Language of document : ECLI:EU:C:2015:779

Kawża C‑166/14

MedEval – Qualitäts-, Leistungs- und Struktur-Evaluierung im Gesundheitswesen GmbH

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 89/665/KEE – Prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza – Proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi – Terminu għall-preżentata ta’ rikors – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-azzjoni għad-danni għall-konstatazzjoni preliminari tal-illegalità tal-proċedura – Terminu ta’ dekadenza li jibda jiddekorri irrispettivament mill-għarfien tal-illegalità mir-rikorrent”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-26 ta’ Novembru 2015

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Proċeduri ta’ reviżjoni fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet – Direttiva 89/665 – Obbligu għall-Istati Membri li jipprevedu proċedura ta’ appell – Kawżi għad-danni – Setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri – Limiti – Osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività

(Direttiva tal-Kunsill 89/665, kif emendata bid-Direttiva 2007/66, Artikolu 1(1) u 3)

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Proċeduri ta’ reviżjoni fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet – Direttiva 89/665 – Termini għall-preżentata ta’ rikors – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-azzjoni għad-danni għall-konstatazzjoni preliminari tal-illegalità tal-proċedura – Terminu ta’ dekadenza li jibda jiddekorri irrispettivament mill-għarfien tal-illegalità mir-rikorrent – Inammissibbiltà – Ksur tal-prinċipju ta’ effettività

(Direttiva tal-Kunsill 89/665, kif emendata bid-Direttiva 2007/66, Artikolu 1(1) u 3)

1.        L-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 89/665, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet], kif emendata bid-Direttiva 2007/66, jeżiġi li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiggarantixxu l-possibbiltà ta’ rimedji effikaċji u kemm jista’ jkun rapidi kontra deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti li huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u għandhom jiżguraw aċċessibbiltà kbira għal dawn ir-rimedji lil kull persuna li għandha jew kellha interess li tikseb kuntratt partikolari u li hija jew kienet leża bl-allegat ksur.

F’dan il-kuntest, huma l-Istat Membri li għandhom jiddefinixxu r-regoli proċedurali ta’ azzjonijiet għad-danni li jikkonċernaw kuntratti pubbliċi. Madankollu, dawn ir-regoli proċedurali ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw azzjonijiet simili previsti għall-protezzjoni ta’ drittijiet tal-ordinament ġuridiku nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx irendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività).

(ara l-punti 28, 37)

2.        Id-dritt tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ effettività, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-preżentata ta’ rikors, għall-finijiet tal-kisba ta’ danni minħabba ksur ta’ regola tad-dritt tal-kuntratti pubbliċi, għall-konstatazzjoni preliminari ta’ illegalità tal-proċedura tal-għoti tal-kuntratt pubbliku kkonċernat minħabba n-nuqqas ta’ pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt, meta din l-azzjoni għal konstatazzjoni ta’ illegalità hija suġġetta għal terminu ta’ dekadenza ta’ sitt xhur li jibda jiddekorri mill-jum wara d-data tal-għoti tal-kuntratt pubbliku kkonċernat, irrispettivament mill-punt dwar jekk ir-rikorrent kienx f’pożizzjoni li jkollu għarfien dwar l-eżistenza tal-illegalità li taffettwa din id-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti.

Fil-fatt, meta l-ammissibbiltà ta’ azzjonijiet għal danni tiġi suġġetta għall-konstatazzjonijiet preliminari tal-illegalità tal-proċedura għall-għoti tal-kuntratt ikkonċernat minħabba n-nuqqas ta’ pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt, meta din l-azzjoni għal konstatazzjoni hija suġġetta għal terminu ta’ dekadenza ta’ sitt xhur, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-għarfien jew le tal-persuna leża tal-eżistenza ta’ ksur ta’ regola tad-dritt, dan jista’ jrendi prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt għal azzjoni għad-danni. Madankollu, fin-nuqqas ta’ pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt, tali terminu ta’ sitt xhur għandu r-riskju li ma jippermettix lil persuna leża tiġbor l-informazzjoni neċessarja għall-finijiet tal-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors, u għaldaqstant jostakola l-preżentata ta’ rikors.

(ara l-punti 41, 42, 46 u d-dispożittiv)