Language of document : ECLI:EU:T:2021:102

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

24 ta’ Frar 2021 (*)

“Rikors għal annullament – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna għar-ristrutturazzjoni preventiva ta’ Banca Monte dei Paschi di Siena – Fażi preliminari ta’ eżami – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà – Kwalità ta’ parti interessata – Interess ġuridiku – Locus standi – Ammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑161/18,

Anthony Braesch, residenti fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu),

Trinity Investments DAC, stabbilita f’Dublin (l-Irlanda),

Bybrook Capital Master Fund LP, stabbilita fi Grand Cayman (il-Gżejjer Kajman),

Bybrook Capital Hazelton Master Fund LP, stabbilita fi Grand Cayman,

Bybrook Capital Badminton Fund LP, stabbilita fi Grand Cayman,

irrappreżentati minn M. Siragusa, A. Champsaur, G. Faella u L. Prosperetti, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Blanck u A. Bouchagiar, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 4690 final tal‑4 ta’ Lulju 2017, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.47677 (2017/N) – l-Italja, għajnuna ġdida u pjan ta’ ristrutturazzjoni mmodifikat ta’ Banca Monte dei Paschi di Siena,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn A. M. Collins, President, V. Kreuschitz, Z. Csehi, G. De Baere (Relatur) u G. Steinfatt, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tad‑9 ta’ Lulju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Anthony Braesch, Trinity Investments DAC, Bybrook Capital Master Fund LP, Bybrook Capital Hazelton Master Fund LP u Bybrook Capital Badminton Fund LP, huma, l-ewwel wieħed fosthom, rappreżentant ta’ detenturi ta’ bonds imsejħa “Floating Rate Equity-Linked Subordinated Hybrid-FRESH” 2008 (iktar ’il quddiem il-“bonds FRESH”) u, l-oħrajn, detenturi ta’ dawn il-bonds.

2        F’April 2008, Banca Monte dei Paschi di Siena (iktar ’il quddiem “BMPS”) wettqet żieda fil-kapital ta’ EUR 950 miljun irriżervata għal J. P. Morgan Securities Ltd (iktar ’il quddiem “JPM”), li ssottoskriviet għal azzjonijiet ta’ BMPS, l-“azzjonijiet FRESH”. Fl-istess waqt, fis‑16 ta’ April 2008, JPM ikkonkludiet ma’ BMPS kuntratt ta’ użufrutt, li jgħid li JPM iżżomm in-nuda proprjetà tal-azzjonijiet filwaqt li BMPS ikollha dritt għall-użufrutt, u ftehim ta’ skambju ta’ kumpanniji (iktar ’il quddiem il-“kuntratti FRESH”). JPM kisbet il-fondi neċessarji għas-sottoskrizzjoni tal-azzjonijiet FRESH mingħand Bank of New-York Mellon (il-Lussemburgu), issostitwita minn Mitsubishi UFJ Investor Services & Banking (il-Lussemburgu) SA (iktar ’il quddiem “MUFJ”), li ħarġet il-bonds FRESH, fis‑16 ta’ April 2008, skont id-dritt Lussemburgiż, għal ammont ta’ EUR 1 biljun. JPM ikkonkludiet ma’ MUFJ ftehim ta’ skambju suġġett għad-dritt Lussemburgiż u MUFJ ikkonkludiet mad-detenturi tal-bonds FRESH kuntratt fiduċjarju li huwa wkoll suġġett għad-dritt Lussemburgiż. Skont dawn il-kuntratti differenti, ikklassifikati mir-rikorrenti bħala “strumenti FRESH”, it-tariffi miġbura minn JPM mingħand BMPS skont il-kuntratti FRESH huma trażmessi lil MUFJ u sussegwentement lid-detenturi ta’ bonds FRESH fil-forma ta’ kupuni.

3        Permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni Ewropea approvat l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni mogħtija mir-Repubblika Taljana lill-bank Taljan, BMPS, billi ħadet inkunsiderazzjoni pjan ta’ ristrutturazzjoni u impenji. F’Ġunju 2015, BMPS ħallset lura l-għajnuna kollha.

4        Fid‑29 ta’ Lulju 2016, l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) ippubblikat ir-riżultati tat-test ta’ reżistenza mwettaq fuq il-livell Ewropew fl‑2016, li żvela nuqqas fil-kapital ta’ BMPS fil-kuntest tax-xenarju sfavorevoli.

5        Fit‑23 ta’ Diċembru 2016, l-awtoritajiet Taljani adottaw id-decreto-legge n. 237 - Disposizioni urgenti per la tutela del risparmio nel settore creditizio (id-Digriet‑Liġi Nru 237 dwar Dispożizzjonijiet Urġenti għall-Protezzjoni tat-Tfaddil fis-Settur tal-Kreditu) (GURI Nru 299, tat‑23 ta’ Diċembru 2016), li ġie kkonvertit f’liġi u emendat bil-legge di conversione (il-Liġi ta’ Konverżjoni), tas‑17 ta’ Frar 2017 (GURI Nru 43, tal‑21 ta’ Frar 2017) (iktar ’il quddiem id-“Digriet‑Liġi 237/2016”), li jistabbilixxi l-kuntest legali tal-għajnuna finanzjarja u tal-kapitalizzazzjonijiet preventivi.

