Language of document : ECLI:EU:T:2007:384

DIGRIET TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

12 ta’ Diċembru 2007 (*)

“Rikors għal annullament – Direttiva 2002/21/KE – Ittra ta’ kummenti tal-Kummissjoni – Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/21/KE – Att li ma jistax jiġi kkontestat – Nuqqas ta’ interess dirett – Inammissibbiltà”

Fil-kawża T‑109/06,

Vodafone España, SA, stabbilita f’Madrid (Spanja),

Vodafone Group plc, stabbilita fi Newbury, Berkshire (ir-Renju Unit),

irrappreżentati minn J. Flynn, QC, E. McKnight u K. Fountoukakos-Kyriakakos, solicitors,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. Shotter u K. Mojzesowicz, bħala aġenti,

Konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn M. Muñoz Pérez, abogado del Estado,

intervenjenti

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni allegatament misjuba fl-ittra tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Jannar 2006 indirizzata lill-Comisión del Mercado de las Telecomunicaciones, abbażi ta’ l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]) (ĠU L 108, p. 33),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, M. E. Martins Ribeiro u K. Jürimäe, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-kuntest ġuridiku

1.     Id-Direttiva 2002/21/KE

1        Fis-7 ta’ Marzu 2002, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw id-Direttiva 2002/21/KE dwar qafas regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Qafas) (ĠU L 108, p. 33). Skond l-Artikolu 1(1) ta’ l-imsemmija Direttiva hija għandha “tistabbilixxi kwadru [qafas] armonizzat għar-regolar ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, faċilitajiet assoċjati u servizzi assoċjati[, t]istipula x-xogħol ta’ l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji u tistabbilixxi sett ta’ proċeduri biex tassigura l-applikazzjoni armonizzata tal-kwadru [qafas] regolatorju mal-Komunità [fil-Komunità kollha].”

2        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/21, li jipprovdi għal dritt ta’ appell kontra d-deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji (“iktar’il quddiem l-ANR”), jistipula dan li ġej :

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li mekkaniżmi effettivi jeżistu fil-livell nazzjonali li taħthom kull utent jew impriża li tipprovdi networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u/jew servizzi li tkun milquta b’deċiżjoni ta’ l-[ANR] jkollha d-dritt ta’ appell kontra d-deċiżjoni lil [quddiem] korp ta’ appell li jkun indipendenti mill-partijiet involuti. Dan il-korp, li jista’ jkun qorti, għandu jkollu l-ħila adattata disponibbli biex tippermettilu li jwettaq il-funzjonijiet tiegħu. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-merti [mertu] tal-każ jingħata kont debitu tagħhom [jittieħed debitament in konsiderazzjoni] u li jkun hemm mekkaniżmu effettiv ta’ appell. Sakemm jinqata’ dak l-appell, id-deċiżjoni ta’ l-[ANR] għandha tibqa’ [fis-seħħ] sakemm il-bord ta’ l-appell ma jiddeċidix xort’oħra.

2. Fejn il-korp ta’ l-appell imsemmi fil-paragrafu 1 ma jkunx ta’ natura ġudizzjarja, raġunijiet bil-miktub għad-deċiżjonijiet tiegħu għandhom dejjem jingħataw. B’żieda, skond il-każ, [Minbarra dan, f’każ bħal dan,] id-deċiżjoni [tiegħu] għandha tkun suġġetta għar-reviżjoni [għal stħarriġ] mill- [minn] qorti jew tribunal skond it-tifsira ta’ [l-]Artikolu 234 tat-Trattat.”

3        Skond l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2002/21, “[l]-Istati membri għandhom jiżguraw li l-[ANR] jipprovdu lill-Kummissjoni, wara talba raġonata, bl-informazzjoni meħtieġa […] biex [din tkun tista’] twettaq ix-xogħlijiet [id-dmirijiet] tagħha taħt it-Trattat.”

4        L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/21, intitolat “Mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni u trasparenza” jipprovdi :

“Ħlief fil-każi li jaqgħu taħt Artikoli 7(6), 20 jew 21 l-Istati Membri għandhom jassiguraw li fejn [meta] l-[ANR] jkollhom il-ħsieb li jieħ[d]u miżuri skond din id-Direttiva [… li jkollhom] impatt sinifikanti fuq is-suq relevanti, jagħti [huma jagħtu] lill-partijiet interessati l-opportunità li jikkummentaw dwar l-abbozz tal-miżuri f’perjodu ta’ żmien raġonevoli […]”

5        L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/21, intitolat “Konsolidazzjoni tas-suq intern għall-komunikazzjonijiet elettroniċi” jipprovdi :

“1. Fit-twetti[]q tax-xogħlijiet [tad-dmirijiet] tagħhom taħt din id-Direttiva […], l-[ANR] għandhom jagħtu l-akbar kont [kunsiderazzjoni] tal-miri stipulati f’Artikolu 8, inkluż sal-limitu li dawn jirrelataw mas- [inklużi dawk li jirrigwardaw l-operat tas-]suq intern.

2. L-[ANR] għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-suq intern billi jikkoperaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni b’mod trasparenti li jiżgura l-applikazzjoni konsistenti, fl-Istati Membri kollha, tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva […]. Għal dak il-għan, għandhom b’mod partikolari jfittxu li jiftiehmu dwar it-tipi ta’ strumenti u [r-] rimedji l-aktar adattati biex jindirizzaw tipi partikolari ta’ sitwazzjonijiet fil-post tas-suq.

3. B’żieda mal- [Minbarra l-]konsultazzjoni msemmija f’Artikolu 6, fejn [meta ANR] jkollha l-ħsieb li tieħu miżuri li:

(a) jaqgħu fl-iskop [taħt il-portata] ta’ Artikoli 15 jew 16 ta’ din id-Direttiva, [...] u

(b) jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri,

[hija] għandha fl-istess żmien tagħmel l-abbozz tal-miżura aċċessibbli għall-Kummissjoni u għall-[ANR] fl-Istati Membri l-oħra, flimkien mar-raġonament li fuqu tkun bażata l-miżura, […] u [għandha] tinforma lill-Kummissjoni u lill-[ANR] l-oħra bih[om]. L-[ANR l-oħra] u l-Kummissjoni għandhom jagħmlu l-kummenti lill-[ANR] konċernata fi żmien xahar jew fi żmien il-perjodu msemmi f’Artikolu 6 jekk dak il-p[e]rjodu jkun itwal. Il-perjodu ta’ xahar ma jistgħax jiġi mtawwal.

4. Fejn miżura maħsuba koperta bil-paragrafu 3 timmira li [Meta l-miżura imsemmija fil-paragafu 3 jkollha l-għan] li:

(a) tiddefinixxi suq relevanti li jkun differenti minn dawk definiti fir-rakkomandazzjoni skond Artikolu 15(1), jew

(b) tiddeċiedi jekk tiddeskrivix jew le impriża bħala li jkollha [waħda li għandha], jew individwalment jew konġuntement ma’ oħrajn, saħħa sinifikanti fis-suq, taħt Artikolu 16 […] (4) jew (5),

u […] tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni tkun indikat lill-[ANR] li tqis li l-abbozz tal-miżuri jista’ joħloq ostakolu għas-suq wieħed jew jekk ikollha dubju serji dwar il-kompatibilità [tagħha] mal-liġi tal-Kummissjoni [Komunitarja], u b’mod partikolari l-miri [ma’ l-għanijiet] msemmija f’Artikolu 8, allura l-abbozz tal-miżura m’għandux jiġi adottat għal xahrejn oħra. Dan il-perjodu ma jistgħax jittawwal. F’dan il-perjodu l-Kummissjoni tista’, skond il-proċedura msemmija f’Artikolu 22(2), tieħu deċiżjoni li teħtieġ lill-[ANR] konċernata li titrtira l-abbozz tal-miżura. Din id-deċiżjoni għandha tkun akkumpanjata b’analiżi dettaljat[a] u oġġettiv[a] tar-raġuni[jiet] għaliex il-Kummisjoni tqis li l-abbozz tal-miżura m’għandux jiġi adottat flimkien ma’ proposti speċifiċi għall-emenda[r] ta’ l-abbozz tal-miżura.

5. L-[ANR] għandha tagħti l-akbar kont tal- [kunsiderazzjoni lill-] kummenti ta’ [l-ANR l-] oħra u [ta]l-Kummissjoni, u tista’ [,] ħlief f’każijiet koperti bil-paragrafu 4, tadotta l-abbozz tal-miżura li tirriżulta u, fejn tagħmel dan, għandha tikkomunikah lill-Kummissjoni.

6. […] [F]’ċirkostanzi eċċezzjonali, fejn [ANR] tqis li jkun hemm ħtieġa urġenti biex taġixxi, b’deroga mill-proċedura stipulata fil-paragrafi 3 u 4, sabiex tiġi mħarsa l-kompetizzjoni u [jiġu] protetti l-interessi ta’ l-utenti, [hija] tista’ minnufih tadotta miżuri proporzjonati u provviżorji. [Hija] [g]ħandha, mingħajr dewmien, tikkomunika dawk il-miżuri, bir-raġunijiet sħaħ, lill-Kummissjoni u lill-[ANR l-oħra]. Deċiżjoni mill- [ta’ l-ANR li] […] tirrendi permanenti dawk il-miżuri jew biex [li] testendi ż-żmien li għalih [dawn] huma applikabbli għandhom ikun suġġetti [għandha tkun suġġetta ] għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 3 u 4.”

6        Skond l-Artikolu 8(2)(b) tad-Direttiva 2002/21, l-ANR “għandhom jippromwovu l-kompetizzjoni fil-provista tan-networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati u servizzi billi […] jassiguraw li ma jkun hemm ebda tgħawwiġ jew restrizzjoni fil-kompetizzjoni fis-setttur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi”.

7        L-Artikolu 8(3)(d) tad-Direttiva 2002/21 iżid li “[l]-[ANR] għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-suq intern billi, fost ħwejjeġ oħra, […] jikkoperaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni b’mod trasparenti biex jassiġuraw l-iżvilupp ta’ prattika regolatorja konsistenti u l-applikazzjoni konsistenti ta’ din id-Direttiva”.

8        L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2002/21 jiddefinixxi l-kunċett ta’ impriża b’saħħa sinifikanti fis-suq. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2002/21 jipprovdi li “[i]mpriża għandha titqies li jkollha saħħa sinifikanti fis-suq jekk, jew individwalment jew konġuntement ma’ oħrajn tgawdi pożizzjoni ekwivalenti ta’ dominanza [tkun f’pożizzjoni li hija ekwivalenti għal pożizzjoni dominanti], jiġifieri pożizzjoni ta’ saħħa ekonomika li tagħtiha s-saħħa li ġġib ruħha sa limitu apprezzabbli ndipendentement mill-kompetituri, flijenti jew klijenti eventwali [il-possibbiltà li taġixxi indipendentement, b’mod sostanzjali, mill-kompetituri tagħha, mill-klijenti tagħha u, finalment, mill-konsumaturi]” L-imsemmija dispożizzjoni żżid li “l-[ANR] għandhom, meta jagħmlu stima jeek [jkunu qegħdin jevalwaw jekk] żewġ impriżi jew aktar humiex f’pożizzjoni dominanti konġunta fis-suq, jaġixx[u] skond il-liġi tal-Komunità u [għandhom] jagħtu l-akbar kont tal- [kunsiderazzjoni lil-]linji gwida dwar l-analiżi tas-suq u l-istima tas-saħħa sinifikanti tas- [fis-]suq ippubblikata mill-Kummissjoni skond Artikolu 15.”

9        L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/21 jirrigwarda l-proċedura ta’ definizzjoni tas-suq. Skond l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/21, “il-Kummissjoni għandha tadotta rakkomandazzjoni dwar is-swieq relevanti tal-prodotti u tas-servizzi (hawnhekk iżjed’l quddiem imsejħa "ir-rakkomandazzjoni"). Dan l-Artikolu jipprovdi wkoll li “r-rakkomandazzjoni għandha tidentifika […] dawk is-swieq tal-prodotti u servizzi fi ħdan is-setttur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, [li għandhom] karatteristiċi li jistgħu jkunu tali li jiġġustifikaw l-imposizzjoni ta’ obbligazzjonijiet regolatori” u li “l-Kummissjoni għandha tiddefinixxi s-swieq skond il- [il-prinċipji tal-] liġi tal-kompetizzjoni. L-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2002/21 jipprovdi li “l-Kummissjoni għandha tippubblika, sa l-aktar tard [f]id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, linji gwida għall-analiżi tas-suq u l-istima tas-[għall-evalwazzjoni ta’] saħħa sinifikanti fis-suq (hawnhekk iżjed’l quddiem imsejħa ‘l-linji gwida’) li għandhom ikunu skond il-prinċipji tal-liġi tal-kompetizzjoni”. Skond l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2002/21, “[l-ANR] għandhom, waqt li jagħtu l-akbar kont tar- [kunsiderazzjoni lir-]rakkomandazzjoni u l-linji gwida, jiddefinixxu s-swieq relevanti adatti [li jikkorrisppondu] għaċ-ċirkostanzi nazzjonali, b’mod partikolari is-swieq ġeografiċi relevanti fit-territorju tagħhom, skond il-prinċipji tal-liġi tal-kompetizzjoni” u “għandhom isegwu l-proċeduri msemmija f’Artikoli 6 u 7 qabel ma jiddefinixxu swieq li jkunu differenti minn dawk definiti fir-rakkomandazzjoni”.

10      L-Artikolu 16 tad-Direttiva, intitolat “Proċedura ta’ analiżi tas-suq” jipprovdi li :

“1. Kemm jista’ jkun malajr wara l-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni jew xi aġġornament tagħha, l-[ANR] għandhom iwettqu analiżi tas-swieq rilevanti, waqt li jagħtu l-akbar kont tal- [kunsiderazzjoni lil-]linji gwida. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li dan l-analiżi jitwettaq, fejn xieraq, b’kollaborazzjoni ma’ l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.

[…]

4. Fejn [l-ANR] tistabbilixxi li suq relevanti mhux effettivament kompetittiv, gġandha [hija għandha] tidentifika impriżi b’saħħa sinifikanti […] fuq dak is-suq skond Artikolu 14 u l-[ANR] għandha [timponi] fuq dawk l-impriżi […] l-obbligazzjonijiet speċifiċi adatti [idonei] [….] jew iżżomm [fis-seħħ] jew temenda dawk l-obbligazzjonijiet fejn ġia jeżistu.

5. Fil-każ tas-swieq transnazzjonali identifikati fid-Deċiżjoni msemmija f’Artikolu 15(4), l-[ANR] kkonċernati għandhom[,] konġuntement [,] iwettqu [l-]analiżi tas-suq, waqt li jagħtu l-akbar kont tal-[ kunsiderazzjoni lill-] linji gwida u jiddeċiedu fuq kull imposizzjoni, manutenzjoni, emenda jew irtirar ta’ l-obbligazzjonijiet regolatorji […] b’mod konċertat.

6. Il-miżuri meħuda skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi […] 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu suġġetti għall-proċeduri msemmija f’Artikoli 6 u 7.”

2.     Ir-Rakkomandazzjoni 2003/561/KE

11      Il-punt 6(f) tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/561/KE tat-23 ta’ Lulju 2003 dwar in-notifiki, il-limiti taż-żmien u l-konsultazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/21 (ĠU 2003 L 190, p. 13) [traduzzjoni mhux uffiċċjali] jipprovdi li n-notifika, mill-ANR, ta’ abbozz ta’ miżura, għandha tinkludi, jekk ikun hemm bżonn, “ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika preċedenti mwettqa mill-[ANR]” [traduzzjoni mhux uffiċċjali].

