Language of document : ECLI:EU:C:2024:331

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

18 ta’ April 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) 2015/848 – Proċeduri ta’ insolvenza – Proċedura ta’ insolvenza prinċipali fil-Ġermanja u proċedura sekondarja ta’ insolvenza fi Spanja – Kontestazzjoni tal-inventarju u tal-lista tal-kredituri ppreżentati mill-prattikant fl-insolvenza fil-proċedura sekondarja ta’ insolvenza – Klassifikazzjoni tal-pretensjonijiet tal-ħaddiema – Data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni – Trasferiment ta’ attiv li jinsab fi Spanja lejn il-Ġermanja – Kostituzzjoni tal-patrimonju ta’ proċedura sekondarja ta’ insolvenza – Parametri temporali li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni”

Fil-Kawżi magħquda C‑765/22 u C‑772/22,

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Mercantil no 1 de Palma de Mallorca (il-Qorti Kummerċjali Nruo 1 ta’ Palma de Mallorca, Spanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑24 ta’ Novembru 2022 (C‑765/22) u tal‑25 ta’ Novembru 2022 (C‑772/22), li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Diċembru 2022 u fid‑19 ta’ Diċembru 2022, rispettivament, fil-proċeduri

Luis Carlos,

Severino,

Isidora,

Angélica,

Paula,

Luis Francisco,

Delfina

vs

Air Berlin Luftverkehrs KG, Sucursal en España (C‑765/22),

u

Victoriano,

Bernabé,

Jacinta,

Sandra,

Patricia,

Juan Antonio,

Verónica

vs

Air Berlin Luftverkehrs KG, Sucursal en España,

Air Berlin PLC & Co. Luftverkehrs KG (C‑772/22),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tielet Awla, N. Piçarra, N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Luis Carlos, Severino, Isidora, Angélica, Paula, Luis Francisco, Delfina, Victoriano, Bernabé, Jacinta, Sandra, Patricia, Juan Antonio u Verónica minn A. Martínez Domingo, abogado, u M. I. Muñoz García, procuradora,

–        għal Air Berlin Luftverkehrs KG, Sucursal en España, minn L. A. Martín Bernardo, administrador concursal,

–        għall-Gvern Spanjol, minn A. Ballesteros Panizo, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Pardo Quintillán u W. Wils, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni, minn naħa, tal-Artikolu 7(1) u (2)(g) u (h) u tal-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2015, Vol. 141, p. 19, rettifika fil-ĠU 2016, L 349, p. 9), moqrija flimkien mal-premessa 72 ta’ dan ir-regolament, u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 3(2), tal-Artikolu 21(1) u (2) u tal-Artikolu 34 tal-imsemmi regolament.

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, l-ewwel waħda, minn naħa, Luis Carlos, Severino, Isidora, Angglica, Paula, Luis Francisco u Delfina u, min-naħa l-oħra, Air Berlin Luftverkehrs KG, Sucursal en España (iktar ’il quddiem “Air Berlin Spanja”), dwar il-kontestazzjoni tal-inventarju u tal-lista tal-kredituri stabbiliti mill-prattikant fl-insolvenza fil-kuntest ta’ proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza miftuħa kontra Air Berlin Spanja fit-territorju Spanjol (Kawża C‑765/22) u, it-tieni waħda, minn naħa, Victoriano, Bernabé, Jacinta, Sandra, Patricia, Juan Antonio u Verónica u, min-naħa l-oħra, Air Berlin Spanja u Air Berlin PLC & Co. Luftverkehrs KG (iktar ’il quddiem “Air Berlin”), dwar il-kontestazzjoni ta’ att li permezz tiegħu sar it-trasferiment ta’ attivi ’l barra minn dan it-territorju (Kawża C‑772/22).

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        Il-premessi 3, 22, 23, 40, 46, 48, 66 sa 68 u 72 tar-Regolament 2015/848 huma redatti kif ġej:

“(3)      Il-funzjonament xieraq tas-suq intern jeħtieġ li l-proċedimenti transkonfinali ta’ insolvenza joperaw b’effiċjenza u b’effettività. Dan ir-Regolament jeħtieġ li jiġi adottat sabiex jinkiseb dak l-objettiv, li jaqa’ taħt l-ambitu tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili fit-tifsira tal-Artikolu 81 tat-Trattat.

[…]

(22)      Dan ir-Regolament jirrikonoxxi l-fatt li b’riżultat ta’ liġijiet sostantivi li huma differenti ħafna minn xulxin, mhux prattiku li jkunu introdotti proċedimenti ta’ insolvenza b’kamp ta’ applikazzjoni universali madwar l-Unjoni [Ewropea] kollha. F’dan l-isfond, l-applikazzjoni mingħajr eċċezzjoni tal-liġi tal-Istat dwar ftuħ ta’ proċedimenti ta’ spiss twassal għal diffikultajiet. Dan japplika, pereżempju, għal liġijiet nazzjonali ferm differenti dwar interessi ta’ sigurtà li jinsabu fl-Istati Membri. Barra minn hekk, id-drittijiet preferenzjali li jgawdu wħud mill-kredituri fi proċedimenti ta’ insolvenza huma, f’ċerti każi, għalkollox differenti. Fir-rieżami li jmiss ta’ dan ir-Regolament, ser ikun meħtieġ li jiġu identifikati aktar miżuri sabiex jittejbu d-drittijiet preferenzjali tal-impjegati fil-livell Ewropew. Dan ir-Regolament għandu jieħu konsiderazzjoni tal-liġijiet nazzjonali differenti f’ żewġ modi differenti. Minn naħa l-waħda, għandhom jiġu magħmula regoli speċjali dwar l-applikabilità tal-liġi fil-każ ta’ drittijiet partikolarment sinjifikanti u relazzjonijiet legali (eżempju drittijiet in rem u kuntratti ta’ impjieg). Minn naħa l-oħra, proċedimenti nazzjonali li jkopru biss assi li jinstabu fl-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti, għandhom ukoll ikunu permissibbli flimkien mal-proċedimenti prinċipali ta’ insolvenza b’kamp ta’ applikazzjoni universali.

(23)      Dan ir-Regolament jawtorizza l-proċedimenti prinċipali ta’ insolvenza li jinbdew fl-Istat Membru fejn id-debitur ikollu ċ-ċentru prinċipali tal-interessi tiegħu. Dawk il-proċedimenti għandhom ambitu universali u huma mmirati li jkopru l-assi kollha tad-debitur Sabiex tiġi protetta d-diversità ta’ interessi, dan ir-Regolament jippermetti proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza li jinfetħu sabiex jimxu flimkien mal-proċedimenti prinċipali. Proċedimenti sekondarji jistgħu jinfetħu fl-Istat Membru fejn id-debitur ikollu stabbiliment. L-effetti ta’ proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza huma limitati għall-assi li jinsabu f’dak l-Istat. Regoli mandatorji ta’ koordinazzjoni mal-proċedimenti prinċipali ta’ insolvenza jissodisfaw il-ħtieġa ta’ unità fl-Unjoni.

[…]

(40)      Proċeduri sekondarji ta’ insolvenza jistgħu jservu diversi skopijiet, apparti mill-protezzjoni ta’ interessi lokali. Jistgħu jinqalgħu każijiet fejn il-patrimonju tal-insolvenza tad-debitur ikun kompless wisq biex jiġi amministrat bħala unità jew fejn id-differenzi fis-sistemi legali kkonċernati jkunu tant kbar illi jistgħu jinħolqu diffikultajiet mill-estensjoni ta’ effetti li joriġinaw mil-liġi tal-Istat tal-ftuħ ta’ proċedimenti lill-Istati Membri l-oħra fejn ikunu jinstabu l-assi. Għal dik ir-raġuni, il-prattikant fl-insolvenza jista’ jitlob għal ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza fil-proċeduri prinċipali ta’ insolvenza fejn l-amministrazzjoni effiċjenti tal-patrimonju tal-insolvenza tkun titlob hekk.

[…]

(46)      Sabiex jiġi żgurat il-ħarsien effettiv tal-interessi lokali, il-prattikant fl-insolvenza fil-proċedimenti prinċipali ta’ insolvenza ma għandux ikun jista’ jsarraf jew jerġa’ jalloka, b’mod abbużiv, l-assi li jinsabu fl-Istat Membru fejn jinsab l-istabbiliment, b’mod partikolari, għall-fini li tiġi mxekkla l-possibbiltà li dawn l-interessi jkunu jistgħu effettivament jiġu ssodisfati jekk sussegwentement jinfetħu proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza.

[…]

(48)      […] Sabiex jiġi assigurat ir-rwol dominanti tal-proċediment prinċipali ta’ insolvenza, il-prattikant fl-insolvenza fi proċedimenti bħal dawn għandu jingħata diversi possibbiltajiet għal intervent fi proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza li jkunu pendenti fl-istess żmien. […]

[…]

(66)      Dan ir-Regolament għandu jesiġi, għall-materji koperti minnu, regoli uniformi dwar kunflitt ta’ liġijiet, li jissosttiwixxu, fil-kamp tal-applikazzjoni tagħhom, ir-regoli nazzjonali tal-liġi privata internazzjonali. Sakemm ma jingħadx mod ieħor, għandha tapplika l-liġi tal-Istat Membru tal-ftuħ tal-proċedimenti (lex concursus). Din ir-regola ta’ kunflitt ta’ liġijiet għandha tkun valida kemm għal proċedimenti prinċipali ta’ insolvenza kif ukoll għal proċedimenti lokali. Il-lex concursus tiddetermina l-effetti tal-proċedimenti ta’ insolvenza, kemm proċedurali kif ukoll sostantivi, fuq il-persuni u relazzjonijiet legali li jikkonċernawhom. Jirregola il-kondizzjonijiet kollha għal ftuħ, it-twettieq u l-egħluq tal-proċedimenti ta’ insolvenza.

(67)      L-għarfien awtomatiku ta’ proċedimenti ta’ insolvenza li għalihom normalment tapplika l-liġi tal-Istat li jiftaħ il-proċedimenti jista’ jfixkel ir-regoli li skonthom jitwettqu t-transazzjonijiet fl-Istati Membri l-oħra. Sabiex jitħarsu l-aspettattivi leġittimi u iċ-ċertezza ta’ transazzjonijiet fi Stati Membri apparti minn dak ta’ fejn ikunu nfetħu l-proċedimenti, għandha ssir dispożizzjoni għal numru ta’ eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali.

(68)      Hemm ħtieġa partikolari għal referenza speċjali li tmur lil hinn mil-liġi tal-Istat li jiftaħ il-proċedimenti fil-każ tad-drittijiet in rem ladarba tali drittijiet huma ta’ importanza konsiderevoli għal-għoti ta’ kreditu. Il-bażi, il-validità u l-firxa tad-drittijiet in rem għandu għalhekk normalment jiġi determinat bi qbil mal-lex situs u ma għandux ikun effettwat bil-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza. Il-propjetarju ta’ dritt in rem għandu għalhekk ikun jista’ jkompli jinsisti bid-dritt tiegħu ta’ segregazzjoni jew ta’ ftehim separat għal garanzija kollaterali. Meta l-assi huma suġġetti għad-drittijiet in rem taħt il-lex situs fi Stat Membru wieħed iżda l-proċedimenti prinċipali ta’ insolvenza jitwettqu fi Stat Membru ieħor, il-prattikant fl-insolvenza fil-proċedimenti prinċipali ta’ insolvenza għandu jkun jista’ jitlob il-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza fil-ġurisdizzjoni fejn joriġinaw id-drittijiet in rem jekk id-debitur ikollu stabbiliment hemmhekk. Jekk proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza ma jinfetħux, kwalunkwe dħul żejjed mill-bejgħ ta’ assi koperti bid-drittijiet in rem għandu jitħallas lill-prattikant fl-insolvenza fil-proċedimenti prinċipali ta’ insolvenza.

[…]

(72)      Sabiex ikunu protetti l-impjegati u l-impjiegi, l-effetti ta’ proċedimenti ta’ insolvenza fuq il-kontinwazzjoni jew it-terminazzjoni ta’ impjieg u fuq id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet tal-partijiet kollha f’dan l-impjieg għandhom jiġu determinati bil-liġi applikabbli għall-ftehim ta’ impjieg rilevanti skont ir-regoli ġenerali dwar il-kunflitt fil-liġijiet. Barra minn hekk, f’każijiet fejn it-terminazzjoni ta’ kuntratti ta’ impjieg teħtieġ l-approvazzjoni minn qorti jew awtorità amministrattiva, l-Istat Membru li fih jinsab stabbiliment tad-debitur għandu jżomm il-ġurisdizzjoni li jagħti tali approvazzjoni anki jekk ma jkun infetaħ l-ebda proċediment ta’ insolvenza f’dak l-Istat Membru. Kwalunkwe kwistjoni oħra tal-liġi dwar l-insolvenza, bħal jekk il-pretensjonijiet tal-impjegati humiex protetti minn drittijiet preferenzjali u x’tip ta’ status tali drittijiet preferenzjali jista’ jkollhom, għandhom jiġu determinati mil-liġi tal-Istat Membru li fih ikunu nfetħu l-proċedimenti ta’ insolvenza (prinċipali jew sekondarji) ħlief f’każijiet fejn impriża, sabiex tevita proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza, tkun ingħatat [tkun tat impenn] skont dan ir-Regolament.”

4        L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(5)      ‘prattikant fl-insolvenza’ tfisser kwalunkwe persuna jew korp li l-funzjoni tiegħu, inkluż fuq bażi interim, li

(i)      li tivverifika u jammetti l-pretensjonijiet ippreżentati fi proċedimenti ta’ insolvenza;

(ii)      tirrappreżenta l-interess kollettiv tal-kredituri;

(iii)      tamministra, kemm għalkollox jew parzjalment, l-assi li ġew ipprivati lid-debitur;

(iv)      tillikwida l-assi msemmija fil-punt (iii); jew

(v)      tissorvelja l-amministrazzjoni tal-affarijiet tad-debitur.

[…]

(7)      ‘sentenza li tiftaħ il-proċedimenti ta’ insolvenza’ tinkludi:

(i)      id-deċiżjoni ta’ kull qorti li tiftaħ proċedimenti ta’ insolvenza jew li tikkonferma l-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ dan it-tip; u

(ii)      id-deċiżjoni ta’ qorti li taħtar prattikant fl-insolvenza;

(8)      ‘iż-żmien tal-ftuħ ta’ proċedimenti’ tfisser iż-żmien meta s-sentenza li tiftaħ il-proċedimenti ta’ insolvenza ssir effettiva, irrispettivament jekk is-sentenza hijiex finali jew le;

[…]

(11)      ‘kredituri lokali’ tfisser kredituri li l-pretensjonijiet tagħhom kontra debitur ikunu ġew mill-operat jew f’konnessjoni mal-operat ta’ stabbiliment li jinsab fi Stat Membru li mhux dak fejn id-debitur għandu ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tiegħu;

[…]”

5        L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ġurisdizzjoni internazzjonali”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.      Il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni biex jiftħu l-proċedimenti tal-insolvenza (‘il-proċedimenti prinċipali ta’ insolvenza’). Iċ-ċentru tal-interessi prinċipali għandu jkun il-post fejn id-debitur iwettaq l-amministrazzjoni tal-interessi tiegħu fuq bażi regolari u li jista’ jiġi aċċertat minn partijiet terzi.

[…]

2.      Meta ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur ikun jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru, il-qrati ta’ Stat Membru ieħor għandhom ikollhom il-ġurisdizzjoni li jiftħu proċedimenti ta’ insolvenza kontra dak id-debitur fil-każ biss li dak ikollu stabbiliment fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor. L-effetti ta’ dawk il-proċedimenti għandhom ikunu ristretti għall-assi tad-debitur li jkunu jinstabu fit-territorju tal-Istat Membru l-ieħor.

3.      Meta proċedimenti ta’ insolvenza jkunu nfetħu skont il-paragrafu 1, kull proċediment miftuħ sussegwentement skont il-paragrafu 2 ikun proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza”.

6        L-Artikolu 6 tal-istess regolament, intitolat “Ġurisdizzjoni għal azzjoni li tirriżulta direttament mill-proċedimenti ta’ insolvenza u li tkun marbuta mill-qrib magħhom”, jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkunu nfetħu proċedimenti ta’ insolvenza f’konformità mal-Artikolu 3 ikollhom ġurisdizzjoni għal kull azzjoni li tirriżulta direttament mill-proċedimenti ta’ insolvenza u li tkun marbuta magħhom, bħal azzjonijiet ta’ nullità”.

7        Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament 2015/848, intitolat “Liġi applikabbli”:

“1.      Ħlief fejn ipprovdut b’ mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal proċedimenti ta’ insolvenza u l-effetti tagħhom għandha tkun dik tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ tali proċedura, (l-‘Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti’).

2.      Il-liġi tal-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti għandha tiddetermina l-kondizzjonijiet tal-ftuħ ta’ dawk il-proċedimenti, il-manjiera tagħhom u l-għeluq tagħhom. Għandha tiddetermina b’ mod partikolari:

[…]

(g)      il-pretensjonijiet li jkunu ġew ippreżentati kontra l-patrimonju tal-insolvenza tad-debitur u t-trattament tat-talbiet li joriġinaw wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza;

(h)      ir-regoli li jirregolaw il-preżentazzjoni, il-verifika u l-ammissjoni tal-pretensjoni;

[…]

(m)      ir-regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ invalidità, invalidabilità u nuqqas ta’ eżegwibilità ta’ atti ġuridiċi detrimentali għall-korp ġenerali tal-kredituri.”

8        L-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Drittijiet ta’ partijiet terzi in rem”, jipprevedi:

“1.      Il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza ma għandux jaffettwa d-drittijiet in rem ta’ kredituri jew partijiet terzi rigward assi tanġibbli jew mhux tanġibbli, mobbli jew immobbli, kemm l-assi speċifiċi kif ukoll il-kollezzjonijiet ta' assi indefiniti ħolistikament li jinbidlu minn żmien għal żmien, li jappartjenu għad-debitur li jkunu jinstabu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor fil-waqt tal-ftuħ tal-proċedimenti.

[…]

4.      Il-paragrafu 1 ma għandux jipprekludi azzjonijiet ta’ invalidità, invalidabilità u nuqqas ta’ eżegwibilità kif imsemmi fil-punt (m) tal-Artikolu 7(2)”.

9        L-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament, intitolat “Riserva ta’ titolu”, jistipula:

“1.      Il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza kontra xerrej ta’ ass ma għandux jaffettwa d-drittijiet tal-bejjiegħa li huma bbażati fuq riżerva ta’ titolu meta fil-waqt tal-ftuħ tal-proċedimenti l-ass ikun jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru apparti minn dak l-Istat fejn jinfetħu l-proċedimenti.

2.      Il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza kontra bejjiegħ ta’ ass, wara l-kunsinna tal-ass, ma għandux jikkonstitwixxi bażi sabiex jitreġġa’ lura jew jintemm il-bejgħ u ma għandux jipprevjeni lix-xerrej milli jakkwista titolu meta fil-waqt tal-ftuħ tal-proċedimenti l-ass mibjugħ ikun jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor minn dak l-Istat fejn jinfetħu l-proċedimenti.

3.      Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx jipprekludu azzjonijiet ta’ invalidità, invalidabbiltà u nuqqas ta’ infurzabbiltà kif imsemmi fil-punt (m) tal-Artikolu 7(2)”.

10      L-Artikolu 13 tal-istess regolament, intitolat “Kuntratti ta’ impjieg”, jipprovdi:

“1.      L-effetti ta’ proċedimenti ta’ insolvenza fuq kuntratti ta’ impjieg u relazzjonijiet għandhom jiġu regolati biss bil-liġi tal-Istat Membru applikabbli għall-kuntratt ta’ impjieg.

2.      Il-qrati tal-Istat Membru li fihom jistgħu jinfetħu proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza għandhom iżommu l-ġurisdizzjoni li japprovaw it-tmiem jew il-modifika tal-kuntratti msemmija f’dan l-Artikolu saħansitra jekk ma jkun infetaħ l-ebda proċediment ta’ insolvenza f’dak l-Istat Membru.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika wkoll għal awtorità kompetenti taħt il-liġi nazzjonali biex tapprova t-terminazzjoni jew il-modifika ta’ kuntratti msemmija f’dan l-Artikolu”.

11      L-Artikolu 21 tar-Regolament 2015/848, intitolat “Setgħat tal-prattikant fl-insolvenza”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Il-prattikant fl-insolvenza maħtur minn qorti li jkollha ġurisdizzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 3(1) jista’ jeżerċita s-setgħat kollha mogħtija lilu bil-liġi tal-Istat li jiftaħ il-proċedimenti fi Stat Membru ieħor, sakemm ma jinfetħux proċedimenti ta’ insolvenza oħra hemm u lanqas ma jittieħdu miżuri ta’ preservazzjoni kuntrarja wara talba għal ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza f’dak l-Istat. Soġġett għall-Artikoli 8 u 10, il-prattikant fl-insolvenza jista’, b’mod partikolari, ineħħi l-assi tad-debitur mit-territorju tal-Istat Membru fejn ikunu.

2.      Il-prattikant fl-insolvenza maħtur minn qorti li jkollha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 3(2) jista’ fi Stat Membru ieħor jitlob permezz tal-qrati jew barra mill-qorti li propjetà mobbli tkun tneħħiet mit-territorju tal-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti lejn it-territorju ta’ dak l-Istat Membru ieħor wara l-bidu tal-proċedimenti ta’ insolvenza. Il-prattikant fl-insolvenza jista’ wkoll jiftaħ azzjoni li twarrab li tkun fl-interess tal-kredituri”.

12      Il-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, intitolat “Proċedimenti Sekondarji ta’ Insolvenza”, jinkludi b’mod partikolari l-Artikoli 34 sa 36 tiegħu.

13      L-Artikolu 34 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ftuħ tal-proċedimenti”, jipprovdi:

“Meta jkunu nfetħu proċedimenti prinċipali ta’ insolvenza f’qorti ta’ Stat Membru u jkunu ġew rikonoxxuti fi Stat Membru ieħor, qorti ta’ dak l-Istat Membru ieħor li jkollha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 3(2) tista’ tiftaħ proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu. Meta l-proċedimenti prinċipali ta’ insolvenza jirrikjedu li d-debitur ikun insolventi, l-insolvenza tad-debitur ma għandhiex terġa’ tiġi eżaminat mill-ġdid fl-Istat Membru li fih il-proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza jistgħu jinfetħu. L-effetti ta’ proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza jkunu ristretti għall-assi tad-debitur li jkunu fit-territorju tal-Istat Membru l-ieħor li fih ikunu nfetħu dawk il-proċedimenti”.

14      Skont l-Artikolu 35 tal-istess regolament, intitolat “Liġi applikabbli”:

“Dment li mhux previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza għandha tkun dik tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinfetħu l-proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza”.

15      L-Artikolu 36 tar-Regolament 2015/848, intitolat “Dritt li jingħata impenn sabiex jiġu evitati proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza”, jistipula:

“1.      Sabiex jiġi evitat il-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza, il-prattikant fl-insolvenza fil-proċedimenti prinċipali ta’ insolvenza jista’ jagħti impenn unilaterali (‘l-impenn’) fir-rigward tal-assi li jinsabu fl-Istat Membru li fih jistgħu jinfetħu proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza, li fid-distribuzzjoni ta’ dawk l-assi jew tar-rikavat irċevut b’riżultat tat-tisrif tagħhom, huwa jikkonforma mad-drittijiet ta’ distribuzzjoni u ta’ prijorità skont il-liġi nazzjonali li l-kredituri lokali kien ikollhom kieku nfetħu proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza f’dak l-Istat Membru. L-impenn għandu jispeċifika l-assunzjonijiet fattwali li fuqhom huwa bbażat, b’mod partikolari fir-rigward tal-valur tal-assi li jinsabu fl-Istat Membru kkonċernat u l-għażliet disponibbli biex jissarrfu dawn l-assi.

2.      Fejn impenn ikun ingħata f’konformità ma’ dan l-Artikolu, il-liġi applikabbli għad-distribuzzjoni tar-rikavat mit-tisrif tal-assi msemmi fil-paragrafu 1, il-gradazzjoni ta’ pretensjonijiet tal-kredituri u d-drittijiet tal-kredituri fir-rigward tal-assi msemmija fil-paragrafu 1, għandha tkun il-liġi tal-Istat Membru li fih setgħu nfetħu proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza. Il-mument rilevanti għad-determinazzjoni tal-assi msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun il-mument li fih jingħata l-impenn.

[…]

5.      L-impenn għandu jiġi approvat mill-kredituri lokali magħrufa. [...] Il-prattikant tal-insolvenza għandu jinforma lill-kredituri magħrufa lokali tal-impriża, ir-regoli u l-proċeduri għall-approvazzjoni tagħha u tal-approvazzjoni jew ir-rifjut tal-impriża.

6.       Impenn mogħti u approvat f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandha tkun vinkolanti fuq l-assi. Jekk jinfetħu proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza f’konformità mal-Artikolu 37 u 38, il-prattikant fl-insolvenza fil-proċedimenti prinċipali ta’ insolvenza għandu jittrasferixxi kwalunkwe assi li huwa neħħa mit-territorju ta’ dak l-Istat Membru wara li jkun ingħata l-impenn jew, f’każ li jkun diġà sar tisrif ta’ dawk l-assi, ir-rikavat tagħhom, lill-prattikant fl-insolvenza fil-proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza.

[…]”

16      L-Artikolu 45 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Eżerċizzju tad-drittijiet ta’ kredituri” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[k]walunkwe kreditur jista’ jippreżenta t-talba tiegħu fil-proċedimenti prinċipali ta’ insolvenza u fi kwalunkwe proċediment sekondarju ta’ insolvenza”.

 Iddritt Spanjol

17      Skont l-Artikoli 231, 232 u 238 tal-Ley Concursal (il-Liġi dwar l-Insolvenza), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Real Decreto Legislativo 1/2020 por el que se aprueba el texto refundido de la Ley Concursal (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2020 li japprova t-test ta’ riformulazzjoni tal-liġi dwar l-insolvenza) tal‑5 ta’ Mejju 2020 (BOE Nruo 127 tas‑7 ta’ Mejju 2020), il-locus standi jingħata, prinċipalment, lill-prattikant fl-insolvenza. Madankollu, din il-kwalità tista’ tingħata, sussidjarjament, lill-kredituri meta dawn ikunu talbu bil-miktub lill-prattikant fl-insolvenza sabiex jeżerċita l-azzjoni u meta dan ma jkunx eżerċitaha f’terminu ta’ xahrejn mill-intimazzjoni.

18      L-Artikolu 242 tal-Liġi dwar l-Insolvenza huwa fformulat b’dan il-mod:

“Huma krediti fuq il-patrimonju:

[…]

8.°      il-krediti li jirriżultaw mill-eżerċizzju tal-attività professjonali jew kummerċjali tal-entità suġġetta għall-proċedura ta’ insolvenza wara d-dikjarazzjoni ta’ insolvenza. Jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni l-krediti ta’ xogħol relatati ma’ dan il-perijodu, inkluż il-kumpens għat-tkeċċija jew għat-terminazzjoni tal-kuntratti tax-xogħol li jkunu seħħew wara d-dikjarazzjoni ta’ insolvenza […]

[…]”

 Ilkawżi prinċipali u ddomandi preliminari

19      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Novembru 2017, l-Amtsgericht Charlottenburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Charlottenburg, il-Ġermanja) fetħet proċedura ta’ insolvenza prinċipali fir-rigward ta’ Air Berlin. Din il-kumpannija waqqfet l-attività tagħha wara l-ftuħ ta’ dik il-proċedura. Sussegwentement, skont digriet tas‑6 ta’ Novembru 2020, infetħet proċedura sekondarja ta’ insolvenza fi Spanja dwar din l-istess kumpannija, peress li din għandha stabbiliment kummerċjali fi Spanja permezz ta’ Air Berlin Spanja.

20      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li kienu impjegati ta’ Air Berlin Spanja, tkeċċew wara t-tmiem tal-attività ta’ Air Berlin.

 IlKawża C765/22

21      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxew lill-qrati Spanjoli sabiex jikkontestaw il-legalità tat-tkeċċija tagħhom.

22      Permezz ta’ sentenza tat‑30 ta’ April 2018, is-Sala de lo Social de l’Audiencia Nacional (l-Awla Soċjali tal-Qorti Nazzjonali, Spanja) annullat it-tkeċċija b’effett mill‑24 ta’ Novembru 2017, għar-raġuni li ma kienx jidher li l-prattikant fl-insolvenza fil-proċedura ta’ insolvenza prinċipali kien fetaħ proċedura ta’ insolvenza fi Spanja bl-għan li jikseb l-awtorizzazzjoni ġudizzjarja tal-qorti tal-insolvenza u li ma kienx ipprovda lir-rappreżentanti legali tal-ħaddiema d-dokumentazzjoni obbligatorja.

23      Peress li Air Berlin ma setgħetx iddaħħal mill-ġdid lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-post tax-xogħol tagħhom, hija ġiet ikkundannata tħallashom ċerti somom bħala kumpens u salarji li saru dovuti matul il-proċedura ta’ kontestazzjoni tat-tkeċċija.

24      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li dak iż-żmien kienu kredituri lokali fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/848, ippreżentaw il-pretensjonijiet tagħhom fil-proċedura ta’ insolvenza prinċipali miftuħa fil-Ġermanja u fil-proċedura sekondarja ta’ insolvenza miftuħa fi Spanja, abbażi tal-Artikolu 45(1) tar-Regolament 2015/848.

25      Fil-kuntest tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali, dawn il-krediti ġew irrikonoxxuti bħala prijoritarji peress li, skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża, huma kkunsidrati bħala krediti fuq il-patrimonju. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-proċedura sekondarja ta’ insolvenza, il-prattikant fl-insolvenza maħtur qies li l-pretensjonijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu “krediti ta’ insolvenza” ikklassifikati konsegwentement fost il-krediti bi privileġġ ġenerali u ordinarju. Fil-fatt, fil-fehma tiegħu, ir-riferiment, li jinsab fil-punt 8 tal-Artikolu 242 tal-Liġi dwar l-Insolvenza, għall-krediti ta’ xogħol li nħolqu jew li ġew iddikjarati permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza huwa relatat ma’ dawk maħluqa jew iddikjarati wara l-ftuħ tal-proċedura sekondarja ta’ insolvenza, u mhux ma’ dawk li nħolqu jew ġew iddikjarati wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali.

26      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxew lill-Juzgado de lo Mercantil n° 1 de Palma de Mallorca (il-Qorti Kummerċjali Nru 1 ta’ Palma de Mallorca, Spanja), li hija l-qorti tar-rinviju, b’talba inċidentali sabiex jikkontestaw il-lista tal-kredituri hekk stabbilita f’dak li jirrigwarda r-rikonoxximent u l-klassifikazzjoni tal-pretensjonijiet tagħhom. Huma sostnew li d-“dikjarazzjoni ta’ insolvenza” msemmija fil-punt 8 tal-Artikolu 242 tal-Liġi dwar l-Insolvenza tirreferi neċessarjament għall-proċedura ta’ insolvenza prinċipali, b’tali mod li, skont din id-dispożizzjoni, il-krediti salarjali tagħhom, maħluqa wara l-ftuħ ta’ din il-proċedura tal-aħħar, kellhom jiġu kklassifikati bħala krediti fuq il-patrimonju.

27      Il-qorti tar-rinviju tqis, qabelxejn, li l-Liġi dwar l-Insolvenza donnha hija, kif isegwi mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 7(1) u (2)(g) u (h), kif ukoll tal-Artikolu 35 tar-Regolament 2015/848, il-liġi applikabbli sabiex jiġu ddeterminati l-krediti li għandhom jiġu ppreżentati kontra l-patrimonju tad-debitur u t-trattament tal-krediti maħluqa wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza.

28      Barra minn hekk, hija għandha dubji dwar id-data tal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex il-krediti fil-kawża prinċipali jiġu kklassifikati. Peress li d-deċiżjonijiet tal-qrati industrijali Spanjoli ngħataw wara d-data tal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali, iżda qabel id-data tal-ftuħ tal-proċedura sekondarja ta’ insolvenza, il-krediti fil-kawża prinċipali jkunu jew “krediti fuq il-patrimonju” jew “krediti ta’ insolvenza” skont il-proċedura ta’ insolvenza li għandha tiġi adottata skont il-punt 8 tal-Artikolu 242 tal-Liġi dwar l-Insolvenza.

29      Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-interpretazzjoni sostnuta mill-prattikant fl-insolvenza fil-kuntest tal-proċedura sekondarja ta’ insolvenza hija kompatibbli ma’ interpretazzjoni letterali tal-punt 8 tal-Artikolu 242 tal-Liġi dwar l-Insolvenza. Dik il-qorti tqis, madankollu, li din l-interpretazzjoni tista’ tkun f’kontradizzjoni ma’ interpretazzjoni sistematika tal-Artikolu 7(1) u (2)(g) u (h), kif ukoll tal-Artikolu 35 tar-Regolament 2015/848, moqrija flimkien mal-premessa 72 ta’ dan ir-regolament, fil-kuntest tal-proċedura universali mħallta maħsuba mill-imsemmi regolament.

30      Dan jista’ jkun iktar il-każ peress li, skont il-premessi 23 u 40 tal-istess regolament, waħda mir-raġunijiet li jiġġustifikaw il-possibbiltà li jinfetħu proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza hija biss il-protezzjoni tal-interessi lokali. F’dan il-kuntest, ikun inkoerenti li r-Regolament 2015/848 jipprevedi li l-prijorità tal-krediti jew il-klassifikazzjoni tal-pretensjonijiet tal-ħaddiema għandhom jiġu ddeterminati, fl-interess tal-protezzjoni tal-interessi lokali, konformement mal-liġi dwar il-proċedura ta’ insolvenza tal-Istat tal-ftuħ tal-proċeduri, iżda li l-applikazzjoni tal-imsemmija liġi twassal għal riżultat li jippreġudika l-interessi li hija mfittxija l-protezzjoni tagħhom.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Mercantil n° 1 de Palma de Mallorca (il-Qorti Kummerċjali Nru 1 ta’ Palma de Mallorca) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“Fl-elaborazzjoni tal-proċedura universali mitigata stabbilita mir-Regolament [2015/848], li tippermetti l-ftuħ ta’ proċeduri sekondarji li jkunu japplikaw biss għall-assi li jkunu jinsabu fl-Istat tal-ftuħ tal-proċedura, l-Artikolu 35 u l-Artikolu 7(1) [u 7](2)(g) u (h)[ta’ dan ir-regolament,] moqrija fid-dawl tal-premessa 72 [tal-imsemmi regolament], jistgħu jiġu interpretati fis-sens li l-applikazzjoni tal-liġi tal-Istat ta’ ftuħ tal-proċedura sekondarja [ta’ insolvenza] għat-‘trattament tat-talbiet li joriġinaw wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza’ tirreferi għat-talbiet li jqumu wara l-ftuħ tal-proċedura [ta’ insolvenza] prinċipali u mhux ta’ dik [ta’ insolvenza] sekondarja?”

 IlKawża C772/22

32      Fil-ftuħ, fl‑1 ta’ Novembru 2017, tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali, Air Berlin kellha attivi u drittijiet fit-territorju Spanjol. Fost dawn kien hemm kreditu ggarantit permezz ta’ garanzija in rem, ikkostitwita minn meded katastali rreġistrati fir-Reġistru tal-Artijiet Nru 2 ta’ Ciudad Real (Spanja), li l-proprjetarja kienet CR Aeropuertos SL. Ġiet miftuħa proċedura ta’ insolvenza fil-konfront ta’ din il-kumpannija tal-aħħar mill-Juzgado de Primera Instancia n° 4 de Ciudad Real (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 4 ta’ Ciudad Real, Spanja) u ġie rrikonoxxut kreditu bi privileġġ speċjali lil Air Berlin.

33      Peress li l-prattikant fl-insolvenza fil-proċedura ta’ insolvenza prinċipali invoka d-drittijiet ta’ Air Berlin, il-Juzgado de Primera Instancia n° 4 de Ciudad Real (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 4 ta’ Ciudad Real) iddeċidiet, fl‑10 ta’ Mejju 2019, għat-trasferiment tas-somma ta’ EUR 1 061 291.86 fil-kont fiduċjarju tal-prattikant fl-insolvenza, bħala ħlas tal-kreditu bi privileġġ speċjali.

34      Qabel ma pproċediet b’dan it-trasferiment, l-Imħallef tal-Juzgado de Primera Instancia n° 4 de Ciudad Real (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 4 ta’ Ciudad Real) kienet talbet u kisbet prova ta’ awtorizzazzjoni min-naħa tal-qorti Ġermaniża adita bil-proċedura ta’ insolvenza prinċipali. Min-naħa l-oħra, dik il-qorti ma kinitx ġiet informata bil-fatt li, sabiex jiġi ggarantit il-ħlas ta’ kreditu ta’ xogħol fl-ammont ta’ EUR 245 996.93 favur wieħed mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, fl‑24 ta’ Jannar 2018 kien ingħata sekwestru kawtelatorju fuq l-attivi u d-drittijiet marbuta ma’ Air Berlin Spanja mill-Juzgado de lo Social n° 5 de Palma de Mallorca (il-Qorti Industrijali Nru 5 ta’ Palma de Mallorca, Spanja).

35      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxew lill-Juzgado de lo Mercantil no 1 de Palma de Mallorca (il-Qorti Kummerċjali ta’ Palma de Mallorca), li hija l-qorti tar-rinviju, b’azzjoni għall-annullament tal-att li permezz tiegħu l-assi kienu ġew ittrasferiti barra mit-territorju Spanjol. Fil-kuntest ta’ dik l-azzjoni, huma jilmentaw li l-prattikant fl-insolvenza fil-proċedura ta’ insolvenza prinċipali kien ittrasferixxa, b’mod abbużiv, l-attivi li jinsabu fl-Istat Membru fejn, minħabba l-preżenza ta’ stabbiliment, setgħet tinfetaħ proċedura sekondarja ta’ insolvenza. Huma jsostnu li, konsegwentement, kien hemm ksur tal-Artikoli 34 u 36 tar-Regolament 2015/848 kif ukoll tal-premessa 46 tal-imsemmi regolament. Il-kredituri lokali huma, skont huma, leżi peress li dan l-att jipprekludihom milli jiksbu r-rimbors tal-kreditu tagħhom.

36      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jżidu li huma kienu s-suġġett ta’ trattament diskriminatorju meta mqabbel ma’ dak li ngħata lill-ħaddiema l-oħra fil-proċedura ta’ insolvenza prinċipali relatata ma’ Air Berlin, għar-raġuni li ma ngħatatilhom ebda somma.

37      Il-qorti tar-rinviju tqis li huwa neċessarju li tikseb kjarifiki dwar l-interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament.

38      Fl-ewwel lok, hija tistaqsi dwar il-mod li bih huwa kompost il-patrimonju ta’ proċedura sekondarja ta’ insolvenza u, b’mod iktar preċiż, dwar il-parametru ratione temporis li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġu ddeterminati l-attivi u d-drittijiet li jifformaw parti minnu.

39      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar in-natura eventwalment illegali u abbużiva tal-att ta’ tneħħija ta’ attivi barra mit-territorju fejn jinsab l-istabbiliment.

40      Dik il-qorti tirrileva li l-Artikolu 21(1) tar-Regolament 2015/848 jawtorizza lill-prattikant fl-insolvenza jneħħi l-attivi tad-debitur mit-territorju tal-Istat Membru fejn ikunu.

41      F’dan il-każ, tqum il-kwistjoni dwar jekk, abbażi ta’ din is-setgħa, il-prattikant fl-insolvenza fil-proċedura ta’ insolvenza prinċipali jistax jittrasferixxi attivi tad-debitur barra mit-territorju tal-Istat Membru meta jkun jaf li l-ftuħ ta’ proċedura sekondarja ta’ insolvenza huwa probabbli u minkejja deċiżjoni ġudizzjarja li tkun tat is-sekwestru kawtelatorju ta’ attivi.

42      Fit-tielet lok, dik il-qorti tistaqsi dwar id-dritt tal-kredituri li jeżerċitaw azzjonijiet revokatorji kontra l-atti mwettqa mill-prattikant fl-insolvenza fil-proċedura ta’ insolvenza prinċipali.

43      L-imsemmija qorti tirrileva, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/848 jistabbilixxi espressament li l-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun infetħet il-proċedura ta’ insolvenza skont l-Artikolu 3 għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tal-azzjonijiet revokatorji.

44      Madankollu, l-istess qorti għandha dubji dwar jekk l-azzjoni mressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hijiex azzjoni revokatorja fis-sens tal-Artikolu 21(2) ta’ dan ir-regolament, sa fejn l-azzjoni tagħhom tirrigwarda att imwettaq mill-prattikant fl-insolvenza fil-proċedura ta’ insolvenza prinċipali, u mhux mid-debitur.

45      Issa, anki jekk tali prattikant jaġixxi f’isem u għan-nom tad-debitur, dan l-att jitwettaq mhux mid-debitur, iżda mill-imsemmi prattikant fl-eżerċizzju tas-setgħa mogħtija lilu mill-Artikolu 21(1) tar-Regolament 2015/848 li jittrasferixxi l-attivi tad-debitur barra mit-territorju tal-Istat Membru li jinsabu fih.

46      Il-qorti tar-rinviju tqis għalhekk li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21(2) tar-Regolament 2015/848 hija neċessarja sabiex jiġi ddeterminat jekk tali att, imwettaq mill-prattikant fl-insolvenza fil-proċedura ta’ insolvenza prinċipali, jistax ikun is-suġġett ta’ revoka għat-talba tal-prattikant fl-insolvenza fil-proċedura sekondarja ta’ insolvenza.

47      Fil-fatt, ir-risposta għal din id-domanda ser tippermettilha tiddetermina jekk, konformement mas-sistema tal-locus standi b’mod sussidjarju tal-kredituri, prevista fl-Artikoli 232 u 238 tal-Liġi dwar l-Insolvenza, il-kredituri lokali għandhomx locus standi sabiex jeżerċitaw l-azzjoni fil-kawża prinċipali.

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Mercantil n° 1 de Palma de Mallorca (il-Qorti Kummerċjali Nru 1 ta’ Palma de Mallorca) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 34 tar-Regolament [...] 2015/848 jist[għu] jiġu interpretati fis-sens li l-assi li jinsabu fl-Istat ta’ ftuħ tal-proċedura sekondarja [ta’ insolvenza], u li l-effetti tal-proċedura huma limitati għalihom biss, huma biss dawk li jeżistu fil-mument meta tinfetaħ il-proċedura sekondarja [ta’ insolvenza] u mhux dawk li kienu jeżistu meta nfetħet il-proċedura [ta’ insolvenza] prinċipali?

(2)      l-Artikolu 21(1) tar-Regolament […] 2015/848 jista’ jiġi interpretat fis-sens [li] hija konformi mal-possibbiltà li l-assi tad-debitur jitneħħew mit-territorju tal-Istat Membru fejn ikunu, id-deċiżjoni tal-prattikant fl-insolvenza tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali li jitneħħew l-assi mingħajr ma jintalab il-ftuħ ta’ proċedura [ta’ insolvenza] sekondarja jew tiġi evitata tali proċedura billi jiġi offrut impenn unilaterali skont l-Artikoli 36 u 37 [ta’ dan ir-regolament], meta huwa jikkonstata li jeżistu kredituri lokali bi kredit[i] industrijali rrikonoxxuti permezz ta’ sentenzi kif ukoll sekwestru kawtelatorju ta’ assi mogħti minn qorti industrijali tal-Istat Membru msemmi?

(3)      l-Artikolu 21(2) tar-Regolament […] 2015/848 jista’ jiġi interpretat fis-sens li s-setgħa li jiġu eżerċitati azzjonijiet ta’ nullità għall-interessi tal-kredituri mogħtija lill-prattikant fl-insolvenza tal-proċedura ta’ insolvenza sekondarja tapplika għal sitwazzjoni bħal dik deskritta, li fiha tintalab ir-revoka ta’ att imwettaq mill-prattikant fl-insolvenza maħtur fil-proċedura ta’ insolvenza prinċipali?”

 Fuq iddomandi preliminari

49      Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li, sa fejn ir-Regolament 2015/848 ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad‑29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191), l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament tal-aħħar tapplika wkoll għal dawk tal-ewwel regolament, meta dawn id-dispożizzjonijiet ikunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala ekwivalenti.

 Fuq iddomanda preliminari fil-Kawża C765/22

50      Permezz tal-unika domanda tagħha fil-Kawża C‑765/22, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 7 u 35 tar-Regolament 2015/848, moqrija flimkien mal-premessa 72 ta’ dan ir-regolament, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jimponu l-applikazzjoni tal-liġi tal-Istat ta’ ftuħ tal-proċedura sekondarja ta’ insolvenza biss għall-eżitu tal-krediti li nħolqu wara l-ftuħ ta’ din il-proċedura, u mhux għall-eżitu tal-krediti li nħolqu bejn il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali u dak tal-proċedura sekondarja ta’ insolvenza.

51      F’dan ir-rigward, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti, għandu jiġi osservat, l-ewwel, li, kemm l-Artikolu 7(1) tar-Regolament 2015/848, li japplika għall-proċeduri ta’ insolvenza prinċipali u sekondarji, kif ukoll l-Artikolu 35 ta’ dan ir-regolament, li jikkonċerna biss il-proċeduri sekondarji ta’ insolvenza, jirreferu għal-liġi tal-Istat Membru li fih infetħet il-proċedura.

52      Issa, konformement mal-punt (8) tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, il-mument tal-ftuħ tal-proċedura huwa l-mument li fih issir effettiva d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, irrispettivament minn jekk din id-deċiżjoni hijiex definittiva jew le.

53      It-tieni, l-Artikolu 7(2)(g), tal-istess regolament jippreċiża li l-liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun infetħet il-proċedura għandha tiddetermina, b’mod partikolari, l-eżitu tal-krediti li nħolqu wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza.

54      Minn dawn l-osservazzjonijiet joħroġ li l-Artikolu 7(1) tar-Regolament 2015/848 huwa regola ta’ kunflitt tal-liġijiet, liema klassifikazzjoni hija barra minn hekk ikkonfermata mill-premessa 66 ta’ dan ir-regolament, li tindika li r-regoli ta’ kunflitt uniformi previsti mill-imsemmi regolament jissostitwixxu r-regoli nazzjonali tad-dritt internazzjonali privat (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, Bank Handlowy u Adamiak, C‑116/11, EU:C:2012:739, punt 47).

55      Ċertament, mill-premessa 72 tal-imsemmi regolament isegwi li l-effetti tal-proċedura ta’ insolvenza fuq il-kontinwazzjoni jew it-terminazzjoni tar-relazzjonijiet ta’ xogħol u fuq id-drittijiet u l-obbligi ta’ kull parti f’dawn ir-relazzjonijiet għandhom jiġu ddeterminati mil-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ xogħol ikkonċernat u mhux mil-liġi tal-Istat tal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza. Madankollu, din il-premessa tippreċiża espressament li l-imsemmija deroga ma tapplikax għall-kwistjoni dwar jekk il-pretensjonijiet tal-ħaddiema humiex iggarantiti minn privileġġ u x’inhu l-eventwali grad ta’ dan il-privileġġ.

56      Barra minn hekk, peress li t-termini ta’ dispożizzjoni li tidderoga minn prinċipju għandhom jiġu interpretati b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 2001, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑83/99, EU:C:2001:31, punt 19, u tal‑10 ta’ Marzu 2005, EasyCar, C‑336/03, EU:C:2005:150, punt 21), din ir-regola għandha neċessarjament tapplika għall-Artikolu 13 tar-Regolament 2015/848, li jikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju tal-lex concursus, ippreċiżat fil-premessa 66 ta’ dan ir-regolament.

57      Minn dan isegwi li l-kwistjoni dwar l-eżitu ta’ krediti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li nħolqu wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali, u li tikkonċerna r-rikonoxximent u l-grad tagħhom, tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(2)(g) tar-Regolament 2015/848, li jinkludi riferiment espliċitu għal-liġi tal-Istat tal-ftuħ tal-proċeduri. Din il-kwistjoni għandha, konsegwentement, tiġi deċiża b’applikazzjoni tal-lex concursus indikata bħala applikabbli fuq din il-bażi (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, Bank Handlowy u Adamiak, C‑116/11, EU:C:2012:739, punt 50).

58      Fit-tieni lok, din l-interpretazzjoni tal-Artikoli 7 u 35 tar-Regolament 2015/848, skont liema hija l-liġi tal-Istat Membru li fih infetħet il-proċedura ta’ insolvenza li tiddetermina l-eżitu tal-krediti li nħolqu wara l-ftuħ tal-imsemmija proċedura, hija sostnuta minn qari sistematiku ta’ dan ir-regolament.

59      Fil-fatt, l-ewwel, mill-Artikolu 3(2) u mill-Artikolu 34 tar-Regolament 2015/848 jirriżulta li l-effetti tal-proċedura sekondarja ta’ insolvenza huma limitati għall-attiv tad-debitur li jinsab, fid-data tal-ftuħ ta’ dik il-proċedura, fit-territorju tal-Istat Membru ta’ ftuħ tal-imsemmija proċedura (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Comité d’entreprise de Nortel Networks et, C‑649/13, EU:C:2015:384, punt 48, kif ukoll tal‑14 ta’ Novembru 2018, Wiemer & Trachte, C‑296/17, EU:C:2018:902, punt 40).

60      It-tieni, l-applikabbiltà tal-prinċipju tal-lex concursus fid-data tal-ftuħ tal-proċedura sekondarja ta’ insolvenza tippermetti li l-liġi applikabbli tiġi identifikata faċilment, filwaqt li tiġi osservata l-opportunità mogħtija mill-Artikolu 45 tal-istess regolament lill-kredituri li jippreżentaw il-pretensjonijiet tagħhom mhux biss fil-kuntest tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali, iżda wkoll f’dak ta’ kull proċedura sekondarja ta’ insolvenza.

61      Fit-tielet lok, fid-dawl tan-natura ta’ regola ta’ kunflitt tal-liġijiet tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2015/848, tali interpretazzjoni hija wkoll konformi mal-għan ta’ dan ir-regolament li ma huwiex li tiġi stabbilita proċedura ta’ insolvenza uniformi, iżda, bħalma jsegwi mill-premessa 3 tiegħu, li jiġi żgurat li l-proċeduri ta’ insolvenza transkonfinali jiffunzjonaw b’mod effikaċi. Għal dan l-għan, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi, l-imsemmi regolament jistabbilixxi regoli ta’ ġurisdizzjoni u ta’ rikonoxximent kif ukoll regoli dwar id-dritt applikabbli f’dan il-qasam (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, Bank Handlowy u Adamiak, C‑116/11, EU:C:2012:739, punt 45). L-eżitu tal-krediti li nħolqu wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza prevista f’dan l-Artikolu 7 għandu għalhekk jiġi deċiż skont il-lex concursus indikata bħala applikabbli.

62      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikoli 7 u 35 tar-Regolament 2015/848, moqrija flimkien mal-premessa 72 ta’ dan ir-regolament, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-liġi tal-Istat ta’ ftuħ tal-proċedura sekondarja ta’ insolvenza tapplika biss għall-eżitu tal-krediti li nħolqu wara l-ftuħ ta’ din il-proċedura, u mhux għall-eżitu tal-krediti li nħolqu bejn il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali u dak tal-proċedura sekondarja ta’ insolvenza.

 Fuq iddomandi preliminari filKawża C772/22

 Fuq lewwel domanda

63      Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 34 tar-Regolament 2015/848 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-patrimonju tal-attiv li jinsab fl-Istat tal-ftuħ tal-proċedura sekondarja ta’ insolvenza jikkonsisti biss fl-attiv li jinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru fil-mument tal-ftuħ ta’ din il-proċedura jew jekk dan jinkludix ukoll l-attiv li kien jinsab fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru meta tkun infetħet il-proċedura ta’ insolvenza prinċipali u li, sadanittant, ikun tneħħa mill-prattikant fl-insolvenza tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali.

64      Qabelxejn, bħalma jsegwi mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, mill-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-effetti ta’ proċedura sekondarja ta’ insolvenza huma limitati għall-beni tad-debitur li, fid-data tal-ftuħ ta’ dik il-proċedura, kienu jinsabu fit-territorju tal-Istat Membru ta’ ftuħ tal-imsemmija proċedura.

65      Din l-interpretazzjoni hija, sussegwentement, sostnuta minn qari sistematiku tar-Regolament 2015/848.

66      Fil-fatt, fl-ewwel lok, għalkemm mill-kliem tal-Artikolu 21(2) ta’ dan ir-regolament isegwi li l-prattikant fl-insolvenza tal-proċedura sekondarja ta’ insolvenza huwa awtorizzat isostni li beni mobbli ġie ttrasferit mit-territorju tal-Istat Membru ta’ dik il-proċedura lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor, din il-possibbiltà hija espressament limitata għall-operazzjonijiet ta’ trasferiment imwettqa wara l-ftuħ tal-imsemmija proċedura.

67      Fit-tieni lok, l-Artikolu 36(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi wkoll li l-prattikant fl-insolvenza tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali jista’ jieħu impenn unilaterali fir-rigward tal-attiv li jinsab fl-Istat Membru li fih tista’ tinfetaħ proċedura sekondarja ta’ insolvenza, u dan sabiex tiġi evitata tali proċedura. Fil-każ li jkun ittieħed tali impenn, l-Artikolu 36(6) tal-istess regolament jippreċiża li, meta tinfetaħ proċedura sekondarja ta’ insolvenza minkejja l-impenn tal-prattikant fl-insolvenza tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali, dan il-prattikant għandu jittrasferixxi l-attiv kollu li jkun neħħa mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru wara li jkun ittieħed l-impenn.

68      Din id-dispożizzjoni turi r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jillimita l-konsegwenzi tal-ftuħ ta’ proċedura sekondarja ta’ insolvenza fuq l-atti adottati mill-prattikant fl-insolvenza tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali.

69      Fl-aħħar nett, interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) u tal-Artikolu 34 tar-Regolament 2015/848 li tillimita l-patrimonju tal-attiv li jinsab fl-Istat tal-ftuħ tal-proċedura sekondarja ta’ insolvenza għall-attiv li jinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru fil-mument tal-ftuħ ta’ dik il-proċedura tista’ tikkonċilja d-diversi għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament, kif imsemmija b’mod partikolari fil-premessi 23 u 40 tiegħu.

70      Fil-fatt, għalkemm il-proċeduri sekondarji ta’ insolvenza għandhom bħala għan prinċipali l-protezzjoni tal-interessi lokali, il-proċedura ta’ insolvenza prinċipali tipproduċi effetti universali inkwantu din tapplika għall-beni tad-debitur li jinsabu fl-Istati Membri kollha (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, Bank Handlowy u Adamiak, C‑116/11, EU:C:2012:739, punt 40). Għalhekk, f’din is-sistema, u kif tippreċiża l-premessa 48 tal-imsemmi regolament, il-proċedura ta’ insolvenza prinċipali għandha, meta mqabbla mal-proċedura sekondarja ta’ insolvenza, rwol predominanti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, Bank Handlowy u Adamiak, C‑116/11, EU:C:2012:739, punt 60). Fil-fatt, ir-Regolament 2015/848 jimplimenta l-għan ta’ funzjonament effikaċi u effettiv tal-proċeduri transkonfinali ta’ insolvenza permezz tal-koordinazzjoni tal-proċeduri ta’ insolvenza prinċipali u sekondarji b’osservanza tas-supremazija tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, Bank Handlowy u Adamiak, C‑116/11, EU:C:2012:739, punt 72).

71      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 34 tar-Regolament 2015/848 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-patrimonju tal-attiv li jinsab fl-Istat ta’ ftuħ tal-proċedura sekondarja ta’ insolvenza huwa kkostitwit biss mill-attiv li jinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru fil-mument tal-ftuħ ta’ dik il-proċedura.

 Fuq ittieni domanda

72      Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 21(1) tar-Regolament 2015/848 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-prattikant fl-insolvenza tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali jista’ jneħħi l-attiv tad-debitur mit-territorju ta’ Stat Membru differenti minn dak tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali, minkejja li huwa jkollu għarfien tal-eżistenza, minn naħa, ta’ krediti ta’ xogħol miżmuma minn kredituri lokali fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor, irrikonoxxuti minn deċiżjonijiet ġudizzjarji, u, min-naħa l-oħra, ta’ sekwestru kawtelatorju ta’ attiv deċiż minn qorti industrijali ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar.

73      Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament 2015/848, din id-dispożizzjoni tistipula li l-prattikant fl-insolvenza jista’ jeżerċita fi Stat Membru ieħor “s-setgħat kollha mogħtija lilu bil-liġi tal-Istat [Membru] li jiftaħ” il-proċedimenti tal-insolvenza prinċipali, u dan “sakemm ma jinfetħux proċedimenti ta’ insolvenza oħra hemm u lanqas ma jittieħdu miżuri ta’ preservazzjoni kuntrarja wara talba għal ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza f’dak l-Istat”. Issa, din id-dispożizzjoni tippreċiża espressament li dawn is-setgħat jinkludu dik ta’ tneħħija tal-attiv mit-territorju tal-Istat Membru li jinsab fih, bla ħsara biss għall-applikabbiltà tal-Artikoli 8 u 10 ta’ dan ir-regolament li jirrigwardaw l-eżistenza ta’ dritt in rem ta’ kreditur jew ta’ terz u l-ipoteżi ta’ żamma ta’ titolu, rispettivament.

74      Bħalma huwa indikat fil-premessi 67 u 68 tal-imsemmi regolament, dawn l-eċċezzjonijiet, li għandhom bħala għan li jipproteġu l-aspettattivi leġittimi u s-sigurtà tat-tranżazzjonijiet fi Stati Membri differenti minn dak tal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali, għandhom jiġu interpretati b’mod strett u l-portata tagħhom ma tistax tmur lil hinn minn dak li hu neċessarju biex jintlaħaq dan l-għan (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑16 ta’ April 2015, Lutz, C‑557/13, EU:C:2015:227, punt 34, u tat‑22 ta’ April 2021, Oeltrans Befrachtungsgesellschaft, C‑73/20, EU:C:2021:315, punt 24).

75      Issa, krediti ta’ xogħol miżmuma minn kredituri lokali u sekwestru kawtelatorju ta’ attiv, bħal fil-kawża prinċipali, ma humiex ta’ natura li jipprekludu t-tneħħija ta’ attiv mit-territorju tal-Istat Membru tal-ftuħ tal-proċedura sekondarja ta’ insolvenza mill-prattikant fl-insolvenza tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali, sakemm dawn il-krediti jew dan is-sekwestru kawtelatorju ma jirrigwardawx, fid-dawl tad-dritt applikabbli skont l-Artikolu 8 tal-istess regolament, drittijiet in rem.

76      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kuntest li jidħol fih l-Artikolu 21(1) tar-Regolament 2015/848.

77      Fl-ewwel lok, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(2) ta’ dan ir-regolament tistipula li l-prattikant fl-insolvenza tal-proċedura sekondarja ta’ insolvenza jista’ jsostni li beni mobbli ġie ttrasferit mit-territorju tal-Istat Membru ta’ ftuħ ta’ dik il-proċedura lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor “wara l-bidu tal-[imsemmija] proċedimenti ta’ insolvenza”. It-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni żżid li huwa wkoll possibbli għal dan il-prattikant li jeżerċita kwalunkwe azzjoni revokatorja utli għall-interessi tal-kredituri. Issa, din il-preċiżazzjoni tal-aħħar għandha effett utli biss jekk tkopri beni oħra minbarra dawk imsemmija fl-ewwel sentenza tad-dispożizzjoni, b’tali mod li dawn il-beni huma neċessarjament dawk li kienu jiġu ttrasferiti barra mit-territorju tal-Istat Membru tal-proċedura sekondarja ta’ insolvenza qabel il-ftuħ tagħha.

78      L-Artikolu 21(1) u (2) tar-Regolament 2015/848 jiggarantixxi għalhekk rabta bejn is-setgħat tal-prattikant fl-insolvenza u l-mekkaniżmi ta’ salvagwardja tal-interessi tal-kredituri lokali konformement mar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni, kif espressa fil-premessa 46 ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, skont din il-premessa, il-prattikant fl-insolvenza tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali ma għandux ikun jista’ jsarraf jew ineħħi, b’mod abbużiv, l-attiv li jinsab fl-Istat Membru fejn jinsab l-istabbiliment, b’mod partikolari bl-għan li tiġi mxekkla l-possibbiltà li dawn l-interessi jkunu jistgħu effettivament jiġu ssodisfatti fil-każ ta’ ftuħ sussegwenti ta’ proċedura sekondarja ta’ insolvenza.

79      Fit-tieni lok, tali interpretazzjoni tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament 2015/848, skont liema l-prattikant fl-insolvenza tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali jista’ jneħħi l-assi tad-debitur mit-territorju ta’ Stat Membru differenti minn dak tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali, hija sostnuta mill-Artikolu 36(6) ta’ dan ir-regolament.

80      Fil-fatt, meta tinfetaħ proċedura sekondarja ta’ insolvenza filwaqt li l-prattikant fl-insolvenza tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali jkun preċedentement ħa impenn unilaterali fis-sens tal-Artikolu 36(1) tar-Regolament 2015/848, l-Artikolu 36(6) ta’ dan ir-regolament jimponi biss fuq dan il-prattikant l-obbligu li jittrasferixxi l-attiv li huwa jkun neħħa “wara li jkun ingħata l-impenn”, li jimplika li l-imsemmi prattikant għandu s-setgħa li jneħħi dan l-attiv. Issa, peress li l-impenn unilaterali tal-prattikant fl-insolvenza huwa biss possibbiltà, bħalma juri l-użu tal-verb “jista’” fl-Artikolu 36(1) tal-imsemmi regolament, il-portata tas-setgħat tiegħu, b’mod partikolari l-possibbiltà li jipproċedi għat-tneħħija ta’ attiv, ma tistax tiġi a fortiori ristretta meta huwa ma jkun ħa ebda impenn fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

81      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 21(1) tar-Regolament 2015/848 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prattikant fl-insolvenza tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali jista’ jneħħi l-attiv tad-debitur mit-territorju ta’ Stat Membru differenti minn dak tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali minkejja li huwa jkollu għarfien tal-eżistenza, minn naħa, ta’ krediti ta’ xogħol miżmuma minn kredituri lokali fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor, irrikonoxxuti minn deċiżjonijiet ġudizzjarji, u, min-naħa l-oħra, ta’ sekwestru kawtelatorju ta’ attiv deċiż minn qorti industrijali ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar.

 Fuq ittielet domanda

82      Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 21(2) tar-Regolament 2015/848 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-prattikant fl-insolvenza tal-proċedura sekondarja ta’ insolvenza jista’ jeżerċita azzjoni revokatorja kontra att li jkun twettaq mill-prattikant fl-insolvenza tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali.

83      Skont din id-dispożizzjoni, il-prattikant fl-insolvenza sekondarja jista’ jeżerċita kwalunkwe azzjoni revokatorja utli għall-interessi tal-kredituri. Bħalma enfasizzaw ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet tagħhom, iċ-ċirku ta’ persuni li kontrihom tista’ tiġi eżerċitata tali azzjoni bl-ebda mod ma huwa limitat.

84      Minn dan isegwi li xejn fil-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni ma jippermetti li tiġi sostnuta interpretazzjoni tagħha li tkun tipprekludi lill-prattikant fl-insolvenza tal-proċedura sekondarja ta’ insolvenza milli jeżerċita azzjoni revokatorja kontra att tal-prattikant fl-insolvenza tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali jekk iqis li dik l-azzjoni hija utli għall-interessi tal-kredituri.

85      Din l-interpretazzjoni hija, barra minn hekk, konformi ma’ wieħed mill-għanijiet essenzjali tar-Regolament 2015/848, li huwa intiż, grazzi għall-possibbiltà li tinfetaħ proċedura sekondarja ta’ insolvenza, bħalma jsegwi mill-premessi 40 u 46 ta’ dan ir-regolament, għall-protezzjoni tal-interessi lokali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Burgo Group, C‑327/13, EU:C:2014:2158, punt 36).

86      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 21(2) tar-Regolament 2015/848 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prattikant fl-insolvenza tal-proċedura sekondarja ta’ insolvenza jista’ jeżerċita azzjoni revokatorja kontra att li jkun twettaq mill-prattikant fl-insolvenza tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali.

 Fuq lispejjeż

87      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 7 u 35 tar-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza, moqrija flimkien mal-premessa 72 ta’ dan ir-regolament,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

il-liġi tal-Istat ta’ ftuħ tal-proċedura sekondarja ta’ insolvenza tapplika biss għall-eżitu tal-krediti li nħolqu wara l-ftuħ ta’ din il-proċedura, u mhux għall-eżitu tal-krediti li nħolqu bejn il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali u dak tal-proċedura sekondarja ta’ insolvenza.

2)      L-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2015/848,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

l-patrimonju tal-attiv li jinsab fl-Istat ta’ ftuħ tal-proċedura sekondarja ta’ insolvenza huwa kkostitwit biss mill-attiv li jinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru fil-mument tal-ftuħ ta’ dik il-proċedura.

3)      L-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) 2015/848

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-prattikant fl-insolvenza tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali jista’ jneħħi l-attiv tad-debitur mit-territorju ta’ Stat Membru differenti minn dak tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali minkejja li huwa jkollu għarfien tal-eżistenza, minn naħa, ta’ krediti ta’ xogħol miżmuma minn kredituri lokali fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor, irrikonoxxuti minn deċiżjonijiet ġudizzjarji, u, min-naħa l-oħra, ta’ sekwestru kawtelatorju ta’ attiv deċiż minn qorti industrijali ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar.

4)      L-Artikolu 21(2) tar-Regolament 2015/848

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-prattikant fl-insolvenza tal-proċedura sekondarja ta’ insolvenza jista’ jeżerċita azzjoni revokatorja kontra att li jkun twettaq mill-prattikant fl-insolvenza tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.