Language of document : ECLI:EU:T:2021:780

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

10 ta’ Novembru 2021 (*)

“Għajnuna mill-istat – Suq tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, inkluża l-enerġija fotovoltajka – Obbligu mil-liġi Franċiża ta’ xiri tal-elettriku bi prezz ogħla mill-prezz tas-suq – Ċaħda ta’ lment – Artikolu 12(1) u Artikolu 24(2) tar-Regolament (UE) 2015/1589 – Kamp ta’ applikazzjoni”

Fil-Kawża T‑678/20,

Solar Electric Holding, stabbilita f’Lamentin (Franza),

Solar Electric Guyane, stabbilita f’Lamentin,

Solar Electric Martinique, stabbilita f’Lamentin,

Société de production d’énergies renouvelables, stabbilita f’Lamentin,

irrappreżentati minn S. Manna, avukata,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Stromsky u A. Bouchagiar, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑3 ta’ Settembru 2020 li tiċħad l-ilment tar-rikorrenti tal‑20 ta’ Ġunju 2020 dwar għajnuna mill-Istat illegali għall-installazzjonijiet fotovoltajċi tar-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn J. Svenningsen, President, R. Barents u J. Laitenberger (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Il-loi no 2000-108, du 10 février 2000, relative à la modernisation et au développement du service public de l’électricité (il-Liġi Nru 2000–108, tal‑10 ta’ Frar 2000, dwar il-Modernizzazzjoni u l-Iżvilupp tas-Servizz Pubbliku tal-Elettriku) (JORF tal‑11 ta’ Frar 2000, p. 2143) hija intiża li tinkoraġġixxi l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli fit-territorju Franċiż. Għal dan il-għan, l-imsemmija liġi introduċiet obbligu ta’ xiri li ġie riprodott fl-Artikoli L.314–1 et seq. tal-code de l’énergie (il-Kodiċi tal-Enerġija) u li jipprovdi li Électricité de France (EDF) u d-distributuri mhux nazzjonalizzati msemmija fl-Artikolu 23 tal-loi no 46-628, du 8 avril 1946, sur la nationalisation de l’électricité et du gaz (il-Liġi Nru 46–628, tat‑8 ta’ April 1946, dwar in-Nazzjonalizzazzjoni tal-Elettriku u tal-Gass) għandhom obbligu li jikkonkludu, meta l-produtturi kkonċernati jagħmlu talba għal dan, kuntratt għax-xiri tal-elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli, li jinkludi l-enerġija fotovoltajka, ta’ tul ta’ 20 sena bi prezz stabbilit b’digriet tariffarju ministerjali. Sal‑31 ta’ Diċembru 2015, l-ispejjeż sostnuti minn EDF u d-distributuri mhux nazzjonalizzati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Liġi Nru 46‑628 minħabba l-obbligu ta’ xiri kienu s-suġġett, skont id-décret no 2004-90, du 28 janvier 2004, relatif à la compensation de charges de service public d’électricité (id-Digriet Nru 2004‑90, tat‑28 ta’ Jannar 2004, dwar il-Kumpens għall-Ispejjeż tas-Servizz tal-Elettriku Pubbliku), ta’ mekkaniżmu ta’ kumpens integrali ffinanzjat minn kontribuzzjoni lis-servizz tal-elettriku pubbliku miġbura mill-konsumaturi tal-elettriku. Mill‑1 ta’ Jannar 2016, dawn l-ispejjeż huma kkumpensati b’kont ta’ allokazzjoni speċjali għat-tranżizzjoni tal-enerġija ffinanzjata b’taxxi fuq il-konsum ta’ prodotti tal-enerġija.

2        Digrieti tariffarji, tat-tip bħal dawk imsemmija fil-punt 1 iktar ’il fuq, ġew adottati, fost l-oħrajn, fl‑10 ta’ Lulju 2006 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Tariffarju 2006”), fit‑12 ta’ Jannar 2010 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Tariffarju 1/2010”), fil‑31 ta’ Awwissu 2010 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Tariffarju 8/2010”), fl‑4 ta’ Marzu 2011 u fid‑9 ta’ Mejju 2017. Anki jekk huwa biss dan l-aħħar digriet li għadu fis-seħħ, id-digrieti tariffarji l-oħra, li tħassru fil-frattemp, jibqgħu japplikaw sa fejn il-prezz tax-xiri tal-elettriku mħallas matul it-tul kollu tal-kuntratt tax-xiri, jiġifieri 20 sena, huwa dak iddefinit mid-digriet tariffarju fis-seħħ fil-jum meta l-produttur għamel talba sħiħa għall-konnessjoni man-network pubbliku.

