Language of document :

Rikors ippreżentat fis-6 ta' Frar 2013 - Melt Water vs UASI (NUEVA)

(Kawża T-61/13)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Partijiet

Rikorrenti: Research and Production Company "Melt Water" UAB (Klaipeda, il-Litwanja) (rappreżentant: V. Viešūnaitė, avukat)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni tar-Raba' Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tat-3 ta' Diċembru 2012 fil-Każ R 1794/2012-4 u tikkunsidra l-appell quddiem il-Bord tal-Appell, fir-rigward tat-trade mark "NUEVA" (Applikazzjoni għal reġistrazzjoni Nru 10 573 541), bħala ppreżentat,

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikant għat-trade mark Komunitarja: ir-rikorrenti

Trade mark Komunitarja kkonċernata: it-trade mark figurattiva "NUEVA" għal prodotti fil-klassi 32 - Applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja Nru 10 573 541

Deċiżjoni tal-eżaminatur: applikazzjoni għal reġistrazzjoni miċħuda

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: appell ikkunsidrat bħala li ma ġiex ippreżentat

Motivi invokati: Fid-deċiżjoni kkontestata tat-3 ta' Diċembru 2012, il-konvenut iddikjara b'mod żbaljat li l-appell ippreżentat mir-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell kellu jiġi kkunsidrat, skont l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009 2 u r-Regola 49 (3) tar-Regolament Nru 2685/95 , bħala li ma ġiex ippreżentat minħabba li t-tariffa tal-appell ma kinitx tħallset fit-terminu stabbilit. Ir-rikorrenti tikkontesta l-pożizzjoni meħuda mill-konvenut fis-sens li din it-tariffa għandha titħallas fit-terminu ta' xahrejn previst għall-preżentata tal-att tal-appell. Hija ssostni li kemm mid-deċiżjoni tal-eżaminatur li tirrifjuta l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u kif ukoll mit-traduzzjoni uffiċjali tal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009 bil-Litwan jirriżulta li t-tariffa tal-appell għandha tkun marbuta mal-preżentata tan-nota bil-motivi tal-appell u mhux mal-preżentata tal-att tal-appell. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ġustament rabtet il-ħlas tat-tariffa tal-appell mat-terminu għall-preżentata tan-nota bil-motivi tal-appell u ħalset din it-tariffa matul dan it-terminu.

Skont ir-rikorrenti, it-traduzzjoni tar-Regolament Nru 207/2009 bil-Litwan għandha titqies bħala vinkolanti u hija l-verżjoni Litwana ta' dan ir-regolament li għandha tittieħed bħala bażi meta jiġi evalwat jekk it-tariffa tal-appell imħallsa mir-rikorrenti lill-konvenut kinitx riċevuta fil-ħin. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li, fil-każ li t-test vinkolanti fil-lingwa ta' Stat Membru partikolari, f'dan il-każ bil-Litwan, ikun ambigwu, jew fil-każ li t-traduzzjoni tiegħu ma tikkorrispondix għat-test f'lingwi oħra, l-att għandu, sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali, jiġi interpretat bl-iktar mod konformi mal-interessi tal-persuna li lilha jkun indirizzat, b'mod partikolari jekk l-interpretazzjoni kuntrarja jista' jkollha konsegwenzi negattivi għal din il-persuna.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta' Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).

2 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta' Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189).