Fl-ewwel parti ta' dawn il-kummentarji, ir-rikorrenti qajmet il-prodotti sussidjarji ta' manifattura tal-para-cresol, il-fatt li l-Kummissjoni ma kkunsidratx l-ispejjeż ta' produzzjoni tagħhom fit-tnaqqis ta' l-ispiża totali ta' produzzjoni tal-para-cresol u n-neċessità, skond ir-rikorrenti, li topera tali tnaqqis. Ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni li tieħu in kunsiderazzjoni dawn il-kummentarji u li tissepara l-ispejjeż ta' produzzjoni tal-prodotti sussidjarji minn dawk tal-para-cresol.

25     Fid-19 ta' Mejju 2003, inżammet laqgħa bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni fis-sede tal-Kummissjoni.

26     B'facsimile tas-26 ta' Mejju 2003, ir-rikorrenti, li tirreferi għal din il-laqgħa, issottomettiet lill-Kummissjoni informazzjoni addizzjonali dwar it-tnaqqis ta' l-ispejjeż tal-prodotti sussidjarji.

27     B'ittra tal-11 ta' Lulju 2003, il-Kummissjoni ssottomettiet lir-rikorrenti, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 20(2) sa (4) tar-Regolament bażiku, dokument ta' informazzjoni finali (general disclosure document) fuq il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li jiġġustifikaw il-Propożizzjoni li jiġu imposti dazji kontra d-dumping definittivi (iktar 'il quddiem id-"dokument ta' informazzjoni finali"), li jinkludi parti, intitolata "Parti II - Spjegazzjoni tad-dumping" (Part II – Explanation of dumping), relatat ma' kummentarji mressqa mill-partijiet wara l-adozzjoni tar-Regolament provviżorju. Il-Kummissjoni stiednet ir-rikorrenti tissottomettilha l-kummentarji tagħha fuq id-dokument ta' informazzjoni finali sat-23 ta' Lulju 2003.

28     Fl-inċiż 5 tal-punt 3.1 tad-dokument ta' informazzjoni finali u fil-punt 1.1 tal-parti ta' l-imsemmi dokument dwar kummentarji mressqa mill-partijiet, il-Kummissjoni rreferiet għat-talba tar-rikorrenti li tirrigwarda t-tnaqqis ta' l-ispejjeż ta' produzzjoni tal-prodotti sussidjarji. Il-Kummissjoni indikat li kienet ċaħdet din it-talba minħabba li hija ma kinitx ikkorroborata bi provi dokumentati u li d-dokumenti miksuba matul il-verifika fil-post indikaw li l-ispejjeż diretti kienu diġà affettwati fuq diversi prodotti, li jikkorrispondi għar-risposta inizjali għall-kwestjonarju kontra d-dumping.

29     It-tabella ta' l-ammonti totali ta' l-ispejjeż ta' manifattura (total manufacturing costs) tal-para-cresol, li tidher fl-Anness I tal-parti tad-dokument ta' informazzjoni finali relatata mal-kummentarji mressqa mill-partijiet, inkludiet, fil-kolonna tagħha intitolata "TOTAL PC", l-istess kwantitajiet bħal dawk applikati mill-Kummissjoni fit-tabella annessa mad-dokument ta' informazzjoni intermedja u msemmija fil-punt 23 iktar 'il fuq.

30     Fit-22 ta' Lulju 2003, inżammet laqgħa bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni fis-sede tal-Kummissjoni.

31     B'facsimile tat-23 ta' Lulju, kompluta b'facsimile tal-25 ta' Lulju 2003, ir-rikorrenti ssottomettiet lill-Kummissjoni l-kummentarji tagħha fuq id-dokument ta' informazzjoni finali kif ukoll ċerti dokumenti.

32     Fl-ewwel parti tal-kummentarji tagħha fformulati fil-facsimile tat-23 ta' Lulju 2003, ir-rikorrenti reġgħet tenniet in-nuqqas ta' tnaqqis mill-Kummissjoni, fid-dokument ta' informazzjoni finali, ta' l-ispejjeż ta' prodotti sussidjarji u fuq in-neċessità li tipproċedi għal dan it-tnaqqis.

33     Fit-18 ta' Awwissu 2003, il-Kummissjoni adottat u rrendiet pubblika l-Propożizzjoni tagħha tar-Regolament tal-Kunsill li tistabbilixxi dazju definittiv kontra d-dumping u li tirrigwarda ġbir definittiv tad-dazju provviżorju stabbilit fuq l-importazzjonijiet ta' para-cresol li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina [COM(2003) 505 finali, iktar 'il quddiem il-"Propożizzjoni ta' Regolament definittiv"].

34     B'facsimile tal-25 ta' Awwissu 2003, il-Kummissjoni rrispondiet għall-kummentarji tar-rikorrenti, tat-23 u tal-25 ta' Lulju 2003, fuq id-dokument ta' informazzjoni finali. Fir-rigward tal-kwistjoni tat-tnaqqis ta' l-ispejjeż tal-prodotti sussidjarji, il-Kummissjoni rrispondiet li l-informazzjoni mogħtija mir-rikorrenti fit-18 ta' Novembru 2002 kienet ingħatat wara d-data ta' skadenza stabbilita għas-sottomissjoni lill-Kummissjoni tar-risposti għall-kwestjonarju kontra d-dumping u ġurnata biss qabel it-tluq tat-tim tal-Kummissjoni għall-żjara ta' verifika, li din l-informazzjoni kienet insuffiċjentement iġġustifikata u kkontradetta bl-informazzjoni mogħtija mir-rikorrenti waqt il-verifika fil-post. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni indikat li t-talba għal tnaqqis ta' l-ispejjeż ta' produzzjoni tal-prodotti sussidjarji kienet saret wara l-informazzjoni intermedja tal-21 ta' Marzu 2003, għalhekk wara ż-żjara ta' verifika, u, għaldaqstant, li l-informazzjoni sottomessa fl-Anness II ta' l-aħħar sottomissjoni tar-rikorrenti, tal-25 ta' Lulju 2003, ma setgħatx iktar tiġi vverifikata u li d-dħul fuq il-bejgħ tal-prodotti sussidjarji ma setax jiġi mnaqqas mill-ispejjeż ta' produzzjoni tal-prodott ikkonċernat.

35     B'facsimile tad-29 ta' Awwissu 2003, ir-rikorrenti rrispondiet għall-facsimile tal-Kummissjoni, tal-25 ta' Awwissu 2003.

36     Fil-11 ta' Settembru 2003, il-Kunsill adotta r-Regolament nru 1656/2003 tal-Kunsill, tal-11 ta’ Settembru 2003, li jimponi dazju definittiv kontra d-dumping u ġbir definittiv ta’ dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ para-cresol li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 234, p. 1, iktar 'il quddiem ir-"Regolament ikkontestat"). Il-premessa 12 tar-Regolament ikkontestat, identika għall-premessa 12 tal-Propożizzjoni ta' Regolament definittiv, jipprovdi kif ġej:

"[Ir-rikorrenti] talbet li l-ispiża tal-produzzjoni ta' żewġ prodotti oħra għandhom jitnaqqsu mill-ispiża totali tal-produzzjoni għaliex huma jirriżultaw mill-istess proċess ta' produzzjoni u jinbiegħu separatament. [Ir-rikorrenti] ma ssostanzjatx din it-talba b'evidenza dokumentata. Fil-fatt, id-dokumenti miġbura fil-post indikaw li l-ispejjeż diretti kienu diġà allokati fil-prodotti differenti li kienu konformi mat-tweġiba inizjali tal-kwestjonarju. [It-talba kellha għalhekk tiġi miċħuda.]"

 Proċedura u talbiet tal-partijiet

37     B'att ippreżentat fir-registru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-15 ta' Diċembru 2003, ir-rikorrenti resqet il-preżenti rikors.

38     B'att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-2 ta' April 2004, il-Kummissjoni talbet biex tintervjeni in sostenn tat-talbiet tal-Kunsill. B'digriet tas-16 ta' Ġunju 2004, il-President tar-Raba' Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza laqa' dan l-intervent. B'ittra ta' l-24 ta' Awwissu 2004, il-Kummissjoni informat lill-Qorti tal-Prim'Istanza li hija rrinunzjat milli tippreżenta sottomissjonijiet ta' l-intervent, iżda li hija għandha tipparteċipa fis-seduta.

39     B'att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-7 ta' Mejju 2004, DKL talbet biex tintervjeni in sostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

40     B'atti separati ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-8 ta' Lulju 2004, ir-rikorrenti ressqet oppożizzjoni għat-talba ta' intervent ta' DKL u talbet, sussidjarjament, it-trattament kunfidenzjali fir-rigward ta' DKL ta' ċerti partijiet tar-rikors, tar-risposta u tar-replika. B'att ta' l-istess ġurnata, il-Kunsill talab it-trattament kunfidenzjali ta' ċerti elementi ta' l-inkartament fir-rigward ta' DKL, billi ppreċiżat li din it-talba ġiet magħmula bi qbil mar-rikorrenti u kkorrispondiet fil-parti l-kbira tagħha, għat-talba ta' trattament kunfidenzjali ppreżentata minn din ta' l-aħħar.

41     Billi l-kompożizzjoni ta' l-Awli tal-Qorti tal-Prim'Istanza nbidlet mit-13 ta' Settembru 2004, l-Imħallef Relatur ġie assenjat, fil-kwalità ta' President, lill-Ħames Awla, li lilha, għaldaqstant, din il-kawża ġiet assenjata.

42     Permezz ta' digriet tal-11 ta' Novembru 2004, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza laqa' t-talba ta' DKI sabiex tintervjeni. Billi dan l-intervent kien ġie milqugħ b'applikazjoni ta' l-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, dwar talbiet għal interventi li kienu saru tard, il-President tal-Ħames Awla ma ddeċidiex fuq it-talbiet ta' trattament kunfidenzjali, iżda indika li dawn it-talbiet għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni, jekk neċessarju, fil-formulazzjoni tas-seduta u tas-sentenza li kellha tingħata.

43     Ir-rikorrenti talbet lill-Qorti tal-Prim'Istanza tordna, bħala miżura ta' organizzazzjoni tal-proċedura, il-preżentata mill-Kummissjoni tal-kalkoli li jiġġustifikaw l-evalwazzjoni minnha tad-dannu subit mill-industrija Komunitarja.

