Language of document : ECLI:EU:C:2018:395

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

6 ta’ Ġunju 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/96/KE – Tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u fuq l-elettriku – Artikolu 21(3) – Fatt taxxabbli – Konsum ta’ prodotti ta’ enerġija fiż-żona tal-istabbiliment li jipproduċi prodotti ta’ enerġija – Prodotti ta’ enerġija użati f’modi differenti milli bħala karburant għall-magni jew bħala kombustibbli – Konsum ta’ solvent bħala karburant f’installazzjoni tad-distillazzjoni tal-qatran”

Fil-Kawża C‑49/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Jannar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Frar 2017, fil-proċedura

Koppers Denmark ApS

vs

Skatteministeriet,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Arabadjiev, S. Rodin u E. Regan (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali : M. Szpunar,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑10 ta’ Jannar 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Koppers Denmark ApS, minn L. Kjær, advokat,

–        għall-Gvern Daniż, minn C. Thorning, bħala aġent, assistit minn B. Søes Petersen, advokat,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Perrin u R. Lyal, bħala aġenti, assistiti minn C. Bachmann, advokat,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Frar 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas‑27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Koppers Denmark ApS (iktar ’il quddiem “Koppers”) u l-iSkatteministeriet (il-Ministeru tat-Taxxi, id-Danimarka) fir-rigward taċ-ċaħda tat-talba għal rimbors magħmula minn Koppers lil din tal-aħħar għat-taxxa fuq l-enerġija mħallsa għall-konsum tagħha ta’ solvent bħala kombustibbli bejn l‑1 ta’ Ottubru 2005 u l‑31 ta’ Diċembru 2007 (iktar ’il quddiem il-“perijodu rilevanti”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 2 sa 7, 11, 12, 22 u 24 tad-Direttiva 2003/96 jiddikjaraw:

“(2)      L-assenza ta’ proviżżjonijiet tal-Komunità li timponi rata minima ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku u prodotti ta’ enerġija minbarra żjut minerali tista’ taffetwa ħażin il-funzjonijiet kif suppost tas-suq intern.

(3)      Il-funzjonijiet kif suppost tas-suq intern u s-seħħ ta’ għanijiet ta’ politiki oħra tal-Kommunità jinħtieġu livelli minimi ta’ tassazzjoni li jkunu stabbiliti fuq livell Kommunitarju għall-bosta mill-prodotti tal-enerġija, u jinkludu l-elettriku, gass naturali u faħam.

(4)      Differenzi sostanzjali dwar livelli nazzjonali ta’ tassazzjoni fuq l-enerġija minn Stati Membri tista’ tkun ta’ detriment għall-funzjonament kif suppost tas-suq intern.

(5)      L-istabbilament ta’ livelli minimi u approprijati ta’ tassazzjoni mill-Kommunità tista’ tnaqqas differenzi eżistenti ta’ tassazzjoni fil-livell nazzjonali.

(6)      Skond l-Artikolu 6 tat-Trattat [KE], il-ħtiġijiet dwar il-protezzjoni ta’ l-ambjent għandhom jiġu integrati fid-definizzjoni u implimentazzjoni ta’ politiki oħra tal-Komunità.

(7)      Bħala sieħba tal-konvenzjoni kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar tibdil fil-klima, il-Komunità irratifikat il-Protokoll ta’ Kyoto. It-tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u, fejn xieraq, ta’ l-elettriku hija waħda mill-istrumenti disponibbli biex jinkisbu l-iskopijiet tal-Protokoll ta’ Kyoto.

[...]

(11)      Arranġamenti fiskali magħmula b’konnessjoni ma’ l-implimentazzjoni ta’ dan il-qafas fi ħdan il-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku huma suġġett għal kull Stat Membru li jiddeċiedi. F’dan ir-rigward, Stati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jgħollux il-piż globali tat-taxxa jekk huma jikkonsidraw li l-implimentazzjoni ta’ dan il-prinċipju ta’ newtralità fuq it-taxxa jista’ jikkontribwixxi għall-ristrutturar u l-immodernizzar tas-sistema tagħhom ta’ tassazzjoni billi jinkoraġixxi aġir li jwassal għall-protezzjoni ikbar ta’ l-ambjent u li jżid ix-xogħol.

