Language of document : ECLI:EU:T:2007:312

Kawża T-28/05

Ekabe International SCA

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern

(Trade marks u disinni) (UASI),

“Trade mark Komunitarja – Proċedura ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja figurattiva OMEGA 3 – Trade mark nazzjonali verbali preċedenti PULEVA-OMEGA 3 – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Xebh bejn is-sinjali – Artikolu 8(1)b tar-Regolament KE Nru 40/94”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Kawża mressqa quddiem il-qorti Komunitarja

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikoli 63 u 74(1))

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))

3.      Trade mark Komunitarja — Osservazzjonijiet ta’ terzi u oppożizzjoni — Eżami ta’ l-oppożizzjoni — Portata

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikoli 7 u 8(1)(b))

4.      Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Kawża mressqa quddiem il-qorti Komunitarja

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 63)

5.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))

1.      Ir-rikors li jitressaq quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kontra d-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta’ l-appell ta’ l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u disinni) ifittex l-istħarriġ tal-legalità ta’ dawn id-deċiżjonijiet fis-sens ta’ l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja. Issa, fatti li jiġu invokati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza mingħajr ma jkunu tressqu quddiem id-dipartimenti ta’ l-UASI ma jaffettwawx il-legalità ta’ din id-deċiżjoni ħlief jekk l-UASI kellu jeħodhom in kunsiderazzjoni ex officio.

F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-Artikolu 74(1) in fine, li jgħid li, fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal rifjut ta’ reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett għal eżami ta’ fatti, ta’ provi u ta’ argumenti ppreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba, li huwa mhuwiex marbut li jieħu in kunsiderazzjoni, ex officio, fatti li ma jkunx tressqu mill-partijiet. Għaldaqstant, dawn il-fatti ma jistgħux iqegħdu in kwistjoni l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Bord ta’ l-appell.

(ara l-punt 35)

2.      Fl-evalwazzjoni ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, trade mark kumplessa ma tistax titqies li tixbah trade mark oħra, identika jew li għandha xebh ma wieħed mill-komponenti tat-trade mark kumplessa, ħlief meta din tikkostitwixxi l-element dominanti fl-impressjoni globali li tagħti t-trade mark kumplessa. Dan ikun il-każ meta dan il-komponent ikun jista’ jiddomina waħdu l-immaġini tat-trade mark li l-pubbliku rilevanti jżomm fil-memorja, b’tali mod li l-komponenti kollha l-oħra tat-trade mark ikunu irrilevanti fl-impressjoni globali mogħtija minnha

(ara l-punt 43)

3.      Fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ oppożizzjoni magħmula mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, jekk min ikun applika għal trade mark ma jistax jikkontesta l-validità tat-trade mark preċedenti invokata fl-oppożizzjoni għar-raġuni li r-reġistrazzjoni tiegħu tmur kontra l-Artikolu 7 ta’ l-istess regolament, peress li hija, min-naħa l-oħra, raġuni assoluta għal rifjut li tipprekludi r-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja li għaliha saret l-applikazzjoni, l-Uffiċċju għandu l-fakultà, paralellament ma’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, li jiftaħ mill-ġdid il-proċedimenti ta’ eżami sabiex jivverifika l-eżistenza eventwali ta’ din ir-raġuni.

(ara l-punt 47)

4.      Rikorrent li jikkontesta deċiżjoni ta’ Bord ta’ l-Appell ta’ l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u disinni), ma għandu l-ebda interess leġittimu għall-annullament ta’ deċiżjoni, fil-każ fejn dan l-annullament ikun jista’ jwassal biss għal deċiżjoni oħra li tagħti l-istess riżultat tad-deċiżjoni annullata.

(ara l-punt 51)

5.      Teżisti, għall-konsumatur spanjol, probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark figurattiva li għandha l-element verbali “omega 3”, li għar-reġistrazzjoni tagħha saret applikazzjoni bħala trade mark Komunitarja għall-“marġerina”, li taqa’ taħt il-klassi 29 skond il-Ftehim ta’ Nizza, u t-trade mark nazzjonali “PULEVA-OMEGA 3”, preċedentement irreġistrata fi Spanja għal “Laħam, ħut, tjur u selvaġġina, estratti tal-laħam, frott u ħaxix ikkonservati, imnixfa u msajrin; ġeli, jam, komposti, bajd; żjut u xaħmijiet kummestibbli, platti abbażi ta’ laħam, ħut jew ħaxix u b’mod partikolari ħalib u prodotti tal-ħalib”, li jaqgħu fl-istess klassi.

Fil-fatt, peress li, fuq livell viżiv u fuq livell fonetiku, l-element “omega 3” huwa t-tieni taż-żewġ elementi li jikkostitwixxu t-trade mark preċedenti (l-ewwel wieħed huwa l-element “puleva”) u l-uniku element verbali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li tagħha huwa l-element dominanti, it-trade marks kunfliġġenti, kollha meqjusa fil-globalità tagħhom u fid-dawl, b’mod partikolari, ta’ l-elementi distintivi u dominanti tagħhom, jixxiebhu, b’mod li l-pubbliku rilevanti jista’ jaħseb li l-prodotti ta’ l-ikel koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jistgħu joriġinaw mill-impriża proprjetarja tat-trade mark preċedenti.

(ara l-punti 56, 59-60)