Language of document : ECLI:EU:T:2022:242

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

27 ta’ April 2022 (*)

“Klawżola ta’ arbitraġġ – Ftehim ta’ sussidju konkluż fil-kuntest tas-Seba’ Programm Qafas għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u d-dimostrazzjoni (2007‑2013) – Spejjeż eliġibbli – Talba għal rimbors – Awditu finanzjarju – Investigazzjoni tal-OLAF – Kunflitt ta’ interessi minħabba rabtiet familjari jew emozzjonali – Prinċipju ta’ bona fide – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-istatus matrimonjali – Aspettattivi leġittimi – Rikors għal annullament – Noti ta’ debitu – Atti indissoċjabbli tal-kuntratt – Att li ma jistax jiġi kkontestat – Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑4/20,

Sieć Badawcza Łukasiewicz – Port Polski Ośrodek Rozwoju Technologii, stabbilita fi Vratislavie (il-Polonja), irrappreżentata minn Ł. Stępkowski, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Araujo Arce u J. Estrada de Solà, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, M. Jaeger (Relatur) u M. Stancu, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari:

–        it-talba għall-ommissjoni ta’ ċerta data fil-konfront tal-pubbliku mressqa mir-rikorrenti permezz ta’ att separat fit‑3 ta’ Jannar 2020 skont l-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali,

–        ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Mejju 2020 li fiha l-Kummissjoni tippreċiża li ma topponix it-talba mressqa mir-rikorrenti skont l-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura,

wara s-seduta tal‑5 ta’ Ottubru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti, Sieć Badawcza Łukasiewicz – Port Polski Ośrodek Rozwoju Technologii, titlob, prinċipalment, abbażi tal-Artikolu 272 TFUE, il-konstatazzjoni tal-ineżistenza tal-kreditu kuntrattwali tal-Kummissjoni Ewropea inkwistjoni f’sitt noti ta’ debitu maħruġa fit‑13 ta’ Novembru 2019 għal ammont totali ta’ EUR 180 893.90, li jinkludu ammont prinċipali ta’ EUR 164 449 u danni ta’ EUR 16 444.90, kif ukoll il-kundanna tal-Kummissjoni għar-rimbors tal-ammonti li jinsabu f’dawn in-noti ta’ debitu, u, sussidjarjament, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, l-annullament tal-ittra tal-Kummissjoni tat‑12 ta’ Novembru 2019 li hija indirizzata lilha.

I.      Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Ir-rikorrenti hija istitut ta’ riċerka li laqa’ tliet ftehimiet ta’ sussidju, skont is-Seba’ Programm Qafas tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (2007‑2013) (iktar ’il quddiem il-“PC7”), bħala benefiċjarja.

3        Bejn ix-xahar ta’ Diċembru 2007 u x-xahar ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni kkonkludiet diversi ftehimiet ta’ sussidju, b’mod partikolari dawk bin-numri Nru 215669‑EUWB, Nru 248577‑C2POWER u Nru 257626‑ACROPOLIS (iktar ’il quddiem, rispettivament, il-“ftehim ta’ sussidju EUWB”, il-“ftehim ta’ sussidju C2POWER” u l-“ftehim ta’ sussidju ACROPOLIS” jew, meħuda flimkien, il-“ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni”) ma’ tliet konsorzji, li huma komposti minn diversi korpi ta’ riċerka ta’ Stati Membri differenti, b’kull konsorzju mmexxi minn koordinatur. Filwaqt li l-koordinaturi tal-konsorzji kienu l-imsieħba kuntrattwali prinċipali tal-Kummissjoni, kull benefiċjarju kellu l-istatus ta’ parti fil-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni.

4        Ir-rikorrenti, li dak iż-żmien kienet tissejjaħ Wrocławskie Centrum Badań EIT+, aċċettat il-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni bħala benefiċjarja.

5        Bejn it‑12 u l‑14 ta’ Awwissu 2013, il-ftehim ta’ sussidju C2POWER – ma’ ftehimiet ta’ sussidju oħra konklużi taħt il-PC7 (il-proġetti SAPHYRE u FIVER) – kien is-suġġett ta’ awditu mwettaq minn kumpannija ta’ awditu esterna li kienet qiegħda taġixxi bħala mandatarja tal-Kummissjoni.

6        Fil‑11 ta’ Ottubru 2013, ir-rikorrenti pprovdiet l-informazzjoni addizzjonali mitluba mill-awdituri fl-okkażjoni ta’ laqgħa ta’ għeluq organizzata fl‑14 ta’ Awwissu 2013.

7        Fis‑17 ta’ Frar 2014, l-awdituri bagħtu lir-rikorrenti l-abbozz inizjali tar-rapport tal-awditu. Permezz ta’ ittra tas‑7 ta’ Marzu 2014, ir-rikorrenti bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-imsemmi rapport.

8        Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ April 2014, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti r-rapport ta’ awditu finali tal‑21 ta’ Marzu 2014 (Nru 13‑BA 222‑030) dwar il-ftehim ta’ sussidju C2POWER u dwar il-proġetti SAPHYRE u FIVER (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ awditu finali”) u informatha li hija kienet tikkunsidra l-awditu bħala magħluq.

9        Fil‑15 ta’ Settembru 2014, fil-kuntest tal-investigazzjoni OF/2013/0325/A 3, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) bagħat lir-rikorrenti, fil-kwalità tagħha ta’ persuna kkonċernata, talba għall-produzzjoni ta’ dokumenti relatati ma’ sigħat iddikjarati minn wieħed mill-impjegati tagħha (iktar ’il quddiem l-“impjegat inkwistjoni”) fil-kuntest tal-proġetti tagħha ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea. Fit‑8 ta’ Ottubru 2014, ir-rikorrenti bagħtet id-dokumenti mitluba lill-OLAF.

10      Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ Ottubru 2014, l-OLAF talab lir-rikorrenti tipproduċi dokumenti ġustifikattivi oħra dwar tnejn oħra mill-impjegati tagħha. Permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Novembru 2014, ir-rikorrenti pprovdiet id-dokumenti mitluba.

11      Fil‑15 ta’ Jannar 2015, l-OLAF informa lir-rikorrenti, bħala persuna kkonċernata mill-investigazzjoni, bl-aġir li kienet akkużata bih, jiġifieri l-kompliċità tagħha fid-dikjarazzjonijiet foloz magħmula fuq ir-rekords tal-ħin tax-xogħol tal-impjegat inkwistjoni u ta’ tnejn oħra mill-impjegati tagħha.

12      Fis‑27 ta’ Jannar 2015, ir-rikorrenti bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha lill-OLAF, li fihom hija kkontestat l-allegazzjonijiet ta’ dan tal-aħħar.

13      Fl‑1 ta’ Ġunju 2015, l-OLAF informa lir-rikorrenti bl-għeluq tal-investigazzjoni kif ukoll bir-rakkomandazzjonijiet tiegħu, trażmessi lill-awtoritajiet ġudizzjarji Pollakki u lid-dipartimenti kompetenti tal-Kummissjoni.

14      Fil‑25 ta’ Ġunju 2015, ir-rikorrenti bagħtet ittra lill-OLAF li kien fiha ċertu numru ta’ talbiet għal informazzjoni u dokumenti ta’ sostenn, li fiha hija talbitu b’mod partikolari għal kopja tar-rapport ta’ investigazzjoni tiegħu.

15      Fl‑10 ta’ Awwissu 2015, l-OLAF ipprovda l-informazzjoni mitluba lir-rikorrenti, bl-eċċezzjoni ta’ dik suġġetta għal regoli stretti fil-qasam tal-kunfidenzjalità u tal-protezzjoni tad-data personali li fosthom kien hemm ir-rapport ta’ investigazzjoni tiegħu. B’hekk l-OLAF ippreċiża l-fatti inkwistjoni, il-perijodu u l-proġetti li kienu relatati magħhom dawn il-fatti (jiġifieri l-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni, il-proġett SAPHYRE u l-proġett ONEFIT) kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet indirizzati lid-Direttorat Ġenerali kompetenti dwar l-irkupru tal-ammont ikkonċernat.

16      Permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Settembru 2015, ir-rikorrenti talbet lill-OLAF jipprovdilha informazzjoni ddettaljata u d-dispożizzjonijiet legali rilevanti dwar l-investigazzjoni tagħha. Dan wieġeb fid‑9 ta’ Novembru 2015.

17      Fis‑7 ta’ Awwissu 2018, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bl-intenzjoni tagħha li toħroġ żewġ noti ta’ debitu, għal ammont prinċipali ta’ EUR 374 188 u għal ammont ta’ EUR 30 200 bħala danni, abbażi tal-konklużjonijiet tal-OLAF dwar il-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni, il-proġett SAPHYRE u l-proġett ONEFIT.

18      Fis‑26 ta’ Ottubru 2018, ir-rikorrenti bagħtet ittra lill-Kummissjoni li fiha hija kkontestat il-konklużjonijiet tal-OLAF u talbitha tieħu inkunsiderazzjoni diversi ċirkustanzi fattwali u legali qabel ma adottat il-miżuri ta’ rkupru.

19      Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Lulju 2019, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li wħud mill-osservazzjonijiet tagħha kienu wassluha sabiex tibdel il-pożizzjoni inizjali tagħha. B’mod iktar preċiż, l-ispejjeż tal-persunal taż-żewġ impjegati l-oħra tagħha kienu finalment ġew aċċettati u kienu biss l-ispejjeż tal-persunal tal-impjegat inkwistjoni, relatati mal-perijodu bejn ix-xahar ta’ Awwissu 2010 u x-xahar ta’ Ottubru 2012, li kienu ġew miċħuda, bil-konsegwenza li kien hemm ammont totali mitlub ta’ EUR 180 895.90.

20      Fid‑29 ta’ Awwissu 2019, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni t-tieni ittra ta’ kontestazzjoni, li fiha talbitha tieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet addizzjonali tagħha għall-miżuri li hija kellha l-intenzjoni tadotta.

21      Il-Kummissjoni rrispondiet lir-rikorrenti b’ittra tat‑12 ta’ Novembru 2019 li fiha żammet il-pożizzjoni tagħha u informatha bil-ħruġ ta’ noti ta’ debitu (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Din l-ittra kienet annessa ma’ messaġġ elettroniku tat‑13 ta’ Novembru 2019 li miegħu kienu mehmuża wkoll in-noti ta’ debitu Nru 3241913641 (ftehim ta’ sussidju ACROPOLIS, prinċipali, ammont ta’ EUR 72 592), Nru 3241913642 (ftehim ta’ sussidju EUWB, danni, ammont ta’ EUR 7 259.20), Nru 3241913643 (ftehim ta’ sussidju EUWB, prinċipali, ammont ta’ EUR 64 818), Nru 3241913644 (ftehim ta’ sussidju C2POWER, danni, ammont ta’ EUR 6 481.80), Nru 3241913645 (ftehim ta’ sussidju CPOWER, prinċipali, EUR 2 703.90) u Nru 3241913647 (ftehim ta’ sussidju ACROPOLIS, danni, ammont ta’ EUR 2 703.90), pagabbli fit‑30 ta’ Diċembru 2019.

