Language of document : ECLI:EU:F:2016:103

Edizzjoni Provviżorja

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

4 ta’ Mejju 2016

Kawża F‑44/12

Olivier Maes

u

Michal Strojwas

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Pensjonijiet – Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal – Drittijiet għall-pensjoni miksuba, qabel id-dħul fis-servizz tal-Unjoni, taħt skema nazzjonali tal-pensjonijiet – Trasferiment lejn l-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni – Proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz, magħmula mill-Awtorità tal-Ħatra jew mill-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ, ibbażata fuq dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ġodda – Eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà – Kunċett ta’ att li jikkawża preġudizzju – Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu Olivier Maes u Michal Strojwas jitolbu essenzjalment l-annullament tad-deċiżjonijiet, rispettivament, tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Awtorità tal-Ħatra tal-Kummissjoni, tal-22 ta’ Awwissu u tal-27 ta’ Ottubru 2011, li permezz tagħhom dawn l-awtoritajiet iffissaw definittivament, taħt l-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni Ewropea, id-drittijiet għall-pensjoni miksuba mir-rikorrenti qabel id-dħul tagħhom fis-servizz tal-Unjoni.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli. Olivier Maes u Michal Strojwas għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom u huma kkundannati għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz fid-dawl tat-trasferiment lill-iskema tal-Unjoni tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-Unjoni – Esklużjoni – Deċiżjoni li tirrikonoxxi s-snin ta’ servizz adottata wara t-trasferiment tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba – Inklużjoni

(Artikolu 270 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1) u Anness VIII, Artikolu 11(2))

2.      Rikorsi tal-uffiċjali – Rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment – Ammissibilità – Obbligu ta’ deċiżjoni dwar it-talbiet imressqa kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment – Talbiet li ma għandhomx kontenut awtonomu jew deċiżjoni purament konfermattiva – Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

1.      Fil-kuntest tal-proċedura ta’ trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni prevista fl-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, hija d-deċiżjoni li tiġi adottata, skont il-każ mill-Awtorità tal-Ħatra jew mill-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ, ladarba jitwettaq it-trasferiment tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba mill-persuna kkonċernata qabel id-dħul tagħha fis-servizz tal-Unjoni, li tikkostitwixxi l-att li jikkawża preġudizzju li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors skont l-Artikolu 270 TFUE u l-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Min-naħa l-oħra, proposta ta’ akkreditazzjoni tad-drittijiet għall-pensjoni, jekk din tiġi aċċettata mill-persuna kkonċernata, ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors skont l-Artikolu 270 TFUE u l-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

Fil-fatt, l-akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz tista’ tiġi rrikonoxxuta biss meta l-uffiċjal jagħti l-kunsens tiegħu għat-tkomplija tal-proċedura ta’ trasferiment, lejn l-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni, tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba preċedentement mill-persuna kkonċernata mill-fond ta’ pensjonijiet estern ikkonċernat, liema kunsens jingħata fid-dawl tal-proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz magħmula mill-Awtorità tal-Ħatra jew mill-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ abbażi tal-ammont provviżorju ta’ kapital stabbilit mill-fond nazzjonali ta’ pensjonijiet ikkonċernat.

F’dan ir-rigward, fl-istadju tal-proposta ta’ akkreditazzjoni tad-drittijiet għall-pensjoni, l-istituzzjoni kkonċernata tobbliga ruħha sempliċement li tapplika korrettament għas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni. Dan l-obbligu tal-istituzzjoni jirriżulta direttament mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal inkwistjoni, anki fin-nuqqas ta’ impenn espress tal-istituzzjoni.

Għaldaqstant, minn tali impenn espress fi proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz ma jirriżulta la obbligu ġdid li jaqa’ fuq l-istituzzjoni inkwistjoni u lanqas, konsegwentement, bidla tas-sitwazzjoni legali tal-persuna kkonċernata, b’mod partikolari għaliex, anki meta l-persuna kkonċernata tagħti l-kunsens tagħha għat-trasferiment, lejn l-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni, tad-drittijiet għall-pensjoni li hija tkun kisbet taħt skema oħra, l-istituzzjoni awtriċi tal-proposta ma għandhiex l-obbligu korrispondenti, ladarba jsir it-trasferiment tal-ammont tal-kapital stabbilit mill-fond nazzjonali ta’ pensjonijiet, li tirrikonoxxi awtomatikament lill-persuna kkonċernata n-numru ta’ snin ta’ servizz indikat fil-proposta inizjali li fid-dawl tagħha l-uffiċjal ikun ta l-kunsens tiegħu għat-trasferiment tal-imsemmi kapital lejn l-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni.

(ara l-punti 32 sa 36)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenzi tat-13 ta’ Ottubru 2015, Il‑Kummissjoni vs Verile u Gjergji, T‑104/14 P, EU:T:2015:776, punti 50, 52, 53 u 74; Il‑Kummissjoni vs Cocchi u Falcione, T‑103/13 P, EU:T:2015:777, punt 66, u Teughels vs Il‑Kummissjoni, T‑131/14 P, EU:T:2015:778, punti 37, 46, 48, 49, 58 u 70

2.      Skont il-prinċipju ta’ ekonomija tal-ġudizzju, il-qorti tal-Unjoni tista’ tiddeċiedi li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni speċifikament dwar it-talbiet imressqa kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment jekk tikkonstata li dawn huma nieqsa minn kontenut awtonomu u jingħaqdu, fil-fatt, ma’ dawk it-talbiet imressqa kontra l-att li kontrih jkun sar l-ilment. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, meta hija tikkonstata li d-deċiżjoni ta’ caħda tal-ilment tkun purament konfermattiva tal-att li huwa s-suġġett ta’ dan l-ilment u li, barra minn hekk, dan l-att ma jkunx jikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punt 39)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza tal-21 ta’ Settembru 2011, Adjemian et vs Il‑Kummissjoni, T‑325/09 P, EU:T:2011:506, point 33

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza tad-19 ta’ Novembru 2014, EH vs Il‑Kummissjoni, F‑42/14, EU:F:2014:250, punt 85