Language of document : ECLI:EU:C:2017:896

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

ØE

ippreżentati fit-23 ta’ Novembru 2017 (1)

Kawża C-572/16

INEOS Köln GmbH

vs

Bundesrepublik Deutschland

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (qorti amministrattiva ta’ Berlin, il-Ġermanja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/87/KE – Ambjent – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra fl-Unjoni Ewropea – Artikolu 10a – Deċiżjoni 2011/278/UE – Regoli tranżitorji li jikkonċernaw l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta lit-talba għal allokazzjoni għal terminu ta’ dekadenza – Impossibbiltà li tiġi kkompletata jew ikkoreġuta t-talba wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu – Nuqqas ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti – Awtonomija proċedurali – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività”






I.      Introduzzjoni

1.        B’deċiżjoni tat-3 ta’ Novembru 2016, li waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Novembru 2016, il-Verwaltungsgericht Berlin (qorti amministrattiva ta’ Berlin, il-Ġermanja) indirizzat lill-Qorti tal-Ġustizzja talba intiża sabiex tikseb deċiżjoni preliminari fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE (2) u tad-Deċiżjoni 2011/278/UE (3).

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn INEOS Köln GmbH (iktar ’il quddiem “INEOS”) u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), irrappreżentata mill-Umweltbundesamt (uffiċċju federali tal-ambjent, il-Ġermanja), dwar ir-rifjut tat-talba ta’ din il-kumpannija sabiex tikkoreġi t-talba tagħha għall-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra għat-tielet perijodu ta’ skambju (2013-2020), deċiżjoni meħuda minħabba l-iskadenza tat-terminu ta’ dekadenza stabbilit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għat-tressiq ta’ tali talbiet.

3.        Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà ta’ tali terminu ta’ dekadenza mal-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 u tad-Deċiżjoni 2011/278.

4.        Ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għal din id-domanda fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet, moqrija flimkien mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tipprevedi tali terminu ta’ dekadenza u teskludi b’hekk li operatur ikun jista’ jikkoreġi jew jikkompleta t-talba tiegħu għall-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu, taħt il-kundizzjoni li din il-modalità proċedurali ma tkunx inqas favorevoli min dik li tirrigwarda azzjonijiet simili ta’ natura interna.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 2003/87

5.        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/87, intitolat “Il-materja tas-suġġett”, jistabbilixxi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti għall-emissjoni tal-gassijiet serra ġewwa l-[Unjoni] […] sabiex tippromwovi t-tnaqqis ta’ l-emissjoni tal-gassijiet serra b’manjiera effettiva rigward spejjez u effiċjenza ekonomika.

[…]”

6.        L-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87, intitolat “Regoli tranżitorji madwar il-Komunità kollha għal allokazzjoni gratis armonizzata”, jipprovdi:

“1.      Sal-31 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni għandha tadotta, miżuri ta’ implimentazzjoni sabiex ikunu applikabbli mal-Komunità kollha li jkunu kompletament armonizzati għall-allokazzjoni tal-kwoti […]

[…]

5.      L-ammont massimu ta’ kwoti li huwa l-bażi għall-kalkolu ta’ allokazzjonijiet għal istallazzjonijiet li ma jkunux koperti mill-paragrafu 3 u li ma jkunux istallazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq ma għandux jaqbeż is-somma ta’:

a)      il-kwantità totali annwali [fl-Unjoni] kollha kif iddeterminata taħt l-Artikolu 9 mmultiplikata bis-sehem ta’ emissjonijiet minn istallazzjonijiet mhux koperti mill-paragrafu 3 fil-medja totali ta’ emissjonijiet verifikati, fil-perjodu mill-2005 sal-2007, minn istallazzjonijiet koperti bl-iskema Komunitarja fil-perjodu mill-2008 sal-2012; u

b)      il-medja totali annwali ta’ emissjonijiet verifikati minn istallazzjonijiet fil-perjodu mill-2005 sal-2007 li huma inklużi fl-iskema Komunitarja mill-2013 ’il quddiem u li mhumiex koperti mill-paragrafu 3 aġġustati bil-fattur lineari kif imsemmi fl-Artikolu 9.

Għandu japplika fattur ta’ korrezzjoni uniformi u bejn is-setturi jekk meħtieġ.

[…]”

7.        L-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, intitolat “Miżuri nazzjonali għall-implimentazzjoni”, jipprovdi:

“1.      Sat-30 ta’ Settembru 2011, kull Stat Membru għandu jippubblika u jippreżenta lill-Kummissjoni lista ta’ istallazzjonijiet koperti b’din id-Direttiva fit-territorju tagħha u kull allokazzjoni gratis għal kull istallazzjoni fit-territorju tagħha kkalkolata konformement mar-regoli kif stipulat fl-Artikolu 10a(1) u fl-Artikolu 10c.

[…]”

2.      Id-Deċiżjoni 2011/278

8.        Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Deċiżjoni 2011/278 tiddefinixxi regoli tranżitorji għat-totalità tal-Unjoni fir-rigward tal-allokazzjoni armonizzata ta’ kwoti ta’ emmissjoni mingħajr ħlas konformement mad-Direttiva 2003/87 mis-sena 2013.

9.        L-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni, intitolat “Il-ġbir tad-dejta bażi ta’ referenza”, jipprovdi:

“1.      Għal kull installazzjoni eżistenti eliġibbli għal allokazzjoni mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emisjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva [2003/87] […], l-Istati Membri għandhom, għas-snin kollha tal-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2005 u l-31 ta’ Diċembru 2008, jew l‑1 ta’ Jannar 2009 u l-31 ta’ Diċembru 2010 fejn ikun meħtieġ, li matulhom l-installazzjoni kienet qiegħda titħaddem, jiġbru mingħand l-operatur l-informazzjoni u d-dejta kollha rilevanti rigward kull parametru elenkat fl-Anness IV.

[…]

7.      L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-operaturi jissottomettu dejta kompleta u konsistenti u li jiżguraw li ma jkunx hemm sovrappożizzjonijiet bejn is-subinstallazzjonijiet u ma jkun hemm ebda għadd doppju. L-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, jiżguraw li l-operaturi jeżerċitaw diliġenza xierqa u jissottomettu dejta li tippreżenta l-ogħla preċiżjoni li tista’ tinkiseb sabiex jippermettu assigurazzjoni raġonevoli dwar l-integrità tad-dejta.

Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull operatur jissottometti wkoll rapport tal-metodoloġija li jkun fih, b’mod partikolari, deskrizzjoni tal-installazzjoni, il-metodoloġija tal-kompilazzjoni applikata, is-sorsi differenti tad-dejta, l-istadji tal-kalkulazzjoni u, fejn ikun applikabbli, il-premessi magħmula u l-metodoloġija applikata biex ikunu attribwiti l-emissjonijiet lis-subinstallazzjonijiet rilevanti skont il-paragrafu 6. Huma jistgħu jordnaw lill-operatur li juri l-preċiżjoni u l-kompletezza tad-dejta pprovduta.

8.      Meta d-dejta tkun nieqsa, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-operatur jiġġustifika kif jixraq kwalunkwe nuqqas ta’ dejta.

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-operatur jissostitwixxi d-dejta nieqsa kollha bi stimi konservattivi, b’mod partikolari, ibbażati fuq l-aħjar prattika tal-industrija, tagħrif xjentifiku u tekniku riċenti qabel jew, mhux aktar tard minn, waqt il-verifika mill-verifikatur.

[…]”

10.      L-Artikolu 8 tal-imsemmija deċiżjoni, intitolat “Verifika”, jipprovdi:

“1.      Fil-proċess tal-ġbir tad-dejta skont l-Artikolu 7, l-Istati Membri għandhom jaċċettaw biss id-dejta li tkun ġiet ivverifikata bħala sodisfaċenti minn verifikatur. Il-proċess tal-verifika għandu jirrelata mar-rapport tal-metodoloġija u l-parametri rrapportati msemmija fl-Artikolu 7 u l-Anness IV. Il-verifika għandha tindirizza l-affidabbiltà, il-kredibbiltà u l-preċiżjoni tad-dejta pprovduta mill-operatur u għandha tasal għal opinjoni ta’ verifika li tiddikjara b’assigurazzjoni raġonevoli jekk id-dejta sottomessa hijiex ħielsa minn dikjarazzjonijiet żbaljati materjali jew le.

[…]

4.      L-Istati Membri ma għandhomx jallokaw kwoti tal-emissjonijiet mingħajr ħlas lil installazzjoni meta d-dejta relatata ma’ din l-installazzjoni ma tkunx ġiet ivverifikata bħala sodisfaċenti.

[…]”

11.      L-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni 2011/278, intitolat “L-allokazzjoni fil-livell ta’ installazzjoni”, jiddisponi:

“1.      Fuq il-bażi tad-dejta miġbura skont l-Artikolu 7, l-Istati Membri għandhom, għal kull sena, jikkalkolaw in-numru ta’ kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas mill-2013 ’il quddiem lil kull installazzjoni eżistenti fit-territorju tagħhom skont il-paragrafi 2 sa 8.

2.      Għall-fini ta’ din il-kalkolazzjoni, l-Istati Membri għandhom l-ewwel jiddeterminaw in-numru annwali preliminari tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas […]

[…]

4.      Għall-fini tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 10a(11) tad-Direttiva [2003/87], il-fatturi msemmija fl-Anness VI għandhom ikunu applikati għan-numru annwali preliminari tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas stabbiliti għal kull subinstallazzjoni skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għas-sena kkonċernata meta l-proċessi f’dawk is-subinstallazzjonijiet iservu setturi jew subsetturi meqjusa bħala mhux esposti għal riskju sinifikanti ta’ tnixxija tal-karbonju kif stabbilit mid-Deċiżjoni 2010/2/UE.

[…]

9.      L-ammont annwali totali finali ta’ kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lil kull installazzjoni eżistenti, għajr l-installazzjonijiet koperti mill-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva [2003/87], għandu jkun l-ammont annwali totali preliminari ta’ kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lil kull installazzjoni eżistenti skont il-paragrafu 7 immultiplikat bil-fattur ta’ korrezzjoni transettorjali kif stabbilit skont l-Artikolu 15(3).

[…]”

12.      Skont l-Artikolu 15 ta’ din id-deċiżjoni, intitolat “Miżuri nazzjonali ta’ Implimentazzjoni”:

“1.      Skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87/KE, sat-30 ta’ Settembru 2011, l-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni lista ta’ installazzjonijiet koperti mid-Direttiva [2003/87] fit-territorju tagħhom, inklużi installazzjonijiet identifikati skont l-Artikolu 5, permezz ta’ mudell elettroniku pprovdut mill-Kummissjoni.

[…]

3.      Mal-wasla tal-lista msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-inklużjoni ta’ kull installazzjoni fil-lista u l-ammonti annwali totali preliminari tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas relatati.