12      Skond il-punt 12 tar-Rakkomandazzjoni 2003/561:

“Meta l-Kummissjoni tagħmel kummenti b’mod konformi ma’ l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21 […], hija għandha tinforma lill-[ANR] ikkonċernata b’dan permezz ta’ mezzi elettroniċi u għandha tippubblika l-imsemmija kummenti fuq is-sit internet tagħha.”

13      Il-punt 14 tar-Rakkomandazzjoni 2003/561 jipprovdi:

“Meta, hekk kif tapplika l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2002/21 il-Kummissjoni […] tikkunsidra li abbozz ta’ miżura jkun ta’ ostakolu għas-suq uniku jew ikollha dubji serji dwar il-kompatibbiltà tiegħu mad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari ma’ l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21 […], jew, sussegwentement

a)      tirtira l-oġġezzjonijiet imsemmija aktar’il fuq ; jew

b)      tieħu deċiżjoni fejn tobbliga lil [ANR] tirtira l-abbozz tal-miżura,

hija għandha tinforma lill-[ANR] ikkonċernata b’dan permezz ta’ mezzi elettroniċi u għandha tippubblika l-imsemmija kummenti fuq is-sit internet tagħha”.

14      Il-punt 16 tar-rakkomandazzjoni 2003/561 jipprovdi li “[ANR] tista’, f’kull ħin, tiddeċiedi li tirtira abbozz ta’ miżura li jkun ġie notifikat u, f’dan il-każ, dan l-abbozz jiġi mħassar mir-Registru [tal-Kummissjoni]”

15      Skond il-punt 17 tar-rakkomandazzjoni 2003/561, “meta [ANR] li tkun irċiviet kummenti mill-Kummissjoni jew minn [ANR] oħra skond l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21 […] tadotta abbozz ta’ miżura, hija għandha, fuq talba tal-Kummissjoni, tinforma lil din ta’ l-aħħar u lill-[ANR] l-oħra bil-mod kif hija tat l-akbar kunsiderazzjoni lill-kummenti li saru.”

 Fatti li taw lok għall-kawża

16      Il-Kumpanniji Vodafone España u Vodafone Group (aktar’il quddiem imsejħa flimkien “Vodafone”) jużaw netwerk pubbliku ta’ komunikazzjoni ċellulari fi Spanja u hemmhekk jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni ċellulari. Jeżistu żewġ operaturi oħra ta’ netwerks ċellulari li jipprovdu s-servizzi tagħhom fis-suq Spanjol, jiġifieri l-kumpanniji Telefonica u Amena. Il-kumpannija Xfera ngħatat liċenzja għall-użu tas-spectrum u ġiet awtorizzata tidħol fis-suq bħala r-raba’ operatur ta’ netwerks ċellulari.

17      Bil-għan li jiġbor il-kummenti ta’ l-impriżi preżenti fis-suq, fl-10 ta’ Awwissu 2004, il-Comisión del Mercado de las Telecomunicaciones (Kumitat tas-suq Spanjol tat-telekomunikazzjoni , aktar’il quddiem, “KST”) ħabbar konsultazzjoni preliminari fuq is-servizzi bl-imnut ta’ aċċess għal u ta’ telefonati minn apparat ċellulari.

18      Fis-7 ta’ Lulju 2005, il-KST ddeċieda li jiftaħ proċedura intiża biex tiddefinixxi u tanalizza s-suq ta’ l-aċċess għal u tat-telefonati magħmula fuq netwerks pubbliċi ta’ telekomunikazzjoni ċellulari, biex tidentifika operaturi li għandhom saħħa sinjifikanti fis-suq u biex timponi obbligi speċifiċi. Huwa ddeċieda wkoll li jħabbar konsultazzjoni pubblika u li jitlob rapport lill-awtorità tal-kompetizzjoni Spanjola. Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fid-9 ta’ Awwissu 2005 fil-Boletín Oficial del Estado. Il-konsultazzjoni nazzjonali saret bejn id-9 ta’ Awwissu u d-9 ta’ Settembru 2005.

19      Fis-16 ta’ Settembru 2005, l-awtorità tal-kompetizzjoni Spanjola kkomunikat lill-KST r-rapport tagħha dwar il-proċedura intiża biex tiddefinixxi u tanalizza s-suq tal-fornitura ta’ aċċess għal u ta’ telefonati magħmula fuq netwerks pubbliċi tat-telekomunikazzjoni ċellulari.

20      Fit-23 ta’ Settembru 2005, Vodafone ippreżentat il-kummenti tagħha lill-KST.

21      Fis-6 ta’ Ottubru 2005, il-KST ħabbar li, minħabba l-kumplessità tal-proċedura, it-terminu ta’ żmien għall-adozzjoni u għan-notifika ta’ deċiżjoni kien ġie estiż għal tliet xhur.

22      Fit-28 ta’ Novembru 2005, il-KST u l-Kummissjoni kellhom laqgħa ta’ “pre-notifika”, li fiha l-KST ppreżenta l-konklużjonijiet preliminari tiegħu. Id-dipartiment involut tal-Kummissjoni rreaġixxa billi poġġa sensiela ta’ domandi preliminari.

23      Bejn it-13 u t-23 ta’ Diċembru 2005, Vodafone ippreżentat kummenti preliminari lill-Kummissjoni.

24      Fit-30 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni rreġistrat in-notifika ta’ l-abbozz ta’ miżura tal-KST bir-referenza ES/2005/0330, li fih dan ta’ l-aħħar ippropona, l-ewwel nett, li jikkonstata li Vodafone u żewġ kumpanniji oħra, jiġifieri Telefonica u Amena, kellhom, flimkien, saħħa sinjifikanti fis-suq, ekwivalenti għal pożizzjoni dominanti, fis-sens tal-liġi Komunitarja tal-kompetizjoni, fis-suq tal-provvista bl-ingrossa ta’ aċċess għal u ta’ telefonati magħmula fuq netwerks pubbliċi ta’ telekomunikazzjoni ċellulari fi Spanja u, it-tieni nett, li jobbliga lil Vodafone, kif ukoll lil Telfonica u lil Amena, jissodisfaw it-talbiet raġonevoli għal aċċess għan-netwerks tagħhom u li joffru kundizzjonijiet raġonevoli għall-provvista ta’ servizzi ta’ aċċess.

25      Fil-5 ta’ Jannar 2006, il-Kummissjoni ppublikat l-abbozz ta’ miżura tal-KST.

26      Fl-10 ta’ Jannar 2006, skond l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2002/21, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni lill-KST. Fit-13 ta’ Jannar 2006, hija rċeviet ir-risposta ta’ dan ta’ l-aħħar, u fit-18 ta’ Jannar hija rċeviet informazzjoni addizzjonali.

27      Fit-13 ta’ Jannar 2006, Vodafone bagħtet lill-Kummissjoni kopja tal-kummenti li hija kienet għamelt lill-KST fil-kuntest tal-konsultazzjoni nazzjonali.

28      Fis-16 ta’ Jannar 2006, Vodafone kellha laqgħa ma’ uffiċjali tal-Kummissjoni dwar l-abbozz ta’ miżura ES/2005/0330 fejn tathom informazzjoni addizzjonali. Minbarra dan, permezz ta’ faks tas-17 ta’ Jannar 2006 u ta’ posta elettronika datata l-24 ta’ Jannar 2006, hija bagħtet xi kummenti lill-Kummissjoni.

29      Fis-26 ta’ Jannar, Vodafone għamlet talba għal aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-Kummissjoni, relattivi għall-abbozz ta’ miżura ES/2005/0330, abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, p. 43).

30      B’ittra tat-30 ta’ Jannar 2006, skond l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21, il-Kummissjoni bagħtet lill-KST ittra ta’ kummenti relattiva għall-abbozz ta’ miżura ES/2005/0330 (aktar’il quddiem “ittra tat-30 ta’ Jannar 2006” jew “l-att ikkontestat”).

31      Il-kummenti tal-Kummissjoni kienu jirrigwardaw il-konstatazzjoni tal-KST ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva. L-ewwel kumment kien jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-suq bl-imnut. Wara li rrilevat li l-analiżi tad-dinamika tas-suq bl-imnut magħmula mill-KST kienet ibbażata fuq l-iżvilupp ta’ Dħul Medju kull Minuta fuq bażi kumplessiva, il-Kummissjoni stiednet lill-KST biex, f’analiżi tas-suq fil-futur, jissorvelja l-iżvilupp tal-prezzijiet bl-imnut skond is-settur tas-suq, u/jew skond il-profil tal-konsumatur. Wara dan, il-Kummissjoni osservat li s-suq bl-imnut kien jidher li għandu numru ta’ karatteristiċi strutturali li kienu, apparentament, jipprovdu biżżejjed inċentivi lill-operaturi biex jirrifjutaw l-aċċess, b’mod kollettiv, lill-operaturi ta’ netwerks virtwali ċellulari.

32      Fit-tieni kumment dwar il-punt fokali, il-Kummissjoni rrilevat li l-KST kien ikkonstata l-eżistenza ta’ punt fokali, li kien trasparenti u li kien jikkonsisti fir-rifjut ta’ aċċess, lil terzi persuni, għas-suq bl-ingrossa. Minkejja li l-KST ma identifikax punt fokali fis-suq bl-imnut, liema identifikazzjoni ma kinitx indispensabbli, fid-dawl ta’ l-allinjament ta’ l-istrateġiji kummerċjali tat-tliet operaturi tan-netwerks, il-Kummissjoni kkunsidrat li kien plawżibbli li l-iċken devjazzjoni lejn kompetizzjoni aktar aggressiva fil-prezzijiet setgħet tiġi osservata faċilement.

33      It-tielet kumment jirrigwarda l-mekkaniżmu ta’ ritaljazzjoni. Il-Kummissjoni rrilevat li, fir-rigward tas-suq bl-ingrossa, dan il-mekkaniżmu seta’ jiġi implementat, però, aktar provi setgħu ġew forniti dwar jekk dan il-mekkaniżmu setax ikun aktar immedjat u jekk kienx b’saħħtu biżżejjed biex iwiddeb lill-impriża li kienet qiegħda tiddevja. Fis-suq bl-imnut, il-Kummissjoni kkunsidrat li, b’mod globali, kienu jeżistu mekkaniżmi ta’ ritaljazzjoni kredibbli.

34      Fir-raba’ kumment tagħha, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Spanjoli biex isibu mezzi li jiżguraw użu effikaċi tas-spectrum disponibbli, fid-dawl tal-fatt li proprjetarja ta’ liċenzja (Xfera) kienet għadha ma daħlitx fis-suq minkejja li kienet ġabet il-liċenzja tagħha fl-2000. Li kieku din il-proprjetarja tal-liċenzja kellha tidħol fis-suq fl-2006, il-KST kien ikollu jsegwi mill-viċin l-effetti fuq in-natura sostenibbli tal-pożizzjoni dominanti kollettiva. Il-Kummissjoni żiedet li kwalunkwe “prova konkreta ta’ żviluppi fis-suq bl-imnut, li mhumiex marbuta ma’ miżuri regolatorji fis-suq rilevanti, li tqajjem dubju fuq in-natura sostenibbli tal-pożizzjoni dominanti kollettiva, tirrikjedi analiżi ġdida tas-suq rilevanti” u li tali analiżi kellha tkun innotifikata lilha skond l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21.

35      Minbarra dan, fl-ittra tat-30 ta’ Jannar 2006, il-Kummissjoni nnutat li l-informazzjoni addizzjonali mogħtija mill-KST b’riżultat tat-talba għal informazzjoni kellha rwol determinanti fl-evalwazzjoni tagħha tan-notifika magħmula mill-KST. Konsegwentement, hija stiednet lil dan ta’ l-aħħar biex jibbaża l-miżura finali tiegħu fuq l-aktar informazzjoni reċenti disponibbli.

36      Finalment, fl-ittra tat-30 ta’ Jannar 2006, il-Kummissjoni fakkret li “[k]onformament ma’ l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 2002/21, il-KST [kellu] jagħti l-akbar kunsiderazzjoni lill-kummenti magħmula mill-ANR l-oħra u mill-Kummissjoni” u li seta’ “jadotta l-abbozz ta’ miżura finali u, jekk jagħmel dan, huwa [kellu] jinforma lill-Kummissjoni”.

37      Fil-31 ta’ Jannar 2006, kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-KST ippublikaw stqarrija lill-istampa relattiva għall-ittra tat-30 ta’ Jannar 2006.

38      Fit-2 ta’ Frar 2006, il-KST adotta deċiżjoni li approvat id-definizzjoni u l-analiżi tas-suq tal-provvista ta’ aċċess għal u ta’ telefonati magħmula fuq netwerks pubbliċi ta’ telekomunikazzjoni ċellulari, l-identifikazzjoni ta’ operaturi li għandhom saħħa sinjifikanti fis-suq u l-impożizzjoni ta’ obbligi speċifiċi. Fil-paragrafu 4 tad-deċiżjoni tiegħu, il-KST rrileva li, konformament ma’ l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 2002/21, huwa kien ser “[jieħu] in kunsiderazzjoni, safejn possibbli, il-kummenti magħmula mill-Kummissjoni u mill-[ANR] u li [seta’] jadotta l-miżura finali u, f’ dan il-każ, kellu jinnotifikaha lill-Kummissjoni”. Il-paragrafu finali tad-deċiżjoni tal-KST jipprovdi li “talba għal eżami mill-ġdid tista’ ssir quddiem il-[KST] f’terminu ta’ xhar mill-ġurnata ta’ wara n-notifika” u li “talba għal stħarriġ ġudizzjarju tista’ tiġi mressqa direttament quddiem l-Awla ta’ Staħħriġ Ġudizzjarju tal-Qorti Suprema, f’terminu ta’ xahrejn mill-ġurnata ta’ wara n-notifika”.

39      Fis-7 ta’ April 2006, Vodafone ressqet appell quddiem it-Tribunal Supremo (Qorti Suprema Spanjola) kontra d-deċiżjoni tal-KST.

40      Fil-11 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni bagħtet lil Vodafone deċiżjoni li kkonfermat iċ-ċaħda ta’ l-aċċess għad-dokumenti skond ir-Regolament Nru 1049/2001 fejn, fir-rigward ta’ ċerti dokumenti in kwistjoni, indikat li “dawn jagħmlu parti mid-deliberazzjonijiet interni tal-Kummissjoni dwar l-approċċ li kellu jittieħed fil-każ [in kwistjoni] u kienu jirrelataw direttament mal-proċedura li biha l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjonijiet tagħha”.

 Proċedura u talbiet tal-partijiet

41      B’att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-12 ta’ April 2006, Vodafone ressqet ir-rikors preżenti.

42      Dejjem fit-12 ta’ April 2006, Vodafone ippreżentat att separat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fejn, abbażi ta’ l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, għamlet talba għall-użu tal-proċedura mħaffa, li ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2006.

43      B’att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-28 ta’ Ġunju 2006 skond l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-proċedura, il-Kummissjoni ressqet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

44      B’att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-29 ta’ Ġunju 2006, ir-Renju ta’ Spanja talab biex jiġi awtorizzat jintervjeni in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

45      B’digriet tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Settembru 2006, it talba għal intervent intlaqgħet.

46      Fir-rikors tagħha, Vodafone titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni misjuba fl-ittra tat-30 ta’ Jannar 2006;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti minn Vodafone b’riżultat ta’ dawn il-proċeduri.

47      Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala manifestament inammisssibbli;

–        tikkundanna lil Vodafone għall-ispejjeż.

48      Fit-talba tiegħu għal intervent, ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        tikkundanna lil Vodafone għall-ispejjeż.

49      Fl-osservazzjonijiet tagħha fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, Vodafone titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni;

–        tordna li l-proċeduri jitkomplew inkwantu għall-mertu tal-kawża;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti minħabba l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha.