6        Wara d-dikjarazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) tat‑23 ta’ Diċembru 2016, li BMPS kienet solventi, il-Kummissjoni approvat temporanjament, permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Diċembru 2016, għajnuna finanzjarja individwali ta’ EUR 15 biljun favur BMPS, abbażi tal-impenji proposti mill-awtoritajiet Taljani. L-awtoritajiet Taljani impenjaw ruħhom li jippreżentaw pjan ta’ ristrutturazzjoni f’terminu ta’ xahrejn mill-għoti tal-garanziji, sakemm l-għajnuna ma tiġix irrimborsata f’dan l-istess terminu.

7        Fit‑30 ta’ Diċembru 2016, peress li t-tentattiv ta’ BMPS li tneħħi kapital privat ġdid ma rnexxiex, hija ressqet talba għal għajnuna finanzjarja pubblika eċċezzjonali fil-forma ta’ rikapitalizzazzjoni preventiva skont id-Digriet‑Liġi 237/2016.

8        Fit‑28 ta’ Ġunju 2017, l-awtoritajiet Taljani nnotifikaw lill-Kummissjoni għajnuna għar-rikapitalizzazzjoni ta’ BMPS ta’ ammont ta’ EUR 5.4 biljun, flimkien ma’ pjan ġdid ta’ ristrutturazzjoni u impenji ġodda.

9        Fl-istess jum, il-BĊE bagħat ittra lill-Kummissjoni fejn indika li BMPS kienet solventi f’dik id-data.

10      Fid-deċiżjoni C(2017) 4690 final tal‑4 ta’ Lulju 2017 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.47677 (2017/N) – l-Italja, għajnuna ġdida u pjan ta’ ristrutturazzjoni mmodifikat ta’ Banca Monte dei Paschi di Siena (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), adottata wara l-fażi preliminarja ta’ eżami, il-Kummissjoni evalwat żewġ miżuri ta’ għajnuna. L-ewwel miżura (iktar ’il quddiem il-“miżura 1”) tikkonsisti f’għajnuna finanzjarja ta’ EUR 15‑il biljun fil-forma ta’ garanziji tal-Istat fuq id-dejn tal-ewwel grad, imsemmija fil-punt 6 iktar ’il fuq. It-tieni miżura (iktar ’il quddiem il-“miżura 2”) tikkonsisti f’għajnuna għar-rikapitalizzazzjoni preventiva ta’ BMPS ta’ ammont ta’ EUR 5.4 biljun, imsemmija fil-punt 8 iktar ’il fuq.

11      Wara li qieset li l-miżuri 1 u 2 kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni indikat li l-bażi legali għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tagħhom kienet l-Artikolu 107(3)(b) TFUE dwar l-għajnuna intiża sabiex tirrimedja disturb serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru. Hija qieset li l-miżuri 1 u 2 kienu għajnuna għar-ristrutturar ta’ BMPS u eżaminat il-kompatibbiltà tagħhom fuq il-bażi tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni fid-dawl tas-sitt komunikazzjonijiet dwar il-kriżi finanzjarja dinjija, b’mod partikolari, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq ir-ritorn għall-vijabbiltà u l-valutazzjoni ta’ miżuri ta’ ristrutturar fis-settur finanzjarju fil-kriżi attwali taħt ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat (ĠU 2009, C 195, p. 9), il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta’ Jannar 2012, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat għal miżuri ta’ appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (“il-komunikazzjoni dwar il-banek”) (ĠU 2013, C 216, p. 1; iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-banek”).

12      Fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna fid-dawl tal-komunikazzjonijiet dwar il-kriżi, l-ewwel nett, il-Kummissjoni qieset li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni kien adattat sabiex terġa’ tiġi stabbilita l-vijabbiltà fuq żmien twil ta’ BMPS. It-tieni nett, hija qieset li l-kondiviżjoni tal-oneri tad-detenturi ta’ azzjonijiet u tad-dejn subordinat kienet adegwata, li tillimita l-ispejjeż ta’ ristrutturazzjoni u l-ammont tal-għajnuna għall-minimu, konformement mar-rekwiżiti tal-Komunikazzjoni dwar il-banek, u kkonkludiet li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni kien fih biżżejjed miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri. It-tielet nett, hija qieset li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni kien jinkludi biżżejjed garanziji sabiex jiġu llimitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni indebiti. Hija rrilevat ukoll li kienet żgurata sorveljanza adegwata tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni. Għaldaqstant, hija kkonkludiet li l-miżuri ta’ għajnuna kienu proporzjonati sabiex jirrimedjaw il-konsegwenzi ta’ disturb serju tal-ekonomija Taljana.