44     Ir-rikorrenti titlob il-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

–       tannulla r-Regolament ikkontestat;

–       tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

45     Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni u minn DKL, jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

46     Ir-rikorrenti ssostni tliet motivi in sostenn tar-rikors tagħha għal annullament. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta' l-obbligu li jiġi stabbilit il-valur normali b'mod appropjat u raġonevoli u ta' l-obbligu ta' diliġenza. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba u tad-drittijiet tad-difiża. It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-fatt li, bi ksur ta' l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, il-valur normali kkalkulat mhuwiex biss dak tal-prodott simili.

47     Għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, l-ewwel motiv.

 L-argumenti tal-partijiet

48     Ir-rikorrenti tiddikjara li hija pprovdiet l-informazzjoni kollha mitluba fil-ħin u tikkontesta li l-informazzjoni dwar it-tnaqqis ta' l-ispiża ta' produzzjoni tal-prodotti sussidjarji kienet ġiet ipprovduta wara l-verifika fil-post. Hija tissottometti, sussidjarjament, li skond il-ġurisprudenza Komunitarja u tal-korpi ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), il-Kummissjoni tista' tieħu in kunsiderazzjoni r-risposti li kienu saru tard bil-kundizzjoni li ma tippreġudikax id-drittijiet proċedurali tal-partijiet l-oħra u ma ttawwalx bla bżonn il-proċedura.

49     Barra minn hekk, il-Kunsill kien naqas mill-obbligu tiegħu ta' premura u ta' diliġenza. Joħroġ mill-ġurisprudenza, minn naħa, li meta fatt dwar l-iffissar tal-valur normali, ikkomunikat lill-awtoritajiet matul l-investigazzjoni, huwa biżżejjed biex joħloq dubju dwar in-natura approprjata tal-metodoloġija adottata mill-awtorità, din ta' l-aħħar għandha teżamina b'mod iddettaljat il-propożizzjoni magħmula mill-parti kkonċernata u, min-naħa l-oħra, li jekk parti għandha tikkonforma ruħha, għar-risposti lill-mistoqsijiet, mal-forma imposta mill-Kummissjoni u tipprovdi l-ispjegazzjonijiet adegwati fil-każ kuntrarju, hija l-Kummissjoni li għandha tirrispetta l-obbligu tagħha ta' premura jew ta' diliġenza billi tinterpreta korrettament l-informazzjoni mogħtija minn din il-parti. Ir-rikorrenti tirreferi, b'mod partikolari, għas-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-18 ta' Settembru 1995, Nölle vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni (T‑167/94, Ġabra p. II‑2589), ta' l-24 ta' Ottubru 2000, Fresh Marine vs Il-Kummissjoni (T‑178/98, Ġabra p. II‑3331), u tat-8 ta' Lulju 2003, Euroalliages et vs Il-Kummissjoni (T‑132/01, Ġabra p. II‑2359).

50     Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni ma kellhiex tinjora r-regola kontra d-dumping li skondha l-ispejjeż tal-prodotti sussidjarji m'għandhomx jiġu meħuda in kunsiderazzjoni, iżda għall-kuntrarju mnaqqsa. Issa, il-Kummissjoni baqgħet totalment magħluqa għad-diversi sforzi magħmula mir-rikorrenti biex tikkoreġi l-iżball magħmul minn din l-istituzzjoni f'dan ir-rigward.

51     Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tirreferi għall-Artikolu 6(8) tar-Regolament bażiku. Din id-dispożizzjoni timponi fuq il-Kummissjoni obbligu ta' prudenza importanti, li joħroġ mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta' protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża. Peress li l-Kummissjoni ma sabitx ruħha, skond ir-rikorrenti, wiċċ imb'wiċċ ma' esportatur li jirrifjuta li jikkoopera, hija ma kellhiex tapplika r-regola ta' data disponibbli (li tidher fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku), iżda hija kellha tieħu l-miżuri neċessarji, matul it-tul ta' l-investigazzjoni kollha, biex teżamina mill-aħjar li tista' l-provi kollha ssottomessi u kellha tbiddel il-format tal-kwestjonarju u l-verifika li huwa jirrikjedi biex tadattah mal-prodott speċifiku li huwa s-suġġett ta' l-investigazzjoni. Ir-rikorrenti tinvoka wkoll l-Artikolu 18(3) tar-Regolament bażiku, billi ssostni li, f'kull każ, l-informazzjoni pprovduta, f'dan il-każ, lill-Kummissjoni ma kinitx nieqsa mill-kwalità.

52     Ir-rikorrenti tagħti d-dettalji fuq din l-informazzjoni, tikkontesta li din kienet żbaljata jew insuffiċjenti u ssostni li hija l-Kummissjoni li ma kinitx evalwatha korrettament. B'mod partikolari, hija ssostni li t-talba tagħha tat-8 ta' Novembru 2002, hekk kif korretta fit-18 ta' Novembru 2002, irrigwardat ċarament it-tnaqqis ta' l-ispejjeż tal-prodotti sussidjarji. Hija ssostni li, matul l-żjara ta' verifika, ittrattat din il-kwistjoni u ppreżentat lill-Kummissjoni diversi dokumenti probatorji, b'mod partikolari l-kontijiet ta' bejgħ tal-prodotti sussidjarji. Wara r-Regolament provviżorju, hija ppruvat, bla ma rnexxielha, tispjega mill-ġdid lill-Kummissjoni l-kwistjoni tal-prodotti sussidjarji u ssottomettitilha dokumenti supplementari.

53     Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni u DKL, jiddikjara li r-rikorrenti ma ppreżentatx l-informazzjoni kollha fuq iż-żewġ prodotti sussidjarji ta' manifattura tal-para-cresol fiż-żmien mixtieq. Il-ġurisprudenza mqajma mir-rikorrenti f'dan ir-rigward ikkunsidrat biss il-kwistjoni ta' jekk il-Kummissjoni tistax taċċetta l-informazzjoni pprovduta wara li skada t-terminu. Fir-rigward tar-riferimenti għal ċerti deċiżjonijiet tal-WTO, ir-rikorrenti ma tispjega la l-konklużjonijiet li għandhom joħorġu minnhom u lanqas ir-rilevanza tagħhom. Dawn id-deċiżjonijiet, li ma jorbtux l-imħallef Komunitarju, jikkonfortaw, f'kull każ, il-pożizzjoni tal-Kunsill.

54     Fir-rigward tal-ksur allegat ta' l-obbligu ta' diliġenza, is-sentenzi mqajma mir-rikorrenti ma jelaborawx it-teżi tagħha, billi l-Kummissjoni u l-Kunsill rrispettaw l-obbligi kollha ta' proċedura li joħorġu minn dawn is-sentenzi.

55     B'hekk, l-ewwel nett, dan il-każ ma jirrigwardax il-fatt dwar jekk l-istituzzjonijiet ma ħadux in kunsiderazzjoni r-regola kontra d-dumping li skondha l-ispejjeż tal-prodotti sussidjarji m'għandhomx jittieħdu in kunsiderazzjoni, iżda dwar jekk ir-rikorrenti spjegatx b'mod appropjat li l-ispejjeż ta' produzzjoni tal-para-cresol indikati fir-risposta tat-8 ta' Novembru 2002 inkludew l-ispejjeż tal-prodotti sussidjarji.

56     It-tieni nett, il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni l-informazzjoni dwar il-prodotti sussidjarji pprovduta mir-rikorrenti fl-ittri tagħha tat-8 u 18 ta' Novembru 2002 kif ukoll matul iż-żjara ta' verifika. Skond il-Kunsill, billi r-rikorrenti kkonfermat, matul din iż-żjara, li l-ispejjeż tal-prodotti sussidjarji kienu effettwati separatament, u dan joħroġ mid-dokumenti miksuba fil-post, il-Kummissjoni kkonkludiet li dawn l-ispejjeż ma setgħux jiġu inklużi fl-ispejjeż ta' produzzjoni tal-para-cresol. Ir-riżultat seta' kien differenti kieku r-rikorrenti spjegat f'dak il-mument li l-ispejjeż ta' produzzjoni tal-prodotti sussidjarji ma kinux effettwati separatament u direttament u li l-ammont ta' [kunfidenzjali](1) yuan Ċiniż (CNY) kien il-valur tal-bejgħ (hekk kif ir-rikorrenti ddikjarat wara l-informazzjoni provviżorja).

57     It-tielet nett, l-informazzjoni pprovduta wara ż-żjara ta' verifika ma ġietx aċċettata billi ma setgħatx tiġi vverifikata. Xejn fil-ġurisprudenza mqajma mir-rikorrenti ma jagħti x'jifhem li l-istituzzjonijiet għandhom jaċċettaw l-informazzjoni mhux aċċertabbli pprovduta wara l-iskadenza tat-termini, u b'mod partikolari wara ż-żjara ta' verifika.

58     Fil-kontroreplika, il-Kunsill ippreċiża li r-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni ma aċċettatx it-tnaqqis ta' l-ispejjeż ta' prodotti sussidjarji kienu, l-ewwel nett, li r-risposta għall-kwestjonarju kontra d-dumping kienet inkompluta, it-tieni nett, li matul iż-żjara ta' verifika, ir-rikorrenti ma spjegatx mill-ġdid il-problema u lanqas ma wriet il-kontijiet u, fit-tielet lok, li l-informazzjoni l-oħra ppreżentata matul is-seduti wara ż-żjara ta' verifika kienet f'kontradizzjoni ma' l-informazzjoni preċedentement ippreżentata u ma setgħatx tiġi vverifikata fit-termini regolamentari stabbiliti fir-Regolament bażiku. Barra minn hekk, l-ebda mil-lingwi mitkelma fiċ-Ċina mhija lingwa uffiċjali Komunitarja u hija l-Kummissjoni li għandha tittraduċi miċ-Ċiniż f'lingwa Komunitarja d-dokumenti ppreżentati minn esportatur in sostenn għal talba ta' riduzzjoni ta' l-ispejjeż tiegħu ta' produzzjoni.

59     Ir-rikorrenti, kuntrarjament għal dak li hija tallega, ma kkooperatx b'mod tajjeb mal-Kummissjoni. Hija l-kwalità ta' l-informazzjoni pprovduta u mhux il-volum tagħha li huwa determinanti. Il-Kunsill iżid li l-Kummissjoni vverifikat, sa fejn kien possibbli, l-eżattezza ta' l-elementi ta' prova, u dan bid-diliġenza meħtieġa. Ma kienx possibbli, mingħajr it-tieni żjara ta' verifika, li jiġu eżaminati l-elementi ġodda ppreżentati, li kienu f'kontradizzjoni ma' l-informazzjoni preċedenti.

