Language of document : ECLI:EU:T:2021:640

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

29 ta’ Settembru 2021 (*)

“Relazzjonijiet esterni – Ftehim internazzjonali – Ftehim Ewro‑Mediterranju ta’ Assoċjazzjoni KE‑Marokk – Ftehim ta’ Sħubija fil‑qasam tas-sajd sostenibbli bejn l‑Unjoni u l-Marokk – Protokoll ta’ Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija – Skambju ta’ ittri li jakkumpanja l-Ftehim ta’ Sħubija – Deċiżjoni ta’ konklużjoni – Regolament dwar l-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd bejn l-Istati Membri – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Locus standi in judicio – Inċidenza diretta – Inċidenza individwali – Kamp ta’ applikazzjoni territorjali – Kompetenza – Interpretazzjoni tad-dritt internazzjonali mogħtija mill‑Qorti tal‑Ġustizzja – Prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni – Prinċipju tal-effett relattiv tat‑trattati – Invokabbiltà – Kunċett ta’ kunsens – Implimentazzjoni – Setgħa diskrezzjonali – Limiti – Żamma tal-effetti tad-deċiżjoni kkontestata”

Fil-Kawżi magħquda T‑344/19 u T‑356/19,

Front populaire pour la libération de la Saguia elHamra et du Rio de oro (Front Polisario), irrappreżentat minn G. Devers, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn F. Naert, P. Plaza García u V. Piessevaux, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

IrRenju ta’ Spanja, irrappreżentat minn S. Centeno Huerta, bħala aġent,

intervenjenti fil-Kawżi T‑344/19 u T‑356/19,

minn

IrRepubblika Franċiża, irrappreżentata minn A.‑L. Desjonquères, C. Mosser, J.-L. Carré u T. Stéhelin, bħala aġenti,

intervenjenti fil-Kawżi T‑344/19 u T‑356/19,

minn

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre, A. Bouquet u A. Stobiecka‑Kuik, bħala aġenti,

intervenjenti fil-Kawżi T‑344/19 u T‑356/19,

u minn

IlKamra tas-Sajd Marittimu tal-Mediterran, stabbilita f’Tangier (il‑Marokk),

IlKamra tas-Sajd Marittimu tal-Atlantiku tat-Tramuntana, stabbilita f’Casablanca (il-Marokk),

IlKamra tas-Sajd Marittimu tal-Atlantiku Ċentrali, stabbilita f’Agadir (il‑Marokk),

IlKamra tas-Sajd Marittimu tal-Atlantiku tan-Nofsinhar, stabbilita f’Dakhla (is-Saħara tal-Punent),

irrappreżentati minn G. Forwood, N. Colin u A. Hublet, avukati,

intervenjenti fil-Kawża T‑344/19,

li għandhom bħala suġġett, fil-Kawża T‑344/19, talba bbażata fuq l‑Artikolu 263 TFUE għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/441 tal‑4 ta’ Marzu 2019 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal‑Marokk, tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu u tal-iskambju ta’ ittri li jakkumpanja l-Ftehim (ĠU 2019, L 77, p. 4), u, fil-Kawża T‑356/19, talba bbażata fuq l‑Artikolu 263 TFUE għall-annullament tar‑Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/440 tad-29 ta’ Novembru 2018 dwar l-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd skont il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l‑Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk u tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu (ĠU 2019, L 77, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża),

komposta minn J. Costeira, President, D. Gratsias (Relatur), M. Kancheva, B. Berke u T. Perišin, Imħallfin,

Reġistratur: M. Marescaux, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Marzu 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

A.      Il-kuntest internazzjonali

1        L-iżviluppi tal-kuntest internazzjonali relatat mal-kwistjoni tas-Saħara tal-Punent jistgħu jitqassru kif ġej.

2        Fl-14 ta’ Diċembru 1960, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (ONU) adottat ir-Riżoluzzjoni 1514 (XV), intitolata “Dikjarazzjoni dwar l-għoti tal‑Indipendenza lill-pajjiżi u lill-popli kolonjali”, li tipprevedi b’mod partikolari li “[l]-popli kollha għandhom id-dritt għall‑awtodeterminazzjoni[,] li abbażi [tiegħu] jiddeterminaw b’mod ħieles l-istatus politiku tagħhom u jsegwu b’mod ħieles l‑iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali tagħhom”, li “[m]iżuri immedjati għandhom jittieħdu, fit-territorji taħt protezzjoni, it-territorji mhux awtonomi u t‑territorji l-oħra kollha li għadhom ma kisbux l‑indipendenza, sabiex jiġu ttrasferiti immedjatament is-setgħat kollha lill-popli ta’ dawn it-territorji, mingħajr ebda kundizzjoni jew riżerva, skont il-volontà tagħhom u x-xewqat tagħhom espressi b’mod ħieles”, u li “[l-]istati kollha għandhom josservaw fedelment u strettament id-dispożizzjonijiet tal-[K]arta tan-Nazzjonijiet Uniti […] abbażi tal‑ugwaljanza, nuqqas ta’ ndħil fl-affarijiet interni tal-Istati u tal-osservanza tad‑drittijiet sovrani u tal-integrità territorjali tal-popli kollha”.

3        Is-Saħara tal-Punent hija territorju li jinsab fil-Majjistral tal-Afrika li ġie kkolonizzat mir-Renju ta’ Spanja fi tmiem is-seklu XIX u li sar, fid-data tar‑Riżoluzzjoni 1514 (XV), provinċja Spanjola. Fl-1963, ġie inkluż mill-ONU fuq il-“lista preliminari tat-territorji li għalihom tapplika d‑Dikjarazzjoni dwar l‑għoti tal-Indipendenza lill-pajjiżi u lill-popli kolonjali [Riżoluzzjoni 1514 (XV) tal-Assemblea Ġenerali]”, bħala territorju mhux awtonomu amministrat mir-Renju ta’ Spanja, fis-sens tal‑Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, iffirmata f’San Francisco fis-26 ta’ Ġunju 1945, u sal-lum għadu fuq il-lista tat-territorji mhux awtonomi stabbilita mis-Segretarju Ġenerali tal-ONU abbażi ta’ informazzjoni mibgħuta skont l-Artikolu 73(e) ta’ din il-Karta.

4        Fl-20 ta’ Diċembru 1966, l-Assemblea Ġenerali tal-ONU adottat ir‑Riżoluzzjoni 2229 (XXI) dwar il-kwistjoni tal-Ifni u tas-Saħara Spanjola, li fiha “[r]eġa’ ġie affermat] id-dritt inaljenabbli [tal-poplu] […] tas‑Saħara Spanjol għall‑awtodeterminazzjoni skont ir‑Riżoluzzjoni 1514 (XV) tal-Assemblea Ġenerali” u talbet lir-Renju ta’ Spanja, fil-kapaċità tiegħu bħala poter amministrattiv, “sabiex kemm jista’ jkun malajr, jistabbilixxi l-modalitajiet tal‑organizzazzjoni ta’ referendum li għandu jinżamm taħt l-awspiċji tal‑[ONU] sabiex il‑popolazzjoni awtoktona tat-territorju tkun tista’ teżerċita liberament id‑dritt tagħha għall‑awtodeterminazzjoni”.

5        Fl-24 ta’ Ottubru 1970, l-Assemblea Ġenerali tal-ONU adottat ir‑Riżoluzzjoni 2625 (XXV), li permezz tagħha approvat id‑“Dikjarazzjoni dwar il-prinċipji tad-dritt internazzjonali relatati mar‑relazzjonijiet ta’ ħbiberija u l‑kooperazzjoni bejn l-Istati skont il‑[K]arta tan-Nazzjonijiet Uniti”, li t-test tagħha huwa anness ma’ din ir‑riżoluzzjoni. Din id-dikjarazzjoni “tipproklama solennement”, b’mod partikolari, “il-prinċipju ta’ ugwaljanza tad-drittijiet tal‑popli u tad-dritt tagħhom għall-awtodeterminazzjoni”. Fir-rigward ta’ dan il‑prinċipju, hija tistipula, b’mod partikolari, dan li ġej:

“Skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza tad-drittijiet tal-popli u tad-dritt tagħhom għall‑awtodeterminazzjoni, prinċipju stabbilit fil-[K]arta tan‑Nazzjonijiet Uniti, il‑popli kollha għandhom dejjem id-dritt, b’mod ħieles, li jistabbilixxu, meta jixtiequ u kif jixtiequ, l-istatus politiku intern u estern tagħhom, mingħajr indħil barrani, u li jsegwu skont ir-rieda tagħhom l-iżvilupp politiku, ekonomiku, soċjali u kulturali tagħhom, u kull Stat għandu d-dover li jirrispetta dan id-dritt skont id‑dispożizzjonijiet tal-Karta.

[…]

Il-ħolqien ta’ Stat sovran u indipendenti, il-libertà ta’ assoċjazzjoni jew tal‑integrazzjoni ma’ Stat indipendenti jew l-akkwist ta’ kwalunkwe status politiku ieħor b’mod ħieles minn poplu jikkostitwixxi, għal dan il‑poplu, mezzi sabiex jeżerċita d-dritt li jiddeċiedi għalih innifsu.

[…]

It-territorju ta’ kolonja jew ta’ territorju ieħor mhux awtonomu għandu, skont il‑Karta, status separat u distint minn dak tat-territorju tal-Istati li jamministrah; dan l-istatus separat u distint bis-saħħa tal-Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti jibqa’ jeżisti sakemm il-poplu tal-kolonja jew tat‑territorju mhux awtonomu ma jeżerċitax id-dritt tiegħu għall‑awtodeterminazzjoni skont il-Karta u, b’mod partikolari għall‑għanijiet u l-prinċipji tiegħu”.

6        Il-Front populaire pour la libération de la Saguia el‑Hamra et du Rio de oro (Front Polisario) huwa organizzazzjoni maħluqa fl-10 ta’ Mejju 1973 fis-Saħara tal‑Punent. Fl-Artikolu 1 tal-Istatuti tiegħu, huwa ddefinit bħala “moviment ta’ liberazzjoni nazzjonali” li l-membri tiegħu “jiġġieldu għall-indipendenza totali u għall-kisba tas-sovranità tal-poplu tas-Saħara tal-Punent fuq it-territorju kollu tar‑Repubblika Għarbija Demokratika tas‑Saħara”.

7        Fl-20 ta’ Awwissu 1974, ir-Renju ta’ Spanja informa lill-ONU li kien qiegħed jipproponi li jiġi organizzat, taħt l-awspiċi tiegħu, referendum fis-Saħara tal‑Punent.

8        Fit-13 ta’ Diċembru 1974, l-Assemblea Ġenerali tal-ONU adottat ir‑Riżoluzzjoni 3292 (XXIX), li permezz tagħha ddeċidiet, b’mod partikolari, li titlob lill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) Opinjoni konsultattiva fuq id‑domandi segwenti:

“I. Is-Saħara tal-Punent (Rio de Oro u Sakiet El Hamra) kienet, fil‑mument tal‑kolonjalizzazzjoni tagħha minn Spanja, territorju mingħajr sid (terra nullius)?

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija fin-negattiv,

II. Liema kienu r-rabtiet ġuridiċi ta’ dan it-territorju mar-Renju tal‑Marokk u mat‑territorju tal-Mawritanja?”

9        Fis-16 ta’ Ottubru 1975, il-QIĠ tat Opinjoni konsultattiva (ara s-Saħara tal‑Punent, Opinjoni konsultattiva, QIĠ, Ġabra 1975, p. 12, iktar ’il quddiem l‑“Opinjoni konsultattiva dwar is-Saħara tal-Punent”). Fil‑punt 162 ta’ din l‑opinjoni, hija kkunsidrat is-segwenti:

“Il-provi u l-informazzjoni prodotti quddiem il-Qorti juru l-eżistenza, fil‑mument tal-kolonjalizzazzjoni Spanjola, ta’ rabtiet ġuridiċi ta’ alleanza bejn is‑sultan tal‑Marokk u xi tribujiet li jgħixu fit-territorju tas-Saħara tal‑Punent. Juru wkoll l‑eżistenza ta’ drittijiet, inkluż ċerti drittijiet relatati mal-art, li jikkostitwixxu rabtiet ġuridiċi bejn it-territorju tal‑Mawritanja, fis-sens mifhum mill-Qorti, u t‑territorju tas-Saħara tal‑Punent. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tikkonkludi li l-provi u l‑informazzjoni prodotti quddiemha ma jistabbilixxu l-eżistenza tal-ebda rabta ta’ sovranità territorjali bejn it-territorju tas-Saħara tal‑Punent minn naħa waħda, ir‑Renju tal-Marokk jew it-territorju tal-Mawritanja, min-naħa l-oħra. Il-Qorti għalhekk ma kkonstatatx l-eżistenza ta’ rabtiet ġuridiċi ta’ natura li jibdlu l‑applikazzjoni tar‑Riżoluzzjoni 1514 (XV) [tal-Assemblea Ġenerali tal-ONU] fir‑rigward tad‑dekolonjalizzazzjoni tas-Saħara tal‑Punent u b’mod partikolari tal‑applikazzjoni tal-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni permezz tal‑espressjoni libera u awtentika tar-rieda tal-popolazzjonijiet tat‑territorju”.

10      Fil-punt 163 tal-Opinjoni konsultattiva dwar is-Saħara tal-Punent, il‑QIĠ iddikjarat, b’mod partikolari:

“[Il-Qorti hija tal-opinjoni], [f’]dak li jirrigwarda d-domanda I, […] li s‑Saħara tal-Punent (Rio de Oro u Sakiet El Hamra) ma kinitx territorju mingħajr sid (terra nullius) fil-mument tal-kolonjalizzazzjoni minn Spanja; […] f’dak li jirrigwarda d-domanda II, […] li t-territorju kellu, mar-Renju tal-Marokk, rabtiet ġuridiċi li għandhom il-karatteristiċi indikati fil‑paragrafu 162 ta’ din l-opinjoni [u] li t‑territorju kellu, mat-territorju tal-Mawritanja, rabtiet ġuridiċi li għandhom il‑karatteristiċi indikati fil‑punt 162 ta’ din l-opinjoni”.

11      F’diskors mogħti fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tal-Opinjoni konsultattiva dwar is‑Saħara tal-Punent, ir-Re tal-Marokk iddikjara li “d‑dinja kollha [kienet] irrikonoxxiet li s-Saħara [tal-Punent] kienet fil‑pussess” tar-Renju tal-Marokk u li “kien l‑obbligu tiegħu li jirkupra b’mod paċifiku dan it-territorju”, filwaqt li appella, għal dan il-għan, li tiġi organizzata mixja.

12      Fit-22 ta’ Ottubru 1975, adit mir-Renju ta’ Spanja, il-Kunsill tas-Sigurtà tal-ONU adotta r-Riżoluzzjoni 377 (1975), li fiha “talab lis-[S]egretarju Ġenerali [tal-ONU] jibda konsultazzjonijiet immedjati mal-partijiet ikkonċernati u interessati u “[a]ppella [lil dawn tal-aħħar] sabiex juru prudenza u moderazzjoni”. Fit-2 ta’ Novembru 1975, adotta r‑Riżoluzzjoni 379 (1975), li fiha “[t]alab b’mod urġenti lill-partijiet kollha kkonċernati u interessati jevitaw kull azzjoni unilaterali jew kwalunkwe azzjoni li tista’ tkompli taggrava t-tensjoni fir-reġjun” u “[talab] lis‑[S]egretarju Ġenerali sabiex ikompli u jintensifika l‑konsultazzjonijiet tiegħu”. Fis-6 ta’ Novembru 1975, wara li bdiet il‑mixja mħabbra mir-Re tal-Marokk, li fiha pparteċipaw 350,000 persuna, u l-qsim tal-fruntiera bejn ir-Renju tal-Marokk u s‑Saħara tal-Punent minn dawn il-persuni, adotta r-Riżoluzzjoni 380 (1975), li fiha, b’mod partikolari, “[iddeplora din i]l-mixja” u “[talab] lir-[Renju tal‑]Marokk jirtira immedjatament mit-territorju tas-Saħara tal-Punent lill‑parteċipanti kollha f’[din] il‑mixja”.

13      Fis-26 ta’ Frar 1976, ir-Renju ta’ Spanja informa lis-Segretarju Ġenerali tal-ONU li, b’effett minn din id-data, huwa kien qiegħed itemm il‑preżenza tiegħu fit‑territorju tas-Saħara tal-Punent u li minn dak il‑mument kien qiegħed iqis ruħu ħieles minn kull responsabbiltà ta’ natura internazzjonali relatata mal‑amministrazzjoni ta’ dan it-territorju. Il-lista tat-territorji mhux awtonomi msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq tirreferi, f’dak li jirrigwarda s‑Saħara tal-Punent, għal din id-dikjarazzjoni li hija riprodotta f’nota ta’ qiegħ il-paġna.

14      Sadanittant, żviluppa kunflitt armat bejn ir-Renju tal-Marokk, ir‑Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja u l-Front Polisario f’dan ir-reġjun. Parti mill‑popolazzjoni tas-Saħara tal-Punent ħarbet minn dan il-kunflitt u sabet kenn fil-kampijiet fit-territorju Alġerin, qrib il-fruntiera mas‑Saħara tal-Punent.

15      Fl-14 ta’ April 1976, ir-Renju tal-Marokk ikkonkluda mar‑Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja trattat dwar it-tqassim tat‑territorju tas-Saħara tal-Punent, u għamel annessjoni tal-parti minn dan it-territorju li kienet allokata lilu permezz ta’ dan it‑trattat. Fl-10 ta’ Awwissu 1979, ir-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja kkonkludiet ftehim ta’ paċi mal-Front Polisario, li permezz tiegħu hija rrinunzjat għal kull pretensjoni territorjali fis‑Saħara tal-Punent. Ir‑Renju tal-Marokk assuma l-kontroll tat‑territorju evakwat mill-forzi tal-Mawritanja u pproċeda bl-annessjoni tiegħu.

16      Fil-21 ta’ Novembru 1979, l-Assemblea Ġenerali tal-ONU adottat ir‑Riżoluzzjoni 34/37 dwar il-kwistjoni tas-Saħara tal-Punent, li fiha “[r]eġgħet affermat id-dritt inaljenabbli tal-poplu tas-Saħara tal-Punent għall‑awtodeterminazzjoni u għall-indipendenza, b’mod konformi mal‑Karta tal‑[ONU] […] u mal-għanijiet tar-Riżoluzzjoni 1514 (XV) [tagħha]”, hija “ddeplora[t] bil-qawwa l-aggravazzjoni tas-sitwazzjoni li kienet tirriżulta mill‑persistenza tal-okkupazzjoni tas-Saħara tal-Punent mill‑Marokk”, u “talbet immedjatament lill-Marokk biex jinvolvi ruħu hu wkoll fid-dinamika tal-paċi u jtemm l-okkupazzjoni tat-territorju tas‑Saħara tal-Punent” u “rrakkomandat għal dan l-għan li l-[Front Polisario], rappreżentant tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, jipparteċipa bis-sħiħ f’kull tiftixa ta’ soluzzjoni politika ġusta, dejjiema u definittiva tal-kwistjoni tas-Saħara tal-Punent, skont ir-riżoluzzjonijiet u d‑dikjarazzjonijiet tal-[ONU]”. Din ir‑riżoluzzjoni ġiet segwita bir‑Riżoluzzjoni 35/19, tal-11 ta’ Novembru 1980, li fil-punt 10 tagħha l‑Assemblea Ġenerali “[talbet] b’urġenza lill-Marokk u lill-[Front Polisario], rappreżentant tal-poplu tas‑Saħara tal-Punent, jibdew negozjati diretti sabiex il‑kwistjoni tas‑Saħara tal-Punent tiġi rregolata b’mod definittiv”.

17      Il-kunflitt bejn ir-Renju tal-Marokk u l-Front Polisario baqa’ għaddej sakemm, fit‑30 ta’ Awwissu 1988, il-partijiet aċċettaw, fil‑prinċipju, proposti ta’ regolament li ħarġu b’mod partikolari mis‑Segretarju Ġenerali tal-ONU u li jipprevedu b’mod partikolari t‑tħabbir ta’ waqfien mill-ġlied kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ referendum għall‑awtodeterminazzjoni taħt il-kontroll tal‑ONU.

18      Fis-27 ta’ Ġunju 1990, il-Kunsill tas-Sigurtà tal-ONU adotta r‑Riżoluzzjoni 658 (1990), li fiha “[approva] r-rapport tas-[S]egretarju Ġenerali [tal-ONU] li fih […] il-proposti ta’ regolament [imsemmija fil‑punt 17 iktar ’il fuq] kif ukoll pjan [ta’ implimentazzjoni tagħhom]” u “[talab] liż-żewġ partijiet jikkooperaw b’mod sħiħ mas-[S]egretarju Ġenerali [tal-ONU] u mal‑[P]resident tal-Konferenza tal-Kapijiet tal-Istati u tal-Gvern tal‑Organizzazzjoni tal-Għaqda Afrikana fil-qafas tal-isforzi li dawn kienu qegħdin jagħmlu sabiex ikun hemm soluzzjoni rapida tal-kwistjoni tas‑Saħara tal-Punent”. Fid-29 ta’ April 1991, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r‑Riżoluzzjoni 690 (1991) li biha stabbilixxa l-missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-organizzazzjoni ta’ referendum fis-Saħara tal-Punent (Minurso).

19      Fis-6 ta’ Diċembru 1995, l-Assemblea Ġenerali tal-ONU adottat ir‑Riżoluzzjoni 50/33, intitolata “Attivitajiet ta’ interessi barranin, ekonomiċi u oħrajn, li jostakolaw l-applikazzjoni tad-Dikjarazzjoni dwar l-għoti tal‑indipendenza lill-pajjiżi u lill-popli kolonjali fit-territorji li jinsabu taħt dominju kolonjali”, li fiha, b’mod partikolari, “[r]eġgħet affermat id-dritt inaljenabbli tal-popli tat-territorji kolonjali jew mhux awtonomi għall‑awtodeterminazzjoni, għall-indipendenza u għat‑tgawdija tar-riżorsi naturali tat-territorji tagħhom, kif ukoll id-dritt tagħhom li jiddisponu minn dawn ir-riżorsi fl-aħjar interessi tagħhom”, “[affermat] il-valur tal-investimenti ekonomiċi barranin magħmula b’kollaborazzjoni mal-popolazzjonijiet tat-territorji mhux awtonomi u skont ix-xewqat tagħhom sabiex jingħata kontribut validu għall‑iżvilupp soċjo-ekonomiku tat-territorji”, “[iddikjarat] mill-ġdid li l‑isfruttament negattiv u s-serq ta’ riżorsi marittimi u ta’ riżorsi naturali oħra tat‑territorji kolonjali jew mhux awtonomi minn interessi ekonomiċi barranin, bi ksur tar-riżoluzzjoni rilevanti tal-[ONU], [kienu jikkompromettu] l-integrità u l‑prosperità ta’ dawn it-territorji” u “[stiednet] lill-gvernijiet kollha u lill-organi kollha tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex jiżguraw li s-sovranità permanenti tal‑popolazzjonijiet tat‑territorji kolonjali u mhux awtonomi fuq ir-riżorsi naturali tagħhom tkun osservata u salvagwardata kompletament”.

20      Sal-lum, minkejja skambji u konsultazzjonijiet organizzati taħt l-awspiċi tal-ONU, il-partijiet għadhom ma waslux għal soluzzjoni dwar is‑sitwazzjoni tas-Saħara tal‑Punent. Ir-Renju tal-Marokk jikkontrolla l‑parti l-kbira tat-territorju tas-Saħara tal-Punent, filwaqt li l-Front Polisario jikkontrolla l-parti l-oħra, peress li dawn iż‑żewġ żoni huma sseparati minn ħajt tar-ramel mibni u ssorveljat mill-armata Marokkina. Numru sinjifikattiv ta’ refuġjati oriġinarji minn dan it-territorju għadhom jgħixu f’kampijiet amministrati mill-Front Polisario, fit-territorju Alġerin.

B.      Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-Ftehim dwar is-Sajd tal-2006

1.      Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

21      Il-Ftehim Ewro‑Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il‑Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, iffirmat fi Brussell fis-26 ta’ Frar 1996, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2000 (ĠU 2000, L 70, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”).

22      L-Artikolu 1(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jistipula:

“Hija stabbilita assoċjazzjoni bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Marokk, min-naħa l-oħra” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

23      L-Artikolu 94 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jistipula:

“Dan il-Ftehim għandu japplika, minn naħa, għat-territorji fejn jiġu applikati t‑Trattati li jistabbilixxu l-Komunità Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u skont il-kundizzjonijiet li huma stabbiliti fl-imsemmija trattati u, min‑naħa l-oħra, għat-territorju tar-Renju tal‑Marokk” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

24      Fil-qafas tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u skont l-Artikolu 16 tiegħu, l‑Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk iffirmaw, fit-13 ta’ Diċembru 2010, fi Brussell (il‑Belġju), il-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r‑Renju tal-Marokk li jittratta miżuri reċiproċi ta’ liberalizzazzjoni fuq il-prodotti agrikoli, il-prodotti agrikoli pproċessati, il-ħut u l-prodotti tas-sajd, is-sostituzzjoni tal-Protokolli Nri 1, 2 u 3 u tal-annessi tagħhom u l-emendi għall-Ftehim Ewro‑Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l‑Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (ĠU 2012, L 241, p. 4, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni”). Fit-8 ta’ Marzu 2012, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta d-Deċiżjoni 2012/497/UE dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni (ĠU 2012, L 241, p. 2).

2.      IlFtehim dwar is-Sajd tal-2006

25      Fit-22 ta’ Mejju 2006, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 764/2006 dwar il‑konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk (ĠU 2006, L 294M, p. 131). L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprevedi: “Il‑Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fis-settur tas-sajd bejn il‑Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk huwa approvat f’isem il-Komunità.”

26      Kif jirriżulta mill-preambolu tiegħu u mill-Artikoli 1 u 3 tiegħu, il‑Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk (iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar is-Sajd tal‑2006”) kellu l-għan li jintensifika r‑relazzjonijiet ta’ kooperazzjoni bejn il-Komunità u r-Renju tal-Marokk, b’mod partikolari fil-qafas tal‑Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, billi jistabbilixxi, fis-settur tas‑sajd, sħubija intiża sabiex tippromwovi sajd responsabbli fiż-żoni tas-sajd Marokkini u jimplimenta b’mod effikaċi l-politika tas-sajd Marokkina. B’dan il‑mod, dan il-Ftehim stabbilixxa, b’mod partikolari, regoli relatati mal‑kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja, teknika u xjentifika bejn il‑partijiet, mal-kundizzjonijiet ta’ aċċess tal-bastimenti li jtajru l‑bandiera tal-Istati Membri għaż-żoni tas-sajd Marokkini u l-metodi ta’ kontroll tal-attivitajiet tas-sajd f’dawn iż-żoni.

27      L-Artikolu 11 tal-Ftehim dwar is-Sajd tal-2006 jistipula li dan għandu japplika, f’dak li jirrigwarda r-Renju tal-Marokk, għat-“territorju tal‑Marokk u fl-ibħra taħt il-ġurisdizzjoni tal-Marokk”. Barra minn hekk, l-Artikolu 2(a) ta’ dan il-Ftehim jispjega li l-kunċett ta’ “żoni tas-sajd Marokkini” għandu jfisser, għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, tal-Protokoll tiegħu u tal-anness tiegħu, bħala li jirreferi għal “l‑ibħra rilevanti taħt is‑sovranità jew il-ġurisdizzjoni tar-Renju tal-Marokk”.

28      Skont l-Artikolu 17 tiegħu, il-Ftehim dwar is-Sajd tal-2006 daħal fis-seħħ fit-28 ta’ Frar 2007 (ĠU 2008, L 4M, p. 216).

29      Il-Protokoll li inizjalment kien jakkumpanja l-Ftehim dwar is-Sajd tal‑2006 ġie ssostitwit bi protokoll ieħor li, min-naħa tiegħu, ġie ssostitwit, fl-2013, bi protokoll ġdid, iffirmat fi Brussell fit-18 ta’ Novembru 2013, li ġie approvat, f’isem l-Unjoni, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/785/UE tas-16 ta’ Diċembru 2013 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fis-settur tas-sajd bejn l‑Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk (ĠU 2013, L 349, p. 1), u li daħal fis-seħħ fil-15 ta’ Lulju 2014 (ĠU 2014, L 228, p. 1, iktar ’il quddiem il‑“Protokoll tal-2013”).

30      Skont l-Artikolu 1 tal-Protokoll tal-2013, huwa “jikkontribwixxi għall‑ilħuq tal‑objettivi ġenerali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u jimmira li jiżgura l‑vijabbiltà tar-riżorsi tas-sajd mill-aspetti ekoloġiċi, ekonomiċi u soċjali”.

C.      Il-kawżi marbuta mal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

1.      Il-Kawżi T512/12 u C104/16 P

31      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Novembru 2012 u rreġistrat bin-numru T‑512/12, ir-rikorrent, il-Front Polisario, ippreżenta rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni 2012/497 (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kunsill vs Front Polisario, C‑104/16 P, EU:C:2016:973, punt 38, iktar ’il quddiem is-“sentenza Il‑Kunsill vs Front Polisario”).

32      Insostenn tar-rikors tiegħu f’dik il-kawża, ir-rikorrent kien allega, b’mod partikolari, numru ta’ ksur, mill-Kunsill, tal-obbligi tiegħu fir-rigward tad-dritt internazzjonali, minħabba li kien approva, permezz tad‑Deċiżjoni 2012/497, l‑applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni fit-territorju tas-Saħara tal-Punent (sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, punt 44).

33      Permezz tas-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2015, Front Polisario vs Il‑Kunsill (T‑512/12, EU:T:2015:953), il-Qorti Ġenerali annullat id‑Deċiżjoni 2012/497 inkwantu kienet approvat l-applikazzjoni tal‑Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni fis‑Saħara tal-Punent, minħabba li l‑Kunsill kien naqas mill-obbligu tiegħu li jeżamina, qabel l-adozzjoni tad‑Deċiżjoni 2012/497, l-elementi kollha tal-każ inkwistjoni, billi ma vverifikax jekk il-kummerċ ta’ prodotti li joriġinaw minn dan it-territorju esportati lejn l-Unjoni Ewropea kienx isir għad-detriment tal‑popolazzjoni ta’ dan it-territorju u kienx jinvolvi ksur tad-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati (sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, punti 47 u 48).

34      Fid-19 ta’ Frar 2016, il-Kunsill appella mis-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2015, Front Polisario vs Il-Kunsill (T‑512/12, EU:T:2015:953).

35      Permezz tas-sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, li ddeċidiet dwar l‑appell tal‑Kunsill, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2015, Front Polisario vs Il-Kunsill (T‑512/12, EU:T:2015:953), u ddikjarat ir-rikors tar‑rikorrent quddiem il-Qorti Ġenerali bħala inammissibbli.

36      F’dan ir-rigward, minn naħa waħda, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet it-tieni aggravju tal-appell, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-analiżi tal‑locus standi tar-rikorrent u, b’mod iktar partikolari, l-ilment bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali kienet ikkunsidrat, b’mod żbaljat, li l-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni kien japplika għas-Saħara tal‑Punent (sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, punt 126).

37      Fil-fatt, fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, skont il‑prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni, applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l‑Unjoni u r-Renju tal‑Marokk, is-Saħara tal-Punent, territorju mhux awtonomu fis-sens tal‑Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, għandu status separat u distint meta mqabbel ma’ dak ta’ kwalunkwe Stat ieħor, inkluż dak tar-Renju tal‑Marokk. B’hekk, il-Qorti tal‑Ġustizzja kkonkludiet li l-kliem “territorju tar‑Renju tal-Marokk” li jinsab fl‑Artikolu 94 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ma setax jiġi interpretat b’tali mod li s-Saħara tal-Punent jiġi inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dan il-ftehim (sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, punti 86 sa 93).

38      Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll li għandha tiġi kkunsidrata wkoll ir-regola konswetudinarja kkodifikata fl-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati tat‑23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan‑Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna”), li tipprevedi li, sakemm ma tirriżultax intenzjoni differenti minn trattat jew ma jkunx stabbilit mod ieħor, dan it-trattat jorbot lil kull parti kontraenti tiegħu fir-rigward tat‑territorju kollu tiegħu. Hija kkonkludiet li din ir-regola konswetudinarja kienet tipprekludi wkoll li s-Saħara tal-Punent jkun ikkunsidrat bħala li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Madankollu, hija kkonstatat li minn din ir-regola konswetudinarja jirriżulta wkoll li trattat jista’, bħala deroga, jorbot Stat fir-rigward ta’ territorju ieħor jekk tali intenzjoni tirriżulta minn dan it‑trattat jew jekk din tkun stabbilita mod ieħor (sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, punti 94 sa 98).

39      Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-prinċipju tad-dritt internazzjonali ġenerali tal-effett relattiv tat-trattati għandu wkoll jiġi kkunsidrat, peress li, bħala “terz” għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, fis-sens ta’ dan il-prinċipju, il-poplu tas-Saħara tal-Punent seta’ jkun affettwat bl‑implimentazzjoni ta’ dan il‑ftehim f’każ ta’ inklużjoni tat-territorju tas-Saħara tal-Punent fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u kellu jagħti l‑kunsens tiegħu għal tali implimentazzjoni. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe prova ta’ tali kunsens, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-fatt li t‑territorju tas-Saħara tal-Punent jiġi kkunsidrat li jaqa’ fil‑kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni kien kuntrarju għall‑prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati (sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, punti 100 sa 107).

40      Fir-raba’ lok, filwaqt li kkonstatat li l-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala trattat suġġett għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeduċiet li l-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni ma setax jinftiehem bħala li japplika għat-territorju tas‑Saħara tal-Punent, b’tali mod li ma kienx neċessarju li tiġi inkluża klawżola li teskludi din l-applikazzjoni. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il‑prattika tal-Kunsill u tal-Kummissjoni Ewropea wara l-konklużjoni tal‑Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ma setgħetx tikkontesta din l-analiżi, peress li dan kien ifisser li għandu jiġi kkunsidrat li l-Unjoni kellha l-intenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni b’mod inkompatibbli mal-prinċipji ta’ awtodeterminazzjoni u tal-effett relattiv tat-trattati u għalhekk b’mod irrikonċiljabbli mal-prinċipju ta’ eżekuzzjoni tat-trattati in bona fide (sentenza Il‑Kunsill vs Front Polisario, punti 110 sa 125).

41      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod definittiv fuq it‑tilwima. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, peress li l-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni għandu jiġi interpretat, b’mod konformi mar-regoli rilevanti tad‑dritt internazzjonali applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Renju tal‑Marokk, fis-sens li ma kienx japplika għat‑territorju tas-Saħara tal-Punent, ir‑rikorrent għandu jiġi kkunsidrat, fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-argumenti li invoka, bħala li ma għandux locus standi għall-annullament tad‑Deċiżjoni 2012/497, mingħajr il‑bżonn li jiġu eżaminati l-eċċezzjonijiet l-oħra ta’ inammissibbiltà tal‑Kunsill u tal-Kummissjoni (sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, punti 128 sa 134).

2.      Il-Kawża C266/16

42      Permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ April 2016, il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) (il‑Qorti Għolja tal‑Ġustizzja (l-Ingilterra u Wales), Diviżjoni tal‑Queen’s Bench (il-Qorti Amministrattiva), ir-Renju Unit) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi preliminari li jirrigwardaw il-validità tal‑Ftehim dwar is-Sajd tal-2006, kif approvat u implimentat bir‑Regolament Nru 764/2006, bid-Deċiżjoni 2013/785 u bir‑Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1270/2013 tal-15 ta’ Novembru 2013 dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd taħt il‑Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fis-settur tas-sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal‑Marokk (ĠU 2013, L 328, p. 40) (sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign UK, C‑266/16, EU:C:2018:118, punt 1, iktar ’il quddiem is-“sentenza Western Sahara Campaign UK”).

43      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju staqsiet, essenzjalment, jekk il-fatt li l-isfruttament ta’ riżorsi li joriġinaw mill‑ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent kien permess bil-Ftehim dwar is-Sajd tal-2006 u l-Protokoll tal-2013 kienx jagħmel invalidi r-Regolament Nru 764/2006, id-Deċiżjoni 2013/785 u r‑Regolament Nru 1270/2013 fid-dawl tal-Artikolu 3(5) TUE. Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, dik il-qorti tar-rinviju staqsiet, essenzjalment, jekk parti f’kawża li għandha locus standi taħt id-dritt nazzjonali, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, setgħetx tikkontesta l‑validità ta’ atti ta’ konklużjoni u ta’ implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u ta’ dan il-Protokoll, abbażi ta’ allegat ksur tad-dritt internazzjonali min‑naħa tal-Unjoni Ewropea (sentenza Western Sahara Campaign UK, punti 41, 54 u 86).

44      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, fil-punt 59 tas-sentenza Western Sahara Campaign UK, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li mill-ewwel paragrafu tal‑preambolu tal‑Ftehim dwar is-Sajd tal-2006 jirriżulta li dan jikkonkretizza x-xewqa komuni tal-Unjoni u tar-Renju tal-Marokk li jsaħħu r-relazzjonijiet ta’ kooperazzjoni mill‑qrib stabbiliti bejniethom, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u li, għal dan il-għan, il-Ftehim dwar is-Sajd tal-2006 jifforma parti minn qafas konvenzjonali fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Fid-dawl tal‑eżistenza ta’ dan il-qafas konvenzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li hemm lok li l-kunċett ta’ “territorju tal-Marokk”, li jinsab fl-Artikolu 11 tal‑Ftehim ta’ Sħubija, jiġi interpretat bl-istess mod bħall‑kunċett ta’ “territorju tar‑Renju tal-Marokk”, li jinsab fl-Artikolu 94 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (sentenza Western Sahara Campaign UK, punt 61).

45      Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, kif irrilevat fis-sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, il-kunċett ta’ “territorju tar-Renju tal-Marokk” għandu jinftiehem li jirreferi għall-ispazju ġeografiku li fuqu r-Renju tal-Marokk jeżerċita l‑ġurisdizzjoni sħiħa tiegħu rrikonoxxuta lill-entitajiet sovrani mid‑dritt internazzjonali, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe territorju ieħor, bħal dak tas-Saħara tal-Punent, u li l-inklużjoni ta’ dan tal-aħħar fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni tikser il-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u l-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati, applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Renju tal‑Marokk. Minn dan hija kkonkludiet li t-territorju tas-Saħara tal-Punent ma jaqax fil‑kunċett ta’ “territorju tal-Marokk”, fis-sens tal-Artikolu 11 tal-Ftehim dwar is-Sajd tal-2006 (sentenza Western Sahara Campaign UK, punti 62 sa 64).

46      Fit-tieni lok, sabiex tinterpreta l-espressjoni “ibħra rilevanti [li jaqgħu] taħt is‑sovranità jew il-ġurisdizzjoni tar-Renju tal-Marokk”, il-Qorti tal‑Ġustizzja mill‑Artikolu 2(1) u mill-Artikoli 55 u 56 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar, konkluża f’Montego Bay fl-10 ta’ Diċembru 1982 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar id-Dritt tal-Baħar”), jirriżulta li l-ibħra li fuqhom l-Istat kostali għandu sovranità jew ġurisdizzjoni huma limitati għall‑ibħra li jmissu mat-territorju tiegħu u li jaqgħu fil-baħar territorjali tiegħu jew fiż-żona ekonomika esklużiva (ŻEE). Konsegwentement, u fid-dawl tal-fatt li t-territorju tas-Saħara tal‑Punent ma jifformax parti mit-territorju tar-Renju tal‑Marokk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-ibħra li jmissu mat-territorju tas‑Saħara tal‑Punent ma jaqgħux fiż-żona ta’ sajd Marokkina msemmija fl‑Artikolu 2(a) tal-Ftehim dwar is-Sajd tal-2006 (sentenza Western Sahara Campaign UK, punti 65 sa 69).

47      Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li jkun kuntrarju għall‑prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u tal-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati li jiġu inklużi, bħala “ibħra rilevanti [li jaqgħu] taħt is-sovranità […] tar-Renju tal‑Marokk” imsemmija fl-Artikolu 2(a) tal-Ftehim dwar is-Sajd tal-2006, l-ilmijiet li jmissu direttament mal-kosta tat-territorju tas-Saħara tal-Punent fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim (sentenza Western Sahara Campaign UK, punt 71).

