Language of document : ECLI:EU:T:2012:578

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

26 ta’ Ottubru 2012 (*)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Iran bil-għan li tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari – Iffriżar ta’ fondi – Rikors għal annullament – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑53/12,

CF Sharp Shipping Agencies Pte Ltd, stabbilita fis-Singapor (Singapor), irrappreżentata minn S. Drury, solicitor, K. Adamantopoulos u J. Cornelis, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn B. Driessen u V. Piessevaux, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU L 281, p. 1), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 319, p. 11), u tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, p. 1), sa fejn jirrigwardaw lir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President, K. Jürimäe u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Lulju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, CF Sharp Shipping Agencies Pte Ltd, hija kumpannija mis-Singapor, attiva b’mod partikolari bħala aġent marittimu.

2        Din il-kawża ġiet ippreżentata fil-kuntest tas-sistema ta’ miżuri restrittivi adottata sabiex issir pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex din tal-aħħar ittemm l-attivitajiet nukleari li għandhom riskju ta’ proliferazzjoni u l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ kunsinna ta’ armi nukleari.

3        Isem ir-rikorrenti kien ġie inkluż fil-lista tal-Anness VIII tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU L 281, p. 1), permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 319, p. 11).

4        Din l-inklużjoni kellha bħala konsegwenza l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tar-rikorrenti, f’konformità mal-Artikolu 16(2) tar-Regolament 961/2010.

5        Sa fejn jirrigwarda lir-rikorrenti, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011 kien ġie motivat kif ġej :

“Kumpannija li sservi ta’ paraventu tar-IRISL [Islamic Republic of Iran Shipping Lines], miżmuma jew ikkontrollata mill-IRISL”.

6        Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea informa lir-rikorrenti dwar l-inklużjoni ta’ isimha fil-lista tal-Anness VIII tar-Regolament 961/2010 permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Diċembru 2011, li r-rikorrenti qed tiddikjara li rċeviet fit-13 ta’ Diċembru 2011.

7        Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Diċembru 2011, ir-rikorrenti talbet lill-Kunsill sabiex jittrażmettilha d-dokumenti kollha rilevanti li jirrigwardaw l-allegazzjonijiet magħmula fil-konfront tagħha fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011. Il-Kunsill ikkonferma li kien irċieva din l-ittra fid-19 ta’ Diċembru 2011.

8        Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Diċembru 2011, ir-rikorrenti talbet lill-Kunsill sabiex jipproċedi għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni li tiġi inkluża fil-lista tal-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010.

9        Fid-19 ta’ Jannar 2012, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kunsill faks fejn talbitu preċiżazzjonijiet rigward it-termini li fihom kellhom jiġu ttrattati t-talbiet magħmula fl-ittri tagħha tal-15 u tad-19  ta’ Diċembru 2011. Permezz ta’ ittra elettronika tal-istess jum, il-Kunsill ikkonferma li rċieva din il-faks.

10      Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Marzu 2012, il-Kunsill irrisponda għall-ittri tar-rikorrenti tal-15 u tad-19 ta’ Diċembru 2011 billi indika li, wara eżami mill-ġdid, huwa kien qiegħed jiċħad it-talba tar-rikorrenti għat-tneħħija ta’ isimha mil-lista tal-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010. Huwa ppreċiża, f’dan ir-rigward, li, għalkemm ir-rikorrenti ma kinitx effettivament miżmuma minn Islamic Republic of Iran Shipping Lines (IRISL), hija kienet intużat minn din tal-aħħar bħala kumpannija li sservi ta’ paraventu sabiex tagħmel pagamenti favur kumpannija oħra suġġetta għal miżuri restrittivi, P., li kienet qed taġixxi, min-naħa tagħha, f’isem IRISL fil-Lvant Nofsani. Il-Kunsill, barra minn hekk, ippreċiża li kien beħsiebu jbiddel f’dan is-sens il-motivazzjoni tal-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010 fir-rigward tar-rikorrenti.

11      Peress li r-Regolament Nru 961/2010 kien tħassar bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 88, p. 1), isem ir-rikorrenti ġie inkluż mill-Kunsill fl-Anness IX ta’ dan l-aħħar regolament. Konsegwentement, il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tar-rikorrenti jinsabu attwalment iffriżati bis-saħħa tal-Artikolu 23(2) tal-imsemmi regolament. Il-motivazzjoni mogħtija fil-konfront tar-rikorrenti hija identika għal dik esposta fil-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

12      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Frar 2012, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

13      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġenerali fl-istess ġurnata, ir-rikorrenti ressqet talba għal proċedura mħaffa, skont l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2012, il-Qorti Ġenerali (ir-Raba’ Awla) laqgħet din it-talba.

14      Ir-risposta tal-Kunsill ġiet ippreżentata fis-26 ta’ Marzu 2012.

15      Fis-26 ta’ April 2012, il-Qorti Ġenerali talbet lill-partijiet sabiex jipprovduha bi preċiżazzjonijiet rigward ir-rabtiet bejn ir-rikorrenti, IRISL u P. Il-partijiet issodisfaw din it-talba fit-terminu mogħti mill-Qorti Ġenerali.

16      Fis-16 ta’ Mejju 2012, il-Kunsill ippreżenta lill-Qorti Ġenerali osservazzjonijiet supplimentari fejn allega li r-rikorrenti kienet irċeviet jew għamlet pagamenti li kienu jinvolvu kumpanniji marbuta ma’ IRISL, jiġifieri I., K., O. u C., intiżi sabiex jipprovaw jevitaw l-effetti tal-miżuri restrittivi li għalihom hija suġġetta IRISL.

17      Ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet dwar dawn l-allegazzjonijiet permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Ġunju 2012.

18      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-11 ta’ Lulju 2012.

19      Fir-rikors, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1245/2011 u r-Regolament Nru 961/2010 b’effett immedjat sa fejn jikkonċernaw l-inklużjoni tar-rikorrenti fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010, u

–        tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

20      Matul is-seduta, ir-rikorrenti aġġustat it-talbiet tagħha billi talbet ukoll l-annullament tar-Regolament Nru 267/2012 sa fejn jikkonċerna l-inklużjoni tagħha fil-lista tal-Anness IX ta’ dan ir-regolament.

21      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

22      Ir-rikorrenti tqajjem tliet motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni rigward l-allegati rabtiet tagħha ma’ IRISL, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u, it-tielet wieħed, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha u tad-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Hija titlob, barra minn hekk, li l-annullament eventwali tal-atti kkontestati jingħata effett immedjat.

23      Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li tiġi eżaminata, preliminarjament, l-ammissibiltà tal-aġġustament tat-talbiet magħmula mir-rikorrenti.

 Fuq l-ammissibbiltà tal-aġġustament tat-talbiet tar-rikorrenti

24      Kif jirriżulta mill-punt 11 iktar ’il fuq, wara l-preżentata tar-rikors, ir-Regolament Nru 961/2010, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011, tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament Nru 267/2012. Matul is-seduta, ir-rikorrenti aġġustat it-talbiet inizjali tagħha b’tali mod li r-rikors jitlob l‑annullament ta’ dawn l-atti kollha (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati kollha f’daqqa, l-“atti kkontestati”). Il-Kunsill wera li ma kienx qiegħed jopponi għal tali aġġustament.

25      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta regolament li jikkonċerna direttament u individwalment individwu jiġi ssostitwit, fil-mori tal-proċedura, b’att li jkollu l-istess suġġett, dan għandu jiġi kkunsidrat bħala element ġdid li jippermetti lir-rikorrent jaġġusta t-talbiet u l-motivi tiegħu. Fil-fatt, ikun kuntrarju għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u għal rekwiżit tal-ekonomija tal-ġudizzju jekk ir-rikorrent jiġi obbligat jippreżenta rikors ġdid. Barra minn hekk, ikun inġust li l-istituzzjoni inkwistjoni tkun tista’, sabiex tikkonfronta l-kritika magħmula f’rikors ippreżentat kontra att quddiem qorti tal-Unjoni Ewropea, temenda l-att ikkontestat jew tissostitwih b’att ieħor u tinqeda, fil-mori tal-proċedura, minn din l-emenda jew minn dan is-sostituzzjoni sabiex iċċaħħad lill-parti l-oħra mill-possibbiltà li testendi t-talbiet u l-motivi inizjali tagħha għall-att li jsir wara jew mill-possibbiltà li tippreżenta talbiet u motivi supplimentari kontra dan (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill, T-256/07, Ġabra, p.II-3019, punt 46, u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Għal dak li jirrigwarda t-terminu li fih jista’ jsir tali aġġustament tat-talbiet, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li t-terminu ta’ xahrejn previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE huwa, bħala prinċipju, applikabbli kemm meta r-rikors għall-annullament ta’ att jitressaq permezz ta’ rikors kif ukoll meta jitressaq, fil-kuntest ta’ kawża pendenti, permezz ta’ talba għall-aġġustament tat-talbiet għall-annullament ta’ att preċedenti li jkun tħassar u ġie ssostitwit bl-att inkwistjoni.

