Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Diċembru 2017 – Missir Mamachi di Lusignano et vs Il-Kummissjoni

        (Kawża T-401/11 P RENV-RX) 1

“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Qtil ta’ uffiċjal u tal-konjuġi tiegħu – Regola ta’ konkordanza bejn it-talba, l-ilment u r-rikors għad-danni – Obbligu li tiġi żgurata s-sigurtà tal-persunal fis-servizz tal-Unjoni – Rabta kawżali – Danni materjali – Responsabbiltà in solidum – Teħid inkunsiderazzjoni tal-benefiċċji previsti fir-Regolamenti tal-Persunal – Dannu morali – Responsabbiltà ta’ istituzzjoni fid-dannu morali ta’ uffiċjal deċedut – Responsabbiltà ta’ istituzzjoni fid-dannu morali tal-aventi kawża ta’ uffiċjal deċedut”

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellanti: Stefano Missir Mamachi di Lusignano (Shanghai, iċ-Ċina) u s-6 appellanti l-oħra li isimhom jinsab fl-anness mas-sentenza (rappreżentanti: F. Di Gianni, G. Coppo u A. Scalini, avukati)

Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Gattinara u D. Martin, aġenti)

Suġġett

Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tat-12 ta’ Mejju 2011, Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (F-50/09, EU:F:2011:55), intiż għall-annullament ta’ dik is-sentenza.

Dispożittiv

Is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (F-50/09), hija annullata sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea laqa’ l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni Ewropea fil-konfront tat-talba għall-kumpens tad-dannu morali mġarrab minn Carlo Missir Mamachi di Lusignano, Giustina Missir Mamachi di Lusignano, Filiberto Missir Mamachi di Lusignano u Tommaso Missir Mamachi di Lusignano, bit-tnejn tal-aħħar irrappreżentati minn Anne Sintobin.

Is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (F-50/09), hija annullata sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku laqa’ l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fil-konfront tat-talba għall-kumpens tad-dannu morali mġarrab minn Livio Missir Mamachi di Lusignano.

Is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (F-50/09), hija annullata sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku llimita r-responsabbiltà tal-Kummissjoni fil-livell ta’ 40 % tad-dannu materjali mġarrab minn Carlo Missir Mamachi di Lusignano, Giustina Missir Mamachi di Lusignano, Filiberto Missir Mamachi di Lusignano u Tommaso Missir Mamachi di Lusignano, bit-tnejn tal-aħħar irrappreżentati minn A. Sintobin.

Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

Il-Kummissjoni hija kkundannata in solidum tħallas ammont ta’ EUR 3 miljuni, wara li jitnaqqsu l-benefiċċji previsti fir-Regolamenti tal-Persunal li huma meqjusa li jagħmlu parti minn dan l-ammont u li tħallsu jew li għandhom jitħallsu lil Carlo Missir Mamachi di Lusignano, Giustina Missir Mamachi di Lusignano, Filiberto Missir Mamachi di Lusignano u M. Tommaso Missir Mamachi di Lusignano, bit-tnejn tal-aħħar irrappreżentati minn A. Sintobin, fir-rigward tad-dannu materjali mġarrab minnhom.

Il-Kummissjoni hija kkundannata in solidum tħallas ammont ta’ EUR 100 000 lil Carlo Missir Mamachi di Lusignano, fir-rigward tad-dannu morali mġarrab minnu.

Il-Kummissjoni hija kkundannata in solidum tħallas ammont ta’ EUR 100 000 lil Giustina Missir Mamachi di Lusignano, fir-rigward tad-dannu morali mġarrab minnha.

Il-Kummissjoni hija kkundannata in solidum tħallas ammont ta’ EUR 100 000 lil Tommaso Missir Mamachi di Lusignano, irrappreżentat min A. Sintobin, fir-rigward tad-dannu morali mġarrab minnu.

Il-Kummissjoni hija kkundannata in solidum tħallas ammont ta’ EUR 100 000 lil Filiberto Missir Mamachi di Lusignano, irrappreżentat min A. Sintobin, fir-rigward tad-dannu morali mġarrab minnu.

Il-Kummissjoni hija kkundannata in solidum tħallas ammont globali ta’ EUR 50 000 lil Stefano Missir Mamachi di Lusignano u lill-appellanti l-oħra li isimhom jinsab fl-anness, bħala eredi ta’ Livio Missir Mamachi di Lusignano, fir-rigward tad-dannu morali mġarrab minn dan tal-aħħar.

Il-kumpens imsemmi fil-punti 6 sa 10 iktar ’il fuq għandhom jiżdiedu b’interessi moratorji, b’effett mill-għoti ta’ din is-sentenza u sal-pagament sħiħ tiegħu, bir-rata ffissata mill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward tal-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament tiegħu, miżjuda b’żewġ punti perċentwali.

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż marbuta mal-proċedura tal-appell.

Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż marbuta mal-proċedura tal-ewwel istanza.

____________

1     ĠU C 282, 24.9.2011.