60     Fir-rigward tar-riferiment operat mir-rikorrenti għad-drittijiet tad-difiża, il-Kunsill jikkunsidra li l-Kummissjoni bl-ebda mod ma kisret id-drittijiet tad-difiża. Il-Kummissjoni tat lir-rikorrenti diversi okkażjonijiet li tagħti l-perspettiva tagħha. Hija pjuttost ir-rikorrenti, li, billi pprovdiet informazzjoni tard, kontradittorja u inkompluta, eżerċitat ħażin id-drittijiet tagħha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

61     Joħroġ mill-ġurisprudenza li, fil-kuntest tal-miżuri ta' difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet Komunitarji jiddisponu minn setgħa wiesgħa ta' evalwazzjoni minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma għandhom jeżaminaw (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Mejju 1987, NTN Toyo Bearing et vs Il-Kunsill, 240/84, Ġabra p. 1809, punt 19; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-29 ta' Jannar 1998, Sinochem vs Il-Kunsill, T‑97/95, Ġabra p. II‑85, punt 51; tas-17 ta' Lulju 1998, Thai Bicycle Industry vs Il-Kunsill, T‑118/96, Ġabra p. II‑2991, punt 32; ta' l-4 ta' Lulju 2002, Arne Mathisen vs Il-Kunsill, T‑340/99, Ġabra p. II‑2905, punt 53, u tat-28 ta' Ottubru 2004, Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, T‑35/01, li għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 48).

62     Isegwi li l-kontroll ta' l-imħallef Komunitarju fuq l-evalwazzjonijiet ta' l-istituzzjonijiet għandu jiġi limitat għall-verifika tar-rispett tar-regoli ta' proċedura, ta' l-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati biex tiġi operata l-għażla kkontestata, tan-nuqqas ta' żball manifest fl-evalwazzjoni ta' dawn il-fatti, jew tan-nuqqas ta' abbuż ta' poter (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja NTN Toyo Bearing et vs Il-Kunsill, punt 61 iktar 'il fuq, punt 19, u tat-22 ta' Ottubru 1991, Nölle, C‑16/90, Ġabra p. I‑5163, punt 12; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-28 ta' Settembru 1995, Ferchimex vs Il-Kunsill, T‑164/94, Ġabra p. II‑2681, punt 67; Thai Bicycle Industry vs Il-Kunsill, punt 61 iktar 'il fuq, punt 33; Arne Mathisen vs Il-Kunsill, punt 61 iktar 'il fuq, punt 54, u Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, punt 61 iktar 'il fuq, punt 49).

63     Madankollu, għandu jiġi mfakkar li, billi l-istituzzjonijiet Komunitarji jiddisponu minn setgħa wiesgħa ta' evalwazzjoni, ir-rispett tal-garanziji kkonferiti mill-ordninament ġuridiku Komunitarju fil-proċeduri amministrattivi għandu importanza iktar fundamentali u li, fost dawn il-garanziji, jidhru, b'mod partikolari, l-obbligu, għall-istituzzjoni kompetenti, li teżamina, b'attenzjoni u imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti ta' dan il-każ, id-dritt ta' min qed jiġi investigat li jagħti l-perspettiva tiegħu kif ukoll il-motivazzjoni tad-deċiżjoni b'mod suffiċjenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra p. I‑5469, punt 14, u s-sentenza Nölle vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, punt 49 iktar 'il fuq, punt 73).

64     F'dan il-kuntest, jekk, fil-qasam tal-miżuri ta' difiża kummerċjali u, b'mod partikolari, tal-miżuri kontra d-dumping, l-imħallef Komunitarju ma jistax jintervjeni fl-evalwazzjoni rriżervata għall-awtoritajiet Komunitarji, huwa għandu madankollu jassigura ruħu li l-istituzzjonijiet ikunu ħadu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti u li huma evalwaw l-elementi ta' l-inkartament bid-diliġenza kollha meħtieġa sabiex ikun jista' jiġi kkunsidrat li l-valur normali maħdum ġie stabbilit b'mod raġonevoli (sentenza Nölle, punt 62 iktar 'il fuq, punt 13; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza Ferchimex vs Il-Kunsill, punt 62 iktar 'il fuq, punt 67; tat-12 ta' Ottubru 1999, Acme vs Il-Kunsill, T‑48/96, Ġabra p. II‑3089, punt 39, u Fresh Marine vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar 'il fuq, punti 73 sa 82). F'dan ir-rigward, jirriżulta ċarament mit-terminoloġija ta' l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku li kull waħda mill-metodi ta' kalkolu tal-valur normali maħdum li huma nnumerati fih għandha tiġi applikata b'mod li tikkonserva natura raġonevoli għal dan il-kalkolu, kunċett li jidher, barra minn hekk, espressament f'dan il-paragrafu 3 (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Mejju 1991, Nakajima vs Il-Kunsill, C‑69/89, Ġabra p. I‑2069, punt 35, u s-sentenza Acme vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, punt 37).

65     Il-Qorti tal-Prim'Istanza tirrileva, barra minn hekk, li għalkemm, fil-kuntest tar-Regolament bażiku, hija l-Kummissjoni, bħala awtorità investigatriċi, li tistabbilixxi jekk il-prodott ikkonċernat bil-proċedura kontra d-dumping huwiex is-suġġett ta' dumping u li jikkawża ħsara jekk jitħalla għal ċirkulazzjoni ħielsa fil-Komunità, u jekk mhijiex għaldaqstant din l-istituzzjoni, f'dan il-kuntest, li għandha tittrasferixxi fuq parti l-oneru tal-prova li għandha f'dan ir-rigward (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Diċembru 1997, EFMA vs Il-Kunsill, T-121/95, Ġabra p. II-2391, punt 74, u Acme vs Il-Kunsill, punt 64 iktar 'il fuq, punt 40), jibqa' l-fatt li r-Regolament bażiku ma jikkonferixxi lill-Kummissjoni l-ebda setgħa ta' investigazzjoni li tippermettilha ġġiegħel il-produtturi jew l-esportaturi kkonċernati b'ilment jipparteċipaw fl-investigazzjoni jew jagħtu xi informazzjoni. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill u l-Kummissjoni jiddependu mill-kooperazzjoni volontarja tal-partijiet biex jipprovdulhom l-informazzjoni neċessarja fit-termini stipulati. F'dan il-kuntest, ir-risposti ta' dawn il-partijiet għall-kwestjonarju previst fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament bażiku, kif ukoll tal-verifika posterjuri li l-Kummissjoni tista' tipproċedi għaliha fil-post, prevista fl-Artikolu 16 ta' l-istess Regolament, huma essenzjali għat-tmexxija tal-proċedura kontra d-dumping. Ir-riskju li, fil-każ ta' nuqqas ta' kooperazzjoni ta' l-impriżi kkonċernati bl-investigazzjoni, l-istituzzjonijiet jieħdu in kunsiderazzjoni data differenti minn dik ipprovduta bħala risposta għall-kwestjonarju huwa inerenti għall-proċedura kontra d-dumping u għandu l-għan li jinkuraġixxi l-kooperazzjoni leali u diliġenti ta' dawn l-impriżi (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza Acme vs Il-Kunsill, punt 64 iktar 'il fuq, punti 42 sa 44, u tat-28 ta' Ottubru 1999, EFMA vs Il-Kunsill, T‑210/95, Ġabra p. II‑3291, punt 71).

66     Barra minn hekk, joħroġ mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li għandhom, biex jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku dwar l-informazzjoni tal-partijiet kkonċernati, jittieħdu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, l-eżiġenzi li joħorġu mir-rispett tad-drittijiet tad-difiża. Fil-fatt, dawn l-eżiġenzi huma imposti mhux biss fil-kuntest ta' proċeduri li jistgħu jinvolvu sanzjonijiet, iżda wkoll fil-proċeduri ta' investigazzjoni li jippreċedu l-adozzjoni ta' Regolamenti kontra d-dumping, li jistgħu jaffettwaw l-impriżi kkonċernati b'mod dirett u individwali u jinkludu għalihom konsegwenzi sfavorevoli (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta' Ġunju 1991, Al-Jubail Fertilizer vs Il-Kunsill, C‑49/88, Ġabra p. I‑3187, punt 15).

67     Fl-aħħar nett, jirriżulta mill-ġurisprudenza li għalkemm l-iffissar ta' termini għas-sottomissjoni lill-istituzzjonijiet, mill-impriżi kkonċernati bi proċedura kontra d-dumping, ta' risposti u informazzjoni huwa ġġustifikat għall-finijiet tat-tmexxija tajba ta' din il-proċedura fit-termini previsti fir-Regolament bażiku, l-istituzzjonijiet igawdu minn setgħa wiesgħa ħafna ta' diskrezzjoni fir-rigward ta' l-opportunità li jieħdu in kunsiderazzjoni r-risposti u l-informazzjoni li ġew sottomessi lilhom tard. Sakemm dan it-teħid in kunsiderazzjoni ma jirriskjax li jippreġudika d-drittijiet proċedurali tal-partijiet l-oħra u m'għandux bħala effett li jtawwal indebitament il-proċedura, huwa m'għandux jiġi kkunsidrat bħala irregolari (sentenza Euroalliages et vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar 'il fuq, punt 81).

68     Huwa f'dan il-kuntest li għandu jiġi eżaminat jekk, kif tallega r-rikkorenti, il-Kunsill kiser l-obbligu tiegħu ta' eżami diliġenti u naqas mill-obbligu tiegħu li jistabbilixxi l-valur normali b'mod raġonevoli.

69     L-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku jiddefinixxi żewġ modalitajiet alternattivi ta' kalkolu tal-valur normali maħdum ta' prodott. Skond l-ewwel modalità, rilevanti f'dan il-każ, il-valur normali huwa kkalkulat fuq il-bażi ta' l-ispiża tal-produzzjoni b'żieda ta' ammont raġonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ, l-spejjeż amministrattivi u spejjeż oħra ġenerali u ta' marġini ta' profitt raġonevoli.

70     F'dan il-każ, il-mistoqsija li tqum hija dik dwar jekk il-Kummissjoni u l-Kunsill kinux iġġustifikati, fid-dawl ta' l-informazzjoni li ddisponew minnha, li jikkunsidraw li l-ispejjeż ta' produzzjoni tal-prodotti sussidjarji tal-para-cresol ma kellhomx jiġu mnaqqsa mill-ispejjeż ta' produzzjoni ta' dan l-aħħar prodott għax huma ġew direttament affettwati fuq l-imsemmija prodotti sussidjarji.