13      Sussegwentement, il-Kummissjoni eżaminat il-konformità tal-miżuri ta’ għajnuna mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti tal-Parlament Ewropew (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2014, L 173, p. 190). Hija qieset li l-kundizzjonijiet li fihom ingħataw il-miżuri tal-Istat (miżuri 1 u 2) kienu konformi mal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 32(4)(d) tad-Direttiva 2014/59.

14      Fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet, l-ewwel nett, li l-miżuri 1 u 2 kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u, it-tieni nett, li dawn il-miżuri kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE u li kienu kompatibbli mas-suq intern għal raġunijiet ta’ stabbiltà finanzjarja.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

15      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑5 ta’ Marzu 2018, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

16      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din l-eċċezzjoni fl‑10 ta’ Lulju 2018.

17      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Ottubru 2018, il-President tat-Tmien Bord tal-Qorti Ġenerali ddeċieda, konformement mal-Artikolu 69(d) tar-Regoli tal-Proċedura, li jissospendi l-proċedura fil-kawża preżenti sad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħlaq l-istanza fil-Kawża C‑544/17 P, BPC Lux 2 et vs Il‑Kummissjoni.

18      Fit-30 ta’ Jannar 2019, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali talbet lill-partijiet jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-konsegwenzi li kellhom jinsiltu, fil-kawża preżenti, mis-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2018, BPC Lux 2 et vs Il-Kummissjoni (C‑544/17 P, EU:C:2018:880) u jwieġbu ċerti mistoqsijiet u talbet lill-Kummissjoni tipproduċi verżjoni mhux kunfidenzjali tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ BMPS. Il-Kummissjoni u r-rikorrenti ppreżentaw ir-risposti tagħhom fis‑7 u fit‑8 ta’ Marzu 2019 rispettivament.

19      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, skont l-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tielet Awla, u konsegwentement din il-kawża ġiet assenjata lilha.

20      Fuq proposta tat-Tielet Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża lura quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

21      Fit-3 ta’ Frar 2020, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali talbet lill-partijiet iwieġbu ċerti mistoqsijiet. Il-Kummissjoni u r-rikorrenti ppreżentaw ir-risposti tagħhom fl‑14 u fid‑19 ta’ Frar 2020 rispettivament.

22      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, filwaqt li stednithom iweġbuhom waqt is-seduta.

23      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub u orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad‑9 ta’ Lulju 2020.

24      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla id-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna t-trattament tal-istrumenti FRESH;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

–        tieħu l-miżuri kollha li hija tqis xieraq, inklużi miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura skont l-Artikolu 89(3) tar-Regoli tal-Proċedura u/jew miżuri istruttorji skont l-Artikolu 91(1)(b) tal-istess regoli.

25      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

26      Fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrenti jitolbu wkoll li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni.

 Id-dritt

27      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.

28      Permezz tal-ewwel motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni approvat illegalment miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri fil-kuntest tar-rikapitalizzazzjoni preventiva u jinvokaw ksur tal-Artikoli 18 u 21 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1), kif ukoll nuqqas ta’ motivazzjoni.

29      Permezz tat-tieni motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni eżiġiet illegalment l-annullament tal-kuntratti FRESH. F’dan ir-rigward, huma jsostnu li l-Kummissjoni approvat miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri li jmorru lil hinn mill-Komunikazzjoni dwar il-banek u li huma inkompatibbli magħha, u li għalhekk kisret il-prinċipji fundamentali ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament. Id-deċiżjoni kkontestata hija wkoll ivvizzjata minn nuqqasijiet ta’ motivazzjoni, peress li l-Kummissjoni ma tipprovdi ebda motiv jew spjegazzjoni insostenn tal-annullament tal-kuntratti FRESH.

30      Permezz tat-tielet motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija diskriminatorja fil-konfront tad-detenturi tal-bonds FRESH. Id-deċiżjoni kkontestata hija illegali sa fejn tapprova miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri previsti fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u fl-Artikolu 14 u fil-Protokoll Nru 12 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, sa fejn dawn jagħtu lid-detenturi ta’ bonds FRESH trattament diskriminatorju meta mqabbla mal-kredituri l-oħra ta’ BMPS.

31      Permezz tar-raba’ motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni, billi approvat l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri għall-istrumenti FRESH, kisret id-drittijiet għall-proprjetà tad-detenturi tal-bonds FRESH, iggarantiti mill-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u mill-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.

32      Permezz tal-ħames motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 108(2) u (3) TFUE, l-Artikolu 4(3) u (4) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9), u d-drittijiet proċedurali tagħhom billi ma tatx bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali, minkejja li kienu jeżistu “dubji serji” dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri mad-dritt tal-Unjoni.