27      Fil-fatt, din is-soluzzjoni hija ġġustifikata mill-fatt li r-regoli dwar it-termini għall-preżentata ta’ rikors huma termini ta’ ordni pubbliku u għandhom jiġu applikati mill-qorti b’mod li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali kif ukoll l-ugwaljanza tal-partijiet quddiem il-liġi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill, C-229/05 P, Ġabra p. I-439, punt 101), filwaqt li jiġu evitati kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Jannar 1987, Misset vs Il-Kunsill, 152/85, Ġabra p. 223, punt 11).

28      Madankollu, b’eċċezzjoni għal dan il-prinċipju, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li dan it-terminu ma japplikax, fil-kuntest ta’ kawża pendenti, meta, minn naħa, l-att inkwistjoni u l-att imħassar u ssostitwit minnu jkollhom, fir-rigward tal-parti kkonċernata, l-istess suġġett, ikunu essenzjalment fondati fuq l-istess motivi u jkollhom kontenut essenzjalment identiku, b’tali mod li jkunu differenti biss fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis rispettiv tagħhom, u, min-naħa l-oħra, l-aġġustament tat-talbiet ma jkun ibbażat fuq ebda motiv, fatt jew prova ġdida għajr l-adozzjoni stess tal-att inkwistjoni li jħassar u jissostitwixxi dan l-att preċedenti.

29      F’każ bħal dan, peress li s-suġġett u l-kuntest tal-kawża kif stabbiliti fir-rikors promotur ma jkunux qegħdin jinbidlu b’mod ieħor għajr fir-rigward tad-dimensjoni temporali tal-kawża, iċ-ċertezza legali b’ebda mod ma tkun affettwata mill-fatt li l-aġġustament tat-talbiet isir wara l-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn inkwistjoni.

30      Għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi deskritti fil-punt 28 iktar ’il fuq, huma ammissibbli li rikorrent jaġġusta t-talbiet u l-motivi tiegħu, anki fl-ipoteżi fejn l-aġġustament jitressaq wara l-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

31      Fil-każ inkwistjoni, peress li l-kundizzjonijiet kollha msemmija fil-punt 28 iktar ’il fuq huma ssodisfatti, għandu jiġi kkunsidrat li huwa ammissibbli li r-rikorrenti titlob l-annullament tar-Regolament Nru 267/2012, sa fejn jirrigwarda l-inklużjoni tagħha fil-lista tal-Anness IX ta’ dan ir-regolament.

 Fuq il-mertu

32      Il-Qorti Ġenerali tqis li għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

33      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fil-konfront tagħha ma kinitx immotivata suffiċjentement għall-finijiet tal-liġi mill-Kunsill. Fil-fatt, l-allegazzjonijiet li jiddikjaraw li hija miżmuma jew ikkontrollata minn IRISL jikkostitwixxu biss sempliċi tfakkira tar-regola ġuridika applikabbli u ma jikkostitwixxux, konsegwentement, motivi speċifiċi u konkreti li minħabba fihom il-Kunsill ikkunsidra li hija kellha tiġi ssuġġettata għal miżuri restrittivi. B’mod partikolari, il-Kunsill ma ppreċiżax in-natura taż-żamma jew tal-kontroll allegatament eżerċitati minn IRISL fuqha u lanqas ma pprovda informazzjoni supplimentari dwar ir-raġunijiet li għalihom hija kellha tiġi kkunsidrata bħala “kumpannija li sservi ta’ paraventu” għal IRISL.

34      Il-Kunsill jirribatti li l-motivazzjoni pprovduta hija suffiċjenti, peress li b’mod partikolari huwa ppreċiża n-natura tar-rabta bejn ir-rikorrenti u IRISL, jiġifieri l-fatt li hija kienet intużat bħala kumpannija li sservi ta’ paraventu sabiex isiru pagamenti lil P.