 Fuq ir-risposta tar-rikorrenti, tat-8 ta' Novembru 2002, għall-kwestjonarju kontra d-dumping u l-facsimile tagħha tat-18 ta' Novembru 2002

71     F'dan il-każ, ir-rikorrenti informat lill-Kummissjoni, qabel iż-żjara ta' verifika, li l-produzzjoni tal-para-cresol ikkawżat dik ta' żewġ prodotti sussidjarji, il-kompost karboliku u s-sodju ta' l-aluminju – fil-fatt, is-sodju bisulfat, kif tikkoreġih ir-rikorrenti matul iż-żjara ta' verifika – u li dawn il-prodotti sussidjarji kellhom opportunitajiet ekonomiċi proprji. Ir-rikorrenti wkoll indikat lill-Kummissjoni li l-ispejjeż ta' produzzjoni ta' dawn iż-żewġ prodotti sussidjarji kienu, għall-perijodu ta' investigazzjoni, ta' [kunfidenzjali] CNY. Din l-informazzjoni tidher fis-sezzjonijiet E sa G tar-risposta tar-rikorrenti tat-8 ta' Novembru 2002 għall-kwestjonarju kontra d-dumping u b'mod partikolari, fir-rigward ta' dan l-aħħar ammont, fit-tabelli "ECCOP (F‑4,6)" u "DMCOP (F‑4,7)" annessi mal-punti 6 u 7 tas-sezzjoni F-4, intitolata "Spiża ta' produzzjoni", ta' l-imsemmi kwestjonarju, kif ukoll fil-facsimile tar-rikorrenti tat-18 ta' Novembru 2002 li ġġib xi korrezzjonijiet għal din ir-risposta speċifikament dwar l-inklużjoni fil-kontijiet ta' l-ispejjeż tal-prodotti sussidjarji.

72     B'mod iktar partikolari, il-facsimile tat-18 ta' Novembru 2002 kellha l-għan, minn naħa, li tikkompleta l-vojt mħolli, fir-risposta tat-8 ta' Novembru 2002, f'ċerti każijiet tat-tabella ta' l-ispejjeż li tidher fil-punt 1 tas-sezzjoni F-4 intitolata "Spiża ta' produzzjoni" tal-kwestjonarju kontra d-dumping (iktar 'il quddiem it-"tabella F-4.1") u, min-naħa l-oħra, li tinforma lill-Kummissjoni li l-ammonti preżentement pprovduti f'din it-tabella inkludew it-tnaqqis ta' l-ispejjeż ta' produzzjoni tal-prodotti sussidjarji. Huwa b'hekk li, waqt li l-ispiża totali ta' produzzjoni tal-para-cresol għall-perijodu ta' investigazzjoni laħqet, skond il-kwantitajiet ipprovduta fit-tabella F-4.1, fil-verżjoni tagħha tat-8 ta' Novembru 2002, l-ammont ta' [kunfidenzjali] CNY, din l-ispiża totali kienet naqset, fil-verżjoni ta' din it-tabella sottomessa lill-Kummissjoni fit-18 ta' Novembru 2002, għall-ammont ta' [kunfidenzjali] CNY.

73     Minn dan li ntqal jirriżulta li, b'facsimile tat-18 ta' Novembru 2002, ir-rikorrenti talbet li l-ispiża ta' produzzjoni tal-para-cresol għall-perijodu ta' investigazzjoni jiġi stabbilit għal [kunfidenzjali] CNY u mhux għal [kunfidenzjali] CNY, jiġifieri tnaqqis ta' [kunfidenzjali] CNY li tikkorrispondi, skond ir-rikorrenti, għall-ispejjeż ta' produzzjoni tal-prodotti sussidjarji għall-perijodu ta' investigazzjoni.

74     Il-Qorti tal-Prim'Istanza tirrileva, barra minn hekk, li hekk kif l-ammont ta' [kunfidenzjali] CNY, l-ammont ta' [kunfidenzjali] CNY deher diġà fir-risposta tat-8 ta' Novembru 2002. B'hekk, dan l-aħħar ammont deher fil-kaxxa "Perijodu taħt investigazzjoni/Spiża totali ta' produzzjoni" (IP/Total Production Cost) tat-tabella ta' spejjeż rikapulattiva li tinsab fis-sezzjoni F-4, punt 2, tal-kwestjonarju kontra d-dumping sottomess lill-Kummissjoni fit-8 ta' Novembru 2002 (iktar 'il quddiem it-"tabella F‑4.2").

75     Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata, barra minn hekk, li kemm ir-Regolament provviżorju kif ukoll id-dokument ta' informazzjoni intermedja huma bbażati biss fuq id-data ppreżentata fit-tabella F-4.1 fil-verżjoni tagħha tat-8 ta' Novembru 2002 u ma jagħmlux riferiment, anki jekk jiġu mwarrba, għall-facsimile tat-18 ta' Novembru 2002 u għall-korrezzjonijiet li hija ġabet.

76     Il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li dan in-nuqqas ta' riferiment, fir-Regolament provviżorju u fid-dokument ta' informazzjoni intermedja, għall-facsimile tat-18 ta' Novembru 2002, huwa spjegat bl-interpretazzjoni li l-Kummissjoni għamlet ta' din il-facsimile u bil-pożizzjoni ta' din l-istituzzjoni matul iż-żjara ta' verifika tal-15 u tas-26 ta' Novembru 2002.

 Fuq l-interpretazzjoni mill-Kummissjoni tal-facsimile tat-18 ta' Novembru 2002

77     Joħroġ mid-dokumenti tal-Kunsill quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, kif ukoll tar-risposti tiegħu għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza matul is-seduta, li l-Kummissjoni qieset, fil-qari tal-facsimile tat-18 ta' Novembru 2002, li r-rikorrenti sostniet direttament l-ispejjeż ta' produzzjoni tal-prodotti sussidjarji tagħha fuq l-imsemmija prodotti sussidjarji skond metodu ta' kontabbiltà analitika msejħa "ta' profitti".

78     Dan il-metodu jikkonsisti, skond il-Kunsill, f'allokazzjoni diretta ta' l-ispejjeż ta' produzzjoni, operata abbażi tal-profitti, bejn il-prodotti differenti li joħorġu mill-proċess ta' produzzjoni. Jirriżulta mill-użu ta' dan il-metodu li l-ispejjeż ta' produzzjoni tal-prodott ikkonċernat ma jinkludu l-ebda spiża ta' produzzjoni tal-prodotti sussidjarji. Dan il-metodu jiddistingwi ruħu, skond il-Kunsill, minn metodu ieħor, imsejjaħ "ta' valur tal-merkanzija", ibbażat fuq il-valur tal-merkanzija jew il-prezz ta' bejgħ tal-prodotti sussidjarji. Dan il-metodu ma jinkludix allokazzjoni diretta ta' l-ispejjeż ta' l-imsemmija prodotti sussidjarji, iżda jimplika tnaqqis ta' dawn l-ispejjeż mill-ispejjeż ta' produzzjoni tal-prodott ikkonċernat.

79     Ir-raġuni għalfejn il-Kummissjoni kkunsidrat, fl-ewwel analiżi u fil-qari tal-facsimile tat-18 ta' Novembri 2002, li r-rikorrenti użat il-metodu ta' profitti hija li, fiż-żewġ noti fl-aħħar tal-paġna mdaħħla mir-rikorrenti f'din il-facsimile u li fihom din ta' l-aħħar spjegat ir-raġunijiet tal-korrezzjonijiet imressqa għar-risposti tagħha għall-kwestjonarju kontra d-dumping, ir-rikorrenti esprimiet ruħha f'termini ta' spejjeż ta' produzzjoni tal-prodotti sussidjarji tagħha, u mhux f'termini ta' valur ta' merkanzija jew ta' prezz ta' bejgħ.

 Fuq iż-żjara ta' verifika u r-Regolament provviżorju

80     Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunstata li l-partijiet ma jaqblux fir-rigward tal-kontenut ta' l-iskambji tagħhom dwar il-prodotti sussidjarji matul iż-żjara ta' verifika. B'hekk, filwaqt li r-rikorrenti ssostni li hija, matul din iż-żjara, irrepetiet b'mod ċar it-talba tagħha ta' tnaqqis diġà magħmula bil-miktub fit-18 ta' Novembru 2002, u li hija ġiet żgurata fuq il-fatt li l-Kummissjoni kienet fehmet din it-talba, il-Kunsill isostni, min-naħa tiegħu, li r-rikorrenti kkonfermat lill-Kummissjoni li l-ispejjeż ta' produzzjoni tal-prodotti sussidjarji kienu ġew imwettqa fuq il-prodotti sussidjarji, li ppermetta lill-Kummissjoni tqis li ma kienx hemm lok li tnaqqashom.

81     Fir-rigward tal-kwistjoni dwar kif dan in-nuqqas ta' qbil seta' jew kellu jiġi ċċarat, għandu jiġi mfakkar li għalkemm il-Kummissjoni kellha neċessarjament bħala għan, meta hija ttrattat il-kwistjoni tal-prodotti sussidjarji matul iż-żjara ta' verifika, il-qari nnifsu tagħha tal-facsimile tat-18 ta' Novembru 2002, ibbażat fuq it-termini tan-noti fl-aħħar tal-paġina ta' din il-facsimile, li l-qari tagħha eskluda kull tnaqqis, din l-istituzzjoni ma setgħatx, madankollu, tinjora t-termini tal-korrezzjonijiet ta' kwantitajiet miġjuba b'din il-facsimile għar-risposta tat-8 ta' Novembru 2002. Isegwi li l-Kummissjoni kienet, jew kellha tkun, konxja tal-kontradizzjoni bejn il-qari tagħha a priori tal-facsimile tat-18 ta' Novembru 2002, imsemmi fil-punt 77 iktar 'il fuq, u t-talba kkwantifikata ta' tnaqqis ta' l-ammont ta' l-ispiża ta' produzzjoni tal-para-cresol imsemmi f'din il-facsimile u mqajma fil-punt 73 iktar 'il fuq.

82     Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma pprovatx tiċċara l-kontradizzjoni fuq imsemmija.