22      Fit‑23 ta’ Diċembru 2019, ir-rikorrenti ħallset l-ammonti kollha mitluba mill-Kummissjoni.

23      Permezz ta’ ittra tal‑24 ta’ Diċembru 2019, ir-rikorrenti kkontestat il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, tal-messaġġ elettroniku tal-Kummissjoni tat‑13 ta’ Novembru 2019 kif ukoll tan-noti ta’ debitu mehmuża mal-imsemmi messaġġ elettroniku u kkontestat dawn tal-aħħar.

II.    Talbiet talpartijiet

24      Ir-rikorrenti titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tilqa’ r-rikors tagħha ppreżentat abbażi tal-Artikolu 272 TFUE billi tikkonstata, minn naħa, l-ineżistenza tal-kreditu kuntrattwali invokat mill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, l-eliġibbiltà tal-ispejjeż tal-persunal mitluba fin-noti ta’ debitu Nru 3241913641 (EUR 72 592), Nru 241913643 (EUR 64 818) u Nru 3241913645 (EUR 27 039) tat‑13 ta’ Novembru 2019;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għar-rimbors tas-somom li hija ħallset permezz tan-noti ta’ debitu Nru 3241913641, Nru 3241913642, Nru 3241913643, Nru 3241913644, Nru 3241913645, u Nru 3241913647 tat‑13 ta’ Novembru 2019, bl-interessi, peress li l-imsemmija somom diġà tħallsu b’mod provviżorju, bla ħsara għall-eżitu ta’ din l-istanza;

–        sussidjarjament, tilqa’ r-rikors tagħha ppreżentat abbażi tal-Artikolu 263 TFUE billi tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

25      Il-Kummissjoni titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors ippreżentat skont l-Artikolu 272 TFUE bħala infondat;

–        tiddikjara li l-ammont ta’ EUR 180 893.90, li jinkludi l-ammont prinċipali ta’ EUR 164 449 u l-ammont ta’ EUR 16 444.90 bħala danni, imsemmi fin-noti ta’ debitu Nru 3241913641, Nru 3241913642, Nru 3241913643, Nru 3241913644, Nru 3241913645 u Nru 3241913647 tat‑13 ta’ Novembru 2019, jikkorrispondi għal spejjeż mhux eliġibbli;

–        tiċħad ir-rikors ippreżentat sussidjarjament skont l-Artikolu 263 TFUE bħala manifestament inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Iddritt

A.      Fuq ittalba għal ommissjoni ta’ data

26      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑3 ta’ Jannar 2020, ir-rikorrenti ressqet talba għall-ommissjoni ta’ ċerta data fil-konfront tal-pubbliku, skont l-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sabiex tiġi żgurata, minn naħa, il-protezzjoni tad-data personali u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tas-sigriet kummerċjali.

27      Permezz ta’ din it-talba, ir-rikorrenti tixtieq, essenzjalment, l-ommissjoni tat-tipi ta’ data segwenti:

–        l-isem tal-persuni li kienu u li huma attwalment impjegati minnha;

–        l-ismijiet ta’ terzi;

–        il-kontenut tal-kuntratti ta’ xogħol tal-impjegati tagħha;

–        informazzjoni oħra inkluża fir-rikors jew fl-annessi li tista’ tippermetti l-identifikazzjoni ta’ persuna mill-pubbliku;

–        l-istruttura organizzattiva tiegħu;

–        ir-rapport tal-OLAF, fil-każ li dan jiġi prodott.

28      Barra minn hekk, ir-rikorrenti titlob li, fil-każ ta’ pubblikazzjoni ta’ din is-sentenza, jiġu ppubblikati biss estratti li minnhom ma tistax tirriżulta l-identifikazzjoni tal-persuni kkonċernati minn din il-proċedura jew l-iżvelar ta’ dettalji dwar l-istruttura organizzattiva tagħha, il-prattiki tagħha ta’ ġestjoni jew l-aġir tagħha bħala persuna li timpjega.

29      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, fil-konċiljazzjoni bejn il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u tas-sigriet kummerċjali, il-qorti għandha tfittex, fiċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, il-bilanċ ġust, billi tieħu inkunsiderazzjoni wkoll id-dritt tal-pubbliku li jkollu aċċess, skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 15 TFUE, għad-deċiżjonijiet ġudizzjarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2020, Broughton vs Eurojust, T‑87/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:464, punt 49).

30      F’dan il-każ, qabel kollox, f’din is-sentenza ma jidhrux l-ismijiet tal-persuni li kienu u li huma attwalment impjegati mir-rikorrenti, l-ismijiet ta’ terzi u l-informazzjoni l-oħra li tidher fir-rikors jew fl-annessi li tista’ tippermetti l-identifikazzjoni ta’ persuna mill-pubbliku.

31      Sussegwentement, it-talba dwar ir-rapport tal-OLAF ma għandhiex skop sa fejn il-produzzjoni ta’ dan tal-aħħar tkun għadha ma seħħitx.

32      Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-informazzjoni dwar il-kontenut tal-kuntratti ta’ xogħol, l-istruttura organizzattiva tar-rikorrenti, il-prattiki tagħha ta’ ġestjoni u l-aġir tagħha bħala persuna li timpjega, f’din is-sentenza jidhru biss dawk li l-ommissjoni tagħhom tista’ tippreġudika l-aċċess u l-komprensjoni tas-sentenzi mill-pubbliku.

33      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-informazzjoni li tinsab f’din is-sentenza jew kienet ġiet ippreżentata u diskussa waqt is-seduta pubblika li nżammet fil‑5 ta’ Ottubru 2021, jew ma teżistix għaliha ġustifikazzjoni suffiċjenti għall-ommissjoni tagħha, b’tali mod li ma teżistix raġuni leġittima sabiex tintlaqa’ t-talba tar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal‑21 ta’ Lulju 2017, Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo vs Il‑Kummissjoni, T‑130/17 R, EU:T:2017:541, punt 62, u tal‑21 ta’ Lulju 2017, PGNiG Supply & Trading vs Il‑Kummissjoni, T‑849/16 R, EU:T:2017:544, punt 57).

B.      Fuq irrikors ippreżentat skont lArtikolu 272 TFUE

1.      Fuq it-talba għall-konstatazzjoni tal-ineżistenza tal-kreditu kuntrattwali u tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż tal-persunal u fuq it-talba għal rimbors tas-somom imħallsa

34      Insostenn tal-kapijiet tat-talbiet tagħha fformulati, prinċipalment, fil-kuntest tar-rikors tagħha ppreżentat skont l-Artikolu 272 TFUE, ir-rikorrenti tressaq erba’ motivi, ibbażati fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni, tad-dritt Belġjan, tad-dritt industrijali Pollakk u tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

a)      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni

35      Ir-rikorrenti tqajjem tliet ilmenti insostenn tal-ewwel motiv tagħha.

1)      Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu II.22(1) u (6) tal-Anness II tal-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni minħabba l-irkupru unilaterali tal-fondi u tal-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa

36      Permezz tal-ewwel ilment tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta l-legalità kemm tal-irkupru imwettaq mill-Kummissjoni kif ukoll tal-impożizzjoni minn din tal-aħħar ta’ kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali li jirregolaw din il-kompetenza.

37      Fil-fatt, hija tqis li jekk l-Artikolu II.22(6) tal-Anness II tal-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni jippermetti lill-Kummissjoni tadotta miżuri bħall-ħruġ ta’ ordnijiet ta’ rkupru jew l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa għandu jsir abbażi tal-konklużjonijiet ta’ awditu, fis-sens tal-Artikolu II.22(1) tal-Anness II tal-imsemmija ftehimiet.

38      Issa, minn naħa, il-Kummissjoni eżiġiet ħlas min-naħa tar-rikorrenti mingħajr ma bbażat ruħha fuq il-konklużjonijiet tal-awditu fir-rigward tal-ftehimiet ta’ sussidju EUWB u ACROPOLIS u, fir-rigward tal-ftehim ta’ sussidju C2POWER, billi aġixxiet b’mod li jmur kontra l-konklużjonijiet tal-awditu, li hija madankollu aċċettat.

39      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq ir-rapport ta’ investigazzjoni tal-OLAF, li ma jikkostitwixxix awditu finanzjarju fis-sens tal-Artikolu II.22(1) tal-Anness II tal-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tiddikjara li għalkemm l-Artikolu II.22(8) tal-Anness II tal-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni jippermetti lill-Kummissjoni li tirrikorri għall-OLAF sabiex twettaq spezzjonijiet u verifiki fuq il-post, din id-dispożizzjoni ma tawtorizzahiex madankollu li tidderoga mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu II.22(6) tal-Anness II tal-imsemmija ftehimiet.

40      Konsegwentement, ir-rikorrenti tikkonkludi li d-dispożizzjonijiet kuntrattwali applikabbli ma kinux jippermettu lill-Kummissjoni taġixxi kif għamlet, billi pproċediet għall-irkupru tal-fondi u tal-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa b’mod unilaterali minflok ma ressqet talba għal ħlas quddiem il-qorti kompetenti u billi sempliċement ikkontestat il-fatti mingħajr ma pproduċiet provi insostenn ta’ din il-kontestazzjoni.

41      Ir-rikorrenti żżid li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, la r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal‑25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74, iktar ’il quddiem ir-“Regolament finanzjarju”) u lanqas l-Artikolu 317 TFUE waħdu ma jagħtuha s-setgħa kuntrattwali awtonoma li titlob irkupru fl-assenza ta’ kwalunkwe rapport ta’ awditu finali jew kuntrarjament għall-konklużjonijiet ta’ tali rapport, konformement mal-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni.

42      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

43      L-ewwel, it-Taqsima 3, intitolata “Verifiki u sanzjonijiet”, tal-Anness II tal-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni tinkludi l-Artikolu II.22, intitolat “Awditi finanzjarji u verifiki”, li jipprevedi, minn naħa, proċeduri ta’ awditu u, min-naħa l-oħra, proċeduri ta’ verifika.