48      Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-espressjoni “ibħra rilevanti [li jaqgħu] taħt is‑sovranità […] tar-Renju tal-Marokk” li tinsab fl-Artikolu 2(a) tal‑Ftehim dwar is-Sajd tal-2006, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l‑Kunsill u l-Kummissjoni pprevedew, b’mod partikolari, li r-Renju tal‑Marokk ikun jista’ jiġi kkunsidrat bħala “awtorità amministrattiva de facto” jew awtorità okkupanti tat-territorju tas‑Saħara tal-Punent u li tali klassifikazzjoni tista’ tkun rilevanti sabiex jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim dwar is-Sajd tal-2006. Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li, anki mingħajr il-ħtieġa li jiġi eżaminat jekk intenzjoni komuni possibbli tal-partijiet tal-Ftehim dwar is-Sajd tal-2006 li din l-espressjoni tingħata sens partikolari, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni tali ċirkustanzi, kinitx konformi mar-regoli ta’ dritt internazzjonali li jorbtu lill-Unjoni, tali intenzjoni komuni ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiġi kkonstatata f’dan il-każ peress li r-Renju tal-Marokk kien kategorikament eskluda li huwa awtorità okkupanti jew awtorità amministrattiva tat‑territorju tas-Saħara tal-Punent (sentenza Western Sahara Campaign UK, punt 72).

49      Fil-ħames lok, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal‑Protokoll tal‑2013, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-espressjoni “żoni tas-sajd Marokkini” kienet użata kemm fil-Ftehim dwar is-Sajd tal‑2006 kif ukoll fil‑Protokoll tal-2013, u kienet tistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tagħhom. Hija kkunsidrat li din l-espressjoni għandha tinftiehem li tirreferi għall‑ilmijiet li jaqgħu taħt is-sovranità jew taħt il-ġurisdizzjoni tar-Renju tal‑Marokk u li, konsegwentement, ma tinkludix l-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent (sentenza Western Sahara Campaign UK, punti 75 sa 79).

50      Fis-sitt lok, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-komunikazzjoni tal‑koordinati ġeografiċi tal-linji ta’ bażi u taż-żoni tas-sajd tar-Renju tal‑Marokk, imsemmija mid-dispożizzjonijiet tal-Protokoll tal-2013, twettqet biss fis-16 ta’ Lulju 2014. Peress li l-Protokoll tal-2013 daħal fis-seħħ fil-15 ta’ Lulju 2014, minn dan hija kkonkludiet li dawn il-koordinati ġeografiċi ma kinux jiffurmaw parti mit-test tiegħu, kif miftiehem bejn il-partijiet. Fi kwalunkwe każ, skont il-Qorti tal‑Ġustizzja, anki jekk l‑imsemmija koordinati ġeografiċi kienu ġew ikkomunikati qabel id-dħul fis-seħħ tal-Protokoll tal-2013, dawn ma setgħu bl‑ebda mod iqajmu dubju dwar l-interpretazzjoni tal-espressjoni “żoni tas-sajd Marokkini” li hija użat fil-punt 79 tas-sentenza tagħha jew jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-protokoll b’mod li jinkludi fih l-ibħra li jmissu mat‑territorju tas-Saħara tal-Punent (sentenza Western Sahara Campaign UK, punti 80 sa 82).

51      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet għall-ewwel domanda preliminari fis-sens li, peress li la l-Ftehim dwar is-Sajd tal‑2006, u lanqas il‑Protokoll tal-2013 ma kienu applikabbli għall-ibħra li jmissu mat-territorju tas‑Saħara tal-Punent, l-eżami tiegħu ma żvela ebda element ta’ natura tali li jaffettwa l-validità tal-atti ta’ konklużjoni ta’ dawn il-ftehim fid-dawl tal‑Artikolu 3(5) TUE. Fid-dawl ta’ din ir‑risposta għall-ewwel domanda, hija kkunsidrat li ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari (sentenza Western Sahara Campaign UK, punti 85 u 87).

3.      Id-digrieti fil-Kawżi T180/14, T275/18, T376/18

52      Permezz tad-digrieti tad-19 ta’ Lulju 2018, Front Polisario vs Il-Kunsill (T‑180/14, mhux ippubblikat, EU:T:2018:496), tat-30 ta’ Novembru 2018, Front Polisario vs Il-Kunsill (T‑275/18, mhux ippubblikat, EU:T:2018:869), u tat-8 ta’ Frar 2019, Front Polisario vs Il‑Kunsill (T‑376/18, mhux ippubblikat, EU:T:2019:77), il-Qorti Ġenerali ddikjarat inammissibbli r-rikorsi tar-rikorrent kontra atti tal‑Kunsill relatati mal-konklużjoni jew mal-emendi ta’ ftehim internazzjonali differenti bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk.

53      B’mod partikolari, fl-ewwel żewġ digrieti ċċitati fil-punt 52 iktar ’il fuq, il‑Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq is-sentenzi Il-Kunsill vs Front Polisario u Western Sahara Campaign UK sabiex tikkonstata n-nuqqas ta’ locus standi tar-rikorrent, minħabba li l-ftehim ikkontestati ma kinux applikabbli għas-Saħara tal-Punent jew għall-ibħra li jmissu magħha (digrieti tad-19 ta’ Lulju 2018, Front Polisario vs Il‑Kunsill, T‑180/14, mhux ippubblikat, EU:T:2018:496, punti 69 sa 71, u tat-30 ta’ Novembru 2018, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑275/18, mhux ippubblikat, EU:T:2018:869, punti 41 u 42).

54      Fit-tielet digriet iċċitat fil-punt 52 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, skont l-Artikolu 218(3) u (4) TFUE, id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2018 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mar-Renju tal-Marokk għall‑emenda tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il‑Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk u l‑konklużjoni ta’ Protokoll li jimplimenta l-imsemmi ftehim kienet intiża biss sabiex tinnomina n‑negozjatur jew il-kap tal-grupp tan-negozjati tal-Unjoni u tagħtihom direzzjonijiet. Din kienet għalhekk att li jipproduċi effetti ġuridiċi biss fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha kif ukoll bejn l‑istituzzjonijiet tal-Unjoni. Minn dan, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li din id‑deċiżjoni ma kinitx tipproduċi effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrent u li dan għalhekk ma setax jiġi kkunsidrat bħala direttament ikkonċernat minn din id‑deċiżjoni (digriet tat-8 ta’ Frar 2019, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑376/18, mhux ippubblikat, EU:T:2019:77, punti 28 u 29).

D.      Id-deċiżjoni kkontestata u l-ftehim ikkontestat

55      Wara s-sentenza Western Sahara Campaign UK, il-Kunsill, permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ April 2018, awtorizza lill-Kummissjoni tibda negozjati mar-Renju tal‑Marokk, sabiex jiġi emendat il-Ftehim dwar is‑Sajd tal-2006 u, b’mod partikolari, sabiex jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim l-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent.

56      Fl-24 ta’ Lulju 2018, fi tmiem dawn in-negozjati, ġew inizjalati Ftehim ta’ sħubija ġdid fis-settur tas-sajd sostenibbli bejn l-Unjoni u r-Renju tal‑Marokk, Protokoll ġdid ta’ implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim, inkluż l-anness u l-appendiċi ta’ dan il-Protokoll, u l-iskambju ta’ ittri li jakkumpanja l-ftehim inkwistjoni.

57      Fl-14 ta’ Jannar 2019, fi Brussell, l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk iffirmaw il‑Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk (iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar is‑Sajd”), il-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu (iktar ’il quddiem il‑“Protokoll ta’ Implimentazzjoni”) u l-iskambju ta’ ittri li jakkumpanja l-Ftehim (iktar ’il quddiem l-“iskambju ta’ ittri”) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“ftehim ikkontestat”).

58      Fl-4 ta’ Marzu 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2019/441, dwar il‑konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l‑Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk, tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu u tal‑iskambju ta’ ittri li jakkumpanja l-Ftehim (ĠU 2019, L 77, p. 4, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). L‑ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ din id‑deċiżjoni jipprevedi: “Il‑Ftehim [dwar is-Sajd], il-Protokoll ta’ Implimentazzjoni […] u l‑iskambju ta’ ittri […] huma b’dan approvati f’isem l‑Unjoni.”

59      Skont l-Artikolu 17 tal-Ftehim dwar is-Sajd, dan il-ftehim, il-Protokoll ta’ Implimentazzjoni u l-iskambju ta’ ittri daħlu fis-seħħ fit-18 ta’ Lulju 2019 (ĠU 2019, L 195, p. 1).

60      Fil-premessi 3 sa 5 u 7 sa 12 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill jindika:

“(3)      Fis-sentenza tagħha fil-kawża C‑266/16 b’risposta għal talba għal deċiżjoni preliminari dwar il-validità u l-interpretazzjoni tal-Ftehim u tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu, il-Qorti ddeċidiet li la l-Ftehim u lanqas il‑Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu ma japplikaw għall-ilmijiet li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal‑Punent.

(4)      L-Unjoni ma tippreġudikax l-eżitu tal-proċess politiku dwar l‑istatus finali tas-Saħara tal-Punent li qed iseħħ taħt l-awspiċji tan‑Nazzjonijiet Uniti, u hija rriaffermat b’mod kostanti l-impenn tagħha għal soluzzjoni tat-tilwim fis-Saħara tal-Punent, li bħalissa huwa elenkat min-Nazzjonijiet Uniti bħala territorju mhux awtonomu u li huwa amministrat prinċipalment mir-Renju tal‑Marokk. Hija tappoġġa bis-sħiħ l-isforzi tas-Segretarju Ġenerali tan‑Nazzjonijiet Uniti u tal-mibgħut personali tiegħu biex jgħin lill‑partijiet jaslu għal soluzzjoni politika ġusta, dejjiema u aċċettabbli b’mod reċiproku, li tippermetti l-awtodeterminazzjoni tal-poplu tas-Saħara tal-Punent bħala parti mill-arranġamenti konformi mal-finijiet u l-prinċipji stabbiliti fil‑[k]arta tan‑Nazzjonijiet Uniti u kif stabbilit fir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti […].

(5)      Jenħtieġ li jkun possibbli li l-flotot tal-Unjoni jkomplu bl-attivitajiet tas-sajd li ilhom iwettqu mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, u jenħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim jiġi ddefinit b’mod li jinkludi l‑ilmijiet li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent. Barra minn hekk, il-kontinwazzjoni tas‑sħubija dwar is-sajd hija essenzjali sabiex dak it-territorju jkun jista’ jkompli jgawdi mill-appoġġ settorjali pprovdut taħt il-Ftehim, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u dak internazzjonali, inkluż id-drittijiet tal-bniedem, u għall‑benefiċċju tal-popolazzjoni kkonċernata.

[…]

(7)      L-objettiv tal-Ftehim dwar is-Sajd huwa li jippermetti lill-Unjoni u lir-Renju tal-Marokk jaħdmu flimkien aktar mill-qrib rigward il‑promozzjoni ta’ politika tas-sajd sostenibbli u l-isfruttament responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd definita fil-Ftehim dwar is-Sajd u li jiġu appoġġati l-isforzi tar-Renju tal-Marokk biex jiżviluppa s-settur tas-sajd u l-ekonomija blu. B’dan il-mod il‑Ftehim jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(8)      Il-Kummissjoni vvalutat l-impatt potenzjali tal-Ftehim dwar is-Sajd fuq l‑iżvilupp sostenibbli, b’mod partikolari fir-rigward tal‑benefiċċji għall‑popolazzjoni kkonċernata u l-isfruttament tar‑riżorsi naturali tat‑territorji kkonċernati.

(9)      Konformement ma’ dik l-evalwazzjoni, jidher li l-Ftehim dwar is‑Sajd ikun ta’ benefiċċju kbir għall-popolazzjoni kkonċernata minħabba l-impatt soċjoekonomiku pożittiv għal dik il‑popolazzjoni, b’mod partikolari f’termini ta’ impjiegi u ta’ investiment, u f’termini tal-impatt tiegħu fuq l‑iżvilupp tas-settur tas-sajd u s-settur tal-ipproċessar tal-ħut.

(10)      Bl-istess mod, jidher li l-Ftehim dwar is-Sajd jirrappreżenta l-aqwa garanzija għall-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi naturali tal‑ilmijiet li jmissu mas‑Saħara tal-Punent, peress li l-attivitajiet tas-sajd jikkonformaw mal‑aqwa parir u rakkomandazzjonijiet xjentifiċi f’dan il-qasam u huma soġġetti għal miżuri xierqa ta’ monitoraġġ u ta’ kontroll.

(11)      Fid-dawl tal-konsiderazzjonijiet ifformulati fis-Sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja, il-Kummissjoni, flimkien mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, ħadet il-miżuri raġonevoli u possibbli kollha fil-kuntest attwali biex il-popolazzjoni kkonċernata tiġi involuta b’mod xieraq sabiex jiġi determinat il-kunsens tagħhom. Saru konsultazzjonijiet estensivi fis-Saħara tal-Punent u fir-Renju tal‑Marokk, u l-atturi soċjoekonomiċi u politiċi li ħadu sehem fil‑konsultazzjonijiet kienu b’mod ċar favur il-konklużjoni tal‑Ftehim dwar is-Sajd. Madankollu, il-Front Polisario u xi partijiet oħra ma aċċettawx li jieħdu sehem fil-proċess ta’ konsultazzjoni.

(12)      Dawk li ma aċċettawx li jieħdu sehem fil-proċess ma aċċettawx l‑applikazzjoni tal-Ftehim dwar is-Sajd u l-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu għall-ilmijiet li jmissu mas-Saħara tal‑Punent, għaliex ħassew essenzjalment li dawk l-atti jikkonfermaw il-pożizzjoni tal-Marokk fir‑rigward tat-territorju tas-Saħara tal-Punent. Madankollu, mhemm xejn fit-termini tal‑Ftehim dwar is-Sajd jew tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu li jimplika rikonoxximent tas-sovranità jew tad-drittijiet sovrani tar‑Renju tal-Marokk fuq is-Saħara tal-Punent u l-ilmijiet li jmissu magħha. L-Unjoni ser tkompli wkoll tintensifika l-isforzi tagħha b’appoġġ għall‑proċess, mibdi u mmexxi taħt l-awspiċji tan‑Nazzjonijiet Uniti, ta’ riżoluzzjoni paċifika tat-tilwim.”

61      Skont l-Artikolu 1(h) tal-Ftehim dwar is-Sajd, għall-finijiet ta’ dan il‑ftehim, “żona tas-sajd” għandha tfisser “l-ilmijiet tal-Atlantiku Ċentrali tal-Lvant li jinsabu bejn il-paralleli 35°47’18’’ fit-Tramuntana u 20°46’13’’ fit-Tramuntana, inkluż l-ilmijiet tal-madwar [fi]s-Saħara tal‑Punent li jkopru ż-żoni kollha ta’ ġestjoni”. Huwa wkoll spjegat li “din id‑definizzjoni ma għandhiex taffettwa n‑negozjati possibbli dwar id‑demarkazzjoni taż-żoni marittimi tal-Istati kostali li jikkonfinaw maż‑żona tas-sajd u, b’mod ġenerali, id-drittijiet ta’ Stati terzi”.

62      L-Artikolu 6(1) tal-Ftehim dwar is-Sajd jistipula: “Biex jiġi ġġarantit qafas regolatorju għas-sajd sostenibbli, il-bastimenti tal-Unjoni li joperaw fiż-żona tas‑sajd għandhom jikkonformaw mal-liġijiet u mar‑regolamenti tal-Marokk li jirregolaw l-attivitajiet tas-sajd f’dik iż-żona, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor f’dan il-Ftehim […].”

63      L-Artikolu 12(1) sa (4) tal-Ftehim dwar is-Sajd jistipula:

“1.      Il-kontribuzzjoni finanzjarja hija definita fil-Protokoll.

2.      Il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi:

a)      kumpens finanzjarju mogħti mill-Unjoni għall-aċċess mill‑bastimenti tal‑Unjoni għaż-żona tas-sajd;

b)      l-imposti li għandhom jitħallsu mis-sidien tal-bastimenti tal‑Unjoni;

c)      appoġġ settorjali mogħti mill-Unjoni għall-implimentazzjoni ta’ politika tas‑sajd sostenibbli u governanza tal-oċeani, soġġett għall‑programmazzjoni annwali u pluriennali.

3. Il-kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija mill-Unjoni għandha titħallas kull sena skont il-Protokoll.

4. Il-Partijiet għandhom jeżaminaw l-allokazzjoni ġeografika u soċjali ġusta tal‑benefiċċji soċjoekonomiċi li jirriżultaw minn dan il-Ftehim, b’mod partikolari f’termini ta’ infrastruttura, servizzi soċjali bażiċi, twaqqif ta’ negozji, taħriġ vokazzjonali, u proġetti ta’ żvilupp u ta’ modernizzazzjoni tas-settur tas-sajd, sabiex jiġi żgurat li din l‑allokazzjoni tkun ta’ benefiċċju għall-persuni kkonċernati b’mod proporzjonali mal-attivitajiet tas-sajd.”

64      L-Artikolu 13(1) tal-Ftehim dwar is-Sajd jistipula: “Għandu jiġi stabbilit Kumitat Konġunt magħmul minn rappreżentanti tal-[p]artijiet. Dan il‑Kumitat għandu jkun responsabbli mill-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim u jista’ jemenda l-Protokoll.”

65      L-Artikolu 14 tal-Ftehim dwar is-Sajd jistipula: “Dan il-Ftehim għandu japplika għat-territorji fejn japplikaw, minn naħa t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t‑Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u min‑naħa l-oħra il-liġijiet u r-regolamenti msemmija fl-Artikolu 6(1) ta’ dan il-Ftehim.”

66      L-Artikolu 16 tal-Ftehim dwar is-Sajd jistipula: “Il-Protokoll [ta’ Implimentazzjoni] u l-iskambju ta’ ittri […] għandhom ikunu parti integrali ta’ dan il-Ftehim […].”

67      L-Artikolu 6(1) u (2) tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni jistipula:

“1.      Il-kumpens finanzjarju msemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 12(2) tal‑Ftehim dwar is-Sajd u l-imposti msemmija fil-punt (b) tal‑Artikolu 12(2) tal-Ftehim dwar is‑Sajd għandhom ikunu soġġetti għal allokazzjoni ġeografika u soċjali ġusta tal‑benefiċċji soċjoekonomiċi sabiex jiġi żgurat li l-kumpens ikun ta’ benefiċċju għall-komunitajiet lokali kkonċernati, skont l-Artikolu 12(4) tal-Ftehim dwar is‑Sajd.

2.      Sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara d-data tal-applikazzjoni ta’ dan il‑Protokoll, l-awtoritajiet tar-Renju tal-Marokk għandhom jippreżentaw metodu li jwassal għall-allokazzjoni ġeografika u soċjali msemmija fil-paragrafu 1 kif ukoll kriterju tal-allokazzjoni tal-ammonti li għandhom jiġu allokati, li għandhom jiġu eżaminati mill-Kumitat Konġunt.”

68      L-Artikolu 7(1) u (2) tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni jistipula:

“1. L-appoġġ settorjali msemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 12(2) tal-Ftehim dwar is‑Sajd se jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika settorjali fil-qafas tal-istrateġija nazzjonali għall-iżvilupp tas-settur tas-sajd.

2. Sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara d-data tal-applikazzjoni ta’ dan il‑Protokoll, il-Kumitat Konġunt għandu jaqbel fuq programm settorjali pluriennali u fuq arranġamenti ta’ implimentazzjoni dettaljati li jkopru b’mod partikolari:

a) linji gwida annwali u pluriennali għall-użu tal-ammont speċifiku mogħti bħala appoġġ settorjali skont l-Artikolu 12(4) tal-Ftehim dwar is-Sajd;

[…]”.

69      Id-dokumenti tekniċi tas-sajd nri 3 sa 6 li jinsabu fl-appendiċi 2 tal‑Protokoll ta’ Implimentazzjoni jsemmu, bħala limitu fin-Nofsinhar taż-żona ta’ ġestjoni korrispondenti, il-latitudni 20°46’13’’. Id-dokument tekniku tas-sajd nru 6, dwar is-sajd pelaġiku industrijali bix-xbieki tat‑tkarkir pelaġiku jew semipelaġiku u bit‑tartarun tal-borża, jirreferi għall-bastimenti bl-imħażen kesħin (bastimenti tat‑tkarkir u bastimenti tas-sajd bit-tartarun), li jiżbarkaw fil-port ta’ Dakhla.

70      L-iskambju ta’ ittri jindika, fit-tieni paragrafu tiegħu:

“Wara n-negozjati, l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk qablu li:

1.      Fir-rigward tal-kwistjoni tas-Saħara tal-Punent, il-Partijiet itennu l‑appoġġ tagħhom għall-proċess tan-Nazzjonijiet Uniti u l-isforzi tas‑Segretarju Ġenerali biex tinkiseb soluzzjoni politika definittiva, skont il-prinċipji u l-għanijiet tal‑Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u abbażi tar‑Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas‑Sigurtà.

2.      Il-Ftehim dwar is-Sajd huwa konkluż mingħajr preġudizzju għall‑pożizzjonijiet rispettivi:

–        għall-Unjoni Ewropea, fir-rigward tal-istatut tat-territorju mhux awtonomu tas-Saħara tal-Punent, fejn l-ilmijiet tal-madwar huma koperti miż-żona tas‑sajd kif definita fil-punt (h) tal-Artikolu 1 tal‑Ftehim dwar is-Sajd, u tad‑dritt tagħha għall-awtodeterminazzjoni, kull referenza fil-Ftehim dwar is-Sajd għal-liġijiet u r-regolamenti tal-Marokk ma tippreġudikax il‑pożizzjoni tagħha;

–        għar-Renju tal-Marokk, ir-reġjun tas-Saħara huwa parti integrali tat‑territorju nazzjonali li fuqu jeżerċita sovranità sħiħa bħal fuq il‑bqija tat‑territorju nazzjonali. Il-Marokk iqis li kull soluzzjoni għal din it-tilwima reġjonali jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l‑inizjattiva tiegħu ta’ awtonomija.”

E.      Ir-regolament ikkontestat

71      Fid-29 ta’ Novembru 2018, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2019/440 dwar l‑allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd skont il‑Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk u tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu (ĠU 2019, L 77, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”). Skont l-Artikolu 2 tiegħu, dan ir-regolament daħal fis-seħħ l-għada tal‑pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li saret, fl‑istess jum mal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fl-20 ta’ Marzu 2019.

72      L-Artikolu 1(1) tar-regolament ikkontestat jalloka l-opportunitajiet tas‑sajd stabbiliti bis-saħħa tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni kif ġej:

Kategorija ta’ sajd

Tip ta’ bastiment

Stat Membru

Liċenzji jew kwota

Sajd fuq skala żgħira fit-Tramuntana, speċijiet pelaġiċi

Bastimenti tas-sajd bit-tartaruni < 150 tunnellaġġ gross (TG)

Spanja

22

Sajd fuq skala żgħira fit-Tramuntana

Bastimenti tas-sajd bil-konz tal-qiegħ < 40 TG

Spanja

25



Il-Portugall

7


Bastimenti tas-sajd bil-konz tal-qiegħ ≥ 40 TG < 150 TG

Il-Portugall

3

Sajd fuq skala żgħira fin-Nofsinhar

Qasba u xlief < 150 TG kull bastiment

Total ≤ 800 TG

Spanja

10

Sajd tal-qiegħ

Bastimenti tas-sajd bil-konz tal-qiegħ, ≤ 150 TG

Spanja

7



Il-Portugall

4


Bastimenti tas-sajd bix-xbieki tat-tkarkir ≤ 750 TG

Total ≤ 3 000 TG

Spanja

5



L-Italja

0

Sajd għat-tonn

Dgħajjes tas-sajd bil-lixka

Spanja

23



Franza

4

Pelaġiku industrijali

85 000 tunnellata (t) għall-ewwel sena

90 000 t għat-tieni sena

100 000 t għat-tielet u r-raba’ sena

Allokazzjoni tal-bastimenti awtorizzati li jistadu:

10 bastimenti ≥ 3 000 TG u < 7 765 TG

4 bastimenti ≥ 150 u < 3 000 TG

4 bastimenti < 150 TG

L-ewwel sena: 85 000 t




Il-Ġermanja

6 871.2 t



Il-Litwanja

21 986.3 t



Il-Latvja

12 367.5 t



Il-Pajjiżi l‑Baxxi

26 102.4 t



L-Irlanda

3 099.3 t



Il-Polonja

4 807.8 t



Ir-Renju Unit

4 807.8 t



Spanja

496.2 t



Il-Portugall

1 652.2 t



Franza

2 809.3 t



It-tieni sena: 90 000 t




Il-Ġermanja

7 275.4 t



Il-Litwanja

23 279.6 t



Il-Latvja

13 095.0 t



Il-Pajjiżi l‑Baxxi

27 637.9 t



L-Irlanda

3 281.6 t



Il-Polonja

5 090.6 t



Ir-Renju Unit

5 090.6 t



Spanja

525.4 t



Il-Portugall

1 749.4 t



Franza

2 974.5 t



It-tielet u r‑raba’ sena: 100 000 t




Il-Ġermanja

8 083.8 t



Il-Litwanja

25 866.3 t



Il-Latvja

14 550.0 t



Il-Pajjiżi l‑Baxxi

30 708.8 t



L-Irlanda

3 646.3 t



Il-Polonja

5 656.3 t



Ir-Renju Unit

5 656.3 t



Spanja

583.8 t



Il-Portugall

1 943.8 t



Franza

3 305.0 t


II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

73      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 u fit‑12 ta’ Ġunju 2019 rispettivament, ir-rikorrent ippreżenta dawn ir-rikorsi, irreġistrati, wieħed minnhom, bin-numru T‑344/19 u, l-ieħor, bin-numru T‑356/19.

74      Il-Kunsill ippreżenta r-risposti tiegħu fid-19 (Kawża T‑344/19) u fl-20 ta’ Settembru 2019 (Kawża T‑356/19) rispettivament.

75      Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Ottubru 2019, peress li l-kompożizzjoni tal-Awli ġiet mibdula, skont l-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l‑Imħallef Relatur ġie assenjat lid-disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali, li konsegwentement, lilha ġew assenjati dawn il-kawżi.

76      Fit-8 ta’ Novembru 2019, ir-rikorrent ippreżenta r-replika fil-Kawża T‑344/19. Huwa ma ppreżentax replika fit-termini mogħtija fil-Kawża T‑356/19.

77      Permezz ta’ deċiżjonijiet tat-13 ta’ Novembru 2019, il-President tad‑Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali, laqa’ t-talbiet għal intervent insostenn tal-Kunsill ippreżentati mir-Renju ta’ Spanja, mir-Repubblika Franċiża u mill-Kummissjoni fiż-żewġ kawżi.

78      Permezz ta’ digriet tal-10 ta’ Diċembru 2019, Front Polisario vs Il‑Kunsill (T‑344/19, mhux ippubblikat, EU:T:2019:862), il-President tad-Disa’ Awla laqa’ t-talba għal intervent insostenn tal-Kunsill, ippreżentata fil-Kawża T‑344/19 mill‑Kmamar tas-Sajd Marittimu Marokkini, jiġifieri l-Kamra tas-Sajd Marittimu tal-Mediterran, il-Kamra tas-Sajd Marittimu tal-Atlantiku tat-Tramuntana, il‑Kamra tas-Sajd Marittimu tal-Atlantiku Ċentrali u l-Kamra tas-Sajd Marittimu tal‑Atlantiku tan-Nofsinhar (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, il‑“KSMM”).

79      Fit-8 ta’ Jannar 2020, il-Kummissjoni ppreżentat in-noti ta’ intervent tagħha. Ir‑Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Franċiża ppreżentaw dawk tagħhom fid-9 ta’ Jannar 2020.

80      Fid-9 ta’ Jannar 2020, il-Kunsill ippreżenta l-kontroreplika fil-Kawża T‑344/19.

81      Fl-4 ta’ Marzu 2020, il-KSMM ippreżentaw in-noti ta’ intervent tagħhom fil‑Kawża T‑344/19.

82      Fid-9 ta’ Marzu 2020, ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, minn naħa waħda, fuq in-noti ta’ intervent tar-Renju ta’ Spanja, tar‑Repubblika Franċiża u tal-Kummissjoni fil-Kawża T‑344/19 u, min‑naħa l-oħra, fuq dawk tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Franċiża fil-Kawża T-356/19. Fl-20 ta’ Ġunju 2020, huwa ppreżenta l‑osservazzjonijiet tiegħu fuq in-nota ta’ intervent tal-KSMM fil‑Kawża T‑344/19.

83      Ma tressqet l-ebda talba għall-organizzazzjoni ta’ seduta għat-trattazzjoni fit‑termini mogħtija fil-Kawża T‑356/19. Fit-22 ta’ Settembru 2020, ir‑rikorrent talab li ssir udjenza fil-Kawża T‑344/19.

84      Fit-23 ta’ Novembru 2020, fuq proposta tad-Disa’ Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża lil kulleġġ ġudikanti estiż.

85      Fid-9 ta’ Diċembru 2020, abbażi tal-Artikolu 106(1) tar-Regoli tal‑Proċedura, il‑Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal‑proċedura. Barra minn hekk, hija stiednet lill-partijiet sabiex jieħdu pożizzjoni dwar l-għaqda tal-kawżi għall‑finijiet tal-fażi orali u tad‑deċiżjoni li tikkonkludi din l-istanza.

86      Permezz ta’ żewġ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fil-Kawża T‑344/19 tat-18 ta’ Diċembru 2020, il-Qorti Ġenerali, minn naħa waħda, għamlet mistoqsijiet sabiex tingħata tweġiba bil-miktub u stiednet lir‑rikorrent, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jagħtuha informazzjoni supplimentari u, min-naħa l‑oħra, stiednet lill-partijiet sabiex jispjegaw, waqt is-seduta, il-pożizzjoni tagħhom fuq ċerti kwistjonijiet ta’ prinċipju rilevanti għat-tilwima f’din il-kawża.

87      Fil-25 ta’ Jannar 2021, ir-rikorrent, il-Kunsill u l-Kummissjoni ppreżentaw it‑tweġibiet tagħhom bil-miktub għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali u taw l‑informazzjoni mitluba. Il-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-għaqda tal-kawżi fil-25 ta’ Jannar 2021.

88      Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Jannar 2021, il-President tad-Disa’ Awla estiża tal-Qorti Ġenerali għaqqad il-kawżi għall-finijiet tal-fażi orali tal‑proċedura u tad‑deċiżjoni li tikkonkludi din l-istanza.

89      Fil-25 ta’ Frar 2021, abbażi tal-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura, ir‑rikorrent ipproduċa prova ġodda. Il-Kummissjoni ppreżentat l‑osservazzjonijiet tagħha dwarhom fit-12 ta’ Marzu 2021, filwaqt li l‑Kunsill u l-KSMM ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fil-15 ta’ Marzu 2021.

90      Is-seduta għat-trattazzjoni saret fit-3 ta’ Marzu 2021. Waqt is-seduta, il‑Qorti Ġenerali stiednet lir-Renju ta’ Spanja u l-Kummissjoni sabiex jagħtu ċerti spjegazzjonijiet fattwali bil-miktub.

91      Fid-9 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni ressqet talba sabiex il-Qorti Ġenerali, abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, iżomm l‑effetti tad-deċiżjoni kkontestata, f’każ li din tiġi annullata, sa data ulterjuri jew, f’każ ta’ appell, sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti tal‑Ġustizzja li tiddeċiedi dwarha.

92      Ir-Renju ta’ Spanja u l-Kummissjoni rrispondew, fl-10 u fit-12 ta’ Marzu 2021 rispettivament, għat-talbiet ta’ spjegazzjonijiet fattwali tal‑Qorti Ġenerali. Min‑naħa tiegħu, ir-rikorrent spontanjament ippreżenta provi ġodda bħala risposta għal din it-talba fit-12 ta’ Marzu 2021. Ir-Renju ta’ Spanja u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet fuq dawn il-provi fil-25 ta’ Marzu 2021, filwaqt li l‑Kunsill u l-KSMM ippreżentaw tagħhom f’dan ir-rigward, fid-29 ta’ Marzu u fit‑2 ta’ April 2021 rispettivament. Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja u l‑Kunsill ippreżentaw, fil-25 u fid-29 ta’ Marzu 2021 rispettivament, osservazzjonijiet fuq it-talba tal-Kummissjoni msemmija fil-punt 91 iktar ’il fuq, filwaqt li r‑rikorrent u r-Repubblika Franċiża ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din it-talba fit-2 ta’ April 2021. L-għeluq tal-fażi orali tal‑proċedura ġie ddikjarat fid-9 ta’ April 2021 u l-kawżi ntbagħtu għad‑deliberazzjoni.

93      Wara l-mewt tal-Imħallef Berke fl-1 ta’ Awwissu 2021, it-tliet Imħallfin li qegħdin jiffirmaw din is-sentenza komplew bid-deliberazzjonijiet, skont l‑Artikolu 22 u l-Artikolu 24(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

94      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        fil-Kawża T‑344/19, tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        fil-Kawża T‑356/19, f’każ li l-Qorti Ġenerali tikkunsidra li r‑regolament ikkontestat jikkostitwixxi miżura intermedja li tostakola l‑involviment dirett tiegħu mid-deċiżjoni kkontestata, tannulla dan ir‑regolament;

–        tikkundanna lill-Kunsill u lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

95      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

96      Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi;

–        tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

97      Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir‑rikorsi.

98      Il-Kummissjoni tindika li ssostni t-talbiet tal-Kunsill. Barra minn hekk, fil‑Kawża T‑344/19, hija titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex iżomm l-effetti tad‑deċiżjoni kkontestata, f’każ li tiġi annullata, sa data ulterjuri jew, f’każ ta’ appell, sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwarha.

99      Fil-Kawża T‑344/19, il-KSMM jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

A.      Fuq ir-rikors fil-Kawża T344/19

100    Permezz tar-rikors tiegħu fil-Kawża T‑344/19, ir-rikorrent, li jiddikjara li qiegħed jaġixxi “għan-nom tal-poplu tas-Saħara tal-Punent”, jitlob l‑annullament tad‑deċiżjoni kkontestata, minħabba li, essenzjalment, meta approva l-ftehim ikkontestat mingħajr il-kunsens ta’ dan il-poplu, il-Kunsill naqas milli jwettaq l‑obbligi li kienu jaqgħu fuq l-Unjoni fil‑qafas tar-relazzjonijiet tagħha mar-Renju tal-Marokk, bis-saħħa tad‑dritt tal-Unjoni u tad-dritt internazzjonali. Fil-fatt, ir‑rikorrent isostni li dan il-ftehim japplika għas-Saħara tal-Punent u l-ibħra li jmissu magħha, jipprevedi l-isfruttament tar-riżorsi naturali tagħha mill‑bastimenti tas-sajd tal-Unjoni u huwa favur il-politika ta’ annessjoni ta’ dan it-territorju minn dan l-Istat terz. B’mod partikolari, ir-rikorrent isostni li l-konklużjoni ta’ dan il‑ftehim ma hijiex konformi mal‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fis‑sentenzi Il‑Kunsill vs Front Polisario u Western Sahara Campaign UK, li teskludi tali applikazzjoni territorjali.

101    Mingħajr ma ppreżenta b’mod formali eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il‑Kunsill, sostnut mir-Renju ta’ Spanja, mir-Repubblika Franċiża, mill‑Kummissjoni u mill‑KSMM, iqajjem, prinċiparjament, żewġ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà kontra dan ir-rikors, ibbażati, minn naħa waħda, fuq in-nuqqas ta’ locus standi in judicio quddiem il-qrati tal‑Unjoni, u min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ locus standi tiegħu fil‑konfront tad-deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, fil-qafas ta’ dawn l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, il-Kunsill, sostnut mir‑Repubblika Franċiża, mill-Kummissjoni u mil-KSMM, jikkontesta l‑portata u l-esklużività tar‑rwol li allegatament għandu r-rikorrent fil‑konfront tal-poplu tas-Saħara tal‑Punent. Barra minn hekk, il-KSMM, min-naħa tagħhom, jikkontestaw il‑validità tal-mandat li r-rikorrent ta lill-avukat tiegħu. B’mod sussidjarju, il‑Kunsill, ir-Renju ta’ Spanja, ir‑Repubblika Franċiża, il-Kummissjoni u l‑KSMM jitolbu li l-argument tar-rikorrent dwar il-mertu jiġi miċħud. B’mod partikolari, il‑Kunsill, sostnut mir-Renju ta’ Spanja u mir-Repubblika Franċiża, isostni, essenzjalment, li, meta approva l-Ftehim dwar is-Sajd, huwa kkonforma ruħu mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Min-naħa tagħhom, il‑Kummissjoni u l-KSMM, filwaqt li aċċettaw dan l-argument, jikkunsidraw, fi kwalunkwe każ, li din il-ġurisprudenza ma hijiex rilevanti għall-eżami tar-rikors, b’mod partikolari, minħabba l-fatt li hija relatata mal-interpretazzjoni tal-ftehim konklużi mill-Unjoni mar‑Renju tal-Marokk u mhux mal-validità tagħhom. Barra minn hekk, il-Kunsill, ir-Repubblika Franċiża, il-Kummissjoni u l-KSMM jikkunsidraw li l‑prinċipji tad-dritt internazzjonali li fuqhom ir-rikorrent jibbaża l‑argument tiegħu ma jistgħux jiġu invokati.

102    Preliminarjament, minn naħa waħda, hemm lok li jiġi rrilevat li dan ir‑rikors huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, inkwantu din wasslet għall‑konklużjoni tal-Ftehim dwar is-Sajd, tal‑Protokoll ta’ Implimentazzjoni u tal-iskambju ta’ ittri, b’dawn l-aħħar żewġ strumenti jiffurmaw parti integrali tal‑imsemmi Ftehim dwar is‑Sajd, skont l-Artikolu 16 tiegħu.

103    Min-naħa l-oħra, b’sentenza bid-data tal-lum, Front Polisario vs Il‑Kunsill (T‑279/19), il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar rikors għall‑annullament tad‑Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/217 tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2019 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar l‑emenda tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro‑Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l‑Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l‑oħra (ĠU 2019, L 34, p. 1). Kif jirriżulta mill-motivi ta’ dik is-sentenza, fil‑Kawża T‑279/19, il-motivi tar-rikors u l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, tal‑Kunsill, il-konvenut sostnut, b’mod partikolari, mir‑Repubblika Franċiża u mill-Kummissjoni, jistrieħu, fil-parti l-kbira tagħhom, fuq l-istess bażijiet legali u l-istess argumenti bħall-motivi u l‑eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma f’dan il-każ. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ser teżamina, jekk meħtieġ, dawn tal-aħħar fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet tal-imsemmija sentenza.

1.      Fuq l-ammissibbiltà ta’ wħud mill-annessi tar-replika

104    Fil-kontroreplika, il-Kunsill jikkontesta, abbażi tal-Artikolu 85 tar‑Regoli tal‑Proċedura, l-ammissibbiltà tal-annessi C.1 sa C.3, C.5, C.6, C.8, C.9, C.12, C.14, C.15, C.17, C.21, C.22, C.24 sa C.40 u C.42 sa C.53, minħabba li s‑sottomissjoni tardiva ta’ dawn il-provi ma kinitx iġġustifikata. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 85(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-partijiet prinċipali jistgħu jipproduċu jew jipproponu provi ġodda insostenn tal-argumenti tagħhom anki fir-replika u fil-kontroreplika, bil-kundizzjoni li jiġġustifikaw għaliex dawn il-provi ġew prodotti jew proposti tard. Madankollu, dawn id‑dispożizzjonijiet għandhom jinqraw fid-dawl tal-Artikolu 92(7) tal-imsemmija regoli, li jipprevedi espressament li l-produzzjoni tal-prova kuntrarja u l‑amplifikazzjoni tal-provi proposti għandhom jibqgħu rriżervati. Konsegwentement, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, il-prova kuntrarja u l-amplifikazzjoni tal-provi proposti prodotti wara prova kuntrarja tal-parti avversarja ma humiex koperti mir-regola dwar id‑dekadenza prevista fl‑Artikolu 85(2) imsemmi iktar ’il fuq (ara s‑sentenza tat-18 ta’ Settembru 2017, Uganda Commercial Impex vs Il‑Kunsill, T‑107/15 u T‑347/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:628, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, kif jirriżulta minn partijiet tar-replika li jirreferu għalihom, il-provi li jinsabu fl-annessi kkontestati mill-Kunsill jippermettu li tingħata risposta għall-argumenti li permezz tagħhom dan tal-aħħar, fir-risposta, isostni, minn naħa waħda, il-validità tal-konsultazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni u mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) sabiex jinkiseb il-kunsens tal‑poplu tas-Saħara tal-Punent u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ locus standi in judicio u ta’ locus standi tar-rikorrent. Għaldaqstant, ir-regola dwar id-dekadenza prevista fl-Artikolu 85(2) tar-Regoli tal-Proċedura ma għandhiex tapplika għal dawn il-provi li għalhekk huma ammissibbli. Minn dawn isegwi li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kunsill fil‑konfront tagħhom għandha tiġi miċħuda.