(12)      Prezzijiet fuq l-enerġija huma elementi importanti għall-politiki tal-Komunità dwar enerġija, trasport u ambjent.

[...]

(22)      Prodotti ta’ enerġija essenzalment għandhom ikunu suġġett għall-qafas fi ħdan il-Komunità meta jkunu użati bħala karburant li jsaħħan jew karburant għall-karozzi. Għal dan il-għan, hija fin-natura u l-loġika tas-sistema ta’ taxxa li teskludi mill-iskop ta’ dan il-qafas l-użu doppju u użu ta’ prodotti ta’ enerġija li mhux karburant kif ukoll ipproċessar tal-mineraloġija. Elettriku użata bl-istess manjiera għandha tiġi ttrattat l-istess.

[...]

(24)      Stati Membri għandhom jiġu permessi li japplikaw eżenzjonijiet oħra jew livelli mnaqqsa ta’ tassazzjoni, sakemm dan ma jkunx ta’ detriment għall-iffunzjonar kif suppost tas-suq intern u li ma jirriżultax fi tfixkil tal-kompetizzjoni.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Stati Membri għandhom jimponu tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku skond din id-Direttiva.”

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminiloġija ‘prodotti ta’ enerġija’ għandha tapplika għall-prodotti:

[...]

b)      li huma deskritti taħt Kodiċi NM 2701, 2702 u 2704 sa 2715;

[...]

4.      Din id-Direttiva ma tapplikax għal:

[...]

b)      l-użu kif imniżżel hawn taħt ta’ prodotti ta’ enerġija u elettriku:

–        prodotti ta’ enerġija użati mhux bħala karburant tal-karozzi jew karburant biex isaħħan [kombustibbli],

[...]

Madankollu, l-Artikolu 20 għandu japplika fuq dawn il-prodotti ta’ enerġija.”

6        Skont l-Artikolu 21(3) ta’ din l-istess direttiva:

“Il-konsum ta’ prodotti ta’ enerġija f’żona tmiss ma stabilliment [prodotti ta’ enerġija fiż-żona tal-istabbiliment] li jipproduċi prodotti ta’ enerġija ma għandux jiġi kknsidrat bħala l-att li jwassal għal ħlas li jagħti lok għall-tassazzjoni, jekk il-konsum jikkonsisti fi prodotti ta’ enerġija magħmula fiż-żona ta’ l-isatbbiliment. Stati membri jistgħu jikkonsidraw ukoll il-konsum ta’ l-elettriku u prodotti oħra ta’ enerġija li ma jiġux magħmula fiż-żona ta’ stabbiliment bħal dan u l-konsum ta’ prodotti ta’ enerġija u elettriku fiż-żona tmiss ma stabbbiliment fejn issir produzzjoni ta’ [kombustibbli] biex jintużaw għall-ġenerazzjoni ta’ elettriku li ma jagħtux lok għal l-att li jwassal għal ħlas. [...]”

 Id-dritt Daniż

7        Is-solvent użat bħala kombustibbli kien, matul il-perijodu rilevanti, suġġett għat-taxxa fid-Danimarka, bis-saħħa tal-Artikolu 1(3) tal-mineralolieafgiftslov (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq iż-Żjut Minerali), tal-punt 1 tal-Artikolu 1(1) tal-kuldioxidafgiftslov (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dijossidu tal-Karbonju) u tal-Artikolu 1(1) tas-svovlafgiftslov (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq is-Sulfur).

8        L-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 ġie traspost fl-ordinament ġuridiku Daniż permezz tal-Artikolu 7(3) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dijossidu tal-Karbonju u permezz tal-Artikolu 8(4) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq is-Sulfur.

9        Matul il-perijodu rilevanti, l-Artikolu 7(3) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dijossidu tal-Karbonju kien ifformulat kif ġej:

“Il-prodotti ta’ enerġija koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(1) li jintużaw direttament għall-produzzjoni ta’ prodott ta’ enerġija ekwivalenti huma eżenti mit-taxxa fuq id-dijossidu tal-karbonju. Madankollu, dan ma japplikax għall-prodotti ta’ enerġija li jintużaw bħala karburant tal-karozzi.”

10      Matul dan l-istess perijodu, l-Artikolu 8(4) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq is-Sulfur kien jipprevedi:

“Il-prodotti ta’ enerġija koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1 li jintużaw direttament għall-produzzjoni ta’ prodott ta’ enerġija ekwivalenti huma eżenti mit-taxxa fuq is-sulfur. Madankollu dan ma japplikax għall-prodotti ta’ enerġija li jintużaw bħala karburant tal-karozzi”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      Fl-installazzjonijiet tagħha f’Nyborg (id-Danimarka), Koppers timmanifattura, permezz ta’ raffinament u distillazzjoni ta’ qatran tal-faħam, il-prodotti li ġejjin: żift għall-anodi, idrokarbonju li jservi għall-karbonju iswed, krijożot, naftalina, residwu ta’ distillazzjoni tan-naftalina (NSR) u solvent. Il-prodott prinċipali ta’ Koppers huwa ż-żift għall-anodi, li jirrappreżenta madwar 45 % tal-prodotti tterminati. Il-produzzjoni ta’ solvent minn Koppers tirrappreżenta madwar 3 sa 4 % tal-produzzjoni totali tagħha.

12      Koppers teżerċita l-attivitajiet tagħha f’żewġ installazzjonijiet interkonnessi u li jiddependu fuq sistema komuni għall-provvista tas-sħana, waħda li tiddistilla l-qatran u l-oħra li tipproduċi n-naftalina. Ir-residwi tal-installazzjoni ta’ distillazzjoni tal-qatran huma ttrasformati fl-installazzjoni ta’ produzzjoni ta’ naftalina u s-solvent, immanifatturat b’mod aċċessorju f’din tal-aħħar, jintuża bħala kombustibbli fl-installazzjoni ta’ distillazzjoni tal-qatran. Is-solvent jintuża wkoll bħala kombustibbli biex jinħarqu l-gassijiet ta’ distillazzjoni tal-installazzjoni ta’ qatran u tal-installazzjoni ta’ produzzjoni ta’ naftalina. Is-sħana li toħroġ minn dan il-proċess ta’ kombustjoni jintuża mill-ġdid fl-installazzjonijiet.

13      Mill-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-prodotti kollha mmanifatturati minn Koppers fl-installazzjonijiet tagħha ta’ Nyborg huma kklassifikati taħt l-intestaturi 2707 jew 2708 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat‑23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana. (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382, iktar ’il quddiem in-“NM”) u jistgħu jintużaw bħala kombustibbli. Madankollu s-solvent huwa l-uniku prodott immanifatturat fl-installazzjonijiet ta’ Koppers li din tuża bħala kombustibbli u li, għalhekk, jista’ jiġi ssuġġettat għal taxxi fuq l-enerġija.

14      Inizjalment Koppers iddikjarat il-konsum tagħha ta’ solvent bħala wieħed suġġett għat-taxxa, iżda hija talbet, permezz ta’ ittri tat‑13 ta’ Novembru 2008 u tat‑22 ta’ Diċembru 2008, ir-rimbors tat-taxxa relatata mal-perijodu rilevanti, billi sostniet li tali konsum kien eżentat.

15      SKAT (l-Amministrazzjoni Fiskali, id-Danimarka) adottat, fl‑24 ta’ Settembru 2010, deċiżjoni fejn il-konsum ta’ solvent bħala kombustibbli fl-installazzjoni ta’ distillazzjoni ta’ qatran ma kienx eżentat, inkwantu s-solvent ma kienx jintuża għall-manifattura ta’ enerġija ekwivalenti, fejn il-prodotti mmanifatturati ma kinux taxxabbli.

16      Koppers ressqet ilment kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Landsskatteret (il-Kummissjoni Fiskali Nazzjonali, id-Danimarka), li kkonfermat, fit‑8 ta’ Ġunju 2015, id-deċiżjoni tal-Amministrazzjoni Fiskali minħabba li, b’mod partikolari, il-konsum ta’ solvent minn Koppers bħala kombustibbli ma kienx kopert mill-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96, peress li s-solvent ma kienx jintuża għall-manifattura tal-prodotti ta’ enerġija li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

17      Fis‑7 ta’ Settembru 2015, Koppers ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal-Landsskatteret (il-Kummissjoni Fiskali Nazzjonali) quddiem ir-Retten i Svendborg (il-Qorti Muniċipali ta’ Svendborg, id-Danimarka), li ddeċidiet, fid-dawl tal-kwistjonijiet ta’ prinċipju mqajma mit-tilwima, li tirrinvija l-kawża quddiem l-Østre Landsret (il-Qorti ta’ Appell tar-Reġjun tal-Lvant), bħala qorti tal-ewwel istanza.

18      Skont il-qorti tar-rinviju, is-soluzzjoni tat-tilwima li biha hija adita tiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 21(3) ta’ din id-direttiva, liema interpretazzjoni tqajjem dubji raġonevoli.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 21(3) tad-Direttiva [2003/96] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konsum ta’ prodotti ta’ enerġija awtoprodotti għall-produzzjoni ta’ prodotti ta’ enerġija oħra huwa eżenti mit-taxxa f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-prodotti ta’ enerġija li jkunu ġew prodotti ma jintużawx bħala karburant għall-magni jew bħala kombustibbli għat-tisħin?

2)      L-Artikolu 21(3) tad-Direttiva [2003/96] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni biss għall-konsum ta’ prodott ta’ enerġija li jintuża għall-produzzjoni ta’ prodott ta’ enerġija ekwivalenti (jiġifieri prodott ta’ enerġija li, bħall-prodott ta’ enerġija kkonsmat, huwa wkoll taxxabbli)?”.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

20      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-konsum ta’ prodotti ta’ enerġija, fi ħdan stabbiliment li pproduċihom, għall-finijiet tal-manifattura ta’ prodotti oħra ta’ enerġija jirriżulta mill-eċċezzjoni għdwar il-fatt taxxabbli previst f’din id-dispożizzjoni meta, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-prodotti mmanifatturati bħala attività prinċipali tal-istabbiliment ikkonċernat huma intiżi għal użu ieħor minbarra dak ta’ karburant jew ta’ kombustibbli.

21      Jeħtieġ li jiġi osservat li, għalkemm il-formulazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(3) tal-imsemmija direttiva tirrigwarda l-konsum ta’ prodotti ta’ enerġija fi ħdan stabbiliment li jipproduċi prodotti ta’ enerġija, hija ma tispjegax l-użu li għalih huma intiżi l-prodotti finali mmanifatturati bħala attività prinċipali ta’ tali stabbiliment.

22      Issa, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-interpretazzjoni litterali ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tippermettix li tiġi evalwata l-portata eżatta tagħha, ikun hemm lok li din tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2017, Austria Asphalt, C‑248/16, EU:C:2017:643, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-istruttura tad-Direttiva 2003/96, l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi dak li jeħtieġ li jinftiehem bi “prodotti ta’ enerġija” fis-sens tal-istess direttiva. F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-prodotti kollha mmanifatturati minn Koppers jistgħu jiġu kkwalifikati, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, bħala “prodotti ta’ enerġija” u din il-kumpannija tista’, minħabba dan il-fatt, titlob li tibbenefika mill-eċċezzjoni li tirrigwarda l-fatt taxxabbli prevista fl-Artikolu 21(3) ta’ din id-direttiva.

24      Madankollu, jeħtieġ li jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-premessa 22 ta’ din l-istess direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li l-prodotti ta’ enerġija għandhom prinċipalment ikunu suġġetti għal qafas leġiżlattiv komuni għall-Istati Membri meta jintużaw bħala karburant jew bħala kombustibbli u li għaldaqstant huwa inerenti għan-natura kif ukoll għal-loġika tal-fiskalità li mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-qafas jiġu esklużi, b’mod partikolari, il-prodotti ta’ enerġija użati għal finijiet minbarra dak ta’ karburant jew ta’ kombustibbli. B’hekk, anki li kieku kellhom jaqgħu taħt id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti ta’ enerġija” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/96, tali prodotti huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva permezz tal-ewwel inċiż tal-imsemmi Artikolu 2(4)(b) jekk ma jkunux intiżi li jintużaw bħala karburant jew bħala kombustibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2007, Fendt Italiana, C‑145/06 u C‑146/06, EU:C:2007:411, punti 35 u 43)

25      Għalhekk, kif isostnu l-Gvern Daniż u l-Kummissjoni Ewropea, jekk jinqraw flimkien il-paragrafi 1 u 4 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/96 jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tagħha japplikaw għall-prodotti li, fl-istess waqt, huma ddefiniti fiha bħala prodotti ta’ enerġija u jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

26      Bħala eċċezzjoni, bis-saħħa tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda li, madankollu, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva għandhom japplikaw għall-prodotti ta’ enerġija li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Artikolu 2(4) tagħha. Issa, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li ma kinitx intiża eċċezzjoni simili fir-rigward tal-Artikolu 21(3) tal-imsemmija direttiva.

27      Kif jirriżulta mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, sa fejn il-prodotti mmanifatturati minn Koppers bħala attività prinċipali tagħha ma humiex intiżi, b’mod partikolari minħabba l-proprjetajiet rispettivi tagħhom, sabiex jintużaw bħala karburant jew bħala kombustibbli, dawn huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/96. Għaldaqstant, il-konsum ta’ solvent għall-finijiet tal-manifattura ta’ dawn il-prodotti ma tistax tirriżulta mill-eċċezzjoni li tirrigwarda l-fatt taxxabbli msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(3) ta’ din id-direttiva.

28      Fit-tieni lok, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-għanijiet li l-imsemmija direttiva tixtieq tilħaq. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, billi tipprevedi sistema ta’ tassazzjoni armonizzata tal-prodotti ta’ enerġija u tal-elettriku, id-Direttiva 2003/96 tixtieq, hekk kif jirriżulta mill-premessi 2 sa 7, 11, 12 u 24 tagħha, għan doppju, jiġifieri, minn naħa, li tippromwovi l-funzjonament tajjeb tas-suq intern fis-settur tal-enerġija, billi tevita, b’mod partikolari, id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, u, min-naħa l-oħra, li tinċentiva għanijiet ta’ politika ambjentali (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2017, Hüttenwerke Krupp Mannesmann, C‑465/15, EU:C:2017:640, punt 26, u tas‑7 ta’ Marzu 2018, Cristal Union, C‑31/17, EU:C:2018:168, punti 29 u 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Kif isostni l-Gvern Daniż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-applikazzjoni tal-Artikolu 21(3) ta’ din id-direttiva għall-manifattura ta’ “prodotti ta’ enerġija”, biss fis-sens tal-Artikolu 2(1) tagħha, meta dawn huma intiżi għal użi minbarra dawk ta’ karburant jew ta’ kombustibbli, ikollha bħala konsegwenza li tinħoloq lakuna fi ħdan is-sistema ta’ tassazzjoni armonizzata stabbilita mill-imsemmija direttiva, fejn b’hekk jiġu esklużi mit-taxxa, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, prodotti ta’ enerġija li bħala prinċipju jkunu suġġetti għaliha.

30      Fil-fatt, f’ċirkustanzi bħal dawn, minn naħa, il-konsum ta’ prodotti ta’ enerġija, bħas-solvent inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jkollu jkun suġġett għal tassazzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/96, ikun jibbenefika mill-eċċezzjoni li tirrigwarda l-fatt taxxabbli prevista fl-Artikolu 21(3) ta’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ tassazzjoni ta’ dawn il-prodotti ma tiġix paċuta bit-tassazzjoni sussegwenti tal-prodotti ta’ enerġija mmanifatturati, inkwantu dawn tal-aħħar ma humiex intiżi li jintużaw bħala karburant jew bħala kombustibbli.

31      Konsegwentement, kunsiderazzjoni f’sens li l-Artikolu 21(3) tal-imsemmija direttiva għandu japplika f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tippreġudika l-funzjonament it-tajjeb tas-suq intern fis-settur tal-enerġija, li, kif tfakkar fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, huwa wieħed mill-għanijiet li jridu jintlaħqu permezz tal-introduzzjoni ta’ tali sistema.

32      L-integrità tas-sistema ta’ tassazzjoni armonizzata tal-prodotti ta’ enerġija stabbilita permezz tad-Direttiva 2003/96 tirrikjedi, għaldaqstant, li l-konsum ta’ tali prodotti jitqies li jirriżulta mill-eċċezzjoni li tirrigwarda l-fatt taxxabbli, bis-saħħa tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(3) ta’ din id-direttiva, biss jekk iseħħ għall-finijiet tal-manifattura ta’ prodotti li jaqgħu huma stess taħt din it-tassazzjoni minħabba l-użu tagħhom bħala karburant jew bħala kombustibbli.

33      Din l-interpretazzjoni ma tistax titqiegħed inkwistjoni bl-argument imqajjem minn Koppers li interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti ta’ enerġija” li jinsab fl-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 fuq is-sempliċi bażi tad-definizzjoni ta’ dan il-kunċett prevista fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva hija mixtieqa għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent u ta’ sfruttament tar-riżorsi, sa fejn dan jinċentiva lill-impriżi jużaw il-prodotti ta’ enerġija li huma stess immanifatturaw.

34      Kif tfakkar fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, minbarra l-promozzjoni tal-funzjonament it-tajjeb tas-suq intern fis-settur tal-enerġija, id-Direttiva 2003/96 għandha bħala għan li tinċentiva għanijiet ta’ politika ambjentali. Madankollu, wieħed ma jistax isostni li r-rekwiżit tal-użu bħala karburant jew bħala kombustibbli tal-prodotti mmanifatturati għall-għanijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 21(3) ta’ din id-direttiva jmur kontra dan l-għan. Għall-kuntrarju, permezz ta’ din id-dispożizzjoni, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni għaqqad iż-żewġ għanijiet li jridu jintlaħqu mill-imsemmija direttiva.

35      Fil-fatt, hemm lok li jiġi osservat li t-tieni sentenza tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 tipprevedi biss diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri sabiex iqisu, b’mod partikolari, li l-konsum tal-elettriku u ta’ prodotti oħra ta’ enerġija sabiex jiġu mmanifatturati prodotti ta’ enerġija, meta l-prodotti kkunsmati nnifishom ma jkunux prodotti fiż-żona tal-istabbiliment, ma jikkostitwixxix fatt taxxabbli.

36      Min-naħa l-oħra, l-eċċezzjoni li tirrigwarda l-fatt taxxabbli hija applikabbli, bis-saħħa tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(3), meta l-prodotti ta’ enerġija kkunsmati nnifishom ikunu mmanifatturati fiż-żona tal-istabbiliment. Għalhekk, permezz ta’ dan l-obbligu fuq l-Istati Membri, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jinċentiva l-kundizzjonijiet ta’ produzzjoni li jirrigwardaw l-effikaċja enerġetika.

37      Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konsum ta’ prodotti ta’ enerġija, fiż-żona ta’ stabbiliment li pproduċihom, għall-finijiet tal-manifattura ta’ prodotti oħra ta’ enerġija, ma jirriżultax mill-eċċezzjoni li tirrigwarda l-fatt taxxabbli prevista f’din id-dispożizzjoni meta, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-prodotti ta’ enerġija mmanifatturati bħala attività prinċipali ta’ tali stabbiliment ikunu intiżi għal użi minbarra dawk ta’ karburant jew ta’ kombustibbli.

 Fuq it-tieni domanda

38      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq l-ispejjeż

39      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 21(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konsum ta’ prodotti ta’ enerġija, fiż-żona ta’ stabbiliment li pproduċihom, għall-finijiet tal-manifattura ta’ prodotti oħra ta’ enerġija, ma jirriżultax mill-eċċezzjoni li jirrigwarda l-fatt taxxabbli prevista f’din id-dispożizzjoni meta, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-prodotti ta’ enerġija mmanifatturati bħala attività prinċipali ta’ tali stabbiliment ikunu intiżi għal użi minbarra dawk ta’ karburant jew ta’ kombustibbli.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: id-Daniż.