83     Jirriżulta, fil-fatt, mid-dokumenti tal-Kunsill li l-Kummissjoni għamlet "mistoqsija preċiża" lir-rikorrenti: dik dwar jekk ir-rikorrenti: jiġifieri jekk allokatx direttament l-ispejjeż marbuta in funzjoni tal-profitti miksuba matul il-produzzjoni tal-para-cresol. Ir-rikorrenti rrispondiet fl-affermattiv. Din ir-risposta "kkonfermat" il-Kummissjoni fil-pożizzjoni tagħha li skondha ma kellhomx jitnaqqsu l-ispejjeż tal-prodotti sussidjarji. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li kien inutli li tkompli tinvestiga fuq l-ispejjeż tal-prodotti sussidjarji. Id-dokumenti tar-rikorrenti jsemmu d-diżinteress tal-Kummissjoni għall-kwistjoni tal-prodotti sussidjarji wara r-risposta tar-rikorrenti għall-mistoqsija tal-Kummissjoni fuq dan is-suġġett. It-termini tar-rendikont taż-żjara ta' verifika, stabbilita mill-Kummissjoni fit-3 ta' Diċembru 2002 u sottomessa mill-Kunsill f'risposta għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim'Istanza, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet fis-seduta, jikkorroboraw ukoll din id-deskrizzjoni ta' l-iskambji li seħħew bejn il-partijiet dwar il-prodotti sussidjarji matul iż-żjara ta' verifika.

84     Minn dak li ntqal joħroġ li l-Kummissjoni, wara r-risposta tar-rikorrenti għall-mistoqsija magħmula dwar l-inklużjoni fil-kontijiet tal-prodotti sussidjarji, ma indikatx lil din ta' l-aħħar il-konklużjonijiet li hija waslet għalihom minn din ir-risposta, jiġifieri li l-ispejjeż tal-prodotti sussidjarji ma jitnaqqsux, u dan anke meta dawn il-konsegwenzi kienu in kontradizzjoni mat-termini tal-kwantitajiet tal-facsimile tat-18 ta' Novembru 2002, li stabbilixxew l-iffissar ta' l-ispiża ta' produzzjoni tal-para-cresol għal [kunfidenzjali] CNY u mhux għal [kunfidenzjali] CNY, jiġifieri riduzzjoni ta' [kunfidenzjali] CNY li tikkorrispondi, skond ir-rikorrenti, għall-ispejjeż ta' produzzjoni tal-prodotti sussidjarji, u inkludew b'hekk, essenzjalment, talba għal tnaqqis ta' l-ispejjeż tal-prodotti sussidjarji.

85     Il-Qorti tal-Prim'Istanza tirrileva li, fin-nuqqas ta' kull twissija mill-Kummissjoni ta' din id-diffikultà, ir-rikorrenti kienet fl-inkapaċità, f'dan l-istadju ta' l-investigazzjoni, li tkun taf jekk il-Kummissjoni kinitx ikkonkludiet li ma kienx hemm lok li tipproċedi għal tnaqqis ta' l-ispejjeż tal-prodotti sussidjarji. Fil-fatt, il-Kummissjoni biss setgħat ikollha konoxxenza – u għaldaqstant setgħet tistabbilixxi – il-kontradizzjoni bejn it-talbiet għall-kwantitajiet li jidhru fil-facsimile tat-18 ta' Novembru 2002 u t-trattament li hija riedet tapplika għall-ispejjeż tal-prodotti sussidjarji. Is-silenzju tal-Kummissjoni matul iż-żjara ta' verifika awtorizza, f'dan il-kuntest, ir-rikorrenti taħseb li t-talba tagħha għal tnaqqis kienet ġiet mifhuma u li hija ma qajmitx, fl-istat tagħha, diffikultajiet.

86     Matul is-seduta, il-Kunsill u l-Kummissjoni madankollu sostnew li r-raġuni għalfejn il-Kummissjoni, fir-Regolament provviżorju, ma pproċedietx għal tnaqqis ta' l-ispejjeż tal-prodotti sussidjarji jinsab fil-fatt li r-rikorrenti, fir-risposta tagħha kontra d-dumping, ma pprovditx elementi suffiċjenti biex tiġġustifika tali tnaqqis. Issa, l-istituzzjonijiet m'għandhomx jissostitwixxu ruħhom għall-partijiet fir-risposti li għandhom jingħataw lill-kwestjonarju kontra d-dumping u lanqas li jipproċedu għal "investigazzjoni ta' kull aspett". Il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu wkoll li l-Kummissjoni kienet iġġustifikata, matul iż-żjara ta' verifika u fid-dawl taż-żmien qasir li hija kellha, li limitat ruħha biex tirreġistra r-risposti tar-rikorrenti, mingħajr ma kellha tirreaġixxi għal dawn ir-risposti.

87     Huwa eżatt, hekk kif joħroġ mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 65 iktar 'il fuq, li l-Kummissjoni bl-ebda mod m'għandha tissostitwixxi ruħha għall-partijiet ikkonċernati fil-ksib ta' l-informazzjoni li huwa għal dawn ta' l-aħħar li jipprovduha biha fil-kuntest ta' l-investigazzjoni kontra d-dumping. B'mod partikolari, għalkemm il-Kummissjoni hija obbligata li tivverifika, safejn possibbli, l-eżattezza ta' l-informazzjoni pprovduta mill-partijiet kkonċernati u li fuqhom il-konklużjonijiet tagħha huma bbażati (ara l-Artikolu 6(8) tar-Regolament bażiku), dan l-obbligu jissuponi li dawn il-partijiet jikkooperaw mal-Kummissjoni, fis-sens ta' l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. B'hekk, skond din l-aħħar dispożizzjoni, meta parti kkonċernata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni neċessarja jew ma tipprovdihiex fit-termini previsti fir-Regolament bażiku jew timpedixxi b'mod sinjifikattiv l-investigazzjoni, is-sejbiet provviżorji jew finali, affirmattivi jew negattivi, jistgħu jiġu stabbiliti fuq il-bażi tad-data disponibbli. Huwa l-istess jekk hu kkonstatat li parti kkonċernata pprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa.

88     Madankollu, il-Qorti tal-Prim'Istanza tirrileva, l-ewwel nett, li huwa stabbilit li r-rikorrenti, fl-ebda mument tal-proċedura kontra d-dumping, ma rrendiet ruħha responsabbli ta' nuqqas ta' kooperazzjoni, fis-sens ta' l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

89     Il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis, konsegwentement u speċjalment, li l-argument tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, ibbażat fuq il-fatt li l-ispejjeż tal-prodotti sussidjarji ma tnaqqsux minn din l-aħħar istituzzjoni, fir-Regolament provviżorju, dovut għall-fatt li r-rikorrenti, fir-risposta tagħha għall-kwestjonarju kontra d-dumping jew matul iż-żjara ta' verifika, ma ssottomettietx elementi suffiċjenti biex tiġġustifika tali tnaqqis, ma jiħux in kunsiderazzjoni r-realtà tal-fatti.

90     Fil-fatt, mhuwiex minħabba tali insuffiċjenza allegata ta' l-elementi sottomessi mir-rikorrenti li l-Kummissjoni ma naqsitx l-ispejjeż tal-prodotti sussidjarji, iżda minħabba l-fatt li l-Kummissjoni fehmet l-informazzjoni u r-risposti pprovduti mir-rikorrenti fis-sens li din ta' l-aħħar ma xtaqitx dan it-tnaqqis. Hekk kif dan huwa espost fil-punt 83 iktar 'il fuq, il-Kummissjoni kkunsidrat ruħha, matul iż-żjara ta' verifika, "ikkonfermata" fl-evalwazzjoni tagħha, adottata a priori għall-qari tal-facsimile tat-18 ta' Novembru 2002, li jgħid li ma kellhomx jitnaqqsu l-ispejjeż tal-prodotti sussidjarji.

91     Jekk il-pożizzjoni difiża mill-Kunsill u l-Kummissjoni, ibbażata fuq l-allegazzjoni li hija l-insuffiċjenza ta' l-informazzjoni pprovduta in sostenn tat-talba għal tnaqqis li ġġustifikat in-nuqqas ta' tnaqqis, kienet eżatta, allura l-Kummissjoni kellha l-obbligu, matul iż-żjara' ta' verifika, li tinforma mill-ewwel lir-rikorrenti li din it-talba għal tnaqqis, identifikata bħala tali, ma kinitx pprovduta, attwalment, b'ġustifikazzjonijiet suffiċjenti biex tkun tista' b'mod utli tittieħed in kunsiderazzjoni. Barra minn hekk u anki jekk il-Kummissjoni naqset milli tavża r-rikorrenti b'din l-insuffiċjenza matul iż-żjara ta' verifika, hija kienet almenu obbligata, fl-eżekuzzjoni ta' l-obbligi tagħha ta' informazzjoni ddettaljata u ta' motivazzjoni, previsti espressament, fl-Artikolu 20(1) u fl-Artikolu 14(2) rispettivament, tar-Regolament bażiku u mfakkra mill-ġurisprudenza ċċitata, fil-punti 66 u 63 iktar 'il fuq, rispettivament, sabiex tindika, fid-dokument ta' informazzjoni intermedja u fir-Regolament provviżorju, li t-talba għal tnaqqis ta' l-ispejjeż tal-prodotti sussidjarji kienet miċħuda fin-nuqqas ta' provi suffiċjenti. Issa, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li kemm l-informazzjoni intermedja kif ukoll ir-Regolament provviżorju huma totalment silenzjużi fuq il-kwistjoni tat-tnaqqis ta' l-ispejjeż tal-prodotti sussidjarji.

92     It-termini li fihom il-Kummissjoni interpretat il-facsimile tat-18 ta' Novembru 2002 u l-fatt li din l-istituzzjoni ma informatx ir-rikorrenti bil-kontradizzjoni eżistenti bejn it-trattament li hija kienet lesta tapplika għall-ispejjeż tal-prodotti sussidjarji u l-ammonti kwantitattivi li jidhru f'din il-facsimile kellhom bħala konsegwenza li l-Kummissjoni ma kinitx legalment f'pożizzjoni li tipproċedi, matul din iż-żjara, għal ebda mill-verifiki li ġew madankollu imposti billi kieku, il-kontradizzjoni fuq imsemmija kienet ġiet esposta, kien jinfetaħ dibattitu bejn il-partijiet, li jwassal sabiex jiċċara l-ekwivoku u li wassal il-Kummissjoni li tikkonstata li r-rikorrenti talbet tnaqqis ta' l-ispejjeż tal-prodotti sussidjarji tagħha.