Man-notifika minn kull Stat Membru tal-ammonti annwali totali preliminari ta’ kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas matul il-perjodu 2013 sa 2020, il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-fattur ta’ korrezzjoni transettorjali uniformi kif imsemmi fl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva [2003/87]. […]

4.      Jekk il-Kummissjoni ma twarrabx l-iskrizzjoni ta’ installazzjoni f’din il-lista, inklużi l-ammonti annwali totali preliminari korrispondenti ta’ kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lil din l-installazzjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipproċedi għad-determinazzjoni tal-ammont annwali finali ta’ kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas għal kull sena matul il-perjodu mill-2013 sal-2020 skont l-Artikolu 10(9) ta’ din id-Deċiżjoni.

[…]”

B.      Id-dritt Ġermaniż

13.      L-Artikolu 9(1) sa (4) tal-Gesetz über den Handel mit Berechtigungen zur Emission von Treibhausgasen (Treibhausgas‑Emissionshandelsgesetz – TEHG) (liġi dwar l-iskambju ta’ drittijiet ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra), tal‑21 ta’ Lulju 2011 (BGBl. I S. 1475, iktar ’il quddiem it-“TEHG”), huwa fformulat kif ġej:

“(1)      L-operaturi tal-installazzjonijiet għandhom jirċievu allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ drittijiet ta’ emissjoni skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 10a […] tad-Direttiva 2003/87 […] fil-verżjoni tagħha fis-seħħ u skont dawk stabbiliti fid-Deċiżjoni 2011/278 […]

(2)      L-allokazzjoni hija suġġetta għat-tressiq ta’ talba lill-awtorità kompetenti. It-talba għall-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ drittijiet ta’ emissjoni għandha titressaq f’terminu li l-awtorità kompetenti tippubblika fil-Bundesanzeiger mill-inqas tliet xhur qabel l-iskadenza tiegħu. Il-pubblikazzjoni tat-terminu sseħħ l-iktar kmieni possibbli wara d-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni dwar ir-regoli ta’ allokazzjoni previsti fl-Artikolu 10. Fil-każ ta’ talba tardiva, ma jibqax jeżisti dritt għall-allokazzjoni mingħajr ħlas. Id-dokumenti neċessarji għall-eżami tad-dritt għandhom jiġu annessi mat-talba. Ħlief jekk il-leġiżlazzjoni prevista fl-Artikolu 10 tipprovdi mod ieħor, l-informazzjoni effettivament mogħtija fit-talba għall-allokazzjoni għandha tiġi vverifikata mill-organu ta’ kontroll previst fl-Artikolu 21.

(3)      L-awtorità kompetenti għandha tikkalkola l-kwantitajiet provviżorji li għandhom jiġu allokati, tippubblika fil-Bundesanzeiger lista tal-installazzjonijiet kollha li jaqaw taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi preżenti u tal-kwantitajiet provviżorji li għandhom jiġu allokati u tikkomunika l-lista lill-Kummissjoni Ewropea. Waqt il-kalkolu tal-kwantitajiet provviżorji li għandhom jiġu allokati, hija biss l-informazzjoni mogħtija mill-operatur li l-affidabbiltà tagħha hija suffiċjentement żgurata li tittieħed inkunsiderazzjoni. […]

(4)      L-awtorità kompetenti għandha, qabel il-bidu tal-perijodu ta’ skambju, tiddeċiedi dwar l-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ drittijiet ta’ emissjoni għal installazzjoni lill-operatur ta’ installazzjoni li jkun ressaq talba fit-terminu ppubblikat konformement mat-tieni sentenza tal-paragrafu 2. Għall-bqija, id-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-proċeduri amministrattivi għandhom japplikaw għall-proċedura ta’ allokazzjoni.”

14.      Permezz ta’ pubblikazzjoni fil-bulettin elettroniku Ġermaniż tal-avviżi legali obbligatorji (elektronischer Bundesanzeiger, eBAnz AT118 2011 B1, 20 ta’ Ottubru 2011), id-Deutsche Emissionshandelsstelle (servizz Ġermaniż tal-bejgħ ta’ drittijiet ta’ emissjoni, iktar ’il quddiem id-“DEHSt”) stabbilixxa l-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 9(2) tat-TEHG fit-23 ta’ Jannar 2012.

15.      L-Artikolu 5 tal-Verordnung über die Zuteilung von Treibhausgas-Emissionsberechtigungen in der Handelsperiode 2013 bis 2020 (Zuteilungsverordnung 2020 – ZuV 2020) (regolament Ġermaniż dwar l-allokazzjoni tal-kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra għall-perijodu ta’ skambju mis-sena 2013 sas-sena 2020), tas-26 ta’ Settembru 2011 (BGBl. I 2011, p. 1921), intitolat “Ġabra ta’ data ta’ referenza”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-operatur ta’ installazzjoni huwa marbut li jipprovdi mat-talba għall-allokazzjoni mingħajr ħlas għall-installazzjonijiet eżistenti, b’mod partikolari, l-informazzjoni supplimentari dwar l-installazzjoni, l-informazzjoni ġenerali li tirrigwarda kull element ta’ allokazzjoni u l-informazzjoni supplimentari dwar l-elementi ta’ allokazzjoni f’xi każijiet speċjali.

III. Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16.      INEOS topera installazzjoni ta’ riformazzjoni għall-finijiet tal-produzzjoni ta’ prodotti kimiċi permezz ta’ krekkjar bil-fwar tan-nafta taħt temperatura għolja. Din l-installazzjoni ilha suġġetta mill-1 ta’ Jannar 2008 għall-obbligu ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjoni.

17.      Fit-23 ta’ Jannar 2012, INEOS talbet, għal din l-installazzjoni, quddiem id-DEHSt, l-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjoni abbażi tal-Artikolu 9(1) tat-TEHG, għall-perijodu ta’ skambju 2013-2020 fuq il-bażi tal-perijodu ta’ referenza 2005-2008. It-terminu għat-tressiq ta’ din it-talba kien ġie ffissat fl-istess data, konformement mal-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu. L-imsemmija talba ġiet ivverifikata minn organu ta’ kontroll. Hija indikat b’mod partikolari li kienet qed tibda minn kwantità annwali preliminari ta’ 547 635 kwoti ta’ emissjoni li għandhom jiġu allokati.

18.      B’deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2014, id-DEHSt alloka lil INEOS 3 867 032-il kwota abbażi ta’ dan il-perijodu ta’ skambju f’dak li jirrigwarda l-emissjonijiet tal-installazzjoni inkwistjoni, billi indika li l-allokazzjoni kienet ibbażata fuq id-data kkomunikata minn INEOS fit-talba għall-allokazzjoni tagħha.

19.      Fil-11 ta’ Marzu 2014, INEOS ippreżentat azzjoni amministrattiva quddiem id-DEHSt kontra din id-deċiżjoni, fejn sostniet, b’mod partikolari, li dan tal-aħħar kien marbut li jieħu inkunsiderazzjoni ċerta data supplimentari abbażi tal-kalkolu tal-emissjonijiet diretti għas-snin 2006 u 2007.

20.      Fit-3 ta’ Settembru 2015, id-DEHSt ċaħad din l-azzjoni, minħabba l-fatt, b’mod partikolari, li d-data l-ġdida ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni għad-deċiżjoni ta’ allokazzjoni, peress li INEOS ma kinitx ippreżentatha qabel ix-xahar ta’ April 2015 fil-kuntest tal-azzjoni amministrattiva, jiġifieri iktar minn tliet snin wara d-data tal-iskadenza tat-terminu għat-tressiq tat-talba, jiġifieri t-23 ta’ Jannar 2012. Huwa indika li mhux biss l-Artikolu 9(2) tat-TEHG kien jipprevedi terminu legali ta’ dekadenza, iżda wkoll li l-interkonnessjoni stretta tal-proċedura nazzjonali fil-proċedura Ewropea ta’ allokazzjoni kienet tipprekludi kull emenda tad-data li tidher fit-talba.

21.      Fid-29 ta’ Settembru 2015, INEOS ippreżentat rikors quddiem il-Verwaltungsgericht Berlin (qorti amministrattiva ta’ Berlin) kontra din id-deċiżjoni fejn sostniet, b’mod partikolari, li l-fatt li hija naqset, bi żball, milli tittrażmetti ċerta data li tirrigwarda l-emissjonijiet diretti għas-snin 2006 u 2007, peress li ssopponiet b’mod żbaljat li d-DEHSt diġà kellu din id-data għad-dispożizzjoni tiegħu, meta l-installazzjoni inkwistjoni kienet suġġetta għas-sistema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra biss mill-1 ta’ Jannar 2008. Skont INEOS, id-DEHSt imissu stedinha sabiex tikkompleta jew tikkoreġi d-data pprovduta abbażi tat-talba ta’ allokazzjoni.

22.      Skont il-qorti tar-rinviju, peress li d-dritt tal-Unjoni ma jinkludix espressament dispożizzjoni dwar l-effetti legali li għandhom jintrabtu ma’ xi informazzjoni pprovduta minn operatur sussegwentement għall-iskadenza ta’ terminu previst mid-dritt nazzjonali għat-tressiq ta’ talba għal allokazzjoni, għandha tiġi kkjarifikata l-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 9(2) tat-TEHG, li abbażi tiegħu ma jeżistix dritt għall-allokazzjoni mingħajr ħlas fil-każ ta’ talba tardiva, huwiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/87 u tad-Deċiżjoni 2011/278.

23.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Berlin (qorti amministrattiva ta’ Berlin) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10a tad-Direttiva [2003/87] kif ukoll dawk tad-Deċiżjoni [2011/278] jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi, għall-perijodu ta’ skambju 2013-2020, terminu ta’ dekadenza sostantiva għall-applikazzjonijiet għal allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ ċertifikati ta’ emissjoni għal installazzjonijiet eżistenti li ma ġewx ippreżentati fit-termini stabbiliti u li, b’hekk, teskludi l-korrezzjoni ta’ żbalji jew l-integrazzjoni ta’ informazzjoni (mhux sħiħa) fl-applikazzjoni għal allokazzjoni, liema informazzjoni ġiet ikkonstatata biss wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit mid-dritt tal-Istat Membru?”

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

24.      It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Novembru 2016.

25.      INEOS, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

26.      Fis-seduta tal-14 ta’ Settembru 2017, dehru fis-seduta sabiex jinstemgħu l-osservazzjonijiet tagħhom INEOS, l-Uffiċċju Federali tal-Ambjent, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni.

V.      Analiżi

27.      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 u d-Deċiżjoni 2011/278 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi, għall-perijodu ta’ skambju 2013-2020, terminu ta’ dekadenza għat-tressiq ta’ talbiet ta’ allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas u li teskludi b’hekk li operatur jista’ jikkoreġi jew jikkompleta din it-talba wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu.