 Id-dritt

50      Skond l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura, fuq talba ta’ parti, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tieħu deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ ammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. Skond l-Artikolu 114(3), il-proċeduri għandhom jitkomplew oralment sakemm il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tiddeċidix mod ieħor. Din ta’ l-aħħar tikkunsidra li, f’din il-kawża, hija għandha biżżejjed informazzjoni mid-dokumenti tal-proċess, u m’hemmx lok li tinfetaħ il-proċedura orali.

51      L-ewwel nett, hemm lok li jiġi eżaminat jekk l-att ikkontestat f’din il-kawża, jiġifieri ittra magħmula abbażi ta’ l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21, huwiex att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens ta’ l-Artikolu 230 KE, u, sussegwentement, jekk Vodafone għandhiex locus standi fis-sens tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE.

1.     Fuq in-natura ta’ l-att ikkontestat

 Argumenti tal-partijiet

52      Il-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja jsostnu li l-att ikkontestat mhuwiex att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens ta’ l-Artikolu 230 KE.

53      Vodafone tfakkar li, biex jiġi ddeterminat jekk att jipproduċix effetti legali vinkolanti u li jistgħu jaffettwaw l-interessi tagħha billi jibdlu, b’mod kunsiderevoli, il-pożizzjoni legali tagħha, għandha tiġi eżaminata s-sustanza ta’ l-att, peress li l-forma li biha jiġu adottati atti jew deċiżjonijiet hija, bħala regola, irrilevanti għal dak li jirrigwarda l-possibbiltà li wieħed jikkontestahom permezz ta’ rikors għal annullament (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 9; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Diċembru 2005, Infront WM vs Il-Kummissjoni, T-33/01, Ġabra p. II-5897, punt 89).

54      L-ewwel nett, Vodafone issostni li jirriżulta mill-kontenut ta’ l-att ikkontestat u mill-kuntest li fih ġie adottat li huwa jikkostitwixxi deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, li permezz tagħha l-Kummissjoni qablet mal-miżura proposta mill-KST u ddeċidiet li ma tiftaħx it-tieni fażi tal-proċedura skond l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2002/21. Għal dan il-għan hija tirrileva li l-Artikolu 7(3) u (4) ta’ l-imsemmija direttiva jagħti lill-Kummissjoni żewġ għażliet biss wara li tkun eżaminat abbozz ta’ miżura li jkun ġie nnotifikat lilha: jew il-Kummissjoni timponi fuq l-ANR ikkonċernata l-obbligu li ma tadottax l-abbozz ta’ miżura għal xahrejn oħra jew ma timponix moratorju, u b’hekk tippermetti lill-ANR tadotta l-abbozz ta’ miżura. Madankollu, fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li ma timponix moratorju, hija tista’ tiddeċiedi li tagħmel kummenti lill-ANR u dawn il-kummenti jistgħu jkopru numru ta’ punti diversi ta’ importanza differenti. Madankollu, il-possibbiltà ta’ numru ta’ kummenti differenti ma tbiddilx l-għażla essenzjalment binarja li l-Kummissjoni tinsab quddiemha: li tordna lill-ANR li, għal perijodu ta’ xahrejn oħra, ma tadottax l-abbozz ta’ miżura jew li ma tagħmilx dan, u b’hekk tkun qiegħda tħalliha tipproċedi immedjatament għall-adozzjoni ta’ l-abbozz ta’ miżura.

55      Vodafone tfakkar li r-rwol tal-Kummissjoni huwa li tissorvelja l-applikazzjoni uniformi tad-Direttiva 2002/21. Dan l-għan jista’ jintlaħaq biss jekk il-Kummissjoni tkun marbuta li teżamina kull notifika u li tieħu deċiżjoni f’kull każ. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni stess tirrikonoxxi li hija tieħu pożizzjoni f’kull każ. Fi żmien xahar min-notifika, il-Kummissjoni għandha jew tapprova l-abbozz ta’ miżura, jew tiddeċiedi li tiftaħ it-tieni fażi tal-proċedura.

56      F’dan il-każ, il-Kummissjoni eżaminat l-abbozz ta’ miżura ES/2005/0330 sabiex tiddeċiedi jekk kienx hemm dubji serji dwar il-kompatibbiltà tiegħu mad-dritt Komunitarju u, meta ddeċidiet li ma kienx hemm tali dubji, hija approvat l-abbozz ta’ miżura. Il-Kummissjoni ddeskriviet ir-rwol tagħha f’dan il-kliem mhux biss fl-att ikkontestat, imma wkoll fl-istqarrija lill-istampa tal-31 ta’ Jannar 2006 (IP/06/97) li nħarġet miegħu u fit-talba għal informazzjoni addizzjonali lill-KST li saret wara n-notifika. Hija tinsisti fuq il-fatt li l-Kummissjoni, f’diversi dikjarazzjonijiet oħra li jiddeskrivu l-proċedura skond l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/21, inkluż fis-sit internet tagħha, tikkunsidra l-ittri kollha magħmula skond l-Artikolu 7(3) ta’ l-imsemmija Direttiva bħala “deċiżjonijiet”. Minbarra dan, Vodafone tirreferi għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Mejju 2006 li tiċħad l-aċċess għad-dokumenti relattivi għall-abbozz ta’ miżura ES/2005/0330, li tagħmel bosta referenzi għad-“deċiżjoni” tal-Kummissjoni u għal “procedura li biħa tittieħed deċiżjoni”. Hija tirrileva wkoll li jirriżulta mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, tas-6 ta’ Frar 2006, fuq l-analiżi tas-suq skond il-Qafas Regolatorju Komunitarju – Konsolidazzjoni tas-suq intern għall-komunikazzjonijiet elettroniċi [COM (2006) 28 finali, p. 5 u 10] [traduzzjoni mhux uffiċċjali] li l-Kummissjoni, li tieħu pożizzjoni fir-rigward ta’ kull miżura notifikata, tivverifika jekk l-evalwazzjoni ta’ l-ANR hijiex konformi mad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni u jekk hijiex ippruvata b’mod sodisfaċenti mill-evidenza. In-natura vinkolanti tal-proċedura mwettqa skond l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/21 u r-rwol ċentrali tal-Kummissjoni fl-evalwazzjoni u l-verifika tal-konklużjonijiet ta’ l-ANR li tagħmel in-notifika huma evidenti wkoll mir-Rakkomandazzjoni 2003/561 u mill-Memorandum tal-Kummissjoni 06/59 tas-7 ta’ Frar 2006 intitolat “Komunkazzjonijiet elettroniċi: il-proċedura skond l-Artikolu 7 u r-rwol tal-Kummissjoni – Domandi magħmula ta’ sikwit” [traduzzjoni mhux uffiċċjali].

57      Waqt li tirreferi għas-sentenza Infront WM vs Il-Kummissjoni, punt 53 aktar’il fuq, Vodafone tirrileva li d-deskrizzjoni li l-Kummissjoni stess tagħti tar-rwol tagħha u tal-proċedura tikkostitwixxi prova konvinċenti li l-att jipproduċi effetti ġuridiċi vinkolanti u li jista’ jiġi kkontestat fis-sens ta’ l-Artikolu 230 KE (sentenza Infront vs Il-Kummissjoni, punt 53 aktar’il fuq, punti 106 u 107). Minbarra dan, bħal fil-każ tad-deċiżjoni adottata fil-kawża li tat lok għas-sentenza Infront vs Il-Kummissjoni, punt 53 aktar’il fuq, huwa meħtieġ li effetti vinkolanti jiġu attribwiti lill-att ikkontestat f’din il-kawża sabiex, konformament ma’ l-għan tad-Direttiva 2002/21, tiġi ssalvagwardata l-applikazzjoni korretta u uniformi tad-dritt Komunitarju. Fil-fatt, ikun biss jekk il-Kummissjoni tkun obbligata li teżamina kull abbozz ta’ miżura li jiġi nnotifikat lilha u li tiddeċiedi jekk il-miżura in kwistjoni għandhiex tkun “iffiltrata” bħala waħda inkompatibbli mad-Direttiva 2002/21 jew mad-dritt Komunitarju, li l-proċedura skond l-Artikolu 7 tkun tista’ tikkontribwixxi b’mod effettiv għall-applikazzjoni korretta u uniformi tad-Direttiva 2002/21.

58      Għal dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-ittra tat-30 ta’ Jannar 2006 m’għandhiex dispożittiv, Vodafone tirrileva li hija s-sustanza u mhux il-forma ta’ att li għandha tkun deċiżiva biex jiġi ddeterminat jekk att jipproduċix effetti ġuridiċi (sentenza Infront vs Il-Kummissjoni, punt 53 aktar’il fuq, punt 110). F’dan ir-rigward hija tfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza diġà ddeċidiet li l-atti mingħajr dispożittiv formali huma atti li jistgħu jiġu kkontestati (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-24 ta’ Marzu 1994, Air France vs Il-Kummissjoni, T-3/93, Ġabra p. II-121, punti 44 et seq).

59      Fi kwalunkwe każ, Vodafone tikkunsidra li fl-att ikkontestat, il-parti fejn il-Kummissjoni tikkwota l-kliem ta’ l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 2002/21 tikkostitwixxi dispożittiv li permezz tiegħu, bl-affermazzjoni li l-KST seta’ jadotta l-abbozz ta’ miżura finali u bid-deċiżjoni li ma tiftaħx it-tieni fażi tal-proċedura, il-Kummissjoni eliminat l-uniku ostakolu li kien baqa’ għall-adozzjoni mill-KST ta’ l-abbozz ta’ miżura ES/2005/0330. Meta rriproduċiet il-kliem ta’ l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 2002/21 fid-dispożittiv ta’ l-att ikkontestat mingħajr ma semmiet il-kliem “ħlief f’każijiet koperti bil-paragrafu 4” li jagħmel parti integrali minn dak l-Artikolu, il-Kummissjoni ddeċidiet b’mod ċar li l-miżura proposta mill-KST ma kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2002/21, peress li hija ma kellhiex dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura mad-dritt Komunitarju u peress li hija kienet iddeċidiet li ma tiftaħx it-tieni fażi tal-proċedura.

60      Fl-osservazzjonijiet tagħha fuq in-nota ta’ intervent tar-Renju ta’ Spanja, Vodafone tfakkar li l-qafas regolatorju applikabbli jagħti lill-Kummissjoni rwol deċiżiv sabiex tiggarantixxi l-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju. L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/21 jikseb dan il-għan billi jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tirċievi kull miżura proposta, tevalwaha u tiddeċiedi dwarha fil-kuntest ta’ sistema legalment vinkolanti. Minbarra dan, in-natura legalment vinkolanti ta’ ittra magħmula skond l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21 tirriżulta minn stqarrija lill-istampa ta’ l-20 ta’ Ottubru 2006 (IP/06/1439) u minn diskors magħmul minn membru tal-Kummissjoni inkarigat mis-soċjetà ta’ l-informazzjoni fis-16 ta’ Novembru 2006. Il-kliem użat mill-Kummissjoni f’dawn id-dokumenti huwa konformi b’mod sħiħ mad-deskrizzjoni ta’ Vodafone ta’ l-obbligu impost fuq il-Kummissjoni li teżamina kull notifika u li sussegwentement tiddeċiedi, jekk ikun hemm bżonn, li tagħmel investigazzjoni dettaljata u, finalment, li timponi l-“veto” tagħha fuq dawk il-miżuri li jkunu inkompatibbli mad-dritt Komunitarju. Il-proċedura skond l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/21 mhijiex mekkaniżmu ta’ skambju ta’ esperjenzi jew ta’ djalogu bejn l-awtoritajiet kompetenti, iżda proċedura ta’ awtorizzazzjoni legalment vinkolanti. F’dan ir-rigward Vodafone tagħmel referenza għall-kliem ta’ l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 2002/21, li jipprovdi li l-ANR għandhom jagħtu l-akbar kunsiderazzjoni lill-kummenti tal-Kummissjoni, kif ukoll għall-punt 17 tar-Rakkomandazzjoni 2003/561 li jipprovdi li l-ANR għandha tinforma lill-Kummissjoni bil-mod kif hija tat l-akbar kunsiderazzjoni lil dawn il-kummenti skond l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21.

61      It-tieni nett, Vodafone issostni li l-att ikkontestat, peress li elimina l-aħħar ostakolu għall-adozzjoni ta’ l-abbozz ta’ miżura ES/2005/0330 u peress li, fuq il-livell Komunitarju, ġab fit-tmiem l-eżami ta’ l-abbozz ta’ miżura, mhux biss biddel il-pożizzjoni legali tal-KST billi legalment ħallieh jadotta l-abbozz ta’ miżura tiegħu u billi impona fuqu obbligu legali li jagħti l-akbar kunsiderazzjoni lill-fatturi mqajma fil-kummenti tal-Kummissjoni, iżda wkoll il-pożizzjoni tagħha stess, peress li ċaħħadha mid-drittijiet proċedurali li minnhom kienet tibbenefika li kieku l-Kummissjoni fetħet it-tieni fażi tal-proċedura.

62      F’dan ir-rigward, Vodafone tikkunsidra li l-att ikkontestat jixbah jew lill-att li l-Kummissjoni tadotta abbażi ta’ l-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 ta’ l-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 24, p.1) meta hija tikkunsidra li mhijiex kompetenti biex tevalwa konċentrazzjoni, jew lill-att adottat abbażi ta’ l-Artikolu 9 ta’ l-imsemmi Regolament meta hija tirrinvija l-każ quddiem l-awtoritajiet nazzjonali. Billi jġibu fit-tmiem l-eżami fuq il-livell Komunitarju, dawn iż-żewġ atti, adottati abbażi tar-Regolament Nru 139/2004, jaffettwaw il-pożizzjoni legali ta’ terza persuna li tiddeċiedi li tikkontesta dawn l-atti peress li jċaħħduha, minn naħa, mill-possibbiltà li l-Kummissjoni teżamina l-legalità tal-konċentrazzjoni mill-perspettiva ta’ l-imsemmi Regolament u, min-naħa l-oħra, mid-drittijiet proċedurali li minnhom setgħet tibbenefika matul il-proċedura amministratttiva quddiem il-Kummissjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta' l-4 ta' Marzu 1999, Assicurazioni Generali u Unicredito vs Il-Kummissjoni, T-87/96, Ġabra p. II-203, punti 37 sa 44, u tat-3 ta’ April 2003, Royal Philips Electronics vs Il-Kummissjoni, T-119/02, Ġabra. p. II-1433, punt 282). Din is-sitwazzjoni hija paragunabbli ma’ din il-kawża, peress li l-ittra tat-30 ta’ Jannar 2006 temmet l-istħarriġ Komunitarju tal-miżura proposta minħabba li ġabet fi-tmiem il-proċedura skond l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/21 u minħabba li ħalliet titkompla l-proċedura nazzjonali intiża għall-adozzjoni tal-miżura proposta.

63      Vodafone iżżid li huwa l-effett sostantiv ta’ l-att, evalwat fil-kuntest tas-sistema legali li minnha jagħmel parti, u mhux il-fatt li l-Kummissjoni għandha kompetenza esklużiva, li huwa deċiżiv fl-analiżi tal-kwistjoni jekk l-att huwiex kontestabbli fis-sens ta’ l-Artikoklu 230 KE. Fi kwalunkwe każ, fil-kuntest tad-Direttiva 2002/21, il-Kummissjoni għandha kompetenza esklużiva biex tiddeċiedi jekk hija għandhiex timponi moratorju fuq l-adozzjoni ta’ miżura notifikata minn ANR billi tiftaħ it-tieni fażi tal-proċedura. Il-Qorti Komunitarja għandu jkollha l-possibbiltà li tistħarreġ jekk din il-kompetenza ġietx eżerċitata. Il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni għandhiex kompetenza esklużiva fir-rigward tal-proċedura kollha, li tista’ twassal għall-adozzjoni ta’ miżuri ex ante, jew jekk l-ANR għandhomx ukoll kompetenza f’ċerti partijiet tal-proċedura, hija rrilevanti.