2.      Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

106    Qabel wieħed jipproċedi għall-eżami tal-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà tal‑Kunsill u tad-dubji espressi mil-KSMM, għandu jiġi rrilevat li s‑suġġett ta’ dan ir-rikors iqajjem kwistjonijiet oħra ta’ ammissibbiltà, li hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiddeċiedi dwarhom ex officio. Dawn il‑kwistjonijiet huma relatati, minn naħa waħda, mal-premessa li fuqha r‑rikorrent jibbaża l-locus standi tiegħu, jiġifieri li l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-ftehim ikkontestat jinkludi s‑Saħara tal‑Punent u l-ibħra li jmissu magħha u, min-naħa l-oħra, il-portata tat‑talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

a)      Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-ftehim ikkontestat

107    Mill-motivi u mill-argumenti ppreżentati fir-rikors jirriżulta li dan ir‑rikors huwa bbażat fuq il-premessa li l-ftehim ikkontestat japplika għas‑Saħara tal-Punent u għall-ibħra li jmissu miegħu. B’mod partikolari, fuq il-livell tal-ammissibbiltà tar‑rikors, ir-rikorrent jibbaża ruħu fuq il-fatt allegat li, bħala rappreżentant tal‑poplu tas-Saħara tal‑Punent, huwa affettwat direttament u individwalment mid‑deċiżjoni kkontestata minħabba din l-applikazzjoni territorjali tal-imsemmi ftehim.

108    Għalhekk, għandu jiġi vverifikat, b’mod preliminari, jekk il-premessa li fuqha r‑rikorrent jibbaża l-locus standi tiegħu fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata hijiex korretta.

109    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, skont il-kliem tal‑Artikolu 1(h) tal-Ftehim dwar is-Sajd, iż-żona tas-sajd, għall-finijiet ta’ dan il‑ftehim, tikkonċerna “ilmijiet tal-Atlantiku Ċentrali tal-Lvant li jinsabu bejn il‑paralleli 35°47’18’’ fit-Tramuntana u 20°46’13’’ fit‑Tramuntana, inkluż l‑ilmijiet tal-madwar [fi]s-Saħara tal-Punent”, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ Stati terzi, b’mod partikolari, tal‑Istati kostali ġirien tal-imsemmija żona tas‑sajd (ara l-punt 61 iktar ’il fuq).

110    Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punt 69 iktar ’il fuq, id-dokumenti tekniċi tas‑sajd nri 3 sa 6, li jinsabu fl‑appendiċi 2 tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni, isemmu, bħala limitu fin-Nofsinhar taż-żona ta’ ġestjoni koperta b’dawn id‑dokumenti, il‑latitudni 20°46’13’’ u d-dokument tekniku tas-sajd nru 6 jirreferi għall-bastimenti li jiżbarkaw fil-port ta’ Dakhla, li jinsab fis-Saħara tal‑Punent.

111    Minn dawn id-dispożizzjonijiet huwa dedott li l-koordinati ġeografiċi hemm imsemmija jkopru kemm l-ibħra li jaqgħu fis-sovranità jew fil‑ġurisdizzjoni tar‑Renju tal-Marokk kif ukoll l-ibħra li jmissu mas‑Saħara tal-Punent, kif juru, fuq kollox, il-mapep imsemmija fil‑punt 66 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Western Sahara Campaign UK (C‑266/16, EU:C:2018:1) u fil-punti 66 sa 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-qafas ta’ tweġiba bil-miktub għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni kkonfermat li d‑delimitazzjoni taż-żoni ta’ sajd li jinsabu f’dawn il-mapep tikkorrispondi, essenzjalment, mal-limitazzjonijiet taż-żoni ta’ ġestjoni koperti mid-dokumenti tekniċi msemmija fil-punt 110 iktar ’il fuq.

112    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 12 tal-Ftehim dwar is-Sajd, minn naħa waħda, jipprevedi li għandha titħallas “kontribuzzjoni finanzjarja”, li tinkludi, b’mod partikolari, skont il-paragrafu 2 ta’ dan l‑artikolu, “appoġġ settorjali mogħti mill-Unjoni”, u, min-naħa l-oħra, jimponi fuq il-partijiet għal dan il-ftehim, permezz tal-paragrafu 4 tiegħu, l-obbligu li jeżaminaw “l-allokazzjoni ġeografika u soċjali ġusta tal‑benefiċċji soċjoekonomiċi li jirriżultaw minn dan il‑Ftehim” “sabiex jiġi żgurat li din l-allokazzjoni tkun ta’ benefiċċju għall-persuni kkonċernati b’mod proporzjonali mal-attivitajiet tas-sajd” (ara l‑punt 63 iktar ’il fuq).

113    Id-dispożizzjonijiet imfakkra fil-punt 112 iktar ’il fuq huma spjegati, b’mod partikolari, mill-Artikoli 6 u 7 tal‑Protokoll ta’ Implimentazzjoni. L-Artikolu 6(2) ta’ dan il-protokoll jipprevedi, b’mod partikolari, li l-awtoritajiet tar-Renju tal‑Marokk għandhom jippreżentaw il-metodu li jwassal għall-allokazzjoni ġeografika u soċjali tal-vantaġġi soċjo-ekonomiċi inkwistjoni kif ukoll il-kriterju tal‑allokazzjoni tal-ammonti li għandhom jiġu allokati, li għandhom jiġu eżaminati mill-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 13 tal-Ftehim dwar is-Sajd. Barra minn hekk, l-Artikolu 7(2) tal-Protokoll jipprevedi li dan il‑Kumitat Konġunt għandu jaqbel, sa mhux iktar tard minn tliet xhur wara d-data tal‑applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll, fuq programm settorjali pluriennali u fuq l‑arranġamenti ta’ implimentazzjoni ddettaljati tiegħu.

114    Fit-tielet lok, skont l-Artikolu 14 tal-Ftehim dwar is-Sajd intitolat “Żona ta’ applikazzjoni”, il-Ftehim dwar is-Sajd għandu japplika għat-territorji fejn japplikaw, minn naħa waħda, it-Trattat UE u t-Trattat FUE, u min‑naħa l-oħra, “il‑liġijiet u r-regolamenti msemmija fl-Artikolu 6(1) ta’ dan il-Ftehim”, jiġifieri skont dan l-aħħar artikolu, il-liġijiet u r‑regolamenti Marokkini li huma applikabbli għall-attivitajiet tas-sajd (ara l-punti 62 u 65 iktar ’il fuq).

115    Fir-raba’ lok, it-tieni sentenza tal-paragrafu 1 tal-iskambju ta’ ittri tispjega li, “[f]ir-rigward tal-kwistjoni tas-Saħara tal-Punent”, l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk “itennu l-appoġġ tagħhom għall-proċess tan-Nazzjonijiet Uniti”. It-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-iskambju ta’ ittri jispjega li “[l]-Ftehim dwar is‑Sajd mingħajr preġudizzju għall‑pożizzjonijiet rispettivi [tagħhom]”, “għall‑Unjoni […], fir-rigward tal-istatut tat‑territorju mhux awtonomu tas-Saħara tal-Punent” u, “għar‑Renju tal‑Marokk, [fuq] ir-reġjun tas-Saħara [bħala] parti integrali tat-territorju nazzjonali li fuqu jeżerċita sovranità sħiħa” (ara l‑punt 70 iktar ’il fuq).

116    Fil-ħames lok, mill-premessi 3 u 5 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod espliċitu (ara l-punt 60 iktar ’il fuq) li, wara l-għoti tas-sentenza Western Sahara Campaign UK, li permezz tagħha “l-Qorti ddeċidiet li la l-Ftehim [dwar is-Sajd tal-2006] u lanqas il-Protokoll [tal-2013] ma japplikaw għall-ilmijiet li jmissu mat‑territorju tas-Saħara tal-Punent”, il-konklużjoni tal-ftehim ikkontestat kienet intiża sabiex tippermetti li l-“flotot tal-Unjoni” “jkomplu bl‑attivitajiet tas-sajd li ilhom iwettqu”, sabiex “tinkludi [fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim]” l‑imsemmija ilmijiet u tippermetti, permezz tal‑“kontinwazzjoni tas-sħubija dwar is-sajd”, li “dak it-territorju” “jkompli jgawdi mill-appoġġ settorjali pprovdut taħt il‑Ftehim, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u dak internazzjonali, inkluż id‑drittijiet tal-bniedem, u għall-benefiċċju tal-popolazzjoni kkonċernata”.

117    Konsegwentement, minn naħa waħda, mid-dispożizzjonijiet tal-ftehim ikkontestat meħuda kollha flimkien kif ukoll mill-premessi tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod espress li l-għan ta’ dan il-ftehim, ikkonfermat mill-intenzjoni tal-partijiet għalih, huwa li jippermetti lill-flotot tas-sajd tal-Unjoni jeżerċitaw l-attivitajiet ta’ sajd tagħhom f’perimetru li jinkludi kemm l-ibħra li jaqgħu fis-sovranità jew fil‑ġurisdizzjoni tar-Renju tal-Marokk kif ukoll l-ibħra li jmissu mas-Saħara tal‑Punent. Min‑naħa l-oħra, minnhom jirriżulta wkoll li dan il‑ftehim japplika kemm għat-territorju tar-Renju tal-Marokk kif ukoll għal dak tas-Saħara tal‑Punent, tal-inqas għall-parti minn dan it-territorju kkontrollat minn dan l-Istat terz, li fuqu, skont l-Artikolu 6(1) tal-Ftehim dwar is-Sajd, il-“liġijiet u r‑regolamenti” Marokkini “għandhom japplikaw”. B’mod partikolari, l-istess japplika fir-rigward tad‑dispożizzjonijiet tiegħu dwar il-kumpens finanzjarju, li jinkludi l‑appoġġ settorjali u li minnu l-“popolazzjonijiet” ta’ dan it-territorju jistgħu jibbenefikaw b’mod proporzjonali mal-attivitajiet tas-sajd fl-ibħra li jmissu miegħu.

118    Din l-analiżi ma hijiex ikkontestata mill-interpretazzjoni mogħtija mill‑Qorti tal‑Ġustizzja tal-kamp ta’ applikazzjoni, minn naħa waħda, tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni fil-punti 86 sa 126 tas-sentenza Il‑Kunsill vs Front Polisario u, min-naħa l-oħra, tal‑Ftehim dwar is-Sajd tal-2006 u tal-Protokoll tal-2013 fil-punti 59 sa 82 tas-sentenza Western Sahara Campaign UK (ara l-punti 36 sa 40 u 44 sa 51 iktar ’il fuq).

119    Fil-fatt, mill-punti 86 sa 126 tas-sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario u mill‑punti 59 sa 82 tas-sentenza Western Sahara Campaign UK jirriżulta li ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk konkluż fil-qafas konvenzjonali magħmul mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ma jistax jiġi interpretat bħala li jinkludi, b’mod impliċitu, fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tiegħu, kif iddefinit fl-Artikolu 94 ta’ dan l-aħħar ftehim, it‑territorju tas-Saħara tal-Punent (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punt 187). Barra minn hekk, mill‑punti 73 u 79 tas-sentenza Western Sahara Campaign UK jirriżulta li Ftehim dwar is-Sajd bejn dawn iż-żewġ partijiet u l-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu konklużi f’dan il-qafas, li jirreferu għaż-“żona tas-sajd Marokkina”, iddefinita bħala li tirreferi għall-ibħra li jaqgħu fis‑sovranità jew fil‑ġurisdizzjoni tar-Renju tal-Marokk, ma jistgħux jiġu interpretati bħala li jinkludu fl-imsemmija żona ta’ sajd Marokkina l‑ibħra li jmissu mas-Saħara tal‑Punent.

120    Għall-kuntrarju, fis-sentenzi Il-Kunsill vs Front Polisario u Western Sahara Campaign UK, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx dwar il‑konsegwenzi li jeħtieġ li jiġu misluta minn dikjarazzjoni ta’ ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk li tipprevedi b’mod espress li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu kien jestendi għat‑territorju tas-Saħara tal-Punent u għall-ibħra li jmissu magħha. B’mod partikolari, kif jirrilevaw il‑Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża, il-Qorti tal‑Ġustizzja ma eskludietx, bħala regola, li tali inklużjoni espliċita ta’ dan it‑territorju u ta’ dawn l-ibħra mill-imsemmi kamp ta’ applikazzjoni hija valida (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punti 187 u 188).

121    Barra minn hekk, ir-rekwiżit li jirriżulta, b’mod partikolari, mill‑Artikolu 31(3)(c) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, li d-dispożizzjonijiet ta’ trattat għandhom jiġu interpretati billi tiġi kkunsidrata kull regola ta’ dritt internazzjonali applikabbli bejn il-partijiet, ma jistax iservi bħala bażi għal interpretazzjoni ta’ tali dispożizzjonijiet li tmur kontra l-kliem tagħhom, meta s-sens ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet huwa ċar u li barra minn hekk huwa stabbilit li dan is-sens jikkorrispondi ma’ dak li l‑partijiet għat-trattat kellhom il-ħsieb li jagħtuhom. Fil‑fatt, barra mill‑fatt li l-implimentazzjoni ta’ dan ir-rekwiżit għandha tkun kompatibbli mal-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 31(1) tal-imsemmija konvenzjoni, li trattat għandu jiġi interpretat in bona fide skont is-sens normali li għandu jingħata lill-kliem tat-trattat fil-kuntest tagħhom u fid‑dawl tas-suġġett u tal-għan tiegħu, din l-implimentazzjoni ma għandux ikollha l‑konsegwenza li tibdel is‑sustanza tad-drittijiet u tal‑obbligi li dwarhom l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk qablu b’mod reċiproku fil-qafas tal-ftehim ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il‑Kunsill, T‑279/19, punti 190 sa 192).

122    Sa fejn il-ftehim ikkontestat għandu l-għan, b’mod partikolari, li jagħti qafas ġuridiku għall-inklużjoni tal-ibħra li jmissu mas-Saħara tal-Punent fiż-żona tas‑sajd awtorizzata għall-bastimenti tal-Unjoni u, b’mod korollarju, għall‑applikazzjoni għat-territorju tagħha tal-kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija mill-Unjoni b’mod proporzjonali mal-attivitajiet ta’ dawn il-bastimenti, minn dan għandu neċessarjament jiġi konkluż li, b’dan il-ftehim, il-partijiet riedu jidderogaw mill-Artikolu 94 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni inkwantu l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tas‑sistema ġuridika applikabbli għal dawn l-attivitajiet u għal din il‑kontribuzzjoni huwa kkonċernat. Fil-fatt, dan l-artikolu jillimita, f’dak li jirrigwarda r-Renju tal-Marokk, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għat-territorju ta’ dan tal‑aħħar (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal‑lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punt 189).

123    Il-premessa li fuqha r-rikorrent jibbaża l-locus standi tiegħu fir-rigward tad‑deċiżjoni kkontestata, jiġifieri li d-deċiżjoni kkontestata tapprova ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk li japplika b’mod espliċitu għat-territorju tas‑Saħara tal-Punent u l-ibħra li jmissu miegħu, hija għalhekk korretta.

b)      Fuq il-portata tat-talbiet għall-annullament

124    Il-Qorti Ġenerali tirrileva li, fil-qafas ta’ dan ir-rikors, ir‑rikorrent jikkontesta, permezz tal-motivi u l-argumenti tiegħu, il-legalità tad‑deċiżjoni kkontestata sempliċement minħabba li hija tapprova l‑applikazzjoni għat-territorju tas-Saħara tal-Punent u għall-ibħra li jmissu miegħu tal-ftehim ikkontestat, kif ikkonferma r‑rikorrent, essenzjalment, waqt is-seduta bi tweġiba għall-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali dwar dan is-suġġett. B’hekk, permezz ta’ dawn il-motivi u argumenti, ir‑rikorrent ma għandux l-intenzjoni jikkontesta l-legalità tal‑applikazzjoni ta’ dawn l-istrumenti għat-territorju tar-Renju tal‑Marokk jew għall-ibħra li jaqgħu fis-sovranità jew fil-ġurisdizzjoni ta’ dan l-Istat terz, liema applikazzjoni għalhekk ma hijiex ikkontestata fil-qafas ta’ din il-kawża.

125    Madankollu, mill-kliem tar-rikors, b’mod partikolari mill-partijiet ta’ introduzzjoni u ta’ konklużjoni tiegħu, jirriżulta li fit-talbiet tiegħu, ir‑rikorrent jitlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma jillimita b’mod espliċitu l-portata ta’ dan l-annullament għall‑approvazzjoni, permezz ta’ din id‑deċiżjoni, tal-applikazzjoni tal‑ftehim ikkontestat għas-Saħara tal-Punent u għall-ibħra li jmissu magħha.

126    Mistoqsi waqt is-seduta dwar il-kwistjoni tal-portata tat-talbiet tiegħu, ir‑rikorrent indika li r-rikors tiegħu kien intiż, prinċiparjament, għall‑annullament tad‑deċiżjoni kkontestata inkwantu kienet tapprova l‑applikazzjoni tal-ftehim ikkontestat għas-Saħara tal-Punent u għall‑ibħra li jmissu magħha u, b’mod sussidjarju, jekk il-Qorti Ġenerali jkollha tikkunsidra li din l-applikazzjoni territorjali ma hijiex separabbli mill-imsemmi ftehim kollu, għall-annullament tad‑deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi.

127    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, l‑annullament parzjali ta’ att tal-Unjoni huwa possibbli biss sa fejn l‑elementi li jkun qiegħed jintalab l-annullament tagħhom ikunu separabbli mill-kumplament tal-att. F’dan ir-rigward, ġie repetutament deċiż dan ir-rekwiżit ma jkunx issodisfatt meta l-annullament parzjali ta’ att ikollu l-effett li jbiddel is-sustanza tiegħu. Barra minn hekk, il-verifika tan-natura separabbli tal-elementi ta’ att tal‑Unjoni jippreżupponi l-eżami tal-portata tagħhom, sabiex jiġi evalwat jekk annullament ta’ dawn l‑elementi jibdilx l-ispirtu u s-sustanza ta’ dan l-att (ara s‑sentenza tas-9 ta’ Novembru 2017, SolarWorld vs Il-Kunsill, C‑204/16 P, EU:C:2017:838, punti 36 u 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

128    Kif jirriżulta mill-punti 109 sa 117 iktar ’il fuq, bid-deċiżjoni kkontestata, il‑Kunsill, għan-nom tal-Unjoni, esprima l-kunsens ta’ din tal-aħħar għall-ftehim mar-Renju tal-Marokk li d-dispożizzjonijiet tiegħu japplikaw mingħajr distinzjoni, minn naħa waħda, għat-territorju ta’ dan il-pajjiż terz u għall-ibħra li jaqgħu fis‑sovranità u fil-ġurisdizzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, għas-Saħara tal-Punent u l-ibħra li jmissu magħha. B’mod partikolari, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il‑Ftehim dwar is-Sajd jinkludi b’mod espliċitu dawn l-aħħar ibħra fiż-żona tas‑sajd, id‑definizzjoni tagħha kif ukoll ta’ dawk taż-żoni ta’ ġestjoni msemmija fid-dokumenti tekniċi fl-appendiċi 2 tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni ma jimplikawx delimitazzjoni tal-attivitajiet ta’ sajd skont jekk iseħħux f’dawn l-ibħra jew fl-ibħra Marokkini. Bl-istess mod, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim u tal‑Protokoll ta’ Implimentazzjoni relatati mal‑kontribuzzjoni finanzjarja, b’mod partikolari, l-appoġġ settorjali, ma jistabbilixxu l-ebda distinzjoni bejn il-parti tagħha mogħtija għall‑attivitajiet fit-territorju tal-Marokk u l-parti mogħtija għall‑attivitajiet fit-territorju mhux awtonomu msemmi iktar ’il fuq.

129    Konsegwentement, minn dan għandu jiġi dedott li l-kunsens mogħti, għan-nom tal-Unjoni, permezz tad-deċiżjoni kkontestata sabiex il-ftehim ikkontestat japplika għas-Saħara tal-Punent u għall-ibħra li jmissu magħha ma huwiex separabbli mill‑kunsens mogħti, permezz ta’ din id‑deċiżjoni, għall-imsemmi ftehim kollu kemm hu. B’hekk, annullament tad-deċiżjoni biss inkwantu approvat l‑applikazzjoni tal-imsemmi ftehim għal dan it-territorju mhux awtonomu u għall‑imsemmija ibħra jibdel l‑ispirtu u s-sustanza ta’ dan l-att.

130    Qabelxejn, għandu jitfakkar li r-rikorrent ma għandux dritt, bħala regola, jemenda l-għan oriġinali tar-rikors billi jissostitwixxi t-talbiet ippreżentati fih b’talbiet ippreżentati għall-ewwel darba waqt is-seduta [ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is‑sentenzi tas-27 ta’ Jannar 2000, Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑104/89 u C‑37/90, EU:C:2000:38, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-21 ta’ April 2005, Holcim (Il-Ġermanja) vs Il-Kummissjoni T‑28/03, EU:T:2005:139, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata]. F’dan il-każ, hemm lok li jiġi rrilevat li huwa biss il-kap tat-talbiet li ppreżenta waqt is-seduta b’mod sussidjarju, intiż għall‑annullament tad-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi, li jikkorrispondi mat-talbiet imsemmija fir-rikors.

131    Għalhekk, hemm lok li jiġi miċħud bħala inammissibbli l-kap tat-talbiet tar‑rikorrent ippreżentat prinċiparjament, waqt is-seduta, għall‑annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu tapprova l-applikazzjoni tal-ftehim ikkontestat għas-Saħara tal-Punent u għall‑ibħra li jmissu miegħu. Għalhekk għandhom jiġu eżaminati biss it‑talbiet tar-rikorrent, kif stipulati fir-rikors u msemmija mill-ġdid, b’mod sussidjarju, waqt is-seduta, intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi.

c)      Fuq l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kunsill, ibbażata fuq innuqqas ta’ locus standi in judicio tar-rikorrent

132    Insostenn tal-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Kunsill isostni li r‑rikorrent ma huwiex persuna ġuridika, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE, li għandha locus standi in judicio quddiem il-qrati tal-Unjoni. Fl-ewwel lok, huwa jsostni li r-rikorrent ma għandux personalità ġuridika bis-saħħa tad-dritt intern ta’ Stat Membru. Fit-tieni lok, huwa jiddikjara li r-rikorrent ma huwiex suġġett tad‑dritt internazzjonali. Fit-tielet lok, huwa jsostni li r-rikorrent ma jissodisfax il‑kriterji stabbiliti mill-qrati tal-Unjoni sabiex jirrikonoxxu l-locus standi in judicio lil entità li ma għandhiex personalità ġuridika u, b’mod partikolari, il‑kundizzjoni relatata mal-fatt li l-entità inkwistjoni għandha tkun ittrattata mill‑Unjoni bħala suġġett distint li għandu drittijiet u obbligi.

133    Ir-Repubblika Franċiża, il-Kummissjoni u l-KSMM jiżviluppaw, essenzjalment, l‑istess argument bħal dak tal-Kunsill. Barra minn hekk, il-KSMM isostnu li r‑rikorrent ma għandux l-awtonomija neċessarja sabiex jaġixxi bħala entità responsabbli fir-relazzjonijiet ġuridiċi, fir‑rigward tar-relazzjonijiet tiegħu mar‑Repubblika Għarbija Demokratika tas‑Saħara (RASD), li ma hijiex rikonoxxuta mill-ONU u mill-Unjoni.

134    Insostenn tal-locus standi in judicio tiegħu, ir-rikorrent isostni li huwa moviment ta’ liberazzjoni nazzjonali, li jislet id-drittijiet u l-obbligi tiegħu direttament mid‑dritt internazzjonali, minħabba l-istatus separat u distint tas-Saħara tal-Punent u d-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-poplu tas‑Saħara tal-Punent. Dan l-istatus huwa kkonfermat, b’mod partikolari, mill-kapaċità tiegħu, li jikkonkludi ftehim u mir-rikonoxximent tiegħu bħala l-uniku rappreżentant ta’ dan il-poplu mill‑Assemblea Ġenerali tal‑ONU. Bħala suġġett tad-dritt internazzjonali, huwa jissodisfa, b’mod iktar partikolari, il-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza sabiex jiġi vverifikat li entità mingħajr personalità ġuridika tista’ tiġi kkunsidrata bħala persuna ġuridika, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE.

135    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ir-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il‑kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafu ta’ dan l‑artikolu, tippreżenta appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardaha direttament u individwalment, kif ukoll kontra l-atti regolatorji li jirrigwardawha direttament u li ma jinvolvux miżuri ta’ implimentazzjoni.

136    Sussegwentement, skont il-ġurisprudenza, minkejja li l-kunċett ta’ persuna ġuridika li jinsab fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jimplika, bħala regola, l-eżistenza tal-personalità ġuridika, li għandha tiġi vverifikata fid-dawl tad-dritt nazzjonali li bis-saħħa tiegħu l-persuna ġuridika inkwistjoni hija kkostitwita, huwa mhux neċessarjament jikkoinċidi ma’ dawk ta’ ordinamenti ġuridiċi differenti tal-Istati Membri. B’hekk, il-ġurisprudenza diġà rrikonoxxiet il‑locus standi in judicio quddiem il-qrati tal-Unjoni lil entitajiet indipendentement mill‑kwistjoni tal-kostituzzjoni tagħhom bħala persuna ġuridika fid-dritt intern (ara s-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punt 83 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

137    Dan kien, b’mod partikolari, il-każ meta, minn naħa waħda, l-entità inkwistjoni kellha rappreżentattività biżżejjed fir-rigward tal-persuni li tagħhom hija allegatament kienet tiddefendi d-drittijiet misluta mid‑dritt tal-Unjoni kif ukoll l‑awtonomija u r-responsabbiltà neċessarji sabiex taġixxi fil-qafas tar‑relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti minn dan l-istess dritt u li, min-naħa l-oħra, hija kienet ġiet rikonoxxuta mill‑istituzzjonijiet bħala interlokutriċi waqt in‑negozjati relatati ma’ dawn id-drittijiet (ara s-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punt 84 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

138    Dan kien ukoll il-każ meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ttrattaw din l-entità bħala suġġett distint, bi drittijiet u b’obbligi tagħha tagħha stess. Fil-fatt, il‑koerenza u l‑ġustizzja jirrikjedu li għandu jiġi rrikonoxxut il-locus standi in judicio ta’ tali entità sabiex tikkontesta l-miżuri li jillimitaw id-drittijiet tagħha u d-deċiżjonijiet sfavorevoli meħuda kontra tagħha mill‑istituzzjonijiet (ara s-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

139    Għandu jingħad ukoll li l-ġurisprudenza ma teskludix li, f’kuntesti differenti minn dawk tas-sentenzi msemmija fil-punti 137 u 138 iktar ’il fuq, il‑locus standi in judicio quddiem il-qrati tal-Unjoni għandu jiġi rrikonoxxut lil entità indipendentement mill-personalità ġuridika tagħha taħt id-dritt intern, b’mod partikolari jekk ir-rekwiżiti tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva jimponu dan, u b’hekk interpretazzjoni restrittiva tal‑kunċett ta’ persuna ġuridika għandha tiġi mwarrba (ara s-sentenza tal‑lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punt 86 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

140    Finalment, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li suġġetti tad-dritt internazzjonali pubbliku, bħall-Istati terzi, jikkostitwixxu persuni ġuridiċi fis-sens tad-dritt tal‑Unjoni (ara s-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

141    F’dan il-każ, bħal fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il‑Kunsill (T‑279/19), minkejja li l-partijiet jaqblu dwar il‑fatt li r-rikorrent ma għandux personalità ġuridika tad-dritt intern, huma ma jaqblux dwar il-kwistjoni tal-eżistenza tal-personalità ġuridika tar-rikorrent fid-dritt internazzjonali pubbliku, b’mod partikolari dwar l‑effetti għal din il-personalità tar-rwol tar‑rikorrent fil-qafas tal-proċess ta’ awtodeterminazzjoni tas-Saħara tal-Punent u fuq in-natura limitata jew le tar-rappreżentattività tagħha fir-rigward tal-poplu ta’ dan it-territorju (sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punti 88 u 89).

142    Għalhekk għandu jiġi vverifikat, fid-dawl tal-ġurisprudenza relatata mal‑kunċett ta’ persuna ġuridika, imfakkra fil-punti 136 sa 140 iktar ’il fuq, jekk ir-rwol u r‑rappreżentattività tar-rikorrent humiex tali li jagħtuh il‑locus standi in judicio quddiem il-qrati tal-Unjoni (sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punt 90).

143    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, fil-punt 89 tas‑sentenza Il‑Kunsill vs Front Polisario, li fuqha r-rikorrent jibbaża ruħu fil-qafas ta’ dan ir‑rikors, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-prinċipju konswetudinarju ta’ awtodeterminazzjoni kien jagħmel parti mir-regoli tad-dritt internazzjonali applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u r‑Renju tal-Marokk, li l-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni. B’mod iktar partikolari, fil-punt 105 tal‑imsemmija sentenza, il-Qorti tal‑Ġustizzja fakkret li l-QIĠ kienet enfasizzat, fl-opinjoni konsultattiva tagħha dwar is-Saħara tal-Punent, li l-popolazzjoni ta’ dan it-territorju kienet tibbenefika, abbażi tad-dritt internazzjonali ġenerali, mid‑dritt għall-awtodeterminazzjoni, kif ġie espost fil-punti 90 u 91 tal-istess sentenza. Barra minn hekk, hija spjegat li, min-naħa tagħha, l-Assemblea Ġenerali tal-ONU, fil-punt 7 tar-Riżoluzzjoni 34/37 tagħha dwar il‑kwistjoni tas-Saħara tal‑Punent, irrakkomandat li r-rikorrent, “rappreżentant tal-poplu tas-Saħara tal‑Punent, jipparteċipa bis-sħiħ f’kull tiftixa ta’ soluzzjoni politika ġusta, dewwiema u definittiva tal‑kwistjoni tas-Saħara tal-Punent”.

144    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet għalhekk jirriżulta li d-dritt internazzjonali jirrikonoxxi lill-poplu tas-Saħara tal-Punent dritt għall‑awtodeterminazzjoni, u dan għandu jiġi kkunsidrat mill-qrati tal‑Unjoni, u li, abbażi ta’ dan id-dritt, ir‑rikorrent, bħala rappreżentant ta’ dan il-poplu, ingħata mill-Assemblea Ġenerali tal-ONU d-dritt li jipparteċipa “bis-sħiħ” fit-tfittxija ta’ soluzzjoni politika għall‑kwistjoni dwar l-istatus definittiv ta’ dan it-territorju. Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li dan id-dritt ġie kkonfermat bir-Riżoluzzjoni 35/19 (ara l‑punt 16 iktar ’il fuq) u li r-rikorrent eżerċitah fil-qafas tan-negozjati li saru taħt l‑awspiċji tal-ONU, li fihom ir-Renju tal-Marokk u hu stess kienu parti mill-1988 (ara l-punti 17, 18 u 20 iktar ’il fuq) (sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il‑Kunsill, T‑279/19, punt 92).

145    Fil-qafas ta’ din l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ammissibbiltà, il-Kunsill, ir‑Repubblika Franċiża, il-Kummissjoni u l-KSMM ma jikkontestawx l‑eżerċizzju, mir-rikorrent, tad-dritt tiegħu li jipparteċipa fil-proċess ta’ awtodeterminazzjoni tas-Saħara tal-Punent, bħala rappreżentant tal‑poplu ta’ dan it-territorju, li huwa rrikonoxxut lilu mill-organi tal‑ONU (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il‑Kunsill, T‑279/19, punt 93).

146    Barra minn hekk, kif jesponi r-rikorrent, huwa kellu numru ta’ impenji bis-saħħa tad-dritt internazzjonali fil-kwalità tiegħu ta’ rappreżentant tal‑poplu tas-Saħara tal-Punent, b’mod partikolari bil-ftehim ta’ paċi konkluż mar-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja (ara l-punt 15 iktar ’il fuq), bi ftehim li permezz tagħhom ir-Renju tal-Marokk u r-rikorrent waslu għal ftehim fuq ċertu numru ta’ kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni ta’ proposti ta’ regolament tas-Segretarju Ġenerali tal‑ONU u bl-erba’ Konvenzjonijiet ta’ Genève tat-12 ta’ Awwissu 1949 u bil‑Protokoll addizzjonali għall-Konvenzjonijiet ta’ Genève tat-12 ta’ Awwissu 1949 dwar il-protezzjoni tal-vittmi ta’ kunflitti armati internazzjonali (Protokoll I), iffirmat fit-8 ta’ Ġunju 1977, li magħhom aderixxa ruħu fit-23 ta’ Ġunju 2015 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punt 94).

147    Barra minn hekk, il-Kunsill, ir-Repubblika Franċiża, il-Kummissjoni u l‑KSMM ma jikkontestawx li, kif isemmi r-rikorrent, huwa jipparteċipa fix-xogħolijiet tal‑Kumitat Speċjali inkarigat li jistudja s-sitwazzjoni f’dak li jirrigwarda l‑applikazzjoni tad-Dikjarazzjoni dwar l-għoti tal‑Indipendenza lill-pajjiżi u lill‑popli kolonjali, maħruġa mill-ONU, dwar il-kwistjoni tas-Saħara tal-Punent kif ukoll fix-xogħolijiet konġunti tal‑Kummissjoni Ekonomika għall-Afrika (KEA), stabbilita fi ħdan il‑Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti, u tal-Kumitat Tekniku speċjalizzat tal-Unjoni Afrikana dwar il-finanzi, l-affarijiet monetarji, il-pjanifikazzjoni ekonomika u l-integrazzjoni (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punt 95).

148    Ir-rikorrent huwa għalhekk irrikonoxxut fuq il-livell internazzjonali bħala rappreżentant tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, anki jekk, kif isostnu l-Kunsill, ir‑Repubblika Franċiża, il-Kummissjoni u l-KSMM, dan ir‑rikonoxximent jaqa’ fil-qafas limitat tal-proċess ta’ awtodeterminazzjoni ta’ dan it-territorju. Barra minn hekk, il‑parteċipazzjoni tiegħu f’dan il-proċess timplika li huwa għandu l‑awtonomija u r-responsabbiltà neċessarja sabiex jaġixxi f’dan il-qafas, li huwa kkonfermat, barra minn hekk, mill-Istatuti tiegħu li tpoġġew fil‑proċess. Il-fatt li, kif isostnu l-Kunsill, ir-Repubblika Franċiża, il‑Kummissjoni u l-KSMM, id‑drittijiet u l-obbligi tar-rikorrent ma humiex ekwivalenti għal dawk tal-Istati jew tal-organizzazzjonijiet internazzjonali, fatt li, qabelxejn, ma huwiex ikkontestat minnu, ma huwiex rilevanti f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punti 96 u 97).

149    Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni, korrettament, li l-istituzzjonijiet ħadu konjizzjoni tar-rwol tiegħu u tar-rappreżentattività tiegħu. Minn naħa waħda, fil-punt 105 tas‑sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, il-Qorti tal-Ġustizzja stess ħadet konjizzjoni tar-rikonoxximent mill-Assemblea Ġenerali tal-ONU ta’ din ir‑rappreżentattività (ara l-punt 143 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent jipproduċi provi li jindikaw li huwa kellu regolarment skambju mal‑Kummissjoni dwar il-kwistjonijiet li jirrigwardaw is-sitwazzjoni tas‑Saħara tal-Punent. Barra minn hekk, fil-qafas tal-konsultazzjonijiet msemmija fil-premessa 11 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 60 iktar ’il fuq), is-SEAE ppropona lir-rikorrent sabiex ikun hemm skambju ta’ opinjonijiet miegħu dwar il-ftehim ikkontestat, kif jirriżulta mir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-benefiċċji għall‑popolazzjoni tas-Saħara tal-Punent tal-Ftehim dwar is-Sajd sostenibbli bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk u l-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu kif ukoll dwar il-konsultazzjoni ta’ din il‑popolazzjoni, mill-Kummissjoni, li takkumpanja l-proposta ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Ottubru 2018 dwar l-iffirmar, għan‑nom tal-Unjoni tal-ftehim ta’ sħubija fil-qasam tas-sajd sostenibbli bejn l‑Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk, tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu u ta’ skambju ta’ ittri li jakkumpanjaw l-imsemmi ftehim [SWD(2018) 433 final, iktar ’il quddiem ir-“rapport tat-8 ta’ Ottubru 2018”]. Ir-rikorrent għalhekk għandu bażi sabiex isostni li huwa kkunsidrat bħala interlokutur leġittimu mill‑istituzzjonijiet tal-Unjoni fir-rigward tal-kwistjonijiet li jistgħu jikkonċernaw dan it-territorju, inkluż sabiex jesprimi l-pożizzjoni tiegħu fir-rigward tal‑konklużjoni tal-ftehim ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punt 98).

150    Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li, fil-punt 106 tas-sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, fid-dawl tal-elementi mfakkra fil‑punt 105 tal-istess sentenza (ara l-punt 143 iktar ’il fuq), il-poplu tas-Saħara tal-Punent għandu jiġi kkunsidrat bħala “terz” fis-sens tal-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati, li, bħala tali, seta’ jiġi affettwat mill‑implimentazzjoni tal‑Ftehim ta’ Assoċjazzjoni f’każ ta’ inklużjoni tat-territorju tas-Saħara tal‑Punent fil‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑imsemmi ftehim, b’tali mod li din l‑implimentazzjoni jkollha, fi kwalunkwe każ, tirċievi l-kunsens tiegħu (sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punt 99).

151    Barra minn hekk, fil-punti 63 u 64 tas-sentenza Western Sahara Campaign UK, il‑Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq il‑kunsiderazzjonijiet tas-sentenza Il‑Kunsill vs Front Polisario, b’mod partikolari dawk tal-punti 105 u 106 tagħha, sabiex tikkonkludi li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim dwar is-Sajd tal-2006 ma setax jiġi interpretat bħala li jinkludi t-territorju tas-Saħara tal-Punent, ħlief bi ksur tal-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u l-prinċipju tal-effett relattiv tat‑trattati. Bl‑istess mod, fil-punti 69 sa 73 tal-istess sentenza, billi bbażat ruħha fuq id‑dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar id-Dritt tal‑Baħar, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet minn din il-konklużjoni li huwa kuntrarju għall-istess prinċipji li jiġi kkunsidrat li l-ibħra li jmissu ma’ dan it-territorju mhux awtonomu jaqgħu fis‑sovranità jew fil‑ġurisdizzjoni tar-Renju tal-Marokk fis-sens tal-imsemmi ftehim dwar is-sajd.

152    B’dan ir-rikors, ir-rikorrent, irid jiddefendi d-dritt għall‑awtodeterminazzjoni tal‑poplu tas-Saħara tal-Punent, minħabba l‑fatt, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata ma tirrispettax dan id-dritt, billi approvat il-konklużjoni ta’ ftehim mar-Renju tal-Marokk li japplika għal dan it-territorju u għall-ibħra li jmissu miegħu, mingħajr il-kunsens tiegħu, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti tal‑Ġustizzja (ara l-punt 100 iktar ’il fuq). Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li, f’din is-sitwazzjoni partikolari, ir-rekwiżiti tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva jirrikjedu, fi kwalunkwe każ, li jiġi rikonoxxut li r-rikorrent għandu l-kapaċità li jippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex jiddefendi dan id‑dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il‑Kunsill, T‑279/19, punt 100).

153    Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi kollha, ir-rikorrent għandu jiġi kklassifikat bħala persuna ġuridika fis-sens tar-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE, li għandu locus standi in judicio quddiem il‑qrati tal-Unjoni sabiex jippreżenta dan ir-rikors, mingħajr preġudizzju għall‑obbligu tiegħu li juri li jissodisfa l‑kundizzjonijiet l‑oħra ta’ ammissibbiltà u, b’mod partikolari, li huwa għandu locus standi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punt 101).

154    L-argumenti tal-Kunsill, tar-Repubblika Franċiża, tal-Kummissjoni u tal‑KSMM ma jikkontestawx din il-konklużjoni.

155    L-ewwel nett, iċ-ċirkustanzi allegati dwar il-fatt li r-rikorrent ma huwiex l-uniku rappreżentant tal-poplu tas-Saħara tal-Punent u li r‑rappreżentattività tiegħu hija limitata għall-proċess ta’ awtodeterminazzjoni ma humiex, fi kwalunkwe każ, determinanti fir‑rigward taċ-ċirkustanzi mfakkra fil-punti 143 sa 149 iktar ’il fuq. L-istess jgħodd għall-fatt li l-organi tal-ONU ma ddefinixxewhx b’mod espliċitu bħala moviment ta’ liberazzjoni nazzjonali u li ma tawhx l-istatus ta’ osservatur kif ukoll li l-argument li l-personalità ġuridika tiegħu hija, sempliċement, “funzjonali” jew “tranżitorja” (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal‑lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punt 103).