3        Solar Electric Holding, kumpannija holding li hija 100 % proprjetarja, bħala sussidjarji, ta’ Solar Electric Guyane u Solar Electric Martinique, li huma responsabbli mill-iżvilupp u mill-kostruzzjoni ta’ proġetti ta’ produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija fotovoltajka fil-Gujana u f’Martinique rispettivament, kif ukoll ta’ Société de production d’énergies renouvelables (Soproder), li hija inkarigata mill-operat ta’ dawn l-installazzjonijiet fotovoltajċi differenti, ikkonkludiet ma’ EDF kuntratti ta’ xiri ta’ elettriku fuq il-bażi tad-digrieti tariffarji msemmija fil-punt 1 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, fi ħdan il-grupp kompost minn dawn il-kumpanniji differenti, Soproder kienet tibbenefika b’mod dirett u immedjat mit-tariffi preferenzjali ddefiniti mill-imsemmija digrieti.

4        Permezz ta’ sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2019, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), adita b’talbiet għal kumpens, iddeċidiet li l-miżuri bbażati fuq id-Digrieti Tariffarji 2006 u 1/2010, li jimplimentaw mekkaniżmu ta’ obbligu ta’ xiri bi prezz ogħla minn dak tas-suq, kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat illegali sa fejn dawn ma kinux ġew innotifikati lill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 108(3) TFUE.

5        Barra minn hekk, permezz ta’ ittra tas‑26 ta’ Marzu 2020 indirizzata lir-rikorrenti, Solar Electric Holding, Solar Electric Guyane, Solar Electric Martinique u Soproder, il-Kummissjoni kkonfermat li l-miżuri bbażati fuq id-Digrieti Tariffarji 2006, 1/2010 u 8/2010 ma kinux ġew innotifikati lilha.

6        Fl‑20 ta’ Ġunju 2020, ir-rikorrenti bagħtu lill-Kummissjoni l-formola tal-ilment dwar għajnuna mill-Istat illegali kif imsemmi fl-Artikolu 24(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9). F’din il-formola, ir-rikorrenti indikaw li l-iskemi ta’ għajnuna li jirriżultaw mid-Digrieti Tariffarji 2006, 1/2010 u 8/2010 kienu ġew implimentati minkejja li l-Kummissjoni qatt ma kienet iddeċidiet dwar il-kompatibbiltà tagħhom mas-suq intern u li l-assenza ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet toħloq, fil-fehma tagħhom, lakuna ġuridika dannuża għall-produtturi tal-elettriku kollha minn sorsi ta’ enerġija fotovoltajka Franċiżi, sa fejn id-dħul li jirriżulta mill-kuntratti konklużi mat-tariffa prevista mill-imsemmija deċiżjonijiet jistgħu jiġu kkontestati u jiġu rkuprati. Skont l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti f’din il-formola, il-mekkaniżmi ta’ sostenn għall-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija fotovoltajka li jirriżultaw mid-Digrieti Tariffarji 2006, 1/2010 u 8/2010 huma kompatibbli mas-suq intern. Filwaqt li invokaw l-Artikolu 108(1) TFUE kif ukoll l-Artikolu 12(1) tar-Regolament 2015/1589, ir-rikorrenti, f’din il-formola, u b’mod iktar partikolari fit-Taqsimiet 3.4, 8 u 9.3 tiegħu, talbu “lill-Kummissjoni tiddeċiedi espressament dwar il-kompatibbiltà tal-iskemi ta’ għajnuna li jirriżultaw mill-[imsemmija] digrieti”.

7        Permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Lulju 2020, is-servizzi tal-Kummissjoni għamlu diversi mistoqsijiet u talbiet għal informazzjoni addizzjonali, li għalihom ir-rikorrenti wieġbu permezz ta’ posta elettronika tal‑31 ta’ Awwissu 2020.