44      Fir-rigward tal-proċeduri ta’ awditu, l-Artikolu II.22(1) tal-Anness II tal-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni jipprovdi li, “f’kull mument tal-eżekuzzjoni tal-proġett u sa ħames snin wara t-tmiem tal-proġett, il-Kummissjoni tista’ twettaq awditi finanzjarji, kemm permezz ta’ awditi esterni, kif ukoll permezz tad-dipartimenti tal-Kummissjoni stess, inkluż l-OLAF”. Dan l-artikolu jipprovdi wkoll li “[i]l-proċedura ta’ awditu titqies li nbdiet fid-data ta’ riċezzjoni tal-ittra relatata mibgħuta mill-Kummissjoni”, li “[d]awn l-awditi jistgħu jikkonċernaw aspetti finanzjarji, sistematiċi u oħrajn (bħall-prinċipji ta’ kontabbiltà u ta’ ġestjoni) relatati mal-eżekuzzjoni t-tajba tal-ftehim ta’ sussidju”, u li “[d]awn l-awditi għandhom isiru fuq bażi kunfidenzjali”.

45      L-Artikolu II.22(6) tal-Anness II tal-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni jżid li, “[a]bbażi tal-konklużjonijiet tal-awditu, il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri adatti kollha li hija tqis neċessarji, inkluż il-ħruġ ta’ ordnijiet ta’ rkupru għall-ħlasijiet kollha jew parti minnhom li hija għamlet u l-impożizzjonijiet tas-sanzjonijiet kollha applikabbli”.

46      Fir-rigward tal-proċeduri ta’ verifika, l-Artikolu II.22(8) tal-Anness II tal-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni jiddisponi, fir-rigward tal-possibbiltà li jiġu adottati miżuri ta’ investigazzjoni, li, “[b]arra minn hekk”, il-Kummissjoni “tista’ tagħmel kontrolli fuq il-post u spezzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal‑11 ta’ Novembru 1996 dwar kontrolli fuq il-post u spezzjonijiet imwettqin mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Kommunitajiet Ewropej kontra l-frodi u irregularitajiet oħra u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-[OLAF] [kif ukoll ir-]Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 tal‑25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-[OLAF]”.

47      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-proċeduri ta’ verifika, kif previsti fil-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni, huma miżuri li jaqgħu fil-kuntest kuntrattwali li jorbot lill-partijiet, li jeżistu flimkien mal-proċeduri ta’ awditu, b’mod awtonomu.

48      It-tieni, sabiex jippermetti l-implimentazzjoni tal-proċeduri msemmija fl-Artikolu II.22 tal-Anness II tal-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni, l-Artikolu II.3(g) tal-imsemmi anness jipprevedi li “kull benefiċjarju għandu […] jipprovdi direttament lill-Kummissjoni, inkluż l-[OLAF] u l-Qorti tal-Awdituri, l-informazzjoni kollha neċessarja fil-kuntest tal-verifiki u tal-awditi”.

49      L-ittra tal-OLAF tal‑15 ta’ Settembru 2014, li titlob il-produzzjoni ta’ ċerti dokumenti min-naħa tar-rikorrenti (ara l-punt 9 iktar ’il fuq), issegwi speċifikament dan l-għan, li jiġġustifika l-miżura ta’ investigazzjoni abbażi tal-Artikolu II.3(g) tal-Anness II tal-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni.

50      Il-proċedura mmexxija mill-OLAF taqa’, għalhekk, fil-kuntest kuntrattwali stabbilit mill-partijiet.

51      It-tielet, huwa sinjifikattiv li t-talba għall-produzzjoni ta’ dokumenti tal‑15 ta’ Settembru 2014 ma hijiex ibbażata fuq l-Artikolu II.22(3) tal-Anness II tal-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni. Dan tal-aħħar jipprevedi:

“Il-benefiċjarji jżommu l-oriġinali jew, f’każijiet eċċezzjonali, kopji debitament awtentikati – inklużi kopji elettroniċi – tad-dokumenti kollha relatati mal-ftehim ta’ sussidju għal perijodu massimu ta’ ħames snin mit-tmiem tal-proġett. Dawn jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni fuq talba matul kull awditu mwettaq fil-kuntest tal-ftehim ta’ sussidju.”

52      Jekk talba bbażata fuq din id-dispożizzjoni tippermetti li jintlaħaq l-istess riżultat bħal talba fformulata bis-saħħa tal-Artikolu II.3(g) tal-Anness II tal-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni, l-Artikolu II.22(3) tal-imsemmi anness japplika biss fil-kuntest tal-proċeduri ta’ awditu u mhux f’dak tal-proċeduri ta’ verifika. Barra minn hekk, l-istess raġunament japplika għall-finijiet ta’ delimitazzjoni tal-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tal-Artikolu II.22(3) tal-Anness II tal-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni u tal-Artikolu II.22(8) tal-imsemmi anness.

53      Għaldaqstant, il-proċedura mmexxija mill-OLAF f’dan il-każ taqa’ taħt il-proċeduri ta’ verifika previsti mid-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni.

54      Ir-raba’, fil-kuntest tal-proċedura ta’ verifika implimentata f’dan il-każ, il-Kummissjoni identifikat l-irregolaritajiet imwettqa mir-rikorrenti li jwasslu għall-ineliġibbiltà ta’ ċerti spejjeż.

55      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu II.21(1) tal-Anness II tal-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni jipprevedi li, “[f]il-każ li fih somma dovuta lill-[Unjoni] mill-benefiċjarju għandha tiġi rkuprata wara x-xoljiment jew it-tmiem ta’ ftehim ta’ sussidju abbażi tal-[PC7], il-Kummissjoni għandha titlob ir-rimbors tal-ammont dovut billi toħroġ ordni ta’ rkupru indirizzata lill-benefiċjarju”.

56      Konformement ma’ din id-dispożizzjoni, li fuqha hija bbażata espressament id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kellha d-dritt li tislet il-konsegwenzi mill-eżitu tal-proċedura ta’ verifika billi titlob l-irkupru tas-somom dovuti mingħand ir-rikorrenti.

57      Għalhekk, kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tar-rikorrenti li, minn naħa, l-Artikolu II.22(8) tal-Anness II tal-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni ma jawtorizzax lill-Kummissjoni tidderoga mill-Artikolu II.22(6) tal-imsemmi anness u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma tistax tinjora rapport ta’ awditu finali skont il-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni, il-proċedura segwita f’dan il-każ hija indipendenti mill-proċedura ta’ awditu msemmija mir-rikorrenti.

58      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 9(1) tal-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni jindika espressament li dawn il-ftehimiet huma “irregolati […] mir-Regolament finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali u r-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu […]”.

59      Issa, l-Artikolu 119 tar-Regolament finanzjarju jiddisponi kif ġej:

“1.      L-ammont ta’ l-għotja m’għandux isir finali sa wara li l-istituzzjoni tkun aċċettat ir-rapporti u l-kontijiet finali, bla ħsara għal verifiki sussegwenti mill-istituzzjoni.

2.      Jekk il-benefiċjarju jonqos milli jkun konformi ma’ l-obigazzjonijiet legali jew kontrattwali tiegħu, l-għotja għandha tkun sospiża u mnaqqas jew itterminata fil-każi li hemm provvediment dwarhom fir-regoli ta’ l-implimentazzjoni wara li l-benefiċjarju jkun ingħata l-opportunità li jressaq l-osservazzjonijiet tiegħu.”

60      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li l-Artikolu 119 tar-Regolament Finanzjarju, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-mument tal-fatti, ma jimponix rekwiżit proċedurali partikolari u speċifiku fir-rigward tal-mod kif jiġu identifikati l-irregolaritajiet fil-kuntest tal-proċeduri ta’ verifika mibdija wara l-aċċettazzjoni tar-rapporti u tal-kontijiet finali.

61      Sussegwentement, il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, fis-seħħ fil-mument tal-fatti, ma jinvolvux iktar rekwiżiti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, il-punt (a) tal-ewwel paragrafu u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 183 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat‑23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament [finanzjarju] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145) jagħtu dritt lill-uffiċjal responsabbli, b’mod partikolari, li jitlob ir-rimbors korrispondenti mingħand il-benefiċjarju fil-każ ta’ eżekuzzjoni ħażina tal-programm ta’ xogħol approvat.

62      Fl-aħħar nett, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula waqt is-seduta, ir-rikorrenti ammettiet l-applikabbiltà tal-Artikolu 119 tar-Regolament finanzjarju għall-kuntest kuntrattwali, bla ħsara għall-identifikazzjoni ta’ irregolarità.

63      Konsegwentement, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli ma osservatx ir-rekwiżiti proċedurali meħtieġa fil-kuntest tal-proċedura ta’ verifika implimentata f’dan il-każ.

64      Il-ħames, huwa stabbilit li, wara l-osservazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti fl-ittra tagħha tas‑26 ta’ Ottubru 2018, il-Kummissjoni naqqset l-ammont tas-somom li hija kienet qiegħda titlob mingħandha. Issa, sabiex tikkontesta l-konklużjonijiet tar-rapport tal-OLAF li fuqhom kienu bbażati l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq ir-rapport ta’ awditu finali. Għaldaqstant, sabiex tistabbilixxi l-ordnijiet ta’ rkupru, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-evalwazzjonijiet li jirriżultaw kemm mill-proċedura ta’ awditu kif ukoll mill-proċedura ta’ verifika. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni aġixxiet fil-kuntest tas-setgħat mogħtija lilha mill-Artikolu II.22(6) u mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu II.21(1) tal-Anness II tal-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni, fatt li huwa rifless fid-deċiżjoni kkontestata.

65      Konsegwentement, il-proċedura segwita mill-Kummissjoni sabiex titlob ir-rimbors ta’ somom li hija qieset li kienu dovuti ma tiksirx id-dispożizzjonijiet kuntrattwali. Għalhekk, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

2)      Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu II.14(1)(a) u (b) tal-Anness II tal-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni minħabba t-talba għal pagamenti li jikkorrispondu għall-ispejjeż reali

66      Permezz tat-tieni lment tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kienet obbligata taċċetta r-realtà tal-ispejjeż tal-persunal tal-impjegat inkwistjoni, sa fejn ir-rapport ta’ awditu finali kien ikkonferma speċifikament l-awtentiċità tagħhom, li hija konklużjoni li l-Kummissjoni kienet aċċettat fl-ittra tagħha tat‑22 ta’ April 2014.

67      Minn dan ir-rikorrenti tikkonkludi li, billi warrbet il-konklużjonijiet tal-awdituri mingħajr madankollu ma pproduċiet provi insostenn ta’ din il-possibbiltà u mingħajr ma pprovdiet spjegazzjonijiet dwar ir-rilevanza tal-konklużjonijiet tal-OLAF minkejja li hija ċaħdithom parzjalment, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu II.14(l)(a) u (b) tal-Anness II tal-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni u, għalhekk, wettqet żball ta’ fatt.