28.      Qabel kollox nenfasizza li din id-domanda saret f’kuntest ikkaratterizzat, minn naħa, mill-eżistenza ta’ żball imwettaq mill-operatur waqt it-tressiq tat-talba tiegħu għal allokazzjoni mingħajr ħlas u, min-naħa l-oħra, mix-xewqa tal-operatur li jikkoreġi l-iżball tiegħu bil-għan li jikseb numru ogħla ta’ kwoti mingħajr ħlas (4).

29.      Ser nillimita l-bqija tal-espożizzjoni tiegħi għal dan l-eżempju. Konsegwentement, m’iniex ser nesprimi ruħi fuq l-ipoteżi ta’ żball imwettaq mill-awtorità kompetenti u lanqas fuq dik ta’ korrezzjoni intiża li tnaqqas in-numru ta’ kwoti li ġew allokati mingħajr ħlas. Minkejja l-fatt li huma interessanti, dawn l-eżempji jmorru lil hinn mill-kuntest tal-kawża prinċipali.

30.      Fil-bqija tal-espożizzjoni tiegħi, ser ikolli neżamina jekk it-terminu ta’ dekadenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwiex kuntrarju għall-prinċipju ta’ effettività tad-drittijiet mogħtija abbażi tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 (5). Fid-dawl tal-eżami ta’ din il-kwistjoni, nemmen li huwa opportun li jiġu deskritti, minn qabel, il-karatteristiċi ewlenin implementati mid-Direttiva 2003/87.

A.      Fuq is-sistema implementata mid-Direttiva 2003/87

31.      Is-sistema implementata mid-Direttiva 2003/87 tista’ tiġi deskritta permezz tal-għanijiet tagħha, tat-tliet obbligi prinċipali imposti fuq l-operaturi u tat-tliet metodi ta’ akkwist tal-kwoti ta’ emissjoni.

1.      L-għanijiet li għandhom jintlaħqu mid-Direttiva 2003/87

32.      Ma nemminx li huwa neċessarju li niddiskuti fid-dettall l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mid-Direttiva 2003/87, minkejja l-importanza fundamentali tagħhom, peress li l-għanijiet jirriżultaw b’mod ċar mil-leġiżlazzjoni u mill-ġurisprudenza tal-Unjoni.

33.      Mill-premessi 3 sa 5 tagħha jirriżulta li d-Direttiva 2003/87 għandha bħala għan li tistabilixxi sistema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra li tippermetti li jsir kontribut lejn it-twettiq tal-impenji tal-Unjoni fil-kuntest tal-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima (6), li hija intiża għat-tnaqqis ta’ dawn l-emissjonijiet fl-atmosfera f’livell li jipprevjeni ndħil perikoluż antropoġeniku fis-sistema tal-klima(7).

34.      Dan l-għan ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet antropoġeniċi ta’ gassijiet serra jaqa’ taħt il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, li hija espliċitament identifikata fl-Artikolu 191(1) TFUE bħala waħda mill-għanijiet tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent.

35.      Hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessi 3 u 5 tad-Direttiva 2009/29/KE (8), id-Direttiva 2003/87 hija intiża sabiex tnaqqas, sas-sena 2020, l-emissjonijiet globali ta’ gassijiet serra tal-Unjoni b’minn tal-inqas 20 % ipparagunati mal-livelli tagħhom fis-sena 1990, f’kundizzjonijiet “ekonomikament effikaċi” (9).

36.      Fil-fatt, l-effikaċja ekonomika hija għan ieħor li għandu jintlaħaq mid-Direttiva 2003/87, kif jikkonferma l-Artikolu 1 tagħha. Hija din ir-raġuni għall-eżistenza tas-sistema “cap and trade” implementata minn din id-direttiva. Fil-fatt, il-possibbiltà ta’ bejgħ tal-kwoti (“trade”), fejn in-numru huwa limitat għall-operaturi kollha suġġetti għal din is-sistema (“cap”), għandha tiffavorixxi t-tnaqqis tal-emissjonijiet fi ħdan l-installazzjonijiet fejn dawn jistgħu jitwettqu b’inqas spejjeż (10).

37.      B’hekk, il-loġika ekonomika tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti hija li jiġi żgurat li t-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra meħtieġ sabiex jinkiseb riżultat ambjentali stabbilit minn qabel iseħħ bl-inqas spejjeż. B’mod partikolari, billi tippermetti l-bejgħ tal-kwoti allokati, din l-iskema hija intiża li tħeġġeġ lil kull parteċipant fl-imsemmija skema jarmi kwantità ta’ gassijiet serra li hija inqas mill-kwoti li ġew inizjalment mogħtija lilu, sabiex iċedi l-bqija tagħhom lil parteċipant ieħor li pproduċa kwantità ta’ emissjonijiet li taqbeż il-kwoti allokati (11).

2.      It-tliet obbligi prinċipali imposti fuq l-operaturi mid-Direttiva 2003/87

38.      Sabiex jinftiehem sew kif is-sistema implementata mid-Direttiva 2003/87 tiffunzjona fil-prattika, huwa utli li jiġu deskritti t-tliet obbligi prinċipali li huma imposti fuq l-operaturi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87, kif iddefiniti mill-Artikolu 2(1) tagħha.

39.      Fl-ewwel lok, l-operaturi tal-installazzjonijiet fissi huma marbuta, abbażi tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/87, li jkollhom awtorizzazzjoni ta’ emissjoni tal-gassijiet serra, li għandha tingħata skont il-modalitajiet previsti fl-Artikoli 5 sa 8 ta’ din id-direttiva (12).

40.      Fit-tieni lok, l-operaturi għandhom l-obbligu li jwettqu monitoraġġ u jirrapportaw l-emissjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/87 (13). F’dan ir-rigward, ninnota li t-talba għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi deskrizzjoni tal-miżuri previsti għall-monitoraġġ u għar-rapportaġġ tal-emissjonijiet tagħhom (14), u li l-awtorità kompetenti tista’ toħroġ l-awtorizzazzjoni biss jekk hija tikkunsidra li l-operatur huwa f’pożizzjoni li jwettaq monitoraġġ u li jirrapporta l-emissjonijiet tiegħu (15).

41.      Abbażi tal-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, id-dikjarazzjonijiet tal-operaturi għandhom ikunu s-suġġett ta’ verifika minn verifikatur indipendenti (16).

42.      Fit-tielet lok, skont l-Artikolu 12(2a) u (3), tad-Direttiva 2003/87, l-operaturi huma marbuta, sa mhux iktar tard mit-30 ta’ April ta’ kull sena, li “iċed[u]” numru ta’ kwoti ugwali għall-emissjonijiet totali minn din l-installazzjoni matul is-sena kalendarja ta’ qabel kif ivverifikat konformement mal-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva. Il-kwoti li jiġu ċeduti huma sussegwentement annullati mill-Istati Membri.

43.      Dan l-obbligu jirrappreżenta l-bażi tas-sistema implementata mid-Direttiva 2003/87 (17). Iċ-ċessjoni tal-kwoti ta’ emissjoni mill-operatur ġie ġustament deskritt bħala li jikkonkretizza “il-ħlas ta’ dejn ambjentali” (18), jiġifieri l-ħlas tad-dejn ambjentali mġarrab għas-sena kalendarja preċedenti. Sabiex inkun iktar preċiż, l-operatur huwa marbut li jċedi kwota għal kull emissjoni ta’ tunnellata metrika ta’ dijossidu tal-karbonju matul dan il-perijodu (19).

44.      Jeħtieġ li fil-preżent nispjega kif, fil-prattika, operatur jista’ jakkwista l-kwoti li huma neċessarji sabiex jissodisfa l-obbligu annwali tiegħu ta’ ċessjoni.

3.      It-tliet metodi ta’ akkwist tal-kwoti ta’ emissjoni bil-għan li jiġi ssodisfat l-obbligu annwali ta’ ċessjoni

45.      Għalkemm l-obbligu annwali ta’ ċessjoni deskritt iktar ’il quddiem joħloq talba għall-kwoti ta’ emissjoni min-naħa tal-operaturi suġġetti għas-sistema implementata mid-Direttiva 2003/87 (20), l-offerta ta’ kwoti tista’ tinqasam fi tliet sorsi distinti. Fil-fatt jeżistu tliet metodi differenti ta’ akkwist ta’ kwoti ta’ emissjoni, fejn l-ewwel tnejn huma offerti lill-operaturi kollha, u t-tielet lil uħud biss.

46.      L-ewwel metodu ta’ akkwist jikkonsisti fl-akkwist ta’ kwoti ta’ emissjoni minn kull persuna oħra li għandha tali kwoti (21). Bħala ipoteżi, tali kwoti jistgħu jirrigwardaw biss kwoti li ngħataw preċedentement mill-Istati Membri. F’dan is-sens, dawn it-tranżazzjonijiet jifformaw is-“suq sekondarju” tal-kwoti ta’ emissjoni.

47.      Min-naħa l-oħra, iż-żewġ metodi ta’ akkwist l-oħra huma marbuta maż-żewġ metodi li permezz tagħhom il-kwoti huma allokati mill-Istati Membri b’applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87, jiġifieri bl-allokazzjoni permezz ta’ rkant (li tista’ tiġi kklassifikata bħala “suq primarju”) u l-allokazzjoni mingħajr ħlas. Dawn iż-żewġ metodi ta’ allokazzjoni huma s-suġġett ta’ leġiżlazzjoni ddettaljata u ta’ tekniċità kbira fi ħdan din id-direttiva u l-atti adottati bl-eżekuzzjoni tagħha, fejn il-karatteristiċi importanti tagħha jistgħu jiġu spjegati fil-qosor kif ġej.

48.      Fl-ewwel lok, in-numru ta’ kwoti li huma allokati kull sena huma s-suġġett ta’ limitu kkalkolat għall-Unjoni kollha (22). Dan huwa wieħed mill-aspetti essenzjali tas-sistema ta’ “cap and trade” implementata mid-Direttiva 2003/87. Fil-prattika, l-inċentiv sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, għal kull operatur suġġett għal din is-sistema, ikun jiddependi fuq dan il-limitu (23).

49.      Bl-applikazzjoni tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87, il-limitu għall-emissjonijiet tal-installazzjonijiet fissi huwa stabbilit għal ftit iktar minn żewġ biljuni ta’ kwoti għas-sena 2013 (24). Dan il-limitu jitnaqqas kull sena permezz ta’ fattur lineari ta’ 1.74 %, li ġie kkalkolat b’mod li josserva l-impenn meħud mill-Unjoni sabiex tnaqqas l-emissjonijiet ġenerali tagħha b’mill-inqas 20 % minn issa sas-sena 2020 ipparagunati mal-livelli rreġistrati fl-2005 (25).

50.      Fit-tieni lok, in-numru ta’ kwoti b’hekk limitat, li għandhom jinħarġu kull sena, għandu jitqassam bejn il-kwoti għall-irkant u l-kwoti allokati mingħajr ħlas. Skont l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2003/87, mis-sena 2013, l-Istati Membri jqegħdu għall-irkant il-kwoti kollha li ma ġewx allokati mingħajr ħlas. B’hekk, in-numru ta’ kwoti li jitqegħdu għall-irkant jiddependi fuq il-kwoti mogħtija mingħajr ħlas (26).