33      Skont l-Artikolu 130(1) u (7) tar-Regoli tal-Proċedura, fuq talba tal-konvenuta, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi dwar l-inammissibbiltà jew in-nuqqas ta’ kompetenza mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. F’dan il-każ, fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha, il-Kummissjoni ssostni li r-rikors ikun inammissibbli minħabba, minn naħa, li r-rikorrenti ma jkollhomx interess ġuridiku u, min-naħa l-oħra, ma jkollhomx locus standi fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

34      Il-Qorti Ġenerali tqis neċessarju li tevalwa minn qabel jekk ir-rikorrenti jikkostitwixxux “partijiet interessati” fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE jew tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589, peress li, f’dan il-każ, din il-klassifikazzjoni tiddetermina kemm l-eżistenza tal-interess ġuridiku tagħhom kif ukoll dik tal-locus standi tagħhom għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, bħala deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet skont l-Artikolu 4(3) tal-istess regolament.

 Fuq il-kwalità ta’ “partijiet interessati” tar-rikorrenti

35      L-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “parti interessata”, identiku għal dak ta’ “parti interessata”, fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE, bħal, b’mod partikolari, “kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, b’mod partikolari l-benefiċjarju ta’ l-għajnuna, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ”. L-użu tal-espressjoni “b’mod partikolari” jindika li din id-dispożizzjoni tinkludi biss enumerazzjoni mhux eżawrjenti ta’ persuni li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala partijiet interessati, b’mod li dan il-kunċett jirreferi għal grupp indeterminat ta’ destinatarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il‑Kummissjoni, 323/82, EU:C:1984:345, punt 16; tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 63, u tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Copebi, C‑505/18, EU:C:2019:500, punt 34).

36      Fid-dawl ta’ din id-definizzjoni, il-qorti tal-Unjoni interpretat il-kunċett ta’ parti interessata b’mod wiesa’. Għalhekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589 ma jeskludix li impriża li ma hijiex kompetitriċi diretta tal-benefiċjarja tal-għajnuna tiġi kkwalifikata bħala parti interessata, sa fejn hija tinvoka l-fatt li l-interessi tagħha jistgħu jiġu affettwati bl-għoti tal-għajnuna u li, għal dan il-għan, hija tipprova, suffiċjentement skont il-liġi, li hemm possibbiltà li l-għajnuna jkollha effett konkret fuq is-sitwazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punti 63 sa 65 u l-ġurisprudenza ċċitata). Bl-istess mod, sindakat ta’ ħaddiema jista’ jiġi kkwalifikat bħala “parti interessata” fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE, meta jipprova li l-interessi tiegħu stess jew tal-membri tiegħu jistgħu eventwalment jiġu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, bil-kundizzjoni li dan is-sindakat juri, suffiċjentement skont il-liġi, li l-għajnuna jista’ jkollha effett konkret fuq is-sitwazzjoni tiegħu jew fuq dik tal-membri li huwa jirrappreżenta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il‑Kummissjoni, C‑319/07 P, EU:C:2009:435, punt 33).

37      F’dan il-każ, ir-rikorrenti wrew, suffiċjentement skont il-liġi, li l-għoti tal-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni u, għaldaqstant, l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jista’ jkollhom effett konkret fuq is-sitwazzjoni tagħhom, b’tali mod li għandhom jiġu kkwalifikati bħala “partijiet interessati” fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589.

38      Ir-rikorrenti jsostnu li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali jippermettulhom jinvokaw l-osservazzjonijiet tagħhom, bħala partijiet interessati, billi jeżerċitaw id-drittijiet proċedurali mogħtija lilhom mill-Artikolu 108(2) TFUE, sabiex jiżguraw eżami iktar fil-fond mill-Kummissjoni tal-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri, previsti mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni, kif ukoll tal-impenji ppreżentati mill-awtoritajiet Taljani f’dan ir-rigward. Il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali jista’ jwassal għal miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri differenti u kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

39      B’mod iktar preċiż, ir-rikorrenti jqisu li l-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tikkonċerna l-kondiviżjoni tal-oneri taffettwa l-interessi tagħhom sa fejn il-pjan ta’ ristrutturazzjoni, kif approvat mill-Kummissjoni, jipprevedi l-possibbiltà li jiġu annullati l-kuntratti FRESH, li sussegwentement seħħ, għad-detriment tagħhom. Matul is-seduta, ir-rikorrenti ippreċiżaw dwar dan is-suġġett li, essenzjalment, minħabba l-interdipendenza bejn ir-rabtiet kuntrattwali differenti li fuqhom huma bbażati l-istrumenti FRESH, it-telf ekonomiku li jirriżulta fuq żmien twil, fid-dawl tat-telf ta’ ħlas ta’ kupuni marbut mal-bonds FRESH miżmuma minnhom, huwa sostanzjali, u saħansitra jammonta għal diversi mijiet ta’ miljuni ta’ euro.

