Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Diċembru 2023 – Illumina vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-1190/23)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Illumina, Inc. (Wilmington, Delaware, l-Istati Uniti) (rappreżentanti: F. González Díaz, M. Siragusa, T. Spolidoro, F. Dewald, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla kompletament jew parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2023) 6737 final tat-12 ta’ Ottubru 2023 li tordna miżuri sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti għall-konċentrazzjoni skont l-Artikolu 8(4)(a) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004 (Każ M.10939 ILLUMINA / GRAIL (Miżuri ta’ stabbiliment mill-ġdid taħt l-Artikolu 8(4)(a));

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha u dawk tar-rikorrenti kif ukoll l-ispejjeż relatati ma’ din il-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni hija illegali peress li l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ ordni ta’ stabbiliment mill-ġdid skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 1 ma humiex issodisfatti.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni fiha żbalji ta’ liġi, ta’ fatt u ta’ evalwazzjoni, tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament, tonqos milli tagħti motivazzjoni, u tinjora d-dritt għal smigħ ta’ Illumina meta din tiċħad b’mod illegali miżuri ta’ stabbiliment mill-ġdid mhux ta’ trasferiment jew trasferiment nieqes minn disponiment sħiħ.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni tikser id-dritt fundamentali għall-proprjetà ta’ Illumina, twettaq żbalji ta’ liġi, ta’ fatt u ta’ evalwazzjoni, u tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-obbligi finanzjarji ta’ Illumina ta’ wara d-disponiment.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-obbligi tad-deċiżjoni relatati mad-drittijiet ta’ valur kontinġenti jwettqu żball ta’ liġi, ta’ fatt u ta’ evalwazzjoni, jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità, u jonqsu milli jagħtu motivazzjoni.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità u tikser id-dritt fundamentali għall-proprjetà ta’ Illumina fir-rigward tal-ħatra u tal-mandat tal-fiduċjarju tat-trasferiment.

Is-sitt motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni twettaq żbalji ta’ liġi, ta’ fatt u ta’ evalwazzjoni, u tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-perijodu ta’ trasferiment.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni twettaq żbalji ta’ liġi, ta’ fatt u ta’ evalwazzjoni, tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità, tonqos milli tagħti motivazzjoni, u tikser id-drittijiet tad-difiża ta’ Illumina fir-rigward tal-miżuri tranżitorji imposti.

____________

1 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40).