156    It-tieni, fir-rigward tal-argument tal-KSMM ibbażat fuq l-allegat nuqqas ta’ indipendenza tar-rikorrent fir-rigward tal-RASD, fid-dawl tal‑fatt li r-rikorrent huwa parti fil-proċess ta’ awtodeterminazzjoni bħala organizzazzjoni politika awtonoma u mhux biex jirrappreżenta l-RASD, u li, fi kwalunkwe każ, it-test iċċitat mill-KSMM insostenn tal-argument tagħhom kien jirrikonoxxi din l‑awtonomija tiegħu, dan għandu jiġi miċħud (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑lum, Front Polisario vs Il‑Kunsill, T‑279/19, punt 104).

157    It-tielet, fir-rigward tal-argument li bejn ir-rikorrent u l-Unjoni jew bejn ir‑rikorrent u l-Istati Membri ma hemm l-ebda relazzjoni ġuridika, li minnha jirriżultaw, għalih, drittijiet u obbligi u li tikkostitwixxi, min‑naħa tal-Unjoni jew tal-Istati Membri, forma ta’ “rikonoxximent internazzjonali”, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali hija adita minn rikors għal annullament ta’ att tal-Unjoni, li fir‑rigward tiegħu hija għandha kompetenza tiddeċiedi, li r-rikorrent isostni li huwa direttament u individwalment affettwat bħala rappreżentant tal-poplu tas-Saħara tal-Punent u li, permezz ta’ dan ir‑rikors, ir-rikorrent irid jiddefendi d-dritt għall-awtodeterminazzjoni ta’ dan tal-aħħar, li l‑istituzzjonijiet huma obbligati jirrispettaw. Konsegwentement, l-eżistenza ta’ relazzjoni ġuridika bejn l-Unjoni u r‑rikorrent, li għandha tiġi vverifikata fil-qafas tal‑eżami tal-inċidenza diretta u individwali fuq dan tal-aħħar, ma tistax tiġi eskluża f’dan l‑istadju. Fi kwalunkwe każ, sa fejn l-istituzzjonijiet ħadu konjizzjoni tar‑rappreżentattività tar-rikorrent u li jittrattawh bħala interlokutur leġittimu fir-rigward tal-kwistjoni tas-Saħara tal-Punent, il-fatt li ma huwiex destinatarju ta’ xi att tal-Unjoni li tipproduċi effetti ġuridiċi ma huwiex determinanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il‑Kunsill, T‑279/19, punti 105 sa 108 u l-ġurisprudenza ċċitata).

158    Ir-raba’, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, billi tirrikonoxxi li r‑rikorrent għandu locus standi in judicio quddiemha, il‑Qorti Ġenerali ma tittrasformax ruħha f’qorti “kważi internazzjonali”. Fil-fatt, qabelxejn, din il‑kawża ma tirrigwardax “tilwima” internazzjonali li fiha r-rikorrent kien parti, iżda rikors għal annullament kontra att tal-Unjoni. Sussegwentement, sa fejn hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha tivverifika jekk ir-rikorrent issodisfax il‑kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà relatati mad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l‑kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-kunċett ta’ persuna ġuridika, ir‑rikors tiegħu jintlaqa’ fil-qafas ristrett tal-eżerċizzju tal-kompetenzi li ngħataw lill-Qorti Ġenerali bid-dritt tal-Unjoni. Finalment, peress li l-eżerċizzju tal‑kompetenzi mogħtija lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam internazzjonali ma jistgħux jiġu preklużi, għalhekk, mill-istħarriġ ġudizzjarju, ir-rikonoxximent ta’ locus standi in judicio f’dak li jirrigwarda lir-rikorrent ma għandux iwassal sabiex il-Qorti Ġenerali tissostitwixxi lill-istituzzjonijiet li jirregolaw ir‑relazzjonijiet esterni tal‑Unjoni u tadotta deċiżjoni “politika”. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma tistax tagħmel kunsiderazzjonijiet ta’ politika internazzjonali u ta’ opportunità fuq ir-regoli ta’ ammissibbiltà tar-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punti 109 sa 113 u l-ġurisprudenza ċċitata).

159    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kunsill ibbażata fuq in-nuqqas ta’ locus standi in judicio tar‑rikorrent għandha tiġi miċħuda.

d)      Fuq il-validità tal-mandat mogħti mir-rikorrent lill-avukat tiegħu

160    Il-KSMM jesprimu dubji dwar il-validità tal-mandat mogħti mir‑rikorrent lill‑avukat tiegħu. Fil-fatt, huma jistaqsu jekk dan il-mandat jistax ikun validament iffirmat mis-“segretarju politiku” tar-rikorrent, kif ġara f’dan il-każ. Huma jitolbu lill-Qorti Ġenerali tivverifika l-validità ta’ dan il-mandat. Huma jsostnu li, jekk ma huwiex validu, ir-rikors għandu jiġi ddikjarat inammissibbli abbażi tal‑Artikolu 51(3) tar-Regoli tal‑Proċedura.

161    Mistoqsi f’dan ir-rigward, fil-qafas tal-miżura ta’ organizzazzjoni tat-18 ta’ Diċembru 2020, l-ewwel nett, ir-rikorrent jindika li huwa ma huwiex “persuna ġuridika tad-dritt privat” fis-sens tal-Artikolu 51(3) tar-Regoli tal-Proċedura. It‑tieni, huwa jsostni li r-rikorsi kollha li huwa ppreżenta sa mill-2012 ġew ippreżentati abbażi ta’ mandati ffirmati mis‑“segretarju politiku” tiegħu, u l‑validità ta’ dawn il-mandati qatt ma ġiet ikkontestata. It-tielet, is-“segretarjat tal‑organizzazzjoni politika”, li l-firmatarju tal-mandat huwa l-kap tiegħu, jagħmel parti mill-“istrutturi prinċipali tal-Front” u huwa s-suġġett tal-Artikoli 119 sa 130 tal-Istatuti tiegħu. Ir-raba’, dan il-firmatarju u l-funzjonijiet tiegħu huma faċilment identifikati f’dokumenti disponibbli online. Minn dawn il-punti kollha jirriżulta li, skont il-ġurisprudenza, ma hemm ebda dubju dwar l-intenzjoni tar-rikorrent li jippreżenta dan ir-rikors. Ir-rikorrent jipproduċi, insostenn tal-argumenti tiegħu, it‑test sħiħ tal‑Istatuti tiegħu, approvati fl-erbatax‑il kungress tiegħu, li nżamm mis‑16 sat-23 ta’ Diċembru 2015, kif ukoll id-dokumenti disponibbli online, li għalihom jirreferi.

162    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, bħall-mandat tal-avukat prodott mir‑rikorrent fil-kuntest tal-kawża li wasslet għas-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill (T‑279/19), id-dokument tal-20 ta’ Mejju 2019 li huwa pproduċa f’dan il-każ u li għalih il-KSMM jirreferu huwa ppreżentat bħala mandat mogħti lill-avukat tiegħu sabiex jippreżenta għan-nom tiegħu rikors għall-annullament, maħruġ f’ismu u ffirmat minn A, indikat bħala “segretarju politiku” ta’ din l-organizzazzjoni. Barra minn hekk, il-KSMM jesprimu d-dubji tagħhom dwar il-validità ta’ dan il-mandat bl-istess mod bħall-Konfederazzjoni Marokkina tal‑Agrikoltura u tal-Iżvilupp Rurali (Comader), parti intervenjenti fil‑kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza u, ir-rikorrent, f’dan il-każ, ippreżenta f’dan ir-rigward osservazzjonijiet li għandhom l-istess kontenut bħal dawk li huwa ppreżenta f’dik il-kawża (sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punti 115, 116 u 123).

163    F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, irrispettivament mill‑kundizzjonijiet previsti bl-Artikolu 51(3) tar-Regoli tal-Proċedura, kwalunkwe entità għandha turi mhux biss il-locus standi tagħha, iżda wkoll il‑fatt li hija verament ħadet id-deċiżjoni li tippreżenta r-rikors u li l-avukati li jallegaw li qegħdin jirrappreżentawha jkunu effettivament ingħataw mandat għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punti 120 sa 122 u l-ġurisprudenza ċċitata).

164    F’dan il-każ, mill-punti 143 sa 159 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrent għandu locus standi in judicio quddiem il-qrati tal-Unjoni. Madankollu, għandu jiġi vverifikat jekk hemmx dubju dwar il-fatt li huwa effettivament iddeċieda li jippreżenta r-rikors, peress li din il-kwistjoni, tista’, fi kwalunkwe każ, tiġi eżaminata ex officio mill-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punti 117 u 119).

165    Minn naħa waħda, kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet tar-rikorrent u mid‑dokumenti prodotti insostenn, li l-kontenut tagħhom ma huwiex ikkontestat, l-espressjoni “segretarju politiku” għandha tinftiehem bħala l-persuna fit-tmexxija tal-organizzazzjoni indikata, fl-Istatuti tagħha, “segretarjat tal-organizzazzjoni politika”. Barra minn hekk, mill‑imsemmija dokumenti jirriżulta espliċitament li l‑persuna li ffirmat il-mandat mogħti mir-rikorrent lill-avukat kienet effettivament taqdi l‑funzjonijiet ta’ “segretarju politiku” tar-rikorrent fid-data tal-preżentata tar‑rikors, u dan lanqas ma huwa kkontestat (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal‑lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punt 125).

166    Min-naħa l-oħra, skont il-punt 7 tal-Artikolu 92 tal-Istatuti tar‑rikorrent, is‑segretarju nazzjonali, li huwa, skont l-Artikolu 76 tal‑istess Statuti, l‑“organu suprem” tar-rikorrent “matul il-perijodu bejn iż‑żewġ Kungressi”, għandu bħala funzjonijiet, b’mod partikolari, li “[j]irrappreżenta lill-Front fir-relazzjonijiet tiegħu mal-partiti politiċi, il‑gvernijiet, il-movimenti ta’ liberazzjoni u l‑organizzazzjonijiet l-oħra”. Skont l-Artikolu 120 ta’ dawn l-istess Statuti, “is‑segretarjat tal-organizzazzjoni politika għandu jiżgura l-implimentazzjoni u l‑monitoraġġ ta’ deċiżjonijiet u ta’ programmi tas-segretarjat nazzjonali u tal‑Uffiċċju tiegħu b’rabta man-natura u mal-funzjonijiet tal-organizzazzjoni politika” (sentenza tal‑lum, Front Polisario vs Il‑Kunsill, T‑279/19, punt 126).

167    Minn dawn l-artikoli tal-Istatuti tar-rikorrent jista’ għalhekk jiġi dedott, kif ikkonferma r-rikorrent waqt is-seduta, li l-implimentazzjoni tad‑deċiżjonijiet tas‑segretarjat nazzjonali fir-relazzjonijiet tiegħu mal‑gvernijiet u mal‑organizzazzjonijiet l-oħra, b’mod partikolari mal‑Unjoni, tista’ taqa’ fil‑kompetenza tas-segretarjat tal‑organizzazzjoni politika u li, b’dan il-mod, A kien awtorizzat jiffirma l‑mandat tal-avukat tar-rikorrent (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punt 127).

168    Għandu jingħad ukoll li, minkejja li r-rwol tas-“segretarju politiku” ta’ rappreżentazzjoni fi ħdan organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-Unjoni, u fi ħdan qrati, bħall-Qorti Ġenerali, ma jirriżultax mil-lista ta’ funzjonijiet tas‑segretarjat tal-organizzazzjoni politika, fl-Artikoli 122 u 131 tal-Istatuti tagħha, l-Artikolu 120 tagħhom jagħti lil dan l-organu l‑kompetenza għall‑implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ deċiżjonijiet u ta’ programmi tas‑segretarjat nazzjonali u minn dawn l-Artikoli 122 u 133 ma jirriżultax li l-lista ta’ dawn il-funzjonijiet hija restrittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punti 128 u 129 u l-ġurisprudenza ċċitata).

169    Għalhekk, minn dawn il-kunsiderazzjonijiet għandu jiġi dedott li, f’dan il-każ, A, “segretarju politiku” tar-rikorrent kien awtorizzat jimplimenta d-deċiżjoni tal‑“organu suprem” ta’ dan ta-aħħar, jiġifieri s-segretarjat nazzjonali, li jippreżenta dan ir-rikors. Barra minn hekk, jista’ jiġi rrilevat li l-avukat tar‑rikorrent, membru tal‑avukatura ta’ Stat Membru u suġġett bħala tali għal kodiċi ta’ etika professjonali, iddikjara, fit-tweġiba għall‑mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Jannar 2021, li r-rikorrent “kellu b’mod ċar l-intenzjoni li jippreżenta r-[rikors]” u li “r-rieda tiegħu li jikseb l-osservanza effettiva tas‑sentenzi tal-Qorti [kienet] totali” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punti 130 u 131 u l-ġurisprudenza ċċitata).

170    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-dubji tal-KSMM dwar il-validità tal-mandat mogħti mir-rikorrent lill-avukat tiegħu għandhom jiġu miċħuda.

e)      Fuq it-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kunsill, ibbażata fuq nuqqas ta’ locus standi tar-rikorrent

171    Fil-qafas tat-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Kunsill, sostnut mir‑Renju ta’ Spanja, mir-Repubblika Franċiża, mill-Kummissjoni u mil‑KSMM, isostni li r‑rikorrent, li ma huwiex id-destinatarju tad‑deċiżjoni kkontestata, ma huwa affettwat la direttament u lanqas individwalment minnha.

172    Min-naħa tiegħu, ir-rikorrent isostni li huwa direttament u individwalment affettwat mid-deċiżjoni kkontestata, inkwantu l‑ftehim ikkontestat japplika għat‑territorju tas-Saħara tal-Punent u l-ibħra li jmissu miegħu, u b’hekk jaffettwa l-poplu ta’ dan it-territorju.

173    Preliminarjament, minn naħa waħda, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, att bħad-deċiżjoni kkontestata, li tirrigwarda l‑approvazzjoni ta’ ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni, tista’ tiġi kkontestata. Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-Artikolu 263 TFUE jagħmel distinzjoni netta bejn id-dritt għal azzjoni legali tal‑istituzzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri u dak tal‑persuni fiżiċi u ġuridiċi, peress li r-raba’ paragrafu ta’ dan l-artikolu jistipula li dawn tal‑aħħar jistgħu jieħdu azzjoni legali kontra l-atti indirizzati lilhom u li jirrigwardawhom direttament u individwalment u li ma jinvolvux miżuri ta’ implimentazzjoni (sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il‑Kunsill, T‑279/19, punti 135 u 136 u l-ġurisprudenza ċċitata).

174    F’dan il-każ, ir-rikorrent ma huwa destinatarju la tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas tal-ftehim ikkontestat. Fid-dawl tal-pożizzjoni partikolari tal-ftehim internazzjonali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u tal-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-Artikolu 218(6)(a)(i) TFUE, li jirrikjedi, għall-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni, l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, ir-rikors tar-rikorrent kontra d-deċiżjoni kkontestata ma għandux ikun suġġett għal kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà inqas ristretti minn dawk li japplikaw għal rikors kontra atti leġiżlattivi. Huwa għalhekk ir-rikorrent li għandu juri li huwa direttament u individwalment affettwat mid-deċiżjoni kkontestata, u dan, qabelxejn, ma huwiex ikkontestat minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il‑Kunsill, T‑279/19, punti 137 sa 140 u l-ġurisprudenza ċċitata).

175    Id-deċiżjoni dwar din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tingħata billi jingħata bidu għall-eżami tal-inċidenza diretta fuq ir-rikorrent.

1)      Fuq l-inċidenza diretta fuq ir-rikorrent

176    Il-Kunsill isostni li r-rikorrent ma kienx jissodisfa l-kriterji stabbiliti mill‑ġurisprudenza sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna fiżika jew ġuridika hijiex direttament affettwata mill-att ikkontestat. F’dan ir‑rigward, minn naħa waħda, f’dak li jikkonċerna lill-ewwel wieħed minn dawn il-kriterji, huwa jsostni li r‑rikorrent ma huwiex destinatarju tal-att ikkontestat u li dan tal-aħħar ma jipproduċix, fir-rigward tiegħu, effetti ġuridiċi. Fil‑fatt, fl-ewwel lok, fl-opinjoni tiegħu, id-deċiżjoni kkontestata tipproduċi effetti ġuridiċi biss fir-rigward tal‑Unjoni jew tal‑istituzzjonijiet tagħha u mhux fir-rigward ta’ terzi. Fit-tieni lok, huwa jikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata ma għandhiex effetti barra mit‑territorju ta’ applikazzjoni tat-trattati. Fit-tielet lok, huwa jsostni li, billi bbażat ruħha fuq l-effetti tal-ftehim ikkontestat fuq territorju barra mill-Unjoni sabiex tistabbilixxi l-inċidenza diretta fuq ir-rikorrent, il‑Qorti Ġenerali jkollha tiddeċiedi dwar il-legalità tad-drittijiet u tal‑obbligi tar-Renju tal-Marokk li jirriżultaw mill-imsemmi ftehim, li għalih dan il-pajjiż terz ta l-kunsens tiegħu b’mod ħieles u b’mod sovran, u dan imur lil hinn mill-kompetenzi tagħha. Min‑naħa l-oħra, fir-rigward tat-tieni minn dawn il-kriterji, huwa jiddikjara li dan il-ftehim u l‑iskambju ta’ ittri fihom innifishom ma jipproduċux effetti ġuridiċi fir‑rigward ta’ terzi u jeħtieġu li jiġu implimentati mill-Protokoll ta’ Implimentazzjoni, li, min-naħa tiegħu, jeħtieġ miżuri ta’ implimentazzjoni addizzjonali. Fil-kontroreplika, il-Kunsill iżid li, anki jekk id-deċiżjoni kkontestata tipproduċi effetti barra mit-territorju tal‑Unjoni, il-ftehim ikkontestat jista’ jaffettwa biss lill-operaturi attivi fis‑setturi ekonomiċi kkonċernati.

177    Min-naħa tiegħu, ir-rikorrent isostni li huwa affettwat direttament mid‑deċiżjoni kkontestata. Huwa jsostni li jissodisfa ż-żewġ kriterji li huma meħtieġa t-tnejn sabiex il-kundizzjoni tal-inċidenza diretta tkun issodisfatta. Fil-fatt, minn naħa waħda, mis-sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario jiddeduċi li, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata twassal għall‑konklużjoni ta’ ftehim li jinkludi b’mod espliċitu t‑territorju tas-Saħara tal-Punent u l-ibħra li jmissu miegħu u r-riżorsi naturali tagħhom fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu mingħajr il-kunsens tal-poplu ta’ dan it‑territorju, l-imsemmi ftehim jaffettwa direttament lil dan tal-aħħar, bħala terz għal dan il-ftehim. B’dan il-fatt biss, dan il-ftehim jipproduċi effetti fuq is‑sitwazzjoni ġuridika tiegħu, bħala l-uniku rappreżentant ta’ dan il‑poplu. Min‑naħa l-oħra, huwa jiddikjara li r-regolament ikkontestat, li ġie adottat qabel id-deċiżjoni kkontestata u li sempliċement jalloka l-opportunitajiet tas-sajd previsti fl-Artikolu 3(1) tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni, ma għandux jiġi kkunsidrat bħala miżura intermedja li tipprekludi l-inċidenza diretta tiegħu.

178    Ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Kummissjoni u l-KSMM jiżviluppaw, essenzjalment, l-istess argument bħal dak tal-Kunsill.

179    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il‑kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament affettwata mid-deċiżjoni li tkun is-suġġett ta’ rikors, kif previst fir-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE, tirrikjedi li jiġu ssodisfatti żewġ kriterji kumulattivi. Fl‑ewwel lok, il-miżura tal-Unjoni kkontestata għandha toħloq direttament effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal‑individwu. Fit-tieni lok, hija ma għandha tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha li huma inkarigati li jimplimentawha, peress li din hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli oħra intermedjarji (ara s-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il‑Kunsill, T‑279/19, punt 144 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

180    Għalhekk, għandu jiġi eżaminat, b’mod distint, jekk ir-rikorrent kienx jissodisfa kull wieħed minn dawn iż-żewġ kriterji.

i)      Fuq l-osservanza, mir-rikorrent, tal-ewwel kriterju tal-inċidenza diretta, li jirrikjedi li l-miżura kkontestata għandha tipproduċi b’mod dirett effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tiegħu

181    Fir-rigward tal-osservanza tal-ewwel kriterju tal-inċidenza diretta, mill‑argument tal-Kunsill, tar-Renju ta’ Spanja, tar-Repubblika Franċiża, tal-Kummissjoni u tal‑KSMM jiġi dedott li l-kontestazzjoni tagħhom dwar l-eżistenza ta’ effetti diretti tad-deċiżjoni kkontestata fuq is-sitwazzjoni ġuridika tar‑rikorrent tinvolvi, essenzjalment, tliet partijiet. L-ewwel waħda hija bbażata fuq l-effetti ġuridiċi intrinsiċi ta’ deċiżjoni ta’ konklużjoni, għan‑nom tal-Unjoni, ta’ ftehim internazzjonali. It-tieni waħda hija relatata mal-effetti ġuridiċi speċifiċi tad‑deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-applikazzjoni territorjali tiegħu. It-tielet tikkonċerna n-nuqqas ta’ bidla tas-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrent, fid-dawl tar‑rwol limitat tiegħu fil-parteċipazzjoni fil-proċess ta’ awtodeterminazzjoni tas‑Saħara tal-Punent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il‑Kunsill, T‑279/19, punt 146).

–       Fuq l-ewwel parti tal-argument tal-Kunsill, dwar l-effetti ġuridiċi intrinsiċi ta’ deċiżjoni ta’ konklużjoni, għan-nom tal-Unjoni, ta’ ftehim internazzjonali

182    Minn naħa waħda, il-Kunsill, sostnut mir-Repubblika Franċiża, isostni, essenzjalment, li deċiżjoni ta’ konklużjoni, għan-nom tal-Unjoni, ta’ ftehim internazzjonali ma tipproduċix effetti fil-konfront ta’ terzi u li l‑effetti allegati tal‑ftehim ikkontestat fuq ir-rikorrent ma għandhomx jiġu invokati sabiex juru li s‑sitwazzjoni ġuridika tiegħu hija affettwata minn din id-deċiżjoni. Min-naħa l‑oħra, il-Kunsill, sostnut, essenzjalment, mir-Repubblika Franċiża u mill‑Kummissjoni, jiddikjara li deċiżjoni ta’ din in-natura ma tista’ tipproduċi effetti ġuridiċi biss fl-Unjoni.

183    Min-naħa tiegħu, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata, inkwantu twassal għall-konklużjoni tal-ftehim ikkontestat, hija indissoċjabbli minn dan tal-aħħar, ħlief sabiex tneħħi tali att, li jista’ jiġi kkontestat, mill‑istħarriġ ta’ legalità mill‑qrati. Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li, fi kwalunkwe każ, ma huwiex ikkontestat li l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-ftehim ikkontestat, approvat mid-deċiżjoni kkontestata, jinkludi t-territorju tal-poplu tas-Saħara tal-Punent u l‑ibħra li jmissu miegħu u r-riżorsi naturali tagħhom. Skont ir-rikorrent, ir‑riferiment tal‑Kunsill għall-kunsens liberu u sovran tar-Renju tal-Marokk jikkontesta l-kompetenza tal-qrati tal-Unjoni sabiex jistħarrġu d‑deċiżjoni kkontestata.

184    Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li deċiżjoni ta’ konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, li hija bbażata fuq l‑Artikolu 218(6) TFUE, ma għandhiex tiġi konfuża mad-deċiżjonijiet adottati abbażi tal-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-artikolu, li huma relatati mat‑tmexxija ta’ negozjati internazzjonali u li għalhekk ma joħolqux, bħala regola, effetti ġuridiċi ħlief fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l‑Istati Membri tagħha kif ukoll bejn l‑istituzzjonijiet tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, din id-deċiżjoni tirriżulta mill-kunsens tal-Unjoni li tintrabat b’dan il-ftehim. Hija għalhekk element kostituttiv tal-imsemmi ftehim u toħloq effetti ġuridiċi fil‑konfront tal-partijiet l-oħra fih, inkwantu tifformalizza l-aċċettazzjoni, mill‑Unjoni, ta’ obbligi li hija aċċettat fil-konfront tagħhom (ara s‑sentenza tal‑lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punti 149 u 150 u l-ġurisprudenza ċċitata).

185    Barra minn hekk, minkejja li l-ftehim internazzjonali konkluż b’deċiżjoni bħal din jorbot lill-partijiet fir-rigward ta’ territorju ieħor li ma huwiex tagħhom skont il‑kundizzjonijiet iddefiniti mid-dritt internazzjonali, dan il-ftehim jista’ jaffettwa terz, fis-sens tal-prinċipju ġenerali tal-effett relattiv tat-trattati. Konsegwentement, l-effetti tal‑implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim fuq is-sitwazzjoni ġuridika ta’ dan it-terz huma rilevanti sabiex tiġi evalwata l-inċidenza diretta fuq dan tal‑aħħar mid-deċiżjoni ta’ konklużjoni ta’ tal-imsemmi ftehim, adottat għan-nom tal‑Unjoni (ara s-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punti 151 u 152 u l-ġurisprudenza ċċitata).

186    Minn dan isegwi li huwa b’mod żbaljat li l-Kunsill jiddikjara li, min-natura tagħha, id-deċiżjoni kkontestata toħloq biss effetti fir-rigward tal-Unjoni u tal‑istituzzjonijiet tagħha. Għall-istess raġunijiet, għandu jiġi miċħud l‑argument tar-Repubblika Franċiża li d-deċiżjoni kkontestata ma toħloqx, fiha nnifisha, effetti ġuridiċi fir-rigward tar-rikorrent, peress li ma hijiex suffiċjenti sabiex iddaħħal fis-seħħ il-ftehim ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il‑Kunsill, T‑279/19, punt 153 u l-ġurisprudenza ċċitata).

187    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni jorbot mhux biss lill-istituzzjonijiet tagħha, iżda wkoll lill-Istati terzi li huma partijiet f’dawn il-ftehim. Huwa għalhekk li, kif tfakkar ir‑Repubblika Franċiża stess, rikors għal annullament ippreżentat kontra ftehim internazzjonali għandu jinftiehem bħala li huwa indirizzat kontra d-deċiżjoni li kkonkludietu għan-nom tal‑Unjoni. Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hemm lok li jiġi kkunsidrat li talba għal deċiżjoni preliminari li tirrigwarda l-validità ta’ ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni għandha tinftiehem fis-sens li tinkludi l-att li bih l‑Unjoni kkonkludiet tali ftehim internazzjonali (ara s-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punt 154 u l-ġurisprudenza ċċitata).

188    Madankollu, fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, kemm fil-kuntest ta’ rikors għal annullament kif ukoll f’dak ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, sabiex twettaq evalwazzjoni dwar jekk ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni huwiex kompatibbli mat-trattati u mar-regoli tad-dritt internazzjonali li jorbtuha, ġie deċiż li l-istħarriġ ta’ validità ta’ deċiżjoni ta’ konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ deċiżjoni preliminari, jista’ jirrigwarda l‑legalità ta’ dan l-att fid-dawl tal-kontenut stess tal-ftehim internazzjonali inkwistjoni (ara s-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il‑Kunsill, T‑279/19, punt 155 u l-ġurisprudenza ċċitata).

189    Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma applikabbli fl-ipoteżi ta’ rikors għal annullament kontra deċiżjoni ta’ dan it-tip, ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali minn persuna ġuridika, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE, bħal dan ir-rikors. Kwalunkwe interpretazzjoni oħra twassal, kif jirrileva, essenzjalment, ir-rikorrent, sabiex tneħħi, fil‑parti l-kbira tagħha, id-deċiżjoni kkontestata mill-istħarriġ tal-legalità tagħha fuq il-mertu, li ma huwiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara s-sentenza tal‑lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punti 156 u 157 u l-ġurisprudenza ċċitata).

190    Konsegwentement, l-eżami tal-inċidenza diretta u individwali fuq din il‑persuna ġuridika minn tali deċiżjoni għandu jieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, l‑effetti prodotti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tiegħu permezz tal-ftehim internazzjonali konkluż bis-saħħa tagħha (ara s‑sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punt 158 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

191    F’dan il-każ, ġie kkonstatat li r-rikorrent għandu, fid-dawl tar-rwol tiegħu ta’ rappreżentant tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, locus standi in judicio kontra d‑deċiżjoni kkontestata sabiex jiddefendi d-drittijiet li dan il-poplu għandu abbażi tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jorbtu lill-Unjoni (ara l-punt 152 iktar ’il fuq). Konsegwentement, kif essenzjalment isostni, ir-rikorrent għandu jkun jista’ jinvoka, sabiex jistabbilixxi l-inċidenza diretta u individwali fuqu, l‑effetti tal‑ftehim ikkontestat fuq dawn id-drittijiet, għaliex inkella l‑protezzjoni ġudizzjarja tagħhom titlef ħafna mill-effett utli tagħha (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punt 160 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

192    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad‑deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat, minn naħa waħda, li din hija intiża sabiex toħloq effetti ġuridiċi fil-qafas tar-rapporti bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk, bħala element kostituttiv tal-espressjoni ta’ qbil ta’ intenzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ suġġetti tad-dritt internazzjonali, u, konsegwentement, neċessarjament toħloq effetti fl-ordinament ġuridiku internazzjonali. Min-naħa l-oħra, kif huwa dedott mill-ġurisprudenza, l‑effetti ġuridiċi ta’ dan il-ftehim fuq it-territorju tal-parti l‑oħra fil-ftehim jew fuq it-territorju terz jistgħu jiġu invokati sabiex tiġi stabbilita l‑inċidenza diretta u individwali fuq persuna fiżika u ġuridika mid‑deċiżjoni kkontestata, inkwantu din tal-aħħar tesprimi l-kunsens tal‑Unjoni sabiex il-ftehim joħloq tali effetti (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il‑Kunsill, T‑279/19, punti 161 sa 165 u l-ġurisprudenza ċċitata).

193    F’dan il-każ, ir-rikorrent, filwaqt li jinvoka s-sentenzi Il-Kunsill vs Front Polisario u Western Sahara Campaign UK, jibbaża ruħu fuq l‑applikazzjoni tal-ftehim ikkontestat fit‑territorju tas-Saħara tal-Punent u l-ibħra li jmissu miegħu u fuq il‑kwalità ta’ terz fil-ftehim, fis-sens tal‑effett relattiv tat-trattati, tal-poplu ta’ dan it-territorju, sabiex isostni li huwa affettwat direttament mid-deċiżjoni kkontestata, bħala rappreżentant ta’ dan il-poplu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punt 166).

194    Il-fatt li, kif il-Kunsill u r-Repubblika Franċiża jenfasizzaw, l-effetti tal‑ftehim u tal-implimentazzjoni tiegħu fuq it-territorju tar-Renju tal‑Marokk jaqgħu fil‑kompetenza sovrana ta’ dan tal-aħħar ma huwiex rilevanti.

195    Fil-fatt, minn naħa waħda, f’dan il-każ, ir-rikorrent ma jinvokax l-effetti tal-ftehim ikkontestat fuq it-territorju tal-Marokk jew fuq l-ibħra li fuqhom ir-Renju tal‑Marokk jeżerċita s-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tiegħu, fis-sens tas-sentenza Western Sahara Campaign UK (ara l‑punti 44 sa 50 iktar ’il fuq), iżda l-effetti li huwa joħloq fuq territorju terz u fuq l-ibħra li jmissu miegħu. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, il‑Qorti Ġenerali ma tiddeċidix dwar il-legalità tal-kunsens tar-Renju tal-Marokk għad-drittijiet u obbligi li jirriżultaw mill-imsemmi ftehim, iżda biss fuq il-legalità tal-kunsens tal-Unjoni għalihom (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il‑Kunsill, T‑279/19, punti 168 u 169 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

196    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fir-rigward tan-natura ta’ deċiżjoni ta’ konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali u tal-effetti ġuridiċi tiegħu stess, l‑eżistenza ta’ effetti diretti tad-deċiżjoni kkontestata fuq is‑sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrent, minħabba l-kontenut tal-ftehim ikkontestat, ma għandhiex tiġi miċħuda fl-ewwel lok. L-ewwel parti tal‑argument tal-Kunsill għandha għalhekk tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tieni parti tal-argument tal-Kunsill, relatata mal-effetti ġuridiċi speċifiċi tal-ftehim ikkontestat, fid-dawl tal-applikazzjoni territorjali tiegħu għas-Saħara tal-Punent u għall-ibħra li jmissu miegħu

197    Il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-KSMM jikkontestaw, essenzjalment, il‑fatt li d‑deċiżjoni kkontestata u l-ftehim ikkontestat jipproduċu effetti ġuridiċi fir‑rigward tar-rikorrent, minħabba l-applikazzjoni ta’ dan il‑ftehim għat-territorju tas-Saħara tal-Punent u għall-ibħra li jmissu miegħu. Minn naħa waħda, il-Ftehim dwar is-Sajd jeħtieġ l-adozzjoni tal‑Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu u ta’ miżuri addizzjonali oħra sabiex jipproduċi effetti ġuridiċi fir-rigward ta’ terzi. Min-naħa l-oħra, l‑effetti ta’ dawn l-atti fuq it-territorju allegatament huma purament ekonomiċi u mhux ġuridiċi. Huma għalhekk ma joħolqux drittijiet jew obbligi fir-rigward tal-poplu ta’ dan it-territorju u ma jistgħux jiġu ċċitati kontrih.

198    Min-naħa tiegħu, ir-rikorrent isostni li, minħabba l-inklużjoni espliċita tat‑territorju tas-Saħara tal-Punent u tal-ibħra li jmissu miegħu kif ukoll tar-riżorsi naturali tagħhom fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim ikkontestat, dan tal-aħħar u għalhekk id-deċiżjoni kkontestata jaffettwaw lill-poplu ta’ dan it-territorju, fir‑rigward tad-dritt għall‑awtodeterminazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, huwa jsostni li l‑miżuri ta’ implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim ma humiex rilevanti, peress li l-imsemmija inklużjoni hija, fiha nnifisha, kuntrarja għall‑prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u għall-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati u toħloq effetti ġuridiċi fuq l-imsemmi poplu, u dan jaffettwah direttament, bħala rappreżentant tiegħu.

199    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, preliminarjament, li, kif ġie kkonstatat fil‑punti 109 u 123 iktar ’il fuq, il-premessa li fuqha r-rikorrent jibbaża l-locus standi tiegħu, jiġifieri li d-deċiżjoni kkontestata tapprova ftehim bejn l-Unjoni u r‑Renju tal-Marokk li japplika espliċitament għat‑territorju tas-Saħara tal-Punent u għall-ibħra li jmissu miegħu, hija korretta.

200    Għalhekk għandu jiġi vverifikat biss jekk, minħabba l-applikazzjoni tal‑ftehim ikkontestat għat-territorju tas-Saħara tal-Punent u għall-ibħra li jmissu miegħu, id‑deċiżjoni kkontestata tistax tiġi kkunsidrata bħala li taffettwa l-poplu ta’ dan it‑territorju.

201    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, kif tfakkar fil‑punt 150 iktar ’il fuq, fil-punt 106 tas‑sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, il-Qorti tal‑Ġustizzja kkunsidrat li l-poplu tas-Saħara tal-Punent għandu jiġi kkunsidrat bħala “terz”, fis-sens tal-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati, li jista’ jiġi affettwat mill-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni f’każ ta’ inklużjoni tat-territorju tas-Saħara tal-Punent fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi ftehim. It-tieni, fl-istess punt ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li tali inklużjoni għandha, fi kwalunkwe każ, tirċievi l-kunsens tiegħu, kemm fil-każ fejn tali implimentazzjoni tkun ta’ natura li tippreġudikah kif ukoll jekk tkun ta’ benefiċċju għalih. It-tielet, fil-punt 63 tas-sentenza Western Sahara Campaign UK, il-Qorti tal‑Ġustizzja rreferiet, b’mod partikolari, għall‑punt 106 tas-sentenza Il‑Kunsill vs Front Polisario sabiex tikkunsidra li l-Ftehim dwar is-Sajd tal-2006 ma setax japplika għat‑territorju tas-Saħara tal-Punent, ħlief bi ksur tal-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u tal-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati. Ir-raba’, fil‑punt 69 tas-sentenza Western Sahara Campaign UK, mill-interpretazzjoni tal‑kunċett ta’ “ibħra li jaqgħu fis‑sovranità jew fil-ġurisdizzjoni”, imsemmi f’dan il-Ftehim dwar is‑Sajd, fid-dawl tal-Konvenzjoni dwar id-Dritt tal-Baħar, il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeduċiet li, peress li t-territorju tas-Saħara tal-Punent ma kienx jagħmel parti mit-territorju tar-Renju tal-Marokk, kif tfakkar fil‑punti 62 sa 64 tal‑istess sentenza, l-ibħra li jmissu miegħu ma kinux jaqgħu fiż-żona ta’ sajd iddefinita fl-istess ftehim.

202    Għalhekk hemm lok li mill-ġurisprudenza jiġi dedott li l‑kunsiderazzjonijiet tal‑punt 106 tas-sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario huma rilevanti fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim ikkontestat, li, filwaqt li jaqgħu fl-istess ġabra konvenzjonali bħall‑Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, japplika espliċitament għat‑territorju u għall-ibħra li jmissu mas-Saħara tal-Punent. Konsegwentement, din l‑applikazzjoni territorjali tal-ftehim ikkontestat tista’ taffettwa lill-poplu ta’ dan it-territorju u tirrikjedi l-kunsens tiegħu (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal‑lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punti 194 u 195).

203    Din l-analiżi ma hijiex ikkontestata bl-argumenti tal-Kunsill, tal‑Kummissjoni u tal-KSMM.

204    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argumenti relatati mal-ħtieġa ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni sabiex il-ftehim ikkontestat joħloq effetti ġuridiċi fil‑konfront ta’ terz, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li, kif ġie rrilevat fil‑punti 125 sa 131 iktar ’il fuq, ir-rikorrent jitlob l-annullament tad‑deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi. Din id-deċiżjoni tirrigwarda l‑konklużjoni kemm tal-Ftehim dwar is-Sajd kif ukoll tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni u tal-iskambju ta’ ittri, peress li dawn l-aħħar żewġ strumenti, barra minn hekk, huma parti integrali mil-imsemmi ftehim (ara l‑punt 102 iktar ’il fuq). Konsegwentement, il-fatt, invokat mill-Kummissjoni, li l‑ħolqien ta’ effetti ġuridiċi fil-konfront ta’ terz permezz tal-Ftehim dwar is-Sajd jirrikjedi l-intervent tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni ma huwiex rilevanti.

205    Sussegwentement, kif jenfasizza r-rikorrent, l-inklużjoni, permezz tal‑Ftehim dwar is-Sajd, tas-Saħara tal-Punent u l-ibħra li jmissu magħha fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tiegħu kif ukoll tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tirriżulta biss mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmi ftehim u tal-imsemmi protokoll relatati ma’ dan il-kamp ta’ applikazzjoni, moqrija fid-dawl tal-iskambju ta’ ittri (ara l-punti 109 sa 117 iktar ’il fuq).

206    Ċertament, l-eżerċizzju effettiv mill-Unjoni u mir-Renju tal-Marokk ta’ drittijiet u ta’ obbligi reċiproċi li għalihom taw il-kunsens tagħhom permezz tal-Ftehim dwar is-Sajd u permezz tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni jeħtieġ l-adozzjoni ta’ diversi miżuri ta’ implimentazzjoni f’dak li jirrigwarda l-għoti ta’ drittijiet ta’ sajd għall‑bastimenti tal-Unjoni kif ukoll f’dak li jirrigwarda, minn naħa waħda, il‑ħlas, taħt id-diversi forom tagħha, tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl‑Artikolu 12 ta’ dan il-ftehim u, min-naħa l-oħra, l-allokazzjoni ta’ din il‑kontribuzzjoni, b’mod partikolari, dik tal-appoġġ settorjali.

207    Madankollu, minn naħa waħda, hemm lok li jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, il-fatt stess li l-ftehim ikkontestat jistabbilixxi sistema ġuridika ta’ drittijiet ta’ sajd u ta’ kumpens finanzjarju applikabbli għas-Saħara tal‑Punent u għall-ibħra li jmissu miegħu jaffettwa lill-poplu ta’ dan it‑territorju, bħala terz f’dan il-ftehim, fis-sens tal-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati u irrispettivament mill-implimentazzjoni effettiva tiegħu. Bl-istess mod, dan tal-aħħar huwa affettwat mis-sempliċi fatt li dan il-ftehim jagħti lill-Unjoni u lir-Renju tal-Marokk id-drittijiet u l‑obbligi reċiproki relatati ma’ din is-sistema ġuridika fuq l-imsemmi territorju u l‑imsemmija ibħra.