64      Vodafone tinvoka wkoll il-ġurisprudenza dwar l-għajnuna mill-Istat, li tipprovdi li deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 88(3) KE li ma tiftaħx it-tieni fażi tal-proċedura u li tapprova l-għoti ta’ għajnuna ġdida notifikata minn Stat Membru hija kkunsidrata li tipproduċi effetti diretti mhux biss fir-rigward ta’ l-Istat Membru imma wkoll fir-rigward tal-benefiċjarju propost ta’ l-għajnuna u ta’ terżi persuni li jkunu ppreżentaw l-ilmenti tagħhom. Fil-fatt, dawn ta’ l-aħħar ikunu ġew imċaħħda mid-drittijiet li kien ikollhom bil-parteċipazzjoni tagħhom fl-investigazzjoni dettaljata tal-Kummissjoni dwar il-proposti ta’ għajnuna (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Mejju 1993, Cook vs Il-Kummissjoni, C-198/91, Ġabra p. I-2487, punt 23 sa 26 u tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni, C-225/91, Ġabra p. I-3203, punti 17 sa 20 ; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Mejju 2006, Air One vs Il-Kummissjoni, T-395/04, Ġabra p. II-1343, punti 30 sa 31).

65      Minbarra dan, Vodafone tirrileva li d-drittijiet proċedurali tagħha joriġinaw direttament mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. Fil-fatt, mhuwiex meħtieġ li strument tad-dritt Komunitarju sekondarju jkun jipprovdi espressament għall-għoti ta’ drittijiet proċedurali sabiex dawn id-drittijiet ikunu jeżistu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Frar 1992, L-Olanda vs Il-Kummissjoni, C-48/90 u C-66/90, Ġabra p. I-565, punti 44 sa 51). B’hekk, fir-rigward ta’ għajnuna mill-Istat, il-Qorti tal-Ġustizzja identifikat il-kategorija ta’ persuni li jibbenefikaw mid-drittijiet proċedurali ta’ l-Artikolu 88(2) KE kif ukoll il-kontenut ta’ dawn id-drittijiet qabel ma ġew espressament iddeterminati mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, p.1) (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il-Kummissjoni, 323/82, Ġabra p.3809, punti 16 u 17). F’dan ir-rigward, skond ġurisprudenza stabbilita, fil-proċeduri li jirrigwardaw għajnuna mill-Istat u li għandhom żewġ fażijiet, partijiet bħal Vodafone għandhom id-dritt jikkontestaw deċiżjoni tal-Kummissjoni li ttemm l-ewwel fażi tal-proċedura, sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet proċedurali li huma kien ikollhom matul it-tieni fażi tal-proċedura (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, Cook vs Il-Kummissjoni, punt 64 aktar’il fuq, punt 23; Matra vs Il-Kummissjoni, punt 64 aktar’il fuq, punt 17, u tat-13 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum C-78/03 P, Ġabra p. I-10737; sentenza Air One vs Il-Kummissjoni, punt 64 aktar’il fuq, punt 31; sentenza Royal Philips Electronics vs Il-Kummissjoni, punt 62 aktar’il fuq, punt 284)

66      Għaldaqstant, il-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali ta’ Vodafone fuq il-livell nazzjonali ma jimplikax li din ma tistax tinvoka drittijiet proċedurali fuq il-livell Komunitarju. Il-proċeduri quddiem il-KST u dawk li jsiru fuq il-livell Komunitarju skond l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/21 huma proċeduri separati. Id-drittijiet ta’ Vodafone taħt id-dritt Komunitarju jistgħu japplikaw għall-informazzjoni addizzjonali li ma tistax tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ appell nazzjonali, peress li ma tagħmilx parti mill-proċedura quddiem il-KST. F’dan ir-rigward, Vodafone tirrileva li hija qatt ma kellha l-possibbiltà li ssemma’ leħinha fuq l-informazzjoni addizzjonali li ntbagħtet mill-KST lill-Kummissjoni fl-ittra mill-President tal-KST ta’ l-24 ta’ Jannar 2006 u fl-ittra tal-25 ta’ Jannar 2006 b’risposta għal talba għal informazzjoni magħmula mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni stess tammetti l-ħtieġa li jingħataw drittijiet proċedurali anki fuq il-livell Komunitarju minkejja l-eżistenza tagħhom fuq il-livell nazzjonali.

67      Il-fatt li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/21 jipprovdi għal drittijiet nazzjonali ta’ appell huwa rrilevanti għall-finijiet ta’ l-eżami ta’ ammissibbiltà ta’ din l-azzjoni. Ir-rwol deċiżiv tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni korretta u uniformi tad-Direttiva 2002/21, li jikkonsisti fl-evalwazzjoni ta’ kull miżura li tiġi nnotifikata lilha u fit-teħid ta’ deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà tagħha mad-dritt Komunitarju, għandu jkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju mill-Qrati Komunitarji, independentament minn drittijiet nazzjonali ta’ appell kontra l-miżura nazzjonali. F’dan ir-rigward, Vodafone tirrileva li hija għandha d-dritt tappella mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tiftaħx it-tieni fażi tal-proċedura peress li l-unika għażla li setgħet tagħmel il-Kummissjoni, quddiem l-evidenza li kienet tinsab fin-notifika tal-KST, kienet li tiftaħ it-tieni fażi tal-proċedura. Il-kwistjoni dwar jekk Vodafone kellhiex, fuq il-livell nazzjonali, raġunijiet biex tressaq azzjoni kontra l-miżura adottata mill-KST minħabba, per eżempju, li l-KST kien għamel żbalji fl-evalwazzjoni tal-fatti li mhumiex evidenti fin-notifika li saret lill-Kummissjoni u li l-Kummissjoni qatt ma setgħet tidentifika, hija kwistjoni assolutament differenti. Vodafone tirrileva wkoll li f’din il-kawża, jeżistu kwistjonijiet sostantivi li ma jistgħux jiġu ttrattati fil-kuntest ta’ appell nazzjonali. F’dan ir-rigward hija tosserva li l-inkompatibbiltà ta’ l-ittra tat-30 ta’ Jannar 2006 mad-deċiżjonijiet meħuda fil-konfront ta’ Stati Membri oħra hija l-bażi ta’ żewġ motivi speċifiċi mqajma fil-kuntest ta’ din l-azzjoni. Peress li l-mekkaniżmi ta’ appelli nazzjonali u Komunitarji għandhom għanijiet differenti, fil-kawża preżenti ma jeżistix ir-riskju ta’ “forum shopping”. Fi kwalunkwe każ, l-eventwali eżistenza ta’ rimedji interni quddiem il-qrati nazzjonali ma jistgħux jeskludu l-possibbiltà li l-legalità ta’ deċiżjoni adottata minn istituzzjoni Komunitarja tiġi kkontestata direttament quddiem il-qrati Komunitarji, abbażi ta’ l-Artikolu 230 KE (sentenza Air France vs Il-Kummissjoni, punt 58 aktar’il fuq, punt 69; Royal Philips Electronics, punt 62 aktar’il fuq, punt 290 u Infront WM vs Il-Kummissjoni, punt 53 aktar’il fuq, punt 109.)

68      Finalment, il-fatt li l-Kummissjoni m’għandhiex setgħat ta’ investigazzjoni daqstant wiesgħa daqs dawk li għandha taħt ir-Regolament Nru 139/2004 mhuwiex fattur rilevanti biex tiġi ddeterminata l-ammissibbiltà ta’ din l-azzjoni. F’dan ir-rigward, Vodafone tfakkar li skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/21, il-Kummissjoni hija kompetenti biex tobbliga lill-ANR jibagħtulha “l-informazzjoni meħtieġa […] biex [din tkun tista’] twettaq ix-xogħlijiet [id-dmirijiet] tagħha taħt it-Trattat”, (inkluża wkoll l-informazzjoni kkunsidrata bħala kunfidenzjali), u li l-Kummissjoni eżerċitat din is-setgħa f’din il-kawża. Is-setgħat ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni huma limitati biss fir-rigward tal-fatt li din mhijiex marbuta, jew m’għandhiex id-dritt, tistħarreġ b’mod sħiħ il-mertu tal-fatti kollha relatati ma’ l-abbozz ta’ miżura ta’ l-ANR. Ir-rwol tal-Kummissjoni huwa differenti minn dak ta’ ANR jew ta’ korp nazzjonali ta’ appell maħluq skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/21. Madankollu, fil-limiti ta’ l-informazzjoni mibgħuta lilha (inkluża l-informazzjoni li hija titlob skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/21), il-Kummissjoni hija marbuta teżamina jekk abbozz ta’ miżura joħloqx ostakolu għas-suq intern, tiddeċiedi jekk hija għandhiex dubji serji dwar il-kompatibbiltà ta’ abbozz ta’ miżura mad-dritt Komunitarju u, f’każ li fit-tmiem ta’ investigazzjoni dettaljata hija tikkunsidra li abbozz ta’ miżura huwa inkompatibbli mad-dritt Komunitarju, tipprojbixxi l-imsemmi abbozz ta’ miżura. Biex twettaq dan l-inkarigu, il-Kummissjoni għandha teżerċita kontroll li huwa ġuridikament idoneu, li jirrispetta s-setgħa ta’ diskrezzjoni ta’ l-ANR, imma li jimpedixxi l-adozzjoni ta’ abbozzi ta’ miżuri li huma inkompatibbli mad-dritt Komunitarju.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

69      Skond ġurisprudenza kostanti, miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ tali natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent billi jibdlu, b'mod kunsiderevoli, il-pożizzjoni legali tiegħu, huma atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ azzjoni għal annullament fis-sens ta’ l-Artikolu 230 KE. Il-forma li biha jiġu adottati l-atti jew id-deċiżjonijiet hija, bħala regola, irrilevanti għal dak li jirrigwarda l-possibbiltà li jiġu kkontestati permezz ta’ azzjoni għal annullament (sentenza, IBM vs Il-Kummissjoni, punt 53 iċċitata’il fuq, punt 9; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tas-17 ta’ Frar 2000, Stork Amsterdam vs Il-Kummissjoni, T-241/97, Ġabra p. II-309, punt 49). Fil-fatt, biex jiġi ddeterminat jekk att ikkontestat jipproduċix effetti bħal dawn, hemm lok li tingħata importanza lis-sustanza tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 2000, L-Olanda vs Il-Kummissjoni, C-147/96, Ġabra p. I- 4723, punt 27).

70      Sabiex tiġi evalwata, fid-dawl tal-prinċipji msemmija aktar’il fuq, in-natura ġuridika ta’ l-att ikkontestat u sabiex jiġi deċiż jekk l-att jipproduċix effetti legali vinkolanti, hemm lok li jiġi eżaminat kemm il-kontenut tiegħu kif ukoll il-kuntest li fih ġie adottat (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Ġunju 1991, Sunzest vs Il-Kummissjoni, C-50/90, Ġabra p. I-2917, punt 13).

 Dwar il-kuntest li fih ġie adottat l-att ikkontestat

–       Dwar il-kompiti mogħtija rispettivament lill-ANR u lill-Kummissjoni mid-Direttiva 2002/21

71      Il-kuntest ġuridiku li fih l-att ikkontestat ġie adottat huwa magħmul mid-Direttiva 2002/21. Skond l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2002/21, din għandha “tistabbilixxi kwadru [qafas] armonizzat għar-regolar ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, faċilitajiet assoċjati u servizzi assoċjati[, t]istipula x-xogħol ta’ l-[ANR] u tistabbilixxi sett ta’ proċeduri biex tassigura l-applikazzjoni armonizzata tal-kwadru [qafas] regolatorju mal-Komunità [fil-Komunità kollha].”

72      Il-leġiżlatur Komunitarju ried jattribwixxi rwol ċentrali lill-ANR biex jilħaq l-għanijiet tad-Direttiva 2002/21 li, hekk kif jipprovdi l-Artikolu 8(2) ta’ l-imsemmija Direttiva, jinkludu l-promozzjoni tal-kompetizjoni fis-swieq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

73      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hemm lok li jiġu nnutati ċerti fatturi proċedurali, bħall-użu ta’ direttiva, li d-destinatarji tagħha huma biss l-Istati Membri, bħala strument legali. L-istruttura tad-Direttiva, li tinkludi ħames kapitoli intitolati, rispettivament “Il-qasam [kamp] ta’ applikazzjoni, l-għan u t-tifsiriet” (Kapitolu 1: Artikoli 1 u 2), “[ANR]” (Kapitolu 2: Artikoli 3 sa 7), “Xogħlijiet [Dmirijiet] ta’ l-[ANR]”, Kapitolu 3: Artikoli 8 sa 13), “Disposizzjonijiet ġenerali”, (Kapitolu 4: Artikoli 14 sa 25) u “Disposizzjonijiet finali” (Kapitolu 5: Artikoli 26 sa 30), hija wkoll xhieda tar-rwol ċentrali li għandhom l-ANR.

74      It-tieni nett, fir-rigward tal-kompetenzi preċiżi attribwiti mid-Direttiva 2002/21 lill-ANR, dawn huma marbuta inter alia li jiddefinixxu, abbażi tal-prinċipji tal-liġi tal-kompetizjoni, is-swieq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fit-territorju tagħhom (Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2002/21), li jindentifikaw l-operaturi li għandhom saħħa sinjifikanti f’dawn is-swieq (Artikoli 14 tad-Direttiva 2002/21) u, jekk ikun hemm bżonn, li jindentifikaw l-obbligi regolatorji li għandhom jiġu imposti fuq dawn l-operaturi, jekk ikun hemm bżonn (Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2002/21).

75      Fl-eżerċizzju tal-kompetenzi msemmija fil-punt preċedenti, l-ANR jirċievu l-għajnuna tal-Kummissjoni. B’hekk, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/21 jipprovdi li “il-Kummissjoni għandha tadotta rakkomandazzjoni dwar is-swieq relevanti tal-prodotti u tas-servizzi” u li “r-rakkomandazzjoni għandha tidentifika [...] dawk is-swieq tal-prodotti u servizzi fi ħdan is-setttur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, [li għandhom] karatteristiċi li jistgħu jkunu tali li jiġġustifikaw l-impożizzjoni ta’ obbligazzjonijiet regolatorji”. L-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2002/21 iżid li “l-Kummissjoni għandha tippubblika [...] linji gwida għall-analiżi tas-suq u l-istima tas- [għall-evalwazzjoni ta’] saħħa sinifikanti fis-suq [...] li għandhom ikunu skond il-prinċipji tal-liġi tal-kompetizzjoni”.

76      Skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 14(2), l-Artikolu 15(3) u l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2002/21, l-ANR għandhom “jagħtu l-akbar kont [kunsiderazzjoni]” lir-rakkomandazzjonijiet u l-linji gwida tal-Kummissjoni.

77      Id-Direttiva 2002/21 tipprovdi għal parteċipazzjoni aktar diretta tal-Kummissjoni u ta’ l-ANR l-oħra meta ANR tkun bi ħsiebha “[t]iddefinixx[i] swieq li jkunu differenti minn dawk definiti fir-rakkomandazzjoni” tal-Kummissjoni (Artikolu 15(3) ). L-istess japplika meta l-ANR – jew l-ANR involuti f’każ ta’ suq tranż-nazzjonali – ikunu bi ħsiebhom jimponu, iżommu fis-seħħ jew ibiddlu obbligi regolatorji speċifiċi li jkunu idonei għal impriżi b’saħħithom, f’suq li mhuwiex effettivament kompetittiv (Artikolu 16(4), 16(5) u 16(6) ). Il-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni u dik ta’ ANR oħra fil-proċedura ta’ konsolidazzjoni tas-suq intern tal-komunikazzjonijiet elettroniċi hija deskritta fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/21 u hija intiża, b’mod konformi mal-premessa 15 ta’ l-imsemmija direttiva, biex “jiġi żgurat li deċiżjonijiet f’livell nazzjonali ma jkollhomx effetti kuntrarji fuq is- [għas-]suq wieħed jew miri oħra tat-Trattat”. Din hija proċedura li tipprova tiżgura l-applikazzjoni koerenti tal-qafas regolatorju.

