Language of document : ECLI:EU:C:2011:270

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

3 ta’ Mejju 2011 (*)

“Kompetizzjoni – Regolament (KE) Nru 1/2003 – Artikolu 5 – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Kompetenza tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri sabiex jikkonstataw in-nuqqas ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE”

Fil-Kawża C‑375/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mis-Sąd Najwyższy (il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Lulju 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Settembru 2009, fil-proċedura

Prezes Urzędu Ochrony Konkurencji i Konsumentów

vs

Tele2 Polska sp. z o.o., li saret Netia SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot, D. Šváby, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, E. Juhász (Relatur), J. Malenovský, E. Levits u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Settembru 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz kif ukoll minn K. Zawisza u M. Laszuk, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Castillo de la Torre u K. Mojzesowicz, bħala aġenti,

–        għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, minn X. Lewis u M. Schneider, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Diċembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205, iktar ’il quddiem ir-“Regolament”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Prezes Urzędu Ochrony Konkurencji i Konsumentów (il-President tal-Uffiċċju tal-kompetizzjoni u tal-ħarsien tal-konsumaturi, iktar ’il quddiem “Prezes Urzędu Ochrony Konkurencji”) u Tele2 Polska sp. z o.o., li saret Netia SA, dwar deċiżjoni meħuda mill-imsemmi president skont l-Artikolu 82 KE.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        L-ewwel sentenza tal-premessa 1 tar-Regolament tistabbilixxi:

“Sabiex jistabbilixxi sistema li tiżgura li l-kompetizzjoni fis-suq komuni ma tiġix distorta, l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat irridu jiġu applikati effetivament u b’mod uniformi fl-[Unjoni].

4        L-ewwel sentenza tal-premessa 8 tar-Regolament tħabbar:

“Sabiex jiżgura l-infurzar effetiv tal-liġijiet tal-kompetizzjoni tal-Komunità u il-funżjoni propja tal-mekkaniżmi tal-koperazzjoni li jinsabu fir-Regolament, huwa neċċessarju l-obligu ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-qrati tal-Istati Membri li huma ukoll japplikaw l-Artikoli 81[KE] u 82 [KE] billi huma japplikaw liġijiet nazzjonali tal-kompettitività lil ftehim u prattiki li jistgħu jaffetwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri”.

5        Skont il-premessa 14 tar-Regolament:

“F’każi eċċenzjonali fejn hu obbligu minħabba l-interess tal-pubbliku tal-Kommunità, jista jkun spedjenti għall-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni ta’ natura deklarattiva issib li l-projbizzjoni fl-Artikolu 81 [KE] jew l-Artikolu 82 [KE] ma japplikax, b’skop li l-liġi tiġi klarifikata u tiġi applikata b’mod konsistenti fi ħdan il-Komunità, b’mod partikolari b’rigward tipi ġodda ta’ ftehim u prattiċi li ma ġewx irraġanti b’liġijiet u prattiċi amministrattivi esistenti”.

6        L-Artikolu 3(1) tar-Regolament jistabbilixxi:

“Fejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri u qrati nazzjonali japplikaw liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għal ftehim, deċiżjonijiet min assoċjazzjonijiet tal-impriża jew prattiċi miftiehma fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) [KE] li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens ta’ din id-disposizzjoni, dawn ħa japplikaw ukoll l-Artikolu 81 [KE] għal ftehim bħal dawn, deċiżjonijiet jew prattiċi miftiehma. Fejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’l-Istati Membri jew qrati nazzjonali japplikaw liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għal xi kwalunkwe abbuż projbit mil-Artikolu 82 [KE], dawn ħa japplikaw ukoll l-Artikolu 82 [KE].”

7        L-Artikolu 5 tar-Regolament, intitolat “Il-poteri ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri” jistabbilixxi:

“L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri għandhom ikollhom is-setgħa li japplikaw l-Artikolu 81 [KE] u 82 [KE] f’każijiet individwali. Għal dan il-għan, jaggixxu fuq l-inizjattiva proprja tagħha jew fuq xi ilment, dawn jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet li ġejjin :

–        jirrikjedu li xi ksur jiġi mitmum,

–        jordnaw miżuri ntermedjarji, [provviżorji]

–        jaċċettaw rbit,

–        jimponu multi, perjodu ta’ pagamenti penali jew xi pieni oħra previsti mil-liġijiet nazzjonali tagħhom.