40      Minn dan isegwi li r-rikorrenti stabbilixxew li l-miżuri kollha ta’ għajnuna inkwistjoni, kif innotifikati u ddikjarati kompatibbli mas-suq intern fid-deċiżjoni kkontestata, jista’ jkollhom effett konkret fuq is-sitwazzjoni tagħhom fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 36 iktar ’il fuq. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li r-rikorrenti ma jikkontestawx il-kompatibbiltà bħala tali tal-imsemmija miżuri mas-suq intern, kif irrikonoxxut fl-imsemmija deċiżjoni. Fil-fatt, l-impenji tal-awtoritajiet Taljani li jirrigwardaw il-pjan ta’ ristrutturazzjoni u l-kondiviżjoni tal-oneri huma parti integrali mill-miżuri ta’ għajnuna nnotifikati, b’mod li din id-deċiżjoni tirrigwarda dawn il-miżuri u dawn l-impenji meħuda fl-intier tagħhom (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tal‑1 ta’ Diċembru 2015, Banco Espírito Santo vs Il‑Kummissjoni, T‑814/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:936, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2019, FIH Holding u FIH vs Il-Kummissjoni, T‑386/14 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2019:623, punt 52). Peress li l-miżuri ta’ għajnuna nnotifikati u l-impenji ppreżentati mill-awtoritajiet Taljani li kienu s-suġġett tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni huma ta’ natura inseparabbli, sa fejn dawn tal-aħħar jikkundizzjonaw id-dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà u sa fejn id-deċiżjoni kkontestata awtorizzat l-implimentazzjoni tal-imsemmija miżuri ta’ għajnuna filwaqt li rrendiet dawn l-impenji vinkolanti, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti tiġi neċessarjament affettwata minn dawn l-elementi kollha u huma jistgħu jiddefendu l-interessi tagħhom biss billi jitolbu l-annullament ta’ din id-deċiżjoni fit-totalità tagħha.

41      Minn dan jirriżulta li l-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni, kif innotifikati u ddikjarati kompatibbli mas-suq intern fid-deċiżjoni kkontestata, jista’ jkollhom effett konkret fuq is-sitwazzjoni tar-rikorrenti li jiġġustifika l-kwalifika tagħhom bħala “partijiet interessati”.

42      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi evalwat jekk ir-rikorrenti għandhomx interess ġuridiku, kif ukoll locus standi fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

 Fuq l-interess ġuridiku

43      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma għandhomx interess ġuridiku għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, adottata abbażi tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 2015/1589, li jiddikjara kompatibbli l-għajnuna mill-Istat mogħtija lil BMPS abbażi ta’ impenji meħuda volontarjament mill-awtoritajiet Taljani. Fit-tweġiba tagħha għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mis-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, BPC Lux 2 et vs Il‑Kummissjoni (C‑544/17 P, EU:C:2018:880), hija ppreċiżat, essenzjalment, li r-rikorrenti għandhom jistabbilixxu li huma għandhom interess ġuridiku abbażi ta’ proċedura kontenzjuża nazzjonali mibdija kontra l-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri implimentati mill-awtoritajiet Taljani u minn BMPS fil-kuntest tal-għajnuna mill-Istat mogħtija lil din tal-aħħar. Madankollu, ir-rikorrenti ma spjegawx sa fejn annullament tad-deċiżjoni kkontestata għandu implikazzjonijiet pożittivi evidenti fuq il-proċedura li huma bdew quddiem il-qorti Lussemburgiża u għalhekk ma stabbilixxewx l-interess ġuridiku tagħhom.