–       Fuq l-iżvolġiment tal-proċedura skond l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/21

78      L-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21 jipprovdi li “fejn [meta ANR] ikollha l-ħsieb li tieħu miżuri”, koperta, inter alia, mill-Artikoli 15 jew 16 tad-Direttiva 2002/21, li “jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri”, l-ANR ikkonċernata għandha, “b’żieda mal- konsultazzjoni [minbarra l-konsultazzjoni mal-partijiet interessati] msemmija fl’Artikolu 6”, tagħmel “[l-]abbozz tal-miżura aċċessibbli għall-Kummissjoni u għall-[ANR] fl-Istati Membri l-oħra, flimkien mar-raġonament li fuqu tkun bażata l-miżura” u “tinforma lill-Kummissjoni u lill-[ANR] l-oħra bih[om].” Dak l-obbligu ta’ notifika ta’ l-ANR jikorrispondi għall-obbligu tal-Kummissjoni li teżamina l-abbozz ta’ miżura li jkun ġie notifikat sabiex “jiġi żgurat li deċiżjonijiet f’livell nazzjonali ma jkollhomx effetti kuntrarji fuq is-[għas-]suq wieħed jew miri oħra tat-Trattat” (premessa 15 tad-Direttiva 2002/21).

79      Fil-każ in eżami, l-abbozz ta’ miżura ES/2005/0330, li ġie nnotifikat lill-Kummissjoni u lill-ANR l-oħra, jaqa’ taħt l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2002/21. Fil-fatt, il-miżura proposta hija intiża biex tidentifika impriżi li għandhom saħħa sinjifikanti fis-suq u biex timponi obbligi regolatorji speċifiċi.

80      Għandu jiġi nnutat li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/21 jipprovdi għall-possibbiltà ta’ żewġ tipi ta’ reazzjonijiet mill-Kummissjoni wara li jkun ġie nnotifikat abbozz ta’ miżura li jaqa’ taħt l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2002/21.

81      Fl-ewwel sitwazzjoni prevista mill-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-abbozz ta’ miżura mhuwiex ostakolu għas-suq uniku jew ma jkollhiex dubji serji dwar il-kompatibbiltà tiegħu mad-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, ma’ l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva. F’din is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tagħmel “il-kummenti lill-[ANR] ikkonċernata [biss] fi żmien xahar” jekk, bħal fil-każ in eżami, il-konsultazzjoni tal-partijiet interessati prevista fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/21 tkun diġà intemmet fil-mument li fih l-abbozz ta’ miżura jkun ġie nnotifikat. Matul dawn il-proċedimenti, il-Kummissjoni rrilevat li għal raġunijiet ta’ transparenza, hija kienet ħadet pożizzjoni fuq kull notifika billi fformulat kummenti jew billi bagħtet ittra fejn affermat li hija ma kellhiex kummenti x’tagħmel [Komunikazzjoni COM (2006) 28 finali, p.3].

82      Għall-kuntarju, fit-tieni sitwazzjoni prevista mill-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2002/21, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-abbozz ta’ miżura “[j]ista’ [j]affettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri” u “jista’ joħloq [jipproduċi] ostakolu għas-suq wieħed” jew tesprimi “dubju serji [inkwantu għall-…] kompatibbiltà [tiegħu … mad-dritt Komunitarju] u b'mod partikolari, il-miri [ma’ l-għanijiet i]msemmija fl’Artikolu 8”. F’dan il-każ hija għandha, ukoll fi żmien xahar, tibgħat ittra lill-ANR ikkonċernata li fiha tesprimi dubji serji fis-sens ta’ l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2002/21, u skond l-imsemmija dispożizzjoni, “l-abbozz tal-miżura m’għandux jiġi adottat għal xahrejn oħra.”. Matul din it-tieni fażi tal-proċedura, il-Kummissjoni tagħmel eżami dettaljata tal-miżura kkonċernata. Il-Kummissjoni affermat li fil-kunetst tat-tieni fażi, hija tistieden lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummmenti tagħhom, anki jekk ebda dispożizzjoni ma tipprovdi għal dan.

83      Jirriżulta mill-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2002/21 li f’dan it-terminu addizzjonali ta’ xahrejn, “il-Kummissjoni tista’ […] tieħu deċiżjoni li teħtieġ lill-awtorità nazzjonali regolatorja konċernata li titrtira l-abbozz tal-miżura”. Din id-deċiżjoni hija “akkumpanjata b'analiżi dettaljat[a] u oġġettiv[a] tar-raġuni[jiet] għaliex il-Kummisjoni tqis li l-abbozz tal-miżura m’għandux jiġi adottat flimkien ma’ proposti speċifiċi għall-emenda[r] ta’ l-abbozz tal-miżura”. Il-Kummissjoni tista’ wkoll tasal għall-konklużjoni li, finalment, din il-miżura ma toħloqx problemi ta’ kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju. F’dak il-każ, b’mod konformi mal-punt 14 tar-Rakkomandazzjoni 2003/561, hija tirtira l-ilmenti tagħha. Għalhekk, il-ftuħ tat-tieni fażi tal-proċedura mhux bil-fors jintemm b’deċiżjoni ta’ veto tal-Kummissjoni.

84      Għandu jiġi rrilevat li, skond l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21, għall-kuntrarju tar-rwol tal-Kummissjoni, wara n-notifika ta’ abbozz ta’ miżura, ir-rwol ta’ l-ANR l-oħra huwa limitat għall-ifformular ta’ kummenti. Fil-fatt, l-ANR l-oħra mhumiex kompetenti biex jitolbu lill-ANR li tkun għamlet in-notifika li tirtira l-abbozz ta’ miżura tagħha.

–       Fuq in-natura ġuridika ta’ ittra taħt l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21

85      L-att ikkontestat f’dan il-każ huwa ittra ta’ kummenti tal-Kummissjoni bbażata fuq l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21.

86      Vodafone tikkunsidra li l-att ikkontestat jipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tagħha fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 69 aktar’il fuq.

87      L-ewwel nett, hija tafferma li bl-adozzjoni ta’ l-att ikkontestat, il-Kummissjoni approvat l-abbozz ta’ miżura ES/2005/0330 u ddeċidiet li ma timponix il-moratorju addizzjonali ta’ xahrejn previst fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2002/21 u li ma tiftaħx it-tieni fażi tal-proċedura prevista fl-istess dispożizzjoni u b’hekk, ċaħħditha mid-drittijiet proċedurali tagħha.

88      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2002/21 jimponi fuq l-ANR l-obbligu, b’mod partikolari, li jippromwovu l-kompetizzjoni fil-provista tan-networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet u servizzi assoċjati. L-abbozz ta’ miżura ES/2005/0330, li jaqa’ taħt l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2002/21, huwa intiż biex jikseb dan il-għan billi jimponi obbligi regolatorji speċifiċi fuq it-tliet operaturi ta’ netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni ċellulari attivi fi Spanja li, skond il-KST, għandhom, flimkien, saħħa sinjifikanti fis-suq.

89      Fil-kuntest tal-proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ miżura finali mill-ANR skond l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2002/21, l-ANR kkonċernata għandha, skond l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21, tinnotifika l-abbozz ta’ miżura tagħha lill-Kummissjoni u lill-ANR l-oħra “biex jagħtuhom [tagħtihom] l-opportunità li jikkummentaw” (premessa 15 tad-Direttiva 2002/21). B’hekk, il-proċedura taħt l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21 hija proċedura ta’ konsultazzjoni u kooperazzjoni bejn, minn naħa, l-ANR li tagħmel in-notifika u, min-naħa l-oħra, l-ANR l-oħra u l-Kummissjoni.

90      Kjarament, kif jindika l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2002/21, l-intervent tal-Kummissjoni u ta’ l-ANR l-oħra fil-kuntest tal-proċedura taħt l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/21 “[huwa intiż] biex jassigura l-applikazzjoni armonizzata tal-kwadru [qafas] regolatorju mal-Komunità [fil-Komunità kollha]”.

91      Madankollu, dan ma jfissirx li l-kummenti magħmula mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21 jipproduċu effetti legali vinkolanti.

92      L-ewwel nett, minn naħa, għalkemm id-Direttiva 2002/21 tagħti lill-Kummissjoni rwol importanti fil-kuntest tal-proċeduri intiżi biex jiżguraw applikazzjoni armonizzata tal-qafas regolatorju fil-Komunità kollha, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, skond l-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 8(3)(d) tad-Direttiva 2002/21, l-ANR għandhom jiżguraw l-applikazzjoni koerenti tal-qafas regolatorju billi jikkooperaw bejniethom u mal-Kummissjoni b’mod trasparenti. Għaldaqstant, l-ANR ukoll għandhom responsabbiltà kbira biex jiżguraw l-applikazzjoni koerenti tal-qafas regolatorju fil-Komunità, abbażi ta’ kooperazzjoni mal-Kummissjoni u ma’ l-ANR l-oħra.

93      Minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-effetti ġuridiċi ta’ ittra skond l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21 huma deskritti b’mod preċiż fl-Artikolu 7(5) ta’ l-istess direttiva li jipprovdi li l-ANR li tagħmel in-notifika “għandha tagħti l-akbar kont [kunsiderazzjoni] tal-kummenti ta’ [l-ANR l-]oħra u [ta]l-Kummissjoni”. Dan il-kliem jenfasizza in-natura mhux vinkolanti ta’ ittra tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21. B’hekk, għandu jiġi nnutat li l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 2002/21 ma jipprovdix għall-predominanza tal-kummenti tal-Kummissjoni fuq dawk magħmula mill-ANR l-oħra. F’dan ir-rigward, il-punt 17 tar-Rakkomandazzjoni 2003/561 jipprovdi li “meta [ANR] li tkun irċiviet kummenti mill-Kummissjoni jew minn [ANR] oħra skond l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21 […] tadotta abbozz ta’ miżura, hija għandha, fuq talba tal-Kummissjoni, tinforma lil din ta’ l-aħħar u lill-[ANR] l-oħra bil-mod kif hija tat l-akbar kunsiderazzjoni lill-kummenti li saru”. Għalhekk, f’sitwazzjoni fejn il-kummenti ta’ ANR u tal-Kummissjoni jkunu kontradittorji, l-ANR li għamlet in-notifika ma tiksirx l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 2002/21 jekk, wara eżami bir-reqqa tal-kummenti differenti, issegwi l-approċċ propost mill-ANR l-oħra u mhux dak propost mill-Kummissjoni

94      Minbarra dan, li kieku, kif issostni Vodafone, il-Kummissjoni kellha l-kompetenza tawtorizza l-miżura nazzjonali notifikata skond l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21, f’każ bħal dan ma kienx ikun biżżejjed għall-ANR li tagħti l-akbar kunsiderazzjoni lid-“deċiżjoni” tal-Kummissjoni, peress li skond l-Artikolu 249 KE, deċiżjoni bħal din torbot fl-intier tagħha lil dawk li lilhom tkun indirizzata.

95      It-tieni nett, il-fatt li l-Kummissjoni tista’, fiċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2002/21, tiftaħ it-tieni fażi tal-proċedura li, min-naħa tagħha tista’ twassal għal deċiżjoni ta’ veto, ma jimplikax li hija l-ittra ta’ kummenti tal-Kummissjoni magħmula skond l-Artikolu 7(3) ta’ l-imsemmija direttiva, li tagħti lill-ANR ikkonċernata d-dritt li tadotta l-miżura nazzjonali proposta.

96      F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li l-abbozz ta’ miżura ES/2005/0330, li f’dan il-każ ġie nnotifikat lill-Kummissjoni u lill-ANR l-oħra mill-KST, huwa miżura koperta mill-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2002/21. Din id-dispożizzjoni tawtorizza direttament lill-ANR ikkonċernata tadotta l-miżura in kwistjoni peress li hija tipprovdi li ANR li tistabbilixxi li suq mhuwiex effettivament kompetittiv għandha “tidentifika impriżi b’saħħa sinifikanti […] fuq dak is-suq” u “[timponi] fuq dawk l-impriżi […] l-obbligazzjonijiet speċifiċi adatti [idonei]”. Anki jekk, fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2002/21, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-ANR ikkonċernata li tirtira abbozz ta’ miżura notifikata meta l-miżura tostakola s-suq uniku jew meta hija tkun inkompatibbli mad-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, ma’ l-għanijiet politiċi li l-ANR imisshom jirrispettaw, l-użu tal-kompetenzi li ANR għandha bis-saħħa ta’ l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2002/21 ma jirrikjedi ebda “awtorizzazzjoni” mill-Kummissjoni. Minbarra dan, ebda dispożizzjoni fid-Direttiva 2002/21 ma tipprovdi li l-fatt li l-Kummissjoni ma tiftaħx it-tieni fażi tal-proċedura għandu jkun ikkunsidrat ekwivalenti għall-approvazzjoni ta’ l-abbozz ta’ miżura notifikat li tawtorizza lill-ANR biex tagixxi.

97      It-tielet nett, fid-dawl tar-rwol konsultattiv mogħti lill-Kummissjoni u lill-ANR l-oħra fil-kuntest tal-proċedura taħt l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21, ittra ta’ kummenti tal-Kummissjoni skond l-imsemmija dispożizzjoni hija att Komunitarju preparatorju magħmul fil-kuntest ta’ proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ miżura nazzjonali meħuda mill-ANR ikkonċernata. Skond ġurisprudenza kostanti, l-atti preparatorji adottati mill-istituzzjonijiet Komunitarji ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ azzjoni awtonoma għal annullament (sentenza L-Olanda vs Il-Kummissjoni, punt 69 aktar’il fuq, punt 35; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Ottubru 2006, Buendía Sierra vs Il-Kummissjoni, T-311/04, Ġabra p. II 4137, punt 98).

98      Kjarament, l-intervent tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21 ma jwassalx għall-adozzjoni ta’ att Komunitarju definittiv li jista’ jkun is-suġġett ta’ azzjoni diretta quddiem il-Qrati Komunitarji.

99      Madankollu, bil-kontra ta’ dak li tippretendi Vodafone, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma jirrikjedix li jkun possibbli li tittieħed azzjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kontra ittra ta’ kummenti skond l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21.

100    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/21 jobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ appell kontra d-deċiżjonijiet ta’ l-ANR tagħhom quddiem korp indipendenti. Din id-Direttiva tispeċifika li meta dan il-korp ta’ l-appell ma jkunx ta’ natura ġudizzjarja, “id-deċiżjoni [tiegħu] għandha tkun suġġetta għar-reviżjoni [għal stħarriġ mill- [minn] qorti jew tribunal skond it-tifsira ta' [l-]Artikolu 234 tat-Trattat”.

101    Għaldaqstant, id-Direttiva 20002/21 tipprovdi sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja kompleta.

102    Minn naħa, meta, bħal f’dan il-każ, ir-rwol tal-Kummissjoni jkun limitat għal konsultazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura skond l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21 li, bħala regola, twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-ANR ikkonċernata, jeżisti dritt ta’ appell quddiem il-qorti jew it-tribunal nazzjonali in kwistjoni li, skond l-Artikolu 234 KE, t/jista’ t/jagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-qafas regolatroju Komunitarju applikabbli. Għandu jiġi rrilevat li Vodafone ressqet rikors quddiem it-Tribunale Supremo kontra d-deċiżjoni tal-KST. Peress li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE jista’ jkopri wkoll atti Komunitarji li mhumiex ta’ natura vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 1989, Grimaldi, C-322/88, Ġabra p.4407, punt 8, u tat-8 ta’ April 1992 Wagner, C-94/91, Ġabra p. I-2765, punti 16 u 17), bis-saħħa ta’ dan ir-rinviju, it-tribunal jew il-qorti kkonċernat/a j/tista’ j/tivverifika jekk l-ittra ta’ kummenti tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21 hijiex ibbażata fuq interpretazzjoni korretta tad-dritt Komunitarju.