35      Għandu jitfakkar li l-obbligu li tingħata motivazzjoni għal att li jikkawża preġudizzju, kif previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u, b’mod iktar partikolari f’dan il-każ, fl-Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 961/2010 u fl-Artikolu 46(3) tar-Regolament Nru 267/2012, għandu l-għan, minn naħa, li jagħti lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex din tkun taf jekk l-att huwiex fondat jew jekk jistax ikun ivvizzjat minn difett li abbażi tiegħu tkun tista’ tiġi kkontestata l-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità ta’ dan l-att. L-obbligu ta’ motivazzjoni, stabbilit b’dan il-mod, jikkostitwixxi prinċipju essenzjali tad-dritt tal-Unjoni li ma jistgħux isiru derogi minnu ħlief fil-każ ta’ kunsiderazzjonijiet imperattivi. Għaldaqstant, bħala regola ġenerali, il-motivazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess ħin bħall-att li jikkawżalha preġudizzju, u n-nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax jiġi rregolarizzat mill-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf il-motivi tal-att matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T-390/08, Ġabra p.II-3967, punt 80, u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Għaldaqstant, sakemm il-komunikazzjoni ta’ ċerti elementi ma tkunx prekluża minn kunsiderazzjonijiet imperattivi marbuta mas-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha jew mal-mod kif jitmexxew ir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom, il-Kunsill huwa obbligat li jagħti lil entità kkonċernata minn miżuri restrittivi r-raġunijiet speċifiċi u konkreti li minħabba fihom huwa jikkunsidra li dawn għandhom jiġu adottati. Għalhekk, huwa għandu jsemmi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom hija bbażata l-ġustifikazzjoni legali tal-miżuri kkonċernati u l-kunsiderazzjonijiet li wassluh sabiex jieħu dawn il-miżuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 35 iktar ’il fuq, punt 81, u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Barra minn hekk, il-motivazzjoni għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih ikun adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament jew individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tagħha iżda anki fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha (ara s-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 35 iktar ’il fuq, punt 82, u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Fil-każ inkwistjoni, fir-rigward tal-motivazzjoni tal-atti kkontestati, minn naħa, hemm lok li jiġi nnotat li, kif issostni r-rikorrenti, ir-referenza li tgħid li hija “miżmuma jew ikkontrollata” mill-IRISL hija biss repetizzjoni tal-formulazzjoni tal-Artikolu 16(2)(d) tar-Regolament Nru 961/2010 u tal-Artikolu 23(2)(e) tar-Regolament Nru 267/2012, mingħajr ebda preċiżazzjoni fir-rigward tal-każ konkret tar-rikorrenti, b’mod partikolari tan-natura tal-kontroll eżerċitat jew taż-żamma.

39      Min-naħa l-oħra, ir-referenza li tgħid li r-rikorrenti hija “kumpannija li sservi ta’ paraventu” ta’ IRISL ma għandhiex kontenut awtonomu fil-konfront tar-referenza li tgħid li hija miżmuma jew ikkontrollata minn din tal-aħħar. Fil-fatt, għalkemm il-kunċett ta’ “kumpannija li sservi ta’ paraventu” ma għandux tifsira ġuridika preċiża, dan il-kunċett jintuża sabiex jiddeskrivi, essenzjalment, entità intermedjarja, maħluqa sabiex taħbi l-identità tal-awtur ta’ ċertu aġir. Issa, sabiex tkun tista’ tagħmilha ta’ “kumpannija li sservi ta’ paraventu” f’dan is-sens, l-entità intermedjarja għandha neċessarjament tkun ikkontrollata jew miżmuma, direttament jew indirettament, mill-entità li l-aġir tagħha għandu jinħeba. Għaldaqstant, il-kwalifika bħala “kumpannija li sservi ta’ paraventu” ma tipprovdix preċiżazzjonijiet supplimentari fir-rigward tal-motivi konkreti li wasslu lill-Kunsill sabiex jadotta miżuri restrittivi fir-rigward tar-rikorrenti.

40      F’dan il-kuntest, il-Kunsill huwa żbaljat meta jsostni li l-motivazzjoni tal-atti kkontestati tippermetti lir-rikorrenti tifhem li hija kienet suġġettata għal miżuri restrittivi sew minħabba l-fatt li hija kienet intużat minn IRISL sabiex tagħmel pagamenti lil P., kif indika l-Kunsill fl-ittra tat-23 ta’ Marzu 2012, kif ukoll minħabba l-fatt li hija rċeviet jew għamlet pagamenti li jimplikaw lil I., K., O., u C., kif allega l-Kunsill fl-osservazzjonijiet tiegħu tas-16 ta’ Mejju 2012.