68      Ir-rikorrenti żżid li hija irrilevanti l-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tat-tqassim tal-oneru tal-prova tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż sostnuti mill-benefiċjarju ta’ sussidju u tal-kapaċità tagħha li tirkupra finanzjament. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li, f’dan il-każ, peress li r-rapport ta’ awditu finali, li jikkonferma r-realtà tal-ispejjeż kontenzjużi, kien ingħata, l-oneru tal-prova tan-natura żbaljata ta’ dan ir-rapport u tal-ineliġibbiltà ta’ ċerti spejjeż tal-persunal jaqa’ fuq il-Kummissjoni.

69      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

70      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-argument tar-rikorrenti, fil-kuntest tat-tieni lment tal-ewwel motiv tagħha, jikkonsisti fil-kritika tal-Kummissjoni li kisret id-dispożizzjonijiet kuntrattwali minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tan-natura allegatament vinkolanti tar-rapport ta’ awditu finali.

71      Issa, minn naħa, tali valur mogħti lill-awditi ma jirriżultax mid-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni. Għall-kuntrarju, in-natura provviżorja tas-saħħa probatorja tagħhom hija stabbilita fl-Artikolu II.22(1) tal-Anness II tal-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni, li jirrikonoxxi l-possibbiltà li jitwettqu awditi ġodda matul il-ħames snin wara t-twettiq tal-proġett ikkonċernat. Bl-istess mod, l-Artikolu II.22(8) tal-Anness II tal-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni jippermetti lill-Kummissjoni tibda investigazzjonijiet skont ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-[OLAF] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 91), li tħassar bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-[OLAF] u li jħassar ir-Regolament [Nru 1073/1999] u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU 2013, L 248, p. 1).

72      Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 58 sa 62 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata taqa’ fil-kuntest tal-Artikolu 119 tar-Regolament finanzjarju, li l-ewwel paragrafu tiegħu jindika espressament li l-aċċettazzjoni mill-istituzzjoni tar-rapporti u tal-kontijiet finali hija “bla ħsara għal verifiki sussegwenti mill-istituzzjoni”.

73      Għalhekk, ir-rapport ta’ awditu finali, anki wara validazzjoni mill-Kummissjoni, ma jistax jitqies li huwa impost fuqha b’mod vinkolanti u li ma jistax jinbidel. Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li, sabiex ma twettaqx żball ta’ fatt li jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu II.14(1)(a) u (b) tal-Anness II tal-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni, il-Kummissjoni kienet obbligata tammetti l-awtentiċità tal-ispejjeż tal-persunal tal-impjegat inkwistjoni sa fejn awditu, li kienet approvat il-konklużjonijiet tiegħu, kien irrikonoxxa minn qabel in-natura reali tagħhom.

74      Għall-istess raġunijiet, l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma pproduċietx prova tan-natura żbaljata tar-rapport ta’ awditu finali huwa irrilevanti. Fil-fatt, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 72 iktar ’il fuq jirriżulta li, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali tal-każ, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta mill-konstatazzjonijiet ta’ awditu finanzjarju meta verifika sussegwenti għal dan l-awditu tqiegħed inkwistjoni r-riżultati ta’ dan tal-aħħar.

75      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, it-tieni lment għandu jiġi miċħud.

3)      Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq il-ksur, minn naħa, tal-Artikolu II.3(n) tal-Anness II tal-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni minħabba l-identifikazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ riskju ta’ kunflitt ta’ interessi minħabba l-eżistenza ta’ rabtiet familjari u, min-naħa l-oħra, tal-Artikoli 7 u 9 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea minħabba diskriminazzjoni bbażata fuq l-istatus matrimonjali

76      Qabel kollox, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi li kien hemm riskju ta’ kunflitt ta’ interessi, fis-sens tal-Artikolu II.3(n) tal-Anness II tal-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni, li jwassal għall-kontestazzjoni tal-affidabbiltà tar-rekords tan-numru ta’ sigħat maħduma mill-impjegat inkwistjoni minħabba l-aċċess li minnu l-konjuġi tiegħu kienet tibbenefika għall-imsemmija rekords.

77      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li, minkejja l-fatt li ġiet mgħarrfa, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, minn naħa, il-verifika li għaliha kienu suġġetti kemm l-impjegat inkwistjoni kif ukoll il-konjuġi tiegħu mis-superjuri ġerarkiċi rispettivi tagħhom, li vverifikaw l-awtentiċità tax-xogħol tal-impjegat inkwistjoni, u, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ rabta funzjonali, ġerarkika jew organika bejn il-konjuġi. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tenfasizza li l-Kummissjoni twettaq żball ta’ fatt meta tippreżumi li l-involviment tal-konjuġi tal-impjegat inkwistjoni kien sostanzjali filwaqt li, fir-realtà, in-natura tal-aċċess għar-rekords tal-ħin tax-xogħol ta’ dan l-impjegat mill-konjuġi tiegħu kienet purament amministrattiva u li din tal-aħħar ma kellha l-ebda setgħa li temenda dawn id-dokumenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tirrileva li l-awdituri kienu vverifikaw u vvalidaw is-sistema ta’ reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol. Minbarra dan, ir-rikorrenti ssostni li ma kien jeżisti l-ebda riskju ta’ kunflitt ta’ interessi, kif turi l-assenza ta’ inċident identifikat mis-superjuri ġerarkiċi rispettivi tal-konjuġi fir-rigward tal-possibbiltà ta’ frodi mwettqa fir-rigward tar-rekords tal-ħin tax-xogħol.

78      Sussegwentement, ir-rikorrenti tirrileva li ma teżisti l-ebda regola legali li teżiġi li l-konjuġi jkunu strettament separati fl-istess post tax-xogħol. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li l-miżuri implimentati f’dan il-każ (is-superviżjoni doppja awtonoma, l-assenjazzjoni għal dipartimenti separati) jikkostitwixxu metodu inqas invażiv sabiex tiġi żgurata s-sinċerità tar-rekords tal-ħin tax-xogħol li għalihom kellha aċċess il-konjuġi tal-impjegat inkwistjoni minħabba l-funzjonijiet amministrattivi tagħha.

79      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tqis li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni tikkostitwixxi diskriminazzjoni eżerċitata minħabba l-istat ċivili, li tmur kontra l-Artikoli 7 u 9 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), sa fejn l-obbligu ta’ xogħol separat impost fuq konjuġi għas-sempliċi raġuni ta’ din il-kwalità jammonta, fl-assenza ta’ raġuni ġenwina sabiex tiddubita l-onestà tagħhom, għal inugwaljanza fit-trattament fuq ix-xogħol u/jew għal diskriminazzjoni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tikkontesta l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li tikkonsisti fil-kunsiderazzjoni ta’ bidla fil-kompiti tal-konjuġi tal-impjegat inkwistjoni sabiex jiġi evitat kunflitt ta’ interessi, sa fejn tali miżura tikkostitwixxi diskriminazzjoni minħabba l-istatus matrimonjali.

80      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

81      L-Artikolu II.3(n) tal-Anness II tal-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni jiddisponi li kull benefiċjarju għandu jieħu l-miżuri kollha ta’ prekawzjoni neċessarji sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ kunflitt ta’ interessi marbut ma’ interessi ekonomiċi, ma’ affinitajiet politiċi jew nazzjonali, ma’ rabtiet familjari jew emozzjonali jew ma’ kull tip ieħor ta’ interessi li jistgħu jikkompromettu l-eżekuzzjoni imparzjali u oġġettiva tal-proġett.

82      B’hekk, preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, mill-Artikolu II.3(n) tal-Anness II tal-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni ma jirriżultax li l-eżistenza ta’ rabtiet ekonomiċi, emozzjonali jew familjari tippermetti li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ riskju ta’ kunflitt ta’ interessi li jista’ jikkomprometti l-eżekuzzjoni imparzjali u oġġettiva tal-proġett.

83      Fil-fatt, il-preżunzjoni li tista’ tirriżulta mill-preżenza ta’ rabtiet ekonomiċi, emozzjonali jew familjari hija limitata għall-eżistenza tar-riskju ta’ kunflitt ta’ interessi. B’hekk mill-kliem tal-Artikolu II.3(n) tal-Anness II tal-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni tirriżulta preżunzjoni konfutabbli fir-rigward tal-eżistenza ta’ tali riskju meta, b’mod partikolari, persuni li jkollhom rabtiet familjari jew emozzjonali jkunu involuti, b’mod jew ieħor, fl-istess proġett. F’dan il-każ, ir-relazzjoni maritali li torbot lill-impjegat inkwistjoni mal-konjuġi tiegħu twassal għall-applikazzjoni ta’ din il-preżunzjoni.

84      Għalhekk, għalkemm il-Kummissjoni tista’ tibbenefika minn din il-preżunzjoni, hija għandha, mill-banda l-oħra, tipproduċi l-provi kollha li juru li l-eżekuzzjoni imparzjali u oġġettiva tal-proġett ikkonċernat tista’ tiġi kompromessa.

85      Għalhekk, fl-ewwel lok, għandhom jiġu eżaminati l-provi prodotti mir-rikorrenti u intiżi sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni dwar l-eżistenza ta’ riskju ta’ kunflitt ta’ interessi, peress li l-issodisfar tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabtiet emozzjonali u familjari ma huwiex qiegħed jiġi kkontestat.

86      F’dan ir-rigward, l-argumenti tar-rikorrenti li huma bbażati fuq l-assenza ta’ relazzjoni ġerarkika u fuq l-assenza ta’ rabta organizzattiva ma humiex ta’ natura li jeskludu riskju ta’ kunflitt ta’ interessi, peress li, fil-kuntest ta’ din il-kawża fejn il-konjuġi tal-impjegat inkwistjoni kienet approvat ir-rekords tal-ħin tax-xogħol ta’ dan tal-aħħar, l-influwenza tas-sitwazzjoni familjari ma tistax tiġi eskluża minħabba s-sempliċi fatt li ma hemmx rabta ta’ subordinazzjoni amministrattiva fil-qasam professjonali.

87      Konsegwentement, is-sitwazzjoni f’dan il-każ fil-fatt tikkostitwixxi riskju ta’ kunflitt ta’ interessi fis-sens tal-Artikolu II.3(n) tal-Anness II tal-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni.

88      Għaldaqstant u fit-tieni lok, għandhom jiġu eżaminati l-provi ppreżentati mill-Kummissjoni dwar id-dimostrazzjoni tal-possibbiltà li tiġi kompromessa l-eżekuzzjoni imparzjali u oġġettiva tal-proġett ikkonċernat.