103    Min-naħa l-oħra, jekk il-Kummissjoni tuża d-dritt ta’ veto tagħha taħt l-Artikolu 7(4), il-proċedura ma twassalx għal deċiżjoni nazzjonali imma għall-adozzjoni ta’ att Komunitarju li għandu effetti legali vinkolanti u tkun tista’ tittieħed azzjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

104    It-tieni nett, Vodafone tipprova turi n-natura vinkolanti ta’ ittra tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21 billi tenfasizza d-dritt ta’ veto li għandha l-Kummissjoni taħt l-Artikolu 7(4) ta’ l-imsemmija direttiva, ħaġa li skond hi turi li għandha rwol deċiżjonali fil-kuntest ta’ l-Artikolu 7.

105    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2002/21 iħalli lill-Kummissjoni “tieħu deċiżjoni li teħtieġ lill-[ANR] konċernata li titrtira l-abbozz tal-miżura”. Anki jekk l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ veto jipproduċi effetti legali vinkolanti, peress li l-ANR ikkonċernata ma tkunx tista’ tadotta l-miżura proposta, għandu jiġi kkunsidrat li n-nuqqas ta’ użu tad-dritt ta’ veto jista’ jiġi kkunsidrat bħala nuqqas ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni li ma jipproduċi ebda effetti legali vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-27/04, Ġabra p. I-6649, punti 31 sa 34).

106    Minn dan jirriżulta li jekk il-Kummissjoni tillimita ruħha, kif għamlet f’dan il-każ, għall-ifformular ta’ kummenti skond l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21 u ma teżerċitax id-dritt ta’ veto tagħha taħt l-Artikolu 7(4), l-intervent tal-Kummissjoni ma jkollu ebda effetti legali vinkolanti. Jekk l-ANR tiddeċiedi li tadotta l-miżura nazzjonali, l-effetti legali vinkolanti li jirriżultaw minn din il-miżura huma attribwibbli lill-ANR in kwistjoni u mhux lill-kummenti tal-Kummissjoni jew lin-nuqqas tal-ftuħ tal-proċedura taħt l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2002/21.

107    Fuq dan il-punt, il-proċeduri taħt l-Artikolu 7(3) u 7(4) tad-Direttiva 2002/21 huma differenti mill-proċeduri fir-rigward ta’ għajnuna mill-Istat u tal-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, fejn il-kuntest ġuridiku applikabbli jipprovdi espressament li jekk il-Kummissjoni ma tużax is-setgħat tagħha f’ċertu żmien, dan ikun ekwivalenti għal deċiżjoni impliċita ta’ awtorizzazzjoni. Fil-fatt, jekk fi żmien 25 ġurnata ta’ xogħol jew xahrejn wara n-notifika tal-konċentrazzjoni jew tal-miżura ta’ għajnuna rispettivament, il-Kummissjoni ma tkunx ħadet deċiżjoni, il-konċentrazzjoni jew il-miżura ta’ għajnuna hija kkunsidrata kompatibbli mas-suq komuni, skond l-Artikolu 10(6) tar-Regolament Nru 139/2004 u l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 659/1999. Madankollu, ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2002/21 ma tipprovdi li jekk il-Kummissjoni ma tużax is-setgħa tagħha taħt l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2002/21, dan ikun ekwivalenti għal deċiżjoni impliċita ta’ awtorizzazzjoni tal-miżura nazzjonali. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni Komunitarja li tiffissa terminu ta’ żmien li meta jiskadi jkun meqjus li ġiet adottata deċiżjoni impliċita u li tiddefinixxi l-kontenut ta’ din id-deċiżjoni, in-nuqqas ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni minn istituzzjoni Komunitarja ma jistax ikun ikkunsidrat bħala att kontestabbli fis-sens ta’ l-Artikolu 230 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummisssjoni vs Il-Kunsill, punt 105 aktar’il fuq, punti 32 u 34).

108    It-tielet nett, Vodafone tinvoka diversi drabi s-sentenza Infront WM vs Il-Kummissjoni, punt 53 aktar’il fuq, in sostenn ta’ l-argument tagħha li l-ittra tat-30 ta’ Jannar 2006 hija att kontestabbli fis-sens ta’ l-Artikolu 230 KE.

109    Il-fatt li r-rikors ġie ddikjarat ammissibbli mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza Infront WM vs Il-Kummissjoni, punt 53 aktar’il fuq, ma jistax iwassal għall-konklużjoni li dan ir-rikors huwa ammissibbli.

110    Fil-fatt, fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li fil-kawża li tat lok għas-sentenza Infront WM vs Il-Kummissjoni, punt 53 aktar’il fuq, l-att ikkontestat kien ittra tal-Kummissjoni bbażata fuq l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552/KE tal-Kunsill, tat-3 ta’ Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU L 298, p.23), emendata mid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta Ġunju 1997 (ĠU L 202, p.60). Id-Direttiva 89/552 kienet intiża biex tiffaċilita l-moviment liberu tax-xandir bit-televiżjoni fi ħdan il-Komunità, filwaqt li tieħu in kunsiderazzjoni n-natura partikolari, speċjalment kulturali u soċjoloġika, tal-programmi awdjoviżivi. B’mod partikolari, hija kienet tippermetti lill-Istati Membri li jieħdu miżuri intiżi biex jipproteġu d-dritt għal informazzjoni u li jiżguraw li l-pubbliku jkollu aċċess wiesa` għax-xandir bit-televiżjoni ta’ avvenimenti, kemm nazzjonali kif ukoll dawk li mhumiex nazzjonali, ta’ importanza kbira għas-soċjetà. F’dan il-kuntest, din id-Direttiva kienet tipprovdi li l-Istati Membri jibqa` jkollhom id-dritt jieħdu miżuri, kompatibbli mad-dritt Komunitarju, sabiex jirregolaw l-eżerċizzju tad-drittijiet esklużivi ta’ xandir ta’ avvenimenti bħal dawn, mix-xandara li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom. Sabiex jiġi żgurat l-għarfien reċiproku tal-miżuri adottati jew proposti minn Stat Membru, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 3a(3) tad-Direttiva 89/552, dawn il-miżuri kellhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva kien jipprovdi li l-Kummissjoni kellha, fi żmien tliet xhur wara li jkunu ġew innotifikati l-miżuri, tivverifika li dawn il-miżuri meħuda mill-Istat kienu kompatibbli mad-dritt Komunitarju. Il-miżuri li jiġu approvati mill-Kummissjoni permezz ta’ din il-proċedura kienu jiġu ppublikati fil-Ġurnal Uffiċċjali.

111    L-att ikkontestat fil-kawża li tat lok għas-sentenza Infront WM vs Il-Kummissjoni, punt 53 aktar’il fuq, kienet ittra tal-Kummissjoni li fiha hija kienet ikkonstatat li l-miżuri adottati mir-Renju Unit, innotifikati abbażi ta’ l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552, kienu kompatibbli. Skond il-Qorti tal-Prim’Istanza, “[l]-ittra kkontestata […kienet] tipproduċi effetti ġuridiċi fil-kap [fil-konfront] ta’ l-Istati Membri fil-miżura fejn [safejn kienet] tipprevedi l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-miżuri statali in kawża [in kwistjoni], [peress li] din il-pubblikazzjoni [kellha] bħala effett li tagħti bidu għall-mekkaniżmu ta’ għarfien reċiproku previst fl-Artikolu 3a(3) tad-Direttiva [89/552]” (punt 95). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tenfasizza li, skond l-Artikolu 3a(2) u 3a(3) tad-Direttiva 89/552, “l-għarfien reċiproku tal-miżuri nazzjonali nnotifikati huma subordinati [kien suġġett] għall-verifika tal-kompatibbiltà ta’ dawn [ta’ l-aħħar] mad-dritt Komunitarju” (punt 101).

112    Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-proċedura prevista mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/21, permezz tan-notifika tagħha, l-ANR li tagħmel in-notifika mhijiex qiegħda tipprova tikseb effett legali fl-Istati Membri l-oħra. Din in-notifika ssir fil-kuntest tal-proċedura ta’ konsultazzjoni u ta’ kooperazzjoni bejn l-ANR u l-Kummissjoni, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni koerenti tal-qafas regolatorju. Il-kummenti magħmula mill-Kummissjoni f’ittra magħmula taħt l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21, bħall-att ikkontestat f’din il-kawża, ma joħolqu ebda effett legali vinkolanti, la fir-rigward ta’ l-ANR li tagħmel in-notifika u lanqas fir-rigward ta’ l-ANR l-oħra. Dawn huma biss kummenti li għandhom, bħall-kummenti magħmula mill-ANR l-oħra, jingħataw l-akbar kunsiderazzjoni mill-ANR li tagħmel in-notifika.

113    Ir-raba’ nett, għandu jiġi respint ukoll l-argument ta’ Vodafone li l-ittra tat-30 ta’ Jannar 2006 hija deċiżjoni impliċita li ma tinfetaħx it-tieni fażi tal-proċedura prevista fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2002/21 u li, minħabba dan il-fatt, għandha tkun tista’ tiġi kkontestata sabiex jiġu mħarsa d-drittijiet proċedurali li hija kien ikollha matul din it-tieni fażi.

114    Anki jekk, eċċezzjonalment, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet biex tikkunsidra deċiżjoni li tinfetaħ proċedura bħala att li seta’ jiġi kkontestat (ara, fir-rigward tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura skond l-Artikolu 88(2) KE, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-400/99, Ġabra p. I-7303), għandu jiġi kkonstatat li, sal-ġurnata ta’ llum, il-Qorti Komunitarja qatt ma kkunsidrat deċiżjoni li ma tinfetaħx proċedura bħala att li jista’ jiġi kkontestat.

115    Anki jekk jitqies li l-ħarsien tad-drittijiet proċedurali ta’ parti interessata jista’ jkollu effett fuq il-kwistjoni jekk deċiżjoni li ma tinfetaħx proċedura partikolari tistax tiġi kkontestata, xorta waħda għandu jiġi eżaminat jekk Vodafone tibbenefikax minn drittijiet proċedurali taħt id-Direttiva 2002/21 li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha d-dmir li tipproteġi.

116    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/21 jipprovdi li meta, b’applikazzjoni ta’ l-imsemmija Direttiva, l-ANR ikun bi ħsiebhom jieħdu miżuri li jkollhom impatt sinjifikanti fuq is-suq rilevanti, huma għandhom “jagħt[u] lill-partijiet interessati l-opportunità li jikkummentaw dwar l-abbozz tal-miżuri f’perjodu ta’ żmien raġonevoli.”

117    Fit-tieni lok, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/21 jistabilixxi dritt għal rimedju effettiv quddiem il-qrati jew it-tribunali nazzjonali kontra d-deċiżjonijiet ta’ l-ANR.

118    B’hekk d-drittijiet proċedurali li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/21 jagħti lill-partijiet interessati fil-kuntest tal-proċedura quddiem l-ANR, għandhom jiġu ggarantiti quddiem il-qrati jew it-tribunali nazzjonali.

119    L-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21 ma jagħtix drittijiet proċedurali addizzjonali lill-partijiet interessati peress li din il-proċedura ma twassalx għall-adozzjoni ta’ att Komunitarju li għandu effetti legali vinkolanti. Il-proċedura taħt l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21 b’hekk tirrigwarda esklużivament ir-relazzjonijiet bejn, minn naħa, l-ANR ikkonċernata, u, min-naħa l-oħra, l-ANR l-oħra u l-Kummissjoni li jistgħu jibagħtulha l-kummenti tagħhom. Madankollu, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tadotta pożizzjoni b’mod utli, hija tiġi infurmata bil-kummenti tal-partijiet interessati li jkunu ġew mibgħuta matul il-proċedura nazzjonali. Fil-fatt, b’mod konformi mal-punt 6(f) tar-Rakkomandazzjoni 2003/561, l-ANR li tagħmel in-notifika tibgħat lill-Kummissjoni “ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika preċedenti mwettqa mill-[ANR]”.

120    L-approċċ tal-leġiżlatur Komunitarju, li għandu l-għan li jiżgura li d-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati jiġu mħarsa fuq il-livell nazzjonali, jista’ jiġi mfisser b’referenza għall-fatt li taħt il-qafas ġuridiku stabbilit mid-Direttiva 2002/21, il-miżuri li jaffettwaw l-interessi ta’ impriżi attivi fis-swieq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, speċjalment dawk koperti mill-Artikolu 16 tad-Direttiva, jittieħdu mill-ANR u mhux mill-Kummissjoni.

121    Fir-rigward tal-proċedura applikabbli meta l-Kummissjoni tesprimi dubji serji dwar il-kompatibbiltà ta’ miżura notifikata mad-dritt Komunitarju, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2002/21 ma jgħid xejn fir-rigward tal-possibbiltà li xi partijiet interessati jipparteċipaw f’din il-proċedura. Anki jekk il-Kummissjoni ssostni li l-ftuħ tat-tieni fażi tal-proċedura taħt l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2002/21 huwa ppublikat fuq is-sit internet tal-Kummissjoni, fejn il-partijiet interessati jiġu msejħa jagħmlu l-kummenti tagħhom fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol, il-fatt li proċedura bħal din ma tinfetaħx ma jaffettwax id-drittijiet proċedurali ta’ parti interessata. Il-fatt li l-proċedura taħt l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2002/21 ma tkunx infetħet jimplika li d-deċiżjoni finali fir-rigward tal-każ ser tittieħed fuq livell nazzjonali. Id-drittijiet proċedurali li jgawdu l-partijiet interessati meta l-Kummissjoni tillimita ruħha għall-ifformular ta’ kummenti skond l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21 huma ggarantiti quddiem il-qrati jew it-tribunali nazzjonali. B’hekk, jekk Vodafone tikkunsidra, hekk kif tagħmel fil-kuntest tat-tielet motiv tagħha, li hija ma setgħetx tressaq kummenti dwar informazzjoni essenzjali, jiġifieri dik l-informazzjoni li kienet se tiġi ppreżentata għall-ewwel darba fil-proċedura quddiem il-Kummissjoni, hija tista’ tressaq motiv bħal dan quddiem il-qorti jew it-tribunal nazzjonali.

122    Għalhekk, ebda ksur ta’ drittijiet proċedurali fuq il-livell Komunitarju ma jista’ jiġi allegat meta l-Kummissjoni tillimita ruħha għall-ifformular ta’ kummenti li mhumiex vinkolanti skond l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21, bħalma tagħmel f’dan il-każ.

123    Il-ġurisprudenza fir-rigward tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet u ta’ għajnuna mill-Istat li għaliha tirreferi Vodafone mhijiex rilevanti għall-finijiet ta’ din il-kawża.

124    L-ewwel nett, fil-ġurisprudenza invokata minn Vodafone, l-azzjoni ma kinitx intiza għall-annullament ta’ deċiżjoni li ma tinfetaħx it-tieni fażi tal-proċedura. Fil-fatt, ir-rikors kien wieħed għall-annullament ta’ att li jipproduċi effetti legali vinkolanti li, skond kull wieħed mir-rikorrenti kkonċernati, ġie adottat bi preġudizzju għad-drittijiet proċedurali tagħha.

125    Għalhekk, fir-rigward tal-kontroll ta’ l-għajnuna mill-Istat, il-kwistjoni ta’ l-osservanza tad-drittijiet proċedurali tqajmet fil-kuntest ta’ rikors magħmul kontra deċiżjoni li ma jsirux oġġezzjonijiet taħt l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 659/1999 (sentenzi Cook vs Il-Kummissjoni u Matra vs Il-Kummissjoni, punt 64 aktar’il fuq; sentenza Air One vs Il-Kummissjoni, punt 64 aktar’il fuq, punti 30 sa 31). Deċiżjoni bħal din tipproduċi effetti legali vinkolanti peress li tiddikkjara espliċitament li l-għajnuna in kwistjoni hija kompatibbli mas-suq komuni.