44      Ir-rikorrenti jikkontestaw l-argumenti tal-Kummissjoni.

45      Rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika jkun ammissibbli biss sa fejn ir-rikorrent ikollu interess li jara li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jeħtieġ li l-annullament ta’ dan l-att ikun jista’, fih innifsu, ikollu konsegwenzi legali u li għalhekk ir-rikors ikun jista’, bl-eżitu tiegħu, jagħti vantaġġ għall-parti li tkun ippreżentatu. Barra minn hekk, dan l-interess għandu jkun eżistenti u attwali u għandu jiġi evalwat fil-jum li fih jiġi ppreżentat ir-rikors (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, BPC Lux 2 et vs Il‑Kummissjoni, C‑544/17 P, EU:C:2018:880, punti 28 u 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi l-prova tal-interess ġuridiku tiegħu, li jikkostitwixxi l-kundizzjoni essenzjali u fundamentali għal kull rimedju ġudizzjarju. B’mod partikolari, sabiex rikors għall-annullament ta’ att, ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika, ikun ammissibbli, huwa meħtieġ li r-rikorrent jiġġustifika b’mod rilevanti l-interess li jirrappreżenta għalih l-annullament ta’ dan l-att (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, BPC Lux 2 et vs Il-Kummissjoni, C‑544/17 P, EU:C:2018:880, punti 33 u 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Barra minn hekk, l-interess ġuridiku jista’ jirriżulta minn kull azzjoni quddiem il-qrati nazzjonali li fil-kuntest tagħha l-annullament possibbli tal-att ikkontestat quddiem il-qorti tal-Unjoni jista’ jagħti benefiċċju lir-rikorrent (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, BPC Lux 2 et vs Il‑Kummissjoni, C‑544/17 P, EU:C:2018:880, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Fl-aħħar, ma huwiex il-kompitu tal-qorti tal-Unjoni, għall-finijiet tal-eżami tal-interess ġuridiku quddiemha, li tevalwa l-probabbiltà tal-fondatezza ta’ rikors ippreżentat quddiem il-qrati nazzjonali skont id-dritt nazzjonali u, għaldaqstant, li tieħu post dawn il-qrati tal-aħħar għall-finijiet ta’ tali evalwazzjoni. Għall-kuntrarju, huwa meħtieġ, iżda huwa suffiċjenti, li, bl-eżitu tiegħu, ir-rikors għal annullament ippreżentat quddiem il-qorti tal-Unjoni jkun jista’ jagħti benefiċċju għall-parti li tkun ippreżentatu (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, BPC Lux 2 et vs Il‑Kummissjoni, C‑544/17 P, EU:C:2018:880, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Insostenn tal-interess ġuridiku tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li, l-ewwel nett, annullament tad-deċiżjoni kkontestata jneħħi l-obbligu għall-awtoritajiet Taljani li jiżguraw l-osservanza tal-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri. It-tieni nett, huwa jkollu l-effett li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni, li abbażi tiegħu ġiet adottata l-imsemmija deċiżjoni, ma jorbotx iktar lil BMPS, li jippermettilhom, bħala detenturi ta’ bonds FRESH, jiksbu l-istabbiliment mill-ġdid tad-drittijiet tagħhom, jew kumpens għad-danni. It-tielet nett, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jwassal għall-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li fil-kuntest tagħha huma għandhom il-possibbiltà li jeżerċitaw id-drittijiet proċedurali tagħhom billi jifformulaw osservazzjonijiet; l-awtoritajiet Taljani jew BMPS ikunu jistgħu għalhekk jemendaw il-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri sabiex jiżguraw il-konformità tagħhom mad-dritt tal-Unjoni u l-Kummissjoni tkun tista’ timponi kundizzjonijiet u obbligi oħra inqas ippenalizzati mill-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri li hija ħadet inkunsiderazzjoni. Fl-aħħar nett, skont ir-rikorrenti, ir-rikonoxximent tal-fatt li BMPS illegalment ċaħħdithom mid-drittijiet tagħhom isaħħaħ il-pożizzjoni tagħhom fil-kuntest tal-proċedura ċivili mibdija kontra BMPS quddiem it-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu, il-Lussemburgu), minn D. Braesch, bħala rappreżentant tad-detenturi ta’ bonds FRESH, kontra BMPS, MUFJ, MUFJ, JPM u l-kumpannija rregolata mid-dritt Amerikan JP Morgan Chase Bank, intiża sabiex jiġi ddikjarat illegali x-xoljiment tal-kuntratti FRESH, b’mod partikolari, il-ftehim dwar l-iskambju tal-kumpanniji.

50      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jippreċiżaw, b’mod partikolari, li d-deċiżjoni ta’ BMPS li xxolji l-kuntratti FRESH, li hija kkontestata quddiem il-qorti Lussemburgiża, hija marbuta b’mod inseparabbli mad-deċiżjoni kkontestata. BMPS stess issostni li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni huwa bbażat fuq il-prinċipju li l-kuntratti FRESH għandhom jiġu tterminati u li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-kondiviżjoni tal-oneri hija suffiċjenti, hija bbażata fuq ix-xoljiment minn BMPS tal-kuntratti FRESH. Minn dan huma jikkonkludu li, jekk id-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata, il-qorti Lussemburgiża tkun f’pożizzjoni li tistabbilixxi mill-ġdid il-kuntratti FRESH.

51      Għandu jiġi kkonstatat li, bħala partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589, ir-rikorrenti għandhom interess ġuridiku għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kontenut tagħha ma jistax jiġi sseparat mill-impenji tal-awtoritajiet Taljani dwar il-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ BMPS, inklużi l-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri (ara l-punti 37 sa 41 iktar ’il fuq). Dan l-interess ġuridiku jirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li, wara tali annullament, il-Kummissjoni jkollha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali li fil-kuntest tagħha huma jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet proċedurali tagħhom skont l-Artikolu 108(2) TFUE sabiex jinfluwenzaw l-evalwazzjoni ta’ din l-istituzzjoni skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE u, għaldaqstant, il-kontenut tad-deċiżjoni tagħha. Fil-fatt, fil-kuntest tal-ħames motiv tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ksur ta’ dawn il-garanziji proċedurali li jistgħu biss jiksbu l-osservanza tagħhom jekk ikollhom il-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni kkontestata quddiem il-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑20 ta’ Ġunju 2019, a&o hostel and hotel Berlin vs Il‑Kummissjoni, T‑578/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:437, punt 41). Dan huwa a fortiori minnu peress li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni, wara fażi twila ta’ qabel in-notifika li tinkludi diversi skambji mal-awtoritajiet Taljani u n-notifika tal-miżuri inkwistjoni, fit‑28 ta’ Ġunju 2017, illimitat ruħha għal eżami preliminari ta’ sitt ijiem biss qabel ma adottat id-deċiżjoni kkontestata, fl‑4 ta’ Lulju 2017, mingħajr ma l-partijiet ikkonċernati kellhom l-opportunità li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