208    Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, mill-kliem tal-Artikolu 1(h) tal‑Ftehim dwar is-Sajd, b’mod partikolari, jirriżulta li l-inklużjoni tas‑Saħara tal-Punent u tal‑ibħra li jmissu magħha fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dan il-ftehim u tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni għandha natura inkundizzjonata. Fil-fatt, l‑inklużjoni tal-imsemmija ibħra fiż-żona ta’ sajd iddefinita minn dan il-ftehim ma hija suġġetta għal ebda limitazzjoni partikolari.

209    Finalment, ċertament, kif jirriżulta mill-Kapitolu II tal-Anness tal‑Protokoll ta’ Implimentazzjoni u mid-dokumenti tekniċi tas-sajd li jinsabu fl-appendiċi 2 tal‑istess protokoll, l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk għamlu distinzjoni, fiż-żona tas-sajd, bejn żoni ta’ ġestjoni suġġetti għal limitazzjonijiet partikolari. Huwa għalhekk li dan il-kapitolu jagħti lir‑Renju tal-Marokk il-kompitu li jistabbilixxi l‑koordinati eżatti ta’ dawn iż-żoni ta’ ġestjoni kif ukoll ta’ kull żona li jinsabu fihom fejn huwa pprojbit is-sajd, filwaqt li d-dokumenti tekniċi tas-sajd imsemmija iktar ’il fuq jistabbilixxu biss il-limiti massimi ta’ dawn iż-żoni ta’ ġestjoni.

210    Barra minn hekk, huma biss il-kategoriji tas-sajd imsemmija fid‑dokumenti tekniċi nri 3 sa 6 li huma kkonċernati minn żoni ta’ ġestjoni li l-limiti tagħhom jinkludu l-ibħra li jmissu mas-Saħara tal‑Punent (ara l-punt 110 iktar ’il fuq).

211    Madankollu, mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 208 u 209 iktar ’il fuq jirriżulta li l-marġni diskrezzjonali li r-Renju tal-Marokk għandu jikkonċerna d‑delimitazzjoni eżatta taż-żoni ta’ ġestjoni u taż‑żoni fejn is-sajd huwa eventwalment ipprojbit, iżda mhux iż-żona tas-sajd stess. Is-sempliċi fatt li dawn id-dispożizzjonijiet jawtorizzaw lir‑Renju tal-Marokk jiddeċiedi jekk iż-żoni ta’ ġestjoni tal-kategoriji tas‑sajd imsemmija iktar ’il fuq jistgħux jinkludu l-ibħra li jmissu mas‑Saħara tal-Punent jaffettwa l-poplu ta’ dan it-territorju.

212    Qabelxejn, kif ifakkar l-Avukat Ġenerali Wathelet fil-punt 69 tal‑konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Western Sahara Campaign UK (C‑266/16, EU:C:2018:1), il‑fruntiera bejn is-Saħara tal-Punent u r‑Renju tal-Marokk tinsab fil‑latitudni 27°42’N (Ponta Stafford). Fir‑rigward tal-koordinati relatati mal-limiti taż-żoni ta’ ġestjoni msemmija fid-dokument tekniċi tas-sajd nri 4 u 6, għandu jiġi dedott minnhom, minn naħa waħda, li l-iktar parti kbira taż-żona li tinsab bejn il‑limiti taż-żona ta’ ġestjoni msemmija fl-ewwel wieħed minn dawn id‑dokumenti tikkorrispondi mal-ibħra li jmissu mas-Saħara tal-Punent u, min‑naħa l-oħra, li ż-żona li tinsab bejn il-limiti taż-żona ta’ ġestjoni msemmija fit-tieni dokument hija kompletament inkluża f’dawn l-ibħra. Barra minn hekk, dawn il-limiti huma ddefiniti fil-qafas tal-istrumenti approvati mid-deċiżjoni kkontestata u għalhekk ma jiddependux minn miżuri ta’ implimentazzjoni ulterjuri.

213    Bl-istess mod, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ allokazzjoni proporzjonali tal‑benefiċċji li jirriżultaw mill-attivitajiet tas-sajd elenkati fl‑Artikolu 12(4) tal-Ftehim dwar is‑Sajd, il-partijiet huma obbligati jiżguraw li l-popolazzjonijiet milqutin, inklużi dawk tas-Saħara tal‑Punent, igawdu minn dawn il-benefiċċji b’mod proporzjonali mal‑attivitajiet tas-sajd fiż-żona ddefinita minn dan il-ftehim, li jinkludu l-ibħra li jmissu ma’ dan it-territorju, mingħajr eċċezzjoni għal dan il‑prinċipju.

214    F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet u mill-punti msemmija mir‑rikorrent, ir-riżorsi tas-sajd huma partikolarment abbundanti fl-ibħra li jmissu mas-Saħara tal-Punent. Barra minn hekk, fir-rapport tat-8 ta’ Ottubru 2018, il‑Kummissjoni tindika li, fl-2012, dan it-territorju kien jipprovdi 78 % tal-volum totali ta’ qbid ta’ ħut fl-ibħra Marokkini u fl‑ibħra li jmissu mat-territorju inkwistjoni. Bl-istess mod, minn dan ir‑rapport jirriżulta wkoll li 66 % tal-ammont tal-appoġġ settorjali għall‑perijodu mill-2014 sat-2018 tħallas lill-parti tas-Saħara tal-Punent ikkontrollata mir-Renju tal-Marokk. Minn dan għalhekk jista’ jiġi dedott li, skont il-prinċipju mfakkar fil-punt 213 iktar ’il fuq, il-parti tal-volum totali tal-qbid tal-ħut fiż‑żona tas-sajd iddefinita mill-ftehim ikkontestat irrappreżentata mill‑qbid mill-ibħra li jmissu mas-Saħara tal-Punent tista’ tiġġustifika l‑ħlas ta’ parti sinjifikattiva tal-ammont tal-appoġġ settorjali lis-settur tas‑sajd ta’ dan it-territorju mhux awtonomu.

215    Kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 12(4) tal-Ftehim dwar is‑Sajd u mill-Artikolu 6(2) u mill-Artikolu 7(2) tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni, l-eżami tal-allokazzjoni ġeografika u soċjali ġusta tal‑kontribuzzjoni finanzjarja, u b’mod partikolari tal-appoġġ settorjali, jaqa’ fil-kompetenza konġunta tal-partijiet tal‑ftehim ikkontestat. B’mod iktar preċiż, mill-Artikoli 4 u 6 sa 8 tal-imsemmi protokoll kif ukoll mill‑punt E tal-Kapitolu 1 tal-anness tiegħu, jirriżulta li, kif irrilevat mir‑rikorrent, il-pagamenti korrispondenti ma’ din il-kontribuzzjoni finanzjarja jitħallsu lir-Renju tal-Marokk u li dan għandu r‑responsabbiltà li jużahom taħt il-kontroll tal-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 13 tal-Ftehim dwar is-Sajd.

216    Konsegwentement, kif korrettament isostni r-rikorrent, l-effett fuq il‑poplu tas‑Saħara tal-Punent u l-obbligu li jintalab il-kunsens tiegħu jirriżultaw biss mid‑dispożizzjonijiet tal-ftehim ikkontestat u tal‑Protokoll ta’ Implimentazzjoni, irrispettivament minn miżuri ta’ implimentazzjoni addizzjonali. B’mod partikolari, jista’ jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta mir-Riżoluzzjoni 50/33 tal‑Assemblea Ġenerali tal-ONU (ara l-punt 19 iktar ’il fuq) u kif espona r‑rikorrent, dan l-organu fakkar b’mod repetut id-dritt tal-poplu tat‑territorji mhux awtonomi li jgawdi mir-riżorsi naturali tat-territorji tagħhom, li jiddisponi minn dawn ir-riżorsi fl-aħjar interessi tagħhom, b’mod partikolari r-riżorsi tal-baħar tagħhom, u l-ħtieġa li jiġi żgurat li s-sovranità permanenti tal-popolazzjonijiet ta’ dawn it‑territorji fuq dawn ir-riżorsi tkun osservata u salvagwardata kompletament. Barra minn hekk, fil-punti 130 sa 134, 145 u 146 ta’ dawn il‑konklużjonijiet fil-kawża Western Sahara Campaign UK (C‑266/16, EU:C:2018:1), l-Avukat Ġenerali Wathelet ikkonstata li dan id-dritt kien rilevanti fil-kuntest ta’ ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk dwar l-isfruttament tar‑riżorsi tas-sajd tas-Saħara tal-Punent u li l-ksur tad-dritt tal-poplu tiegħu li jiddisponi b’mod ħieles minn dawn ir-riżorsi naturali jikkostitwixxi ksur tad-dritt tiegħu għall-awtodeterminazzjoni.

217    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq in-natura purament ekonomika u mhux ġuridika tal-effetti tal-ftehim ikkontestat fuq it‑territorju tas-Saħara tal‑Punent, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, minħabba s-sempliċi fatt tal‑applikazzjoni tiegħu fuq dan it-territorju u l‑ibħra li jmissu miegħu, il-Ftehim dwar is-Sajd u l-Protokoll ta’ Implimentazzjoni, moqrija flimkien mal-iskambju ta’ ittri, joħolqu effetti ġuridiċi fir-rigward tal-poplu ta’ dan it-territorju, bħala terz fil-ftehim, fis-sens tal-effett relattiv tat-trattati, għar-raġunijiet indikati fil‑punti 201 sa 216 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, minn naħa waħda, jista’ jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-istrumenti u tal-annessi tagħhom jistipulaw regoli preċiżi u inkundizzjonati f’dak li jirrigwarda d‑delimitazzjoni taż-żona tas-sajd u taż-żoni ta’ ġestjoni kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-obbligi u l‑limitazzjonijiet li għandhom jiġu osservati fil‑qafas tal-attivitajiet tas-sajd, li huma applikabbli għall-ibħra li jmissu mal-imsemmi territorju. L-istess japplika għad-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-istrumenti relatati mal-ammont tal-kumpens finanzjarju, il‑kompożizzjoni tiegħu u l-allokazzjoni ġeografika u soċjali ġusta tal‑benefiċċji soċjo-ekonomiċi tal-ftehim ikkontestat li jiddefinixxu l‑qafas ġuridiku li fih parti minn dan il-kumpens finanzjarju jiġi allokat għal attivitajiet ekonomiċi li jinsabu fit-territorju inkwistjoni. Dawn id‑dispożizzjonijiet huma għalhekk ta’ natura li joħolqu effetti ġuridiċi fuq l-operaturi li jibbenefikaw mill‑finanzjamenti li jirriżultaw minn dan il‑kumpens, b’mod partikolari mill‑appoġġ settorjali, inklużi dawk li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fuq dan it‑territorju (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tal-10 ta’ Diċembru 2019, Front Polisario vs Il‑Kunsill, T‑344/19, mhux ippubblikat, EU:T:2019:862, punti 24 sa 35).

218    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-fatt allegat li l-ftehim ikkontestat ma joħloqx drittijiet jew obbligi fil-konfront tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat, f’dan l-istadju, li, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk il-partijiet f’dan il-ftehim kellhomx l-intenzjoni li jagħtuh drittijiet, l-imsemmi ftehim jesprimi l-volontà tal-partijiet, jiġifieri tal‑Unjoni u r-Renju tal-Marokk, li jadottaw u jimplimentaw sistema legali ta’ sfruttament tar-riżorsi tas-sajd tal-ibħra li jmissu ma’ dan it‑territorju u ta’ allokazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja, b’mod partikolari, għall-benefiċċju tal-attivitajiet fuq l-imsemmi territorju. Ir‑regoli implimentati minn din is-sistema legali huma imposti għalhekk fuq dan it-terz fir-rigward tal-ftehim inkwistjoni, inkwantu japplikaw għal dan it-territorju, b’mod partikolari r-regoli relatati mal-kompetenza tal-partijiet fl-imsemmi ftehim u tal-awtoritajiet pubbliċi tagħhom f’dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni tiegħu. B’mod partikolari, dawn ir‑regoli jipprekludu li dan il-poplu jiddeċiedi b’mod liberu modalitajiet ta’ dan l-isfruttament u tal-allokazzjoni tal-benefiċċji li jirriżultaw minnu. Il-ftehim ikkontestat għalhekk għandu l-effett li joħloq obbligi fil‑konfront tiegħu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punt 322 u l-ġurisprudenza ċċitata).

219    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argument li l-ftehim ikkontestat ma huwiex, fi kwalunkwe każ, opponibbli għall-poplu tas-Saħara tal-Punent, minn naħa waħda, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament hija stabbilita biss skont il-kundizzjonijiet iddefiniti fir‑raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE kif interpretati mill‑ġurisprudenza. Min-naħa l-oħra, fir‑rigward tal-opinjoni tal‑professur tad-dritt internazzjonali pubbliku li fuqu l‑KSMM jibbażaw ruħhom, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali ma tistax tibbaża ruħha fuq tali dokumenti sabiex tikkontesta l-interpretazzjoni tad-dritt internazzjonali mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punti 198 u 199 u l-ġurisprudenza ċċitata).

220    Fil-ħames lok, l-effett tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim ikkontestat applikabbli għall-ibħra li jmissu ma’ dan it-territorju mhux awtonomu fuq il-poplu tas-Saħara tal-Punent u l-ħtieġa li jinkiseb il-kunsens tiegħu ma humiex ikkontestati mill‑kunsiderazzjonijiet preliminari tal‑Kummissjoni fin-nota ta’ intervent tagħha, li jipprevedu li r-relazzjoni legali “eżatta” bejn territorju mhux awtonomu u l‑ibħra lil jinsabu lil hinn mill-kosti tiegħu ma humiex rregolati “b’mod ċar” mid‑dritt internazzjonali, b’mod partikolari mill-Konvenzjoni dwar id-Dritt tal‑Baħar.

221    Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, kif korrettament enfasizza r-rikorrent, il‑Konvenzjoni dwar id-Dritt tal-Baħar tikkostitwixxi l-espressjoni tal‑istat attwali tad-dritt internazzjonali marittimu konswetudinarju, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-ġurisprudenza tal-QIĠ (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tal-QIĠ tat‑12 ta’ Ottubru 1984, Delimitazzjoni tal‑fruntiera marittima fir-reġjun tal-Golf ta’ Maine, QIĠ, Ġabra 1984, p. 246, punt 94).

222    F’dan ir-rigward, mill-paragrafu 1(a) tar-Riżoluzzjoni III tal-Att Finali tat‑Tielet Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar, tat-30 ta’ April 1982, iċċitat mill-Kummissjoni, jirriżulta li, fil-każ ta’ territorju mhux awtonomu, “id‑dispożizzjonijiet relatati ma’ drittijiet jew interessi msemmija fil-Konvenzjoni huma applikati għall-benefiċċju tal-poplu ta’ dan it-territorju bil-għan li jippromwovu l-prosperità u l-iżvilupp tiegħu”. Minn dan għalhekk għandu jiġi dedott li, kull darba li dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar id-Dritt tal-Baħar jirreferu għal drittijiet jew għal interessi tal-Istati li huma parti f’din il‑konvenzjoni, huma applikabbli b’analoġija għad-drittijiet u għall-interessi tal‑popli tat-territorji mhux awtonomi u għandhom jiġu implimentati jekk mhux minnhom, tal-inqas għall-benefiċċju tagħhom. Fir-rigward tal-paragrafu 1(b) ta’ din ir‑riżoluzzjoni, iċċitat ukoll mill-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li, kif jirrileva r-rikorrent fl-osservazzjonijiet tiegħu fuq in-nota ta’ intervent ta’ din l‑istituzzjoni, dan il-paragrafu ma huwiex applikabbli għas-Saħara tal-Punent, sa fejn huwa jkopri l-“każ” ta’ “tilwima bejn l-Istati dwar is-sovranità fuq it-territorju [mhux awtonomu]”. Issa, id-diverġenzi dwar dan it-territorju bejn ir-Renju tal‑Marokk u r-rikorrent ma għandhomx jiġu kkunsidrati, fid-dawl tal-istatus ta’ dan tal-aħħar, bħala li jaqgħu taħt “tilwima bejn l-Istati”.

223    Madankollu, fir-rigward tad-drittijiet li jaffettwaw l-isfruttament tar‑riżorsi naturali li jinsabu fl-ibħra li jmissu ma’ dawn it-territorji mhux awtonomi, ir‑Riżoluzzjoni III tal-Att Finali tat-Tielet Konferenza tan‑Nazzjonijiet Uniti dwar id-dritt tal-baħar għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipju ta’ sovranità permanenti dwar dawn ir-riżorsi u tal‑prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni li jirriżulta minnu (ara l‑punt 216 iktar ’il fuq), fis-sens li l‑eżerċizzju ta’ dawn id‑drittijiet għall-benefiċċju ta’ dawn il-popli minn terz, pereżempju l-awtorità amministrattiva, ma jistax iseħħ mingħajr ma jkunu jistgħu jesprimu l-volontà tagħhom f’dan ir-rigward.

224    B’mod partikolari, għandu jiġi rrilevat li, kif tfakkar il-Qorti tal-Ġustizzja fil‑punti 6 sa 9 tas-sentenza Western Sahara Campaign UK, il‑Konvenzjoni dwar id-Dritt tal-Baħar tiddefinixxi, b’mod partikolari, id‑drittijiet tal-Istat kostali fuq il-baħar territorjali u fuq iż-ŻEE. F’dan ir‑rigward, minn naħa waħda, l‑Artikolu 2(1) ta’ din il-Konvenzjoni jistipula li s-sovranità tal-Istat kostali testendi, lil hinn mill-art territorjali tiegħu u mill-ibħra interni tiegħu, lejn medda tal-baħar tal-biswit, deskritti bħala “baħar territorjali”. L‑Artikolu 2(3) ta’ din il‑Konvenzjoni jistipula li s-sovranità fuq il-baħar territorjali hija eżerċitata skont il‑kundizzjonijiet previsti mid‑dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni u mir-regoli l-oħra tad-dritt nazzjonali. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 55 ta’ din l-istess Konvenzjoni jistipula li “[i]ż-żona ekonomika esklużiva hija żona lil hinn u biswit tal‑baħar territorjali, suġġetti għar-reġim legali speċifiku stabbilit f’din il‑parti, permezz tad‑drittijiet u l-ġurisdizzjoni tal-Istat kostali u tad‑drittijiet u l‑libertajiet tal-Istati l-oħrajn li huma rregolati bid‑dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din il‑[k]onvenzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-Artikolu 56(1)(a) ta’ din il‑Konvenzjoni jistipula, b’mod partikolari, li “fiż-żona ekonomika esklużiva, l‑Istat kostali għandu d‑drittijiet sovrani għall-iskop tal-esplorazzjoni u l‑esplojtazzjoni, tal-konservazzjoni u l-immaniġġjar tar-riżorsi naturali, sew jekk ħajjin jew mhux ħajjin, tal-baħar supraqarib tal-qiegħ tal-baħar jew tal-qiegħ tal‑baħar u l-istrata ta’ taħt il-wiċċ tal-qiegħ tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

225    B’hekk, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti huwa dedott li t-territorji mhux awtonomi jistgħu jiġulhom rikonoxxuti drittijiet, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-isfruttament tar-riżorsi naturali, fiż-żona tal-baħar li tmiss ma’ dan it‑territorju, iddefinita mill-Konvenzjoni dwar id-Dritt tal-Baħar bħala l-baħar territorjali, kif ukoll fiż-żona tal-baħar li tmur lil hinn minn din l-ewwel żona, fil‑limitu tad-drittijiet irrikonoxxuti minn din il‑Konvenzjoni lill-Istati kostali fuq iż-ŻEE u mingħajr preġudizzju għad‑delimitazzjoni taż-żoni marittimi tal-Istati terzi kostali u tad‑drittijiet tagħhom.

226    F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 1(h) tal-Ftehim dwar is-Sajd jinkludi fiż-żona tas-sajd l-“ilmijiet tal-madwar [fi]s-Saħara tal-Punent” mingħajr ma huwa spjegat jekk dan il-kunċett jikkorrispondix biss mad-definizzjoni tal‑baħar territorjali, fis-sens tal‑Konvenzjoni dwar id-Dritt tal-Baħar, jew jekk jestendix fuq iż-żona tal-baħar li tmur lil hinn minn din, fil-limiti tad-drittijiet irrikonoxxuti lill-Istati kostali fuq iż-ŻEE minn din l-istess Konvenzjoni. Fi kwalunkwe każ, sa fejn dan l-istess artikolu jispjega li d-definizzjoni taż-żona tas‑sajd ma taffettwax in-negozjati eventwali dwar id-delimitazzjoni taż-żoni marittimi tal‑Istati kostali taż-żona tas-sajd u, b’mod ġenerali, id-drittijiet tal-Istati terzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-poplu tas-Saħara tal-Punent jistgħu jiġulhom rikonoxxuti drittijiet fuq l-isfruttament tar-riżorsi naturali fl‑ibħra li jmissu ma’ dan it-territorju, fis-sens tal-Ftehim dwar is-Sajd.

227    Sussegwentement, kif ifakkar ir-rikorrent u kif jirriżulta mill‑ġurisprudenza tal‑QIĠ u tal-Qorti Permanenti ta’ Arbitraġġ (QPA), id-drittijiet fuq il-baħar huma rregolati mill-prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju li jipprevedi li “l‑art tiddomina l-baħar minħabba l-estensjoni tal-kosti jew tal-konfini kostali”, jiġifieri, b’mod iktar preċiż, li d-drittijiet fuq il-baħar jirriżultaw mis-sovranità tal‑Istat kostali fuq l-art, peress li t-territorju marittimu jikkostitwixxi d‑dipendenza inseparabbli tat-territorju tal-art (ara, f’dan is-sens, il‑QPA, 23 ta’ Ottubru 1909, Kawża ta’ Grisbådarna (Norveġja, Svezja), Ġabra ta’ sentenzi ta’ arbitraġġ, Vol. XI, p. 159; il‑QIĠ, sentenzi tat-8 ta’ Ottubru 2007, Tilwima territorjali u marittima bejn in-Nikaragwa u l‑Ħonduras fil-Baħar tal-Karibew (In‑Nikaragwa vs Il-Ħonduras), sentenza, QIĠ, Ġabra 2007, p. 659, punt 126, u tat-3 ta’ Frar 2009, Delimitazzjoni marittima fil-Baħar l-Iswed (Ir-Rumanija vs L‑Ukraina), sentenza, QIĠ, Ġabra 2009, p. 61, punt 77).

228    Kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet tar-rikorrent, l-Assemblea Ġenerali tan‑Nazzjonijiet Uniti b’mod impliċitu tapplika dan il-prinċipju għat‑territorji mhux awtonomi, b’mod partikolari, meta, fir‑Riżoluzzjoni 50/33, hija tiddikjara li “l-isfruttament negattiv u s-serq ta’ riżorsi marittimi” ta’ territorji mhux awtonomi “jikkompromettu l‑integrità u l-prosperità ta’ dawn it-territorji” u “tistieden lill‑gvernijiet kollha u lill-organi kollha tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex jiżguraw li s‑sovranità permanenti [ta’ dawn it-territorji] fuq ir-riżorsi naturali tagħhom tkun osservata u salvagwardata kompletament” (ara l‑punt 19 iktar ’il fuq). Hija għalhekk tistipula li r-riżorsi naturali li jinsabu fit-territorju marittimu li jikkostitwixxu d-dipendenza inseparabbli tal-parti tal-art ta’ dawn it‑territorji mhux awtonomi jaqgħu fis-sovranità permanenti tal-popli ta’ dawn it-territorji.

229    Barra minn hekk, kif jirrileva r-rikorrent, l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju għat‑territorji mhux awtonomi hija dedotta wkoll mill-prattika internazzjonali tal‑Unjoni, kif juri l-Ftehim ta’ assoċjazzjoni interim Ewro‑Mediterranju dwar kummerċ u koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea minn naħa waħda, u l‑Organiżazzjoni għall-Liberazzjoni tal‑Palestina (PLO) għall-benefiċċju tal‑Awtorità Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u l-medda ta’ Gaża, minn naħa l‑oħra, iffirmat fi Brussell fl‑24 ta’ Frar 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 26, p. 124). Fil-fatt, l-Artikolu 1(m) tal-Protokoll Nru 3 ta’ dan il-ftehim relatat mad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinanti” u tal-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva jiddefinixxi t-“territorji” tal-partijiet bħala t‑“territorji jinkludi ilma teritorjali”.

230    Finalment, għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza Western Sahara Campaign UK, il‑Qorti tal-Ġustizzja applikat b’mod impliċitu dawn il-prinċipji għas-Saħara tal‑Punent u l-ibħra li jmissu magħha.

231    Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, minn naħa waħda, li l-ibħra li fuqhom l-Istat kostali għandu sovranità jew ġurisdizzjoni, skont il‑Konvenzjoni dwar id-Dritt tal‑Baħar, huma limitati għall-ibħra li jmissu mat-territorju tiegħu u li jaqgħu fil‑baħar territorjali tiegħu jew fiż‑ŻEE tiegħu u, min-naħa l-oħra, li, fid-dawl tal‑fatt li t-territorju tas‑Saħara tal‑Punent ma jifformax parti mit-territorju tar‑Renju tal‑Marokk, l-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent ma jaqgħux fiż-żona ta’ sajd Marokkina (sentenza Western Sahara Campaign UK, punti 68 u 69).

232    Għalhekk minn dan jista’ jiġi dedott li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d‑drittijiet fuq l-ibħra li jmissu mas-Saħara tal-Punent għandhom isegwu d‑drittijiet fuq il-parti tal-art ta’ dan it-territorju mhux awtonomu u, b’mod partikolari, dawk tal-poplu tiegħu.

233    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta għalhekk li, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-Kummissjoni, id-drittijiet tal-Istat kostali stabbiliti mill‑Konvenzjoni dwar id-Dritt tal-Baħar u, b’mod partikolari, id-drittijiet relatati mal-isfruttament tar-riżorsi naturali li jinsabu fiż-żoni ddefiniti minn din il‑Konvenzjoni, inklużi r-riżorsi tas-sajd, jistgħu jiġu eżerċitati għall-benefiċċju tal-popli tat-territorji mhux awtonomi li għandhom kosta marittima, bħas-Saħara tal-Punent, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-Istati kostali ġirien.

234    Fi kwalunkwe każ, sa fejn il-ftehim ikkontestat ma japplikax biss għall‑ibħra li jmissu mas-Saħara tal-Punent, iżda wkoll għat-territorju stess tiegħu, il-poplu tiegħu huwa affettwat mill-applikazzjoni territorjali ta’ dan il-ftehim, irrispettivament mir-relazzjoni bejn l-imsemmi territorju u l-imsemmija ibħra li jmissu miegħu.

235    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, peress li l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-ftehim ikkontestat jinkludi t-territorju tas‑Saħara tal-Punent u l-ibħra li jmissu miegħu, dan il-ftehim jista’ jaffettwa l-poplu ta’ dan it-territorju u għalhekk għandu bżonn il-kunsens tiegħu.

–       Fuq it-tielet parti tal-argument tal-Kunsill, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ bidla tassitwazzjoni ġuridika tar-rikorrent, fid-dawl tar-rwol limitat tiegħu għallparteċipazzjoni fil-proċess ta’ awtodeterminazzjoni tas-Saħara talPunent

236    Skont il-Kunsill, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, il‑Kummissjoni u l‑KSMM, ir-rwol mogħti lir-rikorrent fil-qafas tal‑proċess ta’ awtodeterminazzjoni tas-Saħara tal-Punent ma jfissirx li d-deċiżjoni kkontestata u l-ftehim ikkontestat joħolqu effetti diretti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tiegħu. Fil-fatt, is-setgħa ta’ rappreżentazzjoni tiegħu hija limitata u mhux esklużiva u huwa ma huwiex operatur ekonomiku. Barra minn hekk, id‑deċiżjoni kkontestata u l-ftehim ikkontestat ma jippreġudikawx ir-riżultat ta’ dan il-proċess. B’hekk, l‑effetti tad‑deċiżjoni kkontestata fuq ir-rikorrent huma, l-iktar, indiretti u politiċi.

237    Min-naħa tiegħu, ir-rikorrent isostni li, minħabba s-sempliċi fatt li d‑deċiżjoni kkontestata taffettwa lill-poplu tas-Saħara tal-Punent, fis‑sens tal-punt 106 tas‑sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, hija toħloq effetti ġuridiċi diretti fuq is‑sitwazzjoni tiegħu bħala l-uniku rappreżentant tal-poplu tas-Saħara tal-Punent. Barra minn hekk, huwa jsostni li l-proċess politiku ta’ awtodeterminazzjoni jinkludi “ovvjament” il-kwistjonijiet ekonomiċi u marbuta mal-isfruttament tar‑riżorsi naturali u li, fi kwalunkwe każ, il-ftehim ikkontestat iqajjem kwistjoni “territorjali”, b’tali mod li t-tilwima taqa’ kompletament fil-qafas li fih jeżerċita l‑missjoni tiegħu.

238    F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandha titfakkar is-sitwazzjoni partikolari tas‑Saħara tal-Punent, kif tirriżulta mill-iżvilupp tal-kuntest internazzjonali mfakkar fil-punti 2 sa 20 iktar ’il fuq. Fil-fatt, minkejja li l‑proċess ta’ awtodeterminazzjoni ta’ dan it-territorju għadu għaddej, l‑awtorità amministrattiva tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 73 tal-Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti, jiġifieri r-Renju ta’ Spanja, irrinunzjat, b’effett mis‑26 ta’ Frar 1976, milli teżerċita kwalunkwe responsabbiltà ta’ natura internazzjonali relatata mal-amministrazzjoni ta’ dan it‑territorju, u dwar dan il-korpi tal-ONU ħadu konjizzjoni (ara l-punt 13 iktar ’il fuq). Konsegwentement, il-partijiet f’dan il‑proċess, immexxi taħt l-awspiċi ta’ din l-organizzazzjoni, huma, minn naħa waħda, ir-Renju tal-Marokk, li jinvoka l‑eżerċizzju ta’ drittijiet sovrani fuq dan it-territorju u, min-naħa l-oħra, ir‑rikorrent, bħala rappreżentant tal-poplu ta’ dan it-territorju. B’hekk, kif tesponi, essenzjalment, il-Kummissjoni fin-nota ta’ intervent tagħha, hemm “kunflitt ta’ leġittimità” bejn ir-Renju tal-Marokk u r-rikorrent f’dak li jirrigwarda r‑“rappreżentattività” ta’ dan it-territorju u tal-popolazzjoni tiegħu (sentenza tal‑lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punt 203).

239    Sussegwentement, fir-rigward tal-portata tar-rappreżentattività tar‑rikorrent fil‑konfront tal-poplu tas-Saħara tal-Punent u tal-effett tiegħu fuq l-inċidenza diretta minn deċiżjoni ta’ konklużjoni ta’ ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju tal‑Marokk li japplika espliċitament għal dan it‑territorju u għall-ibħra li jmissu miegħu, għandu jiġi rrilevat li, il-qrati tal-Unjoni ma ħadux pożizzjoni dwar din il‑kwistjoni, la fis-sentenzi Il‑Kunsill vs Front Polisario u Western Sahara Campaign UK u lanqas fid‑digrieti msemmija fil-punt 52 iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is‑sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il‑Kunsill, T‑279/19, punt 204).

240    Min-naħa l-oħra, il-Kunsill, jirreferi għall-punti 183 sa 194 tal‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Il-Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:677), li fihom l-Avukat Ġenerali indika li, fl-opinjoni tiegħu, ir‑rikorrent kien irrikonoxxut mill-ONU bħala r-rappreżentant tal-poplu tas-Saħara tal-Punent biss fil-qafas tal‑proċess politiku intiż sabiex tiġi solvuta l-kwistjoni tal‑awtodeterminazzjoni tal-poplu ta’ dan it-territorju u li t-tilwima inkwistjoni ma kinitx tagħmel parti minn dan il-proċess politiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punt 205).

241    Madankollu, mill-punt 7 tar-Riżoluzzjoni 34/37 u mill-punt 10 tar‑Riżoluzzjoni 35/19 (ara l-punt 16 iktar ’il fuq) jirriżulta li r-rikonoxximent, mill-organi tal-ONU, tar‑rappreżentattività tar‑rikorrent fir-rigward tal-imsemmi poplu loġikament tiġi qabel ir‑rikonoxximent tad-dritt tiegħu li jkun parti fil‑proċess ta’ awtodeterminazzjoni ta’ dan it-territorju u li huwa preċiżament minħabba din ir-rappreżentattività li dawn l-organi kkunsidraw li huwa kellu dan id-dritt. Konsegwentement, minkejja li huwa veru li dan il-proċess ma fihx komponent relatat mal-ġestjoni tar‑riżorsi tas-sajd tat-territorju u l-allokazzjoni tal-benefiċċji li jirriżultaw minnha, il-parteċipazzjoni tar-rikorrent f’dan il-proċess ma tfissirx li huwa ma jistax jirrappreżenta lill-poplu tas-Saħara tal-Punent fil‑qafas ta’ ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk, peress li dan tal‑aħħar japplika għall-imsemmi territorju u għall-ibħra li jmissu miegħu u jaffettwa, minħabba f’hekk, lill-poplu inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punti 206 u 207).

242    Barra minn hekk, kif jirriżulta mir-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tal‑ONU relatati ma’ din il-kwistjoni u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Western Sahara Campaign UK (C‑266/16, EU:C:2018:1) (ara l-punt 216 iktar ’il fuq), id-dritt tal-popli tat-territorji mhux awtonomi, u b’mod partikolari tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, li jiddisponu liberament mir-riżorsi naturali tagħhom huwa parti integrali mid-dritt ta’ awtodeterminazzjoni tagħhom.

243    Finalment, fir-rigward tal-esklużività tar-rappreżentattività tar-rikorrent fir‑rigward tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, f’dan l-istadju, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li mid-dokumenti tal-proċess ma jirriżultax li l‑organi tal-ONU, kif ir‑rikorrent jirrileva essenzjalment, ikkontestaw il‑pożizzjoni espressa fir‑Riżoluzzjonijiet 34/37 u 35/19 u rrikonoxxew organizzazzjonijiet oħra li awtorizzawh jirrappreżenta lill-poplu inkwistjoni. Kuntrarjament għall‑allegazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal‑KSMM, il-fatt li, fil-qafas tal‑monitoraġġ tagħhom tal-proċess ta’ awtodeterminazzjoni, dawn l-organi għandhom, skont il-mandat tagħhom, rapporti u skambji ma’ organizzazzjonijiet oħra minbarra r‑rikorrent, b’mod partikolari dawk tas-soċjetà ċivili, kif ukoll mal‑awtoritajiet Marokkini, ma huwiex rilevanti f’dan ir-rigward. Bl‑istess mod, il-kwalità bħala awtorità amministrattiva, fis-sens tal‑Artikolu 73 tal-Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti, tas-Saħara tal-Punent eventwalment miżmuma mir-Renju ta’ Spanja, minkejja d-dikjarazzjoni tagħha tas-26 ta’ Frar 1976, ma għandhiex, fi kwalunkwe każ, tostakola l-espressjoni tal-kunsens tal-poplu ta’ dan it-territorju permezz tar‑rikorrent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il‑Kunsill, T‑279/19, punti 208 u 209).

244    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li l-konklużjoni, mill-Unjoni, tal‑ftehim ikkontestat ma’ waħda mill-partijiet fil-proċess ta’ awtodeterminazzjoni fis-seħħ fit-territorju tas-Saħara tal-Punent, li tinvoka drittijiet ta’ sovranità fuqu u fuq l‑ibħra li jmissu miegħu u, kif jirriżulta mill-iskambju ta’ ittri (ara l-punt 70 iktar ’il fuq), ikkonkludiet hi stess l-imsemmi ftehim abbażi ta’ dan, toħloq neċessarjament effetti ġuridiċi fuq il-parti l-oħra f’dan il-proċess, fid-dawl tal‑“kunflitt ta’ leġittimità” li hemm bejn il-partijiet fir-rigward ta’ dan it-territorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punt 210).

245    Barra minn hekk, il-motivi tal-iskambju ta’ ittri u l-premessi tad‑deċiżjoni kkontestata jindikaw li l-partijiet stess, u b’mod partikolari l-Unjoni, jafu li l‑konklużjoni ta’ dan il-ftehim għandha rabta mal-proċess ta’ awtodeterminazzjoni fis-seħħ fis-Saħara tal-Punent.

246    Dan jixhdu l-fatt li, fi-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 tal-iskambju ta’ ittri, il‑partijiet “itennu l-appoġġ tagħhom għall-proċess tan-Nazzjonijiet Uniti” u, fil‑paragrafu 2, jispjegaw li l-konklużjoni tal-Ftehim dwar is‑Sajd ma tippreġudikax il-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom dwar l‑istatus tas-Saħara tal‑Punent u tal-ibħra li jmissu magħha, jiġifieri, minn naħa waħda, għall-Unjoni, li hija territorju mhux awtonomu li għandu dritt għall-awtodeterminazzjoni u, min-naħa l-oħra, għar-Renju tal‑Marokk, li din hija “parti integrali” mit-territorju nazzjonali tiegħu. Barra minn hekk, l-Unjoni tispjega li, għalkemm l-ibħra li jmissu ma’ dan it-territorju huma koperti miż-żona tas-sajd kif iddefinita fl‑Artikolu 1(h) tal-Ftehim dwar is-Sajd, “kull referenza fil-Ftehim dwar is-Sajd għal‑liġijiet u r-regolamenti tal-Marokk ma tippreġudikax il-pożizzjoni tagħha”. Bl-istess mod, ir-Renju tal-Marokk jispjega li huwa jikkunsidra li “kull soluzzjoni għal din it-tilwima reġjonali jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-inizjattiva tiegħu ta’ awtonomija”.

247    Minn dan għalhekk għandu jiġi dedott li kien hemm ir-riskju li l‑konklużjoni tal‑ftehim ikkontestat setgħet tiġi interpretata bħala pożizzjoni komuni dwar l‑istatus ta’ dan it-territorju u bħala li tikkawża preġudizzju għall-proċess ta’ awtodeterminazzjoni inkwistjoni u li kien meħtieġ li jsiru dawn l-ispjegazzjonijiet sabiex ma jkunx hemm tali riskju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il‑Kunsill, T‑279/19, punt 212).

248    Dawn il-preokkupazzjonijiet huma riflessi wkoll premessi 4 u 12 tad‑deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 60 iktar ’il fuq). B’mod partikolari, f’din l-aħħar premessa, il-Kunsill jirrispondi lir-rikorrent u lill-“partijiet oħra” li “ma aċċettawx li jieħdu sehem fil-proċess ta’ konsultazzjoni” u li ma aċċettawx “l-applikazzjoni tal‑Ftehim dwar is-Sajd u l-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu għall‑ilmijiet li jmissu mas-Saħara tal-Punent” għaliex “ħassew essenzjalment li dawk l-atti jikkonfermaw il-pożizzjoni tal-Marokk fir‑rigward tat-territorju tas-Saħara tal‑Punent”. F’dan ir-rigward, il‑Kunsill jindika li “mhemm xejn fit-termini tal‑Ftehim dwar is-Sajd jew tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu li jimplika rikonoxximent tas‑sovranità jew tad-drittijiet sovrani tar-Renju tal-Marokk fuq is‑Saħara tal-Punent u l-ilmijiet li jmissu” u li “l-Unjoni ser tkompli wkoll tintensifika l-isforzi tagħha b’appoġġ għall-proċess, mibdi u mmexxi taħt l‑awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti, ta’ riżoluzzjoni paċifika tat-tilwim”.

249    Barra minn hekk, minkejja li, kif jirrileva l-Kunsill fil-premessa 11 tad‑deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrent ma aċċettax li jipparteċipa fil‑konsultazzjonijiet msemmija fil-punt 248 iktar ’il fuq, mir-rapport tat-8 ta’ Ottubru 2018 jirriżulta li “saritlu stedina għal laqgħa sabiex tkun magħrufa l-opinjoni tiegħu dwar l‑estensjoni tal-ftehim ikkontestat għall-ibħra li jmissu mas-Saħara tal‑Punent”. Konsegwentement, anki jekk ir-rikorrent ma huwiex parti f’dan il-ftehim u ma pparteċipax fin-negozjati sabiex jiġi konkluż, li kienu jinvolvu biss lill-awtoritajiet tal-Unjoni u l-awtoritajiet Marokkini, huwa ġie kkunsidrat mill-istituzzjonijiet bħala interlokutur leġittimu sabiex jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar l-imsemmi ftehim (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punt 214).