126    Fir-rigward tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, il-kwistjoni ta’ l-osservanza tad-drittijiet proċedurali tqajmet fil-kuntest ta’ rikors kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 tal-21 ta’ Diċembru 1989 (ĠU L 395, p. 1) [li sar l-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament Nru 139/2004], li tikkonstata li l-operazzjoni notifikata ma kinitx konċentrazzjoni (sentenza Assicurazioni Generali u Unicredito vs Il-Kummissjoni, punt 62 aktar’il fuq), jew kontra deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 4064/89 [li sar l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 139/2004] li tirrinvija l-kontroll tal-konċentrazzjoni lill-awtorità nazzjonali (sentenza Royal Philips Electronics vs Il-Kummissjoni, punt 62 aktar’il fuq). Deċiżjonijiet bħal dawn jipproduċu wkoll effetti legali vinkolanti peress li għandhom l-effett li jbiddlu s-sistema legali applikabbli għall-operazzjoni in kwistjoni, jiġifieri l-Artikolu 81 KE u l-proċedura awtonoma u distinta istitwita mir-Regolament Nru 1/2003 (sentenza Assicurazioni Generali u Unicredito vs Il-Kummissjoni, punt 62 aktar’il fuq, punt 41) jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali fuq il-konċentrazzjonijiet (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Royal Philips Electronics vs Il-Kummissjoni, punt 62 aktar’il fuq, punt 282 u tat-30 ta’ Settembru 2003, Cableuropa et vs Il-Kummissjoni, T-346/02 u T-347/02, Ġabra, p. II-4251, punti 59 u 60).

127    Madankollu, f’dan il-każ, l-att ikkontestat ma jiddikjarax espliċitament li l-miżura notifikata hija kompatibbli mad-dritt Komunitarju u lanqas ma għandu l-effett li jbiddel il-liġi applikabbli għall-miżura notifikata. Il-qafas legali stabbilit mid-Direttiva 2002/21 kien applikabbli qabel in-notifika tal-miżura lill-Kummissjoni u jibqa’ applikabbli independentament mill-pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni fl-ittra tat-30 ta’ Jannar 2006. Għaldaqstant, l-att ikkontestat ma jipproduċix effetti legali vinkolanti u l-konklużjonijiet milħuqa fis-sentenzi ċċitati fil-punt preċedenti ma jistgħux ikunu applikabbli għal din il-kawża.

128    It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li l-kontroll ta’ għajnuna mill-Istat u ta’ konċentrazzjonijiet li għandhom dimensjoni Komunitarja jagħmel parti mill-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, skond l-Artikolu 88(3) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Marzu 1977, Steinike & Weinling, 78/76, Ġabra p.595, punt 9) u ma’ l-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 139/2004, rispettivament. Għaldaqstant, salv għall-istħarriġ eżerċitat mill-qorti Komunitarja, hija biss il-Kummissjoni li tista’ tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ tali konċentrazzjoni jew ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq komuni. Minn dan jirriżulta li huwa biss fuq il-livell Komunitarju li l-partijiet interessati jistgħu jissottmettu b’mod utli l-kummenti li jista’ jkollhom. Madankollu, f’dan il-każ preżenti, peress li l-miżuri koperti mid-Direttiva 2002/21 bħala regola jiġu adottati fuq il-livell nazzjonali u mhux mill-Kummissjoni, huwa biżżejjed li l-partijiet interessati jinstemgħu fuq il-livell nazzjonali, għall-inqas jekk il-Kummissjoni tillimita ruħha għall-ifformular ta’ kummenti skond l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21. Fil-fatt, xejn ma jżomm lill-partijiet interessati milli jinvokaw quddiem l-awtoritajiet, il-qrati jew it-tribunali nazzjonali, il-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura proposta mad-dritt Komunitarju.

129    Għaldaqstant, l-argumenti ta’ Vodafone ibbażati fuq il-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali tagħha lanqas ma jipperemettu li l-att ikkontestat jiġi kkunsidrat bħala att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens ta’ l-Artikolu 230 KE.

130    Il-ħames nett, Vodafone tenfasizza li f’diversi dokumenti, il-Kummissjoni tikkwalifika l-ittri magħmula skond l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21 bħala “deċiżjonijiet”. F’dan ir-rigward hija tirreferi għall-istqarrija lill-istampa tal-31 ta’ Jannar 2006 (IP/06/97) dwar l-att ikkontestat, għat-talba għal informazzjoni addizzjonali magħmula lill-KST, għad-deċiżjoni tal-11 ta’ Mejju 2006 fejn talba għall-aċċess għad-dokumenti skond ir-Regolament 1049/2001 ġiet miċħuda, għall-Komunikazzjoni COM (2006) 28 finali (p.5 u 10), għar-Rakkomandazzjoni 2003/561, għall-Memorandum 06/59 tas-7 ta’ Frar 2006, għall-istqarrija lill-istampa ta’ l-20 ta’ Ottubru 2006 (IP/06/1439) u għad-diskors magħmul mill-membru tal-Kummissjoni inkarigat mis-soċjetà ta’ l-informazzjoni fis-16 ta’ Novembru 2006.

131    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-użu mill-Kummissjoni tal-kelma “deċiżjoni” f’dawn id-dokumenti, li xi ftit minnhom kienu intiżi għall-pubbliku in generali, mhuwiex marbut mal-kelma ġuridika “deċiżjoni” hekk kif definita fl-Artikolu 249 KE. Fil-fatt, il-Kummissjoni, fl-ebda wieħed mid-dokumenti ċċitati fil-punt preċedenti ma tgħid li l-kummenti tagħha taħt l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21 jipproduċu effetti legali vinkolanti jew jorbtu lill-ANR.

132    Għall-kuntrarju, l-istqarrija lill-istampa tal-31 ta’ Jannar 2006 relattiva għall-att ikkontestat tikkonferma li l-kummenti tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21 m’għandhomx effett legali vinkolanti. Fil-fatt, fl-istqarrija lill-istampa tagħha, il-Kummissjoni enfasizzat li “l-mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni taħt l-Artikolu 7 ma jikkostitwixxix sistema ta’ approvazzjoni”.

133    Fi kwalunkwe każ, anki li kieku d-dokumenti ċċitati fil-punt 130 aktar’il fuq kellhom juru li l-Kummissjoni intereptat b’mod żbaljat ir-rwol tagħha taħt l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/21, li mhuwiex il-każ, dan il-fatt ma jistax ibiddel il-qafas regolatorju applikabbli fejn, taħt l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21, il-Kummissjoni tista’ tagħmel biss “kummenti” li għandhom jingħataw “l-akbar [kunsiderazzjoni]” mill-ANR li tkun għamlet in-notifika.

134    Minn dan jirriżulta li l-kuntest li fih l-att ikkontestat ġie adottat juri li dan ma jipproduċix effetti legali vinkolanti.

 Fuq­ il-kontenut ta’ l-att ikkontestat.

135    Għandu jiġi eżaminat ukoll il-konutenut ta’ l-att ikkontestat sabiex jiġi evalwat jekk l-att, minkejja l-qafas regolatorju applikabbli, huwiex intiż biex jipproduċi effetti legali vinkolanti.

136    Jirriżulta mill-kontenut ta’ l-ittra tat-30 ta’ Jannar 2006 li l-Kummissjoni ma kellhiex l-iċken intenzjoni li tagħtiha effetti legali vinkolanti.

137    Għalhekk, fl-ewwel kumment li għamlet fl-att ikkontestat relattiv għall-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-suq bl-imnut, il-Kummissjoni nnutat li l-KST ma kienx ikkonstata pożizzjoni dominanti kollettiva fis-suq bl-imnut u, f’dan ir-rigward, osservat li “biex tiġi kkonstatata [saħħa sinjifikanti konġunta] fis-suq bl-ingrossa ta’ aċċess għal u ta’ telefonati minn apparat ċellulari, ma kienx indispensabbli li tiġi kkonstatata [saħħa sinjifikanti konġunta] fis-suq bl-imnut”. Wara dan, il-Kummissjoni eżaminat il-kundizzjonijiet “ta’ kompetizzjoni fis-suq bl-imnut” u analizzat jekk dawn kinux konklużivi fir-rigward tal-konstatazzjoni ta’ saħħa sinjifikanti konġunta fis-suq bl-ingrossa. Hija kkummentat ukoll fuq “il-livell tal-kirjiet fuq is-suq bl-imnut” li l-KST kellu juri biex jistabbilixxi l-eżistenza ta’ incentivi għall-kollużjoni taċita fis-suq bl-ingrossa u indikat li “konstatazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva [kienet] tqajjem kwistjonijiet partikolarment komplessi ta’ natura ekonomika” qabel ma osservat li, għalkemm l-informazzjoni ġenerali fornuta kienet “kunsiderevoli u istruttiva, l-informazzjoni dwar l-evoluzzjoni tal-prezzijiet fuq livell aktar speċifiku kienet toffri indikazzjoni aħjar”. Konsegwentement, il-Kummissjoni stiednet lill-KST biex “għall-finijiet ta’ analiżi tas-suq fil-futur” jissorvelja l-evoluzzjoni tal-prezzijiet bl-imnut skond is-settur tas-suq u/jew il-profil tal-konsumaturi. Finalment, hija osservat li s-suq bl-imnut kien jidher li għandu numru ta’ karatteristiċi strutturali li dehru li jagħtu biżżejjed inċentivi lill-operaturi biex jirrifjutaw l-aċċess, b’mod kollettiv, lill-operaturi ta’ netwerks virtwali ċellulari.

138    L-ewwel kumment dwar l-att ikkontestat jista’ jaffettwa l-pożizzjoni legali tal-KST l-iktar l-iktar għal dak li jikkonċerna l-analiżi tas-suq li huwa jista’ jkollu jagħmel fil-futur. Madankollu, il-kumment b’ebda mod ma jaffettwa l-pożizzjoni legali tal-KST fir-rigward ta’ l-adozzjoni tal-miżura li huwa kien innotifika lill-Kummissjoni (u lill-ANR l-oħra) u, anqas u anqas, il-pożizzjoni legali ta’ Vodafone.

139    Fit-tieni kumment li jirrigwarda l-punt fokali, fl-att ikkontestat il-Kummissjoni rrilevat li l-KST kien ikkonstata l-eżistenza ta’ punt fokali li kien trasparenti u li kien jikkonsisti fir-rifjut ta’ aċċess għas-suq bl-ingrossa lil terzi persuni. Minkejja li l-KST ma kienx identifika punt fokali fuq is-suq bl-imnut, liema identifikazzjoni ma kinitx indispensabbli, fl-att ikkontestat il-Kummissjoni kkunsidrat li kien plawżibbli li fid-dawl ta’ l-allinjament ta’ l-strateġiji kummerċjali tat-tliet operaturi tan-netwerks, l-iċken devjazzjoni lejn kompetizzjoni aktar aggressiva fil-prezzijiet setgħet tiġi osservata faċilment.

140    Il-kontenut ta’ dan it-tieni kumment juri li lanqas dan il-kumment ma huwa intiż biex jipproduċi effetti legali vinkolanti.

141    Fit-tielet kumment tagħha li jirrigwarda l-mekkaniżmu ta’ ritaljazzjoni, il-Kummissjoni osservat, fir-rigward tas-suq bl-ingrossa, li dan il-mekkaniżmu [seta’] jiġi “implementat”, iżda li l-“KST seta’ ġab aktar provi” dwar “jekk dan il-mekkaniżmu setax ikun aktar immedjat u b’saħħtu biżżejjed biex iwiddeb lill-impriża devjanti”. Wara dan, hija rrilevat li “f’analiżi tas-suq, l-ANR huma mistiedna janalizzaw jekk l-operaturi l-oħra ta’ netwerks ċellulari li ma jiddevjawx setgħux faċilment jikkonkludu kuntratt ma’ [operatur ta’ netwerks virtwali ċellulari], meta d-dħul u l-istrateġija kummerċjali ta’ dan ta’ l-aħħar x’aktarx li jwiddbu lill-operatur ta’ netwerks ċellulari devjanti”. Il-Kummissjoni eżaminat il-possibbiltajiet ta’ ritaljazzjoni fis-suq bl-imnut, li ssemmew ukoll mill-KST. Hija kkunsidrat li, b’mod globali, kienu jeżistu mekkaniżmi ta’ ritaljazzjoni kredibbli f’dan is-suq.

142    Lanqas dan il-kumment fl-att ikkontestat ma jbiddel il-pożizzjoni legali tal-KST fir-rigward ta’ l-adozzjoni tal-miżura li huwa kien innotifika lill-Kummissjoni (u lill-ANR l-oħra) u, anqas u anqas, il-pożizzjoni legali ta’ Vodafone.

143    Fir-raba’ kumment li jirrigwarda s-sorveljanza bir-reqqa tas-suq u d-dħul tar-raba’ operatur ta’ netwerks ċellulari, il-Kummissjoni osservat fl-att ikkontestat li Xfera kienet għadha ma daħlitx fis-suq u stiednet lill-“awtoritajiet Spanjoli biex jirriflettu fuq miżuri xierqa biex jiżguraw użu effikaċi tas-spectrum disponibbli”. Il-Kummissjoni kienet tat parir lill-KST li jissorvelja bir-reqqa l-konsegwenzi fuq il-pożizzjoni dominanti kollettiva tad-dħul possibbli ta’ Xfera fl-2006 u żiedet li kwalunkwe “prova konkreta ta’ żviluppi fis-suq bl-imnut, li mhumiex marbuta ma’ miżuri regolatorji fis-suq rilevanti, li tqajjem dubju fuq in-natura sostenibbli tal-pożizzjoni dominanti kollettiva, tirrikjedi analiżi ġdida tas-suq rilevanti”. Hija fakkret li, skond l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21, analiżi bħal din kellha tiġi nnotifikata lilha.

144    Dan il-kumment fl-att ikkontestat lanqas ma jbiddel il-pożizzjoni legali tal-KST f’dak li jirrigwarda l-adozzjoni tal-miżura li hija nnotifikat lill-Kummissjoni (u lill-ANR l-oħra), u anqas u anqas il-pożizzjoni legali ta’ Vodafone. Huwa jimponi biss obbligu fuq il-KST li jissorvelja bir-reqqa d-dħul tar-raba’ operatur ta’ netwerks ċellulari fis-suq rilevanti u li jagħmel, jekk ikun hemm bżonn, analiżi ġdida tas-suq. Il-fatt li analiżi bħal din għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni (u lill-ANR l-oħra) jirriżulta direttament mill-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21 li jimponi obbligu ta’ notifikazzjoni minn qabel fir-rigward ta’ analiżi tas-suq taħt l-Artikolu 16 ta’ l-imsemmija Direttiva.

145    Finalment, il-Kummissjoni kkonkludiet l-ittra tagħha billi enfasizzat li l-informazzjoni addizzjonali li bagħtilha l-KST matul il-proċess ta’ notifika kienet kruċjali għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni tagħha tan-notifika tal-KST u talbet lill-KST biex “jibbaża l-miżura finali tiegħu fuq l-aktar informazzjoni reċenti disponibbli”.

146    Dan jidher li huwa aktar rakkomandazzjoni jew parir milli obbligu legalment vinkolanti. Fi kwalunkwe każ, dan il-kumment ma jaffettwax il-pożizzjoni legali tar-rikorrenti.