89      F’dan ir-rigward, fir-rigward tan-natura tal-attivitajiet tal-konjuġi tal-impjegat inkwistjoni eżerċitati mar-rikorrenti, mill-proċess jirriżulta li din kienet, fil-mument tal-fatti, impjegata mir-rikorrenti fis-servizz finanzjarju tagħha u li hija kellha bħala kwalità dik ta’ “amministratur tal-proġetti PC7”, ikklassifikata wkoll bħala “Amministratur Prinċipali inkarigat mis-sussidji tal-PC7”. Minħabba din il-funzjoni, kif tirrikonoxxi r-rikorrenti, “hija kellha aċċess statutorju għar-rekords tal-ħin tax-xogħol tal-konjuġi tagħha ppreżentati għall-finijiet tas-sussidji PC7 u ffirmathom sa Novembru 2012”.

90      Issa, fl-ewwel lok, fir-rigward tar-responsabbiltajiet eżerċitati mill-konjuġi tal-impjegat inkwistjoni fid-dawl tar-rekords tal-ħin tax-xogħol tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li r-rikorrenti ssostni li l-konjuġi tal-impjegat inkwistjoni kienet twettaq xogħol tal-uffiċċju u kienet responsabbli, b’mod partikolari, mill-ġbir u miż-żamma tad-dokumentazzjoni marbuta mas-sussidji PC7, mir-rekords tal-ħin tax-xogħol tal-impjegat inkwistjoni, prodotti mir-rikorrenti fl-Anness A.16 tar-rikors tagħha, jirriżulta b’mod inekwivoku li l-konjuġi tiegħu kienet approvat il-kontenut tagħhom, peress li l-kelma “approvat” (approved) tidher fuq dawn id-dokumenti ħdejn il-firma tal-konjuġi tal-impjegat inkwistjoni.

91      Fit-tieni lok, fir-rigward tad-dikjarazzjoni tar-rikorrenti dwar l-impossibbiltà għall-konjuġi tal-impjegat inkwistjoni li temenda d-dokumentazzjoni uffiċjali, tali dikjarazzjoni tirrendi iktar plawżibbli l-possibbiltà li tiġi kompromessa l-eżekuzzjoni tajba tal-proġett ikkonċernat, peress li, filwaqt li – kif intwera fil-punt 90 iktar ’il fuq – din kienet tapprova r-rekords tal-ħin tax-xogħol tal-konjuġi tagħha, hija lanqas ma kellha l-possibbiltà li temendahom fil-każ tal-ineżattezza ta’ dawn tal-aħħar.

92      Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-prova li setgħet ġiet kompromessa l-eżekuzzjoni tajba tal-proġett ikkonċernat ġiet prodotta kif titlob il-liġi mill-Kummissjoni.

93      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mid-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-attivitajiet tal-konjuġi tal-impjegat inkwistjoni kienu suġġetti għal kontroll doppju mis-superjuri ġerarkiċi tagħha. Fil-fatt, il-provi intiżi sabiex juru l-eżistenza ta’ possibbiltà li tkun kompromessa l-eżekuzzjoni tajba tal-proġett ikkonċernat għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-fatt li r-rikorrenti ma rnexxilhiex tirrifjuta l-eżistenza ta’ sitwazzjoni li toħloq riskju ta’ kunflitt ta’ interessi (ara l-punt 87 iktar ’il fuq). F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, fil-fatt teżisti rabta funzjonali bejn l-impjegat inkwistjoni u l-konjuġi tiegħu. Il-fatt li din tal-aħħar tkun inkarigata li tapprova r-rekords tal-ħin tax-xogħol tal-konjuġi tagħha mingħajr il-possibbiltà li tibdilhom minkejja li tidher, mingħajr ebda ambigwità, li hija “superviżur” (supervisor) ta’ dawn ir-rekords huwa biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li s-sistema ta’ kontroll implimentata mir-rikorrenti ma tissodisfax ir-rekwiżit li jaqa’ fuqha li tieħu l-miżuri kollha ta’ prekawzjoni neċessarji sabiex tevita kull riskju ta’ kunflitt ta’ interessi, fil-livell tar-rabtiet familjari jew emozzjonali, li jista’ jikkomprometti l-eżekuzzjoni imparzjali u oġġettiva tal-proġett ikkonċernat, konformement mal-Artikolu II.3(n) tal-Anness II tal-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni.

94      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu II.3(n) tal-Anness II tal-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni billi qieset li r-rikorrenti ma kinitx ħadet il-miżuri kollha ta’ prekawzjoni neċessarji sabiex tevita kull riskju ta’ kunflitt ta’ interessi, fil-livell tar-rabtiet familjari jew emozzjonali, li jista’ jikkomprometti l-eżekuzzjoni imparzjali u oġġettiva tal-proġett ikkonċernat.

95      Barra minn hekk, qabel kollox, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet tar-rikorrenti dwar il-fatt li s-sistema ta’ reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol kienet ġiet ivvalidata mill-awdituri fil-preżenza tal-impjegat inkwistjoni u tal-konjuġi tiegħu, għandu jsir riferiment għall-konklużjonijiet, esposti fil-punti 73 u 74 iktar ’il fuq, dwar il-valur tal-evalwazzjonijiet li jinsabu fir-rapport ta’ awditu finali.

96      Sussegwentement, fir-rigward tal-oġġezzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-assenza ta’ provi konkreti tar-riskju ta’ kunflitt ta’ interessi, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-kliem stess tal-Artikolu II.3(n) tal-Anness II tal-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni ma jeżiġix li dan il-kunflitt kellu, b’mod reali, influwenza fuq l-eżekuzzjoni tal-kuntratt jew fuq l-ispejjeż tiegħu.

97      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegazzjoni li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni tikkostitwixxi diskriminazzjoni eżerċitata minħabba l-istatus matrimonjali, li tmur kontra l-Artikoli 7 u 9 tal-Karta, għandu jiġi rrilevat li l-ksur allegat ma huwiex relatat ma’ eżekuzzjoni ħażina tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali.

98      Madankollu, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi li l-Karta, li tagħmel parti mid-dritt primarju, tipprevedi, fl-Artikolu 51(1) tagħha, mingħajr eċċezzjoni, li d-dispożizzjonijiet tagħha “huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji ta’ l-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà” u li, għaldaqstant, id-drittijiet fundamentali huma intiżi sabiex jirregolaw l-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, inkluż fil-kuntest kuntrattwali (sentenzi tat‑3 ta’ Mejju 2018, Sigma Orionis vs Il‑Kummissjoni, T‑48/16, EU:T:2018:245, punti 101 u 102, u tat‑3 ta’ Mejju 2018, Sigma Orionis vs REA, T‑47/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:247, punti 79 u 80; ara wkoll, b’analoġija, is-sentneza tat‑13 ta’ Mejju 2020, Talanton vs Il‑Kummissjoni, T‑195/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:194, punt 73).

99      Bl-istess mod, meta l-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-organi tal-Unjoni jeżegwixxu kuntratt, huma jibqgħu suġġetti għall-obbligi tagħhom taħt il-Karta u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, ADR Center vs Il‑Kummissjoni, C‑584/17 P, EU:C:2020:576, punt 86). Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li, jekk il-partijiet jiddeċiedu, fil-kuntratt tagħhom, permezz ta’ klawżola ta’ arbitraġġ, li jagħtu lill-qorti tal-Unjoni l-ġurisdizzjoni li tieħu konjizzjoni tat-tilwim relatat ma’ dan il-kuntratt, dik il-qorti jkollha ġurisdizzjoni, indipendentement mid-dritt applikabbli stipulat fl-imsemmi kuntratt, sabiex tevalwa l-possibbiltà ta’ ksur tal-Karta u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Inclusion Alliance for Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑378/16 P, EU:C:2020:575, punt 81).

100    Issa, f’dan il-każ, ir-rekwiżit li jiġi evitat kull kunflitt ta’ interessi minħabba rabtiet familjari jew emozzjonali huwa intiż li jipprevjeni ksur gravi u manifest tar-rekwiżit ta’ imparzjalità u ta’ oġġettività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ April 2006, Camós Grau vs Il‑Kummissjoni, T‑309/03, EU:T:2006:110, punt 141) li jaqa’ b’mod partikolari fuq il-persuna responsabbli li tiċċertifika r-rekords tal-ħin tax-xogħol tar-riċerkaturi li jaħdmu fuq proġett issussidjat mill-Unjoni. Għaldaqstant, anki jekk jitqies li regola intiża sabiex tiggarantixxi l-assenza ta’ kunflitt ta’ interessi, bħal dik inkwistjoni, tista’ taffettwa d-drittijiet protetti mill-Artikoli 7 u 9 tal-Karta, dawn tal-aħħar ma jkunux hekk fil-kontenut tagħhom iżda, l-iktar l-iktar, ikunu suġġetti għal limitazzjoni fl-eżerċizzju tagħhom. Issa, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti mill-Karta jistgħu jseħħu biss jekk ikunu neċessarja u jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew, f’każ ta’ bżonn, ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor.

101    Dan huwa għalhekk il-każ f’din il-kawża. Fil-fatt, f’dan il-każ, fir-rigward, qabelxejn, tal-eżistenza ta’ għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni, tali limitazzjoni hija intiża sabiex tiggarantixxi l-osservanza tal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, kif stabbilit fl-Artikolu 317 TFUE. Sussegwentement, din il-limitazzjoni hija neċessarja, sa fejn il-Kummissjoni, peress li ma hijiex direttament xhud tal-eżekuzzjoni tal-kompiti minn benefiċjarju ta’ sussidju, ma għandhiex mezzi oħra sabiex tikkontrolla l-eżattezza tal-ispejjeż tal-persunal iddikjarati minnu ħlief dawk li għandhom jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-produzzjoni ta’ rekords affidabbli tal-ħin tax-xogħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2015, Amitié vs Il‑Kummissjoni, T‑234/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:601, punt 210 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fl-aħħar nett, din il-limitazzjoni ma hijiex sproporzjonata, sa fejn, minn naħa, id-drittijiet protetti mill-Artikoli 7 u 9 tal-Karta ma humiex affettwati fil-kontenut tagħhom stess, kif enfasizzat fil-punt 100 iktar ’il fuq, u, min-naħa l-oħra, kif tirrileva l-Kummissjoni, ir-rekwiżit li jiġi evitat kull kunflitt ta’ interessi minħabba rabtiet familjari jew emozzjonali jista’ jiġi ssodisfatt permezz ta’ adattamenti organizzattivi minimi. Għaldaqstant, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni għandhom jiġu miċħuda, sa fejn, minn naħa, dawn huma bbażati fuq l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikoli 7 u 9 tal-Karta u, min-naħa l-oħra, tali ksur, anki jekk jitqies li huwa possibbli fir-rigward tal-applikazzjoni kkontestata tar-regola dwar il-kunflitti ta’ interessi, ma ntweriex.