93     F'dan ir-rigward, ma jistgħux jiġu aċċettati l-argumenti mressqa fis-seduta u li skondhom il-Kummissjoni, fid-dawl taż-żmien limitat previst għaż-żjara ta' verifika u tal-volum ta' l-informazzjoni biex jiġi vverifikat, ma kellhiex, matul din iż-żjara, obbligi oħra barra dak li tieħu nota b'mod passiv tar-risposti tar-rikorrenti, bl-għan ta' analiżi sussegwenti.

94     Fil-fatt, għalkemm huwa veru li l-Kummissjoni m'għandhiex tkun obbligata, fil-kuntest ta' l-investigazzjoni kontra d-dumping u, b'mod partikolari, matul iż-żjara ta' verifika, li tissostitwixxi ruħha għall-partijiet, li għandhom jikkooperaw b'mod leali u effiċjenti mal-Kummissjoni billi jipprovdulha l-informazzjoni neċessarja u preċiża, jibqa' l-fatt li, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta' dan il-każ, il-Kummissjoni ma setgħatx, mingħajr ma tonqos mill-obbligu tagħha ta' eżami diliġenti, tonqos milli tinforma r-rikorrenti bil-kontradizzjoni li hija kienet jew kellha tirrileva bejn, minn naħa, it-termini kwantitattivi tal-facsimile tat-18 ta' Novembru 2002 u, min-naħa l-oħra, il-fatt li hija fehmet mir-risposta tar-rikorrenti li din ta' l-aħħar ma talbitx it-tnaqqis ta' l-ispejjeż tal-prodotti sussidjarji.

95     Barra minn hekk, billi l-argumenti fuq imsemmija jissuġġerixxu li l-Kummissjoni kellha bżonn tipproċedi sussegwentement għal analiżi tar-risposti tar-rikorrenti biex tistabbilixxi definittivament il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tat-trattament li kellu jiġi rriżervat għall-ispejjeż tal-prodotti sussidjarji, il-Qorti tal-Prim'Istanza tirrileva li dan huwa kkontradett bil-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat ruħha, matul iż-żjara ta' verifika, ikkonfermata fil-pożizzjoni tagħha fir-rigward tat-trattament li għandu jiġi applikat għall-imsemmija spejjeż u li hija, għaldaqstant, ma kkunsidratx iktar neċessarju li tinvestiga fuq dan is-suġġett.

96     Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta' dan il-każ, il-Kummissjoni kkommettiet żball manifest fl-evalwazzjoni tagħha tat-termini tal-facsimile tat-18 ta' Novembru 2002 u ksur ta' l-obbligu tagħha, imfakkar mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 64 iktar 'il fuq, li għandha tikkunsidra ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti u tevalwa l-elementi ta' l-inkartament bid-diliġenza kollha meħtieġa sabiex ikun jista' jiġi kkunsidrat li l-valur normali maħdum ġie stabbilit b'mod raġonevoli.

97     Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk dawn l-illegalitajiet, intervenuti fl-istadju tar-Regolament provviżorju, kellhomx bħala konsegwenza li jinvolvu l-illegalità tar-Regolament ikkontestat. Fil-fatt, il-fatt li l-Kummissjoni kkommettiet żball manifest ta' evalwazzjoni u naqset mill-obbligu tagħha ta' eżami diliġenti fl-istadju inizjali tal-proċedura kontra d-dumping ma jinvolvix neċessarjament l-illegalità tar-Regolament definittiv adottat mill-Kunsill.

 Fuq ir-regolament ikkontestat

98     Fil-premessa 12 tar-Regolament ikkontestat, il-Kunsill, billi jikkwota eżattament il-formula tal-propożizzjoni ta' Regolament definittiv ippreparat mill-Kummissjoni, ittratta l-kwistjoni tal-prodotti sussidjarji fit-termini segwenti:

"[Ir-rikorrenti] talbet li l-ispiża tal-produzzjoni ta' żewġ prodotti oħra għandhom jitnaqqsu mill-ispiża totali tal-produzzjoni għaliex huma jirriżultaw mill-istess proċess ta' produzzjoni u jinbiegħu separatament. [Ir-rikorrenti] ma ssostanzjatx din it-talba b'evidenza dokumentata. Tabilħaqq, id-dokumenti miġbura fil-post indikaw li l-ispejjeż diretti kienu diġà allokati fil-prodotti differenti li kienu konformi mat-tweġiba inizjali tal-kwestjonarju. [It-talba kellha għalhekk tiġi miċħuda.]"

99     Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li l-Kummissjoni u l-Kunsill żammew, fil-propożizzjoni ta' regolament definittiv u fir-regolament ikkontestat, it-trattament applikat għall-ispejjeż tal-prodotti sussidjarji fl-istadju tar-Regolament provviżorju.

100   B'hekk, il-Kummissjoni u l-Kunsill ikkonservaw l-ammont ta' [kunfidenzjali] CNY, ikkunsidrat fl-istadju tar-Regolament provviżorju bħala spiża ta' manifattura tal-para-cresol, kif ukoll l-għażla li ma jiġux imnaqqsa l-ispejjeż tal-prodotti sussidjarji, li l-eżistenza u l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom mhumiex ikkontestati mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, hekk kif dawn ġew ikkonfermati minn dawn l-istituzzjonijiet f'risposta għal mistoqsija tal-Qorti tal-Prim'Istanza matul is-seduta, ħaġa li ttieħdet in kunsiderazzjoni fir-rapport tas-seduta.

101   Għaldaqstant, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk l-għażla li ma jitnaqqsux l-ispejjeż tal-prodotti sussidjarji pproċedietx jew le, billi ġiet irripetuta fl-istadju tal-propożizzjoni ta' Regolament definittiv u, speċjalment, fl-istadju tar-Regolament ikkontestat, minn ksur ta' l-obbligu li jittieħdu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u li jiġu evalwati l-elementi ta' l-inkartament bid-diliġenza kollha meħtieġa sabiex ikun jista' jiġi kkunsidrat li l-valur normali maħdum ġie stabbilit b'mod raġonevoli, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 64 iktar 'il fuq.

102   Il-Kunsill isostni, essenzjalment, erba' argumenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza biex jiġġustifika ż-żamma, fir-Regolament ikkontestat, tas-soluzzjoni kkunsidrata fl-istadju tar-Regolament provviżorju.

103   L-ewwel argument tal-Kunsill isostni li r-risposta tar-rikorrenti għall-kwestjonarju kontra d-dumping kienet inkompluta.

104   Il-Qorti tal-Prim'Istanza tirrileva, madankollu, li dan l-argument jirrigwarda l-fatti preċedenti għar-Regolament provviżorju u, għaldaqstant, li eżista qabel l-imsemmi Regolament. Issa, jekk huwa veru jew le, dan l-argument ma jimpedixxix lill-Kummissjoni milli tammetti, impliċitament iżda neċessarjament, fl-istadju ta' l-imsemmi Regolament provviżorju, l-eżistenza u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti sussidjarji u li tirriżerva għall-ispejjeż tagħhom trattament partikolari li jikkonsisti fl-ebda tnaqqis tagħhom minħabba li dawn l-ispejjeż ġew affettwati direttament fuq il-prodotti sussidjarji. Għaldaqstant, dan l-argument ma jiċċara bl-ebda mod ir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni u l-Kunsill żammew, fil-Propożizzjoni ta' Regolament definittiv u fir-Regolament ikkontestat, is-soluzzjoni kkunsidrata, fuq il-bażi ta' żball manifest ta' evalwazzjoni u ta' ksur ta' l-obbligu ta' diliġenza, fl-istadju tar-Regolament provviżorju.

105   It-tieni argument tal-Kunsill jgħid li, matul iż-żjara ta' verifika, ir-rikorrenti ma spjegatx mill-ġdid il-problema tal-prodotti sussidjarji u lanqas uriet il-kontijiet ta' dawn ta' l-aħħar.

106   Il-Qorti tal-Prim'Istanza tirrileva li dan it-tieni argument ma jista' lanqas jiġi aċċettat, għax, għal darba oħra, huwa jirrigwarda fatti preċedenti għar-Regolament provviżorju u għaldaqstant eżista qabel l-imsemmi Regolament. Il-fatt allegat li r-rikorrenti ma spjegatx mill-ġdid il-problema matul iż-żjara ta' verifika u ma urietx il-kontijiet ta' bejgħ tal-prodotti sussidjarji, anki kieku jiġi preżunt bħala veru, dak li r-rikorrenti tikkontesta formalment mill-bidu nett, ma jimpedixxix lill-Kummissjoni milli tammetti, għal darba oħra, l-eżistenza u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti sussidjarji fl-istadju tar-Regolament provviżorju u ma tispjega bl-ebda mod għaliex it-trattament irriżervat għall-ispejjeż tal-prodotti sussidjarji f'dan l-istadju nżamm fir-Regolament ikkontestat.

107   Sussidjarjament, il-Qorti tal-Prim'Istanza tirrileva li, anki jekk, kif jallega l-Kunsill, ir-rikorrenti ma pprovdietx elementi supplementari fl-istadju taż-żjara ta' verifika, huwa biss għax l-attitudni tal-Kummissjoni matul din iż-żjara ppermettitilha li taħseb li t-talba tagħha għal tnaqqis kienet ġiet mifhuma tajjeb u ma qajmitx diffikultajiet f'dan l-istadju (ara l-punt 85 iktar 'il fuq). Il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis, u l-partijiet fl-ebda punt ma kkontestaw dan matul is-seduta, li, kieku l-Kummissjoni kienet semmiet il-kontradizzjoni eżistenti bejn it-termini kwantitattivi tal-facsimile tat-18 ta' Novembru 2002 u dak li hija fehmet mir-risposti tar-rikorrenti, kien isir dibattitu bejn il-partijiet u l-kwistjoni tal-prodotti sussidjarji kienet tiġi ċċarata.