Fejn fuq bażi ta’ l-informazzjoni li għandhom fil-pussess tagħhom il-kondizzjonijiet għal projbizzjoni m’humiex milħuqa huma għandhom jiddeċiedu li ma hemmx każ li jkun hemm azzjoni mil-parti tagħhom”.

8        Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament:

“Fejn l-interess pubbliku tal-Komunità b’relazzjoni għal applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 [KE] u 82 [KE] jirrikjedi hekk, il-Kummissjoni, tagixxi fuq l-iniżjattiva tagħha, tista’ b’deċiżjoni issib lill-Artikolu 81 [KE] mhux applikabli għal xi ftehim, deċiżjoni minn assoċjazzjoni ta’ l-impriża jew prattiċi miftiehma, sew għax il-kondizzjonijiet ta’ l-Artikolu 81(1) [KE] mhux imwettqa, jew għax il-kondizzjonijiet ta’ l-Artiklu 8 (3) [KE] mhux sodisfatt.

Il-Kummissjoni tista’ fl-istess ħin tagħmel xi sejba b’referenza għall-Artikolu 82 tat-Trattat.”

 Id-dritt nazzjonali

9        L-Artikolu 8 tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 2000 dwar il-kompetizzjoni u l-ħarsien tal-konsumaturi (ustawa o ochronie konkurencji i konsumentów, Dz. U de 2005, Nru 244, position 2080), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, (iktar ’il quddiem, il-“Liġi dwar il-kompetizzjoni u l-ħarsien tal-konsumaturi”) jistabbilixxi:

“1.      L-abbuż minn pożizzjoni dominanti fuq is-suq ikkonċernat minn impriża jew iktar huwa pprojbit.

[...]

3.      L-atti li jikkostitwixxu abbuż minn pożizzjoni dominanti huma totalment annullati jew parzjalment annullati fil-parti rilevanti.”

10      L-Artikolu 11 tal-Liġi dwar il-kompetizzjoni u l-ħarsien tal-konsumatur jistabbilixxi:

“(1) Il-[Prezes Urzędu Ochrony Konkurencji] għandu jadotta deċiżjoni li tiddikjara li prattika ma tirrestrinġix il-kompetizzjoni, jekk ma jistabbilixxix li kien hemm ksur tal-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 5 u 8.”

[…]”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      Il-Prezes Urzędu Ochrony Konkurencji, fil-kwalità tiegħu bħala l-awtorità nazzjonali għall-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament, beda proċedura kontra Telekomunikacja Polska SA, issuspettata li kisret l-Artikolu 8 tal-Liġi dwar il-kompetizzjoni u l-ħarsien tal-konsumaturi u l-Artikolu 82 KE. Fi tmien din il-proċedura, huwa kkonstata li l-aġir tal-impriża inkwistjoni, li kellha pożizzjoni dominanti fis-suq, ma kienx jikkostitwixxi abbuż minn din il-pożizzjoni u li, għalhekk, dan l-aġir ma kienx jikkostitwixxi ksur tad-dritt nazzjonali u tal-Artikolu 102 TFUE. Għaldaqstant, il-Prezes Urzędu Ochrony Konkurencji adotta deċiżjoni skont id-dritt nazzjonali fejn ikkonkluda li l-impriża inkwistjoni ma implementat l-ebda prattika restrittiva, filwaqt li, fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 102 TFUE, huwa ddeċieda li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fid-dawl tan-nuqqas ta’ suġġett tiegħu.

