Language of document :

Appell ippreżentat fis-16 ta’ Ġunju 2022 minn Cargolux Airlines International SA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) fit-30 ta’ Marzu 2022 fil-Kawża T-334/17, Cargolux Airlines vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-401/22 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Cargolux Airlines International SA (rappreżentant: E. Aliende Rodríguez, abogada)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

l-ewwel nett, tannulla fl-intier tagħhom l-Artikolu 1(1) u (4) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1742 finali tas-17 ta’ Marzu 2017 dwar proċedura taħt l-Artikolu 101 TFUE, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru (Każ AT.39258 – Trasport ta’ merkanzija bl-ajru) (id-Deċiżjoni) sa fejn dan jirrigwarda lill-appellanti ;

sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 1(1) u (4) tad-deċiżjoni sa fejn jikkonċerna lill-appellanti u l-aġir irrelatat mal-ħlas ta’ kummissjonijiet u/jew ta’ sovrataxxi ta’ sigurtà; u/jew tannulla l-Artikolu 1(2) u (3) sa fejn jirrigwarda lill-appellanti u r-rotot inbound, u fi kwalunkwe każ tnaqqas il-multa imposta fuq l-appellanti fl-Artikolu 3(f) tad-Deċiżjoni;

tannulla fl-intier tagħha l-multa imposta fuq l-appellanti fl-Artikolu 3(f) tad-Deċiżjoni jew, sussidjarjament, tnaqqasha sostanzjalment;

sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li ma tistax tiddeċiedi b’mod definittiv, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tal-appellanti fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u quddiem il-Qorti Ġenerali; u

tordna kull miżura xierqa fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka l-erba’ aggravji li ġejjin.

Fl-ewwel aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonfermat il-kompetenza tal-Kummissjoni li tikkonstata u tippenalizza ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fir-rigward ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija bl-ajru minn pajjiżi terzi lejn pajjiżi fi ħdan ŻEE (rotot inbound). L-appellanti ssostni speċifikament li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi applikat test legali żbaljat sabiex tafferma l-kompetenza tagħha fuq il-bażi tad-dritt internazzjonali u mhux tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, u fi kwalunkwe każ applikat ħażin l-istandard tal-effetti kkwalifikati taħt id-dritt internazzjonali pubbliku.

Fit-tieni aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonfermat il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-aġir li l-appellanti pparteċipat fih kien jammonta għal ksur bħala għan. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonfermat il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-aġir irrelatat man-nuqqas ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet fuq is-sovrataxxa kien jammonta għal ksur minħabba l-għan.

Fit-tielet aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkwotat u applikat b’mod żbaljat il-kriterju legali użat biex jiġi stabbilit ksur uniku u kontinwu u billi kkonfermat b’mod żbaljat id-deċiżjoni li tippenalizza lill-appellanti għal tali ksur uniku u kontinwu. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet korrettament in-natura komplementari u kontinwa tal-aġir li jikkostitwixxi l-ksur uniku u kontinwu.

Fir-raba’ aggravju, l-appellanti ssostni li, sussidjarjament, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-appellanti kienet responsabbli għall-aspetti kollha tal-ksur uniku u kontinwu meta fir-realtà l-parteċipazzjoni tagħha kienet limitata, b’mod partikolari billi kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali fir-rigward tal-evalwazzjoni tagħha tal-parteċipazzjoni tal-appellanti fin-nuqqas ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet fuq is-sovrataxxa u billi stabbilixxiet b’mod żbaljat il-parteċipazzjoni kontinwa tal-appellanti fis-sovrataxxa tas-sigurtà matul perijodi li għalihom ma tkun ġiet ippreżentata ebda prova ta’ tali parteċipazzjoni.

____________