Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte di Appello di Firenze (l-Italja) fid-19 ta’ Marzu 2024 – L.T. s.s. vs Istituto nazionale della previdenza sociale (INPS)

(Kawża C-212/24, L.T.)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Corte di Appello di Firenze

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: L.T. s.s.

Konvenut: Istituto nazionale della previdenza sociale (INPS)

Domandi preliminari

Il-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv nazzjonali, bħal dik li tinsab fl-Artikolu 40 taċ-CCNL [ftehim kollettiv nazzjonali tax-xogħol] tas-6 ta’ Lulju 2006 dwar il-ħaddiema agrikoli u fjurikulturisti, kif interpretata mill-Corte di Cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni, l-Italja) b’mod vinkolanti għall-qorti tar-rinviju, li fir-rigward tal-ħaddiem agrikolu għal żmien determinat tirrikonoxxi d-dritt għall-ħlas ta’ sigħat tax-xogħol effettivament maħduma matul il-ġurnata, kuntrarjament għall-Artikolu 30 preċedenti taċ-CCNL li jirrikonoxxi d-dritt għal remunerazzjoni għal ħaddiema agrikoli b’mod indeterminat abbażi ta’ jum tax-xogħol ta’ 6.30 sigħat?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti, il-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li d-determinazzjoni tal-ammont tal-kontribuzzjoni obbligatorja tas-sigurtà soċjali dovuta favur ħaddiema agrikoli għal żmien determinat fi ħdan skema professjonali tas-sigurtà soċjali taqa’ wkoll taħt id-definizzjoni ta’ kundizzjonijiet tal-impjieg, bil-konsegwenza li għandu jiġi ddeterminat abbażi tal-istess kriterju bħal dak previst għall-ħaddiema agrikoli b’mod determinat u għaldaqstant ikkalkolat abbażi tas-sigħat tax-xogħol ta’ kuljum stabbiliti minn ftehim kollettiv, u mhux abbażi tas-sigħat effettivament maħduma?

____________