Language of document :

Appell ippreżentat fis-16 ta’ Lulju 2021 minn Ryanair DAC mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla Estiża) fid-19 ta’ Mejju 2021 fil-Kawża T-628/20, Ryanair vs Il-Kummissjoni (Spanja; Covid-19)

(Kawża C-441/21 P)

Lingwa tal-kawża: l-Inġliż

Partijiet

Appellant: Ryanair DAC (rappreżentanti: V. Blanc, E. Vahida u F.-C. Laprévote, avukati, S. Rating, abogado, u I. G. Metaxas-Maranghidis, dikigoros)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Renju ta’ Spanja, Ir-Repubblika Franċiża

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla skont l-Artikoli 263 TFUE u 264 TFUE d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 5414 final tal-31 ta’ Lulju 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.57659 (2020/N) – Spanja – COVID-19 – Fond ta’ Rikapitalizzazzjoni; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll għal dawk sostnuti minn Ryanair, u tikkundanna lill-intervenjenti fl-ewwel istanza u f’dan l-appell (jekk ikun hemm) għall-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka sitt aggravji.

L-ewwel aggravju bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet l-allegazzjoni tal-appellanti li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni inkiser b’mod mhux ġustifikat.

It-tieni aggravju bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u żnaturat b’mod manifest il-fatti li jirrigwardaw l-ilment tal-appellanti fuq il-ksur tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

It-tielet aggravju bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u żnaturat b’mod manifest il-fatti meta ċaħdet it-talba tal-appellanti dwar l-applikazzjoni żbaljata tat-test tal-ibbilanċjar.

Ir-raba’ aggravju bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni bil-klassifikazzjoni tal-għajnuna bħala skema ta’ għajnuna.

Il-ħames aggravju bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u żnaturat b’mod manifest il-fatti li jirrigwardaw in-nuqqas tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali.

Is-sitt aggravju bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u żnaturat b’mod manifest il-fatti li jirrigwardaw in-nuqqas ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni.

____________