102    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet ilment għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

b)      Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq ilksur taddritt Belġjan

103    Preliminarjament, ir-rikorrenti tfakkar li l-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni jinkludu riferiment għad-dritt Belġjan.

104    Għaldaqstant, billi tibbaża ruħha fuq id-dritt ċivili Belġjan, ir-rikorrenti tqajjem tliet ilmenti insostenn tat-tieni motiv tagħha.

105    Qabelxejn, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni f’dan il-każ twassal għall-preżunzjoni ta’ aġir b’mala fide min-naħa tagħha, li hija preżunzjoni li wasslitha sabiex tiddeċiedi unilateralment li seħħ ksur tal-kuntratt mingħajr ma dan ġie kkonstatat fir-rapport ta’ awditu finali u, fir-rigward tal-ftehim ta’ sussidju C2POWER, billi aġixxiet kontra l-konklużjonijiet tal-awditu. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ eżekuzzjoni bona fide tal-kuntratti stabbilit fl-Artikoli 1134 u 1135 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan.

106    Sussegwentement, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li bbażat it-talba tagħha għar-rimbors tal-ispejjeż tal-persunal tal-impjegat inkwistjoni fuq rapport ta’ investigazzjoni mfassal mill-OLAF barra mill-kuntest kuntrattwali u li l-valur probatorju tiegħu huwa dubjuż. Fil-fatt, il-Kummissjoni stess iddeċidiet li ma ssegwix il-konklużjonijiet kollha tal-imsemmi rapport u ma spjegatx ir-raġunijiet li wassluha mhux biss li tinjora l-konstatazzjonijiet tar-rapport ta’ awditu finali, mingħajr madankollu ma wriet azzjoni żbaljata min-naħa tar-rikorrenti, iżda wkoll li fl-aħħar mill-aħħar ma tibqax tieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż ikkunsidrati bħala “nettament eċċessivi”, jiġifieri dawk li jmorru lil hinn minn limitu li l-iffissar tiegħu ma jaqax taħt id-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kisret ir-regola dwar l-oneru tal-prova li kienet stabbilita fl-Artikolu 1315 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan, li jipprevedi li min jitlob l-eżekuzzjoni ta’ obbligu għandu jipprovah.

107    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tqis li hija ħallset il-pagamenti mitluba mill-Kummissjoni meta din tal-aħħar ma setgħetx tinvoka dejn. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kisret l-Artikoli 1235, 1376 u 1377 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan billi ma ħallsitx lura l-ammonti li kienu tħallsu lilha u li hija kienet irċeviet indebitament minħabba l-assenza ta’ dejn.

108    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

109    L-ewwel żewġ ilmenti tat-tieni motiv għandhom jiġu ttrattati flimkien.

110    Fl-ewwel lok, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, it-talba għal rimbors tal-Kummissjoni, kif ġie konkluż fil-punt 65 iktar ’il fuq, ma hijiex ibbażata fuq rapport ta’ investigazzjoni stabbilit barra mill-kuntest kuntrattwali. Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li ġie konkluż ukoll li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta bil-konstatazzjonijiet tar-rapport ta’ awditu finali (ara l-punti 73 u 74 iktar ’il fuq).

111    Fit-tieni lok, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-bażi li fuqha hija bbażata t-talba għal rimbors tal-Kummissjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk din kisritx kemm il-prinċipju ta’ eżekuzzjoni bona fide tal-kuntratti, billi ppreżumiet il-mala fide tar-rikorrenti, kif ukoll ir-regola dwar l-oneru tal-prova, billi ma pproduċietx il-provi li jippermettu li tiġi sostnuta din it-talba.

112    F’dan ir-rigward, l-ewwel, għandu jiġi rrilevat li, skont prinċipju ta’ dritt ġeneralment aċċettat, kull qorti għandha tapplika r-regoli proċedurali tagħha stess, inklużi r-regoli ta’ ġurisdizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ April 1992, Il‑Kummissjoni vs Feilhauer, C‑209/90, EU:C:1992:172, punt 13). Madankollu, ir-regoli intiżi sabiex jirregolaw l-oneru, l-ammissibbiltà, il-valur u s-saħħa probatorja tal-provi ma jaqgħux taħt dan il-prinċipju, sa fejn dawn ma humiex ta’ natura proċesswali iżda sostanzjali, fis-sens li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet għall-eżistenza, il-qasam u l-kawżi ta’ estinzjoni ta’ drittijiet suġġettivi. L-għażla tal-liġi applikabbli magħmula fil-ftehimiet awditjati tirrigwarda wkoll ir-regoli tal-prova (sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2015, Amitié vs Il‑Kummissjoni, T‑234/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:601, punt 115).

113    B’hekk, f’dan il-każ, it-tqassim tal-oneru tal-prova fir-rigward tan-natura eliġibbli tal-ispejjeż sostnuti mill-benefiċjarju ta’ sussidju huwa rregolat mill-Artikolu 1315 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan, li kien jistabbilixxi li dak li jitlob l-eżekuzzjoni ta’ obbligu għandu jipprovah u, reċiprokament, dak li jallega li huwa meħlus għandu jiġġustifika l-ħlas jew il-fatt li pproduċa l-estinzjoni tal-obbligu tiegħu.

114    It-tieni, hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-kuntest ta’ ftehim li fih klawżola ta’ arbitraġġ fis-sens tal-Artikolu 272 TFUE, hija l-parti li tkun iddikjarat l-ispejjeż lill-Kummissjoni għall-għoti ta’ kontribut finanzjarju tal-Unjoni li għandha tipproduċi l-prova li l-imsemmija spejjeż jissodisfaw il-kundizzjonijiet finanzjarji tal-ftehimiet ta’ sussidju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2017, ANKO vs Il‑Kummissjoni, T‑771/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:27, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

115    It-tielet, kif tfakkar fil-punt 101 iktar ’il fuq, peress li l-Kummissjoni ma hijiex direttament xhud tal-eżekuzzjoni tal-kompiti minn benefiċjarju ta’ sussidju, ma għandhiex mezzi oħra, sabiex tikkontrolla l-eżattezza tal-ispejjeż tal-persunal iddikjarati minnu, minbarra dawk li għandhom jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-produzzjoni ta’ rekords affidabbli tal-ħin tax-xogħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2015, Amitié vs Il‑Kummissjoni, T‑234/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:601, punt 210 u l-ġurisprudenza ċċitata).

116    Ir-raba’, mill-ġurisprudenza jirriżulta li n-nuqqas ta’ osservazzjoni tal-obbligu li jiġu ppreżentati rekords affidabbli tal-ħin tax-xogħol sabiex jiġġustifikaw l-ispejjeż tal-persunal iddikjarati jikkostitwixxi raġuni suffiċjenti sabiex jiġu miċħuda dawn l-ispejjeż kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Technion u Technion Research & Development Foundation vs Il‑Kummissjoni, T‑216/12, EU:T:2015:746, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, jekk l-ispejjeż iddikjarati mill-benefiċjarju tas-sussidju ma jkunux eliġibbli skont il-ftehim ta’ sussidju kkonċernat, peress li dawn ikunu tqiesu bħala mhux verifikabbli u/jew mhux affidabbli, il-Kummissjoni ma għandha l-ebda għażla oħra ħlief li tipproċedi għall-irkupru tas-sussidju ta’ ammonti mhux iġġustifikati, peress li, abbażi tal-bażi legali li tikkostitwixxi dan il-ftehim ta’ sussidju, din l-istituzzjoni hija biss awtorizzata tħallas, mill-baġit tal-Unjoni, dawk is-somom debitament iġġustifikati (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, ADR Center vs Il‑Kummissjoni, C‑584/17 P, EU:C:2020:576, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).

117    F’dan il-każ, ġie konkluż, fil-punt 92 iktar ’il fuq, li r-rekords tal-ħin tax-xogħol kontenzjużi ma kinux jippreżentaw il-garanzija ta’ affidabbiltà meħtieġa minħabba l-eżistenza ta’ riskju ta’ kunflitt ta’ interessi li jista’ jikkomprometti l-eżekuzzjoni imparzjali u oġġettiva tal-proġett ikkonċernat.

118    F’dan ir-rigward, minn naħa, jista’ jiġi enfasizzat li riskju ta’ kunflitt ta’ interessi jikkostitwixxi sitwazzjoni anormali li fiha l-ispejjeż sostnuti jistgħu ma jkunu la reali, la sostnuti mill-benefiċjarju stess u lanqas, jekk ikun il-każ, intużaw bl-għan uniku tat-twettiq tal-proġett ikkonċernat fis-sens tal-Artikolu II.14(1)(a), (b) u (e) tal-Anness II tal-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, mill-parti kontraenti, tal-obbligu kuntrattwali, impost mill-Artikolu II.3(n) tal-Anness II tal-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni, li jieħu l-miżuri kollha ta’ prekawzjoni neċessarji sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ kunflitt ta’ interessi jikkostitwixxi eżekuzzjoni ħażina tal-obbligi kuntrattwali li għandu. B’hekk, dan jiġġustifika l-irkupru tal-ispejjeż bis-saħħa tal-Artikolu 183 tar-Regolament Nru 2342/2002 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2019, EKETA vs Il‑Kummissjoni, T‑198/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:27, punt 91). Min-naħa l-oħra, meta l-Kummissjoni tippreżenta indizji konkreti tal-eżistenza ta’ riskju li l-ħin tax-xogħol iddikjarat ma jissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà, li huwa l-każ meta jiġi identifikat riskju ta’ kunflitt ta’ interessi, l-ineliġibbiltà hija preżunta u huwa l-benefiċjarju li għandu juri, permezz ta’ provi, li l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ġew effettivament osservati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Ottubru 2020, EKETA vs Il‑Kummissjoni, C‑273/19 P, EU:C:2020:852, punti 74 sa 77, u tat‑22 ta’ Jannar 2019, EKETA vs Il‑Kummissjoni, T‑166/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:26, punt 61).