108   B'dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Prim'Istanza tippreċiża li bl-ebda mod mhuwa l-każ li jiġi sottomess li l-Kummissjoni kellha tagħmel "investigazzjoni f'kull direzzjoni". Huwa l-każ biss li wieħed għandu jasal għall-konsegwenzi ta' l-obbligi, mfakkra fil-punti 63 u 64 iktar 'il fuq, li għandha l-istituzzjoni titulari, bħal f'dan il-każ, ta' setgħa wiesgħa ta' diskrezzjoni, li teżamina attentament u b'imparzjalità ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti ta' dan il-każ u li tevalwa l-elementi ta' l-inkartament bid-diliġenza kollha meħtieġa biex wieħed ikun jista' jikkunsidra li l-valur normali maħdum ġie stabbilit b'mod raġonevoli. Joħroġ minn dawn l-obbligi li, bla ħsara għan-nuqqas ta' kooperazzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, li mhuwiex il-każ f'dan il-każ, l-istituzzjonijiet għandhom, meta huma ma jistgħux raġonevolment jikkunsidraw ruħhom suffiċjentement imdawwla fuq kwistjoni madankollu direttament rilevanti għad-determinazzjoni tal-valur normali, jinformaw ċarament b'dan lill-operatur ikkonċernat. Dan l-obbligu jirreferi għall-obbligu, previst fl-Artikolu 6(8) tar-Regolament bażiku, li tiġi vverifikata, safejn possibbli, l-eżattezza ta' l-informazzjoni pprovduta mill-partijiet ikkonċernati u li fuqha huma bbażati l-konklużjonijiet ta' l-istituzzjonijiet.

109   It-tielet argument imressaq mill-Kunsill jinkludi żewġ partijiet. Minn naħa, l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti kienet f'kontradizzjoni ma' dik preċedentement ippreżentata, min-naħa l-oħra, hija kienet ġiet sottomessa tard jew f'lingwa li ma setgħatx tiġi sfruttata.

110   Fir-rigward ta' l-allegazzjoni ta' kontradizzjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li hija m'għandhiex tintlaqa', għar-raġunijiet segwenti.

111   L-ewwel nett, din l-allegazzjoni hija biss magħmula mill-Kunsill bil-għan li tikkritika l-provi sottomessi mir-rikorrenti. Hija bl-ebda mod ma tagħti l-okkażjoni lil din l-istituzzjoni li tipprovdi ġustifikazzjoni tas-soluzzjoni finalment adottata minnha għat-trattament tal-prodotti sussidjarji. Issa, soluzzjoni bbażata, fl-istadju tar-Regolament provviżorju, fuq żball manifest ta' evalwazzjoni u nuqqas ta' eżami diliġenti ta' l-inkartament ma kellhiex tiġi adottata, fl-istadju tar-Regolament definittiv, minħabba li l-elementi li r-rikorrenti ressqet sussegwentement inkludew xi kontradizzjonijiet. Dan l-argument ma jikkostitwixxix ġustifikazzjoni tat-trattament finalment adottat mill-Kunsill, daqs kemm ma jikkostitwixxux ġustifikazzjoni l-ewwel żewġ argumenti eżaminati iktar 'il fuq.

112   Konsegwentement, sussidjarjament, ir-realtà ta' xi wħud mill-kontradizzjonijiet allegati mill-Kunsill li huma msemmija fir-risposta tad-difiża mhijiex sodisfatta.

113   B'hekk, il-fatt li r-rikorrenti tindika attwalment "li l-ispejjeż ta' produzzjoni tal-prodotti sussidjarji ma ġewx isseparati mill-ispejjeż ta' produzzjoni tal-para-cresol" u titlob "li l-ispejjeż speċifiki marbuta mal-produzzjoni tal-prodotti sussidjarji jiġu mnaqqsa mill-ispejjeż ta' produzzjoni tal-para-cresol", jew il-fatt li r-rikorrenti eżitat bejn il-metodu ta' profitti u dak tal-valur tal-merkanzija ma jikkostitwixxux kontradizzjonijiet reali fil-proposti suċċessivi tar-rikorrenti. Il-kontradizzjoni, safejn teżisti, topponi, fir-realtà, it-talbiet tar-rikorrenti u l-fehim li l-Kummissjoni kellha tagħhom fl-istadju tar-Regolament provviżorju. Hija tidher, ukoll, tipproċedi mill-fatt li l-Kummissjoni u l-Kunsill jinterpretaw, b'mod restrittiv, it-tipoloġija tal-metodi ta' dħul fil-kontijiet ta' l-ispejjeż tal-prodotti sussidjarji mqajma fil-punti 77 u 78 iktar 'il fuq. Il-Qorti tal-Prim'Istanza tirrileva, madankollu, li l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku ma jipprovdix, bl-eċċezzjoni tar-rispett tal-prinċipji kontabbli ġeneralment aċċettati mill-pajjiż ikkonċernat, l-ebda restrizzjoni partikolari fir-rigward tal-metodi użati għall-evalwazzjoni u t-trattament kontabbli ta' l-ispejjeż.

114   Fir-rigward ta' l-allegazzjoni tal-Kunsill li skondha l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti kienet ġiet mogħtija tard u ma tistax tiġi vverifikata, għal raġunijiet ta' termini jew għal raġunijiet lingwistiċi, hija mhija lanqas ta' natura li tiġġustifika l-adozzjoni, fl-istadju tar-Regolament ikkontestat, ta' soluzzjoni inizjali bbażata fuq żball manifest ta' evalwazzjoni u nuqqas ta' eżami diliġenti ta' l-inkartament.

115   Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li din l-allegazzjoni mhijiex iġġustifikata.

116   Fil-fatt, fir-rigward, l-ewwel nett, tan-natura tardiva, imqajma mill-Kummissjoni fil-facsimile tagħha tal-25 ta' Awwissu 2003, ta' l-informazzjoni mogħtija mir-rikorrenti fit-18 ta' Novembru 2002 dwar il-prodotti sussidjarji, il-Qorti tal-Prim'Istanza tirrileva li, matul is-seduta, il-Kunsill irrinunzja milli jinvokaha.

117   Madankollu, jibqa' l-fatt li l-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni fil-Propożizzjoni tagħha ta' Regolament definittiv u dik adottata mill-Kunsill fir-Regolament ikkontestat ġew ibbażati, b'mod partikolari, fuq din l-allegata natura tardiva.

118   Issa, huwa stabbilit, minn naħa, li l-facsimile tat-18 ta' Novembru 2002, minkejja li ġiet irċevuta ftit ġranet biss wara d-data ta' skadenza għall-preżentazzjoni tar-risposta għall-kwestjonarju kontra d-dumping, waslet madankollu lill-Kummissjoni sebat ijiem qabel iż-żjara ta' verifika. Min-naħa l-oħra, din il-facsimile rrispondiet għal facsimile tal-Kummissjoni tal-15 ta' Novembru 2002 li tistieden espressament ir-rikorrenti biex tindika l-iżbalji kollha li jqumu fl-okkażjoni tal-preparazzjoni taż-żjara ta' verifika. Fl-aħħar nett, huwa stabbilit li l-facsimile tat-18 ta' Novembru 2002 min-naħa tiegħu ġie meħud in kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni. Billi għamlet dan, il-Kummissjoni ma għamlitx ħlief użat il-fakultà, irrikonoxxuta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 67 iktar 'il fuq, li tieħu in kunsiderazzjoni l-informazzjoni li ġiet sottomessa lilha wara l-iskadenza tat-termini imposti. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma setgħatx raġonevolment tallega, kif hija madankollu għamlet fil-facsimile tagħha tal-25 ta' Awwissu 2003 u biex tiġġustifika r-rifjut tagħha li teżamina mill-ġdid il-kwistjoni tal-prodotti sussidjarji, li l-facsimile tat-18 ta' Novembru 2002 kienet tardiva.

119   It-tieni nett, fir-rigward tan-natura tardiva, imqajma mill-Kummissjoni fil-facsimile tagħha tal-25 ta' Awwissu 2003, tat-talba għal tnaqqis tal-valur ta' bejgħ tal-prodotti sussidjarji, liema talba, skond il-Kummissjoni, ġiet magħmula biss fit-22 ta' April 2003, jiġifieri wara r-Regolament provviżorju, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li, anki jekk ir-rikorrenti setgħat esprimiet ruħha b'mod iktar dettaljat fir-risposti tagħha għall-kwestjonarju kontra d-dumping, it-talba għal tnaqqis ta' l-ispejjeż tal-prodotti sussidjarji ħarġet madankollu b'mod ċar mill-facsimile tat-18 ta' Novembru 2002, li, hekk kif imsemmi fil-punt 73 iktar 'il fuq, inkludiet talba li tara li l-ispiża ta' produzzjoni tal-para-cresol għall-perijodu ta' investigazzjoni jiġi ffissat għal [kunfidenzjali] CNY u mhux għal [kunfidenzjali] CNY, jiġifieri riduzzjoni ta' [kunfidenzjali] CNY li tikkorrispondi, skond ir-rikorrenti, għall-ispejjeż ta' produzzjoni tal-prodotti sussidjarji għall-perijodu ta' investigazzjoni. Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra għaldaqstant li, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta' dan il-każ, il-Kummissjoni u l-Kunsill ma jistgħux jakkużaw lir-rikorrenti bis-sottomissjoni ta' elementi ta' informazzjoni supplementari wara li din ta' l-aħħar ġiet informata, biss fl-istadju tar-Regolament provviżorju, bil-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx fehmet din it-talba ta' tnaqqis. Isegwi li r-rikorrenti setgħat tipproduċi dawn l-elementi ta' informazzjoni li huma ta' sostenn għat-talba tagħha ta' tnaqqis ta' l-ispejjeż tal-prodotti sussidjarji, wara dan ir-Regolament, b'mod partikolari fl-ittra tagħha tat-22 ta' April 2003, u għall-Kummissjoni li hija obbligata li tipproċedi għal eżami mill-ġdid diliġenti, li jinkludi skond il-bżonn il-verifiki supplementari. Il-fatt li tiġi kkunsidrata, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, pożizzjoni kuntrarja, iwassal biex iċaħħad mis-sens u mill-effett utli l-parti fil-proċedura kontra d-dumping wara r-Regolament provviżorju.

