Language of document : ECLI:EU:T:2014:60

Kawża T‑342/11

Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio (KEEES)

u

Asociación de Gestores de Estaciones de Servicio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Spanjol tal-pompi tal-petrol — Deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment — Regolament (KE) Nru 1/2003 — Nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ impenji li saru obbligatorji b’deċiżjoni tal-Kummissjoni — Ftuħ mill-ġdid tal-proċedura — Multi — Pagamenti ta’ penalità”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tas-6 ta’ Frar 2014

1.      Rikors għal annullament — Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni — Talbiet intiżi li tinkiseb ordni indirizzata lil istituzzjoni — Inammissibbiltà

(Artikoli 263 TFUE u 266 TFUE)

2.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Impenn li daħlet għalihom impriża fil-konfront tal-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni — Nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ impenji li saru obbligatorji b’deċiżjoni tal-Kummissjoni — Setgħat tal-Kummissjoni — Marġni diskrezzjonali — Fissazzjoni tal-prijoritajiet mill-Kummissjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 9, 23(2)(ċ) u 24(1)(ċ)))

3.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Eżami tal-ilmenti — Obbligu tal-Kummissjoni li tiddeċiedi permezz ta’ deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur — Assenza — Teħid inkunsiderazzjoni tal-interess tal-Unjoni marbut mal-istruttorja ta’ kawża — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Limiti — Stħarriġ ġudizzjarju — Portata

(Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE)

4.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Eżami tal-ilmenti — Ilment li jirrigwarda n-nuqqas ta’ osservanza ta’ impenji li daħlet għalihom impriża fi ksur — Teħid inkunsiderazzjoni tal-interess tal-Unjoni marbut mal-istruttorja ta’ kawża — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Teħid inkunsiderazzjoni ta’ miżuri adottati minn awtorità nazzjonali kontra l-impriża — Ammissibbiltà

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 9, 23(2)(ċ) u 24(1)(ċ))

5.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata

(Artikolu 296 TFUE)

6.      Rikors għal annullament — Att ikkontestat — Evalwazzjoni tal-legalità fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tal-att

(Artikolu 263 TFUE)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 43)

2.      Meta impriża ma tosservax deċiżjoni dwar l-impenji, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tiftaħ mill-ġdid il-proċedura kontra l-imsemmija impriża abbażi tal-Artikolu 9(2), ta’ dan ir-Regolament, iżda tiddisponi minn setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward. Hija tiddisponi wkoll minn setgħa diskrezzjonali dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 23(2)(ċ) u tal-Artikolu 24(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1/2003, li abbażi tagħhom hija tista’ timponi multi jew pagamenti ta’ penalitajiet lill-impriżi meta dawn ma josservawx impenn li jkun sar obbligatorju b’deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 9(1) tal-imsemmi regolament.

Fir-rigward tal-elementi li jiddeterminaw l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li għandha l-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1/2003, għandu jingħad li din tal-aħħar għandha biss riżorsi limitati, li għandha tużahom biex taġixxi kontra numru potenzjalment għoli ta’ aġir li jikser lid-dritt tal-kompetizzjoni. Għalhekk, hija l-Kummissjoni li għandha tagħti l-gradi ta’ prijorità differenti lill-problemi tal-kompetizzjoni li jinġabru quddiemha u hija hi li għandha tiddeċiedi jekk it-tkomplija tal-eżami ta’ kawża hijiex fl-interess tal-Unjoni.

(ara l-punti 48, 49, 58, 59)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 60, 61, 70)

4.      Fid-dawl tal-fatt li l-kompetenza tal-Kummissjoni li trendi impenji vinkolanti skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 għandha wkoll l-għan li tiggarantixxi l-osservanza tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE u fid-dawl tal-fatt li l-kompetenzi previsti fl-Artikolu 9(2), fl-Artikolu 24(1)(ċ) u fl-Artikolu 23(2)(ċ) tal-imsemmi regolament huma intiżi li jiggarantixxu l-osservanza tal-imsemmija impenji, il-prinċipji dwar id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ ilment minħabba ksur tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE japplikaw ukoll f’każ fejn l-eventwali nuqqas ta’ osservanza ta’ impenn jitressaq quddiem il-Kummissjoni u f’każ fejn hija għandha tiddeċiedi jekk tiftaħx il-proċedura mill-ġdid.

Issa, peress li l-Kummissjoni għandha tevalwa l-kwistjoni dwar jekk huwiex fl-interess tal-Unjoni li tkompli bl-eżami ta’ lment fid-dawl tal-punti ta’ liġi u ta’ fatt rilevanti f’din il-kawża, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li s-sitwazzjoni tista’ tippreżenta ruħha b’mod differenti skont jekk dan l-ilment jikkonċernax in-nuqqas ta’ osservanza eventwali ta’ deċiżjoni dwar l-impenji jew ksur eventwali tal-Artikoli 101 TFUE jew 102 TFUE. Fil-fatt, peress li n-nuqqas ta’ osservanza tal-impenji huwa ġeneralment iktar faċli li jintwera minn ksur tal-Artikoli 101 TFUE jew 102 TFUE, il-portata tal-miżuri ta’ investigazzjoni meħtieġa biex jiġi stabbilit tali nuqqas ta’ osservanza ta’ impenji hija, bħala regola ġenerali, iktar limitata.

Madankollu, ma jistax jiġi dedott minn dawn id-dispożizzjonijiet li, f’tali każ, il-Kummissjoni jkollha sistematikament tiftaħ mill-ġdid il-proċedura u timponi multa jew pagamenti ta’ penalità. Fil-fatt, tali approċċ ikollu l-konsegwenza li jittrasforma l-kompetenzi li hija għandha abbażi tal-Artikolu 9(2), tal-Artikolu 23(2)(ċ) u tal-Artikolu 24(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1/2003 f’kompetenzi marbuta, ħaġa li ma hijiex konformi ma’ kliem dawn id-dispożizzjonijiet.

F’dan il-kuntest, xejn ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli tieħu inkunsiderazzjoni l-miżuri li awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali tkun adottat kontra impriża, meta hija tevalwa jekk huwiex fl-interess tal-Unjoni li tiftaħ proċedura mill-ġdid kontra din l-impriża għal nuqqas ta’ osservanza tal-impenji tagħha, sabiex timponi fuqha multa jew pagamenti ta’ penalità. Kuntrarjament, sa fejn il-kompetenzi tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 9(2) tal-Artikolu 23(2)(ċ) u tal-Artikolu 24(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1/2003 ingħatawlha fid-dawl tal-missjoni tagħha ta’ sorveljanza tal-osservanza tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE, tali teħid inkunsiderazzjoni huwa obbligatorju.

(ara l-punti 62-64, 68)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 101)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 105)