Language of document : ECLI:EU:T:2013:490

Kawża T‑400/11

Altadis, SA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Rikors għal annullament — Għajnuna mill-Istat — Skema ta’ għajnuna li tippermetti l-amortizzazzjoni tat-taxxa tal-avvjament finanzjarju għal akkwisti ta’ ishma barranin — Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li ma tordnax l-irkupru tal-għajnuna — Att li jinkludi miżuri ta’ implementazzjoni — Nuqqas ta’ interess individwali — Assenza ta’ obbligu ta’ ħlas lura — Inammissibbiltà”

Sommarju — Digriet tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla)
tad-9 ta’ Settembru 2013

1.      Proċedura ġudizzjarja — Obbligu għall-Qorti Ġenerali li tiftaħ il-proċedura orali qabel ma tieħu deċiżjoni dwar eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà — Assenza

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 114(1) u (3))

2.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi skema ta’ għajnuna settorjali — Rikors ta’ impriża li bbenefikat minn għajnuna individwali mogħtija taħt din l-iskema iżda li ma ġietx suġġetta għal obbligu ta’ ħlas lura — Inammissibbiltà

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

3.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Distinzjoni bejn interess individwali u interess ġuridiku

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

4.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Kunċett ta’ att regolatorju fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE — Kull att ta’ portata ġenerali bl-eċċezzjoni ta’ atti leġiżlattivi — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi skema ta’ għajnuna settorjali — Att li jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tat-Trattat — Esklużjoni

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE)

5.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Rikors għal annullament kontra deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat iddikjarat inammissibbli mill-Qorti Ġenerali — Possibbiltà li ssir proposta lill-qorti nazzjonali sabiex tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari

(Artikoli 263 TFUE u 267 TFUE)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 19)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 23, 25, 26, 28, 31, 33, 34, 39, 41)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 38)

4.      Att, bħal deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi skema ta’ għajnuna settorjali li tinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni, ma jistax jiġi kklassifikat bħala att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

Fil-fatt, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, tali deċiżjoni torbot fl-intier tagħha biss lil dawk li lilhom tkun indirizzata. Għalhekk, l-obbligu ta’ rifjut tal-għoti tal-benefiċċju tal-iskema kkontestata, ta’ annullament tal-vantaġġi fiskali mogħtija u ta’ rkupru tal-għajnuna mħallsa taħt din l-iskema huma l-konsegwenzi legali mandatorji tad-deċiżjoni kkontestata għall-Istat Membru li tagħha huwa l-persuna indirizzata.

Min-naħa l-oħra, l-istess deċiżjoni ma tipproduċix effetti legali fil-konfront tal-benefiċjarji tal-iskema kkontestata, peress li d-dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà fiha nnifisha, ma tipprovdi ebda projbizzjoni jew ordni. Peress li l-effett tal-inkompatibbiltà ma huwiex neċessarjament l-istess għal kull benefiċjarju tal-iskema kkontestata, il-konsegwenzi tal-inkompatibbiltà għandhom jiġu individwalizzati permezz ta’ att legali maħruġ mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, bħalma huwa avviż ta’ impożizzjoni ta’ taxxa, li jikkostitwixxi miżura ta’ implementazzjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li, l-Istat Membru li huwa indirizzat bl-att ikkontestat ma jgawdi minn ebda marġni ta’ diskrezzjoni fl-implementazzjoni tiegħu. L-assenza ta’ setgħa diskrezzjonali huwa kriterju li għandu ċertament jiġi eżaminat sabiex jiġi kkonstatat jekk il-kundizzjoni tal-interess dirett ta’ rikorrent hijiex sodisfatta. Madankollu, ir-rekwiżit ta’ att li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jikkostitwixxi kundizzjoni differenti minn dik marbuta mal-interess dirett.

(ara l-punti 45-48)

5.      L-Unjoni hija unjoni bbażata fuq l-istat tad-dritt fejn l-istituzzjonijiet tagħha huma suġġetti għall-istħarriġ tal-konformità tal-atti tagħhom mat-Trattat u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt, li minnhom jagħmlu parti d-drittijiet fundamentali. Għaldaqstant, l-individwi għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li huma jgawdu taħt l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

Rikorrent ma huwa bl-ebda mod imċaħħad minn kull protezzjoni ġudizzjarja effettiva, peress li, anki jekk ir-rikors għal annullament jiġi ddikjarat inammissibbli, xejn ma jipprekludih milli jikkontesta quddiem il-qorti nazzjonali l-miżuri ta’ implementazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi skema ta’ għajnuna settorjali u b’mod partikolari l-avviżi ta’ impożizzjoni ta’ taxxa li jirrifjutaw l-għoti tal-benefiċċju ta’ din l-iskema. Il-qorti nazzjonali tista’ mbagħad tistħarreġ, b’mod inċidentali, il-validità ta’ din id-deċiżjoni u tadixxi, fejn xieraq, lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ domanda preliminari dwar il-validità skont l-Artikolu 267 TFUE.

(ara l-punt 50)