120   Għal dak li jirrigwarda l-kunsiderazzjoni tal-Kunsill li skondha ċerti dokumenti – essenzjalment id-dokumenti kontabbli kkomunikati mir-rikorrenti fit-23 u fil-25 ta' Lulju 2003 – kienu ġew sottomessi biss biċ-Ċiniż, dan għandu wkoll jiġi mwarrab, għar-raġunijiet segwenti. Indipendentement ukoll mill-kwistjoni dwar taħt min kienet taqa' l-eventwali traduzzjoni ta' l-imsemmija dokumenti, din il-kunsiderazzjoni ma għandhiex twarrab il-fatt li, fil-kuntest partikolari ta' din il-kawża, kienet il-Kummissjoni li kellha, bħala awtorità investigatriċi u fid-dawl tal-kummentarji tar-rikorrenti tat-22 ta' April 2003 fuq ir-Regolament provviżorju, li tibda mingħajr dewmien eżami mill-ġdid komplut u diliġenti tal-pożizzjoni adottata f'dan ir-Regolament li tirrigwarda l-prodotti sussidjarji. Huwa f'dan l-istadju li l-Kummissjoni setgħat, kieku kellu jiġi preżunt li r-rikorrenti kellha dan l-obbligu, teżiġi minn din ta' l-aħħar li hija tipproduċi d-dokumenti flimkien ma' traduzzjoni tagħhom. Issa, il-Kummissjoni ma ħadet l-ebda inizjattiva fil-konfront ta' tali eżami mill-ġdid. Hija r-rikorrenti li bagħtet lill-Kummissjoni d-dokumenti mhux mitluba minn din ta' l-aħħar. Il-Kunsill u l-Kummissjoni ma jistgħux, għaldaqstant, isostnu quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza nuqqas ta' traduzzjoni biex jiġġustifikaw ir-rifjut li jeżaminaw id-dokumenti sottomessi mir-rikorrenti wara r-Regolament provviżorju, iktar u iktar billi dan il-motiv mhuwa lanqas dak imressaq mill-Kummissjoni fil-facsimile tagħha tal-25 ta' Awwissu 2003.

121   Ir-raba' argument imressaq mill-Kunsill jinsab fil-fatt li d-dokumenti miksuba fil-post indikaw li l-ispejjeż tal-prodotti sussidjarji kienu direttament effettwati fuq l-imsemmija prodotti sussidjarji. Id-dokumenti sottomessi lill-Kummissjoni matul iż-żjara ta' verifika u li dan l-argument jista' jirrigwarda huma erbgħa. Dan jirrigwarda, l-ewwel nett, dokument intitolat "Tabella ta' kalkolu ta' l-ispejjeż ta' produzzjoni ta' Shandong Reipu Bio-chemicals Ltd" (Product cost calculation table of Shandong Reipu Bio-chemicals Ltd), li jidher fl-Anness A19 tar-rikors (iktar 'il quddiem id-"dokument A19"), it-tieni nett, dokument intitolat "Spiża ta' produzzjoni – Perijodu taħt investigazzjoni" (Cost of production IP), li jidher fl-Anness A20 tar-rikors (iktar 'il quddiem id-"dokument A20"), it-tielet nett, dokument intitolat "Reġistru tal-prodotti lesti għall-para-cresol" (Ledger of finished products for paracresol), li jidher fl-Anness A21 tar-rikors (iktar 'il quddiem id-"dokument A21") u, ir-raba' nett, dokument intitolat "Statistika ta' spejjeż tal-prodotti kkonċernati matul il-perijodu ta' investigazzjoni" (Cost statistics of products concerned during the investigation period), li jidher fl-Anness A22 tar-rikors (iktar 'il quddiem id-"dokument A22"). Dawn id-dokumenti huma kollha tabelli kwantitattivi.

122   Fir-rigward tad-dokument A19, għandu jiġi kkonstatat li l-kritika fformulata mill-Kummissjoni fil-konfront tiegħu u li l-Kunsill jirrepeti fir-risposta tad-difiża tiegħu bl-ebda mod ma jispjegaw għaliex il-Kummissjoni kkunsidrat li dan id-dokument indika li l-ispejjeż tal-prodotti sussidjarji kienu direttament effettwati fuq dawn il-prodotti sussidjarji. Huwa osservat f'dan ir-rigward li, immedjatament wara dawn il-kritiki fir-risposta tiegħu, il-Kunsill iżid li "biex jiċċaraw il-kwistjoni tal-prodotti sussidjarji u jistabbilixxu kif jipproċedu, il-funzjonarji tal-Kummissjoni inkarigati bl-investigazzjoni staqsew lir-rikorrenti [...] jekk hija effettwatx direttament l-ispejjeż marbuta in funzjoni tal-profitti". Huwa biss meta "ġiet ikkunsidrata [r]-risposta [tar-rikorrenti li] il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ispejjeż kollha indikati fid-[...] dokument A19 irrigwardaw biss il-prodott ikkonċernat u minn dan ikkonkludiet li ma kien hemm l-ebda raġuni li jitnaqqas ammont li jkun mill-ammonti indikati bħala spejjeż ta' produzzjoni tal-para-cresol".

123   Għaldaqstant jidher li mhuwiex il-kontenut tad-dokument A19 li wassal lill-Kummissjoni tikkunsidra li l-ispejjeż tal-prodotti sussidjarji kienu direttament effettwati fuq dawn il-prodotti, iżda biss il-fehim li l-Kummissjoni kellha mir-risposta tar-rikorrenti għall-mistoqsija magħmula fuq dan is-suġġett.

124   Fir-rigward tad-dokumenti A20 u A21, joħroġ b'mod ċar mir-risposta tad-difiża tal-Kunsill li ma ġewx mitluba u lanqas eżaminati mill-Kummissjoni għall-bżonnijiet tar-risposta li kellha tingħata lill-mistoqsija tal-prodotti sussidjarji.

125   Fir-rigward tad-dokument A22, il-Kunsill innifsu jirrileva, fir-risposta tad-difiża tiegħu, li l-Kummissjoni "ma rreferietx għal dan id-dokument ippreparat speċifikament billi kkonkludiet li l-ispejjeż marbuta mal-prodotti sussidjarji kienu diġà effettwati fuq dawn il-prodotti sussidjarji".

126   B'mod iktar ġenerali u hekk kif huwa espost fil-punt 83 iktar 'il fuq, id-deskrizzjoni magħmula mill-Kunsill tal-proċedura taż-żjara ta' verifika tirrivela li l-Kummissjoni, ġaladarba hija emmnet li rċeviet mir-rikorrenti l-konferma ta' l-effettwar dirett ta' l-ispejjeż tal-prodotti sussidjarji, ma interessatx ruħha mill-erba' dokumenti fuq imsemmija.

127   Minn dak li ntqal jirriżulta li d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, b'mod partikolari matul is-seduta tad-19 ta' Mejju 2003, iċċitata bħala tali fil-premessa 12 tar-Regolament ikkontestat, li skondha d-dokumenti sottomessi matul iż-żjara ta' verifika indikaw li l-ispejjeż tal-prodotti sussidjarji ma kellhomx jiġu mnaqqsa, mhijiex fondata.

128   Jirriżulta, b'mod definittiv, mill-eżami ta' l-erba' argumenti tal-Kunsill imsemmija iktar 'il fuq li l-Kummissjoni, wara l-Kunsill, irrifjutaw, b'mod żbaljat, li jeżaminaw mill-ġdid serjament, wara r-regolament provviżorju, in-natura adatta tat-trattament ta' l-ispejjeż tal-prodotti sussidjarji kkunsidrat f'dan l-istadju, li pperpetwa, fl-istadju tar-regolament ikkontestat, l-effetti ta' l-iżball manifest ta' evalwazzjoni u tal-ksur ta' l-obbligu ta' eżami diliġenti mwettqa fl-istadju tar-regolament provviżorju.

129   Il-Qorti tal-Prim'Istanza tippreċiża li bl-ebda mod mhuwa l-każ li jiġi affermat li l-Kunsill kellu jagħmel, f'din il-preżenti kawża, it-tnaqqis mitlub mir-rikorrenti fid-dawl biss ta' l-informazzjoni mogħtija minnha kemm qabel kif ukoll wara r-regolament provviżorju. Il-Qorti tal-Prim'Istanza ma tistax tiġġudika minn qabel is-soluzzjoni li għaliha kien iwassal tali rieżami diliġenti. Lanqas mhuwa l-każ li jiġi affermat li din l-informazzjoni kienet ta' kwalità perfetta u setgħet tiġi aċċettata mingħajr ma tiġi vverifikata, iżda biss li jiġi deċiż li, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża u fid-dawl ta' din l-informazzjoni, il-Kummissjoni u l-Kunsill kien immisshom ikkunsidraw li l-pożizzjoni adottata fl-istadju tar-regolament provviżorju kienet ġiet adottata b'mod mgħaġġel u li kien neċessarju, in kunsiderazzjoni ta' l-obbligu tagħhom ta' eżami diliġenti u biex jaslu għal kalkolu raġonevoli tal-valur normali, li jeżaminaw mill-ġdid attentivament il-kwistjoni tal-prodotti sussidjari.

130   Minn dan li ntqal jirriżulta li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta' din il-kawża, il-Kummissjoni u l-Kunsill naqsu, kemm qabel kif ukoll wara r-regolament provviżorju, milli jwettqu l-obbligi li huma għandhom, imfakkra mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 64 iktar 'il fuq, li jqisu ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti u li jevalwaw l-elementi ta' l-inkartament bid-diliġenza kollha meħtieġa sabiex ikun jista' jiġi kkunsidrat li l-valur normali maħdum kien ġie ddeterminat b'mod raġonevoli.

131   Minn dan jirriżulta li r-regolament kkontestat għandu jiġi annullat, safejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti, mingħajr m'hemm bżonn li l-Qorti tal-Prim'Istanza tiddeċiedi fuq it-tieni u t-tielet motivi ta' annullament jew li tilqa' t-talba tar-rikorrenti intiża sabiex il-Kummissjoni tipproduċi kalkoli li juru l-bażi ta' l-evalwazzjoni magħmula minn din l-Istituzzjoni tad-dannu subit mill-industrija Komunitrja.

 Fuq l-ispejjeż

132   Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi l-Kunsill tilef, hemm lok li jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tar-rikorrenti, skond it-talbiet ta' din ta' l-aħħar.

133   Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 87(4) ta' l-istess Regoli, l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Barra minn hekk, skond it-tielet inċiż ta' l-Artikolu 87(4), il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' tordna li parti intervenjenti, barra minn dawk imsemmija fis-subparagrafu 2 ta' din id-dispożizzjoni, għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Il-Kummissjoni u DKL, intervenjenti in sostenn tal-Kunsill, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Ir-regolament (KE) 1656/2003 tal-Kunsill, tal-11 ta' Settembru 2003, li jimponi dazju definittiv ta' anti-dumping u ġbir definittiv ta' dazju provviżorju impost fuq l-importazzjoni ta' para-cresol li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, huwa invalidu sa fejn jirrigwarda r-rikorrenti.

2)      Il-Kunsill huwa kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrenti.

3)      Il-Kummissjoni u Degussa Knottingley Ltd għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Vilaras

Martins Ribeiro

Jürimäe

Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-13 ta' Lulju 2006.

E. Coulon

 

       M. Vilaras

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 – Data kunfidenzjali mħassra.