52      Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li annullament eventwali tad-deċiżjoni kkontestata jista’ jkollu effett fuq ir-riżultat tal-kontenzjuż pendenti quddiem, b’mod partikolari, il-qorti Lussemburgiża. F’dan il-kuntest, permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet jindikaw jekk l-annullament tal-kuntratti FRESH kienx jirriżulta mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ BMPS. Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni qieset li l-annullament tal-imsemmija kuntratti kien jirriżulta mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni b’rabta mad-Digriet‑Liġi 237/2016 u li l-awtoritajiet Taljani u BMPS ikkollaboraw mill-qrib matul it-tfassil tal-imsemmi pjan li kien jagħmel parti mill-impenji ppreżentati mill-awtoritajiet Taljani matul l-eżami tal-miżuri ta’ għajnuna mill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, fir-risposta tagħhom għal din l-istess domanda, ir-rikorrenti indikaw li dan il-pjan ta’ ristrutturazzjoni kien jippreżumi espressament li l-kuntratti FRESH ma jkunux effettivi u ma jistgħux jiġu infurzati.

53      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, hija bbażata fuq eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ BMPS fuq il-bażi tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni, li l-kontenut u l-implimentazzjoni tiegħu huma marbuta mill-qrib mal-impenji ppreżentati mill-awtoritajiet Taljani fit-totalità tagħhom, kif annessi mal-imsemmija deċiżjoni (ara l-punti 39 sa 41 iktar ’il fuq). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-qorti nazzjonali bl-evalwazzjoni tagħha, jew saħansitra tippreġudika l-fondatezza tar-rikors ippreżentat quddiemha fid-dawl tad-dritt intern applikabbli, b’kunsiderazzjoni għat-tneħħija tal-effetti legali tad-deċiżjoni kkontestata wara l-annullament potenzjali tagħha (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 48 iktar ’il fuq).

54      Konsegwentement, ir-rikorrenti wrew b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-annullament potenzjali tad-deċiżjoni kkontestata seta’ jipprovdilhom benefiċċju.

55      Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija żbaljata meta ssostni li r-rikorrenti ma stabbilixxewx l-interess ġuridiku tagħhom fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, bil-għan li jiksbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq il-locus standi

56      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma għandhomx locus standi. Hija ssostni b’mod partikolari li, permezz tal-ħames motiv tagħhom, ir-rikorrenti jikkontestaw id-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma nfetħitx u li huma għandhom juru li huma “partijiet interessati” fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589. Madankollu, hija tirrileva li r-rikorrenti ma humiex il-benefiċjarji tal-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni, li l-kwalità tagħhom ta’ detenturi ta’ bonds ma tistax tkun biżżejjed sabiex tagħtihom il-kwalità ta’ parti interessata u li xejn ma jindika li huma jistgħu jkunu kompetituri tal-benefiċjarju.

57      Ir-rikorrenti jikkontestaw l-argumenti tal-Kummissjoni.

58      Huwa biżżejjed li jitfakkru l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 35 sa 41 iktar ’il fuq sabiex jiġi miċħud l-argument prinċipali tal-Kummissjoni li jgħid li r-rikorrenti ma wrewx il-kwalità tagħhom bħala “partijiet interessati”. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni sostniet, mingħajr suċċess, waqt is-seduta, fid-dawl tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, BPC Lux 2 et vs Il-Kummissjoni (T‑812/14 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2019:885), li d-deċiżjoni kkontestata kienet tipproduċi biss effetti fuq is-sitwazzjoni ekonomika tagħhom u effetti indiretti fuq is-sitwazzjoni legali tagħhom, għar-raġuni, b’mod partikolari, li JPM biss kellha relazzjoni kuntrattwali ma’ BMPS, kienet il-kreditur tagħha u kienet ikkonkludiet kuntratt separat ma’ MUFJ, li kkonkludiet kuntratt ieħor mar-rikorrenti, detenturi tal-bonds FRESH. L-istess jgħodd għall-argument tagħha li l-annullament tal-kuntratti FRESH kien jirriżulta mid-Digriet‑Liġi 237/2016 u kien previst mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni. Fi kwalunkwe każ, mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 37 sa 41 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti jinvokaw ġustament il-fatt li l-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni għandhom effett konkret fuq is-sitwazzjoni tagħhom li jiġġustifika l-klassifikazzjoni tagħhom bħala “partijiet interessati”.