119    Konsegwentement, billi ma pproduċietx il-prova tal-ineżistenza tar-riskju ta’ kunflitt ta’ interessi u, għaldaqstant, billi ma osservatx l-obbligu li tippreżenta rekords affidabbli tal-ħin tax-xogħol sabiex tiġġustifika l-ispejjeż tal-persunal iddikjarati, ir-rikorrenti ma ssodisfatx l-obbligu tagħha skont ir-regoli ta’ tqassim tal-oneru tal-prova. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha d-dritt li titlob l-ammonti li hija kienet tqis li ħallset indebitament, jiġifieri l-ispejjeż tal-persunal kollha tal-impjegat inkwistjoni li jinsabu fir-rekords tal-ħin tax-xogħol approvati mill-konjuġi tiegħu, mingħajr ma tikser la l-prinċipju ta’ eżekuzzjoni bona fide tal-kuntratti fis-sens tal-Artikoli 1134 u 1135 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan, u lanqas ir-regoli dwar l-oneru tal-prova li kienu stabbiliti fl-Artikolu 1315 tal-imsemmi kodiċi.

120    Il-fatt li l-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza kienu ġew iddefiniti fil-kuntest tan-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li jiġu ppreżentati, waqt l-awditu finanzjarju, rekords affidabbli tal-ħin tax-xogħol sabiex jiġu ġġustifikati l-ispejjeż tal-persunal iddikjarati u li, f’dan il-każ, l-awditu finanzjarju li wassal għat-tfassil tar-rapport ta’ awditu finali ma kkontestax l-affidabbiltà tar-rekords tal-ħin tax-xogħol ippreżentati mir-rikorrenti dwar l-impjegat inkwistjoni ma għandux effett fuq ir-rilevanza tal-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji fil-kuntest ta’ dan ir-rikors. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punti 73 u 74 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta mill-konstatazzjonijiet li jinsabu f’dan ir-rapport.

121    Barra minn hekk, il-fatt li, fl-aħħar mill-aħħar, il-Kummissjoni ma segwietx il-konklużjonijiet kollha tar-rapport ta’ investigazzjoni tal-OLAF ma jwassalx sabiex jitqiegħed f’dubju l-valur probatorju ta’ dan ir-rapport. Fil-fatt, mill-premessa 31 tar-Regolament Nru 883/2013, li jħassar ir-Regolamenti Nru 1073/1999 u Nru 1074/1999 imsemmija fl-Artikolu II.22(8) tal-Anness II tal-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni, jirriżulta li huma l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għandhom jiddeċiedu x’azzjoni għandha tittieħed dwar l-investigazzjonijiet li jkunu tlestew, abbażi tar-rapporti ta’ investigazzjoni finali stabbiliti mill-OLAF. Barra minn hekk, l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 883/2013 isemmi b’mod ċar il-fatt li r-rapport ta’ investigazzjoni għandu jkun akkumpanjat minn rakkomandazzjonijiet dwar jekk għandhiex issir l-investigazzjoni jew le. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tieħu inkunsiderazzjoni biss parti mill-konstatazzjonijiet li jinsabu fir-rapport ta’ investigazzjoni tal-OLAF, mingħajr ma tikkontesta l-valur probatorju tagħhom.

122    Fl-aħħar nett, sa fejn il-Kummissjoni kellha dritt titlob l-ispejjeż kollha sostnuti mill-impjegat inkwistjoni, il-fatt li hija ddeċidiet li tapplika limitu li jwassal sabiex jintalab biss parti minnu ma jistax jiġi kkontestat mir-rikorrenti minħabba n-nuqqas ta’ interess ġuridiku tagħha.

123    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-ewwel u t-tieni lmenti tat-tieni motiv huma infondati.

124    Konsegwentement, it-tielet ilment jitlef l-iskop tiegħu u għalhekk hemm lok li jiġi miċħud.

125    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

c)      Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq ksur taddritt Pollakk

126    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tirrileva li l-Artikolu II.15(1) tal-Anness II tal-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni jagħmel riferiment speċifiku għad-dritt nazzjonali li jirregola l-kuntratti ta’ xogħol konklużi mill-benefiċjarji tas-sussidji. Għaldaqstant, hija tqis li għandu jiġi kkunsidrat li huwa d-dritt tax-xogħol Pollakk li kien applikabbli għar-relazzjoni ta’ xogħol li hija kellha mal-impjegat inkwistjoni, minn naħa, u mal-konjuġi tiegħu, min-naħa l-oħra.

127    Issa, l-ewwel, hija tallega ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 140 u tal-Artikolu 18(2) tal-Kodiċi tax-Xogħol Pollakk, li jawtorizzaw is-sistema imsejħa “ħin tax-xogħol” (system zadaniowego czasu pracy), sa fejn il-Kummissjoni ssostni li l-impjegat inkwistjoni kellu jwettaq “numru ta’ sigħat eċċessivi” u “jaħdem għal perijodu mhux raġonevoli” abbażi ta’ tliet relazzjonijiet ta’ xogħol paralleli, inkluż dik li kkonkluda mar-rikorrenti fil-kuntest tas-sistema ta’ ħin tax-xogħol. Skont ir-rikorrenti, din is-sistema, li hija legali fil-Polonja, ma teħtieġx preżenza fiżika kostanti fil-post tax-xogħol u tiżgura b’hekk il-flessibbiltà u l-possibbiltà li jitwettqu diversi kompiti (multitasking), bil-kundizzjoni li l-impjegat jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu.

128    It-tieni, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-Artikolu 113 tal-Kodiċi tax-Xogħol Pollakk, applikat flimkien mal-Artikoli 7 u 9 tal-Karta, li jipprojbixxi fiż-żmien tal-fatti lir-rikorrenti milli tissepara lill-impjegat inkwistjoni u l-konjuġi tiegħu fuq il-post tax-xogħol tagħhom sempliċement minħabba l-unjoni tagħhom, peress li tali separazzjoni tkun tikkostitwixxi diskriminazzjoni minħabba l-istatus matrimonjali.

129    Sussegwentement, ir-rikorrenti tirrileva li l-Kummissjoni ma invokatx raġunijiet konkreti sabiex tikkontesta l-ispejjeż tal-persunal tal-impjegat inkwistjoni għall-perijodu mix-xahar ta’ Awwissu 2010 sax-xahar ta’ Ottubru 2012 filwaqt li aċċettat l-ispejjeż tal-persunal tal-imsemmi impjegat għax-xahar ta’ Novembru 2012, minkejja li l-konjuġi tiegħu kellha wkoll aċċess għar-rekords tal-ħin tax-xogħol tiegħu mix-xahar ta’ Novembru 2012.

130    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

131    Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk it-tielet motiv kellu jintlaqa’, xorta jibqa’ l-fatt li l-affidabbiltà tar-rekords tal-ħin tax-xogħol tkompli tkun nieqsa, peress li l-fatt li l-impjegat inkwistjoni seta’ jaħdem numru kbir ta’ sigħat minħabba l-involviment tiegħu f’diversi proġetti ma għandux effett fuq il-fatt li dawn is-sigħat kienu s-suġġett ta’ proċedura ta’ validazzjoni implimentata mir-rikorrenti bi ksur tal-Artikolu II.3(n) tal-Anness II tal-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni.

132    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-ispejjeż ikkunsidrati bħala ineliġibbli jkopru l-perijodu mix-xahar ta’ Awwissu 2010 sax-xahar ta’ Ottubru 2012. Issa, ir-rekords tal-ħin tax-xogħol kollha relatati ma’ dan il-perijodu ġew ivvalidati mill-konjuġi tal-impjegat inkwistjoni. F’dan ir-rigward, sa fejn ir-rikorrenti tirrepeti l-oġġezzjonijiet tagħha dwar ir-rilevanza tal-ġurisprudenza dwar l-oneru tal-prova fir-rigward tal-affidabbiltà tar-rekords tal-ħin tax-xogħol, isir riferiment għall-punt 92 iktar ’il fuq.

133    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegazzjoni dwar il-ksur tal-Artikolu 113 tal-Kodiċi tax-Xogħol Pollakk, isir riferiment għall-punt 101 iktar ’il fuq, li fih ġie konkluż li ma tista’ tiġi identifikata l-ebda diskriminazzjoni dwar l-istatus matrimonjali.

134    Barra minn hekk, fil-kuntest tal-argument tagħha dwar il-ksur tal-Artikolu 140 tal-Kodiċi tax-Xogħol Pollakk, ir-rikorrenti tenfasizza inkoerenza min-naħa tal-Kummissjoni li tikkritika l-aċċess tal-konjuġi tal-impjegat inkwistjoni għar-rekords tal-ħin tax-xogħol tal-konjuġi tagħha matul il-perijodu kontenzjuż kollu, iżda tammetti dan il-fatt għall-perijodu mix-xahar ta’ Novembru sax-xahar ta’ Diċembru 2012, minkejja li din ma baqgħetx tagħmel parti mill-persunal tar-rikorrenti mix-xahar ta’ Jannar 2013.

135    F’dan ir-rigward, sabiex jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti, huwa biżżejjed li jsir riferiment għall-punt 122 iktar ’il fuq, li fih ġie konkluż in-nuqqas ta’ interess ġuridiku tagħha.

136    Għaldaqstant, għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq u sa fejn l-argumenti tar-rikorrenti ma għandhomx effett fuq is-soluzzjoni tat-tilwima, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

d)      Fuq irraba’ motiv, ibbażat fuq ilksur talprinċipju ta’ protezzjoni talaspettattivi leġittimi filkuntest tależekuzzjoni bona fide ta’ ftehimiet u talprojbizzjoni talapplikazzjoni abbużiva ta’ kundizzjonijiet kuntrattwali

137    Permezz tar-raba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti tqis, essenzjalment, li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandu jiġi osservat fil-kuntest tar-relazzjonijiet kuntrattwali li fihom timpenja ruħha l-Kummissjoni. F’dan il-każ, billi approvat inizjalment il-konklużjonijiet kollha tar-rapport ta’ awditu finali, li jirrigwardaw b’mod partikolari n-natura eliġibbli tal-ispejjeż tal-persunal tal-impjegat inkwistjoni, imbagħad billi sussegwentement ċaħdet dawn l-ispejjeż, il-Kummissjoni kisret l-imsemmi prinċipju, sa fejn ir-rikorrenti setgħet leġittimament ikollha aspettattivi leġittimi fir-rigward, b’mod partikolari, tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż tal-persunal tal-impjegat inkwistjoni.

138    Ir-rikorrenti żżid li l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni sabiex teskludi l-possibbiltà li jkollha aspettattivi leġittimi minħabba l-eżistenza ta’ awditu li ma skopriex irregolarità huma infondati fid-dritt.

139    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

140    Għandu jitfakkar li fil-punti 73 u 74 iktar ’il fuq ġie konkluż li mid-dispożizzjonijiet kuntrattwali jirriżulta li r-rapport ta’ awditu finali ma kienx jorbot lill-Kummissjoni. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma setax ikollha aspettattivi leġittimi, minkejja l-kunsens ifformulat mill-Kummissjoni fir-rigward tar-riżultati ta’ dan l-awditu.

