Language of document : ECLI:EU:T:2015:253

Kawża T‑135/13

Hitachi Chemical Europe GmbH et

vs

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)

“REACH – Identifikazzjoni ta’ ċerti sensitizzaturi respiratorji bħala sustanzi ta’ tħassib serju ħafna – Livell ta’ tħassib ekwivalenti – Rikors għal annullament – Inċidenza diretta – Ammissibbiltà – Drittijiet tad-difiża – Proporzjonalità”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tat-30 ta’ April 2015

1.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Inċidenza diretta – Kriterji – Deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) li tidentifika sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna – Rikors ippreżentat mill-fornituri tas-sustanza – Ammissibbiltà

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, Artikoli 31(9) u 59)

2.      Rikors għal annullament – Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Rikors ippreżentat minn numru ta’ rikorrenti kontra l-istess deċiżjoni – Locus standi ta’ wieħed fosthom – Ammissibiltà tar-rikors kollu kemm hu

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

3.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Kunċett ta’ att regolatorju fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Kull att ta’ portata ġenerali bl-eċċezzjoni ta’ atti leġiżlattivi – Deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) li tidentifika sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna – Inklużjoni – Att li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tat-Trattat

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, Artikoli 57(f) u 59)

4.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi – Regolament REACH – Sustanzi ta’ tħassib serju ħafna – Lista ta’ sustanzi elenkati fl-Artikolu 57(f) tar-Regolament – Natura mhux eżawrjenti

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, premessa 16 u Artikoli 57(f), u 59)

5.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi – Regolament REACH – Sustanzi ta’ tħassib serju ħafna – Proċedura ta’ identifikazzjoni – Setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet tal-Unjoni – Portata – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti – Żball manifest, użu ħażin ta’ poter jew qbiż manifest tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, Artikoli 57 u 59)

6.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi – Regolament REACH – Sustanzi ta’ tħassib serju ħafna – Proċedura ta’ identifikazzjoni – Possibbiltà ta’ kontroll tal-effetti negattivi ta’ sustanza permezz ta’ miżuri ta’ ġestjoni – Ċirkustanzi li ma humiex ta’ ostakolu għall-identifikazzjoni tas-sustanza ta’ tħassib serju ħafna – Obbligu għall-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) li tieħu inkunsiderazzjoni evalwazzjoni tar-riskji għal sustanza taħt il-kategorija 1 tad-Direttiva 67/548 – Assenza

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, Artikoli 57(a) sa (f), 58(2), 59(4) u 60(2), u Anness XIV; Direttiva tal-Kunsill 67/548)

7.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi – Regolament REACH – Sustanzi ta’ tħassib serju ħafna – Proċedura ta’ identifikazzjoni – Sustanzi li għandhom proprjetajiet persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi jew persistenti ħafna u bijoakkumulattivi ħafna – Obbligi fil-qasam tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fir-rigward tas-sustanzi alternattivi – Portata – Effett eventwali ta’ tali informazzjoni fuq deċiżjoni li tidentifika sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna – Limiti

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, Artikolu 59)

8.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi – Regolament REACH – Sustanzi ta’ tħassib serju ħafna – Proċedura ta’ identifikazzjoni – Determinazzjoni tal-livell ta’ tħassib ta’ sustanza – Eżami, każ b’każ, fl-assenza ta’ ffissar ta’ kriterji oġġettivi mir-Regolament – Ksur tad-drittijiet tad-difiża – Assenza

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, premessa 16 u Artikoli 57(a) sa (f) u 59; Gwida dwar l-identifikazzjoni ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna, punt 3.3.3.2)

9.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi – Regolament REACH – Sustanzi ta’ tħassib serju ħafna – Proċedura ta’ identifikazzjoni – Natura distinta u indipendenti meta mqabbla mal-proċeduri ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, premessi 19 sa 21 u 69 u Artikoli 14, 44 sa 48 u 59)

10.    Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi – Regolament REACH – Sustanzi ta’ tħassib serju ħafna – Proċedura ta’ identifikazzjoni – Deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) li tidentifika l-anidride eżaidrometilftalik bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Assenza