51.      Fit-tielet lok, jifdal li niddeskrivi s-sistema “ġenerali” (27) ta’ allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas prevista fl-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87, li tirrappreżenta probabbilment l-aspett l-iktar kumpless tas-sistema implementata minn din id-direttiva. Fil-fatt, interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu hija diffiċli anki għall-iktar ġuristi esperti.

52.      Il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas ma hijiex intiża sabiex tagħti sussidji lill-operaturi kkonċernati, iżda sabiex tnaqqas l-impatt ekonomiku tal-introduzzjoni immedjata u unilaterali mill-Unjoni ta’ suq ta’ kwoti ta’ emissjoni, billi tevita telf mill-kompetittività ta’ ċerti oqsma ta’ produzzjoni li jaqgħu taħt din id-direttiva (28).

53.      Barra minn hekk, l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas ma tħassarx kompletament l-inċentiv sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet min-naħa tal-benefiċjarji tagħhom. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-inċentiv li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ kull installazzjoni jinsab fil-benefiċċju li jista’ jinkiseb mit-tnaqqis tal-bżonnijiet tagħha ta’ kwoti ta’ emissjoni, li għandhom valur ekonomiku li jista’ jinkiseb permezz tal-bejgħ tagħhom, indipendentement mill-fatt jekk dawn ġewx allokati jew le mingħajr ħlas (29).

54.      Xorta jibqa’ l-fatt li l-allokazzjonijiet mingħajr ħlas inaqqsu s-saħħa tal-inċentiv li jiġu adottati prattiki intiżi sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet, peress li l-operaturi li jibbenefikaw minnhom ma jkollhomx jixtru kompletament jew parzjalment il-kwoti li huma marbuta li jċedu kull sena. Konsegwentement, u kif tippreċiża l-Avukat Ġenerali Kokott, it-tnaqqis tal-kwantità ta’ kwoti allokati mingħajr ħlas isaħħaħ l-inċentiv sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet, u għaldaqstant, jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ambjent u għall-ġlieda kontra l-bidla fil-klima konformement mal-Artikolu 191 TFUE (30).

55.      L-Artikolu 10a(11) tad-Direttiva 2003/87 jipprevedi t-tneħħija tal-allokazzjonijiet ta’ kwoti mingħajr ħlas fil-2027, fejn il-kwoti kollha intiżi għall-installazzjonijiet fissi jkollhom għaldaqstant jitqegħdu għall-irkant. Madankollu, ikolli nenfasizza li l-Kummissjoni tidher li abbandunat din l-ambizzjoni nobbli tad-Direttiva 2009/29, peress li l-proposta għal direttiva li emenda għar-raba’ perijodu (2021-2030) tistabilixxi l-parti tal-kwoti li għandhom jitqiegħdu għal irkant għal 57% tal-ammont totali (31).

56.      Barra minn hekk, indipendentement mit-tħassir eventwali, fiż-żmien, tal-allokazzjonijiet mingħajr ħlas, l-Artikolu 10a(3), tad-Direttiva 2003/87 jeskludi, f’kull każ, ċerti installazzjonijiet fissi mill-benefiċċju ta’ dawn l-allokazzjonijiet, b’mod partikolari, il-produtturi tal-elettriku. Għaldaqstant, dawn l-installazzjonijiet ikollhom jixtru, fis-swieq primarji jew sekondarji, il-kwoti kollha neċessarji sabiex jissodisfaw l-obbligu ta’ ċessjoni annwali tagħhom (32).

57.      F’dak li jirrigwarda l-installazzjonijiet li jibbenefikaw minn allokazzjonijiet mingħajr ħlas abbażi tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87, il-proċedura li tippermetti li jiġi ddeterminat l-ammont ta’ dawn l-allokazzjonijiet tista’ tinqasam fi tliet fażijiet li jwasslu rispettivament għall-allokazzjoni bażika, għall-allokazzjoni preliminari u għall-allokazzjoni finali (33).

58.      L-ewwel nett, l-allokazzjoni bażika ma tiddependix fuq l-emissjonijiet reali tal-benefiċjarju (bħall-obbligu ta’ ċessjoni (34)), iżda fuq “punti ta’ riferiment” teoretiċi kkalkolati mill-Kummissjoni minn emissjonijiet ta’ 10 % tal-installazzjonijiet l-iktar effiċjenti, skont l-Artikolu 10a(2) tad-Direttiva 2003/87 (35). B’hekk, għal kull installazzjoni jew subinstallazzjoni, l-allokazzjoni bażika tirriżulta mill-multiplikazzjoni tal-punti ta’ riferiment applikabbli u mil-livell ta’ attività storika, fejn din tal-aħħar hija ddeterminata fuq il-bażi ta’ data ta’ referenza kkomunikata mill-operaturi konformement mal-Artikoli 7 u 9 tad-Deċiżjoni 2011/278. Dan il-kalkolu għandu jsir mill-Istati Membri abbażi tal-Artikolu 10(1) u (2) ta’ din id-deċiżjoni (36).

59.      It-tieni nett, l-allokazzjoni preliminari hija kkalkolata billi jiġi applikat koeffiċjenti ta’ tnaqqis fuq l-allokazzjoni bażika konformement mal-Artikolu 10a(11) tad-Direttiva 2003/87. Dan il-koeffiċjenti ta’ tnaqqis, li huwa ta’ 0.8 għas-sena 2013 (tnaqqis ta’ 20 %), jonqos kull sena, fi kwantitajiet ugwali sabiex jilħaq 0.3 (tnaqqis ta’ 70 %) għas-sena 2020 (37).

60.      Madankollu, jeħtieġ li nenfasizza li dan it-tnaqqis ma jirrigwardax l-installazzjonijiet kollha li jibbenefikaw minn allokazzjonijiet mingħajr ħlas. Fil-fatt, abbażi tal-Artikolu 10(12) tad-Direttiva 2003/87, ma humiex suġġetti għal tnaqqis tal-allokazzjonijiet mingħajr ħlas is-setturi li jippreżentaw riskju importanti ta’ rilokazzjoni lejn pajjiżi terzi minħabba l-obbligi ambjentali imposti minn din id-direttiva. Fi kliem ieħor, dawn is-setturi kisbu tnaqqis fl-obbligi ambjentali tagħhom minħabba l-eżistenza ta’ riskju ta’ rilokazzjoni kklassifikat b’mod prudenti bħala “riskju sinifikanti ta’ rilokazzjoni tal-karbonju”. Konformement mal-Artikolu 10a(13) sa (18) ta’ din id-direttiva, il-Kummissjoni stabbilixxiet lista twila ta’ setturi jew subsetturi tal-attivitajiet li jippreżentaw tali riskju ta’ rilokazzjoni (38).

61.      L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87 u l-Artikolu 15(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2011/278 jobbligaw lil kull Stat Membru sabiex jippubblika u jippreżenta lill-Kummissjoni l-lista tal-installazzjonijiet u subinstallazzjonijiet preżenti fit-territorju tagħhom u koperti minn din id-direttiva, billi jippreċiżaw għal kull waħda minnhom l-ammont tal-allokazzjoni bażika u tal-allokazzjoni preliminari (39), u dan għat-tielet perijodu kollu (2013-2020).

62.      It-tielet u l-aħħar fażi tal-kalkolu tikkonsisti fl-applikazzjoni possibbli ta’ mekkaniżmu ta’ tnaqqis sekondarju previst fl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87. B’hekk, l-allokazzjoni finali tkun ekwivalenti kemm għall-allokazzjoni preliminari (jekk dan il-mekkaniżmu ma jkollux jiġi applikat) u kemm għall-allokazzjoni preliminari mnaqqsa (fil-każ kuntrarju).

63.      Fil-fatt, fuq il-bażi tal-listi kkomunikati mill-Istati Membri, il-Kummissjoni hija marbuta tiżgura ruħha li s-somma totali tal-allokazzjonijiet bażiċi – u mhux tal-allokazzjonijiet preliminari (40) – ikkalkolati mill-installazzjonijiet preżenti fuq it-territorju tal-Unjoni ma jkunux ogħla mis-sublimitu ddefinit fl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87 (41), li jikkorrispondi għal parti mill-allokazzjoni globali ddefinita fl-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva (42).

64.      Jekk dan il-limitu effettivament jinqabeż, il-Kummissjoni hija marbuta tipproċedi għal tnaqqis proporzjonali billi tapplika “fattur ta’ korrezzjoni transsettorjali” fuq l-allokazzjonijiet previsti mill-Istati Membri, li jikkorrispondi għall-proporzjon bejn l-imsemmi limitu u s-somma tal-allokazzjonijiet bażiċi (43).

65.      Nenfasizza li l-Kummissjoni effettivament kellha tiddefinixxi fattur ta’ korrezzjoni transettorjali għat-tielet perijodu (2013-2020) (44). Wara din id-deċiżjoni, l-Istati Membri setgħu jipproċedu għall-allokazzjonijiet finali billi japplikaw dan il-fattur ta’ korrezzjoni – jew, sabiex inkun iktar preċiż, ta’ tnaqqis – fuq l-allokazzjonijiet preliminari li ma ġewx irrifjutati mill-Kummissjoni (45).

B.      Fuq id-domanda mressqa mill-qorti tar-rinviju

66.      Qabel kollox, nenfasizza li d-domanda mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (46) ma tirrigwardax l-obbligu ta’ dikjarazzjoni tal-emissjonijiet annwali li huwa impost fuq l-operaturi abbażi tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/87 (47), iżda l-ġbir mill-Istati Membri tad-data ta’ referenza mill-operaturi, konformement mal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 2011/278 bil-għan tad-determinazzjoni tal-livell ta’ attività storika msemmija fl-Artikolu 9 ta’ din id-deċiżjoni, li għandha sservi għall-kalkolu tal-allokazzjoni bażika (48).

67.      B’hekk, il-problema li kellha INEOS fil-kuntest tal-kawża prinċipali toriġina fin-nuqqas ta’ komunikazzjoni minnha tad-data ta’ referenza kompleta għas-snin 2006 u 2007, li kellu bħala konsegwenza li jitnaqqas l-ammont ta’ allokazzjoni bażika kkalkolata mill-awtorità kompetenti, kif ukoll, għaldaqstant, l-ammont ta’ kwoti mogħtija mingħajr ħlas lil INEOS (49).

68.      Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, ser ninnota, fl-ewwel lok, li d-Direttiva 2003/87 u d-Deċiżjoni 2011/278 ma jwettqux armonizzazzjoni eżawrjenti tal-modalitajiet proċedurali tat-talbiet għal allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas. Fit-tieni lok, ser nesponi r-raġunijiet li minħabba fihom inqis li t-terminu ta’ dekadenza u l-impossibbiltà li jitwettqu korrezzjonijiet wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma humiex kuntrarji għall-prinċipju ta’ effettività, hekk kif interpretat mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja.

