Language of document :

Appell ippreżentat fid-29 ta’ April 2024 minn Pesticide Action Network Europe (PAN Europe) mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fil-21 ta’ Frar 2024 fil-Kawża T-536/22, PAN Europe vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-316/24 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Pesticide Action Network Europe (PAN Europe) (rappreżentant: A. Bailleux, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara l-appell ammissibbli u fondat;

tannulla fl-intier tagħha s-sentenza tal-21 ta’ Frar 2024 mogħtija mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Ir-Raba’ Awla) fil-kawża T-536/22 ;

abbażi tal-Artikolu 61(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, tiddeċiedi dwar it-tilwima u, filwaqt li tilqa’ t-talbiet imressqa mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, ikkomunikata b’mod regolari lir-rikorrenti fit-18 ta’ Lulju 2022, li tiċħad it-talba għal rieżami intern tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2049 tal-24 ta’ Novembru 2021 li jġedded l-approvazzjoni tas-sustanza attiva ċipermetrina bħala kandidat għas-sostituzzjoni, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 1  ;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-konklużjonijiet adottati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata huma vvizjati bi żbalji ta’ liġi, b’motivazzjoni kontradittorja, insuffiċjenti u żbaljata, jew bi żnaturament tal-provi.

Dawn id-difetti jolqtu s-sentenza appellata, sa fejn din issostni l-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha li tiċħad it-talba għal rieżami intern li tgħid li l-Kummissjoni setgħet tapprova mill-ġdid is-sustanza attiva “ċipermetrina”:

minkejja oqsma kritiċi ta’ tħassib imqajma mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel;

minkejja nuqqas ta’ data (u b’hekk nuqqas ta’ konklużjoni mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel fir-rigward tal-potenzjal ta’ tfixkil endokrinali taċ-ċipermetrina);

minkejja numru kbir ta’ data nieqsa oħra, inkluż dwar id-data li kellha tiġi pprovduta mill-applikant fil-fajl li jsostni t-talba għal approvazzjoni mill-ġdid taċ-ċipermetrina;

flimkien ma’ talbiet għal informazzjoni ta’ konferma fir-rigward ta’ data li kellha tiġi pprovduta fil-fajl ta’ approvazzjoni mill-ġdid jew li n-nuqqas tagħha kellu jwassal għal rifjut ta’ approvazzjoni mill-ġdid;

minkejja l-assenza ta’ evalwazzjoni tat-tossiċità fit-tul tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti ta’ referenza.

____________

1     ĠU 2021, L 420, p. 6.