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, premessa 16 u Artikoli 14(6), 44 sa 48, 55, 58(5), 59 u 69 u Anness XVII)

11.    Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi – Regolament REACH – Sustanzi ta’ tħassib serju ħafna – Proċedura ta’ identifikazzjoni – Ftehim unanimu tal-Kumitat tal-Istati Membri – Astenzjoni ta’ Stat Membru – Assenza ta’ effett fuq deċiżjoni vvotata b’unanimità mill-Istati Membri preżenti

(Artikolu 238(4) TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, Artikolu 59(8); Regoli tal-Proċedura tal-Kumitat tal-Istati Membri tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), Artikolu 19(1))

1.      Il-kundizzjoni ta’ interess dirett ta’ kull persuna fiżika jew ġuridika fil-kuntest ta’ rikors ibbażat fuq ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE teħtieġ, l-ewwel nett, li l-miżura inkwistjoni trid tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-persuna kkonċernata u, it-tieni nett, li ma tagħti l-ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji ta’ din il-miżura li huma responsabbli għall-implementazzjoni tagħha, b’din tal-aħħar tkun purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra.

Fir-rigward ta’ deċiżjoni mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) li tidentifika sustanza ta’ tħassib serju ħafna li tirriżulta mill-proċeduri msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi, din tipproduċi effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tal-fornituri ta’ din is-sustanza minħabba fl-obbligu li l-iskeda ta’ data ta’ sigurtà kkonċernata tiġi aġġornata, konformement mal-Artikolu 31(9) ta’ dan ir-regolament. B’konsegwenza ta’ dan dawn il-fornituri huma direttament effettwati mid-deċiżjoni tal-ECHA.

(ara l-punti 27, 36-38)

2.      Għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju, jekk deċiżjoni hija kkontestata minn diversi rikorrenti fil-kuntest ta’ rikors għal annullament taħt l-Artikolu 263 TFUE u jekk jiġi stabbilit li wieħed minnhom għandu locus standi, ma hemmx iktar lok għall-qorti tal-Unjoni li teżamina l-locus standi tar-rikorrenti l-oħra.

(ara l-punt 39)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 40)

4.      L-ifformular tal-Artikolu 57(f) tar-Regolament Nru 1907/2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi, li jikkonċerna s-sustanzi li ma jissodisfawx il-kriterji msemmija fil-punti (d) jew (e) ta’ dan l-artikolu u li jkunu identifikati fuq bażi każ b’każ skont il-proċeduri previsti fl-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament, ma jeskludix li s-sensitizzaturi respiratorji jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, jekk huwa minnu li l-Artikolu 57(f) tar-Regolament Nru 1907/2006 ma jagħmel ebda riferiment għal din il-kategorija ta’ sustanzi, xorta jibqa’ l-fatt li s-sustanzi espressament imsemmija f’din id-dispożizzjoni huma biss imsemmija bħala eżempju, hekk kif jirriżulta mill-kliem “bħal dawk” użat mil-leġiżlatur. Barra minn hekk, interpretazzjoni restrittiva ta’ din id-dispożizzjoni tmur kontra l-għan tar-Regolament Nru 1907/2006 li jiżgura livell għoli tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent peress li numru kbir ta’ sustanzi perikolużi li għandhom effetti serji fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent jitneħħew mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni previst fit-Titolu VII ta’ dan ir-regolament.

(ara l-punti 44-46)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 52, 53, 111)

6.      Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi dwar il-kwistjoni jekk sustanza toħloq livell ta’ tħassib ekwivalenti għal dak tas-sustanzi elenkati fl-Artikolu 57(a) sa (e) tar-Regolament Nru 1907/2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi, sabiex jiġu identifikati bħala sustanza ta’ tħassib serju, il-fatt li l-ECHA ma ħax inkunsiderazzjoni li l-utenti tas-sustanza kkonċernata jimplementa miżuri effettivi ta’ ġestjoni tar-riskji ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li din l-evalwazzjoni hija vvizzjata bi żball manifest. Fil-fatt, jirriżulta mill-Artikolu 60(2) tar-Regolament Nru 1907/2006 li l-fatt li l-effetti negattivi ta’ sustanza marbuta mal-użu tagħha jistgħu jiġu kkontrollati adegwatament, ma jipprekludix l-identifikazzjoni tagħha bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna. Fil-każ kuntrarju, il-possibbiltà li tiġi awtorizzata sustanza li l-riskji tagħha jistgħu validament jiġu kkontrollati, bis-saħħa tad-dispożizzjoni inkwistjoni, hija irrilevanti. Dan huwa kkonfermat mill-Artikolu 58(2), ta’ dan ir-regolament.

F’dan ir-rigward, hemm lok li ssir distinzjoni bejn il-perikli u r-riskji. L-evalwazzjoni tal-perikli tikkostitwixxi l-ewwel pass fil-proċess ta’ evalwazzjoni tar-riskju, li huwa kunċett iktar preċiż. Għalhekk, evalwazzjoni tal-perikli marbuta mal-proprjetajiet intrinsiċi ta’ sustanza ma għandux ikun limitat fid-dawl ta’ ċirkustanzi ta’ użu speċifiċi, bħal fil-każ ta’ evalwazzjoni tar-riskji, u jista’ jitwettaq b’mod validu irrispettivament mill-post tal-użu tas-sustanza, tal-mezz li bih jista’ jseħħ il-kuntatt u livelli eventwali ta’ espożizzjoni għas-sustanza.

Barra minn hekk, il-klassifikazzjoni u l-ittikkettjar tas-sustanzi stabbiliti taħt id-Direttiva 67/548, rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta’ sustanzi perikolużi, huma bbażati fuq it-trażmissjoni ta’ informazzjoni fuq il-perikli marbuta mal-proprjetajiet intrinsiċi tas-sustanzi. F’dan ir-rigward, peress li l-klassifikazzjoni fost is-sustanzi karċinoġeniċi, mutaġeniċi u tossiċi għar-riproduzzjoni tal-kategorija 1 hija suffiċjenti biex tiġi identifikata sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna, bis-saħħa tal-Artikolu 57(a) sa (ċ) tar-Regolament Nru 1907/2006, ma jistax jiġi konkluż li, għall-identifikazzjoni ta’ sustanza konformement mal-Artikolu 57(f) ta’ dan ir-regolament, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) għandha tikkunsidra evalwazzjoni tar-riskji.

(ara l-punti 61, 68-71, 81)

7.      Ma jirriżultax mill-proċeduri ta’ identifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi, li informazzjoni fuq is-sustanzi alternattivi huma rilevanti għar-riżultat ta’ dawn il-proċeduri.

(ara l-punt 88)

8.      Ma jikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ fornitur ta’ sustanza identifikata bħala ta’ tħassib serju ħafna mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi l-assenza ta’ kriterji oġġettivi previsti fl-Artikolu 57(a) sa (e) tar-Regolament Nru 1907/2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi, għad-determinazzjoni ta’ jekk sustanza tikkawża livell ta’ tħassib ekwivalenti għal dak ikkawżat mill-użu ta’ sustanzi oħra elenkati fl-Artikolu 57(a) sa (e) ta’ dan ir-regolament, fis-sens tal-Artikolu 57(f) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, l-għan tal-Artikolu 57(f), jikkonsisti preċiżament f’li jiġi permess l-identifikazzjoni ta’ sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna, każ b’każ, fl-assenza ta’ kriterji oġġettivi previsti fl-Artikolu 57(a) sa (e) ta’ dan ir-regolament. F’dan ir-rigward, għandu jiġi xjentifikament ipprovat li sustanza jista’ jkollha effetti serji fuq is-saħħa tal-bniedem jew fuq l-ambjent li jikkawża livell ta’ tħassib ekwivalenti għal dak ikkawżat bl-użu ta’ sustanzi oħra elenkati fl-Artikolu 57(a) sa (e) tar-Regolament Nru 1907/2006.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-kriterji previsti fil-punt 3.3.3.2 tal-Gwida dwar l-identifikazzjoni ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna, li jinkludu b’mod partikolari s-severità tal-effetti, in-natura irriversibbli tal-effetti fuq is-saħħa, il-konsegwenzi għas-soċjetà u d-diffikultajiet biex twettaq evalwazzjoni tar-riskji bbażata fuq il-konċentrazzjoni tas-sustanza inkwistjoni, huwa minnu li dawn il-kriterji huma ta’ natura ġenerali, jibqa’ l-fatt li huma biżżejjed preċiżi biex jippermettu lill-partijiet ikkonċernati jgħarrfu b’mod utli u effettiv, il-fehmiet tagħhom relatati mal-evalwazzjoni ta’ jekk sustanza tikkawża livell ta’ tħassib ekwivalenti għal dak ikkawżat bl-użu ta’ sustanzi oħra elenkati fl-Artikolu 57(a) sa (e) tar-Regolament Nru 1907/2006. F’dan ir-rigward, il-fatt li dawn il-kriterji ma jkunux ġew approvati mill-awtoritajiet kompetenti jew diskussi bejn il-partijiet ikkonċernati ma jistax ikun il-bażi għal ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ dawn il-partijiet, sa fejn dawn tal-aħħar kienu konxji sewwa tal-kriterji u tal-applikazzjoni tagħhom f’din il-kawża sa mill-fajls mħejjija fil-kuntest tal-proċedura ta’ identifikazzjoni ta’ sustanza.

(ara l-punti 101-104)

9.      Ma jirriżultax mir-Regolament Nru 1907/2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi, li l-leġiżlatur ried jissuġġetta l-proċeduri ta’ identifikazzjoni ffinalizzata konformement mal-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament, li jagħmel parti mill-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni ta’ sustanza msemmija fit-Titolu VII ta’ dan ir-regolament, għall-proċedura ta’ reġistrazzjoni prevista fit-Titolu II tal-istess regolament u li taħtu jaqgħu l-obbligi msemmija fl-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament jew għall-proċeduri ta’ evalwazzjoni msemmija fl-Artikoli 44 sa 48 tal-istess regolament. Huwa korrett li l-proċedura ta’ reġistrazzjoni u l-proċeduri ta’ evalwazzjoni, imfassla bħala verifika tar-reġistrazzjoni skont il-premessa 20 tar-Regolament Nru 1907/2006, iservi wkoll biex titjib l-informazzjoni pubblika u tal-professjonisti fuq il-perikli u r-riskji ta’ sustanza, hekk kif jirriżulta mill-premessi 19 u 21 ta’ dan ir-regolament. Madankollu, peress li s-sustanzi rreġistrati għandhom ikunu jistgħu jiċċirkolaw fis-suq intern, hekk kif jirriżulta mill-premessa 19 tar-Regolament Nru 1907/2006, l-għan tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, liema proċedura ta’ identifikazzjoni hija msemmija fl-Artikolu 59 ta’ dan ir-regolament, huwa li b’mod partikolari hija gradwalment tissostitwixxi s-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna b’sustanzi jew teknoloġiji alternattivi adegwati li jkunu ekonomikament u teknikament vijabbli. Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-premessa 69 tar-Regolament Nru 1907/2006, il-leġiżlatur ried jagħti attenzjoni speċjali lis-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna.

(ara l-punti 107, 120)

10.    Hija konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi li tidentifika l-anidride eżaidrometilftalik, l-anidride eżaidro‑4‑metilftalik, l-anidride eżaidro‑1‑metilftalik u l-anidride eżaidro‑3‑metilftalik (MHHP) bħala sustanzi ta’ tħassib serju ħafna li tirriżulta mill-proċeduri msemmija fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi. Fil-fatt, meta sustanza hija identifikata bħala ta’ tħassib serju ħafna, l-operaturi ekonomiċi kkonċernati huma suġġetti għal obbligi ta’ informazzjoni. Issa din id-deċiżjoni hija adegwata għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija permezz tar-Regolament Nru 1907/2006, peress li tali identifikazzjoni hija intiża għat-titjib tal-informazzjoni pubblika u tal-professjonisti fuq ir-riskji u l-perikli, b’din l-identifikazzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala strument għat-titjib tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem li huwa l-għan prinċipali ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, tali deċiżjoni ma tmurx lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1907/2006.

Fil-fatt, l-ewwel nett, la l-evalwazzjoni ta’ sustanza prevista mill-Artikoli 44 sa 48 ta’ dan ir-regolament u lanqas il-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji proposti bis-saħħa tal-Artikolu 14(6) ta’ dan ir-regolament ma jikkostitwixxu miżuri adegwati għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament dwar it-trattament tas-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna u għalhekk ma humiex miżuri inqas restrittivi.

It-tieni nett, is-sempliċi fatt li sustanza tinsab fil-lista msemmija fl-Artikolu 59(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 ma jimpedixxix li din is-sustanza tiġi suġġetta, hekk kif stabbilit f’dan l-artikolu, għal restrizzjonijiet iktar milli għal awtorizzazzjoni. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 58(5) u mill-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1907/2006, il-Kummissjoni jew Stat Membru xorta waħda jistgħu jissuġġerixxu li l-manifattura, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ sustanza kif inhi jew f’taħlita jew artiklu jkun ikkontrollat minn restrizzjonijiet pjuttost milli awtorizzazzjoni. Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-Anness XVII tar-Regolament Nru 1907/2006, ir-restrizzjonijiet adottati konformement mal-proċeduri msemmija fit-Titolu VIII ta’ dan ir-regolament, applikabbli għall-manifattura, għat-tqegħid fis-suq u għall-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi u ta’ ċerti taħlitiet u artikli perikolużi, jistgħu jvarjaw minn kundizzjonijiet speċjali imposti fuq il-manifattura jew it-tqegħid fis-suq ta’ sustanza għal projbizzjoni totali tal-użu ta’ sustanza. Anki jekk il-miżuri ta’ restrizzjoni huma wkoll adegwati għall-kisba tal-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament, dawn għalhekk ma jikkostitwixxux, bħala tali, miżuri inqas restrittivi fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ sustanza li timplika biss obbligi ta’ informazzjoni.

Barra minn hekk, leġiżlazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ħaddiema li tipprevedi għal miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji għall-ħaddiema ma tistax tikkostitwixxi miżuri adegwati u inqas kontraenti għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1907/2006 għat-trattament ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna u, b’mod partikolari, għall-għan li gradwalment jiġu ssostitwiti s-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna minn sustanzi oħra jew teknoloġiji adegwati fejn dawn huma ekonomikament u teknikament vijabbli.

(ara l-punti 113, 114, 122, 124-126)

11.    Huwa minnu li bis-saħħa tal-Artikolu 59(8) tar-Regolament Nru 1907/2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi, il-Kumitat tal-Istati Membri tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) jrid jilħaq ftehim unanimu fuq l-identifikazzjoni ta’ sustanza sabiex l-ECHA tista’ tinkludiha fuq il-lista msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu. Madankollu, il-fatt li Stat Membru kien deliberatament assenti waqt il-votazzjoni fuq l-identifikazzjoni ta’ sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna ma jostakolax lill-Kumitat tal-Istati Membri tal-ECHA milli jilħaq ftehim unanimu. Fil-fatt, bis-saħħa tal-Artikolu 238(4) TFUE, li fuqha hija bbażata l-prattika proċedurali ta’ dan il-kumitat, l-astensjonijiet tal-membri preżenti jew irrappreżentati ma jkunux ta’ ostakolu għall-adozzjoni tad-deliberazzjonijiet li jeħtieġu l-unanimità. Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 19(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Kumitat tal-Istati Membri tal-ECHA, kull membru li la huwa preżenti u lanqas irrappreżentat permezz ta’ mandatarju fil-laqgħa huwa kkunsidrat bħala li jkun qabel b’mod taċitu mal-kunsens milħuq jew mal-opinjoni li għandha l-maġġoranza tal-kumitat meta kwistjoni tkun suġġetta għal vot.

(ara l-punt 132)