8        Permezz ta’ ittra tat‑3 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni ċaħdet l-ilment tar-rikorrenti tal‑20 ta’ Ġunju 2020 dwar għajnuna mill-Istat illegali għall-installazzjonijiet fotovoltajċi tar-rikorrenti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), billi indikat b’mod partikolari dan li ġej:

“Id-[Direttorat Ġenerali ‘Kompetizzjoni’] iqis li l-ilment tiegħek għandu jiġi miċħud minħabba l-fatt li s-suġġett ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 12(1) u 24(2) tar-[Regolament 2015/1589] […].

[Il]-lanjanti jitolbu lill-Kummissjoni tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tal-iskemi ta’ għajnuna, daqslikieku kienu jirrappreżentaw lil Franza fi proċedura ta’ kważi-notifika. B’hekk, is-suġġett tal-ilment tiegħek ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 12(1) u 24(2) tar-[Regolament 2015/1589], u għal din ir-raġuni għandu jiġi miċħud […]

Nirringrazzjawk tal-informazzjoni li inti ttrażmettejtilna. Il-Kummissjoni ser tirreġistraha bħala informazzjoni ġenerali dwar is-suq.”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

9        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑12 ta’ Novembru 2020, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

10      Ir-risposta ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑27 ta’ Jannar 2021.

11      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Frar 2021, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 83(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li ma kienx neċessarju li jkun hemm it-tieni skambju ta’ noti.

12      Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ April 2021, ir-rikorrenti ressqu talba għaż-żamma ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali, skont l-Artikolu 106(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

13      Fl‑4 ta’ Ġunju 2021, il-Qorti Ġenerali, bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, għamlet mistoqsija lill-partijiet għal tweġiba bil-miktub, li għaliha dawn tal-aħħar wieġbu fil‑21 ta’ Ġunju 2021.

14      Permezz ta’ ittra tad‑9 ta’ Lulju 2021, ir-rikorrenti informaw lill-Qorti Ġenerali li huma kienu qegħdin jirrinunzjaw għat-talba tagħhom għal seduta għas-sottomissjonijiet orali.

15      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-deċiżjoni kkontestata.

16      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż tal-kawża.

 Id-dritt

17      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi, ibbażati, l-ewwel, rispettivament, fuq ksur tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 2015/1589, it-tieni, fuq ksur tal-Artikolu 12(1) tal-istess regolament u t-tielet, fuq l-obbligu tal-Kummissjoni li tapplika t-Trattat FUE.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 2015/1589

18      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu, billi jibbażaw ruħhom fuq il-kliem tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2015/1589, li huwa biżżejjed li għajnuna tkun illegali sabiex din tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ lment ammissibbli skont dan l-artikolu. L-Artikolu 24(2) tal-imsemmi regolament bl-ebda mod ma jimponi kundizzjoni addizzjonali marbuta mal-fatt li dan l-ilment għandu jkun intiż sabiex tinkiseb dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni. Għalkemm, skont ir-rikorrenti, fil-prattika, huwa rari, jew saħansitra mingħajr preċedent, li lment kontra għajnuna illegali u kompatibbli jiġi ppreżentat minn parti interessata, din in-natura eċċezzjonali ma tistax madankollu tqiegħed dan l-ilment barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2015/1589, ħlief jekk tiżdied kundizzjoni ta’ ammissibbiltà mhux prevista mit-Trattat FUE jew mill-imsemmi regolament.

19      Barra minn hekk, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ibbażat ruħha b’mod żbaljat fuq il-kundizzjonijiet ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali, li għandha tinbeda jekk, wara l-eżami preliminari, jibqgħu jeżistu dubji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern. Skont ir-rikorrenti, anki jekk, fil-prattika, il-parti l-kbira tal-ilmenti dwar għajnuna illegali għandhom bħala għan aħħari l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-possibbiltà li jitressaq lment li jikkontesta għajnuna illegali, li għandu qabelxejn iwassal għall-investigazzjoni preliminari, ma għandhiex tiġi konfuża mal-każ ta’ ftuħ ta’ proċedura formali.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li r-rikorrenti jqisu li l-għajnuna illegali li hija s-suġġett tal-ilment tagħhom hija kompatibbli mas-suq intern u li jfittxu li jqajmu, permezz ta’ dan l-ilment, deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ din l-għajnuna ma jeskludix dan l-ilment mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2015/1589.

