Kawżi magħquda C-585/08 u C-144/09
Peter Pammer
vs
Reederei Karl Schlüter GmbH & Co. KG
u
Hotel Alpenhof GesmbH
vs
Oliver Heller
(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof)
“Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Artikolu 15(1)(ċ) u (3) — Ġurisdizzjoni fil-qasam tal‑kuntratti konklużi mill-konsumaturi — Kuntratt ta’ vjaġġ fuq bastiment tat-tagħbija —Kunċett ta’ ‘vjaġġ għal prezz inklussiv’ — Kuntratt ta’ akkomodazzjoni f’lukanda — Preżentazzjoni tal-vjaġġ u tal-lukanda fuq sit internet — Kunċett ta’ attività ‘mmexxija [immirata] għal’ l-Istat Membru fejn il-konsumatur għandu d‑domiċilju tiegħu — Kriterji — Aċċessibbiltà tas-sit internet”
Sommarju tas-sentenza
1. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament Nru 44/2001 — Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi
(Regolament tal-Kunsill 44/2001, Artikolu 15(3); Direttiva tal-Kunsill 90/314, Artikolu 2(1))
2. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament Nru 44/2001 — Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi — Kunċett ta’ attivitajiet immirati għall-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament
(Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, Artikolu 15(1)(ċ))
1. Kuntratt li għandu bħala suġġett vjaġġ fuq bastiment tat-tagħbija, jista’ jkkostitwixxi kuntratt ta’ trasport, li għal prezz inklussiv, jipprovdi għal taħlita ta’ vjaġġ u akkomodazzjoni fis-sens tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali.
Dan huwa l-każ meta, barra t-trasport, l-imsemmi vjaġġ ta’ tagħbija jinkludi, għal prezz inklussiv, ukoll l-akkomodazzjoni u dan il-vjaġġ ikun jeċċedi 24 siegħa. Għaldaqstant, tali servizz jissodisfa l-kundizzjonijiet rikjesti sabiex jikkostitwixxi pakkett fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 90/314 dwar il-vjaġġi kollox kompriż, il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż u jaqa’ taħt id-definizzjoni tal-kuntratt ta’ trasport għal prezz inklussiv imsemmi fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 44/2001, moqri fid-dawl ta’ dan l‑Artikolu 2(1).
(ara l-punti 45, 46 u d-dispożittiv 1)
2. Sabiex jiġi ddeterminat jekk negozjant, li l-attività tiegħu hija ppreżentata fuq sit internet, jistax jiġi kkunsidrat bħala li “imexxi [jimmira]” l-attività tiegħu lejn l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l‑konsumatur għandu d-domiċilju tiegħu fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi vverifikat jekk, qabel il‑konklużjoni eventwali ta’ kuntratt mal-konsumatur, minn dawn is-siti internet u mill-attività globali tan-negozjant jirriżulta li din tal-aħħar kienet tikkunsidra kummerċ mal-konsumaturi domiċiljati f’wieħed jew iktar Stati Membri, fosthom dak li fih il-konsumatur għandu d-domiċilju tiegħu, fis-sens li huwa kien lest li jikkonkludi kuntratt magħhom.
L-elementi li ġejjin, li l-lista tagħhom ma hijiex eżawrjenti, jistgħu jikkostitwixxu indikazzjonijiet li bihom jista’ jiġi kkunsidrat li l-attività ta’ negozjant hija mmirata lejn l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur, jiġifieri n-natura internazzjonali tal-attività, l-indikazzjoni ta’ rotot minn Stati Membri oħra sabiex jintlaħaq il-post fejn in-negozjant huwa stabbilit, l-użu ta’ lingwa jew ta’ munita oħra minbarra l-lingwa jew il-munita normalment użati fl-Istat Membru li fih in‑negozjant huwa stabbilit bil-possibbilità ta’ riżervazzjoni u ta’ konferma tar-riżervazzjoni f’din il-lingwa l-oħra, l-indikazzjoni ta’ numri tat-telefon flimkien mal-indikazzjoni ta’ prefiss internazzjonali, l-infiq ta’ spiża għal servizz ta’ riferiment fuq l-internet sabiex jiffaċilita għall-konsumaturi domiċiljati fi Stati Membri oħra l-aċċess għas-sit tan-negozjant jew dak tal-intermedjarju tiegħu, l-użu ta’ isem ta’ dominju tal-ogħla livell minbarra dak tal-Istat Membru fejn in-negozjant huwa stabbilit u l-indikaazzjoni ta’ klijentela internazzjonali li tikkonsisti minn klijenti domiċiljati fi Stati Membri differenti. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika l-eżistenza ta’ tali indikjazzjonijiet.
Għall-kuntrarju, is-sempliċi aċċessibbiltà tas-sit tal-internet tan-negozjant jew tal-intermedjarju fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konsumatur ikun domiċiljat huwa insuffiċjenti. Dan japplika wkoll għall-indikazzjoni ta’ indirizz elettroniku kif ukoll ta’ dettalji oħra jew l-użu ta’ lingwa jew ta’ munita li huma l-lingwa u/jew il-munita normalment użati fl-Istat Membru li fih in-negozjant huwa stabbilit.
(ara l-punti 92-94 u d-dispożittiv 2)