Language of document : ECLI:EU:C:2017:936

Kawża C-42/17

Proċeduri kriminali

kontra

M.A.S.
u
M.B.

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Corte costituzionale)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 325 TFUE – Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2015, Taricco et (C-105/14, EU:C:2015:555) – Proċedura kriminali li tikkonċerna reati fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi termini ta’ preskrizzjoni li jistgħu jwasslu għall-impunità tar-reati – Preġudizzju għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Obbligu li titħalla mhux applikata kull dispożizzjoni tad-dritt intern li tista’ tippreġudika l-obbligi imposti fuq l-Istati Membri mid-dritt tal-Unjoni – Prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-5 ta’ Diċembru 2017

1.        Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni – Ġlieda kontra l-frodi u attivitajiet illegali oħra – Obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu sanzjonijiet effettivi u dissważivi – Portata – Reati fiskali fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud

(Artikolu 325(1) TFUE)

2.        Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni – Ġlieda kontra l-frodi u attivitajiet illegali oħra – Obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu sanzjonijiet effettivi u dissważivi – Portata – Reati fiskali fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud – Iffissar tat-termini ta’ preskrizzjoni – Kompetenzi tal-Istati membri – Limiti

(Artikoli 4(2) TFUE u 325 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2017/1371)

3.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Prinċipju ta’ legalità tal-pieni – Portata

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 49)

4.        Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni – Ġlieda kontra l-frodi u attivitajiet illegali oħra – Obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu sanzjonijiet effettivi u dissważivi – Portata – Reati fiskali fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tostakola l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali effettivi u dissważivi – Inammissibbiltà – Obbligu tal-qorti nazzjonali li tħalli mhux applikati d-dispożizzjonijiet nazzjonali kkonċernati – Kundizzjoni – Osservanza tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege

(Artikolu 325(1) u (2) TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 49)

1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw ġbir effikaċi tar-riżorsi proprji tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ April 2016, Degano Trasporti, C-546/14, EU:C:2016:206, punt 21). F’dan ir-rigward, l-imsemmija Stati Membri huma obbligati jirkupraw is-somom li jikkorrispondu għar-riżorsi proprji li, minħabba frodi, ikunu tnaqqsu mill-baġit tal-Unjoni. Sabiex jiġi żgurat il-ġbir integrali tad-dħul iġġenerat mill-VAT u sabiex b’hekk tiġi żgurata l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom libertà fl-għażla tas-sanzjonijiet applikabbli, li jistgħu jieħdu l-forma ta’ sanzjonijiet amministrattivi, ta’ sanzjonijiet kriminali jew taħlita tat-tnejn (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C-617/10, EU:C:2013:105, punt 34, u Taricco, punt 39).

F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li sanzjonijiet kriminali jistgħu jkunu indispensabbli sabiex jiġu miġġielda b’mod effettiv u dissważiv ċerti każijiet ta’ frodi gravi tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Taricco, punt 39). B’hekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-każijiet ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni fil-qasam tal-VAT, jiġu adottati sanzjonijiet kriminali ta’ natura effettiva u dissważiva, għaliex fin-nuqqas ta’ dan ikunu qegħdin jonqsu milli jwettqu l-obbligi imposti fuqhom permezz tal-Artikolu 325(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Taricco, punti 42 u 43). Għaldaqstant, għandu jitqies li l-Istati Membri jonqsu milli jwettqu l-obbligi imposti fuqhom permezz tal-Artikolu 325(1) TFUE meta s-sanzjonijiet kriminali adottati sabiex jiġu puniti l-frodi gravi tal-VAT ma jippermettux li jiġi żgurat b’mod effikaċi l-ġbir ta’ din it-taxxa kollha. F’dan ir-rigward, dawn l-Istati għandhom jiżguraw ukoll li r-regoli ta’ preskrizzjoni previsti fid-dritt nazzjonali jippermettu repressjoni effettiva tal-ksur marbut ma’ tali frodi.

(ara l-punti 32-36)

2.      Fl-ewwel lok, huwa l-leġiżlatur nazzjonali li għandu jipprevedi regoli ta’ preskrizzjoni li jippermettu li jiġu ssodisfatti l-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 325 TFUE, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 58 tas-sentenza Taricco. Fil-fatt, huwa dan il-leġiżlatur li għandu jiżgura li r-regoli nazzjonali dwar il-preskrizzjoni fil-qasam kriminali ma jwasslux għall-impunità ta’ numru kunsiderevoli ta’ każijiet ta’ frodi gravi fil-qasam tal-VAT jew ma jkunux, għall-persuni akkużati, iktar iebsa fil-każijiet ta’ frodi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Istat Membru kkonċernat milli fil-każijiet li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-fatt li leġiżlatur nazzjonali jtawwal it-terminu ta’ preskrizzjoni b’applikazzjoni immedjata, inkluż għal fatti li jkunu s-suġġett tal-akkuża u li jkunu għadhom ma ġewx preskritti, ma jippreġudikax, bħala prinċipju, il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Taricco, punt 57 u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iċċitata f’dak il-punt).

B’dan premess, għandu jingħad ukoll li l-qasam tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-adozzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali jaqa’ taħt kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, fis-sens tal-Artikolu 4(2) TFUE. F’dan il-każ, fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, ir-regoli dwar il-preskrizzjoni applikabbli għar-reati kriminali dwar il-VAT ma kinux is-suġġett ta’ armonizzazzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni, li minn dak iż-żmien għamel biss intervent parzjali bl-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU 2017, L 198, p. 29). Għaldaqstant, f’dik id-data, ir-Repubblika Taljana kienet libera li tipprevedi li, fl-ordinament ġuridiku tagħha, dawn ir-regoli jaqgħu, bħar-regoli dwar id-definizzjoni tar-reati u dwar id-determinazzjoni tal-pieni, taħt id-dritt kriminali sostantiv u huma, bħala tali, suġġetti, bħal dawn ir-regoli tal-aħħar, għall-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege.

(ara l-punti 41-45)

3.      Fir-rigward tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet, fir-rigward tal-Artikolu 7(1) tal-KEDB, li, skont dan il-prinċipju, id-dispożizzjonijiet tad-dritt kriminali għandhom josservaw ċerti rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà u ta’ prevedibbiltà kemm fir-rigward tad-definizzjoni tar-reat u kemm fir-rigward tad-determinazzjoni tal-piena (ara Qorti EDB, 15 ta’ Novembru 1996, Cantoni vs Franza, CE:ECHR:1996:1115JUD001786291, punt 29; Qorti EDB, 7 ta’ Frar 2002, E.K. vs It-Turkija, CE:ECHR:2002:0207JUD002849695, punt 51; Qorti EDB, 29 ta’ Marzu 2006, Achour vs Franza, CE:ECHR:2006:0329JUD006733501, punt 41, u Qorti EDB, 20 ta’ Settembru 2011, OAO Neftyanaya Kompaniya Yukos vs Ir-Russja, CE:ECHR:2011:0920JUD001490204, punti 567 sa 570). It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li r-rekwiżit ta’ preċiżjoni tal-liġi applikabbli, li huwa inerenti għall-imsemmi prinċipju, jimplika li l-liġi għandha tiddefinixxi b’mod ċar ir-reati u l-pieni li jissanzjonawhom. Din il-kundizzjoni tkun issodisfatta meta l-individwu jkun jista’ jkun jaf, fuq il-bażi tal-kliem tad-dispożizzjoni rilevanti u jekk ikun meħtieġ bl-għajnuna tal-interpretazzjoni tagħha mogħtija mill-qrati, liema atti u ommissjonijiet jimplikaw ir-responsabbiltà kriminali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C-72/15, EU:C:2017:236, punt 162). It-tielet nett, il-prinċipju ta’ natura mhux retroattiva tad-dritt kriminali jipprekludi b’mod partikolari li qorti tkun tista’, matul proċedura kriminali, jew tissanzjona kriminalment aġir li ma jkunx ipprojbit minn regola nazzjonali adottata qabel it-twettiq tar-reat li jkun is-suġġett tal-akkuża, jew taggrava r-regoli dwar ir-responsabbiltà kriminali tal-persuni li jkunu s-suġġett ta’ tali proċedura (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov, C‑554/14, EU:C:2016:835, punti 62 sa 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

(ara l-punti 55-57)

4.      L-Artikolu 325(1) u (2) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-qorti nazzjonali tħalli mhux applikati, fil-kuntest ta’ proċedura kriminali fir-rigward ta’ reati marbuta mal-VAT, dispożizzjonijiet interni fil-qasam tal-preskrizzjoni li jaqgħu taħt id-dritt sostantiv nazzjonali u li jipprekludu l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali effettivi u dissważivi f’numru kunsiderevoli ta’ każijiet ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jew li jipprevedu termini ta’ preskrizzjoni iqsar għall-każijiet ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-imsemmija interessi minn dawk previsti għall-każijiet li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Istat Membru kkonċernat, sakemm tali nuqqas ta’ applikazzjoni ma jwassalx għal ksur tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege minħabba nuqqas ta’ preċiżjoni tal-liġi applikabbli jew minħabba l-applikazzjoni retroattiva ta’ leġiżlazzjoni li timponi kundizzjonijiet ta’ inkriminazzjoni iktar iebsa minn dawk fis-seħħ fil-mument tat-twettiq tar-reat.

Minn dan jirriżulta, minn naħa, li l-qorti nazzjonali għandha tivverifika jekk il-konstatazzjoni meħtieġa mill-punt 58 tas-sentenza Taricco, fis-sens li d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali inkwistjoni jipprekludu l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali effettivi u dissważivi f’numru kunsiderevoli ta’ każijiet ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, twassalx għal sitwazzjoni ta’ inċertezza fl-ordinament ġuridiku Taljan, fir-rigward tad-determinazzjoni tar-regoli dwar il-preskrizzjoni applikabbli, inċertezza li tmur kontra l-prinċipju ta’ preċiżjoni tal-liġi applikabbli. Jekk dan ikun effettivament il-każ, il-qorti nazzjonali ma hijiex marbuta li tħalli mhux applikati d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, ir-rekwiżiti msemmija fil-punt 58 ta’ din is-sentenza jipprekludu li, fi proċeduri dwar persuni akkużati bit-twettiq ta’ reati fil-qasam tal-VAT qabel ingħatat is-sentenza Taricco, il-qorti nazzjonali tħalli mhux applikati d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali inkwistjoni. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat, fil-punt 53 tal-imsemmija sentenza, li dawn il-persuni jistgħu, minħabba n-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ikunu suġġetti għal sanzjonijiet li wisq probabbli ma kinux ikunu suġġetti għalihom li kieku ġew applikati l-imsemmija dispożizzjonijiet. B’hekk, l-imsemmija persuni jistgħu jkunu suġġetti b’mod retroattiv għal kundizzjonijiet ta’ inkriminazzjoni iktar iebsa minn dawk fis-seħħ fil-mument tat-twettiq tar-reat.

(ara l-punti 59, 60, 62, u d-dispożittiv)