Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta' Settembru 2008 - New Europe vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-383/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: New Europe (Brussel, il-Belgju) (rappreżentant: A.-M. Alamanou, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni mogħtija permezz ta' ittra datata t-2 ta' Lulju 2008 u li waslet għand ir-rikorrenti dakinhar stess, li rrifjutatilha l-aċċess għall-ismijiet tal-kumpanniji u tal-individwi msemmija fid-dokumenti kkomunikati mill-Kummissjoni; u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors preżenti, ir-rikorrenti tikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni nnotifikata lilha permezz ta' ittra datata t-2 ta' Lulju 2008 li permezz tagħha l-Kummissjoni rrifjutat li tikkomunika l-ismijiet tal-kumpanniji u tal-individwi involuti fl-hekk imsejjaħ każ "Eximo" li huma ċċitati fid-dokumenti mogħtija mill-Kummissjoni lir-rikorrenti bħala risposta għat-talba inizjali tagħha.

Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi tas-segwenti motivi:

L-ewwel nett, skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żball manifest ta' liġi sa fejn il-Kummissjoni interpretat ħażin u bbażat ruħha fuq l-eċċezzjonijiet mogħtija fl-Artikolu 4(1)(b) u l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 mingħajr ma wettqet evalwazzjoni tal-fatti jew indikat ir-raġunijiet għar-rifjut tagħha. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għamlet żball fl-evalwazzjoni tal-fatti meta waslet għall-konklużjoni li l-interessi kummerċjali tal-kumpanniji kkonċernati u l-privatezza u l-integrità tal-individwi involuti kienu jiġu ppreġudikati b'mod serju ħafna kieku kellhom jiġu żvelati l-ismijiet tagħhom. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li, billi applikat interpretazzjoni wiesa' tal-frażi "ħarsien tal-interessi kummerċjali" u "ħarsien tal-privatezza u l-integrità ta' l-individwu", il-Kummissjoni kisret il-prinċipju tal-akbar aċċess għal dokumenti kif inhu stipulat fl-Artikolu 1(a) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata kisret l-Artikolu 4(4) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 sa fejn il-Kummissjoni naqset milli tagħti lir-rikorrenti l-aċċess sħiħ għal dokument li kien diġà disponibbli għall-pubbliku.

It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu li tindika r-raġunijiet skont l-Artikolu 253 KE, billi naqset milli tinforma lir-rikorrenti fuq ir-raġunijiet li fuqhom ibbażat id-deċiżjoni tagħha u billi rreferiet sempliċement għall-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

____________

1 - Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU 2001 L 145, p. 43)