Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta' Frar 2013 - Al-Tabbaa vs Il-Kunsill

(Kawża T-74/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Mazen Al Tabbaa (Bejrut, il-Libanu) (rappreżentanti: M. Lester, Barrister, u G. Martin, Solicitor)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/739/PESK, tad-29 ta' Novembru 2012, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/782/PESK (ĠU L 330, p. 21), sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrent;

tannulla r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) tal-Kunsill Nru 1117/2012, tad-29 ta' Novembru 2012, li jimplimenta l-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L 330, p. 9), sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrent; u

tordna lill-konvenut ibati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba' motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-argument li l-konveut wettaq żball manifest ta' fatt u ta' evalwazzjoni billi ddeċieda li japplika dawn il-miżuri restrittivi għar-rikorrent u billi kkunsidra li ġie sodisfatt wieħed mill-kriterji sabiex jitniżżel fil-lista.

It-tieni motiv, ibbażat fuq l-argument li l-konvenut naqas milli jagħti motivi suffiċjenti jew adegwati lir-rikorrent għall-inklużjoni tiegħu fil-miżuri kkontestati.

It-tielet motiv, ibbażat fuq l-argument li l-konvenut kiser id-drittijiet fundamentali tar-rikorrent fir-rigward tad-difiża u għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

Ir-raba' motiv, ibbażat fuq l-argument li l-konvenut kiser, mingħajr ġustifikazzjoni jew proporzjon, id-drittijiet fundamentali tar-rikorrent, b'mod partikolari d-dritt tiegħu għall-proprjetà, għat-tmexxija tal-impriża tiegħu, għall-protezzjoni tar-reputazzjoni u għall-ħajja privata u tal-familja tiegħu.

____________