Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta' Ottubru 2009 - Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-409/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Evropaïki Dynamiki - Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (Ateni, il-Greċja) (rappreżentanti: N. Korogiannakis u M. Dermitzakis, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tordna lill-Kummissjoni tħallas lir-rikorrenti l-ammont ta' EUR 2 000 000, li jikkorrispondi għall-profitt gross tar-rikorrenti (50 % tal-valur tal-kuntratt);

tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ammont ta' EUR 100 000 li jikkorrispondi għad-dannu subit minħabba l-opportunità mitlufa sabiex il-kuntratt jiġi eżegwit.

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż legali u spejjeż oħra inkorsi f'dak li għandu x'jaqsam ma' dan ir-rikors, anki jekk dan ir-rikors jiġi miċħud.

Motivi u argumenti prinċipali

Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti qiegħda tippreżenta rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali li tirriżulta minn danni li tallega li subiet bħala riżultat tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-15 ta' Settembru 2004, li tiċħad l-offerta tar-rikorrenti fil-kuntest ta' sejħa għal offerti pubblika FISH/2004/02 għall-provvista ta' servizzi tal-informatika u tal-provvisti relatati mas-sistemi ta' informazzjoni tad-Direttorat Ġenerali tas-Sajd1 u li tagħti l-kuntratt lill-kuntrattur magħżul. Fis-sentenza tagħha tal-10 ta' Settembru 20082 il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat li, meta adottat l-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni naqset mill-obbligu ta' motivazzjoni taħt l-Artikolu 100 tar-Regolament Finanzjarju3 u l-Artikolu 149 tar-Regoli ta' Implementazzjoni. Il-Qorti tal-Prim'Istanza ma tatx deċiżjoni dwar il-motivi l-oħra mressqa mir-rikorrenti.

Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti ssostni li permezz tas-sentenza msemmija iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Prim'Istanza rrikonoxxiet li l-Kumitat ta' Evalwazzjoni fixkel il-kriterji tal-għoti u l-kriterji tal-għażla u żbalja meta vvaluta l-offerta tar-rikorrenti, filwaqt li ċaħadha b'mod infondat.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqajjem irregolaritajiet oħra, fil-proċedura tas-sejħa għal offerti inkwistjoni, li kienu ġew sottomessi fil-Kawża T-465/04 u li ma kinux eżaminati jew diskussi mill-Qorti tal-Prim'Istanza. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni u ta' kompetizzjoni ħielsa, u l-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba u l-obbligu ta' diliġenza u li wettqet żbalji manifesti ta' evalwazzjoni. Hija ssostni li f'ċirkustanzi bħal dawn, il-ksur tad-dritt Komunitarju huwa ksur suffiċjentement serju tad-dritt.

Ir-rikorrenti ssostni li peress li l-Qorti tal-Prim'Istanza annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni wara li l-kuntratt mogħti abbażi tad-deċiżjoni annullata kien diġà ġie eżegwit fl-intier tiegħu, ir-rikorrenti titlob kumpens għan-nuqqas ta' għoti tal-imsemmi kuntratt, kif ukoll għal opportunità mitlufa.

____________

1 - ĠU 2004/S 73 - 061407

2 - Sentenza T-465/04,Evropaïki Dynamiki v Il-Kummissjoni, Ġabra p. II- 00154.

3 - Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta' Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 2002 L 248, p. 1)