21      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

22      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-ilment imressaq mir-rikorrenti kien intiż sabiex tinkiseb min-naħa tal-Kummissjoni deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri implimentati mill-awtoritajiet Franċiżi u bbażati fuq id-Digrieti Tariffarji 2006, 1/2010 u 8/2010. F’dan il-kuntest, l-ewwel motiv iqajjem il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2015/1589 jagħtix lill-benefiċjarju ta’ għajnuna ġdida mħallsa illegalment u, bħal f’dan il-każ, lill-kumpanniji li għandhom interess ekonomiku fil-kumpannija benefiċjarja ta’ din l-għajnuna, minħabba integrazzjoni fi ħdan l-istess grupp, dritt suġġettiv li jitressaq lment quddiem il-Kummissjoni bil-għan li tinkiseb min-naħa tagħha deċiżjoni li tiddikjara l-kompatibbiltà ta’ għajnuna li ma ġietx innotifikata mill-Istat Membru kkonċernat mas-suq intern.

23      L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 2015/1589, intitolat “Drittijiet tal-partijiet interessati”, jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu li “[k]ull parti interessata tista’ tippreżenta lment biex tinforma lill-Kummissjoni dwar xi għajnuna allegatament kontra l-liġi jew allegat użu ħażin ta’ għajnuna”. Fl-istess waqt, id-definizzjoni ta’ “parti interessata” hija prevista fl-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 2015/1589 bħala “kull Stat Membru u kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, b’mod partikolari l-benefiċjarju ta’ l-għajnuna, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ”.

24      Għalkemm il-kliem tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq huwa għalhekk intiż sabiex jistabbilixxi li l-benefiċjarji ta’ għajnuna mħallsa illegalment jistgħu jressqu lment quddiem il-Kummissjoni, tali konklużjoni għandha madankollu tiġi miċħuda għal raġunijiet relatati mal-istruttura tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat kif ukoll mal-iskema tal-mekkaniżmu tal-ilmenti.

25      Fir-rigward, qabelxejn, tal-istruttura tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ notifika jikkostitwixxi wieħed mill-elementi fundamentali tas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat implimentata mit-Trattat FUE, li jistabbilixxi kontroll preventiv fuq il-proġetti ta’ għajnuna ġodda stabbilit mill-Artikolu 108(3) TFUE u intiż sabiex tkun biss l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern li tiġi implimentata, u dan biss wara li d-dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha jkunu ġew riżolti permezz ta’ deċiżjoni finali tal-Kummissjoni (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Viasat Broadcasting UK, C‑445/19, EU:C:2020:952, punti 18 u 19). Din is-sistema ta’ kontroll preventiv tipprekludi li l-Istati Membri li jagħtu għajnuna bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE jiġu ffavoriti għad-detriment ta’ dawk li, skont din id-dispożizzjoni, jinnotifikaw l-għajnuna fl-istadju ta’ proġett u jastjenu milli jimplimentawha sakemm tingħata d-deċiżjoni finali adottata mill-Kummissjoni (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Il-Kummissjoni vs Fútbol Club Barcelona, C‑362/19 P, EU:C:2021:169, punt 92). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern, skont l-Artikolu 107(3) TFUE, taqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, li taġixxi taħt l-awtorità tal-qrati tal-Unjoni Ewropea (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Mill-kliem stess tal-Artikolu 108(3) TFUE, li jistabbilixxi relazzjoni bilaterali bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, jirriżulta li l-obbligu ta’ notifika jaqa’ biss fuq dawn tal-aħħar. Konsegwentement, dan l-obbligu ma jitqiesx li huwa ssodisfatt permezz tan-notifika magħmula mill-intrapriżi benefiċjarji tal-għajnuna. Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-mekkaniżmu ta’ kontroll u ta’ eżami ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat skont l-Artikolu 108 KE ma jimponix obbligu speċifiku fuq il-benefiċjarju tal-għajnuna. Minn naħa, l-obbligu ta’ notifika u l-projbizzjoni minn qabel tal-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ għajnuna huma indirizzati biss lill-Istat Membru kkonċernat, kif jirriżulta wkoll b’mod sottostanti mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2015/1589, li jipprovdi li l-Istat Membru kkonċernat jista’ jirtira n-notifika tiegħu qabel ma l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern. Min-naħa l-oħra, dan huwa wkoll l-uniku destinatarju tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna u tistedinha teliminaha fit-terminu stabbilit minnha (sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 1996, SFEI et, C‑39/94, EU:C:1996:285, punt 73, u tal‑1 ta’ Ġunju 2006, P & O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il‑Kummissjoni, C‑442/03 P u C‑471/03 P, EU:C:2006:356, punt 103).