12      Tele2 Polska sp. z o.o., li saret Netia SA, ikkontestat din id-deċiżjoni.

13      Is-Sąd Okręgowy – Sąd Ochrony Konkurencji i Konsumentów (Qorti Distrettwali – Qorti għall-Kompetizzjoni u għall-Ħarsien tal-Konsumatur) annullat l-imsemmija deċiżjoni kkontestata u s-Sąd Apelacyjny w Warszawie (Qorti tal-Appell ta’ Varsavja), ikkonfermat l-annullament ta’ din l-istess deċiżjoni kkontestata, peress li qieset li l-Prezes Urzędu Ochrony Konkurencji kellu jadotta deċiżjoni li tikkonkludi li ma kienx hemm prattika restrittiva skont l-Artikolu 102 TFUE, ladarba dan tal-aħħar kien adotta tali deċiżjoni dwar il-projbizzjoni tal-abbużi minn pożizzjoni dominanti stabbiliti bid-dritt nazzjonali.

14      Il-Prezes Urzędu Ochrony Konkurencji ppreżenta rikors ta’ kassazzjoni quddiem is-Sąd Najwyższy (Qorti Suprema), billi sostna li r-Regolament ma jippermettilux li jadotta deċiżjoni negattiva dwar il-mertu fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-konformità tal-prattiki tal-impriżi kkonċernati mill-Artikolu 102 TFUE.

15      Skont il-Prezes Urzędu Ochrony Konkurencji, l-Artikolu 5 tar-Regolament jirregola l-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u jirrestrinġi l-possibbiltajiet deċiżjonali ta’ dawn l-awtoritajiet. Skont dan l-artikolu, l-ebda kompetenza ma ngħatat lilu sabiex jadotta deċiżjoni negattiva dwar il-mertu fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-konformità tal-prattiki tal-impriżi mal-Artikolu 102 TFUE. Għalhekk, meta deher, fi tmiem il-proċedura mibdija kontra Telekomunikacja Polska SA, li ma kienx hemm, min-naħa ta’ din l-impriża, abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, il-Prezes Urzędu Ochrony Konkurencji ddeċieda li jtemm din il-proċedura mingħajr ma jiddeċiedi dwar il-mertu. L-Artikolu 5 tar-Regolament jelenka erba’ tipi ta’ deċiżjonijiet dwar il-mertu, u l-ebda waħda minnhom ma tistabbilixxi li l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tista’ tikkonkludi li ma hemmx ksur. Barra minn hekk, l-Artikolu 10 tar-Regolament, peress li jirrikonoxxi d-dritt tal-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni ex officio li tikkonstata li l-Artikolu 102 TFUE ma japplikax għal ċertu aġir ta’ impriża fl-interess pubbliku Komunitarju, ma jagħtix dan id-dritt lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni. Għall-Prezes Urzędu Ochrony Konkurencji, l-għan tal-Artikolu 10 tar-Regolament huwa li jwaqqaf lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni milli jkunu jistgħu jibblokkaw kull possibbiltà għall-Kummissjoni li tikkonstata ksur tal-Artikoli 101 TFUE jew 102 TFUE, billi jadottaw deċiżjonijiet li jikkonkludu li hemm nuqqas ta’ ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, fid-dawl tal-prinċipju ne bis in idem.

16      Is-Sąd Najwyższy tqis, minn naħa, li l-awtonomija proċedurali f’dan il-każ hija limitata u ma toffrix il-possibbiltà lill-Prezes Urzędu Ochrony Konkurencji li jadotta deċiżjoni li tikkonkludi li hemm nuqqas ta’ prattika restrittiva tal-kompetizzjoni, għaliex din id-deċiżjoni ma tifformax parti mil-listi ta’ deċiżjonijiet elenkati fit-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament.

17      Min-naħa l-oħra, is-Sąd Najwyższy tirrileva li interpretazzjoni teleoloġika u funzjonali tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament moqri flimkien mat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tar-Regolament u d-dispożizzjonijiet l-oħra tiegħu, jistgħu jippermettu lill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li tieħu deċiżjoni bħal dik inkwistjoni. Id-diċitura tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament, li jsemmi li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jiddeċiedu “li ma hemmx każ li jkun hemm azzjoni mil-parti tagħhom”, meta l-kundizzjonijiet għal projbizzjoni ma jkunux sodisfatti, tista’ ma teskludix din il-possibbiltà.

