Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-18 ta’ April 2024 (talbiet għal deċiżjoni preliminari tal-Juzgado de lo Mercantil de Palma de Mallorca - Spanja) – Luis Carlos et vs Air Berlín Luftverkehrs KG, Sucursal en España (C-765/22) u Victoriano et vs Air Berlin Luftverkehrs KG, Sucursal en España, Air Berlin PLC & Co. Luftverkehrs KG (C-772/22)

(Kawża C-765/22 u C-772/22, Luis Carlos et1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) 2015/848 – Proċeduri ta’ insolvenza – Proċedura ta’ insolvenza prinċipali fil-Ġermanja u proċedura sekondarja ta’ insolvenza fi Spanja – Kontestazzjoni tal-inventarju u tal-lista tal-kredituri ppreżentati mill-prattikant fl-insolvenza fil-proċedura sekondarja ta’ insolvenza – Klassifikazzjoni tal-pretensjonijiet tal-ħaddiema – Data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni – Trasferiment ta’ attiv li jinsab fi Spanja lejn il-Ġermanja – Kostituzzjoni tal-patrimonju ta’ proċedura sekondarja ta’ insolvenza – Parametri temporali li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de lo Mercantil de Palma de Mallorca

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Luis Carlos, Severino, Isidora, Angélica, Paula, Luis Francisco, Delfina (C-765/22), Victoriano, Bernabé, Jacinta, Sandra, Patricia, Juan Antonio, Verónica (C-772/22)

Konvenuti: Air Berlín Luftverkehrs KG, Sucursal en España (C-765/22), Air Berlin Luftverkehrs KG, Sucursal en España, Air Berlin PLC & Co. Luftverkehrs KG (C-772/22)

Dispożittiv

L-Artikoli 7 u 35 tar-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza, moqrija flimkien mal-premessa 72 ta’ dan ir-regolament,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

il-liġi tal-Istat ta’ ftuħ tal-proċedura sekondarja ta’ insolvenza tapplika biss għall-eżitu tal-krediti li nħolqu wara l-ftuħ ta’ din il-proċedura, u mhux għall-eżitu tal-krediti li nħolqu bejn il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali u dak tal-proċedura sekondarja ta’ insolvenza.

L-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2015/848,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

l-patrimonju tal-attiv li jinsab fl-Istat ta’ ftuħ tal-proċedura sekondarja ta’ insolvenza huwa kkostitwit biss mill-attiv li jinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru fil-mument tal-ftuħ ta’ dik il-proċedura.

L-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) 2015/848

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-prattikant fl-insolvenza tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali jista’ jneħħi l-attiv tad-debitur mit-territorju ta’ Stat Membru differenti minn dak tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali minkejja li huwa jkollu għarfien tal-eżistenza, minn naħa, ta’ krediti ta’ xogħol miżmuma minn kredituri lokali fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor, irrikonoxxuti minn deċiżjonijiet ġudizzjarji, u, min-naħa l-oħra, ta’ sekwestru kawtelatorju ta’ attiv deċiż minn qorti industrijali ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar.

L-Artikolu 21(2) tar-Regolament 2015/848

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-prattikant fl-insolvenza tal-proċedura sekondarja ta’ insolvenza jista’ jeżerċita azzjoni revokatorja kontra att li jkun twettaq mill-prattikant fl-insolvenza tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali.

____________

1     ĠU C 121, 3.4.2023.