27      Li jiġi aċċettat li l-benefiċjarju ta’ għajnuna mogħtija illegalment jista’ jressaq lment quddiem il-Kummissjoni sabiex jikkonstata l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern ma jkollux effett ieħor ħlief li jippermetti lil dan il-benefiċjarju jissostitwixxi lill-Istat Membru kkonċernat, li huwa l-uniku wieħed kompetenti sabiex jinnotifika miżura ta’ għajnuna lill-Kummissjoni.

28      Barra minn hekk, tali possibbiltà rrikonoxxuta lill-benefiċjarju ta’ għajnuna mħallsa illegalment li jressaq lment quddiem il-Kummissjoni sabiex tiġi kkonstatata l-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern tkun tikkomprometti n-natura fundamentali u imperattiva tal-għan ta’ notifika tal-miżuri ta’ għajnuna u tal-projbizzjoni tal-implimentazzjoni tagħhom skont l-Artikolu 108(3) TFUE, kif imfakkar mill-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2019, L‑Italja u Eurallumina vs Il‑Kummissjoni, T‑119/07 u T‑207/07, mhux ippubblikata, EU:T:2019:613, punt 113) kif ukoll is-sanzjoni fil-prinċipju li hija assoċjata man-nuqqas tal-Istat Membru li jissodisfa, fost l-oħrajn, l-obbligu ta’ notifika minn qabel, jiġifieri r-rimbors tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 1996, SFEI et, C‑39/94, EU:C:1996:285, punt 70).

29      Fil-fatt, hija toffri lill-benefiċjarju ta’ għajnuna mħallsa illegalment, il-possibbiltà li jagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal-Istat Membru kkonċernat favur tiegħu stess, billi jfittex deċiżjoni tal-Kummissjoni li sussegwentement tippermettilu jinvoka l-punt 55 tas-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2008, CELF u ministre de la Culture et de la Communication (C‑199/06, EU:C:2008:79), li skontu l-qorti nazzjonali ma hijiex obbligata tordna l-irkupru ta’ għajnuna implimentata bi ksur tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, meta l-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni finali li tikkonstata l-kompatibbiltà tal-imsemmija għajnuna mas-suq intern, li r-rikorrenti stess jirrikonoxxxu li jfittxu.

30      Barra minn hekk, għandu jitfakkar, dejjem mill-perspettiva tal-istruttura tas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, li l-qrati nazzjonali għandhom jiggarantixxu lill-individwi li l-konsegwenzi kollha jkunu dedotti minn ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 108(3) TFUE, konformement mad-dritt nazzjonali tagħhom, kemm fir-rigward tal-validità tal-atti li jimplimentaw miżuri ta’ għajnuna kif ukoll tal-irkupru tas-sostenn finanzjarju mogħti bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni jew ta’ miżuri provviżorji possibbli (sentenza tal‑21 ta’ Novembru 1991, Fédération nationale du commerce extérieur des produits alimentaires u Syndicat national des négociants et transformateurs de saumon, C‑354/90, EU:C:1991:440, punt 12). Għal dan il-għan, dawn il-qrati jistgħu jiġu aditi b’kawżi li jobbligawhom jinterpretaw u japplikaw il-kunċett ta’ għajnuna, imsemmi fl-Artikolu 107(1) TFUE, b’mod partikolari bil-għan li jiġi ddeterminat jekk miżura tal-Istat kellhiex jew le tiġi suġġetta għall-proċedura ta’ kontroll stabbilita fl-Artikolu 108(3) TFUE. Jekk l-imsemmija qrati jaslu għall-konstatazzjoni li l-miżura kkonċernata kellha effettivament tiġi nnotifikata minn qabel lill-Kummissjoni, huma għandhom jiddikjarawha illegali (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2015, OTP Bank, C‑672/13, EU:C:2015:185, punt 37).

