Language of document :

Appell ippreżentat fid-29 ta’ Novembru 2023 minn Nicoventures Trading Ltd et mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fl-20 ta’ Settembru 2023 fil-Kawża T-706/22, Nicoventures Trading et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-731/23 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Nicoventures Trading Ltd, British American Tobacco (Germany) GmbH, British American Tobacco Italia SpA (BAT Italia), British American Tobacco Polska Trading sp. z o.o., British American Tobacco España, SA, P.J. Carroll & Company Ltd (rappreżentanti: L. Van den Hende, M. Schonberg, advocaten)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat;

sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-istat tal-proċedura jippermetti dan, tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni, tiddikjara l-azzjoni ammissibbli u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti mill-appellanti, inklużi l-ispejjeż sostnuti quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appell jikkonsisti f’aggravju wieħed li jirrigwarda l-applikazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tar-rekwiżit ta’ inċidenza individwali u d-deċiżjoni li l-appellanti ma kellhomx locus standi fir-rigward tal-azzjoni tagħhom għall-annullament tad-Direttiva Delegata tal-Kumissjoni (UE) 2022/2100 1 tad‑29 ta’ Ġunju 2022 li temenda d-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-irtirar ta’ ċerti eżenzjonijiet fir-rigward tal-prodotti tat-tabakk imsaħħan (iktar ’il quddiem il-“miżura kkontestata”).

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-fatturi invokati mill-appellanti insostenn tal-inċidenza individwali tagħhom. Fundamentalment, il-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-approċċ tagħha meta kkunsidrat kull wieħed minn dawn il-fatturi separatament u individwalment, u għalhekk meta kkunsidrat jekk kull wieħed minn dawn il-fatturi, fih innifsu, kienx suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita inċidenza individwali, minflok ma kkunsidrathom kollettivament. Il-Qorti Ġenerali kienet żbaljata wkoll fl-evalwazzjoni tar-rilevanza legali tal-fatturi invokati mill-appellanti, peress li kull fattur huwa evidentement rilevanti u sinjifikattiv f’dan ir-rigward.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-evalwazzjoni tat-test legali speċifiku għall-inċidenza individwali dwar jekk il-miżura kkontestata għandiex effett kunsiderevoli fuq il-pożizzjoni tal-applikanti fis-suq. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji fir-rigward tal-applikabbiltà u l-applikazzjoni ta’ dan it-test.

____________

1 (ĠU 2022, L 283, p. 4