41      Fil-fatt, minbarra l-fatt li dawn iż-żewġ ġustifikazzjonijiet huma a priori kontradittorji peress li ma humiex ibbażati fuq l-istess ċirkustanzi fattwali, minn naħa, hemm lok li jiġi rrilevat li l-motivazzjoni tal-atti kkontestati ma ssemmix lil P., I., K., O. jew C u lanqas ma ssemmi l-fatt li r-rikorrenti kienet intużat minn IRISL sabiex tirċievi jew tagħmel pagamenti.

42      Min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanzi invokati mill-Kunsill fl-ittra tat-23 ta’ Marzu 2012 u fl-osservazzjonijiet tas-16 ta’ Mejju 2012, jekk jiġu kkunsidrati bħala stabbiliti, ma jagħtux prova li r-rikorrenti hija miżmuma jew ikkontrollata minn IRISL, bħala “kumpannija li sservi ta’ paraventu”, iżda pjuttost li kienet ta’ għajnuna għal IRISL jew għall entitajiet li huma viċin tagħha sabiex jiġu evitati l-effetti tal-miżuri restrittivi fil-konfront tagħhom.

43      Għalhekk, għal kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Kunsill, il-motivazzjoni tal-atti kkontestati ma tippermettix li jinftiehem li l-Kunsill kien straħ fuq iċ-ċirkustanzi esposti fl-ittra tiegħu tat-23 ta’ Marzu 2012 jew fl-osservazzjonijiet tiegħu tas-16 ta’ Mejju 2012.

44      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kunsill ma tax motivazzjoni suffiċjenti fid-dritt għall-atti kkontestati.

45      Għaldaqstant, huwa xieraq li jintlaqa’ t-tieni motiv u li jiġu annullati, minn naħa, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011 u r-Regolament Nru 961/2010 sa fejn jirrigwardaw l-inklużjoni tar-rikorrenti fil-lista tal-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010 u, min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 267/2012 sa fejn jirrigwarda l-inklużjoni tar-rikorrenti fil-lista tal-Anness IX  ta’ dan l-aħħar regolament, mingħajr ma jkun meħieġ li jiġu eżaminati l-ewwel u t-tielet motivi.

46      Ir-rikorrenti titlob ukoll li l-atti kkontestati jiġu annullati b’effett immedjat.

47      F’dan ir-rigward, minn naħa, hemm lok li jiġi nnotat li r-Regolament Nru 961/2010, hekk kif ġie emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011, tħassar bir-Regolament Nru 267/2012. Konsegwentement, dawn l-atti ma għadhomx jipproduċu effetti ġuridiċi, u għaldaqstant ir-rikorrenti ma għandhiex iktar l-interess li titlob l-annullament tagħhom b’effett immedjat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma għadx hemm lok li tittieħed deċiżjoni fuq it-talba tagħha sa fejn huwa kkonċernat ir-Regolament Nru 961/2010, hekk kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011.

48      Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda r-Regolament Nru 267/2012, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’deroga mill-Artikolu 280 TFUE, id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jannullaw regolament ikollhom effett biss mid-data tal-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ appell previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 ta’ dan l-Istatut jew, jekk jiġi ppreżentat appell f’dak it-terminu, mid-data taċ-ċaħda tal-appell (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Settembru 2011, Kadio Morokro vs Il-Kunsill, T-316/11, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 38).

49      Issa, ir-Regolament Nru 267/2012, inkluż l-Anness IX tiegħu, għandu n-natura ta’ regolament, peress li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 51 tiegħu jipprovdi li r-regolament imsemmi għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha, effett li jikkorrispondi għall-effetti ta’ regolament kif previsti fl-Artikolu 288 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16  ta’ Novembru 2011, Bank Melli Iran vs il-Kunsill, C-548/09 P, Ġabra p. I‑11433, punt 45).

50      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda għal dak li jirrigwarda l-effetti tal-annullament tar-Regolament Nru 267/2012.

 Fuq l-ispejjeż

51      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 87(6) tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar l-ispejjeż skont id-diskrezzjoni tagħha. F’dan il-każ, peress li l-Kunsill essenzjalment tilef, huwa għandu jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010, huma annullati sa fejn jirrigwardaw l-inklużjoni ta’ CF Sharp Shipping Agencies Pte Ltd fil-lista tal-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010.

2)      Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010, huwa annullat sa fejn jirrigwarda l-inklużjoni ta’ CF Sharp Shipping Agencies fil-lista tal-Anness IX.

3)      Ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba ta’ CF Sharp Shipping Agencies għall-annullament b’effett immedjat tar-Regolament Nru 961/2010 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011.

4)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

5)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Pelikánová

Jürimäe

Van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-26 ta’ Ottubru 2012.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.