Language of document :

Appell ippreżentat fit-3 ta’ Mejju 2021 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (it-Tielet Awla Estiża) fl-24 ta’ Frar 2021 fil-Kawża T-161/18, Braesch et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-284/21 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Bouchagiar u K. Blanck, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Anthony Braesch, Trinity Investments DAC, Bybrook Capital Master Fund LP, Bybrook Capital Hazelton Master Fund LP, Bybrook Capital Badminton Fund LP

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiddeċiedi hija stess fuq ir-rikors fl-ewwel istanza u tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli; u

tikkundanna lill-partijiet l-oħra fil-proċeduri għall-ispejjeż tal-proċeduri.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tissottometti aggravju wieħed.

Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 108(2) TFUE u l-Artikolu 1(h) tar-Regolament dwar il-Proċeduri tal-Għajnuna mill-Istat 1 billi kklassifikat b’mod żbaljat lir-rikorrenti fl-ewwel istanza bħala “partijiet ikkonċernati” jew “partijiet interessati”.

Fuq din il-bażi, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li r-rikorrenti fl-ewwel istanza kellhom locus standi sabiex jippreżentaw proċeduri taħt ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 263 TFUE kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 4690 final tal-4 ta’ Lulju 2017 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.47677 (2017/N) li tawtorizza għajnuna mill-Istat kompatibbli mill-Italja lil Banca Monte dei Paschi di Siena.

____________

1 Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9).