Language of document : ECLI:EU:C:2019:955

Kawża C261/18

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

L-Irlanda

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat12 ta’ Novembru 2019

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Sentenza tal-Qorti li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni – Direttiva 85/337/KEE – Awtorizzazzjoni u kostruzzjoni ta’ qasam ta’ mtieħen tar-riħ – Proġett li jista’ jkollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent – Assenza ta’ evalwazzjoni minn qabel tal-effetti fuq l-ambjent – Obbligu ta’ regolarizzazzjoni – Artikolu 260(2) TFUE – Talba għal kundanna għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità u ta’ somma f’daqqa”

1.        Ambjent – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent – Direttiva 85/337 – Obbligu għall-awtoritajiet kompetenti li jwettqu l-evalwazzjoni qabel l-awtorizzazzjoni – Ommissjoni talevalwazzjoni – Obbligu għall-awtoritajiet li jirrimedjaw għal dan – Portata – Evalwazzjoni mwettqa bħala regolarizzazzjoni wara l-kostruzzjoni u t-tqegħid fis-servizz tal-installazzjoni kkonċernata – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Artikolu 4(3) TUE; Direttiva tal-Kunsill 85/337, kif emendata bid-Direttiva 97/11, Artikoli 2(1) u 4(1) u (2))

(ara l-punti 72 sa 78)

2.        Ambjent – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent – Direttiva 85/337 – Obbligu għall-awtoritajiet kompetenti li jwettqu l-evalwazzjoni qabel l-awtorizzazzjoni – Ommissjoni tal-evalwazzjoni – Obbligu għall-awtoritajiet li jirrimedjaw għal dan – Portata – Assenza ta’ evalwazzjoni ulterjuri – Ksur

(Direttiva tal-Kunsill 85/337, kif emendata bid-Direttiva 97/11, Artikolu 2(1) u (4))

(ara l-punti 79 sa 84)

3.        Stati Membri – Obbligi – Implimentazzjoni ta’ direttivi – Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Ġustifikazzjoni bbażata fuq l-ordinament intern – Inammissibbiltà

(Artikolu 258 TFUE)

(ara l-punti 89 sa 91)

4.        Stati Membri – Obbligi – Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Ġustifikazzjoni – Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Invokazzjoni tal-prinċipju minn Stat Membru sabiex jostakola l-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Inammissibbiltà

(Artikolu 258 TFUE)

(ara l-punti 92, 93)

5.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Nuqqas tat-twettiq tal-obbligu li tiġi eżegwita s-sentenza – Sanzjonijiet pekunjarji – Somma f’daqqa – Determinazzjoni tal-ammont – Kriterji – Gravità u tul tal-ksur – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza fil-qasam tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent

(Artikolu 260(2) TFUE; Direttiva tal-Kunsill 85/337, kif emendata bid-Direttiva 97/11)

(ara l-punti 115 sa 123)

6.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Nuqqas tat-twettiq tal-obbligu li tiġi eżegwita s-sentenza – Sanzjonijiet pekunjarji – Somma f’daqqa – Determinazzjoni tal-ammont – Kriterji – Kapaċità ta’ ħlas – Data ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 260(2) TFUE)

(ara l-punt 124)

7.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Nuqqas tat-twettiq tal-obbligu li tiġi eżegwita s-sentenza – Sanzjonijiet pekunjarji – Somma f’daqqa – Determinazzjoni tal-forma u tal-ammont – Setgħa diskrezzjonali tal-Qorti tal-Ġustizzja – Kriterji

(Artikolu 260(2) TFUE)

(ara l-punti 131 sa 135)

Sunt

L-Irlanda hija kkundannata għal sanzjonijiet pekunjarji għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li timponi b’mod partikolari levalwazzjoni ambjentali ta’ qasam ta’ mtieħen tar-riħ

Fis-sentenza Il‑Kummissjoni Ewropea vs L‑Irlanda (C‑261/18), mogħtija fit‑12 ta’ Novembru 2019, il-Qorti tal-Ġustizzja, komposta bħala Awla Manja, ikkundannat lill-Irlanda għal sanzjonijiet pekunjarji minħabba li ma tatx segwitu konkret għas-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (1), inkwantu l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonstatat ksur tad-Direttiva 85/337 (2) mill-Irlanda li rriżulta mill-kostruzzjoni ta’ qasam ta’ mtieħen tar-riħ f’Derrybrien (l-Irlanda) mingħajr evalwazzjoni minn qabel tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent.