59      Barra minn hekk, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet ibbażati fuq l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 2015/1589, li l‑legalità tagħha tiddependi fuq il-kwistjoni ta’ jekk jeżistux dubji dwar il‑kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni. Meta dubji bħal dawn jagħtu lok għall-ftuħ ta’ proċedura formali ta’ investigazzjoni li għaliha jistgħu jipparteċipaw il-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 2015/1589, għandu jitqies li kull parti interessata fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni hija direttament u individwalment ikkonċernata minn tali deċiżjoni. Fil-fatt, il-benefiċjarji tal-garanziji proċedurali previsti fl-Artikolu 108(2) TFUE, u fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 2015/1589, jistgħu biss jiksbu l-osservanza tagħhom jekk huma jkollhom il-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet quddiem il-qorti tal-Unjoni. Konsegwentement, il-kwalità partikolari ta’ “parti interessata” fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 2015/1589, marbuta mas-suġġett speċifiku tar-rikors, hija biżżejjed sabiex tindividwalizza, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrent li kkontesta deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punti 47 u 48 u l-ġurisprudenza ċċitata; tas‑27 ta’ Ottubru 2011, L-Awstrija vs Scheucher‑Fleisch et, C‑47/10 P, EU:C:2011:698, punti 43 u 44 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑20 ta’ Ġunju 2019, a&o hostel and hotel Berlin vs Il-Kummissjoni, T‑578/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:437, punt 41).

60      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, permezz tal-ħames motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 108(2) u (3) TFUE, l-Artikolu 4(3) u (4) tar-Regolament 2015/1589 u d-drittijiet proċedurali tagħhom, minkejja li kien hemm “dubji serji” dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri mad-dritt tal-Unjoni li kellhom iwasslu lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-illegalitajiet li r-rikorrenti jallegaw fil-konfront tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-ewwel erba’ motivi, jiġifieri, il-ksur tad-dritt tad-Direttiva 2014/59, billi approvaw u rendew obbligatorju l-annullament tal-kuntratti FRESH, u l-ksur tar-Regolament Nru 806/2014, tal-Komunikazzjoni dwar il-banek, kif ukoll tal-prinċipji ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ proporzjonalità u ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi.

61      Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta rikorrent jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589, huwa essenzjalment jikkontesta l-fatt li din id-deċiżjoni tkun ġiet adottata mingħajr ma din l-istituzzjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, u b’hekk bi ksur tad-drittijiet proċedurali tiegħu. Insostenn ta’ tali rikors, ir-rikorrent jista’ jinvoka kwalunkwe motiv ta’ natura li juri li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-provi li l-Kummissjoni kellha jew seta’ jkollha, matul il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni, kellha tqajjem diffikultajiet serji fid-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat jew dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ tali għajnuna mas-suq intern, mingħajr ma dan ikollu bħala konsegwenza li jbiddel is-suġġett tar-rikors jew ibiddel il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà. Kuntrarjament, skont din il-ġurisprudenza, l-eżistenza ta’ tali diffikultajiet hija preċiżament il-prova li għandha tiġi prodotta sabiex jintwera li l-Kummissjoni kienet marbuta tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE u fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/1589 (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑20 ta’ Ġunju 2019, a&o hostel and hotel Berlin vs Il-Kummissjoni, T‑578/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:437, punti 45 u 46).

62      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, b’mod simili għal dak li ġie rrilevat mill-ġurisprudenza fil-passat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 2008, Kronoply u Kronotex vs Il-Kummissjoni, T‑388/02, mhux ippubblikata, EU:T:2008:556, punt 85, u tal‑20 ta’ Ġunju 2019, a&o hostel and hotel Berlin vs Il‑Kummissjoni, T‑578/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:437, punt 44), ir-rikorrenti jiddikjaraw espliċitament, fil-punt 141 tar-rikors, li l-ewwel erba’ motivi juru li, minn tal-inqas, il-Kummissjoni kellu jkollha dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri mad-dritt tal-Unjoni. Peress li dan il-każ jirrigwarda rikors li jikkontesta l-legalità ta’ deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589, mingħajr il-ftuħ tal-proċedura formali, għandhom jiġu eżaminati, waqt l-eżami tar-rikors fuq il-mertu, l-ilmenti u l-argumenti kollha mqajma mir-rikorrenti fil-kuntest tal-motivi invokati, sabiex tiġi evalwata l-kwistjoni dwar jekk dawn jippermettux li jiġu identifikati diffikultajiet serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni, li fil-preżenza tagħhom il-Kummissjoni kienet obbligata tiftaħ l-imsemmija proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2019, a&o hostel and hotel Berlin vs Il-Kummissjoni, T‑578/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:437, punti 45, 46 u 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-approvazzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna fid-dawl tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna lir-rikorrenti direttament u individwalment bħala “partijiet interessati”, fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589.

64      Għaldaqstant, ir-rikorrenti għandhom locus standi.

65      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

66      Skont l-Artikolu 133 tar-Regoli tal-Proċedura, deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fis-sentenza jew fid-digriet li jagħlaq il-kawża. Peress li dan id-digriet ma jagħlaqx il-kawża, l-ispejjeż huma rriżervati.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-eċċezzjoni ta’ illegalità hija miċħuda.

2)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Collins

Kreuschitz

Csehi

De Baere

 

      Steinfatt

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑24 ta’ Frar 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.