147    Għaldaqstant, mill-analiżi tal-kummenti differenti magħmula mill-Kumissjoni fl-att ikkontestat, ma jidhirx li dan huwa intiż biex jipproduċi effetti legali vinkolanti. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi mfakkar li skond ġurisprudenza kostanti, huwa biss id-dispożittiv ta’ att li jista’ jipproduċi effetti legali, independentament mill-motivi li fuqhom ikun ibbażat (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Settembru 1992, NBV u NVB vs Il-Kummissjoni, T-138/89, Ġabra p. II-2181, punt 31, u tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, T-213/00, Ġabra p. II-913, punt 186). Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-att ikkontestat m’għandu ebda dispożittiv.

148    Madankollu, skond Vodafone, id-dikjarazzjoni li ġejja, li tinsab fit-tmiem ta’ l-att ikkontestat, tikkostitwixxi d-dispożittiv tiegħu: “B’mod konformi ma’ l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva [2002/21], il-KST għandu jagħti l-akbar kunsiderazzjoni lill-kummenti magħmula mill-ANR l-oħra u mill-Kummissjoni u huwa jista’ jadotta l-abbozz finali tal-miżura u, jekk jagħmel dan, huwa għandu jikkomunikah lill-Kummissjoni”. Hija tistrieħ fuq l-ommissjoni f’din il-kwotazzjoni tal-kliem “ħlief f'każijiet koperti bil-paragrafu 4” li jinsab fl-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 2002/21.

149    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-fatt li l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 2002/21 ġie riprodott, ma jagħmel xejn ħlief jikkonferma n-natura mhux vinkolanti ta’ l-att ikkontestat (ara l-punt 93 aktar’il fuq). L-ommissjoni li tagħmel referenza għaliha Vodafone tista’ tiġi mfissra b’referenza għall-fatt li l-att ikkontestat jaqa’ kompletament taħt il-portata tal-proċedura skond l-Artikolu 7(3) u li l-kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2002/21 mhumiex issodisfati. Huwa biss il-ftuħ tal-proċedura skond l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2002/21 li seta’ jwassal, f’dan il-każ, għall-adozzjoni ta’ miżura li għandha effetti legali vinkolanti.

150    Minn dak li ntqal jirriżulta li la l-kontenut ta’ l-att ikkontestat u lanqas il-kuntest ġuridiku li fih ġie adottat ma juri li dan huwa att li jipproduċi effetti legali vinkolanti. Għaldaqstant, mhuwiex att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens ta’ l-Artikolu 230 KE. Għalhekk, din l-azzjoni għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

151    Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li anki f’sitwazzjoni fejn l-att ikkontestat jikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat, għar-raġunijiet li se jissemmew aktar’il quddiem, Vodafone ma kienx ikollha locus standi .

2.     Fuq il-locus standi ta’ Vodafone

 Argumenti tal-partijiet

152    Il-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja jsostnu li l-att ikkontestat ma jirrigwardax lil Vodafone direttament fis-sens tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE.

153    Vodafone tikkunsidra li l-att ikkontestat jirrigwardaha direttament. Fil-fatt, l-adozzjoni tad-deċiżjoni mill-KST kienet awtomatika fid-dawl tal-kontenut ta’ l-att ikkontestat. Il-possibbiltà li l-KST ma kienx se jasal biex jeżegwixxi l-att ikkontestat hija purament teoretika u m’hemm ebda dubju dwar l-intenzjoni tiegħu li jaġixxi b’mod konformi mal-kummenti tal-Kummissjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Novembru 1971, Bock vs Il-Kummissjoni, 62/70, Ġabra p. 897; tas-17 ta’ Jannar 1985, Piraiki-Patraiki et vs Il-Kummissjoni, 11/82, Ġabra p. 207, punti 8 sa 10, u tal-5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il-Kummissjoni, C-386/96 P, Ġabra p. I-2309, punt 44; sentenza Cableuropa et vs Il-Kummissjoni, punt 126 aktar’il fuq, punt 66). Il-fatt li l-KST kellu l-intenzjoni li jimplementa l-abbozz ta’ miżura proposta malli jirċievi l-konferma tal-Kummissjoni huwa ċar fid-dawl tal-fatt li fil-31 ta’ Jannar 2006, il-ġurnata ta’ wara dik meta l-Kummissjoni adottat l-att ikkontestat, u qabel ma l-KST kien iltaqa’ biex jadotta l-miżura proposta, huwa kien ippubblika stqarrija lill-istampa fejn semma’ li peress li l-Kummissjoni kienet approvat l-analiżi tiegħu, huwa kien ser jimponi l-obbligi regolatorji proposti biex jiggarantixxi l-aċċess lil terzi persuni għan-netwerks tat-tliet operaturi tan-netwerks ċellulari.

154    F’dan ir-rigward Vodafone tagħmel analoġija bejn dan il-każ u l-kawża li tat lok għas-sentenza Bock vs Il-Kummissjoni, punt 153 aktar’il fuq, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni lil Stat Membru biex jirrifjuta liċenzja ta’ importazzjoni kienet tirrigwarda, b’mod dirett, lir-rirkorrenti f’dik il-kawża, peress li l-awtoritajiet Ġermaniżi kompetenti kienu infurmaw lir-rikorrenti li huma kienu sejrin jiċħdu l-applikazzjoni tagħha malli jirċievu l-awtorizzazzjoni meħtieġa mill-Kummissjoni (punt 7 tas-sentenza).

155    Skond Vodafone, il-proċedura f’din il-kawża tista’ tiġi mqabbla wkoll mal-proċeduri ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet u ta’ għajnuna mill-Istat, peress li f’dawn il-proċeduri d-deċiżjoni tal-Kummissjoni lanqas ma tirrikjedi l-implementazzjoni tal-konċentrazzjoni jew ta’ l-għajnuna mill-Istat innotifikata, imma sempliċiment telimina l-aħħar ostakolu għall-adozzjoni tal-miżura notifikata, liema fatt ma jipprekludix lid-deċiżjoni tal-Kummissjoni milli jkollha effett dirett, anki fir-rigward ta’ terzi persuni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-4 ta’ Lulju 2006, easyJet vs Il-Kummissjoni, T-177/04, Ġabra p. II-1931, punt 32). Hija tirrileva wkoll li l-att ikkontestat affettwa l-pożizzjoni legali tagħha direttament peress li caħħadha mid-drittijiet li kieku kienet tgawdi minnhom matul it-tieni fażi ta’ l-eżami.

156    Finalment, l-att ikkontestat jirrigwarda lil Vodafone individwalment fis-sens tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, liema fatt mhuwiex ikkontestat mill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, Vodafone tenfasizza li hija tagħmel parti minn grupp ta’ tliet impriżi biss li l-att ikkontestat isemmi speċifikament, li obbligi ta’ kontroll ex ante ġew imposti fuqha skond l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/21 u li, minbarra dan, hija parti interessata fis-sens ta’ l-Artikolu 6 ta’ l-imsemmija direttiva. Hija tirrileva wkoll li hija ħadet sehem fil-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni matul l-ewwel fażi ta’ eżami ta’ l-abbozz ta’ miżura ES/2005/0330, li ppreżentat kummenti dwar l-abbozz ta’ miżura u li kien ikollha d-dritt tieħu sehem fil-proċedura dettaljata quddiem il-Kummissjoni li kieku nfetħet it-tieni fażi tal-proċedura.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’ Istanza

157    Skond ġurisprudenza kostanti, skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, l-individwi jistgħu jikkontestaw att jew deċiżjoni li jipproduċu effetti legali fil-konfront tagħhom biss jekk dan l-att jew din id-deċiżjoni jirrigwardawhom direttament u individwalment (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p.197, p.223, u tal-25 ta’ Lulju 2002 Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C-50/00 P, Ġabra P. I-6677, punt 44; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Royal Philips Electronics vs Il-Kummissjoni, punt 62, aktar’il fuq, punti 272 u 291).

158    Biex l-att Komunitarju kkontestat ikun jirrigwarda direttament lil persuna fiżika jew ġuridika, huwa għandu jipproduċi effetti diretti fuq il-pożizzjoni legali tal-persuna kkonċernata u l-implementazzjoni tiegħu għandha tkun purament awtomatika u għandha tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, mingħajr ebda applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (sentenzi Dreyfus vs Il-Kummissjoni, punt 153 aktar’il fuq, punt 43; Royal Philips Electronics vs Il-Kummissjoni, punt 62 aktar’il fuq, punt 272 ; digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Jannar 2007, Lootus Teine Osaühing vs Il-Kunsill, T-127/05, Ġabra p. II-1, punt 39).

159    Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta l-possibbiltà li d-destinatarji ma jeżegwixxux dan l-att hija purament teoretika, peress li m’hemmx dubju dwar ir-rieda tagħhom li jaġixxu b’mod konformi miegħu (sentenzi Piraiki-Patraiki et          vs Il-Kummissjoni, punt 153 aktar’il fuq, punti 8 sa 10, u Dreyfus vs Il-Kummissjoni, punt 153 aktar’il fuq, punt 44; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 1998, Oleifici Italiani u Fratelli Rubino vs Il-Kummissjoni, T-54/96, Ġabra p. II-3377, punt 56, u Royal Philips Electronics vs Il-Kummissjoni, punt 62 aktar’il fuq, punt 273).

160    Madankollu, dan mhuwiex il-każ f’din il-kawża, meta jiġi kkunsidrat ir-rwol ċentrali eżerċitat mill-ANR biex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva 2002/21 (ara l-punti 72 sa 74 aktar’il fuq). Fil-fatt, il-proċedura taħt l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21 hija proċedura ta’ konsultazzjoni u ta’ kooperazzjoni bejn l-ANR u l-Kummissjoni li fil-kuntest tagħha, skond l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21, mhux biss il-Kummissjoni iżda wkoll l-ANR l-oħra jistgħu jagħmlu kummenti dwar l-abbozz ta’ miżura notifkat. Għalkemm, skond l-Artikolu 7(5), il-KST għandu “[j]agħti l-akbar kont tal-[kunsiderazzjoni lill-]kummenti ta’ [l-ANR l-]oħra u [ta]l-Kummissjoni”, huwa għandu ċerta diskrezzjoni biex jiddetermina l-kontenut tal-miżura finali, b’tali mod li l-att Komunitarju bbażat fuq l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21 ma jistax jiġi kkunsidrat li jipproduċi effetti diretti fuq il-pożizzjoni legali ta’ l-impriżi kkonċernati.

161    Vodafone ma tistax tippretendi li, ġaladarba jiġu ppreżentati l-kummenti tal-Kummissjoni, il-possibbiltà li l-ANR ma tadottax l-abbozz ta’ miżura hija biss teoretika. Fil-fatt, anki jekk hemm probabbiltà kbira li l-ANR ikkonċernata sejra tadotta l-abbozz ta’ miżura, hija biss din ta’ l-aħħar li tieħu d-deċiżjoni li tadotta dik il-miżura u tiddetermina l-kontenut tagħha.

162    Għaldaqstant, l-effetti legali ta’ l-att ikkontestat f’dan il-każ – li kieku kien att kontestabbli – huma fondamentalment differenti mill-effetti legali ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikkjara għajnuna mill-Istat jew konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni. Fil-fatt, id-destinatarju ta’ tali deċiżjoni ma jkun għad għandu l-ebda diskrezzjoni biex jiddetermina l-kontenut tal-miżura finali waqt li, skond l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21, id-destinatarju ta’ kummenti jibqa’ jgawdi minn tali diskrezzjoni.

163    Is-sitwazzjoni tal-KST f’din il-kawża hija fondamentalment differenti minn dik ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi fil-kawża li tat lok għas-sentenza Bock vs Il-Kummissjoni, punt 153 aktar’il fuq. Fil-fatt, f’din il-kawża l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu talbu lill-Kummissjoni l-awtorizzazzjoni biex jirrifjutaw l-għoti ta’ liċenzja ta’ importazzjoni. L-awtoritajiet Ġermaniżi kienu infurmaw lir-rikorrenti li l-applikazzjoni tagħha kienet ser tiġi rrifjutata malli jirċievu l-awtorizzazzzjoni tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, l-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni kienet taffettwa direttament il-pożizzjoni legali tar-rikorrenti. F’din il-kawża, madankollu, fid-dawl tad-diskrezzjoni tal-KST fl-implementazzjoni ta’ l-att ikkontestat, anki jekk din id-diskrezzjoni tista’ tkun waħda limitata, għandu jiġi kkunsidrat li dan l-att m’affettwax b’mod dirett il-pożizzjoni legali ta’ Vodafone.

164    Lanqas ma jista’ jintlaqa’ l-argument ta’ Vodafone li l-att ikkontestat jirrigwardaha direttament minħabba d-drittijiet proċedurali li ġiet imċaħħda minnhom b’riżultat tad-deċiżjoni li ma tinfetaħx it-tieni fażi tal-proċedura prevista fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2002/21.

165    F’dan ir-rigward hemm lok li jiġi mfakkar li, fid-dawl tal-fatt li l-miżuri msemmija fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/21 jiġu adottati mill-ANR, l-Artikolu 6 ta’ l-imsemmija Direttiva jagħti drittijiet proċedurali lill-partijiet interessati fil-kuntest tal-proċedura quddiem l-ANR li, skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva, għandhom jiġu mħarsa mill-qrati jew it-tribunali nazzjonali. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura nazzjonali, il-partijiet interessati jistgħu jressqu l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-inkompatibbiltà tal-miżura mas-suq komuni.

166    Għalhekk, dan il-każ huwa differenti mill-każijiet li tagħmel referenza għalihom Vodafone, relattivi għall-għajnuna mill-Istat u għall-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet. Peress li l-Kummissjoni għandha kompetenza esklużiva biex tevalwa l-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ għajnuna mill-Istat jew ta’ konċentrazzjoni li għandha dimensjoni Komunitarja, in-nuqqas ta’ ftuħ tat-tieni fażi tal-proċedura jista’ jċaħħad lill-partijiet interessati milli jressqu l-kummenti tagħhom quddiem l-unika awtorità kompetenti. F’dan il-każ, madankollu, Vodafone setgħet tagħmel il-kummenti tagħha lill-awtorità kompetenti li tadotta d-deċiżjoni finali, jiġifieri l-KST, u hija tista’ ssostni l-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha quddiem il-qrati jew it-tribunali nazzjonali. B’hekk, in-nuqqas ta’ ftuħ tat-tieni fażi tal-proċedura ma ċaħħadhiex mid-drittijiet proċedurali li hija għandha bis-saħħa tad-Direttiva 2002/21.

167    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi deċiż li l-att ikkontestat ma jirrigwardax lil Vodafone direttament fis-sens tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE.

168    Minn dan jirriżulta li, anki li kieku l-att ikkontestat jikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens ta’ l-Artikolu 230 KE, Vodafone m’għandhiex il-locus standi meħtieġ mir-raba’ paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni.

169    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, hemm lok li dan ir-rikors jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

170    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li Vodafone tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

171    Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għaldaqstant, ir-Renju ta' Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

tordna:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)      Vodafone España SA u Vodafone Group plc għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom u dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

3)      Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Mogħti fil-Lussemburgu, fit-12 ta' Diċembru 2007.

Reġistratur

 

      President

E. Coulon                                                        M. Vilaras

Werrej

Il-kuntest ġuridiku

1. Id-Direttiva 2002/21/KE

2. Ir-Rakkomandazzjoni 2003/561/KE

Fatti li taw lok għall-kawża

Proċedura u talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1. Fuq in-natura ta’ l-att ikkontestat

Argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

Dwar il-kuntest li fih ġie adottat l-att ikkontestat

– Dwar il-kompiti mogħtija rispettivament lill-ANR u lill-Kummissjoni mid-Direttiva 2002/21

– Fuq l-iżvolġiment tal-proċedura skond l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/21

– Fuq in-natura ġuridika ta’ ittra taħt l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21

Fuq il-kontenut ta’ l-att ikkontestat.

2. Fuq il-locus standi ta’ Vodafone

Argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’ Istanza

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.