18      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, is-Sąd Najwyższy ddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“(1) L-Artikolu 5 tar-Regolament [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ma tistax tadotta deċiżjoni li tikkonstata n-nuqqas ta’ prattika restrittiva tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 82 KE, meta hija tqis, wara proċedura, li l-impriża ma kisritx il-projbizzjoni ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti li tirriżulta minn din id-dispożizzjoni tat-Trattat?

2)      F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, fil-każ fejn id dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni jippermettu lill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni sabiex tagħlaq proċedura dwar repressjoni tal-prattiki antikompetittivi – jekk jiġi kkonstatat li l-aġir tal-impriża ma jiksirx il-projbizzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 82 KE – biss billi tadotta deċiżjoni li tikkonstata n-nuqqas ta’ prattika restrittiva tal-kompetizzjoni, [it-tieni paragrafu] tal-Artikolu 5 tar-Regolament [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi l-bażi ġuridika diretta ta’ deċiżjoni ta’ din l-awtorità li tikkonstata li “ma hemmx każ li jkun hemm azzjoni mil[l]-parti [tagħha]?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

19      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 5 tar-Regolament għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lil awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, meta, sabiex tapplika l-Artikolu 102 TFUE, hija teżamina jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu humiex sodisfatti u li, wara dan l-eżami, hija tqis li ma hemmx prattika abbużiva, milli tkun tista’ tieħdu deċiżjoni li tikkonkludi li ma hemmx ksur tal-imsemmi artikolu.

20      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament, meta l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni japplikaw id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni għal prattika abbużiva ta’ impriża li għandha pożizzjoni dominanti fuq suq li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, huma għandhom japplikaw ukoll l-Artikolu 102 TFUE.

21      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament jispeċifika l-kompetenza li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri għandhom sabiex japplikaw l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE għall-każijiet individwali. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, dawn l-awtoritajiet, meta jiddeċiedu dwar il-mertu, jistgħu, meta jaġixxu ex officio jew meta jitressaq ilment quddiemhom, jadottaw id-deċiżjonijiet segwenti, jiġifieri jordnaw il-waqfien tal-ksur, jistabbilixxu miżuri provviżorji, jaċċettaw impenji u jimponu multi, pagamenti ta’ penalità jew kull sanzjoni oħra stabbilita bid-dritt nazzjonali tagħhom.

22      Skont it-tieni paragrafu tar-Regolament, meta l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jqisu, fuq il-bażi ta’ informazzjoni li huma jkollhom, li l-kundizzjonijiet għal projbizzjoni ma humiex sodisfatti, huma jistgħu jiddeċiedu li ma hemmx lok għalihom li jintervjenu.

23      Il-kliem ta’ din l-aħħar dispożizzjoni jindika b’mod ċar li, f’din is-sitwazzjoni, il-kompetenza tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni hija limitata għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li ma hemmx lok li tintervjeni.

24      Dan il-limitu fis-setgħa tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ kompetizzjoni huwa sostnut mid-determinazzjoni tas-setgħa deċiżjonali tal-Kummissjoni fil-każ ta’ nuqqas ta’ ksur tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE. Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament, il-Kummissjoni tista’ tikkonstata, permezz ta’ deċiżjoni, li l-Artikoli 81 KE u 82 KE huma inapplikabbli.

25      Il-premessa 14 tar-Regolament jispeċifika li din id-deċiżjoni ta’ natura dikjaratorja tal-Kummissjoni tista’ sseħħ “f’każi eċċenzjonali”. L-għan ta’ dan l-intervent, skont din il-premessa, huwa li “l-liġi tiġi klarifikata u tiġi applikata b’mod konsistenti fi ħdan l-[Unjoni], b’mod partikolari b’rigward tipi ġodda ta’ ftehim u prattiċi li ma ġewx irraġanti b’liġijiet u prattiċi amministrattivi eżistenti”.

26      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, sabiex tiggarantixxi applikazzjoni koerenti tal-liġijiet tal-kompetizzjoni fl-Istati Membri, mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, fil-kuntest tal-prinċipju ġenerali ta’ kooperazzjoni leali, ġie stabbilit bir-Regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, X, C‑429/07, Ġabra p. I‑4833, punti 20 u 21).