250    Konsegwentement, sa fejn il-konklużjoni tal-ftehim ikkontestat taffettwa lill-poplu tas-Saħara tal-Punent u għandha tkun suġġetta għall-kunsens tiegħu, id-deċiżjoni kkontestata toħloq effetti diretti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrent bħala rappreżentant ta’ dan il-poplu. Barra minn hekk, sa fejn dan il-ftehim ġie konkluż mar-Renju tal-Marokk, huwa jikkonċernah direttament bħala parti fil-proċess ta’ awtodeterminazzjoni f’dan it-territorju. Fil-fatt, minn naħa waħda, huwa stabbilit li r-rikorrent ma tax il-kunsens tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim ikkontestat u min‑naħa l-oħra, huwa jsostni li, fil-qafas ta’ dan ir-rikors, li l-kunsens tal‑poplu tas-Saħara tal-Punent ma ngħatax b’mod validu, minħabba l‑fatt, b’mod partikolari, li ma ngħatax minnu (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punt 215).

251    Il-fatt li r-rikorrent ma huwiex operatur ekonomiku ma huwiex rilevanti, sa fejn huwa mhux qiegħed jippretendi li għandu din il-kwalità u ma għandux intenzjoni li jibbaża l-inċidenza diretta mill-applikazzjoni fil-konfront tiegħu ta’ regoli li jikkundizzjonaw l-għoti ta’ preferenzi tariffarji lill-prodotti li joriġinaw mis‑Saħara tal‑Punent, iżda mill-kamp ta’ applikazzjoni territorjali stess ta’ dan il‑ftehim. B’mod iktar partikolari, fir-rigward tal-paragun bejn din il-kawża u l‑kawża li tat lok għas‑sentenza tal-20 ta’ Settembru 2019, Il-Venezwela vs Il‑Kunsill (T‑65/18, EU:T:2019:649), invokata mill-Kunsill u mill-Kummissjoni insostenn tal-argument tagħhom, apparti l-fatt li, permezz tas-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2021, Il-Venezwela vs Il-Kunsill (Involviment ta’ Stat terz) (C‑872/19 P, EU:C:2021:507), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is‑sentenza tal-Qorti Ġenerali ċċitata mill-Kunsill, hemm lok li jiġi rrilevat li t-tilwima inkwistjoni f’dik il‑kawża bejn dan l-Istat terz u l-Kunsill kienet relatata ma’ atti unilaterali li japplikaw biss fit-territorju tal-Unjoni u li l-kunsens ta’ terz għal dawn l-atti ma kienx rikjest. Dan il‑paragun, għalhekk, ma huwiex, fi kwalunkwe każ, rilevanti (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punt 217).

252    Barra minn hekk, il-fatt allegat mill-Kummissjoni li l-ftehim ikkontestat u d‑deċiżjoni kkontestata ma jippreġudikawx il-konklużjoni tal-proċess ta’ awtodeterminazzjoni ma jfissirx li dawn l-atti ma humiex ta’ natura li jibdlu s‑sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrent, bħala rappreżentant ta’ terz f’dan il-ftehim u parti f’dan il-proċess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑lum, Front Polisario vs Il‑Kunsill, T‑279/19, punt 218).

253    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-tliet partijiet tal‑argument tal-Kunsill, tar-Renju ta’ Spanja, tar-Repubblika Franċiża, tal-Kummissjoni u tal‑KSMM, f’dak li jirrigwarda l-ewwel kriterju ta’ inċidenza diretta, għandhom jiġu miċħuda u li r-rikorrent jissodisfa dan il-kriterju.

ii)    Fuq it-tieni kriterju tal-inċidenza diretta, relatata man-natura purament awtomatika u li tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni talUnjoni talimplimentazzjoni tal-miżura kkontestata

254    Kif tfakkar fil-punt 176 iktar ’il fuq, il‑Kunsill isostni li l-ftehim ikkontestat jeħtieġ miżuri ta’ implimentazzjoni sabiex joħloq effetti ġuridiċi fir-rigward ta’ terzi, filwaqt li r-rikorrent isostni li, minħabba s-sempliċi fatt li d-deċiżjoni kkontestata twassal għall-konklużjoni ta’ ftehim applikabbli għat‑territorju tas‑Saħara tal-Punent u l-ibħra li jmissu miegħu, hija taffettwah direttament, mingħajr il-ħtieġa ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni.

255    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil‑punt 179 iktar ’il fuq, it-tieni kriterju tal-inċidenza diretta jirrikjedi li l-miżura kkontestata ma tħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha, fid-dawl tan-natura awtomatika tal-implimentazzjoni tagħha, li tirriżulta biss mil‑leġiżlazzjoni tal‑Unjoni, mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra.

256    F’dan il-każ, fil-qafas tal-eżami tal-ewwel kriterju tal-inċidenza diretta, fil‑punti 204 sa 216 iktar ’il fuq ġie kkonstatat li l-inċidenza fuq il-poplu tas‑Saħara tal-Punent u l-obbligu li jintalab il-kunsens tiegħu jirriżultaw biss mid‑dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar is-Sajd u tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni, moqrija flimkien mal-iskambju ta’ ittri, liema tliet strumenti kienu kollha kemm huma approvati bid-deċiżjoni kkontestata, indipendentement minn miżuri ta’ implimentazzjoni addizzjonali. B’mod partikolari, kif isostni r-rikorrent, ir‑regolament ikkontestat fil-Kawża T‑356/19 ma jistax jostakola l-inċidenza diretta tiegħu permezz tad‑deċiżjoni kkontestata, sa fejn dan ir-regolament huwa miżura teknika relatata ma’ aspett ta’ punt tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni, jiġifieri l‑allokazzjoni bejn l-Istati Membri tal-opportunitajiet tas-sajd mogħtija bis-saħħa ta’ dan il-protokoll.

257    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, it-tieni kriterju tal-inċidenza diretta huwa ssodisfatt meta l-possibbiltà għad-destinatarji li ma jikkonformawx ruħhom mal-att tal-Unjoni hija purament teoretika, peress li ma jkunx hemm dubju dwar il-volontà tagħhom li jisiltu konklużjonijiet konformi miegħu (ara s‑sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2019, PGNiG Supply & Trading vs Il-Kummissjoni, C‑117/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1042, punt 30 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

258    F’dan il-każ, sa fejn il-ftehim ikkontestat ġie konkluż preċiżament bil‑għan li jippermetti lill-bastimenti tal-Unjoni li jerġgħu jibdew l‑attivitajiet ta’ sajd tagħhom fl-ibħra li jmissu mas-Saħara tal-Punent u lill-popolazzjonijiet ta’ dan it‑territorju li jibbenefikaw mill‑kontribuzzjoni finanzjarja korrispondenti, għandu jiġi kkonstatat li l‑volontà tal-awtoritajiet tal-Unjoni u ta’ dawk tar-Renju tal‑Marokk li ma jikkonformawx ruħhom mal-obbligi li jirriżultaw minnu hija purament teoretika.

259    Għalhekk, hemm lok li jiġi konkluż li r-rikorrent huwa affettwat direttament mid‑deċiżjoni kkontestata.

2)      Fuq l-inċidenza individwali fuq ir-rikorrent

260    Il-Kunsill isostni li l-parteċipazzjoni tar-rikorrent fin-negozjati dwar l‑istatus tas‑Saħara tal-Punent ma hijiex tali li tindividwalizzah fir‑rigward tad-deċiżjoni kkontestata u li l-ftehim ikkontestat ma jaffettwax il-pożizzjoni tiegħu fil-qafas ta’ dawn in-negozjati. Fil‑kontroreplika, huwa jżid li anki jekk ir-rikorrent għandu kompetenza għall-kwistjonijiet ekonomiċi tas-Saħara tal-Punent, jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punt 69 tas-sentenza tal-10 ta’ April 2003, Il‑Kummissjoni vs Nederlandse Antillen (C‑142/00 P, EU:C:2003:217), li din il-kompetenza ma hijiex suffiċjenti sabiex tistabbilixxi li huwa individwalment ikkonċernat bil‑ftehim ikkontestat.

261    Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju ta’ Spanja u l-KSMM jiżviluppaw, essenzjalment, l-istess argument.

262    Ir-rikorrent isostni li huwa individwalment ikkonċernat, minħabba li mill‑punti 100 sa 106 tas-sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario jirriżulta li l-poplu tas-Saħara tal-Punent, li tiegħu huwa r-rappreżentant, għandu jagħti l-kunsens tiegħu għal kull ftehim internazzjonali applikabbli għat‑territorju tas-Saħara. B’hekk, fid-dawl tar-rwol li għandu fir‑rigward ta’ dan il-poplu, b’mod partikolari fl-espressjoni tal-kunsens tiegħu li jkun marbut permezz ta’ trattat, huwa għandu kwalitajiet partikolari li jikkaratterizawh meta mqabbel ma’ kwalunkwe persuna oħra u għalhekk huwa affettwat individwalment mid-deċiżjoni kkontestata. Fir‑replika, ir-rikorrent iżid li, billi pproċeda bil‑konsultazzjonijiet imsemmija fil‑premessa 11 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill ipprekludieh milli jeżerċita l‑kompetenza tiegħu sabiex jesprimi l-kunsens tal-poplu tas-Saħara tal-Punent u jsostni, essenzjalment, l-argument espost sabiex juri li huwa direttament affettwat minn din id-deċiżjoni.

263    Skont ġurisprudenza stabbilita, is-suġġetti l-oħra li ma humiex id‑destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu jallegaw li huma kkonċernati individwalment biss jekk din id‑deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni fattwali li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kwalunkwe persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, jiġu individwalizzati bl-istess mod bħalma kien ikun individwalizzat id-destinatarju ta’ tali deċiżjoni (ara s‑sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punt 228 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

264    F’dan il-każ, bħala rappreżentant tal-poplu ta’ territorju mhux awtonomu, li għandu dritt għall-awtodeterminazzjoni, ir-rikorrent għandu, bis-saħħa tad-dritt internazzjonali, kompetenzi proprji u distinti minn dawk tal‑partijiet għall-ftehim ikkontestat. B’hekk, huwa jista’ utilment isostni, sabiex juri li huwa individwalment affettwat mid-deċiżjoni kkontestata, li din tipprekludih milli jeżerċita, kif jixtieq, l‑imsemmija kompetenzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punt 229).

265    Fil-qafas tal-eżami tal-inċidenza diretta tar-rikorrent, ġie konkluż li, sa fejn il‑konklużjoni tal-ftehim ikkontestat taffettwa lill-poplu tas-Saħara tal-Punent u tinvolvi l-kisba tal-kunsens tiegħu, id-deċiżjoni kkontestata toħloq effetti diretti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrent bħala rappreżentant ta’ dan il-poplu u bħala parti fil-proċess ta’ awtodeterminazzjoni fuq dan it-territorju (ara l-punti 241 sa 250 iktar ’il fuq). Konsegwentement, ir-rikorrent għandu jiġi kkunsidrat bħala affettwat mid-deċiżjoni kkontestata minħabba kwalitajiet li huma partikolari għalih u li jindividwalizzawh bl-istess mod bħalma kien ikun individwalizzat id‑destinatarju ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punti 230 u 231).

266    Il-fatti tal-kawża li wasslet għas-sentenza tal-10 ta’ April 2003, Il‑Kummissjoni vs Nederlandse Antillen (C‑142/00 P, EU:C:2003:217), invokata mill-Kunsill, il‑Kummissjoni u l-KSMM, ma humiex komparabbli ma’ dawk ta’ din il-kawża. Fil-fatt, minn naħa waħda, il‑miżuri kkontestati fil-qafas ta’ dik il-kawża ma jsemmux b’mod speċifiku t-territorju tal-partijiet rikorrenti. Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri ma tfissirx li huwa meħtieġ il‑kunsens tal-poplu ta’ dan it-territorju (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punti 233 sa 235).

267    Il-ġurisprudenza relatata mal-effett individwali tal-assoċjazzjonijiet (ara s‑sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill, C‑229/05 P, EU:C:2007:32, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata, u d-digriet tat-3 ta’ April 2014, ADEAS vs Il-Kummissjoni, T‑7/13, mhux ippubblikat, EU:T:2014:221, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata), iċċitata mill‑Kummissjoni u mir-Repubblika Franċiża, lanqas ma hija rilevanti, peress li l-inċidenza individwali ta’ assoċjazzjoni li tiddefendi l-interessi privati tal-membri tagħha ma għandhiex tkun ipparagunata ma’ dik ta’ entità li tirrapreżenta lill-poplu ta’ territorju mhux awtonomu. Barra minn hekk, fid-dawl tar-rwol tar-rikorrent u taċ-ċirkustanzi msemmija fil‑punti 241 sa 250 iktar ’il fuq, li huma suffiċjenti sabiex jindividwalizzawh fir‑rigward tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li ma pparteċipax fin‑negozjati mmexxija mill-Unjoni għall-konklużjoni tal-ftehim ikkontestat ma jistax jiġi invokat kontrih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il‑Kunsill, T‑279/19, punti 236 u 237).

268    Minn dan isegwi li r-rikorrent ma huwiex biss direttament, iżda wkoll individwalment affettwat bid-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, hemm lok li tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kunsill ibbażata fuq in-nuqqas ta’ locus standi tiegħu u li jiġi eżaminat il-mertu tar-rikors.

3.      Fuq il-mertu tar-rikors

269    Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent iqajjem ħdax‑il motiv. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-inkompetenza tal-Kunsill sabiex jadotta d-deċiżjoni kkontestata, it-tieni, fuq il-ksur tal-obbligu tiegħu li jivverifika r‑rispett tad‑drittijiet fundamentali u tad-dritt internazzjonali umanitarju, it-tielet, fuq il‑ksur tal-obbligu li jiġu eżegwiti s-sentenzi tal-Qorti tal‑Ġustizzja, ir-raba’, fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali, bħala prinċipji u valuri li għandhom jiggwidaw l-azzjoni esterna tal-Unjoni, il‑ħames, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi, is-sitta, fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, is-sebgħa, fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-politika dwar is-sajd, it-tmienja, fuq il-ksur tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni, id-disgħa, fuq il‑ksur tal-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati, l-għaxra, fuq il-ksur tad‑dritt internazzjonali umanitarju u, il-ħdax, fuq il-ksur tal-obbligi tal‑Unjoni taħt id-dritt tar-responsabbiltà internazzjonali.

a)      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-inkompetenza tal-Kunsill sabiex jadotta d-deċiżjoni kkontestata

270    Ir-rikorrent isostni li l-Kunsill, bħala organu tal-Unjoni, ma kellux kompetenza sabiex jadotta d-deċiżjoni kkontestata, peress li din twassal għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali applikabbli għal territorju li jaqa’ taħt is-sovranità ta’ poplu terz, li fir-rigward tiegħu la l-Unjoni u lanqas il-kokontraent tagħha ma kellhom awtorità.

271    Il-Kunsill isostni li, permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent jikkontesta, fir‑realtà, il‑kompetenza tal-Unjoni minħabba l-ksur tad-dritt għall‑awtodeterminazzjoni u tal-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati u jirreferi għar-risposta tiegħu għat-tmien u disa’ motiv. Barra minn hekk, huwa jirrileva li l-kompetenza sabiex jikkonkludi ftehim internazzjonali ingħatatlu permezz tal-Artikolu 218(6) TFUE.

272    Min‑naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni li d-dritt internazzjonali ma jipprekludix il-konklużjoni, mill-awtorità amministrattiva ta’ territorju mhux awtonomu, ta’ ftehim internazzjonali li japplika għal dan it‑territorju. F’dan il-każ, ir-Renju tal‑Marokk għandu jiġi kkunsidrat bħala li huwa, de facto, l-awtorità amministrattiva tas-Saħara tal-Punent. Ir-Repubblika Franċiża tiddefendi, essenzjalment, pożizzjoni simili. Il‑KSMM japprovaw, essenzjalment, ir-risposta tal-Kunsill għal dan il‑motiv.

273    F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, mill-provi prodotti mir-rikorrent u mid-dokumenti tal-proċess ma jirriżultax li l‑konklużjoni tal‑ftehim ikkontestat għandha tkun eskluża minħabba l‑istatus ta’ organizzazzjoni internazzjonali tal-Unjoni jew minħabba regola tad-dritt internazzjonali li tipprojbixxi espressament tali konklużjoni, li tirriżulta, b’mod partikolari, minn riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà jew minn sentenza tal-QIĠ. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, kif jiġi dedott mill-punt 98 tas-sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario u mill-punti 70 sa 72 tas-sentenza Western Sahara Campaign UK, il‑Qorti tal-Ġustizzja ma eskludietx, bħala regola, li l-Unjoni u r-Renju tal‑Marokk jistgħu jikkonkludu ftehim internazzjonali applikabbli għat‑territorju tas-Saħara tal-Punent jew għall-ibħra li jmissu miegħu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is‑sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punti 247 u 248 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

274    Għal dawn ir-raġunijiet, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

275    L-eżami dwar il-mertu tar-rikors għandu jkompli bl-analiżi tat-tielet motiv.

b)      Fuq it-tielet motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq il-ksur, millKunsill, talobbligu tiegħu li jikkonforma ruħu mar-rekwiżiti dedotti millġurisprudenza tal-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u tal-prinċipju taleffett relattiv tat-trattati

276    Ir-rikorrent isostni li, meta kkonkluda mar-Renju tal-Marokk ftehim espliċitament applikabbli għat-territorju tas-Saħara tal-Punent u għall‑ibħra li jmissu miegħu mingħajr il-kunsens tiegħu, il-Kunsill kiser l-obbligu ta’ eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja li jirriżulta mill-Artikolu 266 TFUE. Fil-fatt, il-Qorti tal‑Ġustizzja kkunsidrat li l‑inklużjoni impliċita ta’ dan it-territorju fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ftehim konklużi bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk hija ġuridikament impossibbli, minħabba l-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u l‑prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati. Minn dan ir-rikorrent jiddeduċi li, għall‑istess raġunijiet, applikazzjoni espliċita ta’ tali ftehim fir-rigward tal‑imsemmi territorju u tal-ibħra li jmissu miegħu hija, iktar u iktar, eskluża. Barra minn hekk, fl-ewwel parti tar-rikors kif ukoll fil‑kunsiderazzjonijiet preliminari tar-replika u fl-osservazzjonijiet fin‑noti ta’ intervent, ir-rikorrent isostni, b’mod partikolari, li l‑konklużjoni tal-ftehim ikkontestat hija kuntrarja għall-ġurisprudenza inkwantu ma tosservax l-istatus separat u distint tas-Saħara tal-Punent u li hija ġiet adottata mingħajr il-kunsens tal-poplu ta’ dan it-territorju għall-imsemmi ftehim.

277    Il-Kunsill isostni li, meta kkonkluda ftehim li jinkludi espliċitament fil‑kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-ibħra li jmissu mas-Saħara tal-Punent, wara li kiseb il‑kunsens tal-popolazzjonijiet ta’ dan it-territorju, huwa kkonforma ruħu mas‑sentenzi Il-Kunsill vs Front Polisario u Western Sahara Campaign UK.

278    B’mod iktar preċiż, fil-kunsiderazzjonijiet preliminari tar-risposta, intitolati “Kwistjonijiet orizzontali”, fl-ewwel lok, il-Kunsill isostni li l‑konsultazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni u mis-SEAE, li kellhom l-għan li jiżguraw l-ikbar parteċipazzjoni possibbli ta’ awtoritajiet u organizzazzjonijiet rappreżentanti tal‑popolazzjonijiet milqutin, mingħajr preġudizzju għat-tmiem tal-proċess ta’ awtodeterminazzjoni, ippermettew li jinkiseb il-kunsens tagħhom, skont is‑sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario u b’osservanza tal-prinċipji rilevanti tad‑dritt internazzjonali. Fit-tieni lok, għandu jiġi sostnut li s‑sitwazzjoni attwali tas-Saħara tal-Punent ma tippermettix li jiġi kkonsultat b’mod dirett il-poplu kkonċernat jew permezz ta’ rappreżentant istituzzjonali tal-poplu ta’ dan it‑territorju. Fit-tielet lok, l‑istituzzjonijiet setgħu jużaw il-marġni diskrezzjonali tagħhom sabiex jipproċedu b’konsultazzjonijiet ibbażati fuq kriterju oġġettiv, ibbażat fuq benefiċċji għall-popolazzjonijiet ta’ dan it-territorju, u dawn huma, f’dan ir-rigward, konformi mal-prinċipji tad-dritt internazzjonali applikabbli. Fir‑raba’ lok, fil-kontroreplika, il-Kunsill jiddikjara li huwa biss ir-Renju tal‑Marokk, li huwa l-awtorità amministrattiva “de facto” fuq it-territorju tas‑Saħara tal-Punent, li għandu l-kapaċità ġuridika u l-mezzi amministrattivi u doganali sabiex jikkonkludi ftehim dwar is-sajd mal‑Unjoni. Fil-ħames lok, ir‑rikorrent ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati mill-ġurisprudenza sabiex jinvoka regoli ta’ dritt internazzjonali.

279    Il-Kummissjoni tiżviluppa, essenzjalment l-istess analiżi bħal dik tal‑Kunsill f’dak li jirrigwarda l-proċess li wassal għall-konklużjoni tal‑ftehim ikkontestat u l‑invokabbiltà tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali u l-istħarriġ ġudizzjarju tad‑deċiżjonijiet ta’ konklużjoni ta’ dawn il-ftehim. Fil-qafas tas-seba’ u tat-tmien motiv, hija terġa’ tikkontesta, b’mod speċifiku, l-invokabbiltà tal-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u tal-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati. Hija żżid, fil‑punt 1.2 ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preliminari, li l-ftehim ikkontestat huwa konformi mal-prinċipji tad-dritt internazzjonali pubbliku stabbiliti bl‑Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u mir‑Riżoluzzjoni III tal-Att Finali tat-Tielet Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-dritt tal-baħar. Hija ssostni, essenzjalment, li dawn id‑dispożizzjonijiet ma jipprekludux il-ġestjoni tar-riżorsi tal-ibħra li jmissu mas-Saħara tal-Punent mir-Renju tal-Marokk u mill-Unjoni fil‑qafas ta’ ftehim internazzjonali, peress li din il-ġestjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-popolazzjoni ta’ dan it-territorju, u li l‑argumenti tar‑rikorrent joħolqu lakuna ġuridika fil-governanza ta’ dawn l-ibħra. Barra minn hekk, il‑Konvenzjoni dwar id-Dritt tal-Baħar ma tużax il-kunċett ta’ kunsens. Finalment, hija ssostni li r-rikorrent jinterpreta b’mod żbaljat il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mis‑sentenzi Il-Kunsill vs Front Polisario u Western Sahara Campaign UK, li huma limitati sabiex jinterpretaw il-ftehim applikabbli għat‑territorju tar‑Renju tal-Marokk u tal-ibħra li jaqgħu fis-sovranità jew fil-ġurisdizzjoni tiegħu fir-rigward tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali rilevanti, iżda li ma jirrigwardawx il-validità ta’ dawn il-ftehim.

280    Ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Franċiża jiżviluppaw, essenzjalment, argument simili għal dak tal-Kunsill u tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni ta-prinċipji ta’ dritt internazzjonali, l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni kkontestata u l-validità tal-konsultazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni u s‑SEAE.

281    Il-KSMM jaqblu, parzjalment, mal-analiżi tal-Kunsill relatat mal-proċess ta’ konsultazzjonijiet qabel il-konklużjoni tal-ftehim ikkontestat. Barra minn hekk, huma jiddikjaraw li r-rappreżentanti lokali eletti, li pparteċipaw f’din il‑konsultazzjoni, huma r-rappreżentanti leġittimi tal‑popolazzjoni tas-Saħara tal‑Punent u għandhom il-leġittimità demokratika. Barra minn hekk, fir-rigward b’mod speċifiku, tat-tielet motiv, huma jsostnu li, b’mod partikolari, l‑Artikolu 266 TFUE ma huwiex applikabbli f’dan il-każ. Finalment, fil-kuntest tar-raba’ motiv, huma jsostnu li l-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati ma huwiex applikabbli u li, fi kwalunkwe każ, il-ftehim ikkontestat ma jistax jiġi kkontestat mir-rikorrent.

282    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li parti mill-argument tal-Kunsill, tar‑Repubblika Franċiża, tal-Kummissjoni u tal-KSMM tqajjem, b’mod definittiv, il-kwistjoni dwar jekk dan il-motiv huwiex ineffettiv. Din il‑kwistjoni għandha għalhekk tiġi eżaminata qabel ma tingħata deċiżjoni, jekk ikun il-każ, fuq il-mertu ta’ dan il-motiv.

1)      Fuq l-argumenti tal-Kunsill, tar-Repubblika Franċiża, talKummissjoni u talKSMM relatati man-natura ineffettiva tattielet motiv

283    L-argumenti tal-Kunsill u tal-intervenjenti jikkontestaw il-bażijiet legali ta’ dan il‑motiv taħt tlett aspetti. L-ewwel nett, l‑Artikolu 266 TFUE ma huwiex applikabbli. It-tieni, is-sentenzi ċċitati mir‑rikorrent ma jistgħux jiġu invokati b’mod utli sabiex jikkontestaw il‑validità tal-ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju tal‑Marokk. It‑tielet, ir‑rikorrent ma jistax jinvoka l-prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju li, f’dan il-każ, jallega li nkiser.

284    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-applikabbiltà tal-Artikolu 266 TFUE, għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill (T‑279/19), il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, fil-qafas tat-tielet motiv tiegħu, li kien ibbażat fuq l-istess bażijiet legali bħal dan il-motiv, mill‑Artikolu 266 TFUE, ir-rikorrent ma setax jiddeduċi obbligu, fuq l‑istituzzjonijiet, li jeżegwixxu s-sentenzi Il-Kunsill vs Front Polisario u Western Sahara Campaign UK jew id-digrieti tal-Qorti Ġenerali msemmija fil-punt 52 iktar ’il fuq, b’mod partikolari, minħabba li l-ebda waħda minn dawn id-deċiżjonijiet tal-Unjoni ma kienet wasslet għall-annullament ta’ att tal-Unjoni jew ikkonstatat l-invalidità ta’ tali att. Minn dan hija kkonkludiet li, peress li kien ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, dan il-motiv kien ineffettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il‑Kunsill, T‑279/19, punti 262 sa 265 u l-ġurisprudenza ċċitata).

285    Madankollu, peress li l-argument żviluppat insostenn ta’ dan il-motiv kien mibni fuq ilment ibbażat, essenzjalment, fuq il-ksur, mill‑istituzzjonijiet, tal-obbligu tagħhom li jikkonformaw ruħhom mal‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mar-regoli tad-dritt internazzjonali applikabbli għall-ftehim inkwistjoni f’dik il-kawża, il‑Qorti Ġenerali kkonstatat li r-rikorrent seta’ utilment juża dan il‑ksur, peress li l-qrati tal-Unjoni għandhom kompetenza jistħarrġu, fil-qafas ta’ rikors għal annullament, il-konformità tal-att ikkontestat mal‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja u li d-deċiżjoni li kienet ikkontestata fil-kawża inkwistjoni kienet ġiet adottata preċiżament sabiex jiġu misluta l-konsegwenzi ta’ din il‑ġurisprudenza, u b’mod iktar partikolari tas-sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario. Hija għalhekk ikkonkludiet li, minkejja r-riferiment żbaljat għall‑Artikolu 266 TFUE, it-tielet motiv, inkwantu bbażat, essenzjalment, fuq l‑ilment imsemmi iktar ’il fuq, ma huwiex ineffettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punti 267 sa 272).

286    Sa fejn, fil-qafas ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent jirreferi għall-eżekuzzjoni tal-istess deċiżjonijiet tal-qrati tal-Unjoni bħal dawk invokati fil-qafas tal-kawża li wasslet għas-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill (T‑279/19), hemm lok li dan il-motiv jiġi miċħud, inkwantu huwa bbażat fuq l-Artikolu 266 TFUE, għall-istess raġunijiet bħal dawk stipulati fil‑punt 284 iktar ’il fuq.

287    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punt 276 iktar ’il fuq, ir‑rikorrent jagħmel użu, essenzjalment, fil-qafas ta’ dan il-motiv, mill-ksur, min‑naħa tal‑istituzzjonijiet, tal-obbligu tagħhom li jkunu konformi mal‑ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja relatata mal-interpretazzjoni tal-ftehim bejn l-Unjoni u r‑Renju tal-Marokk skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali applikabbli, stipulati fis-sentenzi Il-Kunsill vs Front Polisario u Western Sahara Campaign UK. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessi 3 u 5 tad‑deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 116 iktar ’il fuq), il-ftehim ikkontestat ġie nnegozjat u konkluż mill‑istituzzjonijiet sabiex jiġu misluta l‑konsegwenzi tat-tieni waħda minn dawn is-sentenzi, li kienet eskludiet l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar is-Sajd tal-2006 u tal-Protokoll tal-2013 għat-territorju tas-Saħara tal‑Punent u għall-ibħra li jmissu miegħu, minħabba li din kienet kontra l-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u l‑prinċipju tal-effett relattiv tat‑trattati, kif interpretati fl‑ewwel waħda minn dawn is-sentenzi. Minn dan isegwi li, għal raġunijiet analogi għal dawk imsemmija fil-punti 267 sa 272 tas-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill (T‑279/19), dan il-motiv, inkwantu bbażat fuq dan il-ksur, ma huwiex ineffettiv.

288    Fit-tieni lok, l-argumenti tal-Kummissjoni u taċ-CPMM ibbażati fuq il‑fatt li, fis‑sentenzi Il-Kunsill vs Front Polisario u Western Sahara Campaign UK, il-Qorti tal-Ġustizzja tat interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u tal‑prinċipju tal-effett relattiv fil-kuntest tal‑interpretazzjoni tal-ftehim inkwistjoni f’dawn il-kawżi u mhux tal‑istħarriġ tal-validità tagħhom, għandhom jiġu miċħuda. Fil-fatt, minn naħa waħda, l-istituzzjonijiet huma obbligati jikkonformaw ruħhom mhux biss mal-interpretazzjoni tar-regoli tad-dritt tal‑Unjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda wkoll ma’ dik tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jorbtu lill-Unjoni u l-qrati tal-Unjoni huma kompetenti jevalwaw il-kompatibbiltà ta’ ftehim konkluż għan-nom tal-Unjoni ma’ din l‑interpretazzjoni. Min-naħa l-oħra, ir-regoli tad-dritt internazzjonali interpretati f’dan il-każ mill-Qorti tal-Ġustizzja, li kienu rilevanti sabiex tingħata deċiżjoni dwar l-applikazzjoni impliċita ta’ dan il-ftehim, konkluż mar-Renju tal-Marokk, għas-Saħara tal-Punent huma rilevanti, ħafna iktar, sabiex tiġi eżaminata l-legalità ta’ dispożizzjoni ta’ ftehim bejn l-istess partijiet li espliċitament tipprevedi tali applikazzjoni territorjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il‑Kunsill, T‑279/19, punti 273 sa 275).

289    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-invokabbiltà tal-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u tal-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati, jista’ jitfakkar li, fil-kuntest ta’ ftehim fil‑qasam tal-politika kummerċjali, konkluż għan-nom tal-Unjoni, sabiex tkun konformi mal-interpretazzjoni ta’ dawn il-prinċipji mogħtija mill-Qorti tal‑Ġustizzja fis-sentenza Il‑Kunsill vs Front Polisario, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, f’dik is‑sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeduċiet mill‑interpretazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fid-dawl tal-imsemmija prinċipji, obbligi ċari, preċiżi u inkundizzjonali imposti fil-qafas tar-relazzjonijiet tal‑Unjoni mar-Renju tal-Marokk, jiġifieri, minn naħa waħda, l‑osservanza tal‑istatus separat u distint tas-Saħara tal-Punent u, min‑naħa l-oħra, l-obbligu li jiġi żgurat il-kunsens tal-poplu tagħha f’każ tal‑implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fuq dan it-territorju (ara s-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il‑Kunsill, T‑279/19, punt 281 u l-ġurisprudenza ċċitata).

290    Minn din il-konstatazzjoni, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li, sabiex jiġu difiżi d‑drittijiet li l-poplu tas-Saħara tal-Punent għandu abbażi tal‑prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u tal-prinċipju tal-effett relattiv tat‑trattati, ir-rikorrent għandu jkollu l-possibbiltà li jinvoka l-ksur ta’ dawn l-obbligi ċari, preċiżi u inkundizzjonali, kontra d-deċiżjoni li kienet ikkontestata fil-kawża li wasslet għas‑sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill (T‑279/19), sa fejn dan l‑allegat ksur jista’ jaffettwa lill‑imsemmi poplu, bħala terz fir-rigward tal-ftehim konkluż bejn l‑Unjoni u r-Renju tal-Marokk. Barra minn hekk, hija kkunsidrat li l‑ġurisprudenza relatata mal-invokabbiltà tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju stipulati fil-punti 107 sa 109 tas‑sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864), ma kinitx tipprekludi din il‑konklużjoni. Fil-fatt, hija kkonstatat li l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu f’dawn il-punti huma bbażati fuq evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ relatati man-natura tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali invokati u tal-att ikkontestat kif ukoll tas-sitwazzjoni ġuridika tal‑partijiet rikorrenti fil-kawża prinċipali li ma kinux komparabbli ma’ dawk tal‑Kawża T-279/19 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il‑Kunsill, T‑279/19, punti 282 sa 291 u l-ġurisprudenza ċċitata).

291    Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-konklużjoni msemmija fil‑punt 290 iktar ’il fuq ma kinitx ikkontestata mill-argumenti tal-Kummissjoni u tal-Comader relatati mal‑invokabbiltà speċifika, minn naħa waħda, tal-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u, min-naħa l-oħra, tal-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati. Fil-fatt, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, fi kwalunkwe każ, il-fatt li d-dritt stabbilit minn dan il‑prinċipju kien dritt kollettiv u l-fatt li kien jagħti bidu għal proċess li t-tmiem tiegħu ma kienx iddefinit ma kellhomx effett f’dan il-każ, peress li s-suġġett terz li kien jirrappreżenta r-rikorrent kien preċiżament detentur ta’ dan id-dritt u kien igawdih effettivament, irrispettivament mit-tmiem tal-proċess pendenti. Fit-tieni lok, fir-rigward tal-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, essenzjalment, li n-natura tal-ftehim fuq il‑preferenzi tariffarji għall‑poplu tas-Saħara tal-Punent fl-ordinament internazzjonali eventwalment mhux kontestabbli ma tistax tostakola lir‑rikorrent milli jinvoka dan il-prinċipju quddiem il-qrati tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punti 293 sa 296 u l-ġurisprudenza ċċitata).

292    Il-kunsiderazzjonijiet imfakkra fil-punti 289 sa 291 iktar ’il fuq huma applikabbli għall-invokabbiltà tal-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u tal‑prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati kontra d-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-applikabbiltà ta’ dawn il-prinċipji fil-qafas ta’ Ftehim dwar is-Sajd konkluż bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk, ikkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 63 sa 72 tas-sentenza Western Sahara Campaign UK.

293    Fi kwalunkwe każ, fil-qafas ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent iqajjem ilment ibbażat, essenzjalment, fuq il-ksur, mill-istituzzjonijiet, tal-obbligu tagħhom li jikkonformaw ruħhom mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja relatata mal‑interpretazzjoni tal-ftehim bejn l-Unjoni u r‑Renju tal-Marokk permezz tar‑regoli tad-dritt internazzjonali applikabbli u, b’mod partikolari, l-obbligu tagħhom li jikkonformaw ruħhom mas-sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, insostenn ta’ rikors indirizzat kontra deċiżjoni adottata sabiex jiġu misluta l‑konsegwenzi ta’ dik is-sentenza. Konsegwentement, f’dan il-kuntest, ma jistax jiġi mċaħħad lilu d-dritt li jikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata filwaqt li jinvoka, fil-qafas ta’ dan l-ilment, tali regoli, ta’ natura fundamentali, filwaqt li l‑Unjoni hija marbuta minn dawn ir-regoli u li din id-deċiżjoni ġiet adottata sabiex tikkonforma ruħha mal-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tat (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punt 292 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

294    Għalhekk, fil-qafas ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent jista’ utilment jinvoka s‑sentenzi Il-Kunsill vs Front Polisario u Western Sahara Campaign UK u l-interpretazzjoni mogħtija fihom tal-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u tal-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati insostenn ta’ dan il-motiv. Dan għalhekk ma huwiex ineffettiv.

2)      Fuq il-fondatezza tal-argumenti invokati mir-rikorrent insostenn ta’ dan ilmotiv

295    L-argument tar-rikorrent insostenn ta’ dan il-motiv jinvolvi, essenzjalment, tliet partijiet, ibbażati, l-ewwel nett, fuq l-impossibbiltà, għall-Unjoni u għar-Renju tal‑Marokk, li jikkonkludu ftehim applikabbli għas-Saħara tal-Punent u għall‑ibħra li jmissu magħha, it-tieni, fuq il‑ksur tal-istatus separat u distint ta’ dan it-territorju, kuntrarjament għall‑prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni, u, it-tielet, fuq il-ksur tar‑rekwiżit li l-poplu ta’ dan it-territorju għandu jagħti l-kunsens għall‑ftehim ikkontestat, bħala terz fil-konfront tiegħu, fis-sens tal‑prinċipju tal‑effett relattiv tat-trattati.

i)      Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq l-impossibbiltà għallUnjoni u għar-Renju tal-Marokk li jikkonkludu ftehim applikabbli għas-Saħara talPunent u għall-ibħra li jmissu magħha

296    Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrent isostni li, kif jirriżulta mis-sentenzi Il-Kunsill vs Front Polisario u Western Sahara Campaign UK, l‑applikazzjoni ta’ ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk għas‑Saħara tal-Punent u għall-ibħra li jmissu magħha hija impossibbli legalment minħabba l-fatt, b’mod partikolari, tal-ksur tal‑prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u tal-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati. B’mod iktar partikolari, fir-rigward tas-sentenza Western Sahara Campaign UK, ir-rikorrent jiddikjara li l-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet, fil-punt 72 tagħha, tali ftehim minħabba li, fi kwalunkwe każ, ir-Renju tal-Marokk kategorikament irrifjuta li jikkunsidra lilu nnifsu b’xi mod ieħor ħlief li huwa sovran fir-rigward tal-imsemmi territorju. Issa, il-ftehim ikkontestat huwa intiż, fir-realtà, sabiex “jrendi dejjiema” l-applikazzjoni de facto dwar is‑Sajd tal-2006 u tal-protokolli għall-parti tat-territorju inkwistjoni kkontrollata minn dan il-pajjiż terz u għall‑ibħra li jmissu miegħu, li kienet ġiet eskluża mis-sentenza msemmija iktar ’il fuq.

297    Il-Kunsill, sostnut mir-Repubblika Franċiża, mill-Kummissjoni u mill‑KSMM, isostni li s-sentenzi ċċitati fil-punt 296 iktar ’il fuq ma eskludewx l-applikazzjoni għas-Saħara tal-Punent ta’ ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk.

298    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, fil-qafas tal‑ġurisprudenza relatata mal-ftehim konklużi għan-nom tal-Unjoni mar-Renju tal-Marokk fil-qafas tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, il-qrati tal‑Unjoni ma ddeċidewx dwar il-kawżi relatati ma’ ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk li jinkludu dikjarazzjoni espliċita li tinkludi s‑Saħara tal-Punent fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali ftehim. B’hekk, fil‑qafas ta’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali ddeċidew biss li r-regoli tad-dritt internazzjonali applikabbli kienu jopponu li dan it-territorju mhux awtonomu jkun ikkunsidrat bħala li jaqa’ impliċitament fil‑kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju tal‑Marokk, filwaqt li dan il-kamp ta’ applikazzjoni kien espliċitament limitat, f’dak li jirrigwarda lil dan il-pajjiż terz, għat‑territorju tiegħu jew għall-ibħra li jaqgħu fis-sovranità jew fil‑ġurisdizzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑lum, Front Polisario vs Il‑Kunsill, T‑279/19, punti 300 sa 304 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

299    Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punti 301 u 305 tas-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill (T‑279/19), il-Qorti tal-Ġustizzja, fil‑punti 94 sa 98 tas‑sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, ikkonstatat li r-regola kkodifikata fl‑Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna ma kinitx tipprekludi li trattat jorbot Stat fir-rigward ta’ territorju ieħor li ma huwiex tiegħu jekk tali intenzjoni toħroġ minn dan it-trattat.

300    Minn dan għandu għalhekk jiġi konkluż li, kuntrarjament għal dak li jiddikjara r‑rikorrent, il-ftehim ikkontestat ma jistax ikun ikkunsidrat bħala li “isostni” prattika eskluża mill-ġurisprudenza. Fil-fatt, minn naħa waħda, din ma warrbitx totalment il-possibbiltà li ftehim bejn l‑Unjoni u r-Renju tal-Marokk jista’ legalment japplika għas‑Saħara tal‑Punent jew għall-ibħra li jmissu magħha. Min‑naħa l‑oħra, din l‑applikazzjoni ma tirriżultax, f’dan il-każ, minn sempliċi “prattika”, iżda minn termini espliċiti tal-ftehim ikkontestat stess, li jirrifletti l‑volontà komuni tal-partijiet, u b’mod partikolari tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punt 305 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

301    Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex ikkontestati, f’dan il-każ, mill‑punt 72 tas‑sentenza Western Sahara Campaign UK (ara l‑punt 48 iktar ’il fuq). Fil-fatt, f’dan il‑punt tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement warrbet l-ipoteżi tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li l-ibħra li jmissu mas‑Saħara tal-Punent setgħu jiġu kkunsidrati bħala li jaqgħu fil‑ġurisdizzjoni tar-Renju tal-Marokk, bħala awtorità amministrattiva “de facto” jew awtorità okkupanti ta’ dan it‑territorju, peress li dan tal‑aħħar kien “kategorikament” eskluda dawn il‑klassifikazzjonijiet. Min-naħa l-oħra, fl-istess punt, hija ma warrbitx il‑possibbiltà li dawn l‑ibħra jistgħu jkunu inklużi fi ftehim dwar is-sajd bejn l‑Unjoni u r-Renju tal-Marokk li jiddistingwihom espliċitament mill-ibħra li jaqgħu taħt is‑sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta’ dan l-Istat terz.

302    L-ewwel parti tat-tielet motiv għandha għalhekk tiġi miċħuda.

303    Issa għandha ssir l-analiżi tat-tielet parti ta’ dan il-motiv.

ii)    Fuq it-tielet parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq il-ksur tar-rekwiżit li l-poplu tasSaħara tal-Punent għandu jagħti l-kunsens tiegħu għallftehim ikkontestat, bħala terz fil-konfront tiegħu, skont ilprinċipju tal-effett relattiv tat-trattati

304    Permezz tat-tielet parti tat-tielet motiv, ir-rikorrent, kemm fir-rikors kif ukoll fir‑replika, jikkontesta l-validità tal-konsultazzjonijiet magħmula mill‑Kummissjoni u mis-SEAE u r-rilevanza tar-rapport tat-8 ta’ Ottubru 2018 li jirreferi, b’mod partikolari, għalihom. Fil-fatt, dawn il‑konsultazzjonijiet kienu ffukati fuq il-benefiċċji tal-ftehim ikkontestat, minkejja li l-uniku kriterju rilevanti, iddikjarat mill-Qorti tal-Ġustizzja, huwa l-kunsens tal-poplu tas-Saħara tal-Punent. Barra minn hekk, skont ir-rikorrent, dawn il-konsultazzjonijiet, li għalihom l-istituzzjonijiet u r‑Renju tal-Marokk ma kellhomx, skont ir-rikorrent, kompetenza, ma setax ikollhom bħala għan jew bħala effett li jinkiseb l-imsemmi kunsens, b’mod partikolari minħabba l-fatt li, minn naħa waħda, dan tal-aħħar ma setax jirriżulta minn proċess informali ta’ konsultazzjoni u li, min-naħa l-oħra, dan tal-aħħar kien jikkonċerna entitajiet stabbiliti bis-saħħa tal‑liġi Marokkina u ma kienx inkluda l-parti ta’ dan il-poplu li tgħix barra miż‑żona kkontrollata mir‑Renju tal‑Marokk. Barra minn hekk, fil‑premessa 11 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill biddel in-natura u l‑portata tal-imsemmija konsultazzjonijiet billi kkunsidrahom bħala manifestazzjoni tal-“popolazzjonijiet milqutin”. Dawn il‑kunsiderazzjonijiet tal-Kunsill ma humiex konformi mas‑sentenzi Il‑Kunsill vs Front Polisario Western Sahara Campaign UK, b’mod partikolari fil-punt 106 tal-ewwel waħda minn dawn is-sentenzi.

305    Il-Kunsill, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Kummissjoni u l‑KSMM isostnu, essenzjalment, li l-konsultazzjonijiet magħmula josservaw il‑prinċipji applikabbli tad-dritt internazzjonali, fid-dawl tas‑sitwazzjoni partikolari tas-Saħara tal-Punent, li ma kinux jippermettu li jinkiseb direttament il‑kunsens tal-poplu tiegħu u tas-setgħa diskrezzjonali sinjifikattiva tal‑istituzzjonijiet (ara l-punti 277 sa 281 iktar ’il fuq).

306    L-eżami ta’ din il-parti jimplika li għandha tiġi eżaminata, l-ewwel nett, l‑applikazzjoni tal-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati f’dan il-każ, it‑tieni, il‑modalitajiet li permezz tagħhom l-istituzzjonijiet xtaqu, f’dan il-każ, ikunu konformi, skont l-espressjoni tal-premessa 11 tad‑deċiżjoni kkontestata, mal‑“kunsiderazzjonijiet ifformulati fis‑sentenza [Western Sahara Campaign UK]” u, it-tielet, il‑fondatezza tal-argument imfakkar fil-punt 304 iktar ’il fuq.

–       Fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati f’dan il-każ

307    Qabelxejn, għandu jitfakkar li, kuntrarjament għal dak li l-KSMM isostnu u kif jirrizulta mill-punti 100 sa 107 tas-sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario u mill‑punti 63, 69, 71 u 72 tas-sentenza Western Sahara Campaign UK, il-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati huwa applikabbli f’dan il-każ. B’mod partikolari, il‑fatt allegat li, fid-dawl tal-pożizzjoni tiegħu fuq is-Saħara tal-Punent, ir-Renju tal-Marokk ma kellux l‑intenzjoni li jagħti la drittijiet u lanqas obbligi lill-poplu ta’ dan it‑territorju ma għandux effett fuq l-applikabbiltà ta’ dan il-prinċipju fil‑kuntest tal-interpretazzjoni, mill-qrati tal-Unjoni, fid-dawl tad-dritt internazzjonali, ta’ ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk applikabbli għas‑Saħara tal-Punent u għall-ibħra li jmissu magħha bħall-ftehim ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il‑Kunsill, T‑279/19, punt 310).

308    L-applikazzjoni, f’dan il-każ, tal-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati lanqas ma hija kkontestata mill-kunsiderazzjonijiet preliminari tal‑Kummissjoni li jirrigwardaw in-natura allegatament mhux riżolta fid‑dritt internazzjonali dwar ir‑relazzjoni bejn territorju mhux awtonomu u l-ibħra li jmissu miegħu u, b’mod partikolari, mill‑kunsiderazzjonijiet tagħha dwar in-nuqqas ta’ riferiment għall‑kunċett ta’ kunsens fil-Konvenzjoni dwar id-Dritt tal-Baħar, b’mod partikolari fir-Riżoluzzjoni III tal-Att Finali tat-Tielet Konferenza tan‑Nazzjonijiet Uniti dwar id-dritt tal-baħar.

309    Fil-fatt, huwa biżżejjed li jitfakkar li, kif ġie konkluż fil-punt 233 iktar ’il fuq, mill-analiżi tal-prinċipji tad-dritt konswetudinarju stabbiliti mill-Konvenzjoni dwar id-Dritt tal-Baħar u mid-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni, kif interpretati, b’mod partikolari, mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara l-punti 221 sa 232 iktar ’il fuq), jirriżulta li d-drittijiet tal-Istat kostali stabbiliti mill-Konvenzjoni dwar id‑Dritt tal-Baħar, u b’mod partikolari d-drittijiet relatati mal‑isfruttament tar-riżorsi tas-sajd li jinsabu fiż-żoni ddefiniti minn din il-Konvenzjoni, jistgħu jiġu eżerċitati għall-benefiċċju tal-popli tat‑territorji mhux awtonomi li għandhom kosta marittima, bħas-Saħara tal-Punent. Madankollu, fil-każ fejn id-drittijiet tal‑poplu inkwistjoni jiġu eżerċitati għall-benefiċċju tagħhom minn Stati terzi, dan il-poplu, skont il-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u l-prinċipju tal-effett relattiv tat‑trattati, għandu jesprimi l-kunsens tiegħu sabiex dawn id-drittijiet jiġu eżerċitati minnhom. Fi kwalunkwe każ, kif diġà ġie kkonstatat b’mod repetut f’din is-sentenza, il-ftehim ikkontestat japplika mhux biss għall‑ibħra li jmissu ma’ dan it-territorju, iżda wkoll għall-parti tal-art ta’ dan it-territorju.

310    Sussegwentement, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jew teħid ta’ pożizzjoni mill-organi tal-ONU dwar il-kriterji relatati mal‑modalitajiet ta’ espressjoni tal-kunsens tal-poplu tas-Saħara tal‑Punent, għandu jitfakkar li, skont il-prinċipju tad-dritt internazzjonali ġenerali tal-effett relattiv tat-trattati, li r-regola li tinsab fl-Artikolu 34 tal‑Konvenzjoni ta’ Vjenna tikkostitwixxi espressjoni partikolari tiegħu, it-trattati ma għandhom la jippreġudikaw u lanqas jibbenefikaw lil suġġetti terzi mingħajr il-kunsens tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punti 311 sa 313).

311    F’dan ir-rigward, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 35 u 36 tal‑Konvenzjoni ta’ Vjenna, jista’ jiġi dedott li l-kunsens tal-poplu tas‑Saħara tal-Punent fir-rigward tal-ftehim ikkontestat ma jistax jiġi preżunt ħlief fil-każ fejn il-partijiet f’dan il‑ftehim kellhom l-intenzjoni li jagħtuh dritt, ħlief f’każ ta’ indikazzjoni kuntrarja, u li, għall-kuntrarju, dan il-kunsens għandu jkun espliċitu fir-rigward tal-obbligi li dawn l‑istess partijiet għandhom l-intenzjoni jimponu fuqu. Fil-fatt, minbarra li l‑prinċipji kkodifikati mill-Konvenzjoni ta’ Vjenna fir-rigward tar‑relazzjonijiet konvenzjonali bejn Stati jistgħu japplikaw għal suġġetti oħra tad-dritt internazzjonali, mill-punt 106 tas-sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario ma tirriżultax differenza ta’ kontenut bejn il-kunċett ta’ “terz” applikat mill-Qorti tal‑Ġustizzja għall-poplu inkwistjoni u għall‑kunċett ta’ “Stat terz” skont din il‑konvenzjoni (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il‑Kunsill, T‑279/19, punti 314 sa 317 u l-ġurisprudenza ċċitata).

312    Irrispettivament mill-fatt li, f’dan il-każ, ir-rikorrent irrifjuta li jipparteċipa fil‑konsultazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni u mis‑SEAE qabel il‑konklużjoni tal-ftehim ikkontestat, għandu jiġi rrilevat li dan tal-aħħar ma jagħti ebda dritt lill-poplu tas-Saħara tal‑Punent, bħala terz f’dan il-ftehim, u li l-kunsens tiegħu ma jistax għalhekk jiġi preżunt skont il-prinċipju espress fl-Artikolu 36(1) tal‑Konvenzjoni ta’ Vjenna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punti 318 sa 323).

313    Fil-fatt, minn naħa waħda, id-drittijiet tas-sajd mogħtija bis-saħħa tal‑Ftehim dwar is-Sajd fl-ibħra li jmissu mas-Saħara tal-Punent huma għall-benefiċċju tal-Unjoni u tal-Istati Membri. Barra minn hekk, il‑ġestjoni ta’ attivitajiet ta’ sajd f’dawn l‑ibħra, b’mod partikolari fil‑kuntest tad-definizzjoni taż-żoni ta’ ġestjoni li japplikaw għal dawn l‑ibħra, hija eżerċitata mill-awtoritajiet Marokkini fil-qafas tal-liġijiet u tar-regolamenti nazzjonali tagħhom, skont l-Artikolu 6(1) tal‑imsemmi ftehim.

314    Min-naħa l-oħra, kif tfakkar fil-punt 215 iktar ’il fuq, id-diversi komponenti tal‑kontribuzzjoni finanzjarja jitħallsu lill-awtoritajiet Marokkini, kif jirriżulta mill-Artikolu 4(4) u mill-Artikolu 8(3) tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni u mill‑punt E tal‑Kapitolu I tal-Anness ta’ dan il-protokoll. Barra minn hekk, skont l‑Artikolu 4(2) u l-Artikoli 6 sa 8 tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni, din il‑kontribuzzjoni hija allokata mill-awtoritajiet tar-Renju tal-Marokk, taħt il‑kontroll tal-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 13 tal-Ftehim dwar is-Sajd, li huwa kompost minn rappreżentanti ta’ dan l-Istat terz u tal-Unjoni, u skont il‑prinċipju ta’ allokazzjoni ġeografika u soċjali ġusta msemmija fl-Artikolu 12(4) tal-istess ftehim.

315    Kif jirriżulta mill-iskambju ta’ ittri (ara l-punt 70 iktar ’il fuq), ir-Renju tal‑Marokk jeżerċita dawn ir‑responsabbiltajiet abbażi tal-pożizzjoni tiegħu li “ir‑reġjun tas-Saħara huwa parti integrali tat-territorju nazzjonali li fuqu jeżerċita sovranità sħiħa bħal fuq il-bqija tat-territorju nazzjonali”.

316    F’dan ir-rigward, jista’ jiġi rrilevat, b’mod partikolari, li mill‑kunsiderazzjonijiet tal-Ftehim dwar is-Sajd jew mill-Protokoll ta’ Implimentazzjoni u mill-annessi u appendiċi tiegħu ma jirriżultax li l‑prinċipju ta’ allokazzjoni ġeografika u soċjali ġusta tal-kontribuzzjoni finanzjarja huwa implimentat b’mod differenti fuq it‑territorju tas-Saħara tal-Punent u fuq it-territorju tal-Marokk, fis-sens tal‑Artikolu 94 tal‑Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

317    B’hekk, ir-Renju tal-Marokk ma jassumix ir-responsabiltajiet u l‑kompetenzi li jaqgħu fuqu bis-saħħa tal-ftehim ikkontestat, inkwantu t‑territorju tas-Saħara tal‑Punent u l-ibħra li jmissu miegħu huma kkonċernati, sabiex jeżerċita d‑drittijiet tal-poplu ta’ dan it-territorju għall-benefiċċju tiegħu. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-pożizzjoni tiegħu espressa fl-iskambju ta’ ittri u kif, ukoll, ifakkru l‑KSMM (ara l‑punt 307 iktar ’il fuq), huwa ma għandux l-intenzjoni li jirrikonoxxilu drittijiet f’dak li jirrigwarda l‑isfruttament tar-riżorsi tas-sajd f’dawn l-ibħra u l-allokazzjoni tal‑benefiċċji li jirriżultaw minnha. Barra minn hekk, id-drittijiet li dan il-ftehim jista’ eventwalment joħloq għall-operaturi stabbiliti fuq dan it‑territorju jikkonċernaw individwi u mhux terzi li għandhom jagħtu l‑kunsens għalih. Fir-rigward tal-benefiċċji għall-popolazzjonijiet ta’ dan it-territorju li jistgħu jirriżultaw minnhom, dawn huma effetti purament soċjo‑ekonomiċi, li huma iktar indiretti, u li ma għandhomx jiġu assimilati ma’ drittijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punti 320 u 321).

318    Għall-kuntrarju, inkwantu jagħti lil waħda mill-partijiet kompetenza fit‑territorju ta’ terz, li huwa għalhekk ma għandux dritt jeżerċita hu stess jew, jekk ikun il-każ, li jiddelega l-eżerċizzju tagħha, il-ftehim ikkontestat jimponi fuq it-terz ikkonċernat, kif jenfasizza r-rikorrent, obbligu, indipendentement mill-fatt, allegat mill-Kunsill, li f’dan l‑istadju, huwa ma huwiex f’pożizzjoni li jeżerċita hu stess jew permezz tar-rappreżentant tiegħu dawn il-kompetenzi. Il-kunsens tiegħu għall‑ftehim ikkontestat għandu għalhekk ikun espliċitu (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punti 322 u 323).

319    Finalment, fir-rigward tal-kontenut u tal-portata tal-kunċett ta’ kunsens, kif użat fl-Artikoli 34 sa 36 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna u msemmi fil‑punt 106 tas‑sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mit‑tielet paragrafu tal-preambolu ta’ din il‑Konvenzjoni, il-prinċipju ta’ kunsens liberu jikkostitwixxi prinċipju “rrikonoxxut universalment” li għandu rwol fundamentali fil-qasam tad‑dritt tat-trattati. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, meta regola tad-dritt internazzjoni timplimenta l-prinċipju ta’ kunsens liberu, din ir-regola timplika, l-ewwel, li l-espressjoni ta’ dan il-kunsens minn parti jew minn terz tikkundizzjona l-validità tal-att li għalih huwa mitlub, it-tieni, li l‑validità tal-imsemmi kunsens stess tiddependi min-natura “libera u awtentika” tiegħu u, it-tielet, li l-imsemmi att jista’ jiġi kkontestat minn parti jew minn terz li jkun ta l-kunsens tiegħu b’mod validu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il‑Kunsill, T‑279/19, punti 324 u 325 u l-ġurisprudenza ċċitata).

320    Il-kunsens tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, bħala terz fir-rigward tal‑ftehim ikkontestat, fis-sens tal-punt 106 tas-sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, għandu għalhekk, bħala regola, jissodisfa l-istess rekwiżiti u joħloq l-istess effetti ġuridiċi bħal dawk stipulati fil‑punt 319 iktar ’il fuq (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punt 326).

321    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l‑inizjattivi konkreti implimentati mill-Kunsill u mill‑Kummissjoni sabiex jikkonformaw ruħhom mar-rekwiżiti dedotti mill-Qorti tal-Ġustizzja mill‑prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati.

–       Fuq il-konsultazzjonijiet implimentati, mill-Kunsill u millKummissjoni, sabiex jikkonformaw ruħhom malinterpretazzjoni tal-prinċipju taleffett relattiv tat-trattati magħmula fis-sentenzi Il-Kunsill vs Front Polisario u Western Sahara Campaign UK

322    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, fil-premessa 11 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kunsill jiddikjara li “il-Kummissjoni, flimkien mas‑[SEAE], ħadet il-miżuri raġonevoli u possibbli kollha fil-kuntest attwali biex il‑popolazzjoni kkonċernata tiġi involuta b’mod xieraq sabiex jiġi determinat il-kunsens tagħhom”. Barra minn hekk, il-Kunsill spjega, f’din il-premessa, li “[s]aru konsultazzjonijiet estensivi fis-Saħara tal‑Punent u fir-Renju tal-Marokk, u l-atturi soċjoekonomiċi u politiċi li ħadu sehem fil-konsultazzjonijiet kienu b’mod ċar favur il-konklużjoni tal-Ftehim [ikkontestat]”, iżda li, “[m]adankollu, i[r-rikorrent] u xi partijiet oħra ma [kinux aċċettaw] li jieħdu sehem fil-proċess ta’ konsultazzjoni”. Kif huwa dedott minn dawn l-indikazzjonijiet, huwa dan il-“proċess ta’ konsultazzjoni” li ppermetta, skont il-Kunsill, li huwa jikkonforma ruħu mal-“kunsiderazzjonijiet ifformulati” fis-sentenzi Il‑Kunsill vs Front Polisario u Western Sahara Campaign UK, b’mod partikolari ma’ dawk tal-punt 106 tal-ewwel waħda minn dawn is‑sentenzi.

323    Fit-tieni lok, kif jirriżulta mir-risposta u mid-dokumenti prodotti insostenn tagħha, il-Kunsill, flimkien mad-deċiżjoni tiegħu, tas-16 ta’ April 2018, li awtorizzat il‑ftuħ ta’ negozjati mar-Renju tal-Marokk sabiex jiġi emendat il-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd u l‑konklużjoni ta’ Protokoll li jimplimenta l-imsemmi ftehim, ħareġ direttivi ta’ negozjati. Dawn id-direttivi kienu jistipulaw, b’mod partikolari, minn naħa waħda, li “l-Kummissjoni [evalwat] l‑implikazzjonijiet potenzjali ta’ Ftehim [ikkontestat], b’mod partikolari fir-rigward ta’ benefiċċji għall-persuni kkonċernati u l-isfruttar tar-riżorsi naturali tat-territorji kkonċernati”, u, min-naħa l-oħra, li din l-istituzzjoni “jenħtieġ li […] tiżgura li, fil-waqt tal‑proposta tagħha għall-iffirmar u l‑konklużjoni, il-persuni kkonċernati mill‑ftehim kienu involuti b’mod adegwat”.

324    Fit-tielet lok, fir-rapport tat-8 ta’ Ottubru 2018, il-Kummissjoni indikat, fir‑rigward tat-tieni direttiva ta’ negozjati msemmija fil-punt 323 iktar ’il fuq:

“Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe alternattiva konċepibbli, li tippermetti li l‑popolazzjoni tas-Saħara tal-Punent tiġi kkonsultata b’mod dirett, is‑servizzi tal‑[Kummissjoni] u s-SEAE għalhekk wettqu konsultazzjonijiet ma’ firxa wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili tas-Saħara tal‑Punent, ma’ parlamentari, ma’ operaturi ekonomiċi u ma’ organizzazzjonijiet […]

[D]awn il-konsultazzjonijiet iffukaw fuq l-għan prinċipali li jkun hemm skambju ta’ opinjonijiet u kummenti dwar l-interess li jista’ jkollhom il‑popolazzjonijiet tas-Saħara tal-Punent u l-ekonomija tat-territorju bil-konklużjoni [tal-ftehim ikkontestat].

Minkejja li r-[rikorrent] kien mistieden mis-SEAE u mill-Kummissjoni sabiex jipparteċipa f’konsultazzjonijiet fi Brussell, ma ġiet irċevuta l‑ebda risposta pożittiva […] Bl-istess mod, organizzazzjonijiet tas‑soċjetà ċivili li esprimew ruħhom kontra l-estensjoni tal-[ftehim ikkontestat] għall-ibħra li jmissu mas‑Saħara tal-Punent ġew mistiedna fi Brussell, iżda ħadd ma aċċetta l-istedina.

Barra minn hekk, l-awtoritajiet tal-Marokk ipproċedew bil‑konsultazzjonijiet tagħhom ma’ awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u professjonali kkonċernati bil‑[ftehim ikkontestat]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

325    Fil-fatt, fir-rapport tat-8 ta’ Ottubru 2018, il-Kummissjoni indikat:

“[L]-għan ta’ dan l-approċċ tripartitiku kien li jkun kemm jista’ jkun inklużiv, sostanzjali u kredibbli, f’kuntest politiku u ġuridiku kumpless ferm.

Sa mill-bidu, kien spjegat li l-proċess ta’ konsultazzjoni ma kienx intiż sabiex jistabbilixxi l-istatus politiku u kostituzzjonali definittiv tat‑territorju tas-Saħara tal-Punent, iżda sabiex jivverifika jekk il‑popolazzjonijiet milqutin mill-ftehim kinux jaqblu mal-estensjoni ta[l-Ftehim dwar is-Sajd tal-2006] għall-ibħra li jmissu mas-Saħara tal‑Punent” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

326    Fir-raba’ lok, fir-rapport tat-8 ta’ Ottubru 2018, il-Kummissjoni tislet il‑konklużjonijiet minn dawn il-konsultazzjonijiet billi tiddikjara li “l-ewwel parti [tagħha], li kienet tikkonsisti f’konsultazzjonijiet immexxija mill‑awtoritajiet Marokkini, ippermettiet li jiġi kkonstatat li kien hemm kunsens wiesa’ insostenn tas-sħubija ġdida ta’ sajd sostenibbli, inkluż l‑estensjoni tagħha għall-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal‑Punent” u li “f’dak li jirrigwarda r-riżultati tal‑konsultazzjonijiet immexxija mis-SEAE u [minnha], kunsens qawwi ferm għall-estensjoni tal-[ftehim ikkontestat] għall-ibħra li jmissu mas-Saħara tal‑Punent ukoll seta’ jiġi kkonstatat” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, hija tiddikjara li “[ir-rikorrent] u diversi atturi oħra sensittivi għall-kawża tiegħu rrifjutaw li jipparteċipaw fil-proċess ta’ konsultazzjoni mingħajr ma ressqu argumenti kontra [il‑ftehim ikkontestat]”, filwaqt li kkunsidrat li “[dan] ir-rifjut jidher li huwa marbut ma’ riżervi ta’ natura politika [relatati mal-]kwistjoni tal‑istatus finali tas-Saħara tal-Punent” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

327    B’hekk, kif tesponi l-Kummissjoni fin-nota ta’ intervent tagħha, is-SEAE u hi stess ikkunsidraw li, “bis-saħħa tal-prinċipju ta’ newtralità politika u nuqqas ta’ indħil tagħhom, [huma] kellhom iwettqu konsultazzjonijiet ‘inklużivi’ kemm jista’ jkun mingħajr ma jieħdu pożizzjoni” fil-“kunflitt ta’ leġittimità li [kien hemm] bejn [ir-Renju tal-]Marokk u r-rikorrent”. B’hekk, sa fejn “kull [p]arti fil-proċess tal-ONU (ir-Renju tal-Marokk u r‑[rikorrent]) kienet tippretendi li għandha l‑esklużività tar‑rappreżentattività tal-popolazzjonijiet milqutin mill-ftehim”, huma kkunsidraw li “jekk tingħata preferenza lil[l-]interpretazzjoni [ta’ xi waħda minn dawn il-partijiet] inevitabbilment iwassal sabiex l-Unjoni tieħu sehem f’din it-tilwima politika” u li “r-[r]ikonoxximent tar‑[rikorrent] bħala l-uniku interlokutur kien jikser l-approċċ ġenerali tal-Unjoni li qatt ma [kienet] għadha rrikonoxxiet l-organizzazzjoni inkwistjoni ħlief bħala waħda mill-‘partijiet’ fil‑proċess tal-ONU”. B’hekk, billi telqu mill-prinċipju li “ebda waħda [minn dawn] il‑[p]artijiet ma kellha d-dritt esklużiv tal-leġittimità”, il-Kummissjoni u s‑SEAE applikaw is-soluzzjoni li “jifirxu l-bażi tal-konsultazzjoni lil hinn mill‑interlokuturi rrakkomandati minn xi waħda mill-[p]artijiet, billi estendewha, kemm setgħu, għas-soċjetà ċivili milquta bil-ftehim u r‑rappreżentanti tagħha”.

328    F’dan ir-rigward, qabelxejn, minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jista’ jiġi dedott li l‑istituzzjonijiet ikkunsidraw li ma kienx possibbli, fil-prattika, li jinkiseb, b’mod dirett jew unikament permezz tar-rikorrent, il‑kunsens tal-poplu tas-Saħara tal‑Punent, bħala terz fil-konfront tal‑ftehim ikkontestat, minħabba s-sitwazzjoni partikolari ta’ dan it‑territorju, iżda li, għall-kuntrarju, il-konsultazzjoni mal‑“popolazzjonijiet milquta” sabiex jinkiseb il-“kunsens” tagħhom għal dan il‑ftehim ippermettiet, fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, li jikkonformaw ruħhom, sa fejn huwa possibbli, mar-rekwiżiti li setgħu jiġu dedotti mill-punt 106 tas‑sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punt 336).

329    Sussegwentement, minn dan jista’ jiġi dedott li l-kunċett ta’ “popolazzjonijiet milquta” imsemmi mill-istituzzjonijiet jinkludi essenzjalment il-popolazzjonijiet li jinsabu attwalment fit-territorju tas‑Saħara tal-Punent, indipendentement minn jekk jappartjenux jew le għall-poplu ta’ dan it-territorju, mingħajr preġudizzju, madankollu, skont ir-rapport tal-11 ta’ Ġunju 2018, għall-“[ġbir tal-]opinjoni tal‑popolazzjoni tas-Saħara tal-Punent refuġjata” li kienet tippermetti “[l‑]inklużjoni [tar‑]rikorrent fost il-partijiet ikkonsultati”. B’hekk, dan il-kunċett huwa distint minn dak tal-“poplu tas-Saħara tal-Punent” minn naħa waħda, inkwantu jista’ jinkludi l-popolazzjonijiet lokali kollha affettwati, pożittivament jew negattivament, mill-applikazzjoni tal‑ftehim ikkontestat fuq dan it-territorju u, min-naħa l-oħra, inkwantu ma jinkludix il-kontenut politiku ta’ dan it-tieni kunċett, li jirriżulta, b’mod partikolari, mid-dritt għall-awtodeterminazzjoni rrikonoxxut lill‑imsemmi poplu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punt 337).

330    Finalment, kif irrileva r-rikorrent, essenzjalment, il-konsultazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni u mis-SEAE huma bbażati fuq approċċ komparabbli ma’ dak mitlub mill-Artikolu 11(3) TUE u mill-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 2 tat-TFUE fuq l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità, li jipprevedu li l-Kummissjoni għandha tipproċedi b’konsultazzjonijiet wiesgħa mal-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari qabel ma tipproponi att leġiżlattiv. Qabelxejn, kif juru l-estratti differenti ta’ proposti ta’ konklużjoni ta’ ftehim ta’ sajd, għan-nom tal-Unjoni, prodotti mir-rikorrent, din tal-aħħar issistematizzat din il-prattika fil‑qafas ta’ tali proposti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il‑Kunsill, T‑279/19, punt 338).

331    Madankollu, tali approċċ jimplika biss, bħala regola, li għandhom jinkisbu l‑opinjonijiet tal-partijiet differenti kkonċernati u li dawn jiġu kkunsidrati, b’mod partikolari għall-adozzjoni tal-att propost, mingħajr ma dan it-teħid inkunsiderazzjoni joħloq effetti ġuridiċi komparabbli ma’ dak tal-espressjoni tal‑kunsens ta’ terz, rikjesta għall-adozzjoni ta’ tali att. Konsegwentement, l‑espressjoni il-“kunsens tal‑popolazzjonijiet milqutin” fil-premessa 11 tad‑deċiżjoni kkontestata, ma tistax tiġi interpretata bħala li għandha l-kontenut ġuridiku tal-kunċett ta’ kunsens indikat fil-punt 319 iktar ’il fuq. B’mod partikolari, kif jirriżulta mill-konklużjonijiet tar-rapport tat-8 ta’ Ottubru 2018, il‑kunċett ta’ kunsens imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata għandu jinftiehem, f’dan il-kuntest partikolari, bħala li jirreferi biss għall‑opinjoni fil-parti l-kbira tagħha favur l-istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet ikkunsidrati mill-Kummissjoni u s‑SEAE bħala rappreżentanti tal-imsemmija popolazzjonijiet u li ġew ikkonsultati kemm minn dawn tal-aħħar kif ukoll mir-Renju tal-Marokk. Din l‑opinjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tikkundizzjona l-validità tal‑ftehim ikkontestat u tad-deċiżjoni kkontestata u bħala li torbot lil dawn l-istituzzjonijiet u lil dawn l‑organizzazzjonijiet jew il‑“popolazzjonijiet milqutin” stess, b’tali mod li l‑imsemmi ftehim ikun jista’ jiġi kkontestat minnhom (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punti 339 u 340).

332    Huwa fil-qafas tal-eżami tal-fondatezza ta’ din il-parti li għandu jiġi vverifikat jekk is-sens partikolari mogħti lill-kunċett ta’ kunsens mid‑deċiżjoni kkontestata, kif iddefinit fil-punt 331 iktar ’il fuq, huwiex kompatibbli mal-interpretazzjoni tal‑prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja.

–       Fuq il-kwistjoni dwar jekk is-sens partikolari mogħti lill-kunċett ta’ kunsens fiddeċiżjoni kkontestata huwiex kompatibbli malinterpretazzjoni talprinċipju tal-effett relattiv tat-trattati użat millQorti tal-Ġustizzja fissentenzi Il-Kunsill vs Front Polisario u Western Sahara Campaign UK

333    Din il-parti tat-tielet motiv tqajjem, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk, fir‑rigward tas-sitwazzjoni partikolari tas-Saħara tal-Punent, il‑Kunsill setax juża l-marġni diskrezzjonali tiegħu sabiex jinterpreta r‑rekwiżit ta’ kunsens tal-poplu ta’ dan it-territorju għall-ftehim ikkontestat bħala li jimplika biss li jiġbor l‑opinjoni fil-parti l-kbira tagħha favorevoli tal-“popolazzjonijiet milqutin”.

334    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, minkejja li l‑ġurisprudenza tagħti lill-istituzzjonijiet marġni ta’ diskrezzjoni sinjifikattiv f’oqsma li jinvolvu evalwazzjonijiet kumplessi, b’mod partikolari, politiċi u ekonomiċi, bħar‑relazzjonijiet esterni u l-politika tas-sajd, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni jirrikjedi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, awturi tal-att inkwistjoni, ikunu f’pożizzjoni li jistabbilixxu quddiem il-qrati tal-Unjoni li l-att ġie adottat permezz ta’ eżerċizzju effettiv tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom, li jippreżupponi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi u l-fatti kollha rilevanti tas‑sitwazzjoni li dan l-att huwa intiż li jirregola. Barra minn hekk, is-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet tista’ tkun limitata, inkluż fil-kuntest ta’ tali oqsma, b’kunċett ġuridiku li jistabbilixxi kriterji oġġettivi (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il‑Kunsill, T‑279/19, punti 342 sa 347 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

335    F’dan il-każ, il-marġni diskrezzjonali tal-Kunsill sabiex jikkonkludi ftehim mar‑Renju tal-Marokk li japplika esklużivament għas-Saħara tal‑Punent u għall‑ibħra li jmissu magħha huwa ristrett ġuridikament mill-obbligi ċari, preċiżi u inkundizzjonati, dedotti mill-Qorti tal‑Ġustizzja mill-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u mill-prinċipju tal‑effett relattiv tat-trattati f’dak li jirrigwarda tali ftehim. B’mod partikolari, fir-rigward tar-rekwiżit li l-poplu ta’ dan it-territorju għandu jagħti l-kunsens tiegħu għal tali ftehim, ċertament, huwa l‑Kunsill, li għandu jevalwa jekk is-sitwazzjoni attwali ta’ dan it-territorju tiġġustifikax adattament tal-modalitajiet tal-espressjoni ta’ dan il‑kunsens u jekk il-kundizzjonijiet kinux issodisfatti sabiex jiġi kkunsidrat li kien ingħata. Madankollu, huwa ma huwiex intitolat jiddeċiedi jekk dan il-kunsens kienx indispensabbli, u jekk jagħmel dan jikser dan ir-rekwiżit (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punti 348 u 349).

336    Fit-tieni lok, fil-punt 238 iktar ’il fuq tfakkret is-sitwazzjoni partikolari tas-Saħara tal-Punent u, b’mod partikolari, il-“kunflitt ta’ leġittimità” bejn iż-żewġ partijiet fil-proċess ta’ awtodeterminazzjoni, jiġifieri r-Renju tal-Marokk u r-rikorrent. B’mod partikolari, għandu jiġi rrilevat li, sal-lum, ma jeżistix ftehim bejn dawn il‑partijiet li permezz tiegħu wieħed jew l-ieħor ta l-kunsens tiegħu sabiex il-parti l-oħra teżerċita għall-benefiċċju ta’ dan it-territorju mhux awtonomu l-kompetenzi meħtieġa minn ftehim internazzjonali mal‑Unjoni jekk applikabbli, b’mod partikolari fil-qasam tal-ġestjoni tar‑riżorsi tas-sajd li jinsabu fl-ibħra li jmissu miegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punti 350 u 351).

337    F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-premessi 5 u 10 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 60 iktar ’il fuq), il-Kunsill ikkunsidra li l-uniku mezz, minn naħa waħda, sabiex il-flotot tal-Unjoni jista’ jkollhom il-possibbiltà li jeżerċitaw l-attivitajiet tas-sajd fl-ibħra li jmissu mas-Saħara tal-Punent u, min-naħa l-oħra, sabiex dan it‑territorju u l-popolazzjonijiet tiegħu jistgħu jkomplu jibbenefikaw mill-appoġġ settorjali mogħti bis-saħħa tal-ftehim u sabiex jiġi assigurat l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd ta’ dawn l-ibħra kien li jiġi konkluż ftehim dwar is‑sajd ġdid mar-Renju tal-Marokk. Fil-fatt, kif jista’ jiġi dedott mill-argumenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, huma jikkunsidraw li dan il-pajjiż terz, b’differenza mir-rikorrent, huwa f’pożizzjoni li jeżerċita l-kompetenzi rikjesti minn dan il-ftehim (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il‑Kunsill, T‑279/19, punt 352).

338    Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 328 iktar ’il fuq, l-istituzzjonijiet ikkunsidraw ukoll li s-sitwazzjoni partikolari tas-Saħara tal-Punent ma tippermettilhomx, fil‑prattika, li jiksbu l‑kunsens tal-poplu ta’ dan it-territorju, bħala terz fil-ftehim ikkontestat, direttament jew permezz tar-rikorrent, u li huma kellhom jipproċedu b’konsultazzjonijiet kemm jista’ inklużivi sabiex ma jindaħlux fil‑kunflitt ta’ leġittimità bejn ir-rikorrent u r-Renju tal-Marokk (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punt 353).

339    Minkejja dan, l-elementi differenti relatati mas-sitwazzjoni partikolari tas-Saħara tal-Punent imressqa mill-Kunsill u l-Kummissjoni sabiex jiġġustifikaw id‑deċiżjoni msemmija fil-punt 338 iktar ’il fuq ma għandhomx jintlaqgħu.

340    L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li r-rekwiżit ta’ kunsens ma jistax jiġi applikat bl-istess mod għal Stat u għal territorju mhux awtonomu, dan għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet diġà esposti fil-punt 311 iktar ’il fuq.

341    It-tieni, l-argument tal-KSMM li l-popolazzjonijiet milqutin kienu allegatament taw il-kunsens tagħhom b’mod impliċitu għad-drittijiet mogħtija mill-ftehim ikkontestat meta jibbenefikaw mill-kontribuzzjoni finanzjarja applikata de facto għas-Saħara tal-Punent għal diversi snin għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud għar-raġunijiet imsemmija fil‑punti 312 sa 317 iktar ’il fuq.

342    It-tielet, fir-rigward tal-argument tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar id-diffikultà li jiġu identifikati l-membri tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, minn naħa waħda, hemm lok li jiġi rrilevat, kif għamel ir-rikorrent, li d‑dritt għall‑awtodeterminazzjoni huwa dritt kollettiv u li l-imsemmi poplu ngħata, mill‑awtoritajiet tal-ONU, dan id-dritt u, bl-istess mod, l‑eżistenza tiegħu, indipendentement mill-individwi li jiffurmawh u n‑numru tagħhom. Min-naħa l‑oħra, mill-punt 106 tas-sentenza Il‑Kunsill vs Front Polisario għandu jiġi dedott li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, b’mod impliċitu, lil dan il-poplu bħala suġġett ta’ dritt awtonomu li jista’ jesprimi l-kunsens tiegħu għal ftehim internazzjonali indipendentement mill-kwistjoni ta’ min huma l-membri tiegħu. Konsegwentement, mill-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u mill‑prinċipju tal‑effett relattiv tat-trattati, kif interpretati mill-Qorti tal‑Ġustizzja, ma jistax jiġi dedott li l-kunsens ta’ dan il-poplu għandu jkun neċessarjament ġie miksub bis‑saħħa ta’ konsultazzjoni diretta mal‑membri tiegħu. Id-diffikultà msemmija mill-istituzzjonijiet ma għandhiex għalhekk, fiha nnifisha, tikkostitwixxi ostakolu għall‑espressjoni ta’ dan il-kunsens (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punt 357).

343    Ir-raba’ net, fir-rigward tan-neċessità li ma jkunx hemm indħil fil‑“kunflitt ta’ leġittimità” bejn ir-rikorrent u r-Renju tal-Marokk dwar is‑Saħara tal-Punent, invokata mill-Kunsill, mill-Kummissjoni u mir‑Repubblika Franċiża, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, peress li l‑Unjoni ma tistax tirrikonoxxi, skont id-dritt internazzjonali u l‑interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tat, il-pretensjonijiet tar‑Renju tal-Marokk fuq dan it-territorju, l-istituzzjonijiet ma jistgħux jastjenu milli jipproċedu bl-azzjonijiet adegwati sabiex jiżguraw li hemm il‑kunsens tal‑poplu tiegħu billi jinvokaw riskju ta’ ndħil fil-tilwima bejn ir-rikorrent u dan il‑pajjiż terz minħabba dawn il-pretensjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punt 358).

344    Il-ħames, l-argument tal-Kunsill li s-Saħara tal-Punent hija, f’dan l‑istadju, territorju mhux awtonomu u għalhekk ma għandhiex il‑kapaċità li tesprimi l‑kunsens tagħha bl-istess mod bħal Stat indipendenti għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, minn naħa waħda, dan l‑argument huwa bbażat, b’mod definittiv, fuq il-premessa żbaljata li l‑poplu tas-Saħara tal-Punent ma għandux diġà d-dritt għall‑awtodeterminazzjoni minħabba li l-proċess relatat mal-istatus definittiv ta’ dan it-territorju ma kienx intemm, li huwa kontra r‑rikonoxximent ta’ dan id-dritt mill-organi tal-ONU, ikkonstatat mill‑Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario. Min‑naħa l-oħra, fir-rigward tal-inkapaċità allegata tar-rikorrent u tal‑poplu li jirrappreżenta li jikkonkludu trattat dwar is-sajd jew li jeżerċitaw il‑kompetenzi relatati, mill-prinċipju tal-effett relattiv tat‑trattati, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistax jiġi dedott li l-kunsens tal-poplu inkwistjoni, bħala terz għall-ftehim ikkontestat, għandu neċessarjament anki hu jinġabar permezz ta’ trattat (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il‑Kunsill, T‑279/19, punti 295 u 359 sa 361).

345    Is-sitta, il-fatt li l-istituzzjonijiet jikkunsidraw lir-Renju tal-Marokk bħala l‑“awtorità amministrattiva de facto” għas-Saħara tal-Punent ma jidhirx li huwa fatt li jista’ jeskludi n-neċessità li l-poplu ta’ dan it‑territorju jagħti l-kunsens għall-ftehim ikkontestat. Fil-fatt, peress li r‑Renju tal-Marokk kien, min-naħa tiegħu, eskluda li jeżerċita tali kompetenzi u li jippretendi drittijiet sovrani fuq l‑imsemmi territorju, il‑pożizzjoni tiegħu hija irrikonċiljabbli mal-klassifikazzjoni ta’ awtorità amministrattiva. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi aċċettat li r-Renju tal‑Marokk għandu tali rwol, “de facto”, fir-rigward tat-territorju inkwistjoni, dan il-fatt ma għandux ineħħi l-ħtieġa tal-kunsens tal-poplu tiegħu għall-ftehim ikkontestat, fid-dawl tad-dritt għall‑awtodeterminazzjoni tiegħu u tal‑applikazzjoni tal-prinċipju tal‑effett relattiv tat-trattati (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punti 362 u 363).

346    Is-sebgħa, fil-qafas tal-eżami tal-locus standi tar-rikorrent, ġie kkonstatat, minn naħa waħda, li l-parteċipazzjoni tiegħu fil-proċess ta’ awtodeterminazzjoni tas‑Saħara tal-Punent ma tfissirx li ma setax jippreżenta lil dan il-poplu fil-qafas ta’ ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk u, min-naħa l-oħra, li mid‑dokumenti tal-proċess ma jirriżultax li l-organi tal-ONU rrikonoxxew xi organizzazzjonijiet oħra li awtorizzawh jirrappreżenta lill-imsemmi poplu (ara l‑punti 241 u 243 iktar ’il fuq). Konsegwentement, ma kienx impossibbli li jinkiseb il-kunsens ta’ dan tal-aħħar permezz tar-rikorrent. L-argument tal-Kunsill u tal‑Kummissjoni li din il-possibbiltà tagħti “dritt ta’ veto” lil din l‑organizzazzjoni fuq l-applikazzjoni tal-ftehim ikkontestat għall‑imsemmi territorju u għall-ibħra li jmissu miegħu għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, huwa suffiċjenti li jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, kif ġie kkonstatat fil-punt 335 iktar ’il fuq, ma għandux ikun il-Kunsill li jiddeċiedi jekk kienx possibbli li ma jiġix ikkunsidrat il-kunsens tal-poplu tas-Saħara tal-Punent sabiex jiġi konkluż il-ftehim ikkontestat. Konsegwentement, l-allegat fatt li l-kompetenza tar-rikorrent sabiex jesprimi dan il-kunsens tagħtih “dritt ta’ veto” ma jistax jiġġustifika tali deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il‑Kunsill, T‑279/19, punt 364).

347    Minn dan isegwi li l-punti relatati mas-sitwazzjoni partikolari tas-Saħara tal‑Punent invokati mill-Kunsill u mill-Kummissjoni ma humiex tali li jeskludu l‑possibbiltà għall-poplu tas-Saħara tal-Punent li jesprimi l‑kunsens tiegħu għall‑ftehim, bħala terz fir-rigward tiegħu.

348    Fit-tielet lok, kif ġie kkonstatat fil-punt 331 iktar ’il fuq, il-konsultazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni u mis-SEAE kellhom biss l-għan li jiġbru l-opinjoni tal-“popolazzjonijiet milqutin” fir-rigward tal-ftehim ikkontestat u mhux il‑kunsens tal-poplu tas-Saħara tal-Punent għalih. Konsegwentement, kif isostni, korrettament, ir-rikorrent, dawn il-konsultazzjonijiet ma jistgħux ikunu kkunsidrati bħala konformi mar-rekwiżiti dedotti mill-Qorti tal‑Ġustizzja mill‑prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u mill-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il‑Kunsill, T‑279/19, punt 366).

349    L-argument tal-Kunsill, sostnut mir-Renju ta’ Spanja, mir-Repubblika Franċiża, mill-Kummissjoni u mill-KSMM, li l-konsultazzjonijiet inkwistjoni kienu josservaw il-prinċipji rilevanti tad-dritt internazzjonali ma għandux jikkontesta din il-konklużjoni.

350    F’dan ir-rigward, minn naħa waħda, il-Kunsill isostni li l-konsultazzjoni magħmula mill-Unjoni hija konformi mal-prinċipji rilevanti tad-dritt internazzjonali, peress li hija saret ma’ awtoritajiet rappreżentattivi tal‑popolazzjonijiet milqutin u bil-għan li jinkiseb kunsens. Il-Kunsill jiddeduċi, b’mod partikolari, dawn il-kriterji mill-Konvenzjoni Nru 169 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-Popli Indiġeni u Tribali, adottata f’Genève fis-27 ta’ Ġunju 1989, u mid‑Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-popli indiġeni, adottata mill‑Assemblea Ġenerali tal-ONU fit-13 ta’ Settembru 2007. B’hekk, il-konsultazzjoni inkwistjoni allegatament kellha l-għan li tiżgura l-parteċipazzjoni l-iktar wiesgħa possibbli ta’ awtoritajiet u ta’ organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-popolazzjonijiet milqutin. F’dan il-qafas, ir-Renju tal-Marokk ikkonsulta, b’mod partikolari, lir-rappreżentanti reġjonali, maħtura b’vot universali dirett fl‑2015 u li parti sinjifikattiva tagħhom ġejja mit‑tribujiet lokali. Il‑Kummissjoni u s-SEAE kkonsultaw firxa wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet lokali politiċi u soċjo-politiċi u ta’ rappreżentanti tas‑soċjetà ċivili u r-rikorrent.

351    Min-naħa l-oħra, skont il-Kunsill, l-istituzzjonijiet ibbażaw ruħhom fuq kriterju oġġettiv, jiġifieri jekk il-popolazzjonijiet tas-Saħara tal-Punent jibbenefikawx jew le mill-Ftehim dwar is-Sajd, u dan huwa konformi mal-prinċipji msemmija fl-ittra tad‑29 ta’ Jannar 2002 tal-konsulent legali tal-ONU.

352    Fir-rigward tal-argument tal-Kunsill imsemmi fil-punt 350 iktar ’il fuq, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li l-kriterji li dan tal-aħħar jiddeduċi minn din il‑konvenzjoni u minn din id‑dikjarazzjoni, jiġifieri li kull konsultazzjoni għandha ssir mal‑awtoritajiet rappreżentattivi tal-popolazzjonijiet milqutin u għandu jkollha l-għan li tikseb il-kunsens tagħhom, ma jikkorrispondux mar‑rekwiżiti dedotti mill-Qorti tal‑Ġustizzja mill-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati flimkien mal‑prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T-279/19, punt 370).

353    Fil-fatt, minn naħa waħda, hemm lok li jiġi rrilevat, qabelxejn, li kif diġà ġie indikat b’mod repetut, il-Kunsill ma jagħtix lill-kunċett ta’ kunsens l‑effetti ġuridiċi li huma marbuta, bħala regola, fid-dritt internazzjonali, ma’ dan il‑kunċett, peress li dan ma jikkunsidrax f’dan il-każ, il-kunsens ta’ suġġett terz fir-rigward tal-ftehim ikkontestat, fis-sens tal-punt 106 tas-sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, iżda l-opinjoni fil-parti l-kbira tagħha favorevoli tal‑popolazzjonijiet lokali (ara l-punti 328 sa 331 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, kif jenfasizza r-rikorrent, fir-rapport tat-8 ta’ Ottubru 2018, il-Kummissjoni ma tirreferix għall-kunċett ta’ kunsens. Fil-fatt, hija tirreferi biss għall-“appoġġ” jew is-“sostenn” tal-entitajiet ikkonsultati mill-awtoritajiet Marokkini fil-konklużjoni tal-ftehim ikkontestat kif ukoll “għas-sostenn qawwi ferm” tal-“interlokuturi” tagħha u dawk tas‑SEAE għall-“inklużjoni tal-ibħra li jmissu ma[s-]Saħara tal‑Punent” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punti 371 u 372).

354    Min‑naħa l-oħra, hemm lok li jitfakkar li, kif sostna r-rikorrent, il‑kunċett ta’ “popolazzjonijiet milqutin”, li għalih l-istituzzjonijiet jirreferu, ma jikkoinċidix ma’ dak tal-“poplu tas-Saħara tal-Punent”, li l‑kontenut tiegħu jimplika d-dritt għall-awtodeterminazzjoni (ara l‑punt 329 iktar ’il fuq). B’mod partikolari, fl‑ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-konsultazzjonijiet magħmula ma’ awtoritajiet lokali u reġjonali mir-Renju tal-Marokk, parti fil-ftehim ikkontestat, ma setax ikollhom l-għan li jiksbu l-kunsens ta’ terz għal dan il-ftehim, iżda, possibbilment, li l-assoċjazzjonijiet lokali u l-korpi pubbliċi interessati li jaqgħu f’dan l-Istat jiġu assoċjati fil‑konklużjoni ta’ dan il-ftehim. Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li l‑entitajiet u l-korpi kkonsultati mill-Kummissjoni huma, l-iktar l-iktar, rappreżentattivi ta’ interessi soċjo-ekonomiċi differenti u tas-soċjetà ċivili nnifisha, u dan mingħajr il-fatt li dawn l-entitajiet jew korpi jikkunsidraw lilhom innifishom jew li għandhom jiġu kkunsidrati bħala awtoritajiet rappreżentattivi tal-poplu tas-Saħara tal-Punent u awtorizzati li jesprimu l-kunsens tiegħu, u dawn jikkonfermaw, barra minn hekk, il-kriterji ta’ selezzjoni ta’ dawn l-entitajiet u l‑korpi, indikati mill-Kummissjoni fit-tweġibiet bil‑miktub tagħha tal-25 ta’ Jannar 2021 għal mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali magħmula fil-qafas ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal‑proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punti 373 sa 379).

355    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrent dwar ir-rabtiet tal‑entitajiet u l-korpi kkonsultati mill-Kummissjoni u s-SEAE mal‑awtoritajiet Marokkini, mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill‑Kummissjoni fil-qafas tat‑tweġibiet bil-miktub tagħha tal-25 ta’ Jannar 2021 dwar l-istatus u l-attivitajiet tal-imsemmija entitajiet u korpi jirriżulta li l-maġġoranza tagħhom huma jew korpi pubbliċi taħt id-dritt Marokkin li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom taħt it‑tutela ta’ dawn l‑awtoritajiet, jew awtoritajiet indipendenti Marokkini u li parti sinjifikattiva minn dawn il-korpi pubbliċi għandha kompetenza nazzjonali.

356    Barra minn hekk, kif tindika l-Kummissjoni stess fir-rapport tat-8 ta’ Ottubru 2018, ir-rikorrent u l-assoċjazzjonijiet li għandhom l-istess opinjoni bħalu rrifjutaw li jipparteċipaw fil-konsultazzjonijiet li hija organizzat.

357    Madankollu, minn naħa waħda, għandu jiġi rrilevat li ma huwiex ikkontestat li, kif jindika r-rikorrent fir-replika, huwa wera l-oppożizzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim ikkontestat. B’mod partikolari, f’ittra elettronika tas-7 ta’ Ġunju 2018 indirizzata lis-SEAE, huwa indika, essenzjalment, li, fir-rigward tal-prinċipji, fl‑opinjoni tiegħu, stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri, b’mod partikolari, in-natura separata u distinta tas-Saħara tal-Punent u l-osservanza, bħala kriterju uniku, tal‑kunsens ta’ dan il-poplu, huwa ma setax jaċċetta li dawn l-iskambji jsiru fil-perspettiva ta’ “eventwali kopertura tas-Saħara tal-Punent fi ftehim innegozjati bejn l-[Unjoni] u r-Renju tal-Marokk” u fil-qafas ta’ proġett li jsemmi l-“provinċji tan-Nofsinhar” filwaqt li tiġi kkunsidrata l‑opinjoni tal-“popolazzjonijiet lokali” permezz tas-SEAE u tal‑istituzzjonijiet Marokkini. Konsegwentement, anki jekk ir-rikorrent ma aċċettax li jipparteċipa fil-konsultazzjonijiet organizzati mill‑Kummissjoni u mis‑SEAE, huma l-Kummissjoni u l-Kunsill li għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni tiegħu, iktar u iktar peress li, b’kuntrast ma’ entitajiet oħra kkonsultati, huwa seta’ jiġi leġittimament ikkunsidrat bħala “awtorità rappreżentattiva” tal-poplu inkwistjoni.

358    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li, kif jindika, essenzjalment, ir‑rikorrent, ir‑rapport tat-8 ta’ Ottubru 2018 ma jieħux inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjoni pubblika tat-28 ta’ Novembru 2018, adottata mill-95 “organizzazzjoni mhux governattiva tas-soċjetà ċivili tas-Saħara” (The Saharawi civil society NGOs) u annessa mar-rikors, li fiha dawn l‑organizzazzjonijiet talbu lill-Kunsill u lill‑Parlament sabiex ma jadottax il-ftehim ikkontestat li huwa intiż, fi kliemhom stess, sabiex “jisraq” ir‑riżorsi tas-sajd tal-poplu Saħara tal-Punent u “sabiex jinkludi b’mod illegali s-Saħara tal-Punent fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

359    Għandu jiġi kkonstatat li dawn il-konsultazzjonijiet u r-riżultati li huma misluta minnhom fir-rapport tat-8 ta’ Ottubru 2018 jirriflettu iktar il‑perspettiva ta’ istituzzjonijiet u korpi pubbliċi Marokkini milli ta’ korpi tas-soċjetà ċivili tas‑Saħara tal-Punent. Barra minn hekk, ir-rapport tat-8 ta’ Ottubru 2018 ma jieħux inkunsiderazzjoni l-perspettiva tar-rikorrent, minkejja li dan tal-aħħar wera preċiżament x’kienu r-raġunijiet għall‑oppożizzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal‑ftehim ikkontestat.

360    Fi kwalunkwe każ, kif isostni r-rikorrent, dawn il-konsultazzjonijiet saru mhux ma’ “awtoritajiet rappreżentattivi” tal-poplu Saħara tal-Punent, iżda, pjuttost, ma’ “partijiet ikkonċernati” li l-istituzzjonijiet setgħu, fi kwalunkwe każ, jassoċjaw mal-konklużjoni tal-ftehim ikkontestat, skont it-trattati, indipendentement mill‑“kunsiderazzjonijiet” tal-Qorti tal‑Ġustizzja msemmija fil-premessa 11 tad‑deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il‑Kunsill, T‑279/19, punt 383).

361    Mill-punti 353 sa 360 iktar ’il fuq jirriżulta li l-konsultazzjonijiet magħmula fuq it-talba tal-Kunsill mill-Kummissjoni u mis-SEAE ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li ppermettew li jinkiseb il-kunsens tal-poplu tas‑Saħara tal-Punent għall‑ftehim ikkontestat, skont il-prinċipju tal‑effett relattiv tat-trattati, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punt 384).

362    Fir-rigward, f’dan il-każ, tal-interpretazzjoni tad-dritt internazzjonali difiża mill‑Kunsill abbażi tal-ittra tad-29 ta’ Jannar 2002 tal-konsulent legali tal-ONU, sostnuta, f’dan ir-rigward, mill-Kummissjoni u mir‑Repubblika Franċiża, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l‑istituzzjonijiet ma għandhomx jissuġġettaw ruħhom għall-obbligu li jkunu konformi mal-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ regoli tad-dritt internazzjonali billi jissostitwixxu din l-interpretazzjoni ta’ kriterji differenti misluta minn din l-ittra, li, qabelxejn, ma għandhiex portata ekwivalenti għal dik ta’ opinjonijiet konsultattivi tal-QIĠ, it-tieni, li din l-ittra kienet tirrigwarda l-kwistjoni tal-legalità tal-kuntratti ta’ dritt privat konklużi bejn korpi pubbliċi Marokkini u kumpanniji taż-żejt u mhux fuq il-legalità ta’ ftehim internazzjonali konklużi mir-Renju tal‑Marokk, it-tielet, li din l-ittra kienet ibbażata fuq analoġiji mal-kwistjoni tal-legalità ta’ attivitajiet ta’ awtorità amministrattiva li tirrigwarda riżorsi minerali ta’ territorju mhux awtonomu, minkejja li, f’dan il-każ, il-pajjiż terz inkwistjoni ma għandux jiġi kkunsidrat bħala tali awtorità, u, ir-raba’, li, fi kwalunkwe każ, mill-konklużjonijiet ta’ din l‑ittra jirriżulta espressament li l-prinċipji tad-dritt internazzjonali applikabbli ma jirrikjedux biss li l-isfruttament tar-riżorsi naturali ta’ tali territorju jkunu konformi mal-interessi tal-poplu tas-Saħara tal‑Punent, iżda wkoll mal-volontà tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punti 385 sa 389).

363    Konsegwentement, il-Kunsill u l-Kummissjoni ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jibbażaw ruħhom fuq l-ittra tad-29 ta’ Jannar 2002 tal‑konsulent legali tal-ONU sabiex jiġġustifikaw il-konformità tal-konsultazzjonijiet magħmula mal-prinċipji tad-dritt internazzjonali applikabbli. B’hekk, huwa korrett li r-rikorrent isostni li l‑istituzzjonijiet ma setgħux jissostitwixxu r-rekwiżit tal-espressjoni ta’ dan il‑kunsens, stipulat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 106 tas-sentenza Il-Kunsill vs Front Polisario, bil-kriterju tal-benefiċċji tal-ftehim ikkontestat għall‑popolazzjonijiet milqutin (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punt 390).

364    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, meta adotta d-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill ma ħax inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l‑elementi rilevanti kollha relatati mas-Saħara tal-Punent u kkunsidra, b’mod żbaljat, li huwa kellu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeċiedi jekk kienx hemm lok li jikkonforma ruħu mar-rekwiżit li l-poplu ta’ dan it-territorju kellu jesprimi l‑kunsens tiegħu għall-applikazzjoni tal-ftehim ikkontestat għalih, bħala terz fir‑rigward tiegħu, skont l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal‑prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati flimkien mal-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni. B’mod partikolari, l‑ewwel nett, il-Kunsill ikkunsidra b’mod żbaljat li s-sitwazzjoni attwali ta’ dan it-territorju ma kinitx tippermetti li tiġi żgurata l-eżistenza tal‑kunsens ta’ dan il-poplu u, b’mod partikolari, permezz tar-rikorrent. It-tieni, billi kkunsidra li l-konsultazzjonijiet li saru mill‑Kummissjoni u mis-SEAE ppermettew li jikkonformaw ruħhom mal‑prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati kif interpretat mill-Qorti tal‑Ġustizzja, b’mod partikolari fil-punt 106 tas‑sentenza Il‑Kunsill vs Front Polisario, il-Kunsill interpreta b’mod żbaljat kemm il-portata ta’ dawn il-konsultazzjonijiet kif ukoll dik tar-rekwiżit imsemmi f’dan il‑punt. It-tielet, il-Kunsill ikkunsidra, b’mod żbaljat, li seta’ jissostitwixxi dan ir-rekwiżit bil-kriterji allegatament stipulati fl‑ittra tad‑29 ta’ Jannar 2002 tal-konsulent legali tal-ONU. Minn dan isegwi li din il-parti tat-tielet motiv hija fondata u tista’ twassal għall-annullament tad‑deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punt 391).

365    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, mingħajr il-bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tal-offerti ġodda ta’ provi prodotti mir‑rikorrent u punti li huwa ppreżenta spontanjament wara s‑seduta għat‑trattazzjoni (ara l-punti 89 u 92 iktar ’il fuq) u mingħajr il‑bżonn li tiġi eżaminata t-tieni parti tat-tielet motiv u l-motivi l-oħra tar‑rikors, hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata.

4.      Fuq iż-żamma fiż-żmien tal-effetti tad-deċiżjoni kkontestata

366    Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti Ġenerali tista’, jekk tikkunsidra dan meħtieġ, tindika liema mill-effetti ta’ att annullat għandhom jiġu kkunsidrati bħala definittivi.

367    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-effetti ta’ att ikkontestat, b’mod partikolari d-deċiżjoni ta’ konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, jistgħu jinżammu, inkluż ex officio, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, b’mod partikolari meta l-effetti immedjati tal‑annullament ta’ dan l-att iwasslu għal konsegwenzi negattivi serji (ara s‑sentenza tal-lum, Front Polisario vs Il-Kunsill, T‑279/19, punti 394 u 396 u l-ġurisprudenza ċċitata).

368    F’dan il-każ, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata b’effett immedjat jista’ jkollha konsegwenzi negattivi fuq l‑azzjoni esterna tal-Unjoni u tikkontesta ċ-ċertezza legali ta’ obbligi internazzjonali li għalihom tkun tat il-kunsens u li jorbtu lill‑istituzzjonijiet u lill-Istati Membri. L‑osservazzjonijiet tar-rikorrent dwar it-talba tal-Kummissjoni għall‑applikazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tat-tieni paragrafu tal‑Artikolu 264 TFUE ma għandhiex tikkontesta din il-konstatazzjoni.

369    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi applikat it-tieni paragrafu tal‑Artikolu 264 TFUE, filwaqt li l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata jinżammu għal perijodu li ma jistax jeċċedi t-terminu msemmi fl-ewwel paragrafu tal-Istatut tal‑Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jew, jekk ikun tressaq appell f’dan it‑terminu, sad-data tal-għoti tas-sentenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar dan l-appell.

B.      Fuq ir-rikors fil-Kawża T356/19

370    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, kif ġie espost fil-punt 177 iktar ’il fuq, fil-qafas tal-Kawża T‑344/19, ir-rikorrent isostni, insostenn tal-effett dirett mid‑deċiżjoni kkontestata, li r-regolament ikkontestat ma jistax jiġi interpretat bħala li jikkostitwixxi miżura intermedja li tista’ tostakola l-interess dirett tiegħu mid-deċiżjoni kkontestata.

371    Madankollu, fil-qafas ta’ din il-kawża, ir-rikorrent jesponi li, fil-każ li l‑Qorti Ġenerali tikkunsidra li r-regolament ikkontestat jikkostitwixxi tali miżura intermedja, huwa jippreżenta, b’mod sussidjarju, dan ir-rikors.

372    Mistoqsi waqt is-seduta dwar il-kwistjoni tal-effett għal dan ir-rikors tal‑inċidenza diretta tiegħu mid-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T‑344/19, fil-każ li l-Qorti Ġenerali kellha tikkunsidra li r-regolament ikkontestat ma jostakolax din l‑inċidenza diretta, ir-rikorrent indika li, fl‑opinjoni tiegħu, minn dan jirriżulta li ma huwiex ammissibbli li jiġi ppreżentat dan ir-rikors u li, fi kwalunkwe każ, dan ir-rikors ma jibqagħlux skop. Minkejja dan, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrent ma talabx lill-Qorti Ġenerali tikkonstata li r-rikors ma kienx għad għandu skop.

373    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li, għalkemm l-annullament tad‑deċiżjoni kkontestata, permezz ta’ din is-sentenza, jista’ jostakola l‑eżekuzzjoni tajba tar-regolament ikkontestat [ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is‑sentenza tal-4 ta’ Settembru 2018, Il-Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Ftehim mal‑Kazakistan), C‑244/17, EU:C:2018:662, punt 51], huwa ma għandux l-effett li jwassal, fih innifsu, għan-nullità ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, dan ir‑regolament, li l-adozzjoni tiegħu saret qabel dik tal-imsemmija deċiżjoni, għandha bħala bażi legali, mhux din id-deċiżjoni stess, iżda l-Protokoll ta’ Implimentazzjoni, u, b’mod partikolari, il-konstatazzjonijiet tal-Artikolu 3 ta’ dan tal-aħħar relatati mal-opportunitajiet tas-sajd mogħtija lill-bastimenti li jtajru bandiera tal-Istati Membri, li huwa intiż li jimplimenta (ara l‑punti 71 u 72 iktar ’il fuq). Konsegwentement, it-talbiet tar-rikorrent għall-annullament ta’ dan ir‑regolament jibqgħalhom skop u hemm lok li tingħata deċiżjoni dwarhom.

374    Mingħajr ma jippreżenta formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il‑Kunsill iqajjem żewġ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà kontra dan ir‑rikors, ibbażati, wieħed, fuq in-nuqqas ta’ kapaċità tar-rikorrent ta’ locus standi in judicio u, l‑ieħor, fuq in-nuqqas ta’ locus standi kontra l‑att ikkontestat.

375    Għandha tiġi eżaminata t-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kunsill.

376    Il-Kunsill jikkonkludi li r-rikorrent ma ġiex affettwat b’mod dirett u individwali mir-regolament ikkontestat. Minn naħa waħda, huwa jsostni li r-regolament ma jipproduċix effetti ġuridiċi ħlief fir-rigward ta’ Stati Membru u mhux fir-rigward ta’ persuni oħra. Fi kwalunkwe każ, ir‑rikorrent ma kien jeżerċita ebda attività fis‑settur ekonomiku kkonċernat u ma kienx jiddependi minnu. L-effetti ta’ dan ir‑regolament fuq is-sitwazzjoni tiegħu kienu biss indiretti u politiċi. Min-naħa l‑oħra, huwa jiddikjara li dan l-att jirrikjedi l-adozzjoni ta’ miżuri intermedjarji min-naħa tal-Istati Membri u li dawn tal-aħħar għandhom l-għażla li ma jużawx l‑opportunitajiet tas-sajd kollha mogħtija lilhom. Barra minn hekk, il-Kunsill isostni li r-regolament ikkontestat ma jaffettwax lir‑rikorrent minħabba sitwazzjoni fattwali li tikkaratterizzah jew minħabba kwalitajiet li huma partikolari għalih, b’mod partikolari, minħabba l-parteċipazzjoni tiegħu fin‑negozjati dwar l-istatus tas-Saħara tal-Punent, li ma għandhom x’jaqsmu xejn ma’ din il-kawża.

377    Min-naħa tiegħu, ir-rikorrent isostni li huwa affettwat b’mod dirett u individwali mir-regolament ikkontestat. Fir-rigward, minn naħa waħda, tal-inċidenza diretta tiegħu, huwa jsostni li, peress li dan ir-regolament għandu l-għan li jalloka, lill‑Istati Membri, opportunitajiet ta’ sajd li jikkonċernaw direttament l‑isfruttament tar-riżorsi tas-sajd tal-poplu tas‑Saħara tal-Punent, huwa jaffettwa lil dan il-poplu u għalhekk jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tiegħu, bħala uniku rappreżentant ta’ dan il-poplu. Barra minn hekk, l‑implimentazzjoni tal‑imsemmi regolament hija ta’ natura purament awtomatika. Fir‑rigward, minn naħa waħda, tal-inċidenza individwali tiegħu, huwa jiddikjara li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa biss dan il-poplu li jista’ jagħti l-kunsens tiegħu għal ftehim internazzjonali applikabbli għat‑territorju tiegħu u għar-riżorsi naturali tiegħu. Fl-opinjoni tiegħu, din il‑possibbiltà tinkludi d-dritt tal-poplu inkwistjoni li jopponi għall-allokazzjoni, mingħajr il-kunsens tiegħu, tal‑opportunitajiet tal-isfruttament tar-riżorsi tas-sajd tiegħu. Fid-dawl tar-rwol tiegħu fl-espressjoni ta’ dan il-kunsens, huwa għandu kwalitajiet li huma partikolari għalih u li jikkaratterizzawh meta mqabbla ma’ persuna oħra, b’tali mod li r-regolament ikkontestat jaffettwah b’mod individwali.

378    Ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni jaqblu, essenzjalment, mal-argument tal-Kunsill. Il-Kummissjoni tindika, madankollu, li, fl-opinjoni tagħha, ir-regolament ikkontestat, fid-dawl tal-effetti limitati tiegħu, lanqas ma jipproduċi effetti indiretti jew politiċi fuq is-sitwazzjoni tar-rikorrent. Min-naħa tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jenfasizza li r-rikorrent ma huwiex imċaħħad mid-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li huwa jista’, jekk ikun il‑każ, jeżerċita fir-rigward ta’ atti ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament.

379    Preliminarjament, qabelxejn, għandu jiġi enfasizzat li l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikors ta’ persuna fiżika jew ġuridika kontra r‑regolament ikkontestat għandhom jiġu stabbiliti skont in-natura speċifika ta’ dan l-att, u mhux skont in-natura tad-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T‑344/19.

380    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, b’differenza minn deċiżjoni li tirrigwarda l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, bħad-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T‑344/19, ir-regolament ikkontestat, li ġie adottat sabiex jimplimenta l‑ftehim ikkontestat fl-Unjoni, ma huwiex element kostituttiv tal-espressjoni ta’ qbil ta’ intenzjonijiet ta’ suġġetti tad-dritt internazzjonali, iżda att ta’ portata ġenerali adottat fil-qafas tal‑kompetenzi interni tal-Unjoni, obbligatorju fl‑elementi kollha tiegħu u direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha, skont id‑definizzjoni tat-terminu “regolament” imsemmi fit-tieni paragrafu tal‑Artikolu 288 TFUE.

381    Fil-fatt, inkwantu jipproċedi bl-allokazzjoni għal kull Stat Membru tal‑opportunitajiet ta’ sajd previsti mill-Artikolu 3 tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni, ir-regolament ikkontestat japplika għal sitwazzjonijiet iddeterminati b’mod oġġettiv u jipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is‑sentenza tal-10 ta’ Marzu 2020, IFSUA vs Il-Kunsill, T‑251/18, EU:T:2020:89, punt 35).

382    Ir-regolament ikkontestat huwa bbażat fuq l-Artikolu 43(3) TFUE, li la jirreferi għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja, u lanqas għall-proċedura leġiżlattiva speċjali u, qabelxejn, jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżuri mill‑Kunsill mingħajr ma jsemmi l-parteċipazzjoni tal-Parlament. Tali regolament għalhekk ma jistax jikkostitwixxi att leġiżlattiv (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2017, Is-Slovakkja u L-Ungerija vs Il-Kunsill, C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punti 58 sa 62). Konsegwentement, tali att ta’ portata ġenerali, li ma huwiex att leġiżlattiv, jikkostitwixxi att regolatorju, li jimplika li għandu jiġi vverifikat biss, skont it-tielet frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li huwa jirrigwarda direttament lir-rikorrent u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il-Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il-Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punti 22 u 28, u tal-10 ta’ Marzu 2020, IFSUA vs Il‑Kunsill, T‑251/18, EU:T:2020:89, punti 32 sa 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

383    F’dan ir-rigward, kif tfakkar fil-punt 179 iktar ’il fuq, il-kundizzjoni tal-inċidenza diretta tiegħu għandha tiġi eżaminata skont żewġ kriterji, jiġifieri, minn naħa waħda, il-miżura tal‑Unjoni kkontestata għandha toħloq direttament effetti fuq is‑sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrent u, min-naħa l-oħra, ma għandha tħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha li huma inkarigati mill‑implimentazzjoni tagħha, peress li din hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra.

384    F’dak li jirrigwarda l-ewwel wieħed minn dawn il-kriterji, għandu jiġi rrilevat li r‑regolament ikkontestat huwa intiż biss sabiex jalloka bejn l‑Istati Membri l‑opportunitajiet ta’ sajd stabbiliti permezz tal-Artikolu 3 tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni.

385    B’hekk, ir-regolament ikkontestat ma jistax jipproduċi, minnu nnifsu, effetti fuq kif jiġu stabbiliti dawn l-opportunitajiet tas-sajd, u wisq inqas kif tiġi stabbilita ż‑żona tas-sajd koperta bil-Ftehim dwar is-Sajd kollu kemm hu jew iż-żoni ta’ ġestjoni stabbiliti fl-imsemmija żona tas-sajd skont kategoriji differenti ta’ sajd applikabbli.

386    Barra minn hekk, tali att, adottat fil-qafas tal-eżerċizzju tal-kompetenzi interni tal‑Unjoni, jirrigwarda biss ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha u mhux ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Renju tal‑Marokk jew ir-relazzjonijiet tiegħu mal-poplu tas-Saħara tal-Punent. Fil-fatt, minkejja li d-determinazzjoni tal‑opportunitajiet tas-sajd ta’ bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stati Membri fiż‑żona tas-sajd stabbilita mill-Ftehim dwar is-Sajd timplika skambju ta’ drittijiet u ta’ obbligi reċiproċi bejn il-partijiet f’dan il-ftehim, l-allokazzjoni ta’ dawn il‑possibbiltajiet bejn l-Istati Membri tikkostitwixxi kwistjoni purament interna għall-Unjoni, li ma taqax fil-kompetenza tal-Istat terz imsemmi iktar ’il fuq u lanqas ma tista’ taffettwa, minnha nnifisha, l-imsemmi poplu.

387    Ċertament, kif jiddikjara r-rikorrent, l-opportunitajiet tas-sajd allokati bejn l-Istati Membri mir-regolament ikkontestat jistgħu jikkonċernaw l‑isfruttament tar-riżorsi tas-sajd tal-ibħra li jmissu mas-Saħara tal‑Punent, tal-inqas dawk li huma relatati mal-kategoriji 3 sa 6 tas-sajd imsemmija fid-dokumenti tekniċi tas-sajd korrispondenti.

388    Madankollu, dan l-isfruttament tar-riżorsi tas-sajd tas-Saħara tal-Punent ma jirriżultax, fih innifsu, mill-allokazzjoni ta’ dawn l-opportunitajiet tas-sajd bejn l‑Istati Membri magħmula mir-regolament ikkontestat, iżda mid-determinazzjoni taż-żona tas-sajd u l-limiti taż-żoni ta’ ġestjoni li jinsabu fiha, magħmula mill‑ftehim ikkontestat, liema determinazzjoni tinkludi l-ibħra li jmissu ma’ dan it‑territorju.

389    Konsegwentement, anki jekk ir-rikorrent isostni, korrettament, minn naħa waħda, li l-isfruttament tar-riżorsi tas-sajd tas-Saħara tal-Punent jaffettwa lill-poplu ta’ dan it-territorju u, min-naħa l-oħra, li dan l‑isfruttament jaffettwa lilu stess, bħala rappreżentant leġittimu ta’ dan il‑poplu, minn dan ma jistax jiġi dedott, għaldaqstant, li r-regolament ikkontestat jipproduċi direttament effetti fuq is‑sitwazzjoni ġuridika tiegħu minħabba f’hekk. L-ewwel kriterju tal-inċidenza diretta għalhekk ma huwiex issodisfatt f’dan il-każ.

390    Barra minn hekk, fir-rigward tat-tieni kriterju, huwa veru, kuntrarjament għal dak li jiddikjara l-Kunsill, li r-regolament ikkontestat, fih innifsu, ma jitlob l-adozzjoni tal-ebda miżura intermedja, peress li l-allokazzjoni bejn l-Istati Membri tal‑opportunitajiet ta’ sajd hija purament awtomatika, peress li tirriżulta direttament mill-Artikolu 1(1) ta’ dan ir‑regolament.

391    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, minħabba miżuri oħra neċessarji għall‑implimentazzjoni tal-ftehim ikkontestat, inkluż tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu, l-effett tar-regolament ikkontestat fuq l‑isfruttament tar‑riżorsi tas-sajd koperti mill-imsemmi ftehim, jista’ jkun biss, fi kwalunkwe każ, indirett ħafna.

392    Fil-fatt, kif jispjega l-Kunsill, id-dritt għal bastiment li jtajjar bandiera ta’ Stat Membru kkonċernat li juża r-riżorsi tas-sajd koperti bil-ftehim ikkontestat huwa suġġett, barra minn hekk, għal proċedura ta’ awtorizzazzjoni, irregolata mill‑Artikoli 10 u 11 tar-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (ĠU 2017, L 347, p. 81), liema proċedura teħtieġ l-adozzjoni ta’ miżuri mill-Istati Membri, mill-Kummissjoni u mir-Renju tal-Marokk. Barra minn hekk, kif jindika wkoll il‑Kunsill, mill-Artikolu 12 tal-istess regolament jirriżulta li l-Istati Membri għandhom il-fakultà li ma jużawx l‑opportunitajiet tas-sajd kollha li jkunu ġew allokati lilhom.

393    Fi kwalunkwe każ, kif ġie konkluż fil-punt 259 iktar ’il fuq, ir-rikorrent huwa affettwat b’mod dirett bid-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T‑344/19, inkwantu tirrigwarda l-konklużjoni tal‑ftehim ikkontestat u li dan japplika għas-Saħara tal‑Punent u għall‑ibħra li jmissu magħha, indipendentement mill-miżuri adottati mill‑Unjoni għall-implimentazzjoni tiegħu. B’hekk, miżura ta’ implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim, bħar-regolament ikkontestat, ma għandha l-ebda rwol fl‑applikazzjoni tal-imsemmi ftehim għall-ibħra li jmissu mat-territorju inkwistjoni u għalhekk mar-riżorsi tas-sajd tiegħu, li tirriżulta awtomatikament u mingħajr l-adozzjoni ta’ regoli intermedjarji ta’ dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim.

394    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrent ma huwiex affettwat b’mod dirett mir-regolament ikkontestat. Konsegwentement, dan ir-rikors huwa inammissibbli u għandu jiġi miċħud bħala tali.

 Fuq l-ispejjeż

395    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l‑ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

396    Peress li l-Kunsill tilef fil-Kawża T‑344/19, hemm lok li jiġi kkundannat għall‑ispejjeż f’din il-kawża, skont it-talbiet tar-rikorrent.

397    Peress li r-rikorrent tilef fil-Kawża T‑356/19, hemm lok li jiġi kkundannat għall‑ispejjeż f’din il-kawża, skont it-talbiet tal-Kunsill.

398    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Renju ta’ Spanja, ir‑Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

399    Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li l-intervenjenti li ma hijiex waħda minn dawk imsemmija fil‑paragrafi 1 u 2 għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

400    F’dan il-każ, hemm lok li jiġi deċiż li l-KSMM għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom fil-Kawża T‑344/19.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (id-Disa’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/441 tal-4 ta’ Marzu 2019 dwar ilkonklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn lUnjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk, talProtokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu u tal-iskambju ta’ ittri li jakkumpanja lFtehim hija annullata.

2)      L-effetti tad-Deċiżjoni 2019/441 huma miżmuma għal perijodu li ma jistax jeċċedi t-terminu msemmi fl-ewwel paragrafu talArtikolu 56 talIstatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew, jekk ikun ġie ppreżentat appell f’dan it-terminu, sal-għoti tas-sentenza tal-Qorti talĠustizzja li tiddeċiedi dwar dan l-appell.

3)      Ir-rikors fil-Kawża T356/19 huwa miċħud.

4)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat li jbati, minbarra lispejjeż tiegħu, l-ispejjeż sostnuti mill-Front populaire pour la libération de la Saguia elHamra et du Rio de oro (Front Polisario) filKawża T344/19.

5)      Il-Front Polisario huwa kkundannat li jbati, minbarra lispejjeż tiegħu, l-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill fil-Kawża T356/19.

6)      Ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

7)      Il-Kamra tas-Sajd Marittimu tal-Mediterran, il-Kamra tasSajd Marittimu tal-Atlantiku tat-Tramuntana, il-Kamra tas-Sajd Marittimu tal-Atlantiku Ċentrali u l-Kamra tas-Sajd Marittimu tal-Atlantiku tanNofsinhar għandhom ibatu lispejjeż tagħhom fil-Kawża T344/19.

Costeira

Gratsias

Kancheva

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-29 ta’ Settembru 2021.

Firem

Werrej



*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.