Language of document : ECLI:EU:T:2009:506

Kawża T-107/06

Inet Hellas Ilektroniki Ipiresia Pliroforion EPE (Inet Hellas)

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Rikors għal annullament — Implementazzjoni tad-dominju tal-ogħla livell ‘.eu’ — Reġistrazzjoni tad-dominju ‘.co’ bħala dominju tat-tieni livell — Att li ma jistax jiġi kkontestat — Inammissibbiltà”

Sommarju tad-digriet

Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Kunċett — Att li jipproduċi effetti legali vinkolanti

(Artikolu 230 KE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 733/2002)

Rikors għal annullament kontra deċiżjoni li allegatament tinsab f’ittra tal‑Kummissjoni dwar iċ-ċaħda mill-entità responsabbli għall-organizzazzjoni, għall‑amministrazzjoni u għall‑ġestjoni tad-dominju tal-ogħla livell “.eu” tat-talba tar-rikorrenti intiża għar-reġistrazzjoni tad-dominju “.co” bħala dominju tat-tieni livell, huwa inammissibbli. Fil-fatt, il-pożizzjoni espressa mill-Kummissjoni fl-att ikkontestat ma tistax titqies li għandha natura deċiżjonali, li tista’ tipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jbiddlu kunsiderevolment il-pożizzjoni legali ta’ individwu. Ma huwiex biżżejjed li ittra tintbagħat minn istituzzjoni tal-Unjoni lid‑destinatarju tagħha, bi tweġiba għal talba magħmula minn dan tal‑aħħar, sabiex tali ittra tkun tista’ tiġi kkwalifikata bħala deċiżjoni u b’hekk tiftaħ it-triq għar-rikors għal annullament.

F’dan ir-rigward, ir-Regolament Nru 733/2002, dwar l‑implementazzjoni tal‑Qasam tal-Ogħla Livell EU, jikkonferixxi lir-reġistru s-setgħa li jirrifjuta r‑reġistrazzjoni ta’ dominju tat-tieni livell u din ma hijiex setgħa ddelegata mill‑Kummissjoni lir-reġistru.

Barra minn hekk, il-kompetenza tal-Kummissjoni li tindirizza lir-reġistru direttivi vinkolanti dwar ir-reġistrazzjoni ta’ dominju tat-tieni livell ma tistax tiġi preżunta, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni speċifika li tidher fit-Trattat jew fl-atti ta’ natura vinkolanti meħuda mill-istituzzjonijiet. Issa, la l-imsemmi Regolament Nru 733/2002 u lanqas ir-Regolament Nru 874/2004, li jippreskrivi r‑regoli tal‑politika pubblika ta’ interess ġenerali li jikkonċernaw l-implementazzjoni u l‑funzjonijiet tad-Dominju tal-Ogħla Livell [“.eu”] u l-prinċipji li jirregolaw ir‑reġistrazzjoni, ma fihom dispożizzjonijiet li jikkonferixxu tali kompetenza lill‑Kummissjoni.

(ara l-punti 55, 63, 65, 66, 75)