1.      Fuq l-assenza ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti tal-modalitajiet proċedurali tat-talbiet ta’ allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas

69.      INEOS sostniet li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni twettaq armonizzazzjoni eżawrjenti ta’ kull aspett, inkluż dak proċedurali, tat-talbiet għal allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas, fis-sens li l-Istati Membri ma għandhom ebda setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward. Il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni kkontestaw din il-perspettiva.

70.      Jien nikkondividi l-pożizzjoni tal-Gvern Ġermaniż u tal-Kummissjoni. Huwa minnu li, skont l-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87, il-Kummissjoni stabbilixxiet “miżuri ta’ implimentazzjoni sabiex ikunu applikabbli mal-Komunità kollha li jkunu kompletament armonizzati għall-allokazzjoni tal-kwoti msemmija fil-paragrafi 4, 5, 7 u 12” (korsiv miżjud minni). Huwa fuq din il-bażi li l-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2011/278 u ma tantx għandi dubju li din id-deċiżjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 10a ta’ din id-direttiva, twettaq armonizzazzjoni eżawrjenti tal-aspetti materjali tal-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas (50), li tagħha diġà ddeskrivejt il-karatteristiċi importanti f’dawn il-konklużjonijiet (51).

71.      Għall-kuntrarju, dawn l-istrumenti ma fihom ebda dispożizzjoni li tirregola b’mod espliċitu l-aspetti proċedurali ta’ din l-allokazzjoni, b’mod partikolari t-terminu li fih it-talba għal allokazzjoni mingħajr ħlas għandha titressaq jew ukoll il-possibbiltà li jsiru korrezzjonijiet wara l-iskadenza ta’ tali terminu.

72.      B’mod partikolari, l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 2011/278, li jirrigwarda l-ġbir tad-data ta’ referenza mill-Istati Membri, ma jinkludi ebda preċiżazzjoni f’dan ir-rigward. L-Artikolu 7(8) ta’ din id-deċiżjoni jippreċiża li kull operatur għandu jiġġustifika kull “nuqqas ta’ dejta” u jissostitwixxi d-“dejta […] disponibbli parzjalment” bi stimi prudenti, mingħajr madankollu jistabbilixxi proċedura li tippermetti l-korrezzjoni jew l-ikkompletar tad-data miġbura. Fl-istess sens, l-Artikolu 8 ta’ din id-deċiżjoni tipprojbixxi lill-Istati Membri milli jaċċettaw id-data li ma ġietx irrikonoxxuta bħala sodisfaċenti minn verifikatur, mingħajr madankollu ma jistabbilixxi terminu jew proċedura ta’ korrezzjoni tad-data mhux sodisfaċenti.

73.      Skont ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti, il-metodi proċedurali applikabbli jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru abbażi tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni, madankollu, li ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura domestika (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li, fil-prattika, ma jrendux impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (52).

74.      F’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ ekwivalenza, minn ebda element tal-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta, u lanqas ma ġie allegat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li t-terminu ta’ dekadenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa kuntrarju għal dan il-prinċipju. F’kull każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi fuq dan ir-rigward, kif osservat ġustament il-Kummissjoni (53).

75.      Konsegwentement, il-bqija tal-analiżi tiegħi ser tikkonċentra lilha nnifisha fuq il-kompatibbiltà mal-prinċipju ta’ effettività tat-terminu ta’ dekadenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

76.      F’dan ir-rigward, nixtieq nippreċiża li ma jidhirlix li huwa possibbli li jiġi segwit l-approċċ issuġġerit minn INEOS li jikkonsisti f’li tiġi evalwata “direttament” il-kompatibbiltà tat-terminu ta’ dekadenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/87 jew tad-Deċiżjoni 2011/278.

77.      Fil-fatt, mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ dispożizzjonijiet proċedurali adottati mill-Istati Membri għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Konsegwentement, il-kontenut tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/87 jew tad-Deċiżjoni 2011/278 għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tal-kompatibbiltà mal-prinċipju ta’ effettività tat-terminu ta’ dekadenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali (54).

2.      Fuq il-kompatibbiltà tat-terminu ta’ dekadenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali

78.      Qabel kollox, nippreċiża li l-Kummissjoni ssuġġerixxiet li jiġu eżaminati separatament il-possibbiltà għall-Istati Membri li jistabbilixxu terminu ta’ dekadenza għat-tressiq tat-talbiet għal allokazzjoni mingħajr ħlas abbażi tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87, minn naħa, u l-impossibbiltà għall-operaturi sabiex iwettqu korrezzjonijiet fuq it-talba tagħhom wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu, min-naħa l-oħra.

79.      Fl-opinjoni tiegħi, dawn iż-żewġt aspetti huma madankollu inseparabbli, kif juru l-kliem tad-domanda magħmula (55). Fil-fatt, l-impossibbiltà għal INEOS, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, li tikkompleta jew tikkoreġi t-talba għal allokazzjoni mingħajr ħlas tagħha ssib l-oriġini tagħha fl-istabbiliment, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, ta’ terminu ta’ dekadenza – u mhux ta’ terminu indikattiv – għat-tressiq ta’ tali talbiet. Konsegwentement ser neżamina dawn iż-żewġt aspetti flimkien fil-bqija tal-espożizzjoni tiegħi.

80.      Infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, kull każ li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni impossibbli jew eċċessivament diffiċli għandu jiġi eżaminat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura, meqjusa globalment, l-iżvolġiment u n-natura speċifika tagħha, quddiem id-diversi istanzi nazzjonali. F’din il-perspettiva, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, jekk ikun il-każ, il-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (56).

81.      F’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-impożizzjoni minn Stat Membru ta’ termini ta’ dekadenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ilha li ddeċidiet li l-prinċipju ta’ effettività ma jipprekludix tali termini meta dawn ikunu “raġonevoli” (57).

82.      F’dak li jirrigwarda n-natura raġonevoli tat-termini ta’ dekadenza, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li huwa l-kompitu tal-Istati Membri li jistabbilixxu, għal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, termini li jkollhom rabta, b’mod partikolari, mal-importanza għall-persuni kkonċernati mid-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu, mal-kumplessità tal-proċeduri u tal-leġiżlazzjoni li għandha tiġi applikata, man-numru ta’ persuni li jistgħu jkunu kkonċernati u mal-interessi l-oħra pubbliċi jew privati li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni (58).

83.      Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, il-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi, fil-prattika, għal eżami relattivament qasir tat-termini relattivament twal (59) u għal eżami relattivament twil tat-termini relattivament qosra (60). Bħala prinċipju, huma biss dawn tal-aħħar li jistgħu jirrendu possibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet, liema fatt jiġġustifika eżami iktar fid-dettall tan-natura raġonevoli tagħhom.

84.      Mill-elementi kkomunikati mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li d-data ta’ skadenza għat-tressiq tat-talbiet għal allokazzjoni mingħajr ħlas, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kienet it-23 ta’ Jannar 2012, u li din id-data kienet tniżżlet f’pubblikazzjoni uffiċjali fl-20 ta’ Ottubru 2011 (61). Barra minn hekk mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Gvern Ġermaniż jirriżulta li din id-data ġiet iddikjarata wkoll f’posta elettronika indirizzata lill-operaturi ta’ installazzjoni u fi stqarrija għall-istampa, it-tnejn bid-data tal-20 ta’ Ottubru 2011. Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li t-terminu impost fuq l-operaturi għat-tressiq tat-talbiet tagħhom għal allokazzjoni mingħajr ħlas kien ta’ ftit iktar minn tliet xhur.

85.      Terminu ta’ tliet xhur jirrappreżenta terminu relattivament qasir fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq (62), fejn in-natura raġonevoli għandha, għaldaqstant, tkun is-suġġett ta’ eżami f’iktar dettall.

86.      Fl-ewwel lok, id-dritt mogħti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni li huwa inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa d-dritt ta’ benefiċċju minn allokazzjonijiet mingħajr ħlas fuq il-bażi tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 u tad-Deċiżjoni 2011/278. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk terminu ta’ dekadenza ta’ tliet xhur, bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża, jistax jirrendi impossibbli fil-prattika, jew eċċessivament diffiċli, l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt.

87.      Issa, il-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma fih ebda element li jippermetti lil wieħed jaħseb li tali terminu jirrendi impossibbli fil-prattika, jew eċċessivament diffiċli, b’mod partikolari minħabba l-qosor tiegħu, l-eżerċizzju tad-dritt li persuna tibbenefika minn allokazzjoni mingħajr ħlas. Infakkar li t-tressiq ta’ tali talba jirrikjedi l-komunikazzjoni, minn operatur bħal INEOS, tad-data ta’ referenza msemmija fl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 2011/278, fejn din id-data għandha barra minn hekk tkun suġġetta għal verifika konformement mal-Artikolu 8 ta’ din id-deċiżjoni (63).

88.      Hekk kif enfasizza ġustament il-Gvern Ġermaniż, INEOS lanqas biss allegat li dan it-terminu kien qasir wisq sabiex tressaq it-talba tagħha. Fil-fatt, mid-domanda preliminari jirriżulta li hija naqset, bi żball, milli tibgħat ċerta data għas-snin 2006 u 2007, fejn issopponiet b’mod żbaljat, li d-DEHSt diġà kien fil-pussess ta’ din id-data (64). B’hekk, INEOS ma tikkritikax it-terminu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iżda effettivament l-impossibbiltà li jitwettqu, wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu, korrezzjonijiet fuq id-data ta’ referenza kkomunikata fit-talba inizjali.

89.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat numru ta’ drabi li terminu ta’ dekadenza huwa, bħala prinċipju, kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività minkejja l-fatt li l-iskadenza ta’ tali terminu tista’, min-natura tagħha, tipprekludi lill-persuni kkonċernati milli jinvokaw id-drittijiet tagħhom kompletament jew parzjalment (65). Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, inżid li l-offerta lill-operaturi tal-possibbiltà li jikkoreġu jew jemendaw it-talba tagħhom wara l-iskadenza tat-terminu ta’ dekadenza inkwistjoni tippermettilhom jevitaw l-effett ta’ dekadenza ta’ dan it-terminu.

90.      Fit-tieni lok, INEOS siltet argument mill-obbligu impost fuq l-Istati Membri li jibbażaw lilhom infushom fuq id-data ta’ referenza l-iktar preċiża u l-iktar kompleta possibbli, konformement mad-Direttiva 2003/87 u mad-Deċiżjoni 2011/278. Skont INEOS, minn dan l-obbligu jirriżulta li l-awtoritajiet kompetenti huma marbuta jwarrbu kull modalità proċedurali li tostakola l-korrezzjoni tad-data ineżatta jew jikkompletaw id-data nieqsa, bħalma huwa t-terminu ta’ dekadenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u dan sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni.

