Language of document :

Rikors ippreżentat fl-1 ta' Marzu 2012 - Ir-Renju ta' Spanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-96/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju ta' Spanja( rappreżentant: N. Díaz Abad, aġent)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tikkonstata n-nuqqas ta' teħid ta' azzjoni mill-Kummissjoni sa fejn din tal-aħħar naqset milli tħallas lill-awtoritajiet Spanjoli l-bqija tal-bilanċi dovuti f'terminu ta' xahrejn wara l-preżentata tad-dokumenti msemmija fl-Artikolu D(2)(d) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94;

sussidjarjament, tannulla l-ittra tat-22 ta' Diċembru 2011 li tinkludi t-teħid ta' pożizzjoni tal-Kummissjoni sussegwentement għat-talba li saret qabel indirizzata lil din l-istituzzjoni sabiex tħallas il-bilanċ tal-għajnuna li jikkorrispondi għall-għeluq tal-proġetti kofinanzjati mill-Fondi ta' Koeżjoni mogħtija lil Spanja għall-perijodu ta' programmazzjoni 2000-2006, u tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas dawn il-bilanċi, u

tikkundanna lill-istituzzjoni konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

F'din il-kawża, ir-Renju ta' Spanja jippreżenta rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni wara n-nuqqas tat-twettiq tal-obbligu, li skont l-Istat rikorrent, l-istituzzjoni konvenuta għandha li tħallas il-bqija tal-bilanċi dovuti li jikkorrispondu għall-għeluq tal-proġetti kofinanzjati mill-Fondi ta' Koeżjoni mogħtija lil Spanja għall-perijodu ta' programmazzjoni 2000-2006.

Sussidjarjament, u fl-ipoteżi fejn il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-ittra tat-22 ta' Diċembru 2011 li tinkludi t-teħid ta' pożizzjoni tal-Kummissjoni sussegwentement għat-talba li saret qabel mir-Renju ta' Spanja ttemm in-nuqqas ta' teħid ta' azzjoni invokat, ir-rikorrent jippreżenta wkoll rikors għal annullament kontra din l-ittra.

Insostenn tar-rikors tiegħu r-rikorrent jinvoka sitt motivi.

Ksur tal-Artikolu D(5) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 2, sa fejn il-Kummissjoni naqset milli tħallas il-bilanċ tal-għajnuna relatata mal-proġetti msemmija fir-rikors f'terminu ta' xahrejn, mingħajr ma ġiet ikkonstatata l-interruzzjoni jew is-sospensjoni ta' dan it-terminu.

Ksur tal-prinċipju ta' ċertezza legali, peress li l-Kummissjoni kisret regola ġuridika ċara li għandha konsegwenzi ġuridiċi preċiżi.

Ksur tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1386/2002 , sa fejn il-Kummissjoni ma adottatx id-deċiżjoni korrispondenti fit-terminu ta' tliet xhur wara d-data tas-seduta mal-awtoritajiet Spanjoli.

Ksur tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1164/94, sa fejn il-Kummissjoni eċċediet is-setgħat li tagħtiha din id-dispożizzjoni fil-qasam tal-verifiki finanzjarji.

Ksur tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1386/2002, peress li ma humiex sodisfatti l-kundizzjonijiet legalment previsti sabiex il-Kummissjoni tkun tista' titlob li ssir verifika ġdida.

Ksur tal-Artikolu H tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94, sa fejn il-Kummissjoni implementat il-proċedura prevista minn dan l-artikolu meta l-kundizzjonijiet meħtieġa ma kinux sodisfatti.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1164/94, tas-16 ta' Mejju 1994, li jistabbilixxi Fond ta' Koeżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 9).

2 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1386/2002, tad-29 ta' Lulju 2002, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1164/94 fir-rigward tas-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll għall-għajnuna mogħtija taħt il-Fondi ta' Koeżjoni u l-proċedura sabiex isiru korrezzjonijiet finanzjarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 162).