141    Barra minn hekk, mir-rapport ta’ awditu finali jirriżulta li l-awdituri indikaw espressament li l-għan tax-xogħol tagħhom “ma kienx li jġibu xi garanzija materjali dwar l-adegwatezza globali tal-kontrolli interni tas-sistema huma nnifishom”. Minkejja li – fil-kuntest tax-xogħol tagħhom – l-awdituri ma identifikawx nuqqasijiet partikolari fis-sistema ta’ kontroll intern tar-rikorrenti fir-rigward tal-preparazzjoni u tal-preżentazzjoni tar-rapporti finanzjarji li jikkonċernaw il-ftehim ta’ sussidju C2POWER, is-sempliċi riżerva fformulata fir-rigward tal-għan ta’ dan ix-xogħol fid-dawl tal-garanziji li jistgħu jingħataw fir-rigward tan-natura adegwata ta’ din is-sistema hija biżżejjed sabiex tiġi introdotta inċertezza li tostakola l-ħolqien ta’ kull aspettattiva leġittima f’dan ir-rigward.

142    Konsegwentement, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud kif ukoll, għaldaqstant, il-kapijiet tat-talbiet intiżi sabiex tiġi kkonstatata l-ineżistenza tal-kreditu kuntrattwali invokat mill-Kummissjoni u l-eliġibbiltà tal-ispejjeż tal-persunal mitluba fin-noti ta’ debitu dwar l-ammonti prinċipali li jikkonċernaw il-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni u intiżi għar-rimbors tas-somom imħallsa.

2.      Fuq ittalba għallkundanna talKummissjoni għallħlas ta’ interessi moratorji

143    Sa fejn ġiet mitluba ċ-ċaħda tal-motivi insostenn tal-kapijiet tat-talbiet intiżi sabiex tiġi kkonstatata l-ineżistenza tal-kreditu kuntrattwali invokat mill-Kummissjoni u l-eliġibbiltà tal-ispejjeż tal-persunal mitluba fin-noti ta’ debitu dwar l-ammonti prinċipali li jikkonċernaw il-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni u intiżi għar-rimbors tas-somom imħallsa, it-talba għall-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas tal-interessi moratorji għandha tiġi miċħuda minħabba nuqqas ta’ skop.

144    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, peress li l-motivi u l-allegazzjonijiet kollha invokati insostenn tar-rikors ippreżentat skont l-Artikolu 272 TFUE ġew miċħuda, hemm lok li l-imsemmi rikors jiġi miċħud.

C.      Fuq irrikors ippreżentat skont lArtikolu 263 TFUE

145    Sussidjarjament, ir-rikorrenti tippreżenta rikors abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, sa fejn hija tqis li d-deċiżjoni kkontestata għandha n-natura ta’ att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

146    Il-Kummissjoni tikkonkludi li r-rikors ippreżentat skont l-Artikolu 263 TFUE huwa manifestament inammissibbli.

147    F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-preżenza ta’ kuntratt li jorbot lir-rikorrent ma’ waħda mill-istituzzjonijiet, il-qrati tal-Unjoni jistgħu jiġu aditi b’rikors abbażi tal-Artikolu 263 TFUE biss jekk l-att ikkontestat huwa intiż sabiex jipproduċi effetti legali vinkolanti li jinsabu barra mir-relazzjoni kuntrattwali li torbot lill-partijiet u li jimplikaw l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika mogħtija lill-istituzzjoni kontraenti fil-kwalità tagħha ta’ awtorità amministrattiva (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2015, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il‑Kummissjoni, C‑506/13 P, EU:C:2015:562, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

148    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu, għaldaqstant, jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni kkontestata, annessa mal-messaġġ elettroniku tal-Kummissjoni tat‑13 ta’ Novembru 2019 flimkien man-noti ta’ debitu kontenzjużi, tinsabx fost l-atti li jistgħu jiġu annullati mill-qorti tal-Unjoni bis-saħħa tal-Artikolu 263(4) TFUE jew jekk, għall-kuntrarju, hijiex ta’ natura kuntrattwali (ara d-digriet tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Technion u Technion Research & Development Foundation vs Il‑Kummissjoni, T‑546/11, mhux ippubblikat, EU:T:2012:303, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

149    F’dan il-każ, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta, minn naħa, li l-Kummissjoni ssostni dejn u tindika l-ammont tiegħu permezz tal-ħruġ ta’ diversi noti ta’ debitu u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni għamlet kummenti fir-rigward tal-oġġezzjonijiet tar-rikorrenti. Għalhekk, l-ebda element ma joħroġ mill-kuntest kuntrattwali u ma jesprimi l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

150    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti tqis li d-deċiżjoni kkontestata tbiddel b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħha, peress li l-Kummissjoni eżiġiet mingħandha l-ħlas ta’ somma flus. Issa, kif jirriżulta mill-punt 65 iktar ’il fuq, it-talba għal rimbors taqa’ fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet ta’ sussidju inkwistjoni.

151    Jekk jitqies li r-rikorrenti fittxet li tikkontesta n-noti ta’ debitu, għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dokumenti ma jikkostitwixxux atti li jistgħu jiġu kkontestati fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

152    Fil-fatt, nota ta’ debitu, maħruġa mill-Kummissjoni, dwar somom dovuti bis-saħħa ta’ ftehim ta’ sussidju ma tistax tiġi kklassifikata bħala att definittiv li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament minħabba l-fatt li din tinkludi indikazzjonijiet dwar l-interessi li jiżdiedu mal-kreditu kkonstatat f’każ ta’ nuqqas ta’ ħlas sad-data ta’ skadenza, dwar il-possibbiltà ta’ rkupru permezz ta’ kumpens jew permezz tal-implimentazzjoni ta’ eżekuzzjoni fir-rigward ta’ garanzija possibbli mogħtija minn qabel, kif ukoll dwar il-possibbiltajiet ta’ eżekuzzjoni forzata u ta’ inklużjoni f’database aċċessibbli f’kompjuters tal-baġit tal-Unjoni, anki jekk dawn l-indikazzjonijiet ikunu mfassla b’mod li jagħtu l-impressjoni li n-nota ta’ debitu li tinkludihom hija att definittiv tal-Kummissjoni. Tali indikazzjonijiet, fi kwalunkwe każ u min-natura tagħhom, jistgħu biss ikunu indikazzjonijiet preparatorji ta’ att tal-Kummissjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-kreditu kkonstatat, peress li, fin-nota ta’ debitu, il-Kummissjoni ma tadottax pożizzjoni dwar il-mezzi li għandha l-intenzjoni timplimenta sabiex tirkupra l-imsemmi dejn, flimkien mal-interessi moratorji b’effett mid-data tal-iskadenza tal-ħlas stabbilita f’din in-nota ta’ debitu. Dan jgħodd ukoll għall-indikazzjonijiet dwar il-mezzi ta’ rkupru prevedibbli (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑20 ta’ April 2016, Mezhdunaroden tsentar za izsledvane na maltsinstvata i kulturnite vzaimodeystvia vs Il‑Kummissjoni, T‑819/14, EU:T:2016:256, punti 46, 47, 49 u 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

153    Minn dan isegwi li l-qorti tal-Unjoni ma tistax tiġi validament adita b’rikors kontra n-noti ta’ debitu inkwistjoni abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, peress li dawn jaqgħu f’kuntest purament kuntrattwali li huma indissoċjabbli minnu u ma jipproduċux effetti legali vinkolanti li jmorru lil hinn minn dawk li jirriżultaw mill-ftehim ta’ sussidju inkwistjoni u li jimplikaw l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika mogħtija lill-Kummissjoni fil-kwalità tagħha ta’ awtorità amministrattiva.

154    Dan ma jkunx il-każ li kieku l-Kummissjoni kienet adottat deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 299 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2017, ADR Center vs Il‑Kummissjoni, T‑644/14, EU:T:2017:533, punti 207 u 208). Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma adottatx tali att.

155    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, peress li r-rimbors twettaq, il-Kummissjoni ma kellhiex għalfejn tadotta tali att wara l-ħruġ tan-noti ta’ debitu. Għaldaqstant, ikun kuntrarju għad-dritt għal amministrazzjoni tajba li r-rikorrenti tiġi mħeġġa ma tħallasx l-ammonti li jinsabu f’nota ta’ debitu ħalli deċiżjoni eventwali, wara l-ħruġ ta’ din in-nota, tiġi adottata u tkun tista’ tiġi kkontestata abbażi tal-Artikolu 263(4) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2018, Terna vs Il‑Kummissjoni, T‑387/16, EU:T:2018:699, punt 35).

156    Madankollu, f’dan il-każ, id-dritt tar-rikorrenti li jkollha rimedju effettiv ma nkisirx peress li hija ma ġietx imċaħħda mis-setgħa tagħha li tikkontesta s-somom imħallsa lura.

157    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-inammissibbiltà tar-rikors għal annullament ma tistax iċċaħħad lill-parti kontraenti kkonċernata mid-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, peress li hija għandha, jekk tqis li hija fondata, tiddefendi l-pożizzjoni tagħha fil-kuntest ta’ rikors ibbażat fuq klawżola kuntrattwali skont l-Artikolu 272 TFUE (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑20 ta’ April 2016, Mezhdunaroden tsentar za izsledvane na maltsinstvata i kulturnite vzaimodeystvia vs Il‑Kummissjoni, T‑819/14, EU:T:2016:256, punti 46, 47, 49 u 52).

158    Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti effettivament ippreżentat rikors skont l-Artikolu 272 TFUE u l-motivi mqajma insostenn ta’ dan ir-rikors kienu s-suġġett ta’ eżami mill-qorti kompetenti (ara, f’dan ir-rigward, il-punt 144 iktar ’il fuq).

159    Għalhekk, il-fatt li r-rikors ippreżentat skont l-Artikolu 263 TFUE jiġi ddikjarat inammissibbli ma huwiex ta’ natura li jaffettwa d-dritt tar-rikorrenti għal rimedju ġudizzjarju effettiv.

160    Konsegwentement, ir-rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 263 TFUE għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

161    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet imressqa mir-rikorrenti skont l-Artikolu 88(1) u l-Artikolu 89(3)(a) u (d) tar-Regoli tal-Proċedura.

IV.    Fuq lispejjeż

162    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

163    Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Sieć Badawcza Łukasiewicz – Port Polski Ośrodek Rozwoju Technologii hija kkundannata għall-ispejjeż.

Kanninen

Jaeger

Stancu

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑27 ta’ April 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.