91.      F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-Artikolu 7(7) tad-Deċiżjoni 2011/278 jobbliga lill-Istati Membri jiġbru data ta’ referenza “kompleta u konsistenti” u “li tippreżenta l-ogħla preċiżjoni li tista’ tinkiseb”. Barra minn hekk, l-Artikolu 7(8) kif ukoll l-Artikolu 8(1) u (4), ta’ din id-deċiżjoni jistabbilixxu diversi obbligi li jsaħħu r-rekwiżit tal-eżattezza tad-data li tintuża għall-kalkolu tal-allokazzjonijiet mingħajr ħlas.

92.      Mandankollu, infakkar li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ma’ dan il-prinċipju fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet tikkonsisti f’li jiġi ddeterminat jekk it-terminu ta’ dekadenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ dritt mogħti lil operatur bħal INEOS.

93.      Issa, l-obbligi li d-dritt tal-Unjoni jimponi fuq l-Istati Membri ma joħolqux kollha drittijiet għall-individwi (66). Fl-opinjoni tiegħi, dan ma huwiex il-każ tal-obbligu impost fuq l-Istati Membri sabiex jiġbru d-data ta’ referenza l-iktar eżatta possibbli. Bil-kontra, fl-opinjoni tiegħi, mill-kliem tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tad-Deċiżjoni 2011/278 jirriżulta li r-rekwiżit tal-eżattezza tad-data ta’ referenza jaqa’ taħt ir-responsabbiltà konġunta tal-Istati Membri u tal-operaturi.

94.      Konsegwentement, operatur bħal INEOS ma huwiex fondat meta jinvoka, kontra l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, allegat dritt għall-eżattezza tad-data ta’ referenza bil-għan li jegħleb il-problema tal-iskadenza ta’ terminu ta’ dekadenza. Fl-assenza ta’ tali dritt, hemm lok li jiġi miċħud l-argument ta’ INEOS li l-impossibbiltà ta’ korrezzjoni tat-talba inizjali wara l-iskadenza ta’ terminu ta’ dekadenza hija inkompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività.

95.      Fit-tielet lok, inqis li l-offerta lill-operaturi tal-possibbiltà li jikkompletaw jew jikkoreġu d-data ta’ referenza bil-għan li jiksbu allokazzjoni addizzjonali ta’ kwoti mingħajr ħlas tkun, fir-realtà, kapaċi li tirrendi l-eżerċizzju tad-dritt ta’ benefiċċju minn tali allokazzjoni eċċessivament diffiċli, minħabba l-inċertezza legali li din il-possibbiltà timplika.

96.      Hekk kif spjegajt f’dawn il-konklużjonijiet (67), it-tranżizzjoni minn allokazzjoni preliminari lejn allokazzjoni finali tirrikjedi verifika min-naħa tal-Kummissjoni intiża li tiżgura li n-numru ta’ kwoti allokati mingħajr ħlas ma jkunx ogħla mil-limitu ddefinit fl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87. Jekk dan il-limitu jinqabeż, il-Kummissjoni jkollha tiddefinixxi fattur ta’ korrezzjoni transettorjali li jippermetti t-tnaqqis proporzjonali tat-totalità tal-allokazzjonijiet preliminari previsti mill-Istati Membri u li jiġi ddeterminat b’hekk in-numru tal-allokazzjonijiet finali għal kull installazzjoni benefiċjarja fi ħdan l-Unjoni.

97.      Issa, li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tadotta l-pożizzjoni ta’ INEOS, kull allokazzjoni addizzjonali, li sseħħ wara l-korrezzjoni minn operatur tad-data ta’ referenza tiegħu, tkun tirrikjedi mill-Kummissjoni li hija tipproċedi għal verifika ġdida kif ukoll, jekk ikun il-każ, għal emenda tal-fattur ta’ korrezzjoni (68). Minbarra l-fatt li tali emenda ma hijiex prevista mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2003/87 u tad-Deċiżjoni 2011/278, hija twassal għal tnaqqis fl-ammont tal-allokazzjoni finali għal kull benefiċjarju. Fi kliem ieħor, il-benefiċjarju ta’ allokazzjoni mingħajr ħlas ma jkun jista’ qatt iqis bħala definittiv in-numru tal-kwoti li jiġu allokati lilu.

98.      Hekk kif enfasizzaw ġustament il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni, tali sitwazzjoni tkun diffiċilment konċiljabbli mal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Għaldaqstant, hija tirrendi l-eżerċizzju tad-dritt ta’ benefiċċju ta’ allokazzjoni mingħajr ħlas eċċessivament diffiċli. F’tali kuntest, l-effett ta’ terminu ta’ dekadenza bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa preċiżament dak li jippreżerva ċ-ċertezza legali, għall-benefiċċju tal-persuni kkonċernati kollha. Hekk kif ippreċiżat diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, l-iffissar tat-termini ta’ dekadenza jissodisfa, bħala prinċipju, ir-rekwiżit ta’ effettività sa fejn jikkostitwixxi applikazzjoni tal-prinċipju fundamentali ta’ ċertezza legali li jipproteġi kemm lill-persuna kkonċernata u kemm lill-amministrazzjoni kkonċernata (69).

99.      Fir-raba’ lok, l-offerta tal-possibbiltà lill-operaturi li jemendaw it-talba għal allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas ma jidhirlix li hija konċiljabbli mal-proċedura stabbilita mill-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 u mad-Deċiżjoni 2011/278 sabiex tiddetermina l-eżistenza u l-firxa tad-dritt għall-benefiċċju minn tali allokazzjoni.

100. Kif diġà spjegajt f’dawn il-konklużjonijiet (70), l-iżvolġiment ta’ din il-proċedura huwa progressiv sa fejn kull fażi tal-kalkolu għandha tingħalaq qabel ma tinbeda l-fażi sussegwenti. Issa, l-approċċ propost minn INEOS, li jippermetti lill-operaturi jikkoreġu jew jikkompletaw id-data ta’ referenza mingħajr ebda kunsiderazzjoni għat-terminu, iwassal, essenzjalment, sabiex tinżamm miftuħa b’mod indefinittiv l-ewwel fażi ta’ kalkolu, jiġifieri d-determinazzjoni tal-allokazzjoni bażika fuq il-bażi tal-attività storika u tal-punt ta’ riferiment applikabbli (71). B’hekk, l-allokazzjoni preliminari (it-tieni fażi) u l-allokazzjoni finali (it-tielet fażi) ikollhom ikunu s-suġġett ta’ kalkolu ġdid waqt kull korrezzjoni tad-data ta’ referenza.

101. Fl-opinjoni tiegħi, tali approċċ ma jkunx kompatibbli mal-iżvolġiment tajjeb ta’ din il-proċedura, sa fejn jimplika piż amministrattiv sproporzjonat għall-Istati Membri u l-Kummissjoni (72).

102. Fil-ħames lok, u sa fejn huwa meħtieġ, nenfasizza li l-interpretazzjoni li qed nipproponi hija konformi mal-għan prinċipali li trid tilħaq is-sistema implementata mid-Direttiva 2003/87, jiġifieri l-protezzjoni tal-ambjent permezz ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra.

103. Fil-fatt, din l-interpretazzjoni tikkonsisti fl-esklużjoni tal-possibbiltà għall-operaturi li jikkoreġu jew jikkompletaw id-data ta’ referenza tagħhom bil-għan li jiksbu allokazzjoni addizzjonali ta’ kwoti. Fil-prattika, tali interpretazzjoni twassal għal sitwazzjonijiet ta’ “allokazzjoni iktar baxxa” għall-operaturi li setgħu jirċievu ammont ogħla ta’ kwoti mingħajr ħlas kieku t-talba tagħhom saret korrettament. Konsegwentement, dawn l-operaturi jkollhom jixtru numru ogħla ta’ kwoti sabiex jissodisfaw l-obbligu tagħhom ta’ ċessjoni, li għandu jżid l-inċentiv tagħhom sabiex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom (73).

VI.    Konklużjoni

104. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda magħmula mill-Verwaltungsgericht Berlin (qorti amministrattiva ta’ Berlin, il-Ġermanja):

L-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE, hekk kif emendata bid-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE, tas‑27 ta’ April 2011, li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, hekk kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/498/UE, tas-17 ta’ Awwissu 2012, moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ ekwivalenza u ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi, għall-perijodu ta’ skambju 2013-2020, terminu ta’ dekadenza għat-tressiq ta’ talbiet ta’ allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas u li teskludi b’hekk li operatur jista’ jikkoreġi jew jikkompleta din it-talba wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu, taħt il-kundizzjoni li din il-modalità proċedurali ma tkunx inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw l-azzjonijiet simili ta’ natura interna.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631), kif emendata bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/29/KE, tat-23 ta’ April 2009 (ĠU 2009, L 140, p. 63) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/87”).


3      Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-27 ta’ April 2011, li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 (ĠU 2011, L 130 p. 1), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/498/UE, tas-17 ta’ Awwissu 2012 (ĠU 2012, L 241, p. 52) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 2011/278”).


4      Ara l-punti 19 sa 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


5      Ara l-punti 78 sa 103 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


6      Deċiżjoni tal-Kunsill 94/69/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1993, li tirrigwarda l-konklużjoni tal-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima (ĠU 1994, L 33, p. 11). Il-Protokoll ta’ Kyoto ma jipprevedix ħlief il-perijodu 2008‑2012 bl-applikazzjoni tal-Artikolu 3 tiegħu. Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE, tal-25 ta’ April 2002, li jirrigwarda l-approvazzjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta’ Kyoto ta’ mal-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima u t-twettiq konġunt tiegħu (ĠU 2002, L 130, p. 1).


7      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Jannar 2017, Schaefer Kalk (C-460/15, EU:C:2017:29, punt 28).


8      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/29/KE, tat-23 ta’ April 2009, li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għat-titjib u l-estensjoni tal-iskema Komunitarja għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (ĠU 2009, L 140, p. 63).


9      Sentenza tat-28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et (C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, EU:C:2016:311, punt 81).


10      Ara s-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Iberdrola et (C‑566/11, C‑567/11, C‑580/11, C‑591/11, C‑620/11 u C‑640/11, EU:C:2013:660, punt 49): “[h]ekk kif huwa previst fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, il-kundizzjonijiet tal-inċentiv għat-tnaqqis tal-emissjonijiet huma ekonomikament effikaċi u effettivi, peress li l-produttur jista’ jiddeċiedi jew li jinvesti f’teknoloġiji iktar effikaċi li jarmu inqas emissjonijiet ta’ gassijiet serra, jew inkella li juża iktar kwoti ta’ emissjonijiet, jew ukoll, li jnaqqas il-produzzjoni tiegħu, billi jagħżel l-għażla li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament”.