Wara l-għoti tas-sentenza tal‑2008, l-Irlanda kienet stabbilixxiet proċedura ta’ regolarizzazzjoni li permezz tagħha hija fittxet li tippermetti lill-operatur tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ f’Derrybrien li jikkonforma ruħu mar-rekwiżiti tad-Direttiva 85/337. Madankollu, peress li l-operatur tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ ma kienx issottometta ruħu għal din il-proċedura u li din tal-aħħar lanqas ma kienet inbdiet mill-awtoritajiet Irlandiżi ex officio, il-Kummissjoni ressqet it-tieni rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Qabelxejn, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat l-obbligi tal-Istati Membri meta proġett ikun ġie awtorizzat bi ksur tal-obbligu li titwettaq evalwazzjoni minn qabel tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent prevista mid-Direttiva 85/337. Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-Istati Membri, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jirrimedjaw l-ommissjoni ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Dawn huma, b’mod partikolari, obbligati li jwettqu evalwazzjoni bħala regolarizzazzjoni u dan ukoll wara t-tqegħid fis-servizz ta’ installazzjoni. Tali evalwazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-effetti futuri tal-installazzjoni inkwistjoni, iżda wkoll l-effetti ambjentali li seħħew sa mill-istabbiliment tagħha. Dan jista’ jwassal għall-modifika jew għall-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija bi ksur tal-obbligu ta’ evalwazzjoni minn qabel.

Issa, minkejja r-riforma leġiżlattiva li introduċiet proċedura ta’ regolarizzazzjoni, l-Irlanda naqset milli twettaq evalwazzjoni ġdida tal-effetti tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ fuq l-ambjent, u dan imur kontra l-awtorità marbuta mas-sentenza tal‑2008.

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet id-diversi argumenti mressqa mill-Irlanda sabiex tiġġustifika ruħha. Minn naħa, l-Irlanda ma tistax tinvoka dispożizzjonijiet nazzjonali li jillimitaw il-possibbiltajiet ta’ bidu ta’ proċedura ta’ regolarizzazzjoni introdotta bl-għan li tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal‑2008. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-awtoritajiet nazzjonali kienu obbligati jirrimedjaw l-ommissjoni tal-evalwazzjoni tal-effetti u li l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 85/337 kienu imposti wkoll fuq l-operatur tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ, peress li dan kien ikkontrollat mill-Irlanda. Min-naħa l-oħra, għalkemm l-awtorizzazzjonijiet għall-kostruzzjoni tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ f’Derrybrien saru definittivi, iċ-ċertezza legali u l-aspettattivi leġittimi tal-operatur tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ fi drittijiet miksuba ma jistgħux jiġu invokati mill-Irlanda sabiex tiġi eżentata mill-konsegwenzi li jirriżultaw minn konstatazzjoni oġġettiva tan-nuqqas ta’ osservanza tad-Direttiva 85/337. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-proġetti li l-awtorizzazzjoni tagħhom ma għadhiex esposta għal rikors kontenzjuż dirett ma jistgħux ikunu purament u sempliċement meqjusa bħala legalment awtorizzati fir-rigward tal-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

Fid-dawl tal-gravità u tat-tul tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, peress li iktar minn ħdax‑il sena għaddew mis-sentenza tal‑2008 mingħajr ma ġew adottati l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha magħha, u fid-dawl tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Irlanda, il-Qorti tal-Ġustizzja kkundannat lil dan l-Istat Membru jħallas lill-Kummissjoni Ewropea somma f’daqqa ta’ ammont ta’ EUR 5 000 000 kif ukoll pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 15 000 għal kull jum mill-għoti tas-sentenza sad-data tal-eżekuzzjoni tas-sentenza tal‑2008.


1      Sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380).


2      Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas‑27 ta’ Ġunju 1985 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248).