31      Minn dan jirriżulta li l-benefiċjarji ta’ għajnuna illegali jistgħu jadixxu lill-qrati nazzjonali tagħhom sabiex jiġi ssanzjonat ir-rifjut espliċitu jew impliċitu tal-Istat li jagħti l-għajnuna li jikkonforma ruħu mal-obbligu ta’ notifika tiegħu. Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi rrikonoxxut fil-konfront tagħhom id-dritt li jagħtu bidu, permezz ta’ lment indirizzat lill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2015/1589, għall-eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna bil-għan li tiġi awtorizzata, anki, jekk ikun il-każ, kontra r-rieda tal-Istat Membru kkonċernat, kif manifestata min-nuqqas ta’ notifika min-naħa tiegħu.

32      Kif ġustament tirrileva il-Kummissjoni, ma jeżistix dritt suġġettiv għall-għoti ta’ għajnuna mill-Istat fid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, il-benefiċjarju ma jistax jissostitwixxi lilu nnifsu mal-kompetenzi tal-Istat Membru u, fuq inizjattiva tiegħu, iwettaq notifika għan-nom tal-Istat Membru bil-għan li jikseb permezz tagħha deċiżjoni li tawtorizza l-implimentazzjoni ta’ għajnuna mhux innotifikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2006, P & O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il‑Kummissjoni, C‑442/03 P u C‑471/03 P, EU:C:2006:356, punt 103).

33      Fir-rigward tal-istruttura tal-mekkaniżmu tal-ilmenti u d-dritt li jitressaq lment quddiem il-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2015/1589, l-għan tiegħu huwa li jinforma lill-Kummissjoni dwar kull għajnuna preżunta illegali, li, konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tal-istess regolament, għandha l-effett li tagħti bidu għall-ftuħ tal-fażi ta’ eżami preliminari prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE, li timplika l-adozzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 4(2), (3) jew (4) tar-Regolament 2015/1589 (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2021, ITD u Danske Fragtmænd vs Il‑Kummissjoni, T‑561/18, taħt appell, EU:T:2021:240, punt 47).

34      Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament 2015/1589 jipprovdi li l-Kummissjoni “għandha tiżgura li l-Istat Membru kkonċernat jinżamm infurmat regolarment u b’mod sħiħ bil-progress u l-eżitu tal-eżami [ta’ kull lment]”. Din id-dispożizzjoni, li hija intiża li tipproteġi d-drittijiet tad-difiża tal-Istat Membru kkonċernat, timplika li d-deċiżjoni ta’ segwitu u li tikkonstata lment hija intiża li tkun sfavorevoli għalih u, għaldaqstant, li tikkonstata l-inkompatibbiltà tal-għajnuna li kienet is-suġġett tal-ilment.

35      Il-ħolqien tal-mekkaniżmu ta’ lment bħala li huwa intiż jidentifika l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern huwa wkoll ikkorroborat mill-punt 8 tal-formola ta’ lment imsemmi fl-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2015/1589 u anness mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal‑21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 4, p. 3), kif emendat, li jirrikjedi li l-lanjant jindika “ir-raġunijiet li għalihom, [fil-fehma tiegħu,] l-għajnuna mill-Istat preżunta ma hijiex kompatibbli mas-suq intern”.

36      Barra minn hekk, mill-punt 3 ta’ din l-istess formola jirriżulta li l-benefiċjarji tal-għajnuna ma jidhrux fost il-partijiet li jistgħu jressqu lment. Barra minn hekk, ir-riferiment għall-kompetituri tal-benfiċjarju jew għall-benefiċjarji tal-għajnuna kif ukoll il-kwistjoni fl-istess punt intiża sabiex jiġi ċċarat kif u sa fejn l-għajnuna mill-Istat preżunta taffettwa l-pożizzjoni kompetittiva tal-persuna li ressqet l-ilment juru li l-mekkaniżmu ta’ lment huwa intiż li jipproteġi b’mod partikolari d-drittijiet ta’ dawk li l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affettwati bl-għoti tal-għajnuna lil ċerti benefiċjarji. Dan huwa kkorroborat ukoll mill-punt 7 tal-imsemmija formola li teħtieġ li l-lanjant jispjega kif, fil-fehma tiegħu, l-għajnuna mill-Istat preżunta tagħti vantaġġ ekonomiku lill-benefiċjarju tagħha jew lill-benefiċjarji tagħha.

37      Għaldaqstant, minkejja li l-benefiċjarji jitqiesu bħala “partijiet interessati” fl-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589, l-istruttura tal-mekkaniżmu ta’ lment tipprekludi li dan jintuża mill-partijiet li għandhom, bħall-benefiċjarji tal-għajnuna li fir-rigward tagħha sar l-ilment, interess għall-konstatazzjoni ta’ kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mill-Kummissjoni.