11      Sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et (C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 32); tad-19 ta’ Jannar 2017, Schaefer Kalk (C‑460/15, EU:C:2017:29, punt 29), kif ukoll tat-8 ta’ Marzu 2017, ArcelorMittal Rodange u Schifflange (C‑321/15, EU:C:2017:179, punt 22).


12      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Vattenfall Europe Generation (C‑457/15, EU:C:2016:613, punt 29). Abbażi tal-Artikolu 3h tad-Direttiva 2003/87, il-Kapitolu 3 tal-imsemmija direttiva ma japplikax għall-attivitajiet tal-avjazzjoni. Għaldaqstant, dan l-obbligu ta’ awtorizzazzjoni, li huwa stabbilit fl-imsemmi Kapitolu 3 ma jikkonċernax dawn l-attivitajiet.


13      L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/87 jipprevedi l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ leġiżlazzjoni dwar il-monitoraġġ u r-rapportaġġ tal-emissjonijiet. Il-Kummissjoni adottat ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012, tal‑21 ta’ Ġunju 2012, dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87 (ĠU 2012, L 181, p. 30), li ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2013 abbażi tal-Artikolu 77 tiegħu.


14      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(d) tad-Direttiva 2003/87.


15      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/87.


16      Konformement mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/87, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 600/2012, tal‑21 ta’ Ġunju 2012, dwar il-verifika tar-rapporti dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u r-rapporti dwar it-tunnellati kilometri u l-akkreditazzjoni tal-verifikaturi skont id-Direttiva 2003/87 (ĠU 2012, L 181, p. 1), li ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2013 abbażi tal-Artikolu 78 tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li l-verifika tad-dikjarazzjonijiet tal-emissjonijiet tikkostitwixxi kundizzjoni indispensabbli għaċ-ċessjoni tal-kwoti. Fil-fatt, operatur li d-dikjarazzjoni tiegħu ma ġietx ivverifikata u rrikonoxxuta bħala sodisfaċenti ma jistax jittrasferixxi kwoti sakemm dikjarazzjoni min-naħa tiegħu tiġi rrikonoxxuta bħala sodisfaċenti (ara s-sentenza tad-29 ta’ April 2015, Nordzucker, C‑148/14, EU:C:2015:287, punt 32).


17      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 2013, Billerud Karlsborg u Billerud Skärblacka (C‑203/12, EU:C:2013:664, punt 25); tad-29 ta’ April 2015, Nordzucker (C‑148/14, EU:C:2015:287, punt 29), kif ukoll tad-19 ta’ Jannar 2017, Schaefer Kalk (C‑460/15, EU:C:2017:29, punt 30).


18      Ara C. Cheneviere, Le système d’échange de quotas
d’émission de gaz à effet de serre: lutter contre les changements climatiques sans sacrifier l’égalité et la libre concurrence dans le marché intérieur, teżi ta’ dottorat, Université Catholique de Louvain, Louvain-la-Neuve, 2017, p. 24.


19      Ara d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kwota” fl-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2003/87, li għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 12(2a) u (3) ta’ din id-direttiva.


20      Din it-talba tinħoloq ukoll minn kull persuna li tixtieq twettaq investiment finanzjarju permess tal-akkwist ta’ tali kwoti.


21      Abbażi tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2003/87, il-kwoti għandhom ikunu jistgħu jiġu ttrasferiti b’mod partikolari bejn persuni fl-Unjoni.


22      L-Artikoli 3c u 9 tad-Direttiva 2003/87 jipprevedu żewġ limiti distinti għall-attivitajiet tal-avjazzjoni u l-installazzjonijiet fissi. Fl-interessi taċ-ċarezza, ser nillimita l-espożizzjoni tiegħi għall-installazzjonijiet fissi peress li l-attivitajiet tal-avjazzjoni ma humiex inkwistjoni fil-kawża prinċipali.


23      L-inċentiv sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ikun b’hekk iktar b’saħħtu fejn in-numru ta’ kwoti disponibbli huwa dgħajjef. Fuq il-livell ta’ emissjonijiet kostanti, tnaqqis tan-numru ta’ kwoti disponibbli jwassal għal żieda fil-prezz tal-kwota li jkollu jwassal sabiex iżid l-inċentiv tal-operaturi sabiex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-impatt tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti fuq il-protezzjoni tal-ambjent jiddependi fuq ir-rigorożità li biha hija stabbilita l-kwantità totali tal-kwoti mogħtija, li tikkostitwixxi l-limitu ġenerali tal-emissjonijiet awtorizzati mill-imsemmija skema (sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Billerud Karlsborg u Billerud Skärblacka, C‑203/12, EU:C:2013:664, punt 26).


24      Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/634/UE, tat-22 ta’ Ottubru 2010, li taġġusta l-kwantità ta’ kwoti li se jinħarġu għall-Unjoni kollha skont l-Iskema tal-Unjoni għall-2013 u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2010/384/UE (ĠU 2010, L 279, p. 34), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/448/UE, tal-5 ta’ Settembru 2013 (ĠU 2013, L 240, p. 27).


25      Ara l-premessi 13 u 14 tad-Direttiva 2009/29. F’termini assoluti, it-tnaqqis annwali huwa ta’ madwar 38 264 246 il-kwota, fis-sens li l-limitu ser ikun ta’ 1 816 452 135 il-kwota fl-2020. Ara r-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament tas-suq Ewropew tal-karbonju, tal-1 ta’ Frar 2017, COM(2017) 48 finali, p. 10.


26      Meta n-numru ta’ kwoti li jitqegħdu għall-irkant ikun ġie ddeterminat, dan jitqassam bejn l-Istati Membri permezz tat-tliet kriterji stabbiliti fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/87. L-Istati Membri jiddeterminaw l-allokazzjoni tad-dħul minn dan l-irkant, iżda l-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom f’dan ir-rigward hija ristretta mill-Artikolu 10(3) ta’ din id-direttiva. Fl-2015, 632 725 500-il kwota nbiegħu bl-irkant fl-Unjoni għal ammont totali ta’ EUR 4.9 biljun. Ara r-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament tas-suq Ewropew tal-karbonju, tal-1 ta’ Frar 2017, COM(2017) 48 finali, p. 16 u 17.


27      Peress li ma humiex inkwistjoni fil-kawża prinċipali, m’iniex ser nittratta s-sistemi “speċjali” ta’ allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas previsti mid-Direttiva 2003/87, bħalma huma dawk previsti għall-operaturi l-ġodda [Artikolu 10a(7)], għall-proġetti ta’ dimostrazzjoni [Artikolu 10a(8)] jew għall-modernizzazzjoni tal-produzzjoni tal-elettriku (Artikolu 10c).


28      Sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Iberdrola  et (C‑566/11, C‑567/11, C‑580/11, C‑591/11, C‑620/11 u C‑640/11, EU:C:2013:660, punti 39 u 45).


29      Sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Iberdrola et (C‑566/11, C‑567/11, C‑580/11, C‑591/11, C‑620/11 u C‑640/11, EU:C:2013:660, punt 55). Fil-fatt, minn naħa, in-numru ta’ kwoti li operatur jirċievi mingħajr ħlas jistgħu ma jkunux suffiċjenti sabiex jiġi ssodisfat l-obbligu ta’ ċessjoni annwali tiegħu, fis-sens li jkun obbligat li jixtri n-numru ta’ kwoti nieqsa fis-suq primarju jew is-suq sekondarju. Min-naħa l-oħra, operatur ikollu l-fakultà sabiex ibigħ il-kwoti eċċessivi fis-suq sekondarju, inklużi dawk li rċieva mingħajr ħlas.


30      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawżi Borealis Polyolefine et (C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, EU:C:2015:754, punt 63).


31      Ara l-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex ittejjeb it-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u investimenti b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju, tal-15 ta’ Lulju 2015, COM(2015) 337 finali. Huwa propost li tiżdied il-premessa li ġejja mal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2003/87, jiġifieri: “Mill-2021 ’il quddiem, is-sehem tal-kwoti li għandu jiġi rkantat mill-Istati Membri għandu jkun 57%” (p. 20). Barra minn hekk, huwa propost li jitħassru, mill-Artikolu 10a(11) ta’ din id-direttiva, it-termini “bil-ħsieb li tintlaħaq sitwazzjoni fejn ma jkun hemm l-ebda allokazzjoni gratis fl-2027” (p. 23). Ara, f’dan ir-rigward, l-ispjegazzjonijiet ipprovduti fil-premessa 6 (p. 15).


32      Il-premessa 19 tad-Direttiva 2009/29 tippreċiża li din l-esklużjoni ġiet iġġustifikata bil-kapaċità tal-produtturi tal-elettriku li jiġbru l-ispiża tal-kwoti mill-konsumaturi, anki meta dawn il-kwoti ġew allokati mingħajr ħlas. F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li l-pressjoni kompetittiva ma kinitx suffiċjentement b’saħħitha sabiex tillimita l-konsegwenzi tal-valur tal-kwoti ta’ emissjoni fuq il-prezzijiet tal-elettriku, u wasslet sabiex b’hekk il-produtturi tal-elettriku kisbu benefiċċji eċċezzjonali (sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Iberdrola et, C‑566/11, C‑567/11, C‑580/11, C‑591/11, C‑620/11 u C‑640/11, EU:C:2013:660, punt 40). Madankollu l-Artikolu 10c tad-Direttiva 2003/87 jistabbilixxi sistema derogatorja billi jippermetti l-allokazzjoni mingħajr ħlas għall-modernizzazzjoni tal-produzzjoni tal-elettriku.


33      Din it-terminoloġija tintuża b’mod partikolari mill-Kummissjoni fil-“Guidance Document n°2 on the harmonized free allocation methodology for the EU‑ETS post 2012 – Guidance on allocation methodologies”, tad-29 ta’ Ġunju 2011, p. 23, disponibbli fuq l-indirizz https://ec.europa.eu/clima/sites/clima/files/ets/allowances/docs/gd2_allocation_methodologies_en.pdf.


34      Ara l-punti 42 u 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


35      Essenzjalment, “[i]l-punti ta’ riferiment huma kwantità ta’ emissjonijiet […] partikolari li l-Kummissjoni tirrikonoxxi bħala neċessarja sabiex tiġi prodotta kwantità partikolari tal-prodott inkwistjoni”, ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott, fil-Kawża Borealis Polyolefine et (C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, EU:C:2015:754, punt 40). F’dak li jirrigwarda l-użu ta’ dawn il-punti ta’ riferiment, ara s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, Borealis et (C‑180/15, EU:C:2016:647, punti 61 sa 71).


36      Ara s-sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2016, Borealis et (C‑180/15, EU:C:2016:647, punt 61), kif ukoll tat-8 ta’ Settembru 2016, E.ON Kraftwerke (C-461/15, EU:C:2016:648, punt 26).


37      Dawn il-koeffiċjenti ta’ tnaqqis huma indikati fl-Anness VI tad-Deċiżjoni 2011/278, konformement mal-Artikolu 10(4) ta’ din id-deċiżjoni.