27      Il-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jiġu awtorizzati jieħdu deċiżjonijiet li jikkonstataw in-nuqqas ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE jqiegħed inkwistjoni s-sistema ta’ kooperazzjoni stabbilita bir-Regolament u jippreġudika l-kompetenza tal-Kummissjoni.

28      Fil-fatt, din id-deċiżjoni “negattiva” dwar il-mertu tirriskja li tippreġudika l-applikazzjoni uniformi tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE, li hija waħda mill-għanijiet enfasizzati mill-ewwel premessa tiegħu, għaliex din tista’ twaqqaf lill-Kummissjoni milli sussegwentement tikkonstata li l-prattika inkwistjoni tikkostitwixxi ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

29      Għalhekk, kemm minn kliem, mill-istruttura tar-Regolament kif ukoll mill-għan imfittex minnu jirriżulta li l-konstatazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE huma rriżervati għall-Kummissjoni, minkejja li dan l-artikolu jiġi applikat f’proċedura mmexxija minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni.

30      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 5 tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lil awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, meta, sabiex tapplika l-Artikolu 102 TFUE, hija teżamina jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu ġewx sodisfatti u li, wara dan l-eżami, hija tqis li ma kienx hemm prattika abbużiva, milli tkun tista’ tieħu deċiżjoni li tikkonkludi li ma hemmx ksur tal-imsemmi artikolu.

 Fuq it-tieni domanda

31      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament huwiex ta’ applikazzjoni diretta u jekk, fuq din il-bażi, awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, li tqis li l-kundizzjonijiet għall-projbizzjoni ta’ prattika skont l-Artikolu 102 TFUE ma humiex sodisfatti, tistax ittemm il-proċedura kontra l-impriża billi tadotta deċiżjoni li tikkonstata li ma hemmx lok li hija tintervjeni, minkejja li d-dritt nazzjonali jistabbilixxi, f’dawn iċ-ċirkustanzi, biss il-possibbiltà li tiġi adottata deċiżjoni negattiva dwar il-mertu.

32      Mir-risposta għall-ewwel domanda jirriżulta li awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ma tistax tieħu deċiżjoni li tikkonkludi li ma hemmx ksur tal-Artikolu 102 TFUE. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament, din l-awtorità tista’ madankollu, meta tqis, fuq il-bażi ta’ informazzjoni li hija jkollha, li l-kundizzjonijiet għall-projbizzjoni ta’ prattika skont l-Artikolu 102 TFUE ma humiex sodisfatti, tiddeċiedi li ma hemmx lok li hija tintervjeni.

33      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huwa biss meta d-dritt tal-Unjoni ma jistabbilixxix regoli speċifiċi li awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tista’ tapplika r-regoli nazzjonali tagħha.

34      F’din il-kawża, peress li l-Artikolu 5 tar-Regolament huwa, skont l-Artikolu 288 TFUE, direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha, huwa jipprekludi l-applikazzjoni ta’ regola tad-dritt nazzjonali li timponi t-tmiem ta’ proċedura dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE b’deċiżjoni li tikkonstata n-nuqqas ta’ ksur tal-imsemmi artikolu.

35      Għalhekk, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament huwa ta’ applikazzjoni diretta u jipprekludi l-applikazzjoni ta’ regola tad-dritt nazzjonali li timponi t-tmiem ta’ proċedura dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE b’deċiżjoni li tikkonstata n-nuqqas ta’ ksur tal-imsemmi artikolu.

 Fuq l-ispejjeż

36      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lil awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, meta, sabiex tapplika l-Artikolu 102 TFUE, hija teżamina jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu ġewx sodisfatti u li, wara dan l-eżami, hija tqis li ma kienx hemm prattika abbużiva, milli tkun tista’ tieħu deċiżjoni li tikkonkludi li ma hemmx ksur tal-imsemmi artikolu.

2)      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003 huwa ta’ applikazzjoni diretta u jipprekludi l-applikazzjoni ta’ regola tad-dritt nazzjonali li timponi t-tmiem ta’ proċedura dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE b’deċiżjoni li tikkonstata n-nuqqas ta’ ksur tal-imsemmi artikolu.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.