38      Minn dan isegwi li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2015/1589 huwa limitat għal lmenti intiżi kontra għajnuna illegali li l-lanjanti jqisu bħala inkompatibbli mas-suq intern. Min-naħa l-oħra, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24(2) ta’ dan ir-regolament ma jkoprix l-ilmenti li bihom il-lanjanti jsostnu li għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern u li, għal din ir-raġuni, tiġi awtorizzata mill-Kummissjoni. Konsegwentement, il-benefiċjarji ta’ għajnuna illegali u l-kumpanniji li għandhom interess ekonomiku f’din il-kumpannija benefiċjarja minħabba l-unità ekonomika li jifformaw magħha minħabba ż-żamma mill-kumpannija omm ta’ 100 % tal-kapital tal-lanjanti ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq l-ewwel sentenza tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2015/1589 sabiex iressqu lment dwar għajnuna illegali li jibbenefikaw minnha direttament jew indirettament, u dan bil-għan li l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna.

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-ilment imressaq mir-rikorrenti fl‑20 ta’ Ġunju 2020 ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2015/1589.

40      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-ilment imressaq mir-rikorrenti ma kienx jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2015/1589. Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 2015/1589

41      Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jinvokaw żball ta’ liġi mwettaq mill-Kummissjoni sa fejn hija aġixxiet kontra l-obbligu tagħha li tiftaħ il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari. Tali obbligu ġie skattat skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 2015/1589. Fil-fatt, ir-rikorrenti ppreżentaw lment, fil-fehma tagħhom, skont l-Artikolu 24(2) ta’ dan ir-regolament.

42      Il-Kummissjoni tqis li t-tieni aggravju ma huwiex awtonomu meta mqabbel mal-ewwel wieħed u li l-eżitu tiegħu jiddependi, għaldaqstant, kompletament mill-ewwel motiv għal annullament, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2015/1589. Il-Kummissjoni ssostni li t-tieni lment huwa infondat filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, dan it-tieni motiv għal annullament għandu wkoll jiġi miċħud.

43      B’risposta għal dan il-motiv, għandu jiġi rrilevat li skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament 2015/1589, il-Kummissjoni għandha teżamina kull ilment “imressaq minn parti interessata skont l-Artikolu 24(2) [ta’ dan ir-regolament]”. Għalhekk, il-Kummissjoni hija obbligata twettaq eżami diliġenti u imparzjali tal-ilmenti trażmessi lilha meta jkunu bbażati fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u meta jidentifikaw b’mod inekwivoku u ddettaljat il-miżuri li jkunu wasslu għal dan il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2018, Naviera Armas vs Il‑Kummissjoni, T‑108/16, EU:T:2018:145, punt 102). Peress li l-ilment kif imressaq mir-rikorrenti fl‑20 ta’ Ġunju 2020 ma jinvokax ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u għalhekk ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24(2) tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tiftaħ il-fażi ta’ eżami preliminari skont l-Artikolu 12(1) tal-imsemmi regolament.

44      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-obbligu impost fuq il-Kummissjoni li tapplika t-Trattat FUE

45      Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikoli 107, 108 u 109 TFUE u r-Regolament 2015/1589.

46      Minkejja li l-Kummissjoni kienet ġiet informata bl-eżistenza tal-iskemi ta’ għajnuna li rriżultaw mid-Digrieti Tariffarji 2006, 1/2010 u 8/2010 kif ukoll bl-assenza ta’ notifika tagħhom, hija baqgħet inattiva, u dan kien jirrendi bla effett id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE. Billi ċaħdet lment li kien jikkonċerna għajnuna, li l-Kummissjoni rrikonoxxiet in-natura illegali tagħha, mingħajr madankollu ma vverifikat minn qabel li din ma kinitx inkompatibbli mas-suq intern, il-Kummissjoni naqset milli twettaq l-irwol tagħha ta’ garanti tad-dritt tal-Unjoni u ta’ dak li jikkonsisti fl-assigurazzjoni ta’ ċertezza legali għall-partijiet fil-kawża. Peress li l-Kummissjoni kellha kompetenza esklużiva li tanalizza l-kompatibbiltà ta’ għajnuna, hija kellha tivverifika li l-għajnuna illegali, li l-eżistenza tagħha kienet ġiet mgħarrfa lir-rikorrenti, ma kinitx inkompatibbli. Barra minn hekk, jeżistu provi prodotti mir-rikorrenti, jiġifieri b’mod partikolari opinjoni tal-commission de régulation de l’énergie (il-Kummissjoni Regolatorja tal-Enerġija, Franza), li kkonfutaw il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern.

47      F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-nuqqas ta’ teħid ta’ pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni huwa ekwivalenti, skont ir-rikorrenti, għal ċaħda tal-ġustizzja, peress li dan in-nuqqas joħloq lakuna ġuridika li l-Artikoli 107 sa 109 TFUE kif ukoll ir-Regolament 2015/1589 għandhom l-intenzjoni li jevitaw.

48      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti invokati.

49      Bħala risposta għat-tielet motiv, għandu qabelxejn jitfakkar li, bħar-rikorrenti, il-Kummissjoni għandha kompetenza esklużiva sabiex tevalwa l-kompatibbiltà ta’ miżuri ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix obbligu assolut fuq il-Kummissjoni li twettaq evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mhux innotifikata malli tiġi informata b’dan.

50      Fil-fatt, ir-Regolament 2015/1589 jipprevedi biss żewġ każijiet li fihom il-Kummissjoni hija effettivament obbligata teżamina l-kompatibbiltà ta’ miżura ta’ għajnuna mas-suq intern. Minn naħa, tali obbligu jeżisti fil-każ ta’ notifika mill-Istat Membru li jagħti l-għajnuna. Għalhekk, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, “[i]l-Kummissjoni għandha teżamina n-notifikazzjoni malli tirċeviha”. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni għandha l-obbligu ta’ eżami, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tal-imsemmi regolament, fil-każ ta’ “ilment imressaq minn parti interessata skont l-Artikolu 24(2) [tal-istess regolament]”.

51      F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-għajnuna li tirriżulta mid-Digrieti Tariffarji 2006, 1/2010 u 8/2010 ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni mir-Repubblika Franċiża. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-ilment imressaq mir-rikorrenti fl‑20 ta’ Ġunju 2020 ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2015/1589. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata teżamina l-miżuri ta’ għajnuna msemmija iktar ’il fuq. Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ deċiżjoni min-naħa tagħha fir-rigward ta’ dawn il-miżuri ta’ għajnuna ma jistax jikkostitwixxi ċaħda tal-ġustizzja li tista’ toħloq lakuna ġuridika. Dan huwa wisq inqas minnu peress li, kif ġie rrilevat fil-punti 29 u 30 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti jistgħu jadixxu lill-qrati tal-Istat Membru kkonċernat sabiex jissanzjonaw ir-rifjut ta’ dan l-Istat li jipproċedi għan-notifika tal-miżuri allegati, jekk jitqies li dawn il-qrati jikkonstataw li dawn jaqgħu taħt il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat ġdida.

52      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-projbizzjoni ta’ implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ għajnuna stabbilita fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE għandha effett dirett. In-natura immedjata applikabbli għall-projbizzjoni tal-implimentazzjoni li hemm riferiment għaliha f’din id-dispożizzjoni testendi għal kull għajnuna implimentata mingħajr ma ġiet innotifikata (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa, C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jirkupraw minn jeddhom kull għajnuna mogħtija illegalment (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 92).

53      Fid-dawl ta’ dan il-kuntest ġuridiku ċar fir-rigward tal-iskema ta’ għajnuna mill-Istat ġdida mogħtija mingħajr notifika minn qabel u tal-assenza ta’ dritt suġġettiv li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni għall-benefiċjarji attwali u potenzjali li jingħataw għajnuna minn Stat Membru fl-assenza ta’ notifika minn dan l-Istat Membru, l-assenza ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ tali għajnuna illegali lanqas ma tista’ tippreġudika l-prinċipju ta’ ċertezza legali.

54      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li t-tielet motiv jiġi miċħud, u fl-aħħar mill-aħħar, li jiġi miċħud ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

55      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress illi r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni f’dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Solar Electric Holding, Solar Electric Guyane, Solar Electric Martinique u Société de production d’énergies renouvelables huma kkundannati għall-ispejjeż.

Svenningsen

Barents

Laitenberger

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑10 ta’ Novembru 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.