38      Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/2/UE, tal-24 ta’ Diċembru 2009, li tiddetermina, skont id-Direttiva 2003/87, lista ta’ setturi u subsetturi meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilaxx tal-karbonju (ĠU 2010, L 1, p. 10). Din id-deċiżjoni tħassret, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2015, bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/746/UE, tas‑27 ta’ Ottubru 2014, li tiddetermina, skont id-Direttiva 2003/87, lista ta’ setturi u subsetturi meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għall-perijodu mill-2015 sal-2019 (ĠU2014, L 308, p. 114).


39      Ara l-Artikolu 15(2)(e) u(f) tad-Deċiżjoni 2011/278.


40      Ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278 (“mingħajr l-applikazzjoni tal-fatturi msemmija fl-Anness VI”). Ara, barra minn hekk, “Guidance Document n°2 on the harmonized free allocation methodology for the EU-ETS post 2012– Guidance on allocation methodologies”, p. 23: “Although [the basic allocation] does not necessarily reflect the preliminary amount allocated to installations, it should be included in the [national implementation measures] as it will be used for the determination of the cross-sectoral reduction factor”. Il-preċiżazzjoni hija ta’ importanza fuq il-livell tal-aritmetika peress li s-somma tal-allokazzjonijiet preliminari hija, bħala definizzjoni, inqas minn dik tas-somma tal-allokazzjonijiet bażiċi.


41      Ara l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(9) u l-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278. Ara, ukoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawżi Borealis Polyolefine  et (C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, EU:C:2015:754, b’mod partikolari l-punti 44 sa 60) u s-sentenza tat-28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et (C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, EU:C:2016:311).


42      Ara l-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


43      Jekk nieħdu eżempju numeriku ssemplifikat, jekk is-somma tal-allokazzjonijiet bażiċi tkun ta’ 100 u l-livell ikun ta’ 90, il-Kummissjoni hija marbuta tapplika fattur ta’ korrezzjoni transettorjali ta’ 0.9 fuq l-allokazzjonijiet preliminari ppjanati mill-Istati Membri.


44      Dan il-fattur kien ġie stabbilit għall-ewwel darba fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/448/UE, tal-5 ta’ Settembru 2013, dwar miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali għall-allokazzjoni tranżizzjonali mingħajr ħlas ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/87 (ĠU 2013, L 240, p. 27). Dan l-ewwel fattur ġie madankollu annullat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et (C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, EU:C:2016:311). Fid-dawl ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni stabbilixxiet fattur ta’ korrezzjoni ġdid billi adottat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/126, tal‑24 ta’ Jannar 2017, li temenda d-Deċiżjoni 2013/448/UE fir-rigward tal-istabbiliment ta’ fattur ta’ korrezzjoni transsettorjali uniformi f’konformità mal-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 (ĠU 2017, L 19, p. 93). Dan il-fattur huwa ta’ 89.207101 % għas-sena 2013. Wara, huwa ser jonqos kull sena – li jimplika tnaqqis ikbar tal-allokazzjonijiet preliminari – sabiex jilħaq 78.009186 % fl-2020.


45      Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikoli 1 u 2, kif ukoll l-Anness I tad-Deċiżjoni 2013/448.


46      Ara l-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


47      Ara l-punti 40 sa 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet. L-ipoteżi ta’ dikjarazzjoni iktar baxxa tal-emissjonijiet ġiet eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad-29 ta’ April 2015, Nordzucker (C‑148/14, EU:C:2015:287, punti 27 et seq).


48      Ara l-punt 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


49      Ara l-punti 19 sa 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Din l-allokazzjoni iktar baxxa tista’ tikkawża preġudizzju finanzjarju għal INEOS, kemm peress li jkollha tixtri iktar kwoti sabiex tissodisfa l-obbligu annwali ta’ ċessjoni, kif ukoll peress li hija ma tistax tbigħ fuq is-suq sekondarju l-kwoti eċċessivi li hija setgħat irċeviet mingħajr ħlas.


50      Ara s-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2016, DK Recycling und Roheisen vs Il‑Kummissjoni (C‑540/14 P, EU:C:2016:469, punti 52 sa 55).


51      Ara l-punti 51 sa 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


52      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 67); tas-26 ta’ Novembru 2015, MedEval (C‑166/14, EU:C:2015:779, punt 37), u tal-20 ta’ Ottubru 2016, Danqua (C‑429/15, EU:C:2016:789, punt 29).


53      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1997, Palmisani (C‑261/95, EU:C:1997:351, punti 33 u 40), kif ukoll tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana (C‑177/10, EU:C:2011:557, punti 90 u 91).


54      Ara l-punti 90 sa 103 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


55      Ara l-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet (b’mod partikolari l-kliem “b’hekk, teskludi”).


56      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroeck (C‑312/93, EU:C:1995:437, punt 14); tal-20 ta’ Ottubru 2016, Danqua (C‑429/15, EU:C:2016:789, punt 42), u tal-21 ta’ Diċembru 2016, TDC (C‑327/15, EU:C:2016:974, punt 97).


57      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1976, Rewe-Zentralfinanz u Rewe-Zentral (33/76, EU:C:1976:188, punt 5); tas-16 ta’ Diċembru 1976, Comet (45/76, EU:C:1976:191, punt 17), kif ukoll tad-29 ta’ Ottubru 2015, BBVA (C‑8/14, EU:C:2015:731, punt 28).


58      Sentenzi tad-29 ta’ Ottubru 2009, Pontin (C‑63/08, EU:C:2009:666, punt 48); tat-8 ta’ Lulju 2010, Bulicke (C‑246/09, EU:C:2010:418, punt 36), u tal-21 ta’ Diċembru 2016, TDC (C‑327/15, EU:C:2016:974, punt 98).


59      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1997, Palmisani (C‑261/95, EU:C:1997:351, punt 29), terminu ta’ sena; tal-15 ta’ Settembru 1998, Edis (C‑231/96, EU:C:1998:401, punt 35), terminu ta’ tliet snin; tat-28 ta’ Novembru 2000, Roquette Frères (C‑88/99, EU:C:2000:652, punt 24), terminu ta’ erba’ sa ħames snin; tal-24 ta’ Settembru 2002, Grundig Italiana (C‑255/00, EU:C:2002:525, punt 34), terminu ta’ tliet snin; tat-8 ta’ Mejju 2008, Ecotrade (C‑95/07 u C‑96/07, EU:C:2008:267, punt 48), terminu ta’ sentejn; tal-15 ta’ April 2010, Barth (C‑542/08, EU:C:2010:193, punt 29), terminu ta’ tliet snin; tat-8 ta’ Settembru 2011, Q‑Beef u Bosschaert (C‑89/10 u C‑96/10, EU:C:2011:555, punt 37), terminu ta’ ħames snin, kif ukoll tat-28 ta’ Lulju 2016, Astone (C‑332/15, EU:C:2016:614, punt 38), terminu ta’ sentejn.


60      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroeck (C‑312/93, EU:C:1995:437, punti 16 sa 21), terminu ta’ 60 ġurnata; tas-27 ta’ Frar 2003, Santex (C‑327/00, EU:C:2003:109, punti 54 sa 61), terminu ta’ 60 ġurnata; tas-17 ta’ Ġunju 2004, Recheio – Cash & Carry (C‑30/02, EU:C:2004:373, punti 19 sa 22), terminu ta’ 90 ġurnata; tad-29 ta’ Ottubru 2009, Pontin (C‑63/08, EU:C:2009:666, punti 60 sa 67), terminu ta’ ħmistax-il ġurnata, tat-8 ta’ Lulju 2010, Bulicke (C‑246/09, EU:C:2010:418, punti 37 sa 42), terminu ta’ xahrejn; tat-12 ta’ Lulju 2012, EMS‑Bulgaria Transport (C‑284/11, EU:C:2012:458, punti 52 sa 64), terminu ta’ tlieta sa erba’ xhur; tal-20 ta’ Ottubru 2016, Danqua (C‑429/15, EU:C:2016:789, punti 43 sa 49), terminu ta’ ħmistax-il ġurnata, u tal-21 ta’ Diċembru 2016, TDC (C‑327/15, EU:C:2016:974, punti 99 sa 106), terminu ta’ tliet xhur.


61      Ara l-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


62      Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 60.


63      Id-data ta’ referenza rrikonoxxuta bħala sodisfaċenti mill-verifikatur hija sussegwentement immultiplikata bil-punt ta’ riferiment applikabbli sabiex tiġi kkalkolata l-allokazzjoni bażika. Ara l-punt 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


64      Ara l-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


65      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2000, Preston et (C‑78/98, EU:C:2000:247, punt 34); tat-28 ta’ Novembru 2000, Roquette Frères (C‑88/99, EU:C:2000:652, punt 25); tat-18 ta’ Settembru 2003, Pflücke (C‑125/01, EU:C:2003:477, punt 35), kif ukoll tat-8 ta’ Settembru 2011, Q‑Beef u Bosschaert (C‑89/10 u C‑96/10, EU:C:2011:555, punt 36).


66      Ara, f’dan is-sens u fir-rigward tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 1986, Hurd (44/84, EU:C:1986:2, punti 46 sa 49).


67      Ara l-punti 62 sa 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


68      Nippreċiża li ma jidhirlix li huwa possibbli, fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87, li sseħħ tali allokazzjoni addizzjonali mingħajr ma l-Kummissjoni tivverifika jekk il-limitu previst f’din id-dispożizzjoni inqabisx u, jekk ikun il-każ, mingħajr ma temenda l-fattur ta’ korrezzjoni transettorjali.


69      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1997, Palmisani (C‑261/95, EU:C:1997:351, punt 28); tas-17 ta’ Ġunju 2004, Recheio – Cash & Carry (C‑30/02, EU:C:2004:373, punt 18); tat-8 ta’ Settembru 2011, Q‑Beef u Bosschaert (C‑89/10 u C-96/10, EU:C:2011:555, punt 36), kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2016, TDC (C‑327/15, EU:C:2016:974, punt 98).


70      Ara l-punti 57 sa 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


71      Ara l-punt 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


72      Bħala eżempju, u skont in-numri mressqa mill-Gvern Ġermaniż, kull emenda tal-fattur ta’ korrezzjoni transettorjali jeżiġi li jiġu emendati kważi 9 000 deċiżjoni ta’ allokazzjoni. Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et (C‑127/07, EU:C:2008:728, punti 64 sa 69), li t-trattament differenzjat tas-settur tal-azzar – inkluż fis-sistema stabbilita mid-Direttiva 2003/87 mill-implementazzjoni tagħha – u tas-settur tal-kimika – inizjalment eskluż – kien iġġustifikat fir-rigward tal-piż amministrattiv u tar-riskju għall-funzjonament tajjeb tas-sistema li kienet timplika l-inklużjoni immedjata ta’ dan is-settur tal-